Language of document : ECLI:EU:T:2015:1004

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

17 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Bini ta’ bastimenti – Dispożizzjonijiet fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet stabbiliti għall-finanzjament u x-xiri ta’ bastimenti – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna parzjalment l-irkupru tagħha – Rikors għal annullament – Interess individwali – Ammissibbiltà – Vantaġġ – Natura selettiva – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑515/13 u T‑719/13,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn N. Díaz Abad, sussegwentement minn M. Sampol Pucurull, abogados del Estado,

rikorrent fil-Kawża T‑515/13,

Lico Leasing, SA, stabbilita fi Madrid (Spanja),

Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA, stabbilita f’Madrid,

irrappreżentati minn M. Merola u M. A. Sánchez, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑719/13,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, M. Afonso, M. É. Gippini Fournier u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE, tas-17 

ta’ Lulju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja [–] Reġim tat-taxxa [Skema fiskali] applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema [skema] Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude (Relatur), President tal-Awla, I. Wiszniewska‑Białecka u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tad-9 u tal-10 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-proċedura amministrattiva

1        Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet, minn Mejju 2006, diversi lmenti kontra l-hekk imsejħa “Sistema [skema] Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni” (iktar ’il quddiem l-“SSTL”). B’mod partikolari, żewġ federazzjonijiet nazzjonali tat-tarzni u tarzna individwali lmentaw li din l-iskema kienet tippermetti lill-kumpanniji tat-tbaħħir marittimu jixtru bastimenti mibnija f’tarzni Spanjoli billi jibbenefikaw minn tnaqqis fil-prezz ta’ bejn 20 % u 30 % (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis”), u dan ikkawża telf ta’ kuntratti ta’ bini ta’ bastimenti għall-membri tagħhom. Fit-13 ta’ Lulju 2010, l-assoċjazzjonijiet tal-bini ta’ bastimenti ta’ seba’ pajjiżi Ewropej iffirmaw petizzjoni kontra l-SSTL. Mill-inqas kumpannija tat-tbaħħir waħda sostniet dawn l-ilmenti.

2        Wara diversi talbiet għall-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli u wara żewġ laqgħat bejniethom, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE permezz tad-Deċiżjoni C (2011) 4494 finali, tad-29 ta’ Ġunju 2011 (ĠU C 276, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

II –  Id-deċiżjoni kkontestata

3        Fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja [–] Reġim tat-taxxa [Skema fiskali] applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema [skema] Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li ċerti miżuri fiskali tal-SSTL kienu “jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat” fi-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mogħtija illegalment mir-Renju ta’ Spanja sa mill-1 ta’ Jannar 2002 bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-miżuri ġew meqjusa parzjalment inkompatibbli mas-suq intern (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata). L-irkupru ġie ordnat, taħt ċerti kundizzjonijiet, biss fir-rigward tal-investituri li bbenefikaw mill-vantaġġi inkwistjoni, mingħajr ma dawn ma jkunu jistgħu jittrasferixxu l-oneru tal-irkupru fuq persuni oħra (Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

A –  Id-deskrizzjoni tal-SSTL

4        Fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-SSTL kienet tintuża fi tranżazzjonijiet li jinvolvu l-kostruzzjoni ta’ bastimenti mit-tarzni (il-bejjiegħa) u x-xiri tagħhom minn kumpanniji tat-tbaħħir marittimu (ix-xerrejja), u fil-finanzjament ta’ dawn it-tranżazzjonijiet permezz ta’ struttura legali u finanzjarja ad hoc.

5        Il-Kummissjoni speċifikat li l-“SSTL [kienet i]bbażat fuq: | — | struttura legali u finanzjarja ad hoc organizzata minn bank u interposta [u li taġixxi bħala intermedjarju] bejn il-kumpannija tat-tbaħħir u t-tarzna, [...] netwerk kumpless ta’ kuntratti bejn il-partijiet differenti [u] l-applikazzjoni ta’ diversi miżuri tat-taxxa [fiskali] Spanjoli” (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Il-Kummissjoni osservat ukoll li “[i]x-xerrejja [kienu] kumpanniji tat-tbaħħir mill-Ewropa kollha u lil hinn” u li “[b]’eċċezzjoni waħda biss (kuntratt ta’ EUR 6 148 969), fit-tranżazzjonijiet kollha kienu involuti tarzni Spanjoli” (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

1.     L-istruttura legali u finanzjarja tal-SSTL

7        Mill-premessi 9 u 10 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li għalihom essenzjalment tagħmel riferiment il-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-SSTL tinvolvi, għal kull ordni ta’ bini ta’ bastiment, diversi atturi, jiġifieri kumpannija tat-tbaħħir, tarzna, bank, kumpannija tal-lokazzjoni (leasing), Raggruppament ta’ Interess Ekonomiku (RIE) kompost minn bank u investituri li jixtru azzjonijiet f’dan ir-RIE.

8        Fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni spjegat dan li ġej:

“L-istruttura tal-[SSTL] hija skema ta’ ppjanar tat-taxxa, ġeneralment organizzata minn bank biex tiġġenera benefiċċji tat-taxxa [vantaġġi fiskali] għal investituri fi [RIE] trasparenti fir-rigward tat-taxxa u tittrasferixxi parti minn dawn il-benefiċċji tat-taxxa lill-kumpanija tat-tbaħħir fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-prezz tal-bastiment. L-investituri tal-[RIE] jżommu l-benefiċċji li jibqa’ bħala remunerazzjoni għall-investiment tagħhom. Flimkien mal-[RIE], operazzjoni [SSTL] tinvolvi wkoll intermedjarji oħra, bħal bank u kumpanija tal-lokazzjoni (ara d-dijagramma hawn taħt).”

Image not found

9        Fil-kuntest tal-SSTL, l-atturi msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq jiffirmaw diversi kuntratti li ser jiġu spjegati iktar ’il quddiem. Il-partijiet ikkonċernati jiffirmaw ukoll ftehim-qafas li jispjega fid-dettall l-organizzazzjoni kollha u l-funzjonament kollu tal-SSTL [punt 9(h) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ].

a)     Il-kuntratt inizjali ta’ bini ta’ bastiment

10      Il-kumpannija tat-tbaħħir li tixtieq tixtri bastiment filwaqt li tapprofitta ruħha mit-tnaqqis tiftiehem ma tarzna dwar il-bastiment li għandu jinbena u dwar il-prezz tax-xiri li jkun jinkludi t-tnaqqis (iktar ’il quddiem il-“prezz nett”). Il-kuntratt inizjali ta’ bini ta’ bastiment jipprevedi l-ħlas tal-prezz nett lit-tarzna permezz ta’ ħlasijiet regolari. It-tarzna titlob lill-bank jorganizza l-istruttura u l-arranġamenti tal-SSTL [punt 9(a) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ].

b)     Il-kuntratt novat ta’ bini ta’ bastiment

11      Il-bank juża s-servizzi ta’ kumpannija tal-lokazzjoni li tieħu post, permezz ta’ kuntratt ta’ novazzjoni, il-kumpannija tat-tbaħħir u tikkonkludi kuntratt ġdid għax-xiri tal-bastiment mat-tarzna għal prezz li ma jkunx jinkludi t-tnaqqis (iktar ’il quddiem il-“prezz gross”. Novazzjoni tippermetti li obbligu jiġi ssostitwit b’ieħor jew li parti kontraenti tiġi ssostitwita b’oħra. Dan il-kuntratt il-ġdid jipprevedi l-ħlas lit-tarzna ta’ ħlas regolari addizzjonali meta mqabbel mal-ħlasijiet previsti fil-kuntratt inizjali ta’ bini ta’ bastiment, li jikkorrispondi għat-tnaqqis (differenza bejn il-prezz gross u l-prezz nett) [punt 9(ċ) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ].

c)     Stabbiliment ta’ RIE mill-bank u sejħa għal investituri

12      Mill-punt 9(b) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jirriżulta li l-bank “jistabbilixxi [RIE] u jbiegħ azzjonijiet lil investituri” li “[n]ormalment, dawn l-investituri huma persuni taxxabbli kbar Spanjoli li jinvestu fir-RIE sabiex jiksbu tnaqqis tal-valur taxxabbli tagħhom”, u li “[ġ]eneralment, dawn ma jeżerċitawx attività marittima” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni tispeċifika, fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[m]inħabba li l-membri tagħhom iqisu li r-[RIE] li jipparteċipaw f’operazzjonijiet [SSTL] jikkostitwixxu veikolu ta’ investiment– aktar minn mod kif titwettaq attività konġunta — [l-imsemmija] Deċiżjoni tirreferi għalihom bħala investituri”.

d)     Kuntratt ta’ lokazzjoni

13      Il-kumpannija ta’ lokazzjoni msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq tikri bl-opzjoni ta’ xiri l-bastiment lir-RIE għal tlieta jew erba’ snin abbażi tal-prezz gross. Ir-RIE minn qabel jimpenja ruħu li jeżerċità l-opzjoni ta’ xiri tal-bastiment fi tmiem dan it-terminu. Il-kuntratt jipprevedi l-ħlas ta’ kera għolja ħafna lill-kumpannija ta’ lokazzjoni, u dan jiġġenera telf kunsiderevoli fuq il-livell tar-RIE. Min-naħa l-oħra, il-prezz tal-eżerċizzju tal-opzjoni ta’ xiri huwa mnaqqas ħafna [punt 9(d) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ]. B’mod partikolari, ir-RIE jikri l-bastiment fil-kuntest tal-kuntratt ta’ lokazzjoni sa minn meta jibda jinbena (punt 10 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ).

e)     Kuntratt tal-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ b’opzjoni ta’ xiri

14      Mill-punt 9(e) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jirriżulta li r-RIE, min-naħa tiegħu, jikri l-bastiment “għal perijodu qasir” lill-kumpannija tat-tbaħħir fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ. Lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ tikkostitwixxi ftehim għall-kiri ta’ bastiment li la jinkludi l-ekwipaġġ u lanqas il-provvisti, li huma responsabbiltà tal-kerrej. Il-kumpannija tat-tbaħħir timpenja ruħha minn qabel li tixtri l-bastiment mingħand ir-RIE fi tmiem it-terminu previst, abbażi tal-prezz nett. B’kuntrast mal-kuntratt ta’ lokazzjoni deskritt fil-punt 13 iktar ’il fuq, l-ammont tal-kera prevista fil-kuntest tal-kuntratt tal-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ huwa mnaqqas. Min-naħa l-oħra, il-prezz għall-eżerċizzju tal-opzjoni ta’ xiri huwa għoli. B’mod partikolari, il-kuntratt tal-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ jiġi eżegwit ladarba l-bini tal-bastiment jitlesta. Id-data prevista għall-eżerċizzju tal-opzjoni ta’ xiri hija ffissata għal “ftit ġimgħat” wara d-data ta’ meta r-RIE jixtri l-bastiment mingħand il-kumpannija ta’ lokazzjoni, msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq (premessa 10 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ).

15      Għalhekk, mill-istruttura legali u finanzjarja tal-SSTL, kif deskritta fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u fid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li fil-kuntest tal-bejgħ ta’ bastiment minn tarzna lil kumpannija tat-tbaħħir, il-bank jinvolvi żewġ intermedjarji, jiġifieri l-kumpannija tal-lokazzjoni u RIE. Dan tal-aħħar jimpenja ruħu li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni, jixtri l-bastiment bil-prezz gross, li jiġi ttrasferit fuq it-tarzna mill-kumpannija ta’ lokazzjoni. Min-naħa l-oħra, meta jbiegħ il-bastiment lill-kumpannija tat-tbaħħir, fil-kuntest tal-kuntratt tal-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ bl-opzjoni ta’ xiri, huwa jirċievi biss il-prezz nett, li jirrifletti t-tnaqqis inizjalment mogħti lill-kumpannija tat-tbaħħir.

2.     L-istruttura fiskali tal-SSTL

16      Skont il-Kummissjoni, “[l]għan [tal-SSTL ...] huwa, l-ewwel nett, li tiġġenera l-benefiċċji ta’ ċerti miżuri tat-taxxa għall-benefiċċju tal-[RIE] u l-investituri parteċipanti fih, li mbagħad jittrasferixxu parti minn dawn il-benefiċċji lill-kumpannija tat-tbaħħir li tixtri bastiment ġdid” (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Mill-premessi 15 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 12 sa 19 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li għalihom tagħmel riferiment il-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-“ġbir tal-vantaġġi tat-taxxa [mir-RIE] iseħħ f’żewġ fażijiet” (premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fil-fatt, “[f]l-ewwel fażi, jiġi applikat deprezzament antiċipat [Miżura 2, eżaminata fil-punt 25 iktar ’il quddiem] u aċċellerat [Miżura 1, eżaminata fil-punt 24 iktar ’il quddiem] tal-bastiment lokat skont l-iskema ‘normali’ tat-taxxa korporattiva [fuq il-kumpanniji]. Dan jiġġenera telf kbir [għar-RIE; b]is-saħħa [tal-prinċipju] tat-trasparenza fit-taxxa [tar-RIE] [miżura 3, eżaminata fil-punt 27 iktar ’il quddiem], dan it-telf mit-taxxa jista’ jitnaqqas mid-dħul tal-investituri stess fi proporzjon mal-parteċipazzjonijiet [sehem] tagħhom [fir-RIE]” (premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni speċifikat li, “[n]ormalment, l-iffrankar mit-taxxa li jsir minn dan id-deprezzament antiċipat u aċċellerat tal-valur tal-bastiment għandu jitpaċċa aktar tard permezz ta’ żieda fil-pagamenti tat-taxxa, jew meta l-bastiment jiġi deprezzat għal kollox u ma jkunux jistgħu jitnaqqsu aktar kostijiet tad-deprezzament jew meta l-bastiment jinbiegħ u jsir qligħ kapitali mill-bejgħ”. Madankollu, tali tpaċija ma sseħħx fil-kuntest tal-SSTL.

20      Fil-fatt, “[f]it-tieni fażi, l-iffrankar mit-taxxa li jirriżulta mit-trasferiment tat-telf inizjali lill-investituri jiġi ppreservat billi [r-RIE] jaqleb għas-sistema tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ [li tippermetti] l-eżenzjoni sħiħa tal-qligħ kapitali li jirriżulta mill-bejgħ tal-bastiment [...] lill-kumpanija tat-tbaħħir [miżuri 4 u 5, eżaminati fil-punti 27 sa 29 iktar ’il quddiem]”. Dan il-bejgħ iseħħ ladarba l-bastiment jiġi deprezzat mir-RIE u ftit żmien wara t-trasferiment lejn l-iskema speċjali tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ (premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Skont il-Kummissjoni, “l-effett flimkien tal-miżuri tat-taxxa użati fl-[SSTL] jippermetti [lir-RIE] u lill-investituri tiegħu jiksbu benefiċċju mit-taxxa ta’ madwar 30 % tal-prezz gross inizjali tal-bastiment[; parti minn dan il-benefiċċju tat-taxxa – li oriġinarjament jiksbu [r-RIE]/l-investituri tiegħu–jiħduh l-investituri (10 %-15 %), u parti minnu (85 %-90 %) tiġi ttrasferita lill-kumpanija tat-tbaħħir, li eventwalment issir is-sid tal-bastiment, bi tnaqqis ta’ 20 % sa 30 % tal-prezz gross inizjali tal-bastiment” (premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “l-operazzjonijiet [SSTL] jikkombinaw miżuri fiskali individwali differenti –iżda interrelatati–, biex jiġġeneraw benefiċċju tat-taxxa”. Dawn il-miżuri huma previsti f’diversi dispożizzjonijiet tar-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal-11 ta’ Marzu 2004, p. 10951) (iktar ’il quddiem it-“TRLIS” u tar-Real Decreto 1777/2004, por el que se aprueba el Reglamento del Impuesto sobre Sociedades (Digriet Irjali 1777/2004, li japprova r-regolament dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BOE Nru 189, tas-6 ta’ Awwissu 2004, p. 37072, iktar ’il quddiem ir-“RIS”).

