Language of document : ECLI:EU:T:2020:434

Kawżi magħquda T-515/13 RENV u T-719/13 RENV

Ir-Renju ta’ Spanja et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tat23 ta’ Settembru 2020

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku (GIE) u l-investituri tagħhom – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għax-xiri ta’ bastimenti (skema Spanjola ta’ leasing fiskali) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru parzjali tagħha – Natura selettiva – Obbligu ta’ motivazzjoni – Irkupru tal-għajnuna – Ugwaljanza fit-trattament – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Intervent fil-proċedura ta’ rinviju ta’ parti intervenjenti unikament fil-proċedura ta’ rinviju – Ammissibbiltà

(Regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 217(1))

(ara l-punti 64, 65)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżuri fiskali favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku u l-investituri tagħhom – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ vapuri – Sistema bbażata fuq il-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel abbażi ta’ kriterji vagi li jirrikjedu interpretazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali – Kriterji vagi li ma jistgħux jitqiesu bħala oġġettivi – Karattru diskrezzjonali de jure tal-leġiżlazzjoni – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 81-102)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri– Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Miżuri fiskali favur favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku u l-investituri tagħhom – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ vapuri – Suq miftuħ għall-kummerċ bejn l-Istati Membri – Tnaqqis tal-prezz li jista’ joħloq distorzjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tal-akkwist u tal-bejgħ tal-vapuri tat-tbaħħir

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 103-107)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Stħarriġ ġudizzjarju

[Artikolu 296(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(c)]

(ara l-punti 118-132)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Miżuri fiskali favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku u l-investituri tagħhom – Miżuri simili għal skema oħra li kienu s-suġġett ta’ ordni ta’ rkupru – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni oġġettiva

(Artikolu 108 TFUE)

(ara l-punti 139-146)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli tal-proċedura tal-Artikolu 108 TFUE – Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji – Protezzjoni – Kundizzjonijiet u limiti – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Assenza

(Artikolu 108 TFUE)

(ara l-punti 155-176)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Kundizzjonijiet u limiti – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Assenza

(Artikolu 108 TFUE)

(ara l-punti 193-206)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Determinazzjoni tal-benefiċċjarju tal-għajnuna – Kriterju – Tgawdija effettiva

(Artikolu 108(2) TFUE)

(ara l-punti 217-220)

Sunt

L-iskema fiskali Spanjola applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament konklużi minn tarzni tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna

L-għajnuniet ta’ Stat illegali mogħtija għal dan l-għan għandhom jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarji tagħhom

Fl‑2006, il-Kummissjoni Ewropea kienet irċeviet diversi lmenti dwar l-applikazzjoni tal-“iskema Spanjola ta’ leasing fiskali” (iktar ’il quddiem l-“SSTL”) għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament, sa fejn kienet tippermetti lill-kumpanniji tat-tbaħħir li jibbenefikaw minn tnaqqis tal-prezz ta’ 20 sa 30 % għax-xiri ta’ bastimenti mibnija minn tarzni Spanjoli. Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-SSTL kien li tipprovdi vantaġġi fiskali lil gruppi ta’ interess ekonomiku (iktar ’il quddiem il-“GIE”) u lill-investituri tagħhom li jipparteċipaw fiha, li sussegwentement kienu jittrasferixxu parti minn daw il-vantaġġi lil-kumpanniji tat-tbaħħir li jkunu xtraw bastiment ġdid.

Fid-deċiżjoni kontenzjuża (1), adottata f’Lulju 2013, il-Kummissjoni qieset l-SSTL kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (2) fil-forma ta’ vantaġġ fiskali selettiv li kienet parzjalment inkompatibbli mas-suq intern. Sa fejn din l-iskema kienet ġiet implementata sa mill‑1 ta’ Jannar 2002 bi ksur tal-obbligu ta’ notifika (3), hija kienet ordnat lill-awtoritajiet nazzjonali jirkupraw din l-għajnuna mingħand l-investituri, jiġifieri l-membri tal-GIE.

F’Settembru 2013, ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing, SA u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ippreżentaw rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il-Kummissjoni (4) (T-515/13 u T-719/13, EU:T:2015:1004), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-vantaġġ riċevut mill-investituri tal-GIE ma kienx selettiv u li l-motivazzjoni li tirrigwarda l-kriterji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ ma kinitx suffiċjenti. Konsegwentement, id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet annullata mingħajr ma kien hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi u l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell ippreżentat mill-Kummissoni, annullat, permezz tas-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (5) (C-128/16 P, EU:C:2018:591), is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Qorti Ġenerali, fl-analiżi tagħha tan-natura selettiva tal-miżuri fiskali, kienet wettqet applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat u li għall-kuntrarju ta’ dak li kienet ikkonkludiet, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinitx ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Billi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma kinitx tat deċiżjoni fuq il-motivi kollha invokati quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża u, għaldaqstant, bagħtet il-kawżi lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Permezz tas-sentenza tagħha fuq l-appell tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il-Kummissjoni (T-515/13 RENV u T-719/13 RENV), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti.

Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, il-klassifikazzjoni tal-miżuri fiskali bħala għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, ivverifikat, qabel xejn, jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi li l-vantaġġi mogħtija abbażi tal-iskema SSTL, ikkunsidrata fl-intier tagħha, kinitx ta’ natura selettiva. Wara li fakkret il-ġurisprudenza dwar is-selettività naxxenti mis-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjonijiet nazzjonali meta dawn jeżerċitaw il-kompetenzi fiskali tagħhom (6), il-Qorti Ġenerali osservat li l-benefiċċju tal-iskema fiskali inkwistjoni kien mogħti mill-amministrazzjoni fisali fil-kuntest ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel abbażi ta’ kriterji vagi li jimplikaw interpretazzjoni li l-eżerċizzju tagħha ma kien suġġett għal ebda restrizzjoni. B’hekk, l-amministrazzjoni fiskali setgħet tistabbilixxi d-data tal-bidu tad-deprezzament fid-dawl taċ-ċirkustanzi ddefiniti f’termini li jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv lill-amministrazzjoni fiskali. Skont il-Qorti Ġenerali, l-eżistenza ta’ dawn l-aspetti diskrezzjonali kienet ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. B’mod partikolari, GIE oħra ma setgħux jibbenefikaw mid-deprezzament antiċipat taħt l-istess kundizzjonijiet. Barra minn hekk, sabiex twarrab l-argument li l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat fil-prattika lill-GIE kollha attivi fis-settur inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fid-dawl tan-natura diskrezzjonali de jure tal-leġiżlazzjoni, ftit jimporta jekk l-applikazzjoni tagħha kinitx diskrezzjonali jew le de facto. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, peress li waħda mill-miżuri li jippermettu l-benefiċċju tal-SSTL fl-intier tagħha kienet selettiva, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li s-sistema kienet selettiva kollha kemm hi. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, sussegwentement, li s-suq tal-akkwist u tal-bejgħ ta’ bastimenti tat-tbaħħir kien miftuħ għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u li tnaqqis ta’ 20 sa 30 % tal-prezz ta’ bastiment kien jhedded li joħloq distorzjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq li fih kienu attivi l-GIE. B’hekk, il-kundizzjonijiet marbuta mar-riskju ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kienu ssodisfatti. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-irkupru tal-għajnuna illegali u ċaħdet il-motivi differenti invokati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, hija ċaħdet il-ksur allegat tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinux waslu sabiex jistabbilixxu li kienu kisbu mill-Kummissjoni assigurazzjoni preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti li minnhom kien jirriżulta li l-iskema inkwistjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet debitament ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ ċertezza legali fid-deċiżjoni kontenzjuża, fatt li kien wassalha sabiex tillimita ratione temporis l-irkupru tal-għajnuna illegali. Fil-fatt, l-irkupru tal-għajnuna kienet limitata għal dawk mogħtija wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni marbuta mal-GIE fiskali Franċiżi li kienet waqqfet sitwazzjoni ta’ inċertezza legali naxxenti mis-sentenza Brittany Ferries (7). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta qieset li l-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet waqqfet kull inċertezza legali peress li, d’dik id-deċiżjoni, skema paragunabbli mal-SSTL kienet ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-validità ta’ din il-konstatazzjoni ma kinitx impoġġija fid-dubju minn ċirkustanzi li ġraw wara, bħal allegat nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni inkonnessjoni mal-iskema inkwistjoni.

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru. Ir-rikorrenti ikkritikaw id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tordna l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri (il-membri tal-GIE) minkejja li parti mill-vantaġġ fiskali ġiet ittrasferita lill-kumpanniji tat-tbaħħir. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet lil-kumpanniji tat-tbaħħir ma kinux il-benefiċċjarji tal-għajnuna, b’tali mod li l-ordni tal-irkupru kien jikkonċerna biss u b’mod sħiħ lill-investituri, l-uniċi benefiċċjarji tal-għajnuna kollha minħabba t-trasparenza fiskali tal-GIE. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri, minkejja li dawn kienu ttrasferixxew parti mill-vantaġġ lil operaturi oħra, peress li dawn tal-aħħar ma ġewx meqjusa bħala benefiċċjarji tal-għajnuna. Fil-fatt, huma l-investituri li kellhom it-tgawdija effettiva tal-għajnuna peress li l-leġiżlazzoni applikabbli ma kinitx timpani fuqhom it-trasferiment ta’ parti mill-għajnuna favur terzi.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja – Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1).


2      Fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.


3      Previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.


4      Ara CP 150/15.


5      Ara CP 115/18.


6      Sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni (C-241/94, EU:C:1996:353, punt 23), tad‑29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, (C-256/97, EU:C:1999:332, punt 27), tat‑18 ta’ Lulju 2013, P (C-6/12, EU:C:2013:525, punt 27) u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C-128/16 P, EU:C:2018:591), punt 55). Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il-Kummissjoni (T-254/00, T-270/00 u T-277/00, EU:T:2008:537, punt 97) u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Port autonome du Centre et de l’Ouest et Il-Kummissjoni (T-673/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:643, punt 188).


7      Is-sentenza Brittany Ferries, adottata fl-2001, setgħet twassal lill-operaturi ekonomiċi sabiex jikkunsidraw li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni, bħal dawk mogħtija fil-kuntest tal-SSTL, setgħu jikkostitwixxu miżuri ġenerali li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Madankollu, skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali spiċċat bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, ippubblikata fit-30 ta’ April 2007, li kellha twassal lil operatur prudenti u informat sabiex iqis li skema simili għall-SSTL setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.