Language of document : ECLI:EU:T:2012:94

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Frar 2012 (*)

“Unjoni doganali — Importazzjoni ta’ apparat għar-riċezzjoni tat-televiżjoni bil-kulur immuntat fit-Turkija — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Talba għal nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori u għal maħfra tad-dazji — Artikolu 220(2)(b) u Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Deċiżjoni ta’ ċaħda min-naħa tal-Kummissjoni — Annullament mill-qorti nazzjonali tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jordnaw id-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑153/10,

Schneider España de Informática, SA, stabbilita f’Torrejón de Ardoz (Spanja), irrappreżentata minn P. De Baere u P. Muñiz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u L. Bouyon, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 22 finali, tat-18 ta’ Jannar 2010, li tikkonstata li d-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa ġġustifikat u li ma huwiex iġġustifikat li dawn id-dazji jinħafru f’każ partikolari (Każ REM 02/08),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1999, fl-2000 u fl-2001, ir-rikorrenti, Schneider España de Informática, SA, importat fi Spanja, bl-intenzjoni li tqiegħdu f’ċirkolazzjoni libera, apparat għar-riċezzjoni tat-televiżjoni bil-kulur li fil-mument tal-importazzjoni tiegħu hija ddikjarat li kien joriġina mit-Turkija.

2        Fit-28 ta’ Awwissu 2002, l-awtoritajiet doganali Spanjoli indikaw lir-rikorrenti li huma kienu qegħdin iwettqu verifika a posteriori tal-importazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq.

3        Missjoni ta’ kooperazzjoni amministrattiva, imwettqa fit-Turkija bejn id-29 ta’ April u t-2 ta’ Mejju 2003 mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u minn aġenti ta’ ċerti Stati Membri, wasslet għall-konklużjoni li l-fornitur Tork tar-rikorrenti kien inkorpora, fl-apparat tat-televiżjoni importat minnha, tubi tar-raġġi katowdi li joriġinaw miċ-Ċina jew mill-Korea ta’ Isfel. Tali importazzjonijiet kienu suġġetti għal dazji antidumping li dak iż-żmien kienu previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 710/95, tas-27 ta’ Marzu 1995, li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ apparat għar-riċezzjoni tat-televiżjoni bil-kulur li joriġinaw mill-Malasja, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Korea, minn Singapor u mit-Tajlandja u li tiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju (ĠU L 73, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2584/98, tas-27 ta’ Novembru 1998 (ĠU L 324, p. 1).

4        Fi tmiem din l-investigazzjoni, permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tat-23 ta’ Ġunju 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori”), l-awtoritajiet doganali Spanjoli kkonstataw l-eżistenza ta’ dejn doganali li jirriżulta min-nuqqas tal-ħlas ta’ dazji antidumping meta saru l-importazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq u ordnaw lir-rikorrenti sabiex tħallas id-dazji doganali li ma kinux tħallsu, stabbiliti fl-ammont ta’ EUR 51 639.89, miżjud bl-ammont ta’ interessi ta’ EUR 10 008.97, kif ukoll sabiex tirregolarizza t-taxxa fuq il-valur miżjuda, stabbilita fl-ammont ta’ EUR 8 263.38, miżjud bl-ammont ta’ interessi ta’ EUR 1 601.44 (iktar ’il quddiem id-“dazji inkwistjoni”).

5        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti talbet li ma jsirx id-dħul fil-kontijiet a posteriori ta’ dan id-dejn doganali skont l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), kif ukoll il-maħfra ta’ dan id-dejn skont l-Artikolu 239 tal-istess regolament. Din it-talba (iktar ’il quddiem it-“talba tar-rikorrenti”) intbagħtet mir-Renju ta’ Spanja lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2008.

6        Fl-istess ħin, ir-rikorrenti fetħet proċedura quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori.

7        Fil-21 ta’ Novembru 2008, it-Tribunal Económico-Administrativo Regional de Madrid (Qorti ekonomika u amministrattiva reġjonali ta’ Madrid, Spanja) ċaħad il-kawża mressqa mir-rikorrenti. Din ippreżentat rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Madrid).

8        Permezz tad-Deċiżjoni COM (2010) 22 finali, tat-18 ta’ Jannar 2010, li tikkonstata li d-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa ġġustifikat u li ma huwiex iġġustifikat li dawn id-dazji jinħafru f’każ partikolari (Każ REM 02/08) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tar-rikorrenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja.