23      Dawn huma l-ħames miżuri li ġejjin, deskritti fil-premessi 21 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata.

a)     Miżura 1: Deprezzament aċċellerat tal-assi lokati (l-Artikolu 115(6) tat-TRLIS)

24      L-Artikolu 115(6) tat-TRLIS jippermetti d-deprezzament aċċellerat tal-assi lokati, billi jagħmel l-ammonti mħallsa abbażi ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni deduċibbli fir-rigward ta’ dawn l-assi (premessi 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)     Miżura 2: Applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat ta’ assi lokati (Artikolu 48(4) u Artikolu 115(11) tat-TRLIS u Artikolu 49 tar-RIS)

25      Skont l-Artikolu 115(6) tat-TRLIS, id-deprezzament aċċellerat tal-assi lokati jibda fid-data meta l-assi jsir operattiv, jiġifieri, mhux qabel ma l-assi jiġi kkonsenjat u jibda jintuża mil-lokatarju. Madankollu, skont l-Artikolu 115(11) tat-TRLIS, il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi jista’, fuq talba formali tal-lokatarju, jistabbilixxi data iktar bikrija għall-bidu tad-deprezzament. L-Artikolu 115(11) tat-TRLIS jimponi żewġ kundizzjonijiet ġenerali għal dan id-deprezzament antiċipat. Ir-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għar-RIE jinsabu fl-Artikolu 48(4) tat-TRLIS. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 115(11) tat-TRLIS hija spjegata fid-dettall fl-Artikolu 49 tar-RIS (premessi 24 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)     Miżura 3: ir-RIE

26      Fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat li “[r-RIE] Spanjoli għandhom personalità legali [ġuridika] differenti minn dik tal-membri tagħhom” u li “[m]inħabba f’hekk, [ir-RIE] jistgħu jippreżentaw talba kemm għad-deprezzament antiċipat kif ukoll għall-iskema alternattiva ta’ tassazzjoni skont it-tunnellaġġ previsti fl-Artikoli 124 sa 128 tat-TRLIS [...] jekk jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibilità meħtieġa skont il-Liġi Spanjola, anke jekk l-ebda wieħed mill-membri tagħhom ma jkun kumpanija tat-tbaħħir”. Fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata il-Kummissjoni tispeċifika li “[m]adankollu, mill-aspett tat-taxxa, [ir-RIE] huma trasparenti fir-rigward tal-azzjonisti tagħhom residenti fi Spanja” u li “[f]i kliem ieħor, għal skopijiet ta’ taxxa, il-profitti (jew it-telf) miksuba [mir-RIE] huma direttament attribwiti lill-membri tagħhom residenti fi Spanja fuq prorata”. Il-kummissjoni tkompli tgħid, fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li “t-trasparenza tat-taxxa [tar-RIE] tfisser li t-telf konsiderevoli [tar-RIE] minħabba deprezzament antiċipat u aċċellerat jista’ jiġi mgħoddi direttament lill-investituri, li jistgħu jpaċu dan it-telf bil-profitti tagħhom stess u jnaqqsu t-taxxa dovuta”.

d)     Miżura 4: Skema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ (Artikoli 124 sa 128 tat-TRLIS)

27      Il-Kummissjoni fakkret, fil-premessi 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ, prevista fl-Artikoli 124 sa 128 tat-TRLIS, kienet ġiet awtorizzata fl-2002 inkwantu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont il-linji gwida komunitarji dwar l-għajnuna għat-trasport marittimu, tal-5 ta’ Lulju 1997 (ĠU C 205, p. 5), emendati fis-17 ta’ Jannar 2004 (ĠU C 13, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida marittimi”) [Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 582 finali, tas-27 ta’ Frar 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat N 736/2001 mogħtija minn Spanja – Skema għall-intaxxar tal-kumpanniji tat-trasport marittimu skont it-tunnellaġġ (ĠU 2004, C 38, p. 4)].

28      Mill-premessi 30, 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, abbażi tal-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ, l-impriżi rreġistrati f’wieħed mir-reġistri tal-kumpanniji tat-tbaħħir marittimu u li kisbu awtorizzazzjoni mid-dipartiment tat-taxxa għal dan il-għan ma humiex intaxxati skont il-qliegħ u t-telf magħmul minnhom, iżda skont it-tunnellaġġ. Dan jimplika li d-dħul provenjenti mill-bejgħ ta’ bastiment preċedentement mixtri ġdid minn impriża li diġà tibbenefika mill-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ ma jiġix intaxxat. Madankollu, hemm eċċezzjoni għal din ir-regola. Fil-fatt, abbażi ta’ proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 125(2) tat-TRLIS, il-qliegħ kapitali miksub mill-bejgħ jew ta’ bastiment diġà mixtri fil-mument tal-mogħdija għall-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ jew inkella ta’ bastiment “second-hand” mixtri meta l-impriża kienet diġà tibbenefika mill-iskema speċjali, jiġi ntaxxat fil-mument tal-bejgħ. Għalhekk, “bl-applikazzjoni normali tas-sistema Spanjola tat-TT [taxxa skont it-tunnellaġġ], approvata mill-Kummissjoni, il-qligħ kapitali potenzjali jiġi intaxxat mad-dħul fis-sistema tat-TT u jiġi preżunt li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali, għalkemm ittradjata [ittardjata], issir meta l-bastiment jinbiegħ jew jiġi skreppjat” (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

e)     Miżura 5: L-Artikolu 50(3) tar-RIS

29      Fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tosserva li, “bħala eċċezzjoni mir-regola stabbilita fl-Artikolu 125(2) tat-TRLIS [ara l-punt 28 iktar ’il fuq], l-Artikolu 50(3) tar-RIS, jistabbilixxi li meta l-bastimenti jinxtraw permezz ta’ opzjoni ta’ xiri bħala parti minn kuntratt ta’ lokazzjoni approvat qabel mill-awtoritajiet tat-taxxa, dawn jitqiesu bħala bastimenti ġodda u mhux użati” fis-sens tal-Artikolu 125(2) tat-TRLIS, irrispettivament mill-fatt jekk dawn ġewx deprezzati. Fuq din il-bażi, l-eventwali qliegħ kapitali fil-kuntest ta’ dan il-bejgħ ma huwiex intaxxat skont il-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 125(2) tat-TRLIS.

30      Fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, “din l-eċċezzjoni tapplika biss [ġiet applikata biss] għall-kuntratti ta’ lokazzjoni speċifiċi approvati mill-awtoritajiet tat-taxxa fil-kuntest tal-applikazzjonijiet tad-deprezzament antiċipat skont l-Artikolu 115(11) tat-TRLIS [Miżura 2, ara l-punt 25 iktar ’il fuq] jiġifieri, fir-rigward tal-bastimenti [...] mibnija ġodda u lokati, akkwistati [mixtrija] permezz ta’ operazzjonijiet [SSTL] u, b’eċċezzjoni waħda, minn tarzni Spanjoli” (premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Għalhekk, skont il-Kummissjoni, “[F]il-każ tat-tranżazzjonijiet [SSTL] awtorizzati, [...] [l-RIE] jistgħu [...] jgħaddu għas-sistema tat-TT [taxxa skont it-tunnellaġġ] mingħajr ma jsaldaw [jillikwidaw] l-obbligazzjoni ta’ taxxa moħbija [impliċita] li tirriżulta mid-deprezzament antiċipat u aċċellerat, la meta jgħaddu għas-sistema tat-TT u lanqas, sussegwentement, meta jinbiegħ jew jiġi skreppjat il-bastiment” (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Għalhekk, mill-istruttura fiskali tal-SSTL, kif deskritta fil-premessi 15 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Miżuri 1 u 2 kienu l-ewwel jippermettu d-deprezzament aċċellerat u antiċipat tal-bastiment sa mill-bidu tal-bini tiegħu, b’tali mod li jiġi ġġenerat telf fil-livell tar-RIE (Miżura 3), telf li mill-perspettiva fiskali jiġi imputat fuq l-investituri, fatt li jippermettilhom inaqqsu l-valuri taxxabbli tagħhom fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom. Il-Miżuri 4 u 5 jevitaw li l-qliegħ kapitali magħmul fil-kuntest tal-bejgħ tal-bastiment mir-RIE lill-kumpannija tat-tbaħħir jiġi suġġett għall-ħlas tat-taxxa, b’tali mod li l-investituri jkunu jistgħu jżommu l-benefiċċju tat-telf fiskali. Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 15 iktar ’il fuq, dan il-bejgħ isir abbażi tal-prezz nett (li jinkludi t-tnaqqis mogħti lill-kumpannija tat-tbaħħir), u mhux abbażi tal-prezz gross (li jiġi ttrasferit fuq it-tarzna).

B –  Evalwazzjoni tal-Kummissjoni

1.     Eżami tal-SSTL inkwantu skema/eżami tad-diversi miżuri

33      Fil-premessi 113 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata (punt 5.2) il-Kummissjoni ddefinixxiet il-portata tal-evalwazzjoni tagħha tal-SSTL.

34      Skont il-Kummissjoni, “[i]l-fatt li l-[SSTL] hija magħmulaa minn diversi miżuri li mhumiex miġbura kollha fil-leġiżlazzjoni tat-taxxa Spanjola mhuwiex biżżejjed biex jiġi evitat li [hija] tiddeskriviha bħala sistema [skema] u li tqisha bħala tali [; f]il-fatt, [... hija] tqis li l-miżuri tat-taxxa differenti użati fit-tranżazzjonijiet tal-[SSTL] huma interrelatati de jure jew de facto” (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dawn ir-raġunijiet, “[hija] tqis li huwa meħtieġ li l-[SSTL] tiġi deskrita bħala sistema ta’ miżuri tat-taxxa relatati u li tivvaluta l-impatti tagħha fil-kuntest reċiproku tagħha, filwaqt li tqis, b’mod partikolari, ir-relazzjonijiet de facto introdotti jew approvati mill-Istat” (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Il-Kummissjoni speċifikat li, “[f]i kwalunkwe każ, [hija] ma [kinitx ibbażat ruħha] biss fuq approċċ kumplessiv” u li, “[f]limkien ma’ approċċ kumplessiv, [hija kienet] analizzat ukoll il-miżuri differenti li [kienu] jiffurmaw l-[SSTL]”. Il-Kummissjoni qieset li “ż-żewġ approċċi [kienu] kumplimentari u [kienu] jwasslu għal konklużjonijiet konsistenti”. Hija indikat li “[l]-evalwazzjoni individwali [kienet] meħtieġa, b’mod partikolari biex tiddetermina liema parti mill-vantaġġi ekonomiċi ġġenerati mill-[SSTL kienet i]r-riżultat ta’ miżuri ġenerali jew ta’ miżuri selettivi” u li “l-valutazzjoni individwali [kienet] tippermetti[lha] tiddetermina wkoll, jekk ikun meħtieġ, liema parti mill-għajnuna [kienet] kompatibbli mas-suq intern u liema parti [kellha] tiġi rkuprata” (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Il-Kummissjoni osservat ukoll li “[l]-operaturi ekonomiċi [kienu] ħielsa li jistrutturaw l-operazzjonijiet tagħhom ta’ finanzjament ta’ assi skont ir-rieda tagħhom u li jużaw għal dan l-iskop, il-miżuri tat-taxxa ġenerali li [kienu] jqisu l-aktar xierqa”. Madankollu, skont il-Kummissjoni “billi dawn l-operazzjonijiet [kienu] jinvolvu l-applikazzjoni ta’ miżuri tat-taxxa selettivi, li huma soġġetti għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, l-intrapriżi involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet [kienu] benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat [; m]inn naħa waħda, il-fatt li diversi setturi jew kategoriji ta’ kumpaniji huma identifikati bħala benefiċjarji potenzjali ma [kienx jikkostitwixxi] indikazzjoni li l-[SSTL] [kienet] miżura ġenerali [; m]in-naħa l-oħra, il-fatt li l-[SSTL] tintuża biex tiffinanzja l-akkwist, il-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ u l-bejgħ mill-ġdid ta’ bastimenti tat-tbaħħir [seta’] jitqies bħala indikazzjoni ċara li l-miżura [kienet] selettiva mill-aspett settorjali” (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     L-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

a)     Impriżi fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE

37      Fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat li l-partijiet kollha għall-SSTL kienu impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-attivitajiet tagħhom kienu li jipprovdu assi u servizzi f’suq. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari r-RIE, dawn kienu “jillokaw u jbiegħu bastimenti”. Fir-rigward tal-investituri, dawn kienu “joffru assi u servizzi f’varjetà wiesgħa ta’ swieq, sakemm dawn [kienu] individwi li ma jeżerċitaw l-ebda attività ekonomika, f’liema każ, [ma kinux] inklużi [fl-imsemmija] Deċiżjoni”.

b)     L-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

38      Fil-premessi 127 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata (punt 5.3.2) il-Kummissjoni eżaminat jekk jeżistix jew le vantaġġ selettiv.

