Language of document : ECLI:EU:T:2023:5

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

18 ta’ Jannar 2023 (*)

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq imwettaq mir-Rumanija – Programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali 2007‑2013 – Metodi ta’ kalkolu tar-rati ta’ sostenn relatati mas-submiżura ‘1a’ tal-miżura 215 – Pagamenti għall-benesseri tal-‘ħnieżer għas-simna’ u ‘ħnieżer qabel ir-refgħa’ – Żieda ta’ mill-inqas 10 % tal-ispazju disponibbli allokat lil kull annimal – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti – Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014 – Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qafas tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità u ta’ clearance tal-kontijiet”

Fil-Kawża T‑33/21,

IrRumanija, irrappreżentata minn E. Gane u L.‑E. Baţagoi, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Aquilina, A. Biolan u M. Kaduczak, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Rumanija titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1734 tat‑18 ta’ Novembru 2020 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċerta nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2020, L 390, p. 10), sa fejn din teskludi ċertu nfiq li hija sostniet għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019 għal ammont ta’ EUR 18 717 475.08 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Permezz tad-Deċiżjoni C(2008) 3831 tagħha tas‑16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni Ewropea approvat il-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali tar-Rumanija għall-perijodu 2007‑2013 (iktar ’il quddiem il-“PNŻR 2007‑2013”).

3        Fl‑14 ta’ Settembru 2011, il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali Rumen bagħat lill-Kummissjoni talba għar-reviżjoni tal-PNŻR 2007‑2013, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal‑15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2008, L 322M, p. 305). Waħda mill-emendi proposta kienet l-introduzzjoni tal-miżura 215 – Pagamenti għall-benesseri tal-annimali (iktar ’il quddiem il-“miżura 215”). Fir-rigward ta’ din il-miżura, kienu ġew previsti pagamenti kumpensatorji għat-telf tad-dħul u għall-ispejjeż supplimentari sostnuti mill-bdiewa li jrabbu t-tjur u l-ħnieżer li, konformement mal-PNŻR 2007‑2013, kienu assumew volontarjament l-implimentazzjoni ta’ ċerti standards fil-qasam tal-benesseri tal-annimali. L-għajnuna ngħatat fil-kuntest ta’ impenji pluriannwali meħuda mill-bdiewa għal perijodu minimu ta’ ħames snin.

4        Permezz tal-ittra ARES(2011) 1344895 tat‑13 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni indikat lir-Rumanija li rċeviet u analizzat il-proposta ta’ emenda tal-PNŻR 2007‑2013. Hija ppreċiżat li, kif kien il-każ, il-proposta ta’ emenda ma kinitx aċċettabbli u talbet kjarifiki. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-miżura 215, il-Kummissjoni rreferiet, b’mod partikolari, għall-metodi ta’ kalkolu tar-rati ta’ sostenn relatati mal-miżura 215 billi talbet korrezzjonijiet.

5        Fit‑22 ta’ Marzu 2012, l-awtoritajiet Rumeni tellgħu fis-sistema ta’ ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni SFC2007 l-metodi ta’ kalkolu riveduti.

6        Permezz tal-ittra ARES(2012) 411175 tal‑4 ta’ April 2012, il-Kummissjoni tat il-kunsens tagħha għas-seba’ emenda tal-PNŻR 2007‑2013, inkluż għall-miżura 215. Skont din l-ittra, “[i]d-dipartimenti tal-Kummissjoni [kienu] analizzaw l-emendi proposti” u kienu kkunsidraw li dawn l-“emendi [kienu] josservaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament [tal-Kunsill (KE)] Nru 1698/2005 [tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23)] u tar-Regolament Nru 1974/2006” u li, “[g]ħalhekk, il-proposti [kienu] aċċettati”.

7        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012, ġiet emendata l-PNŻR 2007‑2013 u l-miżura 215 ġiet introdotta.

8        Mit‑18 sad‑29 ta’ Mejju 2015, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri wettqet missjoni ta’ awditu fir-Rumanija u kkonstatat żbalji fir-rigward tal-pagamenti mwettqa b’applikazzjoni tal-miżura 215. Skont il-konstatazzjonijiet preliminari tagħha, innotifikati lill-awtoritajiet Rumeni fit‑18 ta’ Settembru 2015, kienu ġew identifikati żbalji fil-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji fir-rigward tad-diversi submiżuri tal-miżura 215. Dawn l-iżbalji taw lok għall-għoti ta’ kumpens żejjed lill-bdiewa u, għalhekk, għal ksur tal-Artikolu 40 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23). Fost is-submiżuri tal-miżura 215 ikkonċernati mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri kien hemm is-submiżura “1a”: “ħnieżer għas-simna”, “ħnieżer qabel ir-refgħa” u “majjali” – Żieda ta’ mill-inqas 10 % tal-ispazju disponibbli allokat lil kull annimal (fir-rigward biss tal-“ħnieżer għas-simna” u “ħnieżer qabel ir-refgħa”) (iktar ’il quddiem is-“submiżura kontenzjuża”).

9        Permezz tal-ittra Nru 493 tas‑7 ta’ Jannar 2016, u l-ittra tagħhom E7324 tal‑24 ta’ Marzu 2016, l-awtoritajiet Rumeni talbu s-sostenn tal-Kummissjoni sabiex tiġi identifikata soluzzjoni u indikaw li l-PNŻR 2007‑2013 ma setgħetx tiġi emendata iktar fil-mument tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, jiġifieri fit‑18 ta’ Settembru 2015.

10      Permezz tal-ittra tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2016, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet b’mod partikolari li l-infiq relatat mas-submiżura kontenzjuża kien ineliġibbli, minħabba li l-metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ sostenn applikati kien żbaljat.

11      Wara li analizzat il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u r-risposti tal-awtoritajiet Rumeni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-ewwel awditu amministrattiv, bir-referenza RD 2/2016/031/RO, dwar il-miżura 215 dwar il-benesseri tal-annimali fir-Rumanija għas-snin finanzjarji 2014 sa 2016 (iktar ’il quddiem l-“ewwel awditu”).

12      Permezz tal-ittra ARES(2016) 1403661 tal‑21 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-pagamenti relatati b’mod partikolari mas-submiżura kontenzjuża kien fihom żbalji sistemiċi u ma kinux konformi mal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005. Hija talbet lill-awtoritajiet Rumeni jipprovdu iktar informazzjoni dwar, b’mod partikolari, din is-submiżura. Fil-fatt, abbażi tal-informazzjoni li kellha, kontroll ewlieni kien jidher assenti u l-pagamenti mwettqa abbażi tal-imsemmija submiżura kienu jidhru kkaratterizzati minn irregolaritajiet ġeneralizzati li jistgħu jirrendu l-ispejjeż korrispondenti mhux eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

13      Permezz tal-ittra tagħha ARES(2017) 1331659 tal‑14 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Rumeni sabiex jagħmlu kalkolu ġdid tar-rati ta’ ħlas u pproponiet l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għas-snin finanzjarji 2014 sa 2016. B’mod iktar preċiż, hija pproponiet, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 25 % tal-infiq li jirriżultaw mill-pagamenti kumpensatorji magħmula mill-aġenzija akkreditata Rumena, għas-submiżura kontenzjuża u mill-korrezzjonijiet ad hoc ikkalkolati għall-infiq magħmul abbażi tas-submiżuri differenti tas-submiżura kontenzjuża.

14      L-awtoritajiet Rumeni bdew proċedura ta’ konċiljazzjoni bir-referenza 17/RO/796 (iktar ’il quddiem il-“proċedura 17/RO/796”) għall-ammont ta’ EUR 28 087 745.37 relatat mal-pagamenti mwettqa fil-kuntest tas-submiżura kontenzjuża, matul is-snin finanzjarji 2014 sa 2016.

15      Fir-rapport tiegħu ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura 17/RO/796, li jinsab fl-ittra ARES(2017) 4685136 tas‑26 ta’ Settembru 2017, l-korp ta’ konċiljazzjoni kkonkluda li korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % kienet inġustifikata, minħabba, b’mod partikolari, li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li kontroll ewlieni kien assenti (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), u esprimiet dubji dwar l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni għall-perijodu preċedenti għad-data tan-notifika tal-konstatazzjonijiet preliminari tal-missjoni ta’ verifika mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri.

16      Fil-pożizzjoni finali tagħha, li tinsab fl-ittra ARES(2018) 1348956 tat‑12 ta’ Marzu 2018, kif ukoll fir-rapport sommarju tagħha ARES(2018) 2487854 tas‑16 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, kompliet issostni l-konklużjoni tagħha li l-pagamenti magħmula taħt is-submiżura kontenzjuża kienu jiksru l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005.

17      Fit‑13 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/873 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 152, p. 29). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari applikat għar-Rumanija korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 25 % li tikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 13 184 846.61 għas-snin finanzjarji 2015 u 2016, minħabba l-istima eċċessiva tal-ammont tal-pagamenti imwettqa mill-aġenzija akkreditata Rumena għas-submiżura kontenzjuża, li taqa’ taħt is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (SIAK) fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

18      Ir-Rumanija ppreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873. Dan ir-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli minħabba t-tardività tiegħu bid-digriet tat‑30 ta’ April 2019, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (T‑530/18, EU:T:2019:269). L-appell ippreżentat mir-Rumanija kontra l-imsemmi digriet ġie miċħud permezz tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑498/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:686).

19      Wara l-għeluq tas-sena finanzjarja 2016, il-Kummissjoni għamlet awditu ġdid, bir-referenza RD 2/2018/031/RO, li kien jirreferi għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019 (iktar ’il quddiem it-“tieni awditu”). Peress li l-awtoritajiet Rumeni kienu kisru l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, il-Kummissjoni pproponiet b’mod partikolari li teskludi mill-finanzjament mill-FAEŻR l-ammont ta’ EUR 18 717 475.08 li jikkorrispondi għal korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 25 % tal-infiq magħmul għas-submiżura kontenzjuża tal-PNŻR 2007‑2013. Fir-rigward ta’ din is-submiżura li tipprevedi pagamenti kumpensatorji għall-persuni li jrabbu “ħnieżer għas-simna”, bir-rata ta’ sostenn ta’ EUR 41.40 għal kull unità grossa ta’ bhejjem (UGB), ta’ “ħnieżer qabel ir-refgħa”, bir-rata ta’ sostenn ta’ EUR 165 għal kull UGB u ta’ “majjali”, bir-rata ta’ sostenn ta’ EUR 23.30 għal kull UGB, il-Kummissjoni rrilevat l-istess żbalji bħal dawk matul l-ewwel awditu. B’mod iktar preċiż, skont il-Kummissjoni, saret stima eċċessiva tar-rati ta’ pagament għall-kategoriji “ħnieżer għas-simna” u “ħnieżer qabel ir-refgħa”, peress li l-ekonomiji tal-għalf ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni ż-żieda reali tal-piż tal-annimali u li l-prezz tad-dħul inizjali tal-annimali mhux imrobbija ma kienx ġie dedott. Skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1200/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83) il-Kummissjoni għalhekk sistematikament issospendiet 25 % tal-ammonti kollha mitluba mill-awtoritajiet Rumeni għas-submiżura kontenzjuża.

20      Permezz tal-ittra tagħhom Nru 545 tad‑9 ta’ Lulju 2018, l-awtoritajiet Rumeni pprovdew informazzjoni supplimentari dwar, b’mod partikolari, il-modalitajiet użati sabiex isiru l-pagamenti kumpensatorji fil-kuntest tal-miżura 215 u, għal darba oħra, informaw lill-Kummissjoni bl-impossibbiltà oġġettiva li temenda il-PNŻR 2007‑2013. L-imsemmija awtoritajiet informaw ukoll lill-Kummissjoni li kienu ġew ippreżentati rikorsi quddiem il-qrati nazzjonali mill-benefiċjarji li rċevew pagamenti kumpensatorji inqas minn dawk li kienu previsti mill-impenji meħuda skont il-miżura 215 tal-PNŻR 2007‑2013.