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, l-ewwel nett, li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali ma kienu wettqu ebda żball fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li kienet aġixxiet bid-diliġenza meħtieġa minn din l-istess dispożizzjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll, it-tieni nett, li ma kienx hemm sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

10      Fit-3 ta’ Mejju 2010, l-awtoritajiet doganali Spanjoli, b’deċiżjoni skont l-Artikoli 869 et seq. u skont l-Artikolu 908(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), fil-verżjoni tiegħu kif tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2003, tal-25 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 463), u inkonformità mad-deċiżjoni kkontestata, ċaħdu t-talba tar-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      B’att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att separat, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi kopja sħiħa ta’ 28 dokument. Fl-osservazzjonijiet imressqa minnha f’dan ir-rigward fit-termini li ngħatawlha, il-Kummissjoni opponiet għal din it-talba.

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Permezz ta’ komunikazzjoni rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti bagħtet lill-Qorti Ġenerali kopja tas-sentenza Nru 178/11, mogħtija fis-16 ta’ Marzu 2011 mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia”). Din is-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia, li ma tistax tiġi appellata, annullat id-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori minħabba li, fid-data tal-komunikazzjoni tagħhom lir-rikorrenti, il-perijodu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien għalaq. Fl-ittra mibgħuta flimkien mal-komunikazzjoni ta’ din is-sentenza lill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li, minħabba dan l-annullament, hija ma kinitx għadha obbligata tħallas id-dazji inkwistjoni. Madankollu, hija titlob li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors jew, sussidjarjament, jekk tiddeċiedi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, tiddeċiedi li kull parti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

16      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba s-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia, dan ir-rikors tilef is-suġġett tiegħu. Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fit-terminu previst.

 Id-dritt

17      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull mument, ex officio, wara li jinstemgħu l-partijiet, tikkonstata li r-rikors tilef is-suġġett tiegħu u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Mill-Artikolu 114(3) tal-istess Regoli jirriżulta li, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor, il-proċedura għandha titkompla b’mod orali.

18      F’dan il-każ, peress li l-partijiet instemgħu (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni fuq il-bażi tad-dokumenti li jinsabu fil-proċess sabiex tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

19      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex ma jsirx id-dħul fil-kontijiet a posteriori u sabiex jinħafer id-dejn doganali kkonstatat fil-konfront tar-rikorrenti permezz tad-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, sussegwentement għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandux ta’ natura li jista’ jkun ta’ vantaġġ għar-rikorrenti. Jekk tali interess intilef fil-mori tal-kawża, fil-fatt, ikollu jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors tilef is-suġġett tiegħu u li, għaldaqstant, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwaru.

20      Fil-fatt, ir-rekwiżit li r-rikors għandu jżomm is-suġġett tiegħu huwa kundizzjoni neċessarja sabiex il-qorti tkun tista’ teżerċita l-funzjoni tagħha, kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ konkret li r-rikorrent jista’ jikseb mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tagħlaq il-kawża (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ottubru 2007, Wilfer vs UASI, C‑301/05 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Dan l-interess tar-rikorrent fil-kisba ta’ deċiżjoni ġudizzjarja għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-portata tas-setgħat tal-qorti u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tar-rimedju proċedurali li fil-kuntest tiegħu l-kwistjoni tkun tressqet quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, Ġabra p. I‑10043, punt 25).

22      B’hekk, il-kwistjoni ta’ jekk rikors iżommx is-suġġett tiegħu għandha titqies li hija relatata ma’ dik tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku min-naħa tal-awtur tar-rikors. Madankollu, filwaqt li n-nuqqas ta’ interess ġuridiku jimplika ċ-ċaħda tar-rikors bħala inammissibbli u għandu jiġi evalwat fid-data tal-preżentata tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il-Kunsill, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, Ġabra p. I‑3439, punt 23), il-fatt li s-suġġett tar-rikors jintilef fil-mori tal-kawża, fatt li jirriżulta jekk id-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata ma tibqax ta’ natura tali li tista’ tikseb vantaġġ għar-rikorrent, jimplika li ma jkunx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑13/03 P, Ġabra p. I‑1113, punt 23; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, Gibtelecom vs Il-Kummissjoni, T-433/03, T-434/03, T-367/04 u T-244/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni tal-fatt li s-suġġett tar-rikors ikun intilef għandha, jekk ikun il-każ, titqajjem ex officio (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2009, Hassan u Ayadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑399/06 P u C‑403/06 P, Ġabra p. I‑11393, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’tali każ, il-qorti adita hija meħtieġa li tastjeni milli tiddeċiedi dwar ir-rikors, mingħajr ma għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn tali konstatazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, punt 39).