39      Fir-rigward tal-Miżura 1 (deprezzament aċċellerat), il-Kummissjoni qieset li, waħedha, din ma kinitx tagħti “vantaġġ selettiv [lir-RIE] f’operazzjonijiet [SSTL]” (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, il-vantaġġ mogħti minn din il-miżura huwa applikabbli, mingħajr restrizzjonijiet, għall-assi kollha, anki dawk mibnija fi Stati Membri oħra, u għall-impriżi kollha suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fi Spanja. Il-Kummissjoni osservat li ma kien hemm xejn li juri li l-benefiċjarji tal-miżura kienu, de facto, ikkonċentrati f’ċerti setturi jew produzzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżura huma ċari, oġġettivi u newtrali u l-applikazzjoni tagħhom mid-dipartiment tat-taxxa ma teħtieġx awtorizzazzjoni minn qabel (premessi 128 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Fir-rigward tal-Miżura 2 (applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat), il-Kummissjoni osservat li din il-possibbiltà kienet tagħti vantaġġ ekonomiku (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata) u li kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali suġġetta għall-awtorizzazzjoni diskrezzjonali tal-awtoritajiet Spanjoli. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 115(11) tat-TRLIS huma vagi u jeħtieġu interpretazzjoni mill-awtorità tat-taxxa. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja ma għamilx argumenti konvinċenti biex jispjega għaliex il-kundizzjonijiet kollha imposti fl-Artikolu 48(4) tat-TRLIS u fl-Artikolu 49 tar-RIS kienu neċessarji biex jiġu evitati abbużi. Ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma wera għaliex kienet neċessarja awtorizzazzjoni minn qabel (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk ma ġiet prodotta l-ebda prova li turi li l-awtorizzazzjonijiet ingħataw f’ċirkustanzi oħra għajr “fil-każ ta’ akkwisti [xiri] ta’ bastimenti li kienu għaddew mis-sistema regolari tat-taxxa korporattiva [fuq il-kumpanniji] għas-sistema tat-TT [taxxa skont it-tunnellaġġ] u t-trasferiment sussegwenti tas-sjieda [tal-proprjetà] tal-bastiment lill-kumpanija tat-tbaħħir permezz tal-eżerċizzju ta’ opzjoni fil-kuntest tal-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ” (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni osservat li t-talbiet kollha ppreżentati sabiex jinkiseb il-benefiċċju ta’ din il-miżura kienu jiddeskrivu fid-dettall l-organizzazzjoni tal-SSTL u kollha kienu jinkludu l-kuntatti rilevanti (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 49 tar-RIS, jagħtu setgħa diskrezzjonali kunsiderevoli lill-awtorità tat-taxxa. B’mod partikolari, l-awtorità hija awtorizzata titlob informazzjoni addizzjonali li tista’ titqies rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat kienet “tagħti vantaġġ selettiv [lir-RIE] li jipparteċipaw f’operazzjonijiet [SSTL] u lill-investituri tagħhom” (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Fir-rigward tal-Miżura 3 (RIE), il-Kummissjoni qieset li “t-trasparenza tat-taxxa [tar-RIE] skont l-Artikoli 48 u 49 tat-TRLIS [kienet] sempliċiment tippermetti lil operaturi differenti jingħaqdu biex jiffinanzjaw investiment jew iwettqu kwalunkwe attività ekonomika” u li “[m]inħabba dan, din il-miżura ma [kinitx tagħti] vantaġġ selettiv [lir-RIE] jew lill-membri tagħhom” (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Fir-rigward tal-Miżura 4 (skema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ), il-Kummissjoni osservat li din kienet tippermetti “l-posponiment [...] tas-saldu [tal-likwidazzjoni] tal-obbligazzjonijiet moħbija [impliċiti]”, u dan kien jagħti “vantaġġ ekonomiku selettiv addizzjonali lill-kumpaniji li jgħaddu għas-sistema tat-TT [taxxa skont it-tunnellaġġ] fil-konfront ta’ dawk li jibqgħu fis-sistema tat-taxxa ġenerali” (premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata). L-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ, kif kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), ma kinitx tkopri t-trattament fiskali tad-dħul magħmul mil-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ u mill-bejgħ mill-ġdid ta’ bastimenti, iżda biss id-dħul magħmul minn attivitajiet ta’ trasport marittimu. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ fuq id-dħul magħmul mil-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ tikkostitwixxi għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti li ġiet approvata minn qabel mill-Kummissjoni (premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħmel riferiment għall-punt 5.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Fir-rigward tal-Miżura 5 (Artikolu 50(3) tar-RIS), il-Kummissjoni osservat li “[l]-benefiċċju ekonomiku mogħti [minn din id-dispożizzjoni kien] ta’ natura selettiva, [għaliex ma kienx] disponibbli għall-assi kollha[; lanqas ma kien] disponibbli għall-bastimenti kollha soġġetti għas-sistema tat-TT [taxxa skont it-tunnellaġġ] u għall-Artikolu 125(2) tat-TRLIS [; f]il-fatt, dan il-benefiċċju [seta’] jinkiseb biss bil-kundizzjoni li l-bastiment [jinxtara] permezz ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni finanzjarju awtorizzat minn qabel mill-awtorità tat-taxxa [skont l-Artikolu 115(11) tat-TRLIS (Miżura 2)]”. Issa, “dawn l-awtorizzazzjonijiet [kienu] ngħataw fil-kuntest tas-setgħat [diskrezzjonali] konsiderevoli eżerċiti mill-awtorità tat-taxxa u biss fir-rigward tal-bastimenti ta’ tbaħħir li għadhom kif inbnew” (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni “l-għoti ta’ dan il-vantaġġ selettiv addizzjonali kemm fir-rigward tas-sistema tat-taxxa ġenerali jew anke fir-rigward tal-applikazzjoni normali tas-sistema tat-TT [taxxa skont it-tunnellaġġ] alternattiva u l-Artikolu 125(2) tat-TRLIS [li hija awtorizzat] ma jistgħux jiġu ġustifikati min-natura u mis-sistema ġenerali tas-sistema tat-taxxa Spanjola” (premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-Miżura 5 kienet tagħti “vantaġġ selettiv lill-kumpanniji li [kienu] jakkwistaw [jixtru] bastimenti permezz ta’ kuntratti tal-lokazzjoni finanzjarja awtorizzati minn qabel mill-awtorità tat-taxxa u, b’mod partikolari, [lir-RIE] jew l-investituri tagħhom li [kienu] jipparteċipaw fl-operazzjonijiet [SSTL]” (premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Fir-rigward tal-SSTL fl-assjem tagħha u tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji, il-Kummissjoni l-ewwel nett stabbilixxiet, fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-ammont tal-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-[SSTL] fis-sħuħija tagħha [kien] jikkorrispondi għall-vantaġġ li [r-RIE] ma [kinitx tikseb] fl-istess operazzjoni finanzjarja jekk jiġu applikati biss miżuri ġenerali.” Il-Kummissjoni speċifikat li “[f]il-prattika, dan il-vantaġġ [kien] jikkorrispondi għas-somma tal-vantaġġi miksuba [mir-RIE] meta japplikaw il-miżuri- selettivi msemmija hawn fuq, jiġifieri: l-interessi mfaddla fuq l-ammonti tal-ħlasijiet tat-taxxa posposti bis-saħħa tad-deprezzament antiċipat (l-Artikolu 115(11), u l-Artikolu 48(4) tat-TRLIS, u l-Artikolu 49 tar-RIS)[,] l-ammont tat-taxxa evitata jew tal-interessi mfaddla fuq it-taxxa posposta skont l-iskema tat-TT [taxxa skont it-tunnellaġġ] (l-Artikolu 128 tat-TRLIS), peress li [r-RIE] ma setax jikkwalifika għas-sistema tat-TT[, u,] l-ammont ta’ taxxa evitata fuq il-qligħ kapitali li jsir fil-mument tal-bejgħ tal-bastiment bis-saħħa tal-Artikolu 50(3) tar-RIS”.

45      Fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni spjegat dan li ġej:

“Meta wieħed iqis lill-[SSTL] fis-sħuħija tagħha, il-vantaġġ huwa selettiv minħabba li kien soġġett għas-setgħat diskrezzjonali mogħtija lill-awtorità tat-taxxa mill-proċedura obbligatorja ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u l-ambigwità tat-test tal-kundizzjonijiet applikabbli għad-deprezzament antiċipat. Minħabba li miżuri oħra applikabbli biss għall-attivitajiet ta’ trasport marittimu eliġibbli skont il-Linji Gwida Marittimi– b’mod partikolari, l-Artikolu 50(3) tat-TRLIS jiddependu minn din l-awtorizzazzjoni minn qabel, l-[SSTL] kollha hija selettiva. Konsegwentement, l-awtorità tat-taxxa tawtorizza biss operazzjonijiet [SSTL] maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir- (selettività settorjali). Kif ikkonfermat mill-istatistiċi ppreżentati [mir-Renju ta’] Spanja, il-273 operazzjoni kollha tal-[SSTL] organizzati sa Ġunju 2010 jikkonċernaw bastimenti tat-tbaħħir.”

46      Il-Kummissjoni kompliet tgħid, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[f]’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpaniji tat-tbaħħir kollha, inklużi dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, jista’ jkollhom aċċess għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-[SSTL] ma [kienx jibdel] il-konklużjoni li din l-iskema tiffavorixxi ċerti attivitajiet, jiġifieri, l-akkwist ta’ bastimenti tat-tbaħħir permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-lokazzjoni tagħhom mingħajr ekwipaġġ u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom”.

47      Minkejja li l-Kummissjoni kkonstatat li “l-bastimenti kollha ammessi għall-[SSTL], ħlief wieħed, [kienu ]nbnew f’tarzni Spanjoli”, hija ma qisitx li dawn tal-aħħar kienu ngħataw vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat l-assenza “ta’ kwalunkwe evidenza dwar iċ-ċaħda tat-talbiet marbuta mal-akkwist [max-xiri] ta’ bastimenti mhux Spanjoli” u l-fatt li “li permezz ta’ avviż vinkolanti bi tweġiba għal mistoqsija minn investitur prospettiv, tal-1 ta’ Diċembru 2008, l-amministrazzjoni tat-taxxa Spanjola kkonfermat espressament li l-[SSTL kienet] tapplika għall-bastimenti mibnija fi Stati Membri oħra tal-UE [unjoni Ewropea]” (premessi 159 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Il-Kummissjoni qieset li “l-vantaġġ [kien] favur [ir-RIE] u permezz tat-trasparenza, għall-investituri tagħha[; f]il-fatt, [ir-RIE kien] l-entità legali li [kienet] tapplika l-miżuri tat-taxxa kollha u, fejn xieraq, [kienet] tippreżenta t-talbiet ta’ awtorizzazzjoni għand l-awtoritajiet tat-taxxa[; issa], ma kienx hemm dubju li t-talbiet ta’ applikazzjoni tad-deprezzament antiċipat jew it-TT [taxxa skont it-tunnellaġġ kienu] jiġu ppreżentati f’isem [ir-RIE ; m]ill-aspett tat-taxxa-, [ir-RIE kien] entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa u d-dħul taxxabbli jew l-ispejjeż deduċibbli tiegħu [kienu] jiġu ttrasferiti awtomatikament lill-investituri” (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni speċifikat ukoll li “[f]’operazzjoni [SSTL], f’termini ekonomiċi, parti sostanzjali mill-vantaġġ tat-taxxa miksub mi[r-RIE kien] jiġi ttrasferit lill-kumpanija tat-tbaħħir permezz ta’ tnaqqis fuq il-prezz”. Madankollu l-Kummissjoni speċifikat li “l-aspett tar-responsabbiltà tal-Istat ta’ dan il-vantaġġ [kien] se jiġi indirizzat fit-taqsima li ġejja”.

50      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni osservat li “[f]ilwaqt li parteċipanti oħra fit-tranżazzjonijiet [SSTL], bħal tarzni, kumpaniji tal-lokazzjoni u intermedjarji oħra, [kienu] jibbenefikaw minn effett indirett ta’ dan il-benefiċċju, [hija kienet] tqis li l-vantaġġ miksub inizjalment mi[r-RIE] u l-investituri tagħhom ma [kienx jiġi] ttrasferit lilhom” (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)     Trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

51      Skont il-Kummissjoni, “[f]il-kuntest tal-operazzjonijiet [SSTL], l-Istat, inizjalment jittrasferixxi r-riżorsi tiegħu li[r-RIE] billi jiffinanzja l-vantaġġi selettivi[; mbgħad p]ermezz tat-trasparenza tat-taxxa, ir-RIE ...] jittrasferixxi r-riżorsi tal-Istat lill-investituri tiegħu” (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Fir-rigward tal-imputabbiltà, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-vantaġġi selettivi kienu “ovvjament attribwibbli lill-Istat Spanjol sal-punt li [kienu] jibbenefikaw minnhom [ir-RIE] u l-investituri tagħhom”. Madankollu, “dan [ma kienx] il-każ tal-vantaġġi li [kienu] jibbenefikaw minnhom l-kumpaniji tat-tbaħħir u, a fortiori, tal-benefiċċji indiretti li [kienu] jibbenefikaw minnhom it-tarzni u l-intermedjarji”. Fil-fatt, “ir-regoli applikabbli ma jobbligawx li[r-RIE] jittrasferixxu parti mill-vantaġġ tat-taxxa lil kumpaniji tat-tbaħħir u wisq inqas lil tarzni jew lil intermedjarji” (premessi 169 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

d)     Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ

53      Skont il-Kummissjoni, “dan il-vantaġġ jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri[; m]eta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ kumpanija f’paragun ma’ kumpaniji oħra li jikkompetu fil-kummerċ fl-Unjoni, [...] dawn tal-aħħar [għandhom jitqiesu bħala] affettwati minn din l-għajnuna[; h]uwa biżżejjed li l-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma’ kumpaniji oħra fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni u għall-kummerċ bejn l-Istati Membri” (premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat dan li ġej: “F’dan il-każ, l-investituri, jiġifieri l-membri ta[r-RIE], joperaw f’setturi differenti tal-ekonomija, b’mod partikolari, f’setturi miftuħa għall-kummerċ intra-UE. Barra minn hekk, permezz tal-operazzjonijiet li jibbenefikaw mill-[SSTL], joperaw permezz ta[r-RIE] fi swieq ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ u tal-akkwist u l-bejgħ ta’ bastimenti tal-baħar, li huma miftuħa għall-kummerċ intra-UE. Il-vantaġġi miksuba mill-[SSTL] isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq rispettivi tagħhom, u b’hekk joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-vantaġġ ekonomiku li [kienu] jirċievu [r-RIE] u l-investituri tagħhom li [kienu] jibbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni [seta’] jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern”.

3.     Kompatibbiltà mas-suq intern

55      Il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 194 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata, li la d-deċiżjoni tagħha dwar l-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), u lanqas il-linji gwida marittimi ma kienu japplikaw għall-attivitajiet tar-RIE, li kienu “intermedjarji finanzjarji” (premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Madankollu, il-Kummissjoni osservat li r-“[RIE] li jipparteċipaw f’operazzjonijiet [SSTL] u l-investituri tagħhom [kienu] jaġixxu bħala intermedjarji li [kienu] jgħaddu lil benefiċjarji oħra (kumpaniji tat-tbaħħir) benefiċċju li jsegwi għan ta’ interess komuni” (premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, għalhekk, “l-għajnuna miżmuma mi[r-RIE] jew l-investituri tagħha għandha titqies kompatibbli fl-istess porzjon” (premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Il-Kummissjoni fakkret li “l-kumpaniji tat-tbaħħir ma [kinux jibbenefikaw] minn għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE”. Madankollu hija speċifikat li “sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna kompatibbli fil-livell tal-GIE –bħala intermedjarji li jgħaddu lill-kumpaniji tat-tbaħħir vantaġġ li jsegwi għan ta’ interess komuni– [hija kienet] tqis li l-Linji Gwida Marittimi [kellhom] japplikaw, mutatis mutandis, għall-vantaġġ ittrasferit mi[r-RIE] lill-kumpanija tat-tbaħħir biex tiddetermina: (1) l-ammont tal-għajnuna rċevuta mi[r-RIE] u ttrasferit lill-kumpanija tat-tbaħħir li kienet tkun kompatibbli jekk l-ammont ittrasferit jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur l-kumpanija tat-tbaħħir; (2) il-proporzjon ta’ dak il-benefiċċju kompatibbli fil-benefiċċju sħiħ ittrasferit lill-kumpanija tat-tbaħħir; u (3) l-ammont tal-għajnuna li [kellha] titqies kompatibbli bħala remunerazzjoni ta[r-RIE] għall-intermedjazzjoni tagħhom” (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.     Irkupru

a)     Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

58      Il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 211 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata u skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 656/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jekk l-irkupru tal-għajnuna kienx imur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma kinux jipprekludu l-irkupru tal-għajnuna (premessi 213 sa 245 tad-deċiżjoni kkontestata), l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kienet teżiġi li jiġi eskluż “l-irkupru tal-għajnuna li rriżultat mill-operazzjonijiet [SSTL] li fir-rigward tagħhom [kienet] ingħatat l-għajnuna bejn id-dħul fis-seħħ tal-[SSTL] fl-2002 u t-30 ta’ April 2007”, data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/256/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-Iskema ta’ għajnuna implementata minn Franza skont l-Artikolu 39 KEFA tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa – Għajnuna mill-Istat C 46/04 (ex NN 65/04) (ĠU 2007, L 112, p. 41) (premessi 246 sa 262 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)     Determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati

59      Fil-premessi 263 sa 269 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni esponiet metodu għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-għajnuna inkompatibbli li għandhom jiġu rkuprati, ibbażat fuq erba’ stadji, jiġifieri, l-ewwel nett, il-kalkolu tal-vantaġġ fiskali totali ġġenerat mill-operazzjoni, it-tieni nett, il-kalkolu tal-vantaġġ fiskali ġġenerat permezz tal-miżuri fiskali ġenerali (Miżuri 1 u 3) applikati għall-operazzjoni (li għandu jitnaqqas), it-tielet nett, il-kalkolu tal-vantaġġ fiskali ekwivalenti għall-għajnuna mill-Istat u, ir-raba’ nett, il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna kompatibbli, skont il-prinċipji esposti fil-premessi 202 sa 210 tad-deċiżjoni kkontestata.

c)     Klawżoli kuntrattwali

60      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 270 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ ċerti klawżoli fil-kuntratti konklużi bejn l-investituri, il-kumpanniji tat-tbaħħir marittimu u t-tarzni, li abbażi tagħhom it-tarzni għandhom l-obbligu li jikkumpensaw lill-partijiet l-oħra jekk huma ma jkunux jistgħu jiksbu l-vantaġġi fiskali previsti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li l-għan prinċipali tar-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti permezz tal-għajnuna illegali u, għalhekk, li terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti tal-għajnuna. Fil-premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li, “[b]iex jinkiseb dan ir-riżultat, [kien] meħtieġ li [hija] żżomm is-setgħa li tordna l-irkupru tal-vantaġġi mingħand il-benefiċjarji reali, b’mod li tista’ tiġi ssodisfata l-funzjoni tar-restawr tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-[...] swieq fejn saret id-distorzjoni”. Issa, il-Kummissjoni enfasizzat li jkun hemm ir-riskju li dan l-għan jiġi kompromess jekk il-benefiċjarji reali tal-għajnuna jkunu jistgħu jibdlu l-effett tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru permezz ta’ klawżoli kuntrattwali. Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li “l-klawżoli kuntrattwali li jipproteġu lill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-irkupru tal-għajnuna illegali u mhux kompatibbli, permezz tat-trasferiment lil persuni oħra tar-riskji legali u ekonomiċi tal-irkupru, huma kontra l-essenza innifisha tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat” u li “[g]ħalhekk, l-individwi ma jistgħux jistabbilixxu eċċezzjonijiet għaliha permezz ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali” (premessa 275 tad-deċiżjoni kkontestata).