21      Permezz tal-ittra ARES(2018) 638947 tat‑12 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Rumeni kjarifiki u bagħtitilhom il-minuti ta’ laqgħa bilaterali tal‑20 ta’ Novembru 2018. L-awtoritajiet Rumeni rrispondew permezz tal-ittra tagħhom Nru 241040 tat‑8 ta’ Jannar 2019, u permezz tal-ittra tagħhom Nru 133 tat‑12 ta’ Frar 2019, fejn talbu, b’mod partikolari, kjarifiki fir-rigward tal-metodu ta’ reviżjoni tal-PNŻR 2007‑2013, għar-raġuni li, fil-fehma tagħhom, sabiex jiġu emendati r-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża, kien neċessarju li l-imsemmi programm jiġi emendat u li l-iskadenza sabiex isir dan kienet skadiet fil-mument tan-notifika tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

22      Permezz tal-ittra ARES(2019) 1368242 tat‑28 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni indikat li l-PNŻR 2007‑2013 ma setgħetx iktar tiġi suġġetta għal reviżjoni, iżda li hija setgħet taċċetta, bħala prinċipju, li l-emendi tal-ammont tal-pagamenti relatati mal-miżura 215 ikunu riflessi f’emenda għall-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2014‑2020.

23      Wara diskussjonijiet u skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet Rumeni u l-Kummissjoni, din tal-aħħar, permezz tal-ittra tagħha ARES(2019) 5096803 tal‑5 ta’ Awwissu 2019 innotifikat lir-Rumanija l-proposta tagħha li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammont ta’ EUR 18 717 475.08 li jirrappreżenta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % tal-infiq magħmul abbażi tas-submiżura kontenzjuża, għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019. Fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat li, konformement mal-Artikolu 12(7)(c) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18), kien jeżisti riskju ikbar ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni, peress li seta’ raġonevolment jiġi preżunt li l-libertà li talbiet irregolari jiġu ssottomessi b’impunità setgħet twassal għal danni finanzjarji eċċezzjonalment għoljin għall-baġit tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni, ir-Rumanija kienet wettqet “irregolaritajiet ġeneralizzati”, fis-sens tal-punt 3.2.5 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qafas tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità u ta’ clearance tal-kontijiet, kif jinsabu fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 3675 final tat‑8 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji”), li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ugwali għal 25 %.

24      Permezz tal-ittra tagħhom Nru 662 tal‑11 ta’ Settembru 2019, l-awtoritajiet Rumeni indikaw li s-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, ma kinitx applikabbli. Għalhekk huma bdew mill-ġdid proċedura ta’ konċiljazzjoni, bir-referenza 19/RO/856, fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 18 717 475.08 (iktar ’il quddiem il-“proċedura 19/RO/856”).

25      Fir-rapport tiegħu ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura 19/RO/856, li jinsab fl-ittra ARES(2019) 7587324 tal‑10 ta’ Diċembru 2019, il-korp ta’ konċiljazzjoni kkonstata li konċiljazzjoni ma kinitx possibbli u indika b’mod partikolari li ma kienx konvint li l-elementi kkunsidrati fil-kawża inkwistjoni kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji (ara l-punt 23 iktar ’il fuq).

26      Permezz tal-ittra tagħha ARES(2020) 2031991 tal‑14 ta’ April 2020, li fiha l-pożizzjoni finali tagħha, u mir-rapport sommarju tagħha ARES(2020) 5780976 tat‑22 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pagamenti magħmula skont is-submiżura inkwistjoni kienu jiksru l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005. Huwa għalhekk li hija indikat li l-ammont ta’ EUR 18 717 475.08, li jikkorrispondi għal 25 % tal-infiq relatat mal-imsemmija submiżura, kellu jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni.

27      Fit‑18 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari applikat għar-Rumanija korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li permezz tagħha 25 % tal-infiq sostnut mill-aġenzija tal-pagamenti akkreditata Rumena u ddikjarati fil-kuntest tal-FAEŻR, għal ammont ta’ EUR 18 717 475.08, kienu esklużi minħabba l-istima eċċessiva tal-ammont tal-pagamenti kumpensatorji magħmula abbażi tas-submiżura kontenzjuża, matul is-snin finanzjarji 2017 sa 2019.

 Ittalbiet talpartijiet

28      Ir-Rumanija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi l-infiq sostnut mill-aġenzija tal-pagamenti akkreditata Rumena, skont il-FAEŻR, b’applikazzjoni tas-submiżura kontenzjuża għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019, fl-ammont ta’ EUR 18 717 475.08;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

 Iddritt

30      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Rumanija tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-eżerċizzju mhux xieraq tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teskludi ċertu nfiq mill-finanzjament tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u jinkludi sitt ilmenti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

31      Qabelxejn għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

32      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-Rumanija ssostni wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Peress li argument identiku tqajjem ukoll fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel motiv, hemm lok li tingħata risposta waqt l-eżami ta’ dan il-motiv u tal-ilment korrispondenti.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

33      Ir-Rumanija ssostni li l-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn hija eskludiet is-somma totali ta’ EUR 18 717 475.08 mill-finanzjament ta’ ċertu nfiq magħmul fil-kuntest tal-FAEŻR għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019.

34      Skont ir-Rumanija, il-Kummissjoni ma spjegatx b’mod suffiċjenti kif metodoloġija ta’ kalkolu allegatament żbaljata kienet tikkostitwixxi sitwazzjoni li taqa’ taħt l-ipoteżijiet previsti fl-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014, jiġifieri irregolarità, fis-sens tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma invokatx l-ipoteżi ta’ negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari jew frawdolenti sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % tal-ispejjeż u lanqas ma ġġustifikat il-pożizzjoni tagħha li nbidlet fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ metodoloġija ta’ kalkolu allegatament żbaljata (ara l-punti 12, 15, 23 u 25 iktar ’il fuq). Il-bidla tat-terminoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa tostakola l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Rumeni sabiex jifhmu l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

35      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Rumanija.

36      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din il-kwistjoni tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑145/15, EU:T:2017:86, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      B’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, huwa, minn naħa, li jipprovdi lil persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑145/15, EU:T:2017:86, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq, għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑145/15, EU:T:2017:86, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, meta deċiżjoni tkun ġiet adottata f’kuntest magħruf sew mill-persuna kkonċernata, din tista’ tkun motivata b’mod sommarju (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord‑Pas‑de‑Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑301/96, EU:C:2003:509, punti 89 u 92).

40      Għandu jitfakkar ukoll li fil-kuntest partikolari tal-elaborazzjoni tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti meta l-Istat Membru li jkun id-destinatarju tagħha jkun ġie involut mill-qrib fil-proċess tal-elaborazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni u kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li s-somma kontenzjuża ma għandhiex titħallas lill-fondi agrikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2004, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑332/01, EU:C:2004:496, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 sa 40 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li hija kienet fil-preżenza ta’ ċirkustanzi, imsemmija fl-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 u fil-punt 3.2.5 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li jindikaw livell ta’ gravità għoli tal-lakuni kkonstatati u, għaldaqstant, riskju ikbar ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni u li għalihom l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 %.

42      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873 u d-djalogu amministrattiv meħud qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jagħmlu parti mill-kuntest li taqa’ fih l-imsemmija deċiżjoni u jistgħu, għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement motivata tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess, fil-kuntest tat-tieni awditu, irreferiet diversi drabi għall-ewwel awditu billi indikat li l-elementi essenzjali kienu diġà ġew diskussi u deċiżi u li hija kienet qed tuża l-ewwel awditu sabiex tikkompleta r-risposti tagħha għall-elementi indikati mill-awtoritajiet Rumeni.

43      Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskambji uffiċjali bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Rumeni fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn jinkludu sunt tal-punti prinċipali diskussi matul il-proċedura u jagħmlu wkoll parti mill-kuntest li taqa’ fih l-imsemmija deċiżjoni. Dawn l-iskambji jinkludu l-ittra dwar il-konstatazzjonijiet tat‑8 ta’ Mejju 2018, li għaliha r-Rumanija wieġbet permezz tal-ittra tagħha tad‑9 ta’ Lulju 2018, il-laqgħa bilaterali tal‑20 ta’ Novembru 2018, li l-minuti tagħha ġew ikkomunikati lir-Rumanija permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Diċembru 2018, li għaliha r-Rumanija wieġbet ukoll fit‑8 ta’ Jannar 2019, l-ittra ta’ konċiljazzjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2019, il-pożizzjoni finali li tinsab fl-ittra tal‑14 ta’ April 2020 u r-rapport sommarju dwar id-deċiżjoni kkontestata.

44      Mid-dokumenti msemmija fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Rumeni li r-rati ta’ ħlas applikati għas-submiżura kontenzjuża kienu għoljin wisq. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni esponiet fl-imsemmija dokumenti li l-metodu ta’ kalkolu użat mir-Rumanija sabiex tistabbilixxi r-rati ta’ ħlas ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ekonomiji tal-għalf, iż-żieda reali tal-piż tal-annimali, jiġifieri li l-annimali kienu qabżu minn 30 għal 103 kilogrammi (kg) qabel ma ġew ikkunsinnati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat ukoll lill-awtoritajiet Rumeni li, skont l-imsemmi metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ sostenn kumpensatorja, ma kien hemm ebda tnaqqis tal-prezz tad-dħul inizjali tal-annimali mhux mixtrija. Skont il-Kummissjoni, fil-kalkolu tar-rata ta’ kumpens li tkopri l-ispejjeż supplimentari u t-telf ta’ dħul għas-submiżura kontenzjuża, kellu jitnaqqas il-prezz tal-annimali li ma kinux iktar mixtrija minħabba l-impenji meħuda volontarjament minn dawk li jrabbu l-ħnieżer li jżidu b’10 % l-ispazju disponibbli għal kull annimal.

45      L-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda reali fil-piż tal-annimali għall-kalkolu ta’ l-ekonomiji tal-għalf u n-nuqqas ta’ tnaqqis tal-prezz inizjali tad-dħul tal-annimali għall-iffissar tar-rati ta’ sostenn ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, li jgħid li l-pagamenti favur il-benesseri tal-annimali jkopru l-ispejjeż supplimentari u t-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-impenji meħuda. Ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni kien li jiġi kkunsidrat li ċerta parti mill-pagamenti kumpensatorji kollha mwettqa abbażi tas-submiżura kontenzjuża ma setgħetx tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni, minħabba n-natura sistematika tal-użu ta’ rati stmati b’mod eċċessiv sabiex jiġu kkalkolati l-imsemmija pagamenti. Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti l-fondi agrikoli li l-Kummissjoni sistematikament issospendiet 25 % tal-ammonti kollha mitluba mill-awtoritajiet Rumeni għas-submiżura kontenzjuża, u sussegwentement applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % tal-infiq relatat mal-imsemmija submiżura.

46      Ir-Rumanija tikkontesta n-natura suffiċjenti tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % u tqis bħala ostakolu għall-komprensjoni tal-imsemmija korrezzjoni l-bidla fit-terminoloġija użata sabiex l-allegat żball relatat mal-metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ sostenn previsti mis-submiżura kontenzjuża jiġi kklassifikat.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterji u l-metodoloġija għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet fil-kuntest tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 huma previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat Nru 907/2014. Mill-Artikolu 12(6) ta’ dan ir-regolament delegat jirriżulta li meta l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni ma jistgħux jiġu ddeterminati permezz tal-kalkolu jew bl-estrapolazzjoni previsti fl-Artikolu 12(2) u (3) ta’ dan ir-regolament delegat, il-Kummissjoni għandha tapplika korrezzjonijiet b’rata fissa xierqa, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur u l-istima tagħha tar-riskju ta’ dannu finanzjarju għall-Unjoni. Skont l-Artikolu 12(7) tal-istess regolament delegat, waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-livell tal-korrezzjonijiet b’rata fissa, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod speċifiku ċ-ċirkustanzi li juru livell ta’ gravità iktar għoli tal-lakuni kkonstatati u, għaldaqstant, riskju ikbar ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni. Fost dawn iċ-ċirkustanzi, fl-Artikolu 12(7)(c) tal-imsemmi regolament delegat jissemma l-applikazzjoni mill-Istat Membru ta’ sistema ta’ kontroll meqjusa nieqsa jew serjament inadegwata u l-eżistenza ta’ provi “ta’ irregolaritajiet mifruxa u ta’ negliġenza biex jirribattu prattiki irregolari jew frodulenti”.

48      Fil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni esponiet il-prinċipji ġenerali u l-livell tal-korrezzjoni b’rata fissa li hija setgħet tipproponi bis-saħħa tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014. Fil-punt 3.2.5 tal-imsemmija linji, huwa indikat li, “[jekk l]-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ sistema ta’ verifika tinsab kompletament nieqsa jew b’nuqqasijiet serji, u [jekk] hemm evidenza ta’ irregolaritajiet mifruxa u ta’ negliġenza biex jirribattu prattiki irregolari jew frodulenti […], f’dak il-każ hija ġustifikata korrezzjoni ta’ 25%, għaliex jista’ jiġi raġonevolment preżunt li l-libertà li jiġu sottomessi talbiet irregolari b’impunità okkażżjonalment se jagħtu lok għal ħsara finanzjarja għolja għall-baġit tal-Unjoni”.

