Language of document : ECLI:EU:T:2014:1073

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Diċembru 2014

Kawża T‑512/13 P

AN

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal – Nuqqas li tingħata deċiżjoni – Żnaturament tal-fatti”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013, AN vs Il-Kummissjoni (F-111/10, ĠabraSP, EU:F:2013:114), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), AN vs Il-Kummissjoni (F-111/10, ĠabraSP, EU:F:2013:114), hija annullata sa fejn ma ngħatatx deċiżjoni dwar il-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-investigazzjoni bir-referenza CMS 07/041. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Ir-rikors ippreżentat minn AN quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑111/10 huwa miċħud. AN għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea marbuta kemm mal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll ma’ din l-istanza. Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta kemm mal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll ma’ din l-istanza.

Sommarju

Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Libertà ta’ espressjoni – Żvelar ta’ fatti li jistgħu jagħtu lok għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali jew ta’ nuqqas serju ta’ twettiq ta’ obbligu – Protezzjoni tal-uffiċjal li jkun ikkomunika tali fatti – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a(3))

L-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal li, skont l-Artikolu 22(a)(1), ikun ikkomunika informazzjoni dwar fatti li jistgħu jagħtu lok għall-preżunzjoni ta’ kwalunkwe attività illegali jew aġir li jista’ jiżvela nuqqas serju ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ uffiċjali tal-Unjoni ma għandu jġarrab ebda dannu min-naħa tal-istituzzjoni, sakemm dan ikun aġixxa b’bona fide. F’dan ir-rigward, irregolaritajiet li jkunu seħħew fi proċedura amministrattiva jistgħu jikkostitwixxu dannu, fis-sens tal-imsemmi artikolu, anki jekk l-imsemmija proċedura ma tkun tat lok għal ebda azzjoni u, konsegwentement, għal ebda att li jikkawża preġudizzju. Fil-fatt, indipendentement mill-eżitu tal-proċedura amministrattiva, ma jistax jiġi awtomatikament eskluż li ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ tali investigazzjoni, b’mod partikolari, l-aġir eċċessiv, indebitu jew vessatorju li jkun ġarrab l-uffiċjal li kontra tiegħu tkun inbdiet il-proċedura, jistgħu fihom infushom jikkawżaw dannu għall-uffiċjal ikkonċernat. Għaldaqstant, l-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex biss intiż li jipproteġi l-informatur mill-ftuħ ta’ investigazzjoni inġustifikata, iżda wkoll li jipproteġih minn kull dannu, materjali jew morali mġarrab matul investigazzjoni, anki jekk il-ftuħ ta’ tali investigazzjoni huwa ġustifikat. Il-fatt li proċedura amministrattiva ma toriġinax minn talba għal assistenza ta’ uffiċjal ma tistax tikkonfuta din il-konstatazzjoni.

Madankollu, mhux kull irregolarità li ssir matul investigazzjoni amministrattiva neċessarjament tista’ tikkostitwixxi dannu fis-sens tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, tali evalwazzjoni, li teħtieġ fatti ta’ ċerta gravità, tiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża.

(ara l-punti 30, 33, 34 u 64)