C –  Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

61      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

Il-miżuri li jirriżultaw mill-Artikolu 115(11) tat-TRLIS (deprezzament antiċipat ta’ assi lokati), tal-[mill-]applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa skont it-tunnellaġġ lil kumpaniji, bastimenti jew attivitajiet mhux eliġibbli, u mill-Artikolu 50(3) tar-RIS, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li[r-RIE] u l-investituri tagħhom, eżegwita illegalment [mir-Renju ta’] Spanja mill-1 ta’ Jannar 2002 bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE].

Artikolu 2

Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1 mhumiex kompatibbli mas-suq intern, ħlief sa fejn l-għajnuna tikkorrispondi għal remunerazzjoni konformi mas-suq korrispondenti għall-intermedjazzjoni ta’ investituri finanzjarji u li hija allokata għal kumpaniji tat-tbaħħir li jistgħu jikkwalifikaw skont il-Linji Gwida Marittimi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom.

Artikolu 3

[Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]temm is-sistema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 peress li din mhix kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 4

1.      [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]irkupra l-għajnuna mhux kompatibbli mogħtija taħt is-sistema msemmija fl-Artikolu 1 lill-investituri ta[r-RIE] li bbenefikaw minnha, mingħajr ma dawn il-benefiċjarji jkollhom il-possibbiltà jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil persuni oħra. Madankollu, m’għandu jkun hemm l-ebda rkupru tal-għajnuna mogħtija bħala parti minn operazzjonijiet ta’ finanzjament li għalihom, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti impenjaw ruħhom biex jagħtu l-benefiċċju tal-miżuri permezz ta’ att li jorbot legalment adottat qabel it-30 ta’ April 2007.

[...]

Artikolu 5

1.      L-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt is-sistema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.      [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]iżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 6

1.      Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, [ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]ippreżenta l-informazzjoni li ġejja:

[…]

2.      [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]żomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali adotatti sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sat-tlestija tal-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt is-sistema msemmija fl-Artikolu 1. [...]

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

62      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-25 ta’ Settembru 2013, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta rikors, irreġistrat bir-Referenza T‑515/13.

63      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2013, Lico Leasing, SA (iktar ’il quddiem “Lico”) u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA (iktar ’il quddiem “PYMAR”), ippreżentaw rikors, irreġistrat bir-Referenza T‑719/13.

64      Barra minn hekk, ġew ippreżentati wkoll rikorsi oħra minn rikorrenti oħra kontra d-deċiżjoni kkontestata.

65      Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Qorti Ġenerali saqsiet lir-Renju ta’ Spanja u lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk kienx opportun li tissospendi l-proċeduri fil-Kawża T‑515/13, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, sat-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kawżi l-oħra mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punti 63 u 64 iktar ’il fuq. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja oppona tali sospensjoni. Il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet.

66      Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) ċaħdet talba għal intervent ippreżentata mill-Kumitat tal-European Community Shipowners’ Associations fil-kuntest tal-Kawża T‑719/13 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

67      Fis-17 ta’ Frar 2015, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-Kawża T‑719/13, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija lil Lico u lil PYMAR u talbithom jipproduċu ċerti dokumenti. Lico u PYMAR wieġbu l-mistoqsija u pproduċew d-dokumenti mitluba fit-terminu mogħti.

68      Fis-26 ta’ Frar 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑515/13.

69      Fit-3 ta’ Marzu 2015, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-Kawża T‑515/13, il-Qorti Ġenerali għamlet żewġ mistoqsijiet lil partijiet li kellhom jingħataw tweġiba matul is-seduta.

70      Fit-23 ta’ April 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑719/13.

71      Fit-28 ta’ April 2015, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija bil-miktub lill-partijiet, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fl-imsemmija kawżi, mis-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il‑Kummissjoni (T‑219/10, Ġabra, EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni (T‑399/11, Ġabra, EU:T:2014:938), b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi tas-selettività stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata. Il-partijiet fiż-żewġ kawżi wieġbu l-mistoqsija fit-termini mogħtija.

72      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduti, rispettivament, tad-9 u tal-10 ta’ Ġunju 2015.

73      Waqt is-seduti fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar eventwali sospensjoni tal-kawżi, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, fl-istennija tal-għoti tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħlaq il-proċeduri fil-Kawża C‑20/15 P, Il‑Kummissjoni vs Autogrill España, u fil-Kawża C‑21/05 P, Il‑Kummissjoni vs Banco Santander u Santusa. Għalkemm il-partijiet ma opponewx tali sospensjoni, huma osservaw li ma kinitx opportuna u li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi fil-kuntest tal-kawżi preżenti abbażi tal-ġurisprudenza eżistenti, mingħajr ma tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

74      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Ottubru 2015, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fetħet mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 sabiex titlob lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-possibbiltà li ż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza li tagħlaq il-proċeduri. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

75      Permezz ta’ digriet adottat illum, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad li-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 għall-finijiet tas-sentenza li tagħlaq il-proċeduri, skont tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

76      Fil-Kawża T‑515/13, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        Tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

77      Fil-Kawża T‑515/13, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

78      Fil-Kawża T‑719/13, Lico u PYMAR jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija nulla minħabba li l-SSTL ġiet żbaljatament ikklassifikata bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat favur ir-RIE u l-investituri tagħhom, u minħabba l-eżistenza ta’ difetti ta’ motivazzjoni;

–        sussidjarjament, tikkonstata n-nullità tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-SSTL, għaliex din tmur kontra l-prinċipji ġenerali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni;

–        sussidjarjament, tikkonstata n-nullità tal-ordni ta’ rkupru f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li għandu jiġi rkuprat, sa fejn din tipprekludi lir-Renju ta’ Spanja milli jiddetermina l-formola tal-kalkolu ta’ dan l-ammont skont il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

79      Fil-Kawża T‑719/13, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Lico u lil PYMAR għall-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑719/13

80      Mir-rikors fil-Kawża T‑719/13 jirriżulta li Lico hija stabbiliment finanzjarju li investa f’ċertu numru ta’ RIE li pparteċipaw fl-SSTL. Hija ssostni li qed tippreżenta r-rikors tagħha fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata abbażi tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa tagħha PYMAR hija kumpannija li tikkoopera mat-tarzni żgħar u ta’ daqs medju sabiex tippermettilhom jilħqu l-objettivi industrijali tagħhom b’mod xieraq. Sabiex tiġġustifika l-locus standi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija tosserva li, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, l-investituri qed jirrifjutaw li jkomplu jinvestu fis-settur tal-bini ta’ bastimenti. Barra minn hekk, minkejja l-invalidità tal-klawżoli li jimponu fuq it-tarzni l-obbligu li jikkumpensaw lill-investituri fil-każ ta’ rkupru tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), dawn tal-aħħar ser jipprovaw jinvokawhom fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji fuq livell nazzjonali. Fl-aħħar nett, kemm Lico kif ukoll PYMAR kienu pparteċipaw fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fatt ieħor li jixhed ukoll favur il-locus standi tagħhom.

81      Mingħajr ma teċċepixxi uffiċjalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni esprimiet riżervi dwar il-locus standi kemm ta’ Lico kif ukoll ta’ PYMAR.

82      Fir-rigward ta’ Lico, il-prova tal-interess individwali tagħha ma ġietx prodotta. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-atti ddepożitati fil-proċess ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk din l-entità kinitx irċeviet għajnuna mill-Istat abbażi tal-SSTL li għandha tiġi rkuprata. B’mod partikolari, Lico ma pproduċietx l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-applikazzjoni tad-deprezzament antiċipat, meta dan huwa l-“att li jagħti l-ewwel vantaġġ fiskali”, li d-data tagħhom hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna għandiex tiġi rkuprata jew jekk din hijiex koperta mill-perijodu li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni ma ordnatx l-irkupru b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Matul is-seduta, il-Kummissjoni żiedet tgħid li Lico kellha, barra minn hekk, tipproduċi l-prova li hija kienet effettivament għamlet profitti suġġetti għat-taxxa matul is-snin fiskali inkwistjoni. Jekk ikun mod ieħor, il-vantaġġi fiskali li jirriżultaw mill-SSTL (telf li jista’ jnaqqas l-ammont tal-valur taxxabbli ta’ Lico fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha) ma pproduċew l-ebda effett. Matul is-seduta l-Kummissjoni madankollu speċifikat li hija ma kinitx teżiġi li Lico tipproduċi kopja tal-ordnijiet ta’ rkupru, peress li sal-lum il-proċedura ta’ rkupru mibdija mill-awtoritajiet Spanjoli għadha ma ntemmitx.

83      Fir-rigward ta’ PYMAR, il-Kummissjoni osservat li hija ma bbenefikatx mil-SSTL u li l-allegat telf ta’ swieq ma jistax jitqies li huwa l-konsegwenza diretta tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, PYMAR ma għandiex interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din hija favorevoli għaliha.

84      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors f’dak li jirrigwarda lil-Lico.

85      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

86      F’dan il-każ l-uniku destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata huwa r-Renju ta’ Spanja. Għalhekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE Lico jkollha locus standi quddiem il-Qorti Ġenerali biss jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha direttament u individwalment, sa fejn din id-deċiżjoni tkun tinkludi miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tagħha fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:852, punti 35 u 36).

87      Skont Ġurisprudenza stabbilita, il-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha huma, minħabba f’hekk, individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra, EU:C:2011:368, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      F’dan il-każ, il-fatt li Lico kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata ġie pprovat suffiċjentement mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn huma kopji tan-notifiki tad-dipartiment tat-taxxa li jħabbru t-tnedija ta’ investigazzjoni intiża għad-determinazzjoni tal-“ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat b’applikazzjoni tad-deċiżjoni [kkontestata]” u, kif rikjest mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, kopji tal-awtorizzazzjonijiet li jagħtu l-benefiċċju tad-deprezzament antiċipat lir-RIE li tagħhom Lico kienet xtrat azzjonijiet. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li, skont il-prinċipju ta’ trasparenza fiskali, huma l-membri ta’ dawn ir-RIE – u, għaldaqstant, Lico – li bbenefikaw mill-vantaġġ ekonomiku awtorizzat mid-dipartiment tat-taxxa. Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-awtorizzazzjonijiet kollha ngħataw wara t-30 ta’ April 2007, li hija d-data li minnha ġie ordnat l-irkupru fid-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni. Għalhekk, dawn l-elementi juru li Lico hija benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi tal-SSTL u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha. Għalhekk ma huwiex neċessarju li Lico tipproduċi wkoll il-prova li hija kienet effettivament għamlet profitti suġġetti għat-taxxa matul is-snin fiskali inkwistjoni. Fil-fatt, kif ammettiet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat tikkostitwixxi l-“att li jagħti l-ewwel vantaġġ fiskali”.

89      Fir-rigward tal-interess dirett ta’ Lico, sa fejn l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lir-Renju ta’ Spanja jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna inkompatibbli li minnha bbenefikat Lico, sa fejn din tal-aħħar għandha titqies bħala direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta 4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, Ġabra, EU:T:2009:50, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Peress li ġie stabbilit li Lico kienet direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata u peress li ma hemmx dubju dwar l-interess ġuridiku tagħha kontra din id-deċiżjoni, ir-rikors fil-Kawża T‑719/13 għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk anki PYMAR tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà imposti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra, EU:C:1993:111, punti 30 u 31, u tas-26 ta’ Ottubru 1999, Burrill u Noriega Guerra vs Il‑Kummissjoni, T‑51/98, ĠabraSP, EU:T:1999:271, punti 19 sa 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

II –  Fuq il-mertu

A –  Fuq il-portata tal-ewwel talba ta’ Lico u ta’ PYMAR fil-Kawża T‑719/13

91      Għandu jiġi osservat li, permezz tal-ewwel talba tagħhom, sostnuta mill-ewwel motiv tagħhom, Lico u PYMAR jitolbu lill-Qorti Ġenerali “tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija nulla minħabba li l-SSTL ġiet żbaljatament ikklassifikata bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat favur ir-RIE u l-investituri tagħhom, u minħabba l-eżistenza ta’ difetti ta’ motivazzjoni”.

92      Issa, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma jagħmilx riferiment għall-SSTL bħala tali, u lanqas ma jikklassifikaha bħala “skema ta’ għajnuna mill-Istat”. Fil-fatt, dan l-artikolu huwa redatt kif ġej: “Il-miżuri li jirriżultaw mill-Artikolu 115(11) tat-TRLIS (deprezzament antiċipat ta’ assi lokati), tal-[mill-]applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa skont it-tunnellaġġ lil kumpaniji, bastimenti jew attivitajiet mhux eliġibbli, u mill-Artikolu 50(3) tar-RIS, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li[r-RIE] u l-investituri tagħhom, eżegwita illegalment [mir-Renju ta’] Spanja mill-1 ta’ Jannar 2002 bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE].” L-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprevedi l-ordni ta’ rkupru, isemmi “l-għajnuna mhux kompatibbli mogħtija taħt is-sistema msemmija fl-Artikolu 1”.

93      Matul is-seduta, Lico u PYMAR speċifikaw li, permezz tal-ewwel talba tagħhom, huma kienu qed jitolbu l-annullament tal-Artikolu 1 kollu kemm huwa u li t-tliet miżuri ċċitati f’din id-dispożizzjoni kienu ssemmew fir-rikors. Matul is-seduta l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, sostniet li l-ewwel motiv tar-rikors ma kienx jagħmel riferiment għal dawn it-tliet miżuri.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att huwa indiviżibbli mill-motivazzjoni tiegħu, u għandu jiġi interpretat, jekk hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il‑Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra, EU:C:1997:241, punt 21, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra, EU:C:2004:240, punt 97).

95      F’dan il-każ, kif imfakkar fil-punti 33 sa 35 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li huwa meħtieġ li l-SSTL tiġi deskritta, fil-premessi 116 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “sistema” ta’ miżuri fiskali relatati ma xulxin u li tevalwa l-effetti tagħha fil-kuntest reċiproku tagħhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-relazzjonijiet de facto introdotti jew approvati mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq approċċ ġenerali. Hija analizzat ukoll b’mod individwali l-ħames miżuri li kienu jikkostitwixxu l-SSTL, sabiex “tiddetermina liema parti mill-vantaġġi ekonomiċi ġġenerati mill-[SSTL] hija r-riżultat ta’ miżuri ġenerali jew ta’ miżuri selettivi” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Skont il-Kummissjoni, “[i]ż-żewġ approċċi huma kumplimentari u jwasslu għal konklużjonijiet konsistenti” (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

96      Wara l-eżami individwali tal-miżuri li jikkostitwixxu l-SSTL, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-ammont tal-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-[SSTL] fis-sħuħija tagħha” kien jikkorrispondi “[f]il-prattika” għas-“somma tal-vantaġġi miksuba [mir-RIE] meta japplikaw [it-tliet] miżuri- selettivi msemmija hawn fuq”, jiġifieri d-deprezzament antiċipat (Miżura 2) u l-applikazzjoni għall-attivitajiet ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ tar-RIE tal-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ (Miżura 4), kif speċifikat fl-Artikolu 50(3) tar-RIS (Miżura 5).

97      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni essenzjalment iddeċidiet li l-SSTL kienet “sistema” komposta minn ħames miżuri fiskali, li tlieta minnhom kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 107(1) TFUE. Din il-preżentazzjoni saret ukoll minn Lico u PYMAR fir-rikors tagħhom, meta huma fakkru l-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

98      Għalhekk, meta Lico u PYMAR jitolbu lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel talba tagħhom sostnuta mill-ewwel motiv tagħhom, tannulla d-deċiżjoni kkontestata “minħabba li l-SSTL ġiet żbaljatament ikklassifikata bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat”, huma neċessarjament qed jirreferu wkoll għall-komponenti ta’ din tal-aħħar, imsemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

B –  Fuq il-motivi mressqa fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13

99      Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑515/13, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka, essenzjalment, erba’ motivi.

100    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

101    It-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi tqajmu sussidjarjament u jirrigwardaw il-każ fejn il-Qorti Ġenerali jkollha tiddeċiedi li kienet teżisti għajnuna mill-Istat illegali. Dawn jallegaw il-ksur ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Kummissjoni ordnat parzjalment l-irkupru tal-għajnuna allegatament mogħtija. Dawn il-motivi huma bbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

102    Insostenn tar-rikors tagħhom fil-Kawża T‑719/13, Lico u PYMAR iqajmu tliet motivi.

103    L-ewwel motiv, imressaq insostenn tal-ewwel talba tagħhom, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE.

104    It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament insostenn tat-tieni talba tagħhom, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, fir-rigward tal-obbligu ta’ rkupru.