49      Fil-pożizzjoni finali tagħha u fir-rapport sommarju tagħha, stabbiliti fil-kuntest tat-tieni awditu u li r-Rumanija kienet taf bih, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, l-irregolaritajiet kienu jirriżultaw, f’dan il-każ, mill-fatt li l-awtoritajiet Rumeni kienu użaw sistematikament metodoloġija ta’ kalkolu żbaljata għall-istabbiliment tar-rati ta’ ħlas għas-submiżura kontenzjuża, u mhux mill-implimentazzjoni ta’ din il-miżura fir-rigward ta’ kull benefiċjarju inkambju għall-impenji meħuda minn dan tal-aħħar. Fl-imsemmija dokumenti, il-Kummissjoni indikat li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tas-submiżura kontenzjuża fir-Rumanija tidher serjament inadegwata u li kienu jeżistu indizji ta’ irregolaritajiet ġeneralizzati li jwasslu għal kumpens żejjed sistematiku tal-bdiewa. Peress li l-awtoritajiet Rumeni ma pprovdewx kalkolu tar-riskju sostnut mill-fondi agrikoli, u peress li madankollu indikaw il-popolazzjoni f’riskju, il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni ta’ mill-inqas 25 % kienet konformi mal-Artikolu 12(7)(c) tar-Regolament Delegat Nru 907/2004 kif ukoll mal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji u kienet tkopri l-ispejjeż magħmula għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019 (mis‑16 ta’ Ottubru 2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2018).

50      Fid-dokumenti msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni enfasizzat li l-Qorti tal-Awdituri kienet ikkalkolat kumpens żejjed ta’ 38.41 % u li, għall-kuntrarju, hija kienet ipproponiet rata ta’ korrezzjoni inqas għolja sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċerti argumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Rumeni, li setgħu effettivament iwasslu għal riskju ta’ kumpens żejjed inqas, iżda li ma setgħux jiġu kkwantifikati b’mezzi purament matematiċi. Fil-fatt, l-awtoritajiet Rumeni kienu talbu li jieħdu inkunsiderazzjoni t-teknoloġija ta’ alimentazzjoni ad libitum (b’rieda), iż-żieda fil-piż medju għall-qatla matul l-aħħar snin u ż-żieda fl-ispejjeż fissi għall-annimali li kien fadal. Peress li l-awtoritajiet Rumeni ma kinux ipprovdew kalkolu ġdid tar-rati ta’ ħlas, il-Kummissjoni qieset li r-rata fissa ta’ 25 % kienet l-aħjar stima tar-riskju għall-fondi agrikoli li setgħet issir bi sforz proporzjonat.

51      Ir-riferiment, fl-atti preparatorji tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq, għall-eżistenza ta’ “irregolaritajiet ġeneralizzati” u ta’ “negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari jew frawdolenti” sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti sabiex l-awtoritajiet Rumeni jkunu jistgħu jifhmu l-applikazzjoni tal-imsemmija korrezzjoni finanzjarja. Hija l-konklużjoni fir-rigward tan-natura sistematika tal-kumpens żejjed, li jaffettwa l-pagamenti kumpensatorji kollha mwettqa abbażi tas-submiżura kontenzjuża, li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li dawn kienu irregolaritajiet ġeneralizzati u li tqis li, fl-assenza ta’ kalkolu ad hoc tal-imsemmi kumpens żejjed ipprovdut mill-awtoritajiet Rumeni, 25 % tal-ammonti sostnuti abbażi tas-submiżura kontenzjuża kellhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, tal-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 u tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-awtoritajiet Rumeni eżerċitaw il-possibbiltà li huma kellhom li jifformulaw osservazzjonijiet dwar in-nuqqasijiet ikkonstatati. Barra minn hekk, parti mill-argumenti tagħhom wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li hija ma kinitx fil-preżenza ta’ assenza ta’ kontroll ewlieni, iżda, pjuttost, irregolaritajiet ġeneralizzati (ara l-punti 12, 15, 23 u 25 iktar ’il fuq). Minn dawn l-iskambji, imsemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq, jirriżulta wkoll li l-kwistjonijiet kontenzjużi f’din il-kawża ġew esposti u diskussi quddiem il-korp ta’ konċiljazzjoni, li, barra minn hekk, sostna l-pożizzjoni tar-Rumanija. Għalhekk, id-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn hija kienet eskludiet is-somma totali ta’ EUR 18 717 475.08 mill-finanzjament ta’ ċertu nfiq imwettaq fil-kuntest tal-FAEŻR għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019 għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, il-Kummissjoni identifikat b’mod iddettaljat kull wieħed mid-dokumenti li kienu s-suġġett ta’ dawn l-iskambji bħala li jifformaw parti integrali mir-rapport sommarju u indikat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet tal-esklużjoni tal-imsemmi ammont mill-finanzjament tal-Unjoni.

53      Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel motiv, ir-Rumanija tikkontesta l-fondatezza tal-motivi li ġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa billi ssostni li l-klassifikazzjoni legali tal-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji relatati mas-submiżura kontenzjuża bħala “irregolaritajiet ġeneralizzati”, użata mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa, hija żbaljata. Dan il-fatt juri li r-Rumanija kienet f’pożizzjoni li tifhem il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 %.

54      Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lir-Rumanija tifhem ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa u li tikkontesta l-fondatezza tagħha kif ukoll sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità.

55      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi tkompli l-approċċ żbaljat segwit matul id-djalogu amministrattiv miżmum fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873, li jikkonsisti f’li jitqies li l-metodu ta’ kalkolu allegatament żbaljat kellu jiġi kklassifikat bħala “assenza ta’ kontroll ewlieni”, ifixkel l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Rumeni sabiex jifhmu l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, fir-rapport sommarju tat‑22 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni tafferma li s-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-miżura relatata mal-benesseri tal-annimali kienet serjament inadegwata, hija ma tagħmilx iktar riferiment, bħal fir-rapport sommarju tas‑16 ta’ Mejju 2018, għall-assenza ta’ “kontroll ewlieni” jew għal nuqqas f’“kontroll ewlieni”, iżda biss għal “irregolaritajiet ġeneralizzati” li jwasslu għal kumpens żejjed sistematiku tal-bdiewa. Fir-rapport sommarju tat‑22 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ppreċiżat li, f’dan il-każ, l-irregolarità rriżultat mill-applikazzjoni sistematika ta’ rati ta’ ħlas għoljin wisq u mil-libertà li jitressqu b’impunità talbiet irregolari li jwasslu għal danni finanzjarji eċċezzjonalment għolja għall-baġit tal-Unjoni. Barra minn hekk, mistoqsija waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, in-negliġenza tal-awtoritajiet Rumeni fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari saret “gravi”, peress li dawn tal-aħħar komplew japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża wara l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-imsemmi metodu kien jagħti lok għal kumpens żejjed tal-benefiċjarji tal-għajnuna.

57      Għalhekk, huwa minnu li, fir-rigward tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873, il-Kummissjoni bidlet it-terminoloġija użata sabiex tikklassifika l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża li hija kkunsidrat bħala żbaljata u li, minflok ma għamlet riferiment għall-“assenza ta’ kontroll ewlieni”, hija enfasizzat l-eżistenza ta’ “irregolaritajiet ġeneralizzati u ta’ negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari” sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 25 %. Madankollu, ir-Rumanija ma tistax issostni li l-bidla fit-terminoloġija użata mill-Kummissjoni ostakolat l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Rumeni sabiex jifhmu l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

58      Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 53 iktar ’il fuq, ir-Rumanija setgħet tikkontesta, fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel motiv, il-fondatezza tal-approċċ segwit mill-Kummissjoni li wassalha sabiex tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ metodu allegatament żbaljat ta’ kalkolu tar-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża kellha tiġi kklassifikata bħala “irregolaritajiet ġeneralizzati u negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari jew frawdolenti” u kienet tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa konformement mal-Artikolu 12(7)(c) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014, moqri flimkien mal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

59      Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ “irregolaritajiet ġeneralizzati” hijiex korretta u tiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % fid-dawl tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji ma tirriżultax minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, iżda mill-fondatezza tagħha u hija, konsegwentement, ittrattata fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet ilment tal-ewwel motiv, li jqajjem preċiżament in-natura ġuridikament żbaljata tal-imsemmija kwalifika.

60      Il-konklużjoni esposta fil-punt 54 iktar ’il fuq lanqas ma tista’ tiġi invalidata mill-argument tar-Rumanija li l-Kummissjoni tesponi allegazzjonijiet inkoerenti, peress li, fir-risposta, hija ssostni, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata u l-atti preparatorji tat-tieni awditu jsemmu l-eżistenza ta’ “irregolaritajiet ġeneralizzati” u ta’ “negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari jew frawdolenti” u, min-naħa l-oħra, li, fil-kuntest tat-tieni awditu u fil-pożizzjoni finali tagħha, hija ma semmietx iktar irregolaritajiet fis-sens tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

61      Fil-fatt, din l-allegata inkoerenza tar-risposta ma tostakolax il-possibbiltà li tinftiehem, abbażi tad-dokumenti msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tal-korrezzjoni b’rata fissa. Din tal-aħħar ġiet applikata, peress li, skont il-Kummissjoni, is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tas-submiżura kontenzjuża fir-Rumanija kienet serjament inadegwata, fis-sens li kienu jeżistu indizji ta’ irregolaritajiet ġeneralizzati li jwasslu għal kumpens żejjed sistematiku għall-bdiewa. Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, skont il-Kummissjoni, minn naħa, ir-riskju għall-fondi agrikoli kien għoli u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit kalkolu ad hoc tal-imsemmi riskju. Konsegwentement, il-Kummissjoni applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % abbażi tal-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014, moqri flimkien mal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li kollha jirreferu għall-kunċett ta’ “irregolarità”.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud sa fejn iqajjem in-natura mhux suffiċjentement motivata tal-applikazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % tal-ispejjeż sostnuti mir-Rumanija abbażi tas-submiżura kontenzjuża.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni eżerċitat b’mod mhux xieraq ilkompetenza tagħha sabiex teskludi ċerti ammonti millfinanzjament talUnjoni abbażi talArtikolu 52 tarRegolament Nru 1306/2013

63      L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżerċizzju mhux xieraq tal-kompetenzi tal-Kummissjoni bi ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, jinkludi sitt ilmenti.

64      L-ewwel, ir-Rumanija ssostni li l-Kummissjoni għandha tassumi r-responsabbiltà tagħha fil-każ fejn is-submiżura kontenzjuża, li tinsab fil-PNŻR 2007‑2013, li din tal-aħħar approvat, tirriżulta li tmur kontra l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005. Kull approċċ ieħor imur kontra l-Artikoli 76 sa 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74). It-tieni, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-Rumanija kienet ipproċediet għal kumpens żejjed tal-benefiċjarji tal-għajnuna, bi ksur tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005. It-tielet, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 kif ukoll il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji. Ir-raba’, il-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Il-ħames, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Is-sitt, il-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

65      Qabel kollox għandhom jiġu eżaminati flimkien ir-raba’ u l-ħames ilmenti tal-ewwel motiv, li huma marbuta mill-qrib u fondati fuq l-istess elementi fattwali.

 Fuq irraba’ u lħames ilmenti talewwel motiv, ibbażati, wieħed, fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi u, lieħor, talprinċipju ta’ ċertezza legali

66      Ir-Rumanija ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod iktar preċiż, minn naħa, l-ittra tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ April 2012 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) u l-approvazzjoni minn din tal-aħħar tas-seba’ emenda tal-PNŻR 2007‑2013, permezz tad-Deċiżjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), kienu nisslu, fl-awtoritajiet Rumeni u fil-benefiċjarji kkonċernati, aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-impenji meħuda sabiex tiġi ffinanzjata s-submiżura kontenzjuża kienu ser jiġu osservati. Dawn l-aspettattivi ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjonijiet diverġenti u r-reazzjoni tardiva tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li hija stess ħolqot, kienu jippreġudikaw il-prinċipju ta’ ċertezza legali u għamlu impossibbli, għall-awtoritajiet Rumeni, l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa.  