24      Sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni ta’ jekk dan ir-rikors għadx għandu suġġett, għandha għalhekk tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, ir-relazzjoni li teżisti bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali nazzjonali li jikkonstataw l-eżistenza ta’ dejn doganali fil-konfront ta’ importatur, bħalma huma, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) u tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għas-sitwazzjoni ta’ dan l-importatur, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata.

25      F’dan ir-rigward, l-Artikoli 201 sa 205 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li fihom jitnissel dejn doganali fuq l-importazzjoni. F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li, skont l-Artikolu 201 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, l-introduzzjoni tat-televiżjonijiet msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq fit-territorju Spanjol għat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni libera tagħhom ħolqot, fil-konfront tar-rikorrenti, dejn doganali fid-data tal-aċċettazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet doganali Spanjoli tad-dikjarazzjonijiet doganali magħmula mir-rikorrenti fil-mument ta’ dawn l-importazzjonijiet.

26      Skont l-Artikoli 217 sa 221 tal-istess kodiċi, l-awtoritajiet doganali nazzjonali huma responsabbli sabiex idaħħlu fil-kontijiet l-ammonti ta’ dazji li jikkorrispondu għal kull dejn doganali u sabiex jikkomunikaw id-deċiżjonijiet tagħhom lill-importaturi li ma jkunux iddikjaraw b’mod korrett id-dazji li jkunu dovuti minnhom [Artikolu 221(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità]. F’dan il-każ, meta adottaw id-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), l-awtoritajiet doganali Spanjoli talbu d-drittijiet inkwistjoni mingħand ir-rikorrenti, jiġifieri talbu l-ħlas tad-dazji antidumping li r-rikorrenti ma kinitx indikat fid-dikjarazzjonijiet li hija kienet għamlet fil-mument tal-importazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq.

27      Madankollu, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 220(2)(b) u fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, f’sitwazzjoni fejn l-eżistenza tad-dejn doganali tkun stabbilita legalment u f’sitwazzjoni fejn l-ammont tad-dazji dovuti minħabba dan id-dejn ikun ġie kkalkolat b’mod eżatt, l-importatur jista’ xorta waħda jinħeles, fuq talba tiegħu, mill-obbligu li jħallas dawn id-dazji.

28      Dan ikun il-każ, l-ewwel nett, meta l-ammont tad-dazji legalment dovuti ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet b’konsegwenza ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali stess, liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas li, min-naħa tagħha, tkun aġixxiet in bona fide u tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali. Tali ċirkustanzi jiġġustifikaw li d-dazji inkwistjoni ma jiddaħħlux fil-kontijiet a posteriori [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità].

29      Dan ikun il-każ ukoll, it-tieni nett, meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tipprova l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari u l-assenza ta’ negliġenza manifesta u ta’ ingann min-naħa tagħha, b’tali mod li tiġġustifika l-maħfra jew, jekk ikun il-każ, ir-rimbors tad-dejn doganali tagħha (Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità). B’hekk, l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità [ara, b’analoġija, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79, tat-2 ta’ Lulju 1979, dwar ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni (ĠU L 175, p. 1), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1983, Papierfabrik Schoellershammer vs Il-Kummissjoni, 283/82, Ġabra p. 4219, punt 7]. Sabiex tkun tista’ tibbenefika minn dan l-artikolu, il-persuna responsabbli għall-ħlas għandha tipprova li kienet tinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali fil-konfront tal-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività u li hija ma setgħetx raġonevolment tinduna bl-iżbalji mwettqa fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, Ġabra p. II-1337, punti 217 sa 219, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Minn dan isegwi li l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) u tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma humiex relatati mal-kwistjoni ta’ jekk l-eżistenza ta’ dejn doganali kinitx ikkonstatata legalment u ta’ jekk id-dazji li għalihom ikun responsabbli l-importatur ġewx ikkalkolati b’mod eżatt u li d-deċiżjonijiet meħuda skont dawn l-artikoli, bħala prinċipju, la għandhom l-iskop u lanqas l-effett li jiddeċiedu dwar dan il-punt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra p. I‑2465, punti 66 sa 68, u tal-24 ta’ Settembru 1998, Sportgoods, C‑413/96, Ġabra p. I‑5285, punti 41 sa 43; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Lulju 1998, Kia Motors u Broekman Motorships vs Il-Kummissjoni, T-195/97, Ġabra p. II-2907, punt 36