105    It-tielet motiv, li wkoll tqajjem sussidjarjament insostenn tat-tielet talba tagħhom, jikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna ddefinit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), li allegatament ma josservax il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna. B’mod partikolari, Lico u PYMAR isostnu li dan il-metodu ta’ kalkolu, kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, jista’ jiġi interpretat bħala li jeżiġi li l-investituri jirrimborsaw ammont li jikkorrispondi għall-vantaġġ fiskali kollu li huma rċevew minħabba t-tnaqqis tat-taxxa, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn għaddew il-parti l-kbira ta’ dawn il-vantaġġi lill-kumpanniji tat-tbaħħir marittimu (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

106    Għandhom l-ewwel nett jiġu eżaminati flimkien l-ewwel motivi mqajma mir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR fiż-żewġ kawżi, dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

1.     Fuq l-ewwel motiv, dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

107    Ir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn ir-rekwiżiti dwar is-selettività, ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ ma humiex sodisfatti. Għalkemm huma ma jinvokawx formalment ksur tal-Artikolu 296 TFUE f’dan ir-rigward, fir-rikors tagħhom Lico u PYMAR jikkritikaw ir-raġunament illoġiku u kontradittorju f’dak li jirrigwarda l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tispjegax kif il-miżura jista’ jkollha effett fuq is-swieq indikati u tillimita ruħha li tqis li dan l-effett huwa kweżit mingħajr ma tipprova dan. Mingħajr ma jsemmi l-Artikolu 296 TFUE, fir-replika tiegħu r-Renju ta’ Spanja josserva wkoll li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija, minn naħa, defiċjenti f’dak li jirrigwarda l-prova tal-għoti ta’ vantaġġ lill-investituri tar-RIE u, min-naħa l-oħra, ma hijiex koerenti fir-rigward tal-kriterju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

108    Addizzjonalment, ir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR josservaw li r-rekwiżiti dwar is-selettività, ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ kellhom jiġu stabbiliti biss fir-rigward tal-vantaġġi miksuba mill-investituri. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li dawn tal-aħħar huma l-uniċi entitajiet ikkonċernati mill-ordni ta’ rkupru imposta fl-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Kummissjoni identifikat bħala għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE biss l-allegat vantaġġ mogħti lil dawn l-investituri. Lico u PYMAR ikomplu jelaboraw li l-vantaġġ selettiv identifikat mill-Kummissjoni essenzjalment jikkonsisti f’vantaġġ fiskali. Issa, skont il-prinċipju ta’ trasparenza fiskali, ir-RIE, bħala tali, ma jiksbu l-ebda vantaġġ, saħansitra lanqas vantaġġ fiskali, għaliex dan jiġi ttrasferit kompletament lill-membri tagħhom. Bi-tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), ir-Renju ta’ Spanja fakkar li fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni la kkontestat l-istatus ta’ RIE u lanqas il-prinċipju ta’ trasparenza fiskali.

109    Fil-kuntest tal-Kawża T‑515/13, ir-Renju ta’ Spanja jżid ċerti argumenti speċifiċi.

110    L-ewwel nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessi 116 sa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, l-SSTL ma hijiex “sistema” li teżisti bħala tali fil-leġiżlazzjoni applikabbli. Fil-fatt, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-imsemmija SSTL hija biss assjem ta’ atti ġuridiċi mwettqa min persuni taxxabbli. Dawn tal-aħħar jillimitaw ruħhom, fil-kuntest ta’ strateġija ta’ ottimizzazzjoni fiskali, li jibbenefikaw minn numru ta’ miżuri fiskali individwali użati b’mod konġunt. Għalhekk, l-SSTL, bħala tali, ma jistax jiġi imputat lill-Istat.

111    It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja osserva li d-deprezzament antiċipat ma jimplikax tnaqqis tat-taxxa u għalhekk ma jagħtix vantaġġ fiskali.

112    It-tielet nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ, kif kienet ġiet awtorizzata (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), ma kinitx tkopri l-attivitajiet tar-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL.

113    Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 50(3) tar-RIS ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għall-imsemmija skema, kif kienet ġiet awtorizzata.

114    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel teżamina l-argumenti li huma l-istess fiż-żewġ kawżi, imsemmija fil-punti 107 u 108 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-analiżi tal-Kummissjoni dwar is-selettività, ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hekk kif jissuġġerixxu r-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR, għandhom jiġu identifikati minn qabel il-benefiċjarji tal-vantaġġi ekonomiċi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni.

a)     L-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-vantaġġi ekonomiċi

115    Il-Kummissjoni speċifikat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li tlieta mill-ħames miżuri fiskali li, skontha, jikkostitwixxu l-SSTL huma għajnuna mill-Istat “li[r-RIE] u l-investituri tagħhom”. Dawn huma d-deprezzament antiċipat (Miżura 2) u l-applikazzjoni tal-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ (Miżura 4), kif ippreċiżat bl-Artikolu 50(3) tar-RIS (Miżura 5). Madankollu, l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li r-Renju ta’ Spanja għandu jirkupra l-għajnuna mhux kompatibbli mogħtija taħt is-sistema msemmija fl-Artikolu 1 “lill-investituri ta[r-RIE] li bbenefikaw minnha, mingħajr ma dawn il-benefiċjarji jkollhom il-possibbiltà jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil persuni oħra”.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-RIE bbenefikaw mit-tliet miżuri fiskali msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu huma l-membri tar-RIE li bbenefikaw mill-vantaġġi ekonomiċi li rriżultaw minn dawn it-tliet miżuri. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), f’dan il-każ il-Kummissjoni ma kkontestatx il-prinċipju ta’ trasparenza fiskali applikabbli għar-RIE. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, il-vantaġġi fiskali mogħtija lir-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL setgħu jkunu ta’ benefiċċju biss għall-membri tagħhom, li l-Kummissjoni kklassifikat bħala sempliċi “investituri” (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dawn tal-aħħar huma l-uniċi entitajiet ikkonċernati mill-ordni ta’ rkupru imposta fl-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

117    Fl-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku favur ir-RIE, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddeċidiet, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn kienu bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

118    Sa fejn huma l-investituri u mhux ir-RIE li bbenefikaw mill-vantaġġi fiskali u ekonomiċi li jirriżultaw mill-SSTL, għandu jiġi eżaminat, abbażi tal-argumenti tal-partijiet, jekk il-vantaġġi li l-investituri rċevew humiex ta’ natura selettiva, jekk dawn jirriskjawx li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni, jekk jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tal-analiżi ta’ dawn il-kriterji.

b)     Fuq ir-rekwiżit dwar is-selettività

119    Kif ġie msemmi fil-punt 97 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni essenzjalment iddeċidiet li l-SSTL kienet “sistema” komposta minn ħames miżuri fiskali, li tlieta minnhom kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha imposti fl-Artikolu 107(1) TFUE, inkluż dak dwar is-selettività.

120    Kif ġie mfakkar fil-punti 39 sa 46 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni analizzat in-natura selettiva ta’ kull waħda mill-miżuri fiskali li, skontha, jikkostitwixxu l-SSTL, individwalment, fil-premessi 128 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex wara analizzat, globalment, is-selettività tal-SSTL bħala “sistema”, fil-premessi 155 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tispeċifika, fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-analiżi individwali tal-miżuri li jissostitwixxu l-SSTL u l-eżami globali tagħhom inkwantu “sistema” huma “kumplimentari u jwasslu għal konklużjonijiet konsistenti” (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).

121    Fir-rigward tal-analiżi individwali mill-Kummissjoni, il-Miżura 2 (deprezzament antiċipat) ġiet ikklassifikata bħala “selettiva” għaliex l-għoti ta’ dan il-vantaġġ jiddependi fuq awtorizzazzjoni mogħtija mid-dipartiment tat-taxxa abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wassal sabiex id-dipartiment tat-taxxa jagħti dawn l-awtorizzazzjonijiet biss fil-każijiet ta’ xiri ta’ bastimenti tat-tbaħħir fil-kuntest tal-SSTL u mhux f’ċirkustanzi oħra (premessi 132 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Miżura 4 (applikazzjoni tal-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ għar-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL) u l-Miżura 5 (Artikolu 50(3) tar-RIS) huma selettivi għaliex dawn kienu ffavorixxew ċerti attivitajiet, jiġifieri l-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ (premessi 141 sa 144 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll ix-xiri ta’ bastimenti permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni awtorizzati minn qabel mill-awtorità tat-taxxa u l-bejgħ mill-ġdid ta’ dawn il-bastimenti (premessi 145 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Fir-rigward tal-analiżi globali mill-Kummissjoni, għandu jsir riferiment, minn naħa, għall-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija fformulata kif ġej: “Meta wieħed iqis lill-[SSTL] fis-sħuħija tagħha, il-vantaġġ huwa selettiv minħabba li kien soġġett għas-setgħat diskrezzjonali mogħtija lill-awtorità tat-taxxa mill-proċedura obbligatorja ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u l-ambigwità tat-test tal-kundizzjonijiet applikabbli għad-deprezzament antiċipat. Minħabba li miżuri oħra applikabbli biss għall-attivitajiet ta’ trasport marittimu eliġibbli skont il-Linji Gwida Marittimi– – b’mod partikolari, l-Artikolu 50(3) tat-TRLIS jiddependu minn din l-awtorizzazzjoni minn qabel, l-[SSTL] kollha hija selettiva. Konsegwentement, l-awtorità tat-taxxa tawtorizza biss operazzjonijiet [SSTL] maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir- (selettività settorjali). Kif ikkonfermat mill-istatistiċi ppreżentati [mir-Renju ta’] Spanja, il-273 operazzjoni kollha tal-[SSTL] organizzati sa Ġunju 2010 jikkonċernaw bastimenti tat-tbaħħir”. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-vantaġġ li jirriżulta mill-SSTL fl-assjem tagħha seta’ jitqies li huwa selettiv abbażi tas-setgħa diskrezzjonali identifikata fil-kuntest tal-analiżi individwali tas-selettività tal-Miżura 2.

123    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li “din l-iskema [kienet] tiffavorixxi ċerti attivitajiet, jiġifieri, l-akkwist ta’ bastimenti tat-tbaħħir permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-lokazzjoni tagħhom mingħajr ekwipaġġ u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom”. Dawn l-attivitajiet jikkorrispondu għal dawk li, skont id-deċiżjoni kkontestata, huma eżerċitati mir-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL u jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-Miżuri 2, 4 u 5. Skont l-analiżi individwali msemmija fil-punt 121 iktar ’il fuq, kull waħda minn dawn il-miżuri kienet tagħti, de jure u de facto, vantaġġ selettiv lill-impriżi li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet (premessi 132 sa 139 u 141 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Għalhekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżuri li jikkostitwixxu l-SSTL, ikkunsidrati individwalment u globalment bħala “sistema”, huma selettivi għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-SSTL bħala “sistema” hija selettiva minħabba li d-dipartiment tat-taxxa, abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali, kien jawtorizza l-benefiċċju tal-vantaġġi inkwistjoni biss għall-“operazzjonijiet [SSTL] maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir- (selettività settorjali)”, operazzjonijiet li għalihom kienu jipparteċipaw l-investituri. Min-naħa l-oħra, is-selettività tal-SSTL tirriżulta wkoll min-natura selettiva tat-tliet miżuri fiskali li jikkostitwixxuha, ikkunsidrati individwalment. Dawn il-miżuri allegatament iffavorixxew, de jure u de facto, biss ċerti attivitajiet.

125    Kif diġà ġie indikat fil-punt 118 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, ta’ Lico u ta’ PYMAR, jekk dawn iż-żewġ raġunijiet kinux jippermettu li tiġi stabbilita n-natura selettiva tal-vantaġġi fiskali u ekonomiċi li minnhom ibbenefikaw l-investituri u jekk id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement motivata.

126    Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-kwistjonijiet, għandha tiġi ċċarata l-portata tal-argumenti li r-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR għamlu b’risposta għal ċerti argumenti mqajma mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-Kawża T‑515/13, il-Kummissjoni sostniet li fir-rikors tiegħu r-Renju ta’ Spanja ma kienx ikkontesta l-analiżi globali tas-selettività magħmula fil-premessi 155 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, ir-rikors jista’ jiġi milqugħ biss jekk ir-Renju ta’ Spanja jirnexxilu juri li l-miżuri, ikkunsidrati individwalment u fl-assjem tagħhom, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Peress li r-Renju ta’ Spanja ma kkontestax l-analiżi globali tagħha, l-argumenti ta’ dan tal-ewwel, dwar l-analiżi individwali tal-miżuri, huma ineffettivi. Matul is-seduta fil-Kawża T‑719/13, il-Kummissjoni sostniet li Lico u PYMAR ma kinux ikkontestaw, min-naħa tagħhom, l-analiżi individwali tal-Miżuri 2, 4 u 5 fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-bidu tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jagħmel ċerti argumenti ta’ natura ġenerali li jikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tas-selettività fit-totalità tagħha. Dawn l-argumenti ġew żviluppati mir-Renju ta’ Spanja prinċipalment bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 71 iktar ’il fuq) u matul is-seduta fil-Kawża T‑515/13. Barra minn hekk, fir-rikors tiegħu r-Renju ta’ Spanja jikkontesta s-setgħa diskrezzjonali identifikata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi individwali tas-selettività tal-Miżura 2. Peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din is-setgħa diskrezzjonali sabiex tistabbilixxi, fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, is-selettività tal-SSTL ikkunsidrata fl-assjem tagħha, l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja jistgħu wkoll jikkontestaw din l-analiżi.

128    Fir-rigward ta’ Lico u ta’ PYMAR, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta sostniet, matul is-seduta, li dawn ma kinux ikkontestaw l-analiżi individwali tal-Miżuri 2, 4 u 5. Fil-fatt, kif diġà ġie indikat (ara l-punt 98 iktar ’il fuq), meta Lico u PYMAR jikkontestaw d-dikjarazzjoni li l-SSTL tikkostitwixxi “skema ta’ għajnuna mill-Istat”, huma jirreferu wkoll għall-komponenti ta’ din tal-aħħar, imsemmija fil-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu wkoll jiġi osservat li l-argumenti ta’ Lico u ta’ PYMAR fir-rigward tas-selettività jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 156 u 157 tad-deċiżjoni kkontestata. Kif indikat fil-punti 122 u 123 iktar ’il fuq, il-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet f’dawn il-premessi huma msejsa fuq l-analiżi individwali tal-Miżuri 2, 4 u 5.

129    Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-portata limitata tal-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, ta’ Lico u ta’ PYMAR ma humiex fondati.

 Awtorizzazzjonijiet mogħtija mid-dipartiment tat-taxxa, abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali, biss għal operazzjonijiet SSTL maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir

130    Ir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR josservaw li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fl-istrutturi tal-SSTL u, għaldaqstant, il-possibbiltà li jinkisbu l-vantaġġi inkwistjoni kienet disponibbli għal kull investitur li jopera f’kull settur tal-ekonomija, mingħajr ebda kundizzjoni minn qabel jew restrizzjoni. Għalhekk, il-vantaġġi rċevuti mill-investituri ma jistgħux jitqiesu li huma selettivi, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938).

131    Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR jikkontestaw l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tad-dipartiment tat-taxxa fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista għad-deprezzament antiċipat (Miżura 2). Lico u PYMAR jelaboraw li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, il-kontroll eżerċitat mill-awtorità qatt ma kien jirrigwarda lill-investituri. Matul is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja sostna wkoll li l-awtorizzazzjoni amministrattiva kienet intiża biss għall-verifikazzjoni tal-fatt li l-ass li seta’ jiġi ddeprezzat b’mod antiċipat kien jissodisfa l-kriterji tal-leġiżlazzjoni applikabbli, u dan ma huwiex marbut mar-rieda li de facto jew de jure jintgħażlu ċerti impriżi.