67      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Rumanija. Skont il-Kummissjoni, qabel kollox, l-approvazzjoni tagħha tas-seba’ emenda tal-PNŻR 2007‑2013 saret abbażi ta’ informazzjoni skorretta. Għalhekk, l-ittra tagħha tal‑4 ta’ April 2012 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) ma fihiex assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi fil-fatt li r-rati ta’ ħlas previsti mis-submiżura kontenzjuża jibqgħu jiġu applikati. Billi ma introduċietx klawżola ta’ eżami mill-ġdid fil-kuntratti tagħha mal-benefiċjarji kkonċernati, ir-Rumanija kienet responsabbli għall-aspettattivi ta’ dawn tal-aħħar. Sussegwentement, ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma twettaq minnha, u lanqas ma hija kkomunikat tard wisq lill-awtoritajiet Rumeni soluzzjoni possibbli sabiex jiġi evitat kull kumpens żejjed tal-benefiċjarji kkonċernati. Fl-aħħar nett, il-premessa tar-Rumanija li tgħid li l-PNŻR 2007‑2013 u r-rati ta’ ħlas stabbiliti abbażi tal-metodu li kien ġie approvat għandhom jiġu osservati strettament sal-emenda tagħhom hija żbaljata. L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1698/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(c) u mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament 1974/2006, jikkonċerna biss ir-reviżjoni u l-emenda tal-programmi nazzjonali għall-iżvilupp rurali u huwa bla ħsara għar-regoli relatati mal-finanzjament, mal-ġestjoni u mal-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u għall-obbligi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-pagamenti mwettqa bi ksur ta’ dawn ir-regoli.

68      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effett tagħhom”, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li permezz tiegħu d-dritt li tiġi invokata l-imsemmija protezzjoni jappartjeni lil kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni, billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot aspettattivi fondati. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza tal-imsemmija assigurazzjonijiet (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, Pappalardo et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/16 P, EU:C:2017:672, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat ukoll minn Stat Membru (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑88/17, EU:T:2018:406, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). 

70      Sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu, l-ewwel, jiġi ddeterminat jekk l-atti tal-awtoritajiet amministrattivi ħolqux, fi ħdan operatur ekonomiku prudenti u avżat, aspettattivi raġonevoli. Jekk it-tweġiba għal din il-mistoqsija tirriżulta pożittiva, hemm lok, fit-tieni lok, li tiġi stabbilita n-natura leġittima ta’ din l-aspettattiva (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Elmeka, C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Madankollu, jekk operatur ekonomiku prudenti u attent seta’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni li x’aktarx taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka dak il-prinċipju jekk din il-miżura tiġi adottata (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il‑Kummissjoni, T‑336/94, EU:T:1996:148, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Għandu jiġi stabbilit jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni osservatx il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

73      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, permezz tad-Deċiżjoni C(2008) 3831 tagħha tas‑16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni approvat il-PNŻR 2007‑2013 propost mill-awtoritajiet Rumeni (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Fl‑14 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni tal-imsemmi programm sabiex tinkludi fih “miżuri” ġodda (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Fost dawn il-miżuri kien hemm il-miżura 215, li tinkludi diversi submiżuri (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) li tistabbilixxi pagamenti kumpensatorji għat-telf tad-dħul u tal-ispejjeż supplimentari sostnuti mill-bdiewa, persuni li jrabbu t-tjur u l-ħnieżer, li impenjaw ruħhom volontarjament li jimplimentaw ċerti regoli fil-qasam tal-benesseri tal-annimali. Ma huwiex ikkontestat li l-miżura 215, inkluż għalhekk is-submiżura kontenzjuża, kienet is-suġġett ta’ diversi skambji bejn l-awtoritajiet Rumeni u l-Kummissjoni qabel ma din tal-aħħar approvat, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), l-emenda proposta tal-PNŻR 2007‑2013 u l-inklużjoni, fost oħrajn, tal-miżura 215 fl-imsemmi programm bħala konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u b’mod partikolari mar-Regolament Nru 1698/2005.

74      Madankollu, wara l-awditi li seħħew wara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ittra tagħha ta’ konċiljazzjoni tal‑14 ta’ Marzu 2017 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), li l-miżura 215 ma kinitx konformi mal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, li jgħid li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 45 iktar ’il fuq, “[i]l-pagamenti għandhom jingħataw kull sena u għandhom ikopru l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenn magħmul” u, “[f]ejn meħtieġ, […] jistgħu jkopru ukoll l-ispiża tat-transazzjoni”.

75      Dan imfakkar, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li l-approvazzjoni tal-emenda tal-PNŻR 2007‑2013 sabiex tinkludi l-miżura 215 ma setgħetx toħloq aspettattivi leġittimi fil-fatt li r-rati ta’ ħlas ta’ kumpens relatati mas-submiżura kontenzjuża kienu ser jiġu osservati, sa fejn hija ma kellhiex l-elementi utli kollha sabiex tistabbilixxi l-konformità ta’ din is-submiżura mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mar-Regolament Nru 1698/2005 (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

76      F’dan ir-rigward, l-ewwel, jirriżulta mill-ittra ARES(2011) 1344895 tat‑13 ta’ Diċembru 2011 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), li l-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Rumeni li, fl-istat attwali, il-proposta ta’ emenda tal-PNŻR 2007‑2013 ma kinitx aċċettabbli u għalhekk talbet kjarifiki. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni osservat li l-finanzjament ta’ dawk li jrabbu kien jidher li huwa bbażat fuq l-ipoteżi li n-numru ta’ annimali kien naqas u li, fl-istess ħin, l-ispejjeż marbuta mad-deprezzament tal-istalel, tax-xogħol manwali u tal-konsum tal-elettriku kienu għadhom jeżistu, u dan kien jidher li jirrappreżenta impjieg doppju tal-għajnuna. Għaldaqstant, hija rrikjediet kjarifiki.

77      It-tieni, mill-ittra tal‑4 ta’ April 2012 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) jirriżulta li ġew ipprovduti kjarifiki lill-Kummissjoni. Fil-fatt, f’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li l-emendi proposti tal-PNŻR 2007‑2013 kienu josservaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1698/2005 u tar-Regolament Nru 1974/2006 u għalhekk kienu aċċettati. Huwa b’dan il-mod li hija adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012, li tapprova s-seba’ emenda tal-PNŻR 2007‑2013, li kienet tinkludi, b’mod partikolari, il-miżura 215 u s-submiżuri tagħha (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

78      It-tielet, mir-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni mogħti fil-kuntest tal-proċedura 17/RO/796 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-awtoritajiet Rumeni wrewlha posta elettronika tas‑17 ta’ Frar 2012 li kkonfermat li saru diskussjonijiet bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni, li kienu jimplikaw talbiet għal emenda tal-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji relatati mas-submiżura kontenzjuża. Il-korp ta’ konċiljazzjoni għalhekk ikkunsidra li l-elementi ta’ kalkolu kollha kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri mhux biss ir-riżultat finali, iżda wkoll il-mod kif dan ir-riżultat kien inkiseb.

79      Ir-raba’, mill-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2019 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) jirriżulta li permezz tagħha l-awtoritajiet Rumeni talbu l-ftuħ tal-proċedura 19/RO/856, li, matul il-proċess ta’ negozjati mal-Kummissjoni intiż għall-emenda tal-PNŻR 2007‑2013 sabiex tintroduċi, b’mod partikolari, il-miżura 215, il-metodu ta’ kalkolu relatat magħha kien is-suġġett ta’ korrispondenza permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Frar u tal‑14 ta’ Marzu 2012 u wkoll laqgħat bilaterali tas‑27 ta’ Lulju 2011 u tat‑13 u tal‑14 ta’ Frar 2012. Fl-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2019, huwa indikat li l-iskambji ta’ informazzjoni u t-tabelli ta’ negozjati dwar l-aspetti tekniċi tal-miżura 215 wasslu għal emendi u għal adattamenti tal-verżjonijiet tal-iskeda teknika tal-imsemmija miżura u tal-metodi ta’ kalkolu relatati magħha sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, f’din l-ittra, l-awtoritajiet Rumeni indikaw li l-ekonomiji tal-għalf kienu ġew analizzati fid-dettall u li ma kienx tqies neċessarju li jiġu inklużi l-ekonomiji li jirriżultaw mill-akkwist ta’ numru inqas għoli ta’ annimali. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li l-metodi ta’ kalkolu relatati mas-submiżuri kollha tal-miżura 215 kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni SFC2007, għall-ewwel darba, fl‑14 ta’ Settembru 2011, fil-verżjoni inizjali tagħhom, u, it-tieni darba, fit‑22 ta’ Marzu 2012, fil-verżjoni finali tagħhom approvata mill-Kummissjoni.

80      B’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, ir-Rumanija pproduċiet żewġ ritratti tal-iskrin tas-sistema ta’ ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni SFC2007 li juru li l-metodi ta’ kalkolu relatati mas-submiżura kontenzjuża kienu effettivament tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, l-ewwel, fl‑14 ta’ Settembru 2011, fil-verżjoni inizjali tagħhom, u, sussegwentement, fit‑22 ta’ Marzu 2012, fil-verżjoni finali tagħhom approvata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, b’risposta għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-Rumanija ppreċiżat li l-ispejjeż fissi kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tad-diskussjonijiet li seħħew matul l-ewwel awditu u li din tal-aħħar kienet ħadithom inkunsiderazzjoni u tqieset bħala li kienu integrati fil-metodu ta’ kalkolu propost mill-awtoritajiet Rumeni. Konsegwentement, l-imsemmija spejjeż ma ssemmewx iktar fil-verżjoni finali tal-miżura 215 approvata mill-Kummissjoni.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet Rumeni u l-Kummissjoni, qabel l-approvazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-emenda tal-PNŻR 2007‑2013 f’Mejju 2012, kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji relatati mas-submiżura kontenzjuża u li kemm ir-riżultat finali kif ukoll il-mod kif dan ir-riżultat kien ġie kkalkolat tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, minn naħa, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ma kkontestatx li l-metodi ta’ kalkolu kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni SFC2007, prevista fl-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1974/2006. Min-naħa l-oħra, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-ittra ARES(2011) 1344895 tat‑13 ta’ Diċembru 2011 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), turi li l-elementi tal-metodu ta’ kalkolu użat għas-submiżura kontenzjuża kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet bejnha u r-Rumanija.

82      Abbażi tal-elementi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li, meta approvat l-emenda tal-PNŻR 2007‑2013, il-Kummissjoni kellha informazzjoni li tippermettilha tevalwa l-konformità mal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 tas-submiżura kontenzjuża kif ukoll tal-metodi ta’ kalkolu tar-rati ta’ sostenn speċifiċi għal din il-miżura. Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li huwa biss wara l-awditu tal-Qorti tal-Awdituri li hija saret taf bil-fatt li l-vantaġġi marbuta mal-annimali mhux mixtrija u l-iffrankar tal-għalf marbut maż-żieda reali tal-piż tal-annimali ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kkontestata, għandu jiġi miċħud.

83      Ir-Rumanija għalhekk issostni, ġustament, li l-approvazzjoni tal-PNŻR 2007‑2013 kienet tirrappreżenta l-kunsens “informat” tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tas-submiżura kontenzjuża, konformement mar-rekwiżiti fil-qasam baġitarju kif ukoll mal-prinċipju ta’ konsultazzjoni mill-qrib bejn din l-istituzzjoni tal-Unjoni, fil-kwalità tagħha ta’ entità li tawtorizza, u l-Istati Membri tal-Unjoni.

84      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punti 76 sa 79 iktar ’il fuq, kien hemm dibattitu bejn l-awtoritajiet Rumeni u l-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża, qabel l-approvazzjoni tal-emenda tal-PNŻR 2007‑2013, sabiex tinkludi fiha din is-submiżura, u l-Kummissjoni kellha l-elementi neċessarji sabiex tevalwa l-konformità ta’ din is-submiżura mal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005. Dan id-dibattitu u d-dokumenti msemmija fil-punti 78 u 79 iktar ’il fuq jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pprovdiet “informazzjoni preċiża”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq, meta hija bagħtet l-ittra tal‑4 ta’ April 2012 u meta hija approvat l-emenda tal-PNŻR 2007‑2013. Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ April 2012 u d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-emenda tal-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali jippermettu li jitqies li l-imsemmija informazzjoni kienet “inkundizzjonata” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, għandu jiġi deċiż li l-informazzjoni inkwistjoni kienet ukoll “konkordanti” fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament Nru 1974/2006, il-Kummissjoni tevalwa l-emendi tal-programmi għall-iżvilupp rurali proposti mill-Istati Membri billi tevalwa l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1698/2005, il-koerenza fir-rigward tal-pjan strateġiku nazzjonali korrispondenti u l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1974/2006.