132    Fir-risposta tagħha fil-Kawża T‑719/13, il-Kummissjoni tirribatti li l-miżura kkontestata hija selettiva fir-rigward tal-investituri, peress li huma biss impriżi li jwettqu ċertu tip ta’ investiment permezz ta’ RIE li jistgħu jibbenefikaw minnha, filwaqt li l-impriżi li jwettqu investimenti simili fil-kuntest ta’ operazzjonijiet oħra ma jistgħux jibbenefikaw minnha. Tali analiżi hija konformi mal-ġurisprudenza (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑501/00, Ġabra, EU:C:2004:438, punt 120; tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra, EU:C:2005:768, punti 97 u 98, u Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2009:50, punt 156).

133    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni sostniet li l-approċċ użat fid-deċiżjoni kkontestata ma kienx ġdida. Il-ġurisprudenza segwietu f’diversi kawżi dwar vantaġġi fiskali rriżervati għall-impriżi li jagħmlu ċertu tip ta’ investiment. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq (EU:C:2004:438), kif ukoll għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑92/00 u T‑103/00, Ġabra, EU:T:2002:61).

134    Bi tweġiba għal din l-istess mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tiddikjara li, fil-kuntest taż-żewġ kawżi, ma jidhriliex li l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ selettività fis-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938), huwa konformi mal-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, u dan wassalha sabiex tippreżenta appell minn dawn is-sentenzi (Kawżi C‑20/15 P u C‑21/15 P) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

135    F’kull każ, il-Kummissjoni osservat li, anki jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938), tkun applikabbli f’dan il-każ, il-kriterju ta’ selettività huwa ssodisfatt minħabba, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni li tinvolvi elementi diskrezzjonali.

136    Il-Kummissjoni tqis, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR, li l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatt sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 115(11) tat-TRLIS la huma oġġettivi u lanqas ma huma inerenti għas-sistema fiskali, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza, u dan juri l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali.

137    Bi tweġiba għall-argument ta’ Lico u ta’ PYMAR li jgħid li s-setgħa diskrezzjonali tirrigwarda biss l-assi, u mhux l-investituri, il-Kummissjoni sostniet, fil-kontroreplika fil-Kawża T‑719/13, li l-importanti kien li, permezz tal-awtorizzazzjoni diskrezzjonali, il-benefiċċju tal-għajnuna kien ingħata biss lill-grupp speċifiku ta’ operaturi, jiġifieri dawk li kienu rċevew l-awtorizzazzjoni. Matul is-seduti fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li huwa biżżejjed li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni sabiex ikun hemm selettività de jure. Fl-istess kontroreplika hija sostniet ukoll li l-Artikolu 48(4) tat-TRLIS kien jipprevedi rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-investituri fil-kuntest ta’ din l-awtorizzazzjoni. B’mod partikolari, il-benefiċċju tad-deprezzament antiċipat huwa suġġett għar-rekwiżit lil-membri tar-RIE jżommu s-sehem tagħhom f’dan tal-aħħar sat-tmiem tal-kuntratt ta’ lokazzjoni.

138    Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġ rċevut mill-investituri li pparteċipaw fl-operazzjonijiet SSTL huwiex selettiv, għaliex kienu biss l-impriżi li kienu jwettqu dan it-tip partikolari ta’ investiment permezz ta’ RIE li kienu jibbenefikaw minnu. Fil-każ ta’ risposta negattiva jkun meħtieġ li jiġi eżaminat, it-tieni nett, jekk l-eżistenza ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni li allegatament tinvolvi elementi diskrezzjonali kinitx twassal, f’kull każ, għal tali selettività.

–       Vantaġġ marbut ma ċertu tip ta’ investiment

139    Għandu jitfakkar li, fis-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938), invokati mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR insostenn tal-argumenti tagħhom, il-miżura kkontestata kienet skema fiskali li kienet tapplika għal kull operatur taxxabbli fi Spanja li kien iwettaq ċertu tip ta’ investiment, jiġifieri l-ksib ta’ sehem ta’ mill-inqas 5 % f’kumpanniji barranin, li jinżamm għal perjodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena.

140    F’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali qieset li l-eżistenza ta’ deroga jew ta’ eċċezzjoni għall-kuntest ta’ riferiment identifikat mill-Kummissjoni ma tippermettix, fiha nfisha, li jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża kienet tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, jekk din il-miżura kienet aċċessibbli, a priori, għal kull impriża (sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, EU:T:2014:939, punt 52, u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, EU:T:2014:938, punt 56).

141    F’dan il-każ, il-benefiċċji fiskali tal-SSTL huma rriżervati għall-investituri li jiksbu sehem f’RIE stabbiliti għall-finanzjament ta’ bastimenti ta’ tbaħħir fil-kuntest tal-SSTL. Madankollu l-Kummissjoni ma tikkontestax li din il-possibbiltà kienet disponibbli għal kull impriża suġġetta għat-taxxa fi Spanja taħt l-istess kundizzjonijiet, mingħajr ma l-liġi ma timponi ammont minimu neċessarju għall-ksib ta’ tali sehem. Il-Kummissjoni ammettiet ukoll, fil-premessi 126 u 172 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-investituri kienu joffru oġġetti u servizzi f’varjetà wiesgħa ta’ swieq, u li kienu joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija.

142    Minn dan isegwi li, bħal fil-kawżi eżaminati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938), kull operatur seta’ jibbenefika mill-vantaġġi fiskali inkwistjoni billi jwettaq ċertu tip ta’ tranżazzjoni disponibbli, taħt l-istess kundizzjonijiet, għal kull impriża mingħajr distinzjoni.

143    Bħal f’dawk il-kawżi, il-fatt li l-vantaġġi inkwistjoni jingħataw minħabba investiment f’ass speċifiku bl-esklużjoni ta’ assi oħra jew ta’ tipi oħra ta’ investimenti ma jagħmilhomx selettivi fir-rigward tal-investituri sa fejn l-operazzjoni hija disponibbli għal kull impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, EU:T:2014:939, punti 59 sa 61, u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, EU:T:2014:938, punti 63 sa 65).

144    Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-miżura kkontestata hija selettiva fir-rigward tal-investituri, peress li huma biss impriżi li jwettqu ċertu tip ta’ investiment permezz ta’ RIE li jistgħu jibbenefikaw minnha, għandu jiġi miċħud.

145    Minkejja li s-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938), huma ċertament taħt appell (Kawżi C‑20/15 P u C‑21/15 P). Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li hija tista’ tiddeċiedi fil-kuntest tal-preżenti kawżi abbażi tal-ġurisprudenza eżistenti, kif mitlub mill-partijiet (ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

146    Fil-fatt, l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tnaqqis fiskali li minnu jibbenefikaw il-persuni taxxabbli minħabba ċertu tip ta’ investiment – f’dan il-każ il-ksib ta’ sehem f’kumpanniji b’kapital azzjonarju li għandhom is-sede u l-amministrazzjoni tagħhom fil-Lander Federali l-ġodda u f’Berlin tal-punent u li ma jimpjegawx iktar minn 250 impjegat – jagħti lil dawn il-persuni taxxabbli vantaġġ li, bħala miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra, EU:C:2000:467, punt 22). Fuq dan il-punt, l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża li tgħid li t-tnaqqis fiskali inkwistjoni kien jikkostitwixxi miżura ġenerali li ma tinvolvi l-ebda element ta’ għajnuna favur persuni suġġetti għat-taxxa. Min-naħa l-oħra, f’dik il-kawża kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni qiesu li l-miżura inkwistjoni kienet intiża li tbiddel l-aġir tal-investituri sabiex jiżdiedu l-fondi tal-impriżi tal-Lander il-ġodda u ta’ Berlin tal-punent u li għalhekk kienet tagħti lil dawn tal-aħħar vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2000:467, punt 23).

147    Fis-sentenza Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2009:50), il-Qorti Ġenerali eżaminat, fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, ċerti inċentivi fiskali mogħtija fl-Italja favur impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) speċjalizzati fl-investiment f’azzjonijiet ta’ kumpanniji b’kapital żgħir jew medju. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li t-tnaqqis tat-taxxa inkwistjoni kien ta’ benefiċċju direttament għal dawk li jissottoskrivu ishma f’dawn l-UCITS. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li dan it-tnaqqis tat-taxxa mogħti lis-sottoskriventi ma kienx selettiv, sa fejn din kienet miżura ġenerali applikabbli għal kull investitur. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-inċentivi fiskali inkwistjoni kienu jagħtu vantaġġ selettiv indirett lill-UCITS jew, jekk ikun il-każ, lill-kumpanniji ta’ amministrazzjoni tagħhom, peress li t-tnaqqis tat-taxxa fuq l-investimenti f’dawn l-UCITS kien jinkoraġġixxi lis-sottoskriventi jiksbu ishma f’dawn l-istrutturi. Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-miżura inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv indirett lill-kumpanniji b’kapital żgħir jew medju li l-azzjonijiet tagħhom kienu miżmuma mill-UCITS, fil-forma ta’ żieda fit-talba għall-azzjonijiet tagħhom u ta’ żieda fil-likwidità tagħhom, marbuta mal-attrattività ikbar tal-investiment. L-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv indirett favur dawn it-tliet kategoriji ta’ atturi ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2009:50). Minn dan isegwi li, f’dik il-kawża, l-istess bħal fil-kawża Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq (EU:C:2000:467, punti 22 u 23), ma ġiex deċiż li kien hemm selettività fir-rigward tal-investituri, minkejja li kienu jibbenefikaw minn tnaqqis tat-taxxa.

148    Minn dan jirriżulta li, meta vantaġġ ikun mogħti, taħt l-istess kundizzjonijiet, lil kull impriża minħabba t-twettiq ta’ ċertu tip ta’ investiment aċċessibbli għal kull operatur, dan huwa ta’ natura ġenerali fir-rigward ta’ dawn l-operaturi u ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur dawn tal-aħħar.

149    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il‑Kummissjoni (T‑34/02, Ġabra, EU:T:2006:59), il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis fiskali mogħti lil investituri li kienu jipparteċipaw f’operazzjoni ta’ finanzjament, stabbilita minn bank, għax-xiri u t-tħaddim ta’ bastiment minn kumpannija tat-tbaħħir. Fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni, l-investituri kienu jgħaddu l-parti l-kbira tal-vantaġġ lill-kumpannija tat-tbaħħir, li kienet tixtri l-bastiment fi tmiem l-operazzjoni. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna inkompatibbli u ordnat l-irkupru tagħha biss mingħand l-investituri, peress li l-vantaġġ kien għadu ma ngħaddiex lill-kumpannija tat-tbaħħir. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx teżamina kif kienu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE f’dan il-każ. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, ir-rekwiżit marbut mal-identifikazzjoni ta’ vantaġġ li jiffavorixxi ċerti impriżi jew produzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali osservat li mid-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li, għalkemm il-benefiċjarji diretti tal-għajnuna kienu l-investituri privati, l-effetti tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni kienu marbuta mal-fatt li l-kumpannija tat-tbaħħir tkun tista’ tuża l-bastiment taħt kundizzjonijiet favorevoli. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li ma eżaminatx b’liema mod il-fatt li l-investituri privati kienu benefiċjarji ta’ vantaġġ fiskali kien jikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-imsemmi vantaġġ kompetittiv kien attribwit lill-kumpannija tat-tbaħħir, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippermetti li wieħed jifhem għal-liema raġunijiet l-investituri privati kienu avvantaġġati mill-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Le Levant 001 et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2006:59, punti 113 u 118 sa 120). Dik is-sentenza għalhekk tikkonferma li, f’ċerti ċirkustanzi li jqarrbu dawk tal-kawża preżenti, il-fatt li persuna tibbenefika minn vantaġġ fiskali marbut ma investiment ma jimplikax neċessarjament li din il-persuna tibbenefika minn vantaġġ kompetittiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

150    Il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawżi T‑515/13 u T‑719/13 ma tippermettix li jitqies li vantaġġ mogħti, taħt l-istess kundizzjonijiet, lil kull impriża li twettaq ċertu tip ta’ investiment aċċessibbli għal kull operatur huwa selettiv.

151    Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq (EU:C:2004:438, punt 120), għalkemm huwa minnu li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tnaqqis fiskali marbut mat-twettiq ta’ ċerti investimenti kien ta’ natura selettiva. Madankollu, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939, punti 79 u 82), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938, punti 83 u 86), din il-miżura kienet tiġi applikata biss fir-rigward ta’ impriżi li jwettqu attivitajiet ta’ esportazzjoni, bl-esklużjoni ta’ impriżi oħra. Issa, fil-kawżi preżenti, il-vantaġġi inkwistjoni kienu disponibbli għal kull impriża.

152    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq (EU:C:2005:768, punti 97 u 98), il-leġiżlazzjoni fiskali eżaminata kienet ukoll ta’ benefiċċju biss għall-impriżi tas-settur bankarju u ma kinux disponibbli għal impriżi li joperaw f’setturi oħra, b’kuntrast mas-sitwazzjoni fil-kawża preżenti.

153    Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sentenza Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2009:50, punt 156), l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE kien ġie identifikat biss, b’mod indirett, fir-rigward tal-UCITS inkwistjoni, tal-kumpanniji ta’ amministrazzjoni tagħhom, jekk ikun il-każ, u tal-impriżi li fihom l-UCITS kellhom azzjonijiet u mhux fir-rigward tal-investituri li, skont il-Kummissjoni, kienu jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa (ara l-punt 147 iktar ’il fuq). Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessa 163 tagħha, il-Kummissjoni ma semmietx l-eżistenza ta’ vantaġġ indirett favur ir-RIE li jirriżulta mill-vantaġġi fiskali mogħtija lill-investituri li jiksbu ishma f’dawn ir-RIE.

154    Fir-raba’ lok, fir-rigward tas-sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq (EU:T:2002:61), għandu jitfakkar li f’dik is-sentenza l-Qorti Ġenerali eżaminat is-selettività ta’ żewġ miżuri fiskali. L-ewwel miżura kienet kreditu tat-taxxa li kien japplika għal investimenti fir-reġjun ta’ Álava li kellhom ċerti karatteristiċi, b’mod partikolari, ammont minimu ta’ 2.5 biljun peżeta Spanjola (ESP), fatt li kien de facto jirriżerva l-vantaġġ fiskali għall-impriżi li jkollhom riżorsi finanzjarji kunsiderevoli, bl-esklużjoni ta’ impriżi oħra. It-tieni miżura kienet tnaqqis tal-bażi taxxabbli li kien japplika biss għall-impriżi ġodda stabbiliti fir-reġjun ta’ Álava li kienu jissodisfaw ċerti kriterji relatati, b’mod partikolari, ma investiment minimu u għall-ħolqien ta’ ċertu numru ta’ postijiet tax-xogħol. Iż-żewġ miżuri inkwistjoni għalhekk ma kinux jagħtu vantaġġ lil kull operatur li jwettaq ċerti operazzjonijiet ta’ investiment fir-reġjun ta’ Álava, iżda l-benefiċċju tagħhom kien irriżervat għal ċerti impriżi, bl-esklużjoni ta’ impriżi oħra. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-possibbiltà ta’ investiment f’RIE kienet disponibbli, taħt l-istess kundizzjonijiet, għal kull impriża, mingħajr ma l-liġi ma timponi ammont minimu neċessarju għall-ksib ta’ tali sehem.

155    Minn dan isegwi li l-vantaġġ rċevut mill-investituri li pparteċipaw fl-operazzjonijiet SSTL ma jistax jitqies li huwa selettiv minħabba li kienu jibbenefikaw minnhom biss l-impriżi li jwettqu dan it-tip partikolari ta’ investiment permezz ta’ RIE.

156    Kif ġie indikat fil-punt 138 iktar ’il fuq, issa għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-eżistenza ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni li kienet allegatament tinvolvi elementi diskrezzjonali setgħetx twassal, f’kull każ, sabiex dan il-vantaġġ jingħata natura selettiva.

–       Selettività li tirriżulta minn allegata setgħa diskrezzjonali tad-dipartiment tat-taxxa

157    Il-Kummissjoni osservat li, f’kull każ, setgħet tiġi kkonstatata selettività f’dan il-każ minħabba l-eżistenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni li tinvolvi elementi diskrezzjonali, li ma kinitx teżisti fil-kawżi eżaminati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938). Skont il-ġurisprudenza, meta l-korp li jagħti vantaġġi finanzjarji jkollu setgħa diskrezzjonali li tippermettilhu jiddetermina l-benefiċjarji jew il-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija, din ma tistax titqies li hija ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Trasport, C‑256/97, Ġabra, EU:C:1999:332, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, Ġabra, EU:C:2013:525, punt 25).