85      Barra minn hekk, peress li, waqt l-approvazzjoni tal-emenda tal-PNŻR 2007‑2013, sabiex tinkludi l-miżura 215, il-Kummissjoni evalwat il-konformità tas-submiżura kontenzjuża mar-Regolament Nru 1698/2005, inkluż għalhekk mal-Artikolu 40(3) tiegħu, għandu jiġi rrikonoxxut li l-awtoritajiet Rumeni kkunsidraw b’mod leġittimu li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-PNŻR 2007‑2013 kienet tikkostitwixxi impenn ġuridiku fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1). Skont din id-dispożizzjoni, “[i]d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta kull programm għall-iżvilupp rurali ppreżentat minn Stat Membru għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament […] Nru 1605/2002 u, ladarba jiġi nnotifikat l-Istat Membru kkonċernat, impenn legali fit-tifsira ta’ dak ir-Regolament.” Tali impenn legali, f’ċirkustanzi partikolari, bħal dawk ta’ din il-kawża, jista’ joħloq aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-konformità ta’ miżura mar-regoli fis-seħħ.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ħolqot fi ħdan l-awtoritajiet Rumeni aspettattivi leġittimi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, fil-fatt li r-rati ta’ ħlas kumpensatorju marbuta mas-submiżura kontenzjuża kienu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, konsegwentement, li l-imsemmija pagamenti kienu koperti mill-finanzjament tal-Unjoni.

87      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li, wara l-komunikazzjoni lill-awtoritajiet Rumeni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, l-aspettattivi tal-awtoritajiet Rumeni ma kinux għadhom “leġittimi” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat dan li ġej.

88      L-ewwel, kif tirrileva ġustament ir-Rumanija, il-proċedura ta’ awditu quddiem il-Qorti tal-Awdituri tikkostitwixxi stadju intermedju fil-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ evalwazzjoni tal-konformità tal-infiq magħmul skont il-PNŻR 2007‑2013. L-imsemmi stadju huwa segwit minn stadji tal-Kummissjoni, bħal awditu, laqgħat bilaterali, eventwali proċeduri ta’ konċiljazzjoni, il-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni wara l-imsemmija proċeduri, rapport sommarju u deċiżjoni dwar l-esklużjoni mill-finanzjament. Peress li l-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni ta’ natura li tnissel, fir-Rumanija, aspettattivi leġittimi fil-fatt li r-rati ta’ ħlas kumpensatorju relatati mas-submiżura kontenzjuża, stabbiliti mill-PNŻR 2007‑2013 u riprodotta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kienu osservati, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni setgħet tirrevedi l-pożizzjoni tagħha wara l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri ma kienx tali li jtemm l-imsemmija aspettattivi.

89      Barra minn hekk, jirriżulta mill-qari tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u mill-ittra ta’ konċiljazzjoni tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Marzu 2017 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) li l-awdituri tal-Qorti tal-Awdituri kkomunikaw rata żbaljata sa 78.87 % għal ċerti submiżuri u kategoriji ta’ annimali kif ukoll ammont totali tal-iżball ta’ EUR 160 056 272.18, filwaqt li l-Kummissjoni pproponiet li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammont totali ta’ EUR 73 619 746.33 abbażi tas-submiżura kontenzjuża u tas-submiżuri l-oħra tal-miżura 215 tal-PNŻR 2007‑2013. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqitx, fl-ewwel awditu tagħha, evalwazzjoni tal-impatt tal-iżball fil-każ tas-submiżura kontenzjuża, minkejja li l-impatt stmat mill-awdituri tal-Qorti tal-Awdituri kien ta’ 38.41 %. Kif jirriżulta mir-rapport mogħti mill-korp ta’ konċiljazzjoni fil-kuntest tal-proċedura 19/RO/796, il-Kummissjoni indikat, waqt is-seduta quddiem dan tal-aħħar, li hija la kienet f’pożizzjoni li tivverifika u lanqas li tifhem il-kalkolu magħmul mill-Qorti tal-Awdituri ta’ rata ta’ żball ogħla minn 38 %.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet Rumeni qabel il-pożizzjoni emendata tal-Kummissjoni li l-pagamenti magħmula abbażi tas-submiżura kontenzjuża kienu jiksru l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li, wara li rċevew il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, l-awtoritajiet Rumeni kellhom raġonevolment jantiċipaw li l-Kummissjoni, li kienet fl-oriġini tal-informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti li l-metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża kien josserva r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1698/2005, setgħet “tadotta metodu ta’ kalkolu differenti” minn dak użat mill-awtoritajiet Rumeni, li barra minn hekk kien differenti minn dak propost mill-Qorti tal-Awdituri.

91      It-tieni, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1974/2006 jipprevedi li l-emendi għall-PNŻR 2007‑2013 jistgħu jsiru sal‑31 ta’ Diċembru 2015, sakemm dawn jiġu nnotifikati mill-Istati Membri sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Awwissu 2015. F’dan il-każ, huwa stabbilit li, konformement mal-imsemmi artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-PNŻR 2007‑2013 u għalhekk il-miżura 215 implimentata fil-kuntest leġiżlattiv tal-politika agrikola komuni matul dan il-perijodu ma setgħux jiġu emendati iktar fil-mument tal-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-awditu tal-Qorti tal-Awdituri. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat‑28 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li emenda tal-PNŻR 2007‑2013 ma kinitx iktar possibbli f’din id-data. Għalhekk ma jistax jiġi sostnut li l-awtoritajiet Rumeni setgħu japplikaw pagamenti differenti minn dawk approvati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012, anki jekk din tal-aħħar kienet għadha fis-seħħ, u lanqas li, fil-mument tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, huma setgħu jemendaw unilateralment il-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali wara l‑31 ta’ Diċembru 2015. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-awtoritajiet Rumeni ressqu diversi talbiet lid-dipartimenti tal-Kummissjoni sa mill‑2016 sabiex tiġi identifikata proċedura ta’ emenda tad-dispożizzjonijiet tal-iskeda teknika tal-miżura 215 tal-PNŻR 2007‑2013 u li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma ngħatatilhomx tweġiba utli għal dawn il-mistoqsijiet mit‑3 ta’ Marzu 2016.

92      Fil-fatt, mill-ittra tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Marzu 2016, ma jirriżultax li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li risposta, fir-rigward tal-mod ta’ kif għandhom isiru l-pagamenti kumpensatorji relatati mas-submiżura kontenzjuża, ingħatat lill-awtoritajiet Rumeni f’din id-data. Fl-ittra tat‑3 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni tirreferi għall-pagamenti relatati ma’ submiżuri oħra tal-miżura 215 tal-PNŻR 2007‑2013. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, fl-ittra tagħha tat‑3 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni impliċitament ifformulat il-proposta li jiġu introdotti klawżoli ta’ reviżjoni fl-impenji tal-benefiċjarji kkonċernati, għandu jiġi nnotat li tali inklużjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex l-awtoritajiet Rumeni ma jibqgħux japplikaw ir-rati ta’ ħlas marbuta mas-submiżura kontenzjuża stabbiliti minn programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali mhux emendat. Tnaqqis tar-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża sar applikabbli għall-awtoritajiet Rumeni wara emenda fil-PNŻR 2007‑2013, imwettqa b’osservanza tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1698/2005.

93      Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Tħejjija u approvazzjoni”, huwa previst dan li ġej:

“1. Il-programmi għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu stabbiliti minn Stat Membru b’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba msemmija fl-Artikolu 6.

2. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni proposta għal kull programm għall-iżvilupp rurali, li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16.

3. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programmi proposti abbażi tal-konsistenza tagħhom mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, mal-pjan strateġiku nazzjonali u ma’ dan ir-Regolament.

Fejn il-Kummissjoni tqis li programm għall-iżvilupp rurali mhuwiex konsistenti mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, mal-pjan strateġiku nazzjonali jew ma’ dan ir-Regolament, għandha titlob lill-Istat Membru biex jirrevedi l-programm propost kif meħtieġ.

4. Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jiġi approvat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).”

94      L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Reviżjoni” jiddisponi dan li ġej:

“1. Il-programmi għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u, jekk meħtieġ, adattati għall-bqija tal-perijodu mill-Istat Membru wara l-approvazzjoni tal-kumitat ta’ monitoraġġ. Ir-reviżjonijiet għandhom jieħdu kont tal-eżitu tal-evalwazzjonijiet u tar-rapporti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari bil-ħsieb li jissaħħaħ jew jiġi adattat il-mod kif jitqiesu l-prijoritajiet tal-Komunità.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar talbiet għar-reviżjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali wara li Stat Membru jippreżenta talba bħal din f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2). It-tibdil li jeħtieġ approvazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi definit f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).”

95      Matul id-djalogu mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Rumeni rreferew, diversi drabi, għall-impossibbiltà oġġettiva li jbiddlu l-PNŻR 2007‑2013 u talbu s-sostenn tal-Kummissjoni sabiex jidentifikaw soluzzjoni mis‑7 ta’ Jannar 2016. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-awtoritajiet Rumeni ma aġixxewx bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex jiċċaraw is-sitwazzjoni l-iktar malajr possibbli u jidentifikaw għażla legalment vijabbli.

96      It-tielet, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka b’mod utli l-proposta tagħha li tinsab fl-ittra tagħha tat‑28 ta’ Frar 2019 li tgħid li, wara l‑31 ta’ Diċembru 2015, il-pagamenti kollha relatati mal-miżura 215 kienu mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-ispejjeż tal-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2014‑2020 u hija setgħet, bħala prinċipju, tammetti li l-emenda tar-rati ta’ ħlas relatati mal-imsemmija submiżura hija riflessa fit-test tal-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali, permezz ta’ emenda ta’ dan il-programm.

97      Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi termini sabiex tiġi emendata l-PNŻR 2007‑2013 u sabiex jitressqu talbiet għal pagamenti b’applikazzjoni ta’ miżura tal-imsemmi programm. Fid-data tal-ittra tal-Kummissjoni, fit‑28 ta’ Frar 2019, ma kienx iktar possibbli li l-pagamenti kumpensatorji jiġu emendati permezz ta’ emenda għall-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2014‑2020 li kien applikabbli retroattivament għat-talbiet għal pagamenti diġà ppreżentati b’applikazzjoni tas-submiżura kontenzjuża. L-impenji mal-benefiċjarji kienu ġew konklużi fuq il-bażi tal-PNŻR 2007‑2013 u d-data għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal pagamenti għall-aħħar sena ta’ impenn tal-benefiċjarji tal-miżura 215 kienet il‑15 ta’ Frar 2019.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta mill-proċess u kif ġie ppreċiżat waqt is-seduta, il-miżura 215 tal-PNŻR 2007‑2013 kienet is-suġġett ta’ tranżizzjoni, fil-kuntest tal-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2014‑2020, approvat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 3508 tas‑26 ta’ Mejju 2015, u ġiet implimentata fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tranżitorji mingħajr ma l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-impenji għall-miżura 215 kienu ġew aġġustati b’emenda għall-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2014‑2020. B’hekk, għall-awtoritajiet Rumeni, l-ammont tal-pagamenti relatati mas-submiżura kontenzjuża baqa’ dak tal-PNŻR 2007‑2013 sal‑2019, l-aħħar sena tal-impenji tranżitorji tal-miżura 215, li għalihom il-pagamenti kumpensatorji relatati mas-submiżura kontenzjuża saru sad-data ta’ skadenza tat‑30 ta’ Ġunju 2020, kif jipprevedi l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

99      Barra minn hekk, kif ġie indikat fl-ittra tal-awtoritajiet Rumeni tal‑11 ta’ Settembru 2019, id-dokumenti ta’ programmazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-PNŻR 2007‑2013 (gwida tal-applikant, manwali u proċeduri għall-amministrazzjoni tat-talbiet għal pagamenti, manwali u proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ pagamenti) ġew approvati permezz ta’ digriet ministerjali u jikkostitwixxu l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dawn jinkludu min-naħa tagħhom l-ammonti li jidhru fid-dokument tal-miżura 215.

100    Ir-raba’, bħall-korp ta’ konċiljazzjoni fir-rapport tiegħu maħruġ fil-kuntest tal-proċedura 19/RO/796, għandu għalhekk jiġi rrikonoxxut li emenda għall-PNŻR 2007‑2013 u deċiżjoni li tapprova l-imsemmija emenda kienu neċessarji sabiex l-awtoritajiet Rumeni jkunu jistgħu jnaqqsu l-pagamenti kumpensatorji mħallsa. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ġustament sostnew li l-osservanza tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1974/2006 (ara l-punt 91 iktar ’il fuq) kif ukoll tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, adottata għall-implimentazzjoni tal-imsemmi programm, kienet tirrendi impossibbli l-emenda, wara d-data li fiha ġew innotifikati l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, tar-rata ta’ ħlas u tal-metodu ta’ kalkolu relatati mas-submiżura kontenzjuża approvata mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012.

101    Għalhekk, hemm lok li jitqies li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri li l-metodi ta’ kalkolu tar-rati ta’ ħlas marbuta mas-submiżura kontenzjuża u r-riżultati finanzjarji tagħha kienu s-suġġett ta’ negozjati speċifiċi mal-Kummissjoni, li, permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2012 u bid-Deċiżjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012, kienet espressament aċċettathom bħala konformi mar-Regolament Nru 1698/2005, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri ma jistgħux jinvalidaw, b’effett immedjat, l-imsemmija metodi u r-riżultati tagħhom, bil-konsegwenza li jintemmu l-aspettattivi leġittimi tar-Rumanija.

102    L-aspettattivi leġittimi tar-Rumanija fir-rigward tal-fatt li r-rati ta’ ħlas kumpensatorji relatati mas-submiżura kontenzjuża, iffissati mill-PNŻR 2007‑2013, trasposti għall-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2014‑2020 (ara l-punt 98 iktar ’il fuq) u riprodotti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara l-punt 99 iktar ’il fuq), huma osservati għat-tul kollu tal-impenji meħuda mill-benefiċjarji li ġew estiżi wara l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, u għalhekk il-Kummissjoni kisret dawn meta ddeċidiet li tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % u li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-ispejjeż korrispondenti relatati mal-imsemmija submiżura.

103    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle (C‑545/11, EU:C:2013:169). Fil-fatt, fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, huwa indikat li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprevedi li l-iskemi ta’ sostenn elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament kienu implimentati bla ħsara għall-possibilità ta’ eżami mill-ġdid f’kull mument fid-dawl ta’ l-iżviluppi tas-suq u s-sitwazzjoni baġitarja. Fil-punt 32 tal-istess sentenza, huwa ppreċiżat li l-premessa 22 tal-imsemmi regolament kienet tipprovdi li skemi komuni ta’ sostenn għandhom jiġu adattati skont iċ-ċirkustanzi, jekk huwa neċessarju fi żmien qasir ħafna, u li l-benefiċjarji għalhekk, ma jistgħux iserħu fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għajnuna mhux ser jiġu mibdula u għandhom ikunu ppreparati għar-reviżjoni possibbli tal-iskemi fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq. Il-Qorti tal-Ġustizzja, tikkonkludi fil-punt 33 tal-imsemmija sentenza, li operatur ekonomiku prudenti u avżat kien f’pożizzjoni li jipprevedi li l-pagamenti diretti abbażi tal-iskemi ta’ sostenn tad-dħul setgħu jitnaqqsu wara eżami mill-ġdid, fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq u tas-sitwazzjoni baġitarja. Madankollu, b’differenza mill-każ eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle (C‑545/11, EU:C:2013:169), f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tippermettix emenda għall-PNŻR 2007‑2013 u l-impenji meħuda mal-benefiċjarji fi kwalunkwe mument, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1974/2006, imsemmi fil-punt 91 iktar ’il fuq.

104    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-applikazzjoni f’dan il-każ tas-sentenza tat‑3 ta’ April 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑28/16, EU:T:2017:242, punti 93 sa 97), sabiex teskludi l-persistenza ratione temporis tal-aspettattivi leġittimi tar-Rumanija. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-programm ta’ żvilupp tal-ekonomija agrikola u tal-ambjent rurali f’Bayern (il-Ġermanja) għall-perijodu 2007‑2013 ma setax ikollha bħala konsegwenza r-rinunzja minnha għar-rekwiżit ta’ kriterji ta’ għażla komparattivi, li, fi kwalunkwe każ, wassalha sabiex tmur lil hinn mis-setgħat tagħha. Issa, is-sitwazzjoni f’din il-kawża ma hijiex paragunabbli ma’ dik eżaminata fil-kuntest tal-imsemmija sentenza. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Kummissjoni, li kellha l-elementi kollha neċessarji, iddeċidiet, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha, li tapprova l-emenda tal-PNŻR 2007‑2013 sabiex tinkludi l-miżura 215 (u għalhekk is-submiżura kontenzjuża) bħala konformi mar-Regolament Nru 1698/2005, inkluż għalhekk mal-Artikolu 40(3) ta’ dan ir-regolament. B’dan il-mod, il-Kummissjoni approvat metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ ħlas kumpensatorju relatat mas-submiżura kontenzjuża li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ekonomiji li jirriżultaw mill-annimali li ma kinux għadhom jinxtraw u l-piż reali tal-annimali sabiex jiġu kkalkolati l-ekonomiji tal-għalf. Barra minn hekk, mis-sentenza tat‑3 ta’ April 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑28/16, EU:T:2017:242), ma jirriżultax li l-miżuri tal-programm ta’ żvilupp ikkonċernat kienu s-suġġett, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ, ta’ negozjati speċifiċi.

105    Il-possibbiltà, imressqa mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li tiġi applikata f’dan il-każ il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (T‑31/17, EU:T:2018:830, punt 93), għandha wkoll tiġi miċħuda.

106    Fil-fatt, ċertament, fil-punt 93 tas-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (T‑31/17, EU:T:2018:830), ġie deċiż li l-programmi ġenerali li għandhom natura previżjonali, b’tali mod li, meta tapprovahom, il-Kummissjoni ma tiħux, bħala prinċipju, pożizzjoni b’mod definittiv fuq il-konformità tal-miżuri li dawn jinkludu mar-regoli applikabbli kollha tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, fuq l-eliġibbiltà ta’ dawn il-miżuri għall-finanzjament tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali żiedet li mis-sempliċi approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ programm ġenerali jista’ jiġi dedott li la li l-miżuri inklużi f’dan il-programm huma neċessarjament konformi mar-regoli applikabbli kollha tad-dritt tal-Unjoni u lanqas li l-eliġibbiltà ta’ dawn il-miżuri għall-finanzjament tal-Unjoni ma tista tiġi kkontestata iktar mill-Kummissjoni, b’mod partikolari matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, u rreferiet għall-punti 48, 49, 52 u 59 tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑4/17 P, EU:C:2018:237).

107    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 96 tas-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (T‑31/17, EU:T:2018:830), huwa espliċitament indikat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ approvazzjoni tal-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali inkwistjoni ma kinitx speċifikament iddeċidiet dwar il-konformità tas-submiżura tal-programm inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli fil-qasam tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). Barra minn hekk, id-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-imsemmi programm kien jispeċifika li l-approvazzjoni li għaliha saret din id-deċiżjoni “ma [kinitx tkopri] il-modalitajiet ta’ kontroll u s-sanzjonijiet li [kienu ġew] eżaminati fil-kuntest tal-awditi tal-FAEG”. Huwa għalhekk fid-dawl tat-termini tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u tal-kuntest ġuridiku li fih ittieħdet li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx titqies li “li pprovdiet lill-awtoritajiet Portugiżi, fl-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti fir-rigward tal-eliġibbiltà għall-finanzjament tal-Unjoni tal-ispejjeż relatati mal-attivitajiet ta’ spezzjoni msemmija fil-punt 4.6 tal-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores” (il-Portugall). L-evalwazzjonijiet magħmula fl-imsemmija sentenza għalhekk ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 84, 101 u 102 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, f’dan il-każ, innegozjat b’mod speċifiku l-kontenut tas-submiżura kontenzjuża. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-emenda tal-PNŻR 2007‑2013 għalhekk ma tistax tkun sempliċement “provviżorja”.

108    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li, minkejja l-assenza ta’ previżjoni, fil-kuntratti mal-benefiċjarji, ta’ klawżoli ta’ eżami mill-ġdid, ir-Rumanija sabet, fil-kuntest ġuridiku tagħha, mezz sabiex jitnaqqsu l-pagamenti għas-submiżuri l-oħra tal-miżura 215 tal-PNŻR 2007‑2013 ukoll wara l-2015, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 91 sa 100 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat li l-imsemmi argument ma jurix li, fir-rigward tas-submiżura kontenzjuża, ir-Rumanija setgħet ukoll issib mezz li tnaqqas ir-rati tal-ħlas kumpensatorju. Barra minn hekk, ir-Rumanija indikat lill-Kummissjoni, fl-ittri tagħha tad‑9 ta’ Lulju 2018 u tat‑8 ta’ Jannar u tat‑12 ta’ Frar 2019, li, minħabba t-tnaqqis tal-pagamenti kumpensatorji relatati mas-submiżuri l-oħra, kienu nbdew proċeduri ġudizzjarji mill-benefiċjarji li talbu l-pagament sħiħ tal-għajnuna konformement mal-PNŻR 2007‑2013 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali.

109    F’dan ir-rigward, ir-Rumanija sostniet b’mod rilevanti, fl-ittra tagħha tal‑11 ta’ Settembru 2019, li l-proposta tal-Kummissjoni li tinkludi, wara s-sottomissjoni tat-talbiet għal pagamenti għall-ħames u l-aħħar sena ta’ impenn skont il-miżura 215, elementi ġodda fil-metodoloġija ta’ kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji li jiżdiedu mal-elementi magħrufa fil-mument tal-iffirmar tal-impenji kienet ta’ riskju għall-benefiċjarji minħabba l-assenza ta’ prevedibbiltà tal-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw l-indikaturi ekonomiċi u finanzjarji li minnhom tiddependi l-vijabbiltà tal-impriżi, jew saħansitra, f’ċerti każijiet estremi, it-tkomplija tal-attività ekonomika tal-azjendi f’diffikultà.

110    L-impenji ffirmati mill-benefiċjarji fil-kuntest tal-miżura 215 għandhom valur ta’ kuntratt, huma konklużi għal perijodu minimu ta’ ħames snin u jipprevedu obbligi volontarjament assunti mill-benefiċjarji li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti bażiċi, mar-rekwiżiti u mal-azzjonijiet speċifiċi għal kull submiżura li huma daħlu għalihom kif ukoll mal-istandards ta’ ekokundizzjonalità applikabbli għall-artijiet agrikoli li jappartjenu għall-azjenda kkonċernata u għall-attivitajiet agrikoli mwettqa f’din l-impriża. Minħabba dawn l-impenji u minħabba l-iskadenza tat-terminu previst sabiex tiġi proposta emenda tal-PNŻR 2007‑2013, ma kienx possibbli għall-awtoritajiet Rumeni li japplikaw pagamenti kumpensatorji li ma jikkorrispondux għal-livell li jidher fid-dokumentazzjoni teknika tal-miżura 215 tal-PNŻR 2007‑2013.

111    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li r-Rumanija tista’ tkun f’pożizzjoni li tnaqqas il-pagamenti u b’hekk tnaqqas it-telf tagħha li jirriżulta mir-rifjut li tieħu responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż mill-fondi agrikoli fir-rigward tas-submiżura kontenzjuża, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali approvat, ma huwiex ta’ natura li jċaħħadha mill-possibbiltà li tibbaża ruħha b’mod utli fuq l-aspettattivi leġittimi tagħha fil-fatt li r-rati ta’ ħlas kumpensatorju relatati mas-submiżura kontenzjuża, stabbiliti mill-PNŻR 2007‑2013 u meħuda mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara l-punt 99 iktar ’il fuq), jiġu osservati. Barra minn hekk, in-neċessità li jinbdew, fil-kuntest tas-submiżura kontenzjuża, proċeduri ta’ emenda tal-kuntratti u dik li jiġu affrontati l-eventwali proċeduri ġudizzjarji li jirriżultaw minnhom, kif kien il-każ fil-kuntest tas-submiżuri l-oħra tal-miżura 215 tal-PNŻR 2007‑2013, huma ġustament il-konsegwenzi negattivi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tar-Rumanija kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

112    Ċertament, għandu jiġi rrikonoxxut li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni ta’ programm għall-iżvilupp rurali ma tagħtix lil dan id-dokument ta’ programmazzjoni valur legali superjuri għal dak tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li, konsegwentement, kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Rumanija jibqgħu marbuta josservaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2015, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑257/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:111, punt 53). Madankollu, ir-Rumanija ssostni l-allegazzjonijiet tagħha intiżi li jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mhux biss fuq l-approvazzjoni tal-PNŻR 2007‑2013, iżda wkoll fuq il-fatt li l-miżura 215 u l-metodu tagħha ta’ kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji kienu s-suġġett ta’ negozjati speċifiċi u fuq il-fatt li, fil-mument meta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri ġew ikkomunikati lilha, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1974/2006, ma kinitx għadha tippermetti emenda tal-imsemmi programm. Issa, ir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-impenji meħuda skont il-PNŻR 2007‑2013.