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-eżistenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni li kienet allegatament tinvolvi elementi diskrezzjonali, il-vantaġġi inkwistjoni kienu baqgħu disponibbli taħt l-istess kundizzjonijiet, għal kull investitur li kien jiddeċiedi li jipparteċipa fl-operazzjonijiet SSTL maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir permezz tax-xiri ta’ ishma f’RIE stabbiliti mill-banek.

159    Fil-fatt, kif ġie osservat mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR, mill-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 115(11) tat-TRLIS, kif speċifikati bl-Artikolu 49 tar-RIS – li l-Kummissjoni tqis li huma vagi u jeħtieġu interpretazzjoni mill-awtorità li tagħtihom setgħa diskrezzjonali (ara l-punt 40 iktar ’il fuq) – jirrigwardaw, de jure, biss il-karatteristiċi tal-assi li setgħu jiġu ddeprezzati b’mod antiċipat. Il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali f’dan il-każ wassal sabiex id-dipartiment tat-taxxa jaċċetta biss id-deprezzament antiċipat fir-rigward ta’ kategorija partikolari ta’ assi, jiġifieri bastimenti ta’ tbaħħir li kienu għaddew mis-sistema regolari tat-taxxa fuq il-kumpanniji għall-iskema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Mill-premessi 66, 116, 134 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata essenzjalment jirriżulta wkoll li l-vantaġġi inkwistjoni ma ġew miċħuda lill ebda “operazzjoni abbażi tal-SSTL”.

160    Minn dan isegwi li s-setgħa diskrezzjonali tad-dipartiment tat-taxxa, jekk tista’ tiġi stabbilita, wasslet biss sabiex, de jure u de facto, tiġi ddefinita t-tip ta’ operazzjoni li tista’ tibbenefika mill-vantaġġi fiskali inkwistjoni, jiġifieri l-operazzjonijiet SSTL maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir, bl-esklużjoni ta’ oġġetti oħra. Xorta jibqa’ l-fatt li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’dawn l-operazzjonijiet kienet disponibbli, mingħajr ebda restrizzjoni, indiskriminatament għal kull impriża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-vantaġġ li minnu bbenefikaw dawn tal-aħħar ma setgħax jitqies li kien selettiv abbażi ta’ allegata setgħa diskrezzjonali tad-dipartiment tat-taxxa, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 140, 146 u 147 iktar ’il fuq.

161    Il-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni matul is-seduti fiż-żewġ kawżi, li l-Artikolu 48(4) tat-TRLIS jimponi li sabiex jibbenefikaw mid-deprezzament antiċipat il-membri tar-RIE għandhom iżommu s-sehem tagħhom f’dan tal-aħħar sat-tmiem tal-kuntratt ta’ lokazzjoni ma jikkonfutax din il-konstatazzjoni. Din hija, fil-fatt, kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-vantaġġ li minnu setgħet tibbenefika kull impriża attiva f’kull settur tal-ekonomija. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-benefiċċju tal-miżuri fiskali inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938), kienet ukoll suġġetta għall-kundizzjoni taż-żamma tal-ishma għal ċertu perijodu (ara l-punt 139 iktar ’il fuq).

162    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi osservat li l-eżistenza tal-Artikolu 48(4) tat-TRLIS ma pprekludietx li investituri jixtru ishma fi ħdan RIE wara l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet mid-dipartiment tat-taxxa. Tali konstatazzjoni, magħmula mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR waqt is-seduti fiż-żewġ kawżi, tikkonferma li l-aċċess għall-vantaġġi inkwistjoni baqa disponibbli għal kull impriża li kienet tiddeċidi li tipparteċipa fl-operazzjonijiet SSTL, indipendentement mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni li kienet allegatament tinvolvi elementi diskrezzjonali. Għalhekk, f’dan il-każ l-eżistenza ta’ din tal-aħħar ma tistax tagħti natura selettiva lill-vantaġġi li minnhom ibbenefikaw l-investituri.

163    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq (ara l-punti 130 sa 162 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet, fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-SSTL kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-investituri sa fejn l-awtorità tat-taxxa kienet tawtorizza biss, abbażi ta’ allegata setgħa diskrezzjonali, l-“operazzjonijiet SSTL maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir” li fihom huma kienu jipparteċipaw.

 Vantaġġi marbuta mar-realizzazzjoni ta’ ċerti attivitajiet

164    Kif ġie mfakkar fil-punti 123 u 124 iktar ’il fuq, l-analiżi globali tas-selettività magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija wkoll imsejsa fuq il-konstatazzjoni li tgħid li l-SSTL jiffavorixxi “ċerti attivitajiet, jiġifieri, l-akkwist ta’ bastimenti tat-tbaħħir permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-lokazzjoni tagħhom mingħajr ekwipaġġ u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom” (premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn l-attivitajiet jikkorrispondu għal dawk li, skont id-deċiżjoni kkontestata, huma eżerċitati mir-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL u jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-Miżuri 2, 4 u 5. Skont l-analiżi individwali magħmula fil-premessi 132 sa 139 u 141 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, kull waħda minn dawn il-miżuri tagħti, de jure u de facto, vantaġġ selettiv lill-impriżi li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet (ara l-punti 40, 42 u 43 iktar ’il fuq).

165    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-Renju ta’ Spanja, Lico u PYMAR jsostnu li l-investituri kienu jaġixxu fis-setturi kollha tal-ekonomija u kellhom ishma purament finanzjarji fi ħdan ir-RIE, peress li l-għan tagħhom kien li jiksbu vantaġġ fiskali. Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-parteċipanti (jew l-azzjonisti) ta’ impriża ma għandhom l-ebda attività “fis-suq”. Matul is-seduta fil-Kawża T‑515/13, ir-Renju ta’ Spanja speċifika li dan l-argument kien intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-membri tar-RIE kienu jaġixxu bħala sempliċi investituri fil-kuntest tar-RIE, hekk kif ammettiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Matul is-seduta r-Renju ta’ Spanja sostna wkoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx attribwiet lill-investituri l-attivitajiet ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ, ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ bastimenti. Fir-rikors tagħhom fil-Kawża T‑719/13, Lico u PYMAR josservaw li l-investituri ma setgħux jitqiesu li huma atturi fis-settur identifikat mill-Kummissjoni fil-premessi 156 u 157 tad-deċiżjoni kkontestata. Matul is-seduta, Lico u PYMAR ikkontestaw l-argument li jgħid li l-membri tar-RIE kienu jeżerċitaw l-attivitajiet konkreti u speċifiċi ta’ dawn tal-aħħar, daqslikieku kienu jiffurmaw impriża waħda.

166    Fir-risposti ppreżentati fiż-żewġ kawżi, il-Kummissjoni osservat fil-qosor li l-investituri kienu jwettqu, permezz tar-RIE, l-attivitajiet eżerċitati minn dawn tal-aħħar. F’dan il-kuntest, huwa diffiċli li wieħed jifhem l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-azzjonisti ma jeżerċitaw ebda attività fis-suq. Fir-rigward tal-varjetà tas-setturi li fihom joperaw l-investituri, fil-Kawża T‑719/13 il-Kummissjoni tispeċifika li d-deċiżjoni kkontestata fl-ebda mument ma torbot in-natura selettiva tal-miżura ma xi settur ta’ attività tal-investituri.

167    Fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali magħmula fiż-żewġ kawżi (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni żviluppat iktar l-argument tagħha li jgħid li l-investituri kienu jwettqu, permezz tar-RIE, l-attivitajiet eżerċitati minn dawn tal-aħħar. Fl-opinjoni tagħha, b’kuntrast mal-kawżi eżaminati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Autogrill España vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:939), u Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (EU:T:2014:938), il-vantaġġi li jirriżultaw mill-SSTL ma ngħatawx lill-investituri għar-realizzazzjoni ta’ sempliċi operazzjonijiet ta’ investiment, iżda għall-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi permezz tar-RIE, jiġifieri x-xiri, il-bejgħ u l-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ ta’ bastimenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sostniet li, minħabba t-trasparenza fiskali tar-RIE, dawn tal-aħħar u l-membri tagħhom jistgħu jitqiesu li huma ż-żewġ naħat tal-istess medalja, jew, fil-kuntest tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-istess impriża.

168    Meta, matul is-seduta fil-Kawża T‑515/13, il-Qorti Ġenerali saqsiet lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ kontradizzjoni bejn l-argument espost fil-punt 167 iktar ’il fuq u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessa 28 tagħha (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni osservat li din il-premessa, li tikklassifika lill-membri tar-RIE bħala “investituri”, hija sempliċement spjegazzjoni terminoloġika li ma tikkontradixxix l-argument li jgħid li r-RIE u l-membri tagħhom jifformaw unità ekonomika. Meta, matul is-seduta fil-Kawża T‑719/13, il-Qorti Ġenerali saqsiet mill-ġdid lill-Kummissjoni dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar din il-kwistjoni, din tal-aħħar indikat li, anki jekk l-argument tagħha li jgħid li r-RIE u l-investituri tagħhom jikkostitwixxu, flimkien, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jinsabx espliċitament fid-deċiżjoni kkontestata, tali konstatazzjoni tirriżulta min-natura nnifisha tar-RIE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li RIE kien entità fiskalment trasparenti, li l-membri tiegħu huma kompletament responsabbli għall-aġir u għad-debiti tiegħu, b’tali mod li l-attivitajiet eżerċitati mir-RIE huma imputabbli lill-membri tiegħu.

169    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina jekk l-analiżi individwali li l-Kummissjoni għamlet tal-Miżuri 2, 4 u 5, li għalihom essenzjalment tagħmel riferiment il-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, tippermettix li jitqies li l-vantaġġi rċevuti mill-investituri, u mhux ir-RIE, kienu jissodisfaw ir-rekwiżit tas-selettività (ara punt 118 iktar ’il fuq).

170    Fil-kuntest ta’ din l-analiżi individwali, il-Kummissjoni qieset li l-Miżuri 2, 4 u 5 kienu ta’ benefiċċju, de jure u de facto, għal ċerti attivitajiet, jiġifieri x-xiri ta’ bastimenti permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni, il-lokazzjoni tagħhom mingħajr ekwipaġġ u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom.

171    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dawn l-attivitajiet, li ssemmew ukoll fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, huma dawk eżerċitati mir-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL. Għalhekk, li kieku l-Kummissjoni qieset li l-vantaġġi rċevuti mill-investituri kienu selettivi minħabba r-realizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet, fid-deċiżjoni kkontestata hija kellha tippreċiża li l-attivitajiet tar-RIE kienu jikkorrispondu għal dawk tal-membri tagħhom jew, minn tal-inqas, li dawn setgħu jiġu attribwiti lilhom.

172    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata l-konstatazzjoni li tgħid li l-investituri jeżerċitaw, permezz tar-RIE, l-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar saret biss darba waħda biss u b’mod mhux sostnut, fil-premessa 172. Fil-fatt, fil-kuntest tal-analiżi tal-kriterji relatati mar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni ddikjarat li “permezz tal-operazzjonijiet li jibbenefikaw mill-[SSTL], [l-investituri kienu] joperaw permezz ta[r-RIE] fi swieq ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ u tal-akkwist u l-bejgħ ta’ bastimenti tal-baħar, li huma miftuħa għall-kummerċ intra-UE” (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

173    Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni fl-ebda mument ma spjegat kif l-attivitajiet tar-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL setgħu jiġu attribwiti lill-membri tagħhom. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-analiżi tas-selettività tal-miżuri individwali inkwistjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddeċiedi li dawn kienu jagħtu vantaġġ selettiv lir-RIE “u”/“jew” lill-investituri tagħhom (premessi 139 u 154 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma pprovdiet ebda preċiżazzjoni addizzjonali. Fir-rigward tal-SSTL ikkunsidrata fl-assjem tagħha, il-Kummissjoni osservat li “l-vantaġġ [kien] favur [ir-RIE] u permezz tat-trasparenza, għall-investituri tagħha”. Tali preċiżazzjoni, madankollu, ma tippermettix li wieħed jifhem għaliex jista’ jitqies li l-membri tar-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL kienu jeżerċitaw l-attivitajiet ekonomiċi ta’ dawn tal-aħħar daqslikieku kienu jiffurmaw impriża waħda. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni eżaminat, fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-partijiet għall-SSTL humiex “impriżi” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija ma pprovdiet ebda indikazzjoni li tippermetti li jitqies jew li tagħti l-wieħed x’jifhem li r-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL u l-membri tagħhom kienu jifformaw, flimkien, entità waħda fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-attivitajiet tar-RIE setgħu jiġu imputati lill-membri tagħhom.

174    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjoni fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-investituri “joperaw permezz ta[r-RIE] fi swieq ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ u tal-akkwist u l-bejgħ ta’ bastimenti tal-baħar” donnha tikkontradixxi premessi oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

175    Fil-fatt, fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat li, “[m]inħabba li l-membri tagħhom [kienu j]qisu li r-[RIE] li [kienu] jipparteċipaw f’operazzjonijiet [SSTL kienu] jikkostitwixxu veikolu ta’ investiment– aktar minn mod kif titwettaq attività konġunta — [l-imsemmija] Deċiżjoni [kienet] tirreferi għalihom bħala investituri”. Fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat ukoll li “[r-RIE] Spanjoli għandhom personalità legali [ġuridika] differenti minn dik tal-membri tagħhom”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni speċifikat li, b’mod ġenerali, l-investituri “ma [kienu] jeżerċitaw l-ebda attività ekonomika” [premessa 9(b) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li għaliha tagħmel riferiment, essenzjalment, il-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata].

176    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-SSTL “tiffavorixxi ċerti attivitajiet, jiġifieri, l-akkwist ta’ bastimenti tat-tbaħħir permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-lokazzjoni tagħhom mingħajr ekwipaġġ u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom”, tirrigwarda l-attivitajiet tar-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL, iżda ma tikkonċernax l-attivitajiet industrijali jew ekonomiċi tal-membri tar-RIE, li jiksbu ishma f’dawn tal-aħħar inkwantu “investituri”. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha unikament fuq il-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fuq l-analiżi tas-selettività individwali tal-Miżuri 2, 4 u 5 li għalihom essenzjalment tagħmel riferiment din il-premessa, sabiex tistabbilixxi s-selettività tal-vantaġġi rċevuti mill-investituri.

177    Jekk, hekk kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-ewwel kellha tiġi interpretata, minn qari tad-deċiżjoni kkontestata, bħala li tqis li l-investituri kienu jeżerċitaw, permezz tar-RIE, l-attivitajiet iċċitati fil-punt 176 iktar ’il fuq u li s-selettività tal-vantaġġi li huma kienu rċevew setgħet tiġi stabbilita fuq din il-bażi, fuq dan il-punt id-deċiżjoni kkontestata tkun ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, jekk mhux saħansitra b’motivi kontradittorji. Peress li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jirriżulta minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tqajjem dan in-nuqqas ex officio, wara li tisma lill-partijiet fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742, punti 34 u 55).

 Deċiżjoni fil-qasam tas-selettività

178    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq (ara l-punti 115 sa 177 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet żbaljata meta fid-deċiżjoni kkontestata identifikat l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv u, għaldaqstant, ta’ għajnuna mill-Istat, favur ir-RIE u l-investituri.

179    Fir-rigward tar-RIE, huwa minnu li dawn ibbenefikaw mill-miżuri fiskali inkwistjoni. Madankollu, abbażi tal-prinċipju ta’ trasparenza fiskali, il-vantaġġi li jirriżultaw direttament minn dawn il-miżuri kienu ta’ benefiċċju biss għall-membri tagħhom (ara l-punti 115 sa 117 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata ma ssemmietx l-eżistenza ta’ vantaġġ indirett favur ir-RIE li jirriżulta mill-miżuri inkwistjoni (ara l-punt 153 iktar ’il fuq).

180    Fir-rigward tal-membri tar-RIE, li d-deċiżjoni kkontestata tikklassifika bħala “investituri”, il-vantaġġi ekonomiċi li bbenefikaw minnhom dawn il-membri kienu disponibbli, taħt l-istess kundizzjonijiet, għal kull operatur suġġett għat-taxxa fi Spanja mingħajr distinzjoni, u dan minkejja l-eżistenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-investituri kienu bbenefikaw minn vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’ċertu tip ta’ operazzjoni avvantaġġuża (ara l-punti 130 sa 163 iktar ’il fuq). Anki l-attivitajiet imsemmija, b’mod partikolari fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, biex tiġi identifikata s-selettività tal-vantaġġi huma dawk eżerċitati mir-RIE u mhux mill-investituri, li huma l-uniċi operaturi kkonċernati mill-ordni ta’ rkupru imposta fl-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, is-selettività tal-vantaġġi rċevuti mill-investituri lanqas ma setgħet tiġi stabbilita fuq din il-bażi. Anki jekk jitqies li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-investituri jeżerċitaw, permezz tar-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL, l-attivitajiet speċifiċi ta’ dawn tal-aħħar, fuq dan il-punt id-deċiżjoni kkontestata tkun ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, jekk mhux saħansitra b’motivi kontradittorji (ara l-punti 164 sa 177 iktar ’il fuq).

c)     Fuq l-analiżi dwar ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

181    Kif ġie indikat fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri tinsab fil-premessi 171 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata. Wara li fakkret xi prinċipji ġurisprudenzjali (premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata), fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat dan li ġej: “F’dan il-każ, l-investituri, jiġifieri l-membri ta[r-RIE], joperaw f’setturi differenti tal-ekonomija, b’mod partikolari, f’setturi miftuħa għall-kummerċ intra-UE. Barra minn hekk, permezz tal-operazzjonijiet li jibbenefikaw mill-[SSTL], joperaw permezz ta[r-RIE] fi swieq ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ u tal-akkwist u l-bejgħ ta’ bastimenti tal-baħar, li huma miftuħa għall-kummerċ intra-UE. Il-vantaġġi miksuba mill-[SSTL] isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq rispettivi tagħhom, u b’hekk joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-vantaġġ ekonomiku li [kienu] jirċievu [r-RIE] u l-investituri tagħhom li [kienu] jibbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni [seta’] jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern”.

182    Għandu jitfakkar li, Lico u PYMAR, fir-rikors, u r-Renju ta’ Spanja, fir-replika, essenzjalment ma jikkontestawx biss il-mertu tal-analiżi tal-Kummissjoni mfakkra fil-punt 181 iktar ’il fuq, iżda wkoll il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 107 iktar ’il fuq). Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni, magħmul fil-kuntest tal-Kawża T‑719/13, li jgħid li l-kontestazzjoni, minn Lico u PYMAR, tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward hija tardiva.

183    F’kull każ, kif imfakkar fil-punt 177 iktar ’il fuq, nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jirriżulta minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, minn naħa, jiġi invokat mill-partijiet f’kull stadju tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra, EU:C:1997:73, punti 24 u 25; Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, punt 177 iktar ’il fuq, EU:C:2009:742, punti 34 u 55, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra, EU:T:2004:218, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    F’dan il-każ, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑515/13 (ara l-punt 69 iktar ’il fuq) u għal mistoqsija orali fil-Kawża T‑719/13, il-partijiet fiż-żewġ kawżi nstemgħu matul is-seduti fuq il-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE fil-kuntest tal-analiżi tal-kriterji dwar ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ.

185    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att ikkontestat, b’tali mod li tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra, EU:C:2006:511, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il‑Kunsill, T‑187/11, Ġabra, EU:T:2013:273, punti 66 u 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Għandu jitfakkar ukoll li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (sentenza tat-13 ta’ Marzu 1985, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni, 296/82 u 318/82, EU:C:1985:113, punt 19).

187    Il-Kummissjoni ġustament tfakkar, fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, li meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriża oħra li jikkompetu fil-kummerċ fl-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati mill-għajnuna (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra, EU:C:2006:8, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għajnuna intiża li teħles lill-impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha, bħala prinċipju toħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenzi Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, EU:C:2000:467, punt 30, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra, EU:C:2005:130, punt 55).

189    Kif il-Kummissjoni tfakkar fiż-żewġ kawżi, ma hemmx lok li jiġi stabbilit li l-għajnuna għandha effett reali fuq il-kummerċ bejn Stati Membru u li hemm distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, imma biss li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna tistax taffettwa dawn l-iskambji u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 187 iktar ’il fuq, EU:C:2006:8, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna, għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tevalwa l-iskema inkwistjoni b’mod ġenerali, mingħajr ma tkun marbuta li twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema (sentenza Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, EU:C:2011:368, punt 63).

191    Il-Kummissjoni ġustament tosserva, fil-kuntest taż-żewġ kawżi, li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għoti ta’ għajnuna minn Stat Membru, fil-forma ta’ tnaqqis mit-taxxa, lil ċerti persuni taxxabbli, għandu jitqies bħala li jista’ jkollu effett fuq dan il-kummerċ u, konsegwentement, bħala li jissodisfa din il-kundizzjoni peress li dawn il-persuni taxxabbli jeżerċitaw attività ekonomika li hija s-suġġett ta’ dan il-kummerċ u ma jistax jiġi eskluż li dawn huma f’kompetizzjoni ma’ operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Heiser, punt 188 iktar ’il fuq, EU:C:2005:130, punt 35).

192    Xorta jibqa l-fatt li l-obbligu ta’ motivazzjoni jeżiġi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, anki fil-każ fejn, miċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat l-għajnuna jirriżulta li hija tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, xorta hija l-Kummissjoni li għandha tevoka dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, EU:C:1985:113, punt 24).

193    Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta ċerti ċirkustanzi partikolari jeżiġu hekk, il-Kummissjoni għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha iktar fil-fond, billi tagħti indikazzjonijiet rilevanti fir-rigward tal-effetti prevedibbli tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Dan kien il-każ ta’ għajnuna ta’ ammont żgħir li kienet biss intiża li tiffinanzja programm ta’ penetrazzjoni kummerċjali, u mhux esportazzjonijiet, lejn Stati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C‑494/06 P, Ġabra, EU:C:2009:272, punti 56, 57 u 62).

194    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

195    Fil-kuntest taż-żewġ kawżi, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata billi ssostni li hija kienet immotivat suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha fir-rigward taż-żewġ kundizzjonijiet.

196    Kif ġie mfakkar fil-punt 181 iktar ’il fuq, ir-raġunament tal-Kummissjoni, fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa msejjes fuq żewġ konstatazzjonijiet. Minn naħa, l-investituri joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija, b’mod partikolari dawk miftuħa għall-kummerċ bejn Stati Membri, u l-vantaġġi inkwistjoni jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq rispettivi tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-investituri joperaw, permezz tar-RIE, fis-swieq li fihom dawn tal-aħħar huma attivi, li huma wkoll disponibbli għall-kummerċ bejn Stati Membri.

197    Għandu jiġi eżaminat jekk iż-żewġ pilastri li fuqhom huwa bbażat ir-raġunament tal-Kummissjoni humiex immotivati suffiċjentement.

 Fuq l-ewwel pilastru tar-raġunament tal-Kummissjoni

198    Fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-investituri joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija, u li l-vantaġġi jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq rispettivi tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li din hija dikjarazzjoni ta’ portata ġenerali li tista’ tiġi applikata għal kull tip ta’ għajnuna mill-Istat. Hija ma tagħmel riferiment għall-ebda ċirkustanza speċifika li tispjega għaliex, f’dan il-każ, il-miżuri kontenzjużi jirriskjaw li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ fis-swieq li fihom joperaw l-investituri.

199    Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ilmenti rċevuti mill-Kummissjoni, sostnuti minn tal-inqas minn kumpannija tat-tbaħħir waħda, kienu jiddenunzjaw distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ fis-suq tal-bini ta’ bastimenti u mhux fis-swieq li fihom kienu joperaw l-investituri (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Għandu wkoll jiġi osservat li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessi 122 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri inkwistjoni huma kkaratterizzati minn “selettività settorjali” (ara l-punti 36 u 45 iktar ’il fuq), filwaqt li hija stabbiliet li l-investituri kienu jaġixxu fis-setturi kollha tal-ekonomija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-kuntest tal-SSTL l-investituri kienu jżommu biss porzjon imnaqqsa (ta’ minn 10 % sa 15 %) tal-vantaġġ, sa fejn il-parti l-kbira ta’ dan il-vantaġġ (minn 85 % sa 90 %) kien jingħadda lill-kumpannija tat-tbaħħir li tixtri l-bastiment (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). Iktar minn hekk, bil-għan “tar-restawr tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-[...] swieq fejn saret id-distorzjoni”, il-Kummissjoni kkontestat, fil-premessi 270 sa 276 u fl-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti klawżoli fil-kuntratti konklużi bejn l-investituri, il-kumpanniji tat-tbaħħir marittimu u t-tarzni, li abbażi tagħhom it-tarzni kellhom l-obbligu li jikkumpensaw lill-partijiet l-oħra jekk huma ma jkunux jistgħu jiksbu l-vantaġġi fiskali previsti (ara l-punt 60 iktar ’il fuq). Fi kliem ieħor, sabiex terġa tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-swieq li fihom joperaw l-investituri u li allegatament ġew affettwati mill-għajnuna, il-Kummissjoni eżiġiet, fl-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn tal-aħħar ma jittrasferixxux l-oneru tal-irkupru fuq persuni oħra. Matul is-seduta fil-Kawża T‑719/13, il-Kummissjoni ma kkontestax li l-fatt li tali eżiġenza tiġi inkluża fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat ma kienx abitwali.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, hija l-Kummissjoni li kellha tipprovdi iktar indikazzjonijiet li jippermettu li wieħed jifhem kif il-vantaġġ rċevut mill-investituri, u mhux mill-kumpanniji tat-tbaħħir marittimu jew mit-tarzni, setgħa jikkawża distorsjoni jew jhedded li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni jew jaffettwa l-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE fis-swieq li fihom huma kienu joperaw.

201    Il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni matul is-seduti fiż-żewġ kawżi (sentenzi DM Trasport, punt 157 iktar ’il fuq EU:C:1999:332, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra, EU:C:2006:416) ma tikkonfutax din il-konstatazzjoni.

202    Fil-fatt, fil-kawżi eżaminati f’dawk is-sentenzi, iċ-ċirkustanzi partikolari invokati fil-punt 199 iktar ’il fuq ma kinux issodisfatti.

203    Barra minn hekk, fis-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq (EU:C:2006:416), iċċitata mill-Kummissjoni matul is-seduta fil-Kawża T‑515/13, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat tajjeb waħda mill-problemi ta’ kompetizzjoni li kien hemm f’dik il-kawża. Fil-fatt, lil-vantaġġi mogħtija lill-impriżi multinazzjonali li kienu jinstallaw iċ-“ċentri ta’ koordinazzjoni” tagħhom fil-Belġju kienu jippermettu li dawn il-multinazzjonali jorganizzaw internament dawn is-servizzi ta’ koordinazzjoni minflok ma jużaw dawk ta’ fornituri ta’ servizzi fis-setturi finanzjarji, tat-trusts, tal-informatika u tar-reklutaġġ (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, EU:C:2006:416, punt 132). Fir-rigward tas-sentenza DM Trasport, punt 157 iktar ’il fuq (EU:C:1999:332), invokata mill-Kummissjoni matul is-seduta fil-Kawża T‑719/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq ċerti vantaġġi mogħtija lil impriża ta’ ġarr. Issa, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ukoll inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-benefiċjarju, b’mod partikolari, in-natura transkonfinali tas-suq li fih huwa kien jopera (sentenza DM Trasport, punt 157 iktar ’il fuq, EU:C:1999:332, punt 29).

204    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel pilastru tar-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-analiżi tagħha tar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ ma huwiex immotivat suffiċjentement.

 Fuq it-tieni pilastru tar-raġunament tal-Kummissjoni

205    Il-Kummissjoni kompliet tgħid, fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[b]arra minn hekk, permezz tal-operazzjonijiet li jibbenefikaw mill-[SSTL], [l-investituri kienu] joperaw permezz ta[r-RIE] fi swieq ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ u tal-akkwist u l-bejgħ ta’ bastimenti tal-baħar, li huma miftuħa għall-kummerċ intra-UE”.

206    Kif indikat fil-punti 173 sa 175 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex ir-RIE stabbiliti għall-finijiet tal-SSTL u l-membri tagħhom kienu jifformaw entità ġuridika jew ekonomika waħda, b’tali mod li l-attivitajiet tar-RIE setgħu jiġu attribwiti lill-membri tagħhom. Bil-kontra ta’ dan, il-Kummissjoni tindika l-oppost, b’mod partikolari fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, meta tiddikjara li “[m]inħabba li l-membri tagħhom iqisu li r-[RIE] li jipparteċipaw f’operazzjonijiet [SSTL] jikkostitwixxu veikolu ta’ investiment– aktar minn mod kif titwettaq attività konġunta — [l-imsemmija] Deċiżjoni tirreferi għalihom bħala investituri”.

207    F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas it-tieni pilastru tar-raġunament tal-Kummissjoni ma jissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni imposti fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

208    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq (ara l-punti 198 sa 207 iktar ’il fuq), għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ddeċidiet, fil-premessi 171 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm ir-riskju li l-miżuri inkwistjoni jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffetwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

2.     Deċiżjoni

209    Peress li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi żbalji u peress li ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hemm lok li l-ewwel talba tar-Renju ta’ Spanja, ta’ Lico u ta’ PYMAR fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 tiġi milqugħa u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata fl-intier tagħha, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra magħmula fil-kuntest taż-żewġ rikorsi.

 Fuq l-ispejjeż

210    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico u minn PYMAR, skont kif mitluba minnhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE, tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja [–] Reġim tat-taxxa [Skema fiskali] applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema [skema] Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk esposti mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico Leasing, SA, u minn Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA.

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2015.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-proċedura amministrattiva

II –  Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Id-deskrizzjoni tal-SSTL

1.  L-istruttura legali u finanzjarja tal-SSTL

a)  Il-kuntratt inizjali ta’ bini ta’ bastiment

b)  Il-kuntratt novat ta’ bini ta’ bastiment

c)  Stabbiliment ta’ RIE mill-bank u sejħa għal investituri

d)  Kuntratt ta’ lokazzjoni

e)  Kuntratt tal-lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ b’opzjoni ta’ xiri

2.  L-istruttura fiskali tal-SSTL

a)  Miżura 1: Deprezzament aċċellerat tal-assi lokati (l-Artikolu 115(6) tat-TRLIS)

b)  Miżura 2: Applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat ta’ assi lokati (Artikolu 48(4) u Artikolu 115(11) tat-TRLIS u Artikolu 49 tar-RIS)

c)  Miżura 3: ir-RIE

d)  Miżura 4: Skema ta’ taxxa skont it-tunnellaġġ (Artikoli 124 sa 128 tat-TRLIS)

e)  Miżura 5: L-Artikolu 50(3) tar-RIS

B –  Evalwazzjoni tal-Kummissjoni

1.  Eżami tal-SSTL inkwantu skema/eżami tad-diversi miżuri

2.  L-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

a)  Impriżi fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE

b)  L-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

c)  Trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u imputabbiltŕ lill-Istat

d)  Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ

3.  Kompatibbiltà mas-suq intern

4.  Irkupru

a)  Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

b)  Determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati

c)  Klawżoli kuntrattwali

C –  Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑719/13

II –  Fuq il-mertu

A –  Fuq il-portata tal-ewwel talba ta’ Lico u ta’ PYMAR fil-Kawża T‑719/13

B –  Fuq il-motivi mressqa fil-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13

1.  Fuq l-ewwel motiv, dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

a)  L-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-vantaġġi ekonomiċi

b)  Fuq ir-rekwiżit dwar is-selettivitŕ

Awtorizzazzjonijiet mogħtija mid-dipartiment tat-taxxa, abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali, biss għal operazzjonijiet SSTL maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir

–  Vantaġġ marbut ma ċertu tip ta’ investiment

–  Selettività li tirriżulta minn allegata setgħa diskrezzjonali tad-dipartiment tat-taxxa

Vantaġġi marbuta mar-realizzazzjoni ta’ ċerti attivitajiet

Deċiżjoni fil-qasam tas-selettivitŕ

c)  Fuq l-analiżi dwar ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

Fuq l-ewwel pilastru tar-raġunament tal-Kummissjoni

Fuq it-tieni pilastru tar-raġunament tal-Kummissjoni

2.  Deċiżjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.