113    Sa fejn it-test tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, li jipprovdi li l-pagamenti għall-benesseri tal-annimali jkopru l-ispejjeż supplimentari u t-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-impenji meħuda (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), ma jindikax kif għandhom jiġu kkalkolati l-ispejjeż żejda mħallsa mill-persuni li jrabbu l-annimali u sa fejn il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddeċiedi jekk metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ ħlas kumpensatorju jagħtix lok għal kumpens żejjed tal-benefiċjarji tal-għajnuna, għandha tingħata importanza partikolari lill-approvazzjoni, minnha, wara negozjati speċifiċi mal-awtoritajiet Rumeni, tal-metodu identifikat minn dawn tal-aħħar. Fi kliem ieħor, l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-emenda tal-PNŻR 2007‑2013 bid-Deċiżjoni C(2012) 3529 final tal‑25 ta’ Mejju 2012, u l-iskadenza tat-terminu sabiex dan jiġi emendat jippermettu li jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar ħolqot aspettattivi fondati mhux biss fil-fatt li s-submiżura kontenzjuża ma kinitx ser tinbidel, iżda wkoll fil-fatt li l-aspettattivi tal-awtoritajiet Rumeni baqgħu leġittimi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, wara n-notifika lilhom tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

114    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, għandu jiġi rrikonoxxut li d-dritt għall-finanzjament tal-Unjoni tal-pagamenti kumpensatorji relatati mas-submiżura kontenzjuża skont l-ammont iffissat fil-PNŻR 2007‑2013 u traspost fil-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2014‑2020, approvat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 3508 tas‑26 ta’ Mejju 2015, bħala korrispettiv għall-impenji meħuda u osservati mill-bdiewa fuq perijodu ta’ ħames snin (jiġifieri li jiżdied b’10 % l-ispazju allokat għal kull annimal u konsegwentement jitnaqqas in-numru ta’ annimali), ma jistax jiġi affettwat u emendat minħabba fatti sussegwenti, bħall-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, għar-raġuni li dan jimmina l-aspettattivi leġittimi tal-awtoritajiet Rumeni.

115    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, konsegwentement, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi korollarju tiegħu (ara l-punt 69 iktar ’il fuq).

116    Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames ilmenti tal-ewwel motiv għandhom jintlaqgħu.

 Fuq ittielet ilment talewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 12(6) u (7) tarRegolament Delegat Nru 907/2014 u talLinji gwida dwar ilkalkolu talkorrezzjonijiet finanzjarji

117    Ir-Rumanija ssostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 u l-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji. Hija tenfasizza li, kif intwera mill-korp ta’ konċiljazzjoni fir-rapport tiegħu ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura 17/RO/796 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), din il-problema kienet diġà tqajmet fir-rigward tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-eżistenza ta’ metodu ta’ kalkolu allegatament żbaljat kien simili għall-każijiet ta’ irregolaritajiet irregolati mill-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014. Fil-fatt, il-każ previst mill-imsemmija dispożizzjoni jikkonċerna l-aġir tal-benefiċjarji tal-fondi. F’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ lakuni fl-awditu tal-legalità u tar-regolarità tat-talbiet li taw lok għal pagament kumpensatorju abbażi tas-submiżura kontenzjuża. Barra minn hekk, fil-każ ta’ metodu ta’ kalkolu żbaljat, ikun possibbli li jiġi ddeterminat, mingħajr sforz sproporzjonat, l-ammont eżatt tal-korrezzjonijiet. Peress li l-konstatazzjoni li metodu ta’ kalkolu huwa żbaljat ma tistax tintrabat mal-ipoteżi ta’ irregolaritajiet fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-imsemmija konstatazzjoni ma tistax twassal għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa.

118    Il-Kummissjoni tirribatti li hija bbażat ruħha ġustament fuq l-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014, peress li l-informazzjoni li tirriżulta mit-tieni awditu ma kinitx tippermettilha tiddetermina b’mod iktar preċiż l-ammont tal-kumpens żejjed permezz tal-kalkolu jew permezz ta’ estrapolazzjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 12(2) u (3) tal-imsemmi regolament. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fil-kuntest tal-ewwel awditu, l-irregolaritajiet ġew ikklassifikati kemm bħala “nfiq ineliġibbli” kif ukoll bħala “assenza ta’ kontroll ewlieni” dwar il-verifiki korrispondenti intiżi sabiex tiġi kkontrollata l-konformità tat-talba mal-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ddefiniti fil-PNŻR 2007‑2013. Madankollu, id-deċiżjoni adottata wara l-ewwel awditu ma kinitx is-suġġett ta’ din il-kawża u t-tieni awditu wassal għall-konstatazzjoni ta’ “irregolaritajiet ġeneralizzati” u ta’ “negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari jew frawdolenti”, mingħajr riferiment għal assenza ta’ kontroll ewlieni fis-sens tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji. Skont il-Kummissjoni, it-termini “korrezzjoni b’rata fissa” intużaw fiż-żewġ awditi u, fir-rigward tat-terminoloġija użata għall-finijiet ta’ korrezzjoni, it-termini “rati ta’ ħlas inkorretti” u “ammonti ta’ pagamenti stmati b’mod eċċessiv” jirreferu għall-istess aspett, jiġifieri għall-fatt li r-rati ta’ ħlas inkorretti wasslu għal stima eċċessiva tal-ammonti li għandhom jitħallsu. Issa, l-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, li jinkludi kull nefqa mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-FAEŻR, kif ukoll il-kumpens żejjed ikkonċernat f’dan il-każ, riżultat tal-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu żbaljat.  

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, meta l-Kummissjoni tikkunsidra li n-nefqa li twettqet ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, hija tadotta deċiżjoni li tiddetermina l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 52(2) ta’ dan l-istess regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi fid-dawl, b’mod partikolari, tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatat. Għal dan il-għan, għandha tqis kif xieraq in-natura tal-ksur, kif ukoll tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni. Barra minn hekk, hija tibbaża l-esklużjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti minfuqin indebitament u, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat, tista’ tapplika, b’mod partikolari, korrezzjonijiet b’rata fissa. Korrezzjonijiet b’rata fissa għandhom jiġu applikati biss meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod iktar preċiż id-dannu finanzjarju magħmul lill-Unjoni.

120    L-Artikolu 12(2) u (3) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 jieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżijiet li fihom l-ammonti indebitament minfuqa jistgħu jiġu identifikati jew le permezz ta’ sforzi proporzjonati u bl-għajnuna tal-Istati Membri.

121    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 “[g]ħad-determinazzjoni tal-ammonti li jistgħu jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni, meta jinsab li l-infiq ma sarx b’konformità mar-regoli tal-Unjoni, il-Kummissjoni, u fejn jikkonċerna l-FAEŻR, b’konformità mal-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tuża s-sejbiet tagħha u għandha tqis l-informazzjoni li jkunu taw l-Istati Membri waqt il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità mwettqa kif jitlob l-Artikolu 52 tar-Regolament […] Nru 1306/2013”.

122    L-Artikolu 12(3) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 jiddisponi kif ġej:

“Meta ma jkunx possibblili jiġu identifikati l-ammonti li ntnefqu b’mod mhux xieraq skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-ammonti li għandhom jitħallew barra billi tuża korrezzjonijiet estrapolati. Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddetermina l-ammonti rilevanti, l-Istati Membri jistgħu, fil-perjodu ta’ żmien li ttihom il-Kummissjoni waqt il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, iressqu kalkolu tal-ammont li għandu jitħalla barra mill-finanzjament tal-Unjoni billi jestrapolaw permezz tal-istatistika, ir-riżultati tal-verifiki li jitwettqu fuq kampjun rappreżentattiv ta’ dawk il-każijiet. Il-kampjun għandu jittieħed mill-popolazzjoni li minnha jkun mistenni b’mod raġunat li jsir in-nuqqas ta’ konformità.”

123    L-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 jikkonċerna l-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) u (3) tal-imsemmi regolament ma humiex issodisfatti. Għalhekk, il-Kummissjoni tapplika korrezzjonijiet b’rata fissa li l-livell tagħhom huwa stabbilit billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur u l-istima tagħha tar-riskju ta’ dannu finanzjarju għall-Unjoni.

124    Skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014, huwa previst dan li ġej:

“Meta l-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-ammonti li jridu jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 ma jiġux sodisfatti jew il-każ ikun wieħed fejn l-ammonti li jridu jitħallew barra ma jistgħux jiġu ddeterminati bil-mod previst minn dawk il-paragrafi, il-Kummissjoni għandha tapplika l-korrezzjonijiet xierqa b’rata fissa filwaqt li tqis it-tip u s-serjetà tal-ksur u l-istima tagħha tar-riskju ta’ ħsara finanzjarja li ġġarrab l-Unjoni.

Il-livell tal-korrezzjoni b’rata fissa għandu jiġi stabbilit billi jitqies, b’mod partikolari, it-tip ta’ nuqqas ta’ konformità identifikat. Għal dan il-għan, in-nuqqasijiet ta’ kontroll għandhom ikunu maqsumin bejn dawk li huma marbuta ma’ verifiki ewlenin u dawk li huma marbuta ma’ verifiki subordinati, kif ġej:

(a)      Il-verifiki ewlenin għandhom ikunu l-verifiki amministrattivi u fuq il-post li huma meħtieġa għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà tal-għajnuna u l-applikazzjoni rilevanti tat-tnaqqis u l-penali;

(b)      Il-verifiki subordinati għandhom ikunu l-operazzjonijiet amministrattivi l-oħrajn kollha meħtieġa għall-ipproċessar korrett tat-talbiet.

Jekk, fil-qafas tal-istess proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, jiġi stabbilit li hemm nuqqasijiet ta’ konformità differenti li kull wieħed minnhom iwassal għal korrezzjonijiet b’rati fissi diversi, għandha tapplika l-korrezzjoni bl-ogħla rata fissa bill.”

125    L-Artikolu 12(7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 jindika li, “[w]aqt li jkun qed jiġi stabbilit il-livell tal-korrezzjonijiet b’rata fissa, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod speċifiku ċ-ċirkostanzi li jidhru hawn taħt li juru aktar serjetà fin-nuqqasijiet li juru riskju akbar ta’ ħsara għall-baġit tal-Unjoni”.

126    Fir-rigward tal-livell ta’ gravità, l-Artikolu 12(7)(c) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 jipprevedi b’mod partikolari li dan il-livell huwa ogħla u, għaldaqstant, li jkun hemm riskju ikbar ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni, meta “[l]-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ sistema ta’ verifika tinsab kompletament nieqsa jew b’nuqqasijiet serji, u hemm evidenza ta’ irregolaritajiet mifruxa u ta’ negliġenza biex jirribattu prattiki irregolari jew frodulenti […]”.

127    Ġie deċiż li korrezzjoni deċiża mill-Kummissjoni konformement mal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji kienet intiża sabiex tevita l-impożizzjoni fuq il-fondi ta’ ammonti li ma servewx għall-finanzjament ta’ għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u ma kinitx tikkostitwixxi sanzjoni. Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet għalhekk li r-rati fissi użati fl-imsemmija linji gwida jippermettu kemm li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tar-riżorsi tal-Unjoni u li jiġi evitat li l-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha billi timponi fuq l-Istati Membri korrezzjonijiet eċċessivi u sproporzjonati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑44/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:469, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ppreċiżat li, meta ma kienx possibbli li jiġi evalwat b’mod preċiż it-telf subit mill-Unjoni, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra korrezzjoni b’rata fissa abbażi tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑44/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:469, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Kif tfakkar fil-punt 48 iktar ’il fuq, il-punt 3.2.5 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji jindika dan li ġej:

“‘L-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ sistema ta’ verifika tinsab kompletament nieqsa jew b’nuqqasijiet serji, u hemm evidenza ta’ irregolaritajiet mifruxa u ta’ negliġenza biex jirribattu prattiki irregolari jew frodulenti’, f’dak il-każ hija ġustifikata korrezzjoni ta’ 25%, għaliex jista’ jiġi raġonevolment preżunt li l-libertà li jiġu sottomessi talbiet irregolari b’impunità okkażżjonalment se jagħtu lok għal ħsara finanzjarja għolja għall-baġit tal-Unjoni.

[…]”

130    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, konformement mal-punt 3.2.5 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, fiċ-ċirkustanzi li jindikaw livell ta’ gravità ogħla tal-lakuni kkonstatati u, għaldaqstant, riskju ikbar ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 12(7) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014, il-Kummissjoni tapplika, bħala prinċipju, korrezzjoni b’rata fissa b’rata ta’ 25 %. Madankollu, hija tista’ tiffissa rata ta’ korrezzjoni f’livell saħansitra ogħla. B’hekk, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 100 % hija ġġustifikata meta n-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll jkunu tant gravi li jikkostitwixxu nuqqas ta’ osservanza totali tar-regoli tal-Unjoni tali li jrendu l-pagamenti kollha irregolari (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑404/19 P, EU:C:2020:1041, punt 58).

131    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mir-rapport sommarju u mill-pożizzjoni finali li tinsab fl-ittra tal‑14 ta’ April 2020, il-Kummissjoni bbażat l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa fuq l-eżistenza ta’ riskju sinjifikattiv għall-fondi agrikoli, minħabba applikazzjoni mill-awtoritajiet Rumeni ta’ sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-miżura 215 relatata mal-benesseri tal-annimali “serjament inadegwata f’dak li jikkonċerna r-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża”. Skont il-Kummissjoni, dan in-nuqqas, li jaffettwa l-pagamenti kollha għas-submiżura kontenzjuża, kellu natura sistematika. B’mod iktar preċiż, hija qieset li kienu jeżistu indizji ta’ irregolaritajiet ġeneralizzati li jwasslu għal kumpens żejjed sistematiku għall-bdiewa. Peress li l-awtoritajiet Rumeni ma pprovdewx kalkolu tar-riskju sostnut mill-fondi agrikoli u kienu madankollu stabbilixxew il-popolazzjoni b’riskju, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien raġonevoli li jiġi preżunt li l-libertà li jiġu ppreżentati b’impunità talbiet irregolari kienet twassal għal danni finanzjarji eċċezzjonalment għolja għall-baġit tal-Unjoni. B’hekk, billi bbażat ruħha fuq il-Linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 %.

132    Fir-rigward tal-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-korrezzjoni b’rata fissa applikata mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, fost iċ-ċirkustanzi li, skont l-Artikolu 12(7)(c) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014, jindikaw livell ta’ gravità ogħla tal-lakuni kkonstatati u, għaldaqstant, riskju ikbar ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni, hemm il-każ fejn jeżistu provi ta’ irregolaritajiet u ta’ negliġenza importanti fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari jew frawdolenti (ara l-punt 126 iktar ’il fuq).

133    Din l-ipoteżi hija riprodotta fil-punt 3.2.5 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li jipprovdi li, meta “[l]-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ sistema ta’ verifika tinsab kompletament nieqsa jew b’nuqqasijiet serji, u [meta] hemm evidenza ta’ irregolaritajiet mifruxa u ta’ negliġenza biex jirribattu prattiki irregolari jew frodulenti […], f’dak il-każ hija ġustifikata korrezzjoni ta’ 25%, għaliex jista’ jiġi raġonevolment preżunt li l-libertà li jiġu sottomessi talbiet irregolari b’impunità okkażżjonalment se jagħtu lok għal ħsara finanzjarja għolja għall-baġit tal-Unjoni” (ara l-punti 48 u 129 iktar ’il fuq).

134    Il-kunċett ta’ “irregolarità” huwa ddefinit fil-punt 1.2 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji bħala “[k]walunkwe ksur ta’ dispożizzjoni ta[d-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali] li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-[Unjoni] jew il-baġit immexxi [minnha] jew billi jnaqqas jew jitlef l-introjtu li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-[Unjoni], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata”.

135    Meta jiddefinixxi l-kunċett ta’ “irregolarità” li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ta’ 25 % tal-ispejjeż, il-punt 1.2 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji jirreferi għalhekk għall-“atti” jew għall-“ommissjonijiet” tal-operaturi ekonomiċi.

136    F’dan il-każ, kif jafferma l-korp ta’ konċiljazzjoni fir-rapport tiegħu ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura 19/RO/856 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) u kif issostni r-Rumanija fir-rikors tagħha, l-operaturi ekonomiċi, fis-sens tal-punt 1.2 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, huma l-benefiċjarji li talbu għajnuna abbażi ta’ rati ta’ ħlas previsti fil-PNŻR 2007‑2013 approvata mill-Kummissjoni.

137    Issa, il-ksur tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 allegat mill-Kummissjoni ma jirriżultax, fi kwalunkwe każ, minn “atti” jew “ommissjonijiet” min-naħa tal-benefiċjarji tal-għajnuna, iżda minn metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ sostenn applikat mill-awtoritajiet Rumeni.

138    B’hekk, il-klassifikazzjoni legali tal-metodu ta’ kalkolu relatat mas-submiżura kontenzjuża u r-riżultat finanzjarju tagħha bħala “irregolaritajiet ġeneralizzati” u ta’ “negliġenza kbira fil-ġlieda kontra l-prattiċi irregolari jew frawdolenti”, skont il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, ma hijiex korretta.

139    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta l-Kummissjoni tkun adottat linji gwida, dawn jorbtu lilha u l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika li din l-istituzzjoni tkun osservat ir-regoli li hija tkun adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, T‑369/06, EU:T:2009:319, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-“irregolaritajiet” u “negliġenzi sinjifikattivi” msemmija mill-Kummissjoni fir-rapport sommarju tagħha u fil-pożizzjoni finali tagħha jistgħu jirreferu għall-awtoritajiet Rumeni u mhux għall-benefiċjarji, għandu jiġi osservat dan li ġej.

141    Ċertament, l-awtoritajiet Rumeni kienu informati, mid-data tan-notifika tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, jiġifieri t‑18 ta’ Settembru 2015 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), u, ukoll, wara l-ittra tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ Marzu 2016 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), dwar l-opinjoni ta’ din tal-aħħar dwar l-irregolarità tar-rati ta’ ħlas relatati mas-submiżura kontenzjuża. Madankollu, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-awtoritajiet Rumeni kienu wettqu irregolaritajiet ġeneralizzati jew kienu serjament negliġenti fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari billi komplew jippreżentaw liberament talbiet għal għajnuna abbażi ta’ rata li tagħti lok għal kumpens żejjed. Fil-fatt, l-attitudni tal-awtoritajiet Rumeni kienet dovuta għall-fatt, minn naħa, li huma kienu rċevew assigurazzjonijiet li l-metodu ta’ kalkolu ppreżentat lill-Kummissjoni kien josserva d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1698/2005 u tar-Regolament Nru 1974/2006 u, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1974/2006, emenda tal-PNŻR 2007‑2013 setgħet issir sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2015, sakemm din tiġi nnotifikata mill-Istat Membru mhux iktar tard mill‑31 ta’ Awwissu 2015.

142    In-natura sistematika tal-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex inaqqsu l-pagamenti kumpensatorji relatati mas-submiżura kontenzjuża, jew saħansitra li jissospenduhom, ma tistax għalhekk f’dan il-każ tiġi assimilata ma’ “irregolarità ġeneralizzata” fis-sens tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 %.

143    Fir-rigward tal-allegata libertà li jiġu ssottomessi “b’impunità” talbiet irregolari min-naħa tal-benefiċjarji kkonċernati u fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ rati ta’ ħlas allegatament stmati b’mod eċċessiv, għandu jiġi osservat li dan huwa marbut mal-impenji pluriannwali meħuda b’applikazzjoni tal-PNŻR 2007‑2013 u mal-aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-miżura sussidjarja inkwistjoni ser tibqa’ applikabbli.

144    Fl-aħħar nett, l-aġir kemm tal-awtoritajiet Rumeni kif ukoll tal-benefiċjarji kkonċernati ma jistax jiġi assimilat ma’ negliġenza “importanti” fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari jew frawdolenti. F’dan il-każ, minħabba l-fiduċja leġittimament miksuba mill-awtoritajiet Rumeni fil-fatt li l-metodu ta’ kalkolu diskuss fl‑2012 mal-Kummissjoni kien josserva r-regoli fis-seħħ, ebda prattika irregolari jew frawdolenti ma tista’ tiġi identifikata. Fil-fatt, l-applikazzjonijiet għal pagament ġew “regolarment” ippreżentati skont il-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali fis-seħħ u l-pagamenti saru “regolarment” billi ġew applikati r-rati previsti mis-submiżura kontenzjuża approvata minn qabel mill-Kummissjoni u fis-seħħ kemm fil-mument tal-iffirmar tal-impenji mill-benefiċjarji kif ukoll fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom għal pagamenti quddiem l-aġenzija tal-pagamenti.

145    Sa fejn huma l-eżistenza u l-gravità tal-irregolaritajiet u tan-negliġenza mwettqa mill-awtoritajiet Rumeni, li jirriżultaw min-natura sistematika tal-applikazzjoni ta’ rati ta’ ħlas stmati b’mod eċċessiv, li wasslu lill-Kummissjoni tippreżumi li kien jeżisti riskju ta’ danni finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni konformement mal-Artikolu 12(7)(c) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 u sa fejn kemm “l-eżistenza” tal-allegati irregolaritajiet jew negliġenzi kif ukoll “il-gravità u n-natura sistematika tagħhom” għandhom jiġu esklużi f’dan il-każ (ara l-punti 142 sa 144 iktar ’il fuq), l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni ta’ 25 % hija, min-naħa tagħha, inġustifikata fid-dawl tal-imsemmi artikolu, moqri flimkien mal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

146    Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ klassifikazzjoni legali meta bbażat ruħha fuq l-Artikolu 12(7)(c) tar-Regolament Delegat Nru 907/2014, moqri flimkien mal-Linji gwida tagħha dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rata ta’ 25 % bħala korrezzjoni b’rata fissa.

147    Barra minn hekk, kif ġustament issostni r-Rumanija, fil-kuntest tal-ewwel awditu, l-irregolaritajiet li jikkonċernaw il-metodu ta’ kalkolu relatat mas-submiżura kontenzjuża u r-riżultat finanzjarju tagħha kienu ġew ikklassifikati mill-Kummissjoni kemm bħala “nfiq ineliġibbli” kif ukoll bħala “assenza ta’ kontroll ewlieni” dwar il-verifiki tal-konformità ta’ talba għal għajnuna mal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ddefiniti fil-PNŻR 2007‑2013. Minkejja li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, id-deċiżjoni adottata wara l-ewwel verifika ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża, xorta jibqa’ l-fatt li l-klassifikazzjoni legalment żbaljata ta’ “assenza ta’ kontroll ewlieni” turi li, sa mill-bidu tal-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tidentifika t-tip ta’ ksur imwettaq mill-awtoritajiet Rumeni u l-korrezzjoni finanzjarja applikabbli f’dan il-każ.

148    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ t-tielet ilment tal-ewwel motiv u li jiġi deċiż li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % kienet iġġustifikata skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat Nru 907/2014 u mal-punt 3.2.5 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

149    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-ewwel ilment tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ responsabbiltà tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 76 sa 78 tar-Regolament Nru 1605/2002, u lanqas it-tieni lment tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ ħlas kumpensatorja, u lanqas is-sitt ilment tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi milqugħ, u għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi ċertu nfiq li r-Rumanija sostniet taħt il-FAEŻR għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019 u għal ammont ta’ EUR 18 717 475.08.

 Fuq lispejjeż

150    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

151    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Rumanija.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1734 tat18 ta’ Novembru 2020 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċerta nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hija annullata sa fejn din teskludi mill-finanzjament ċertu nfiq li r-Rumanija sostniet taħt il-FAEŻR għas-snin finanzjarji 2017 sa 2019 u għal ammont ta’ EUR 18 717 475.08.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Jannar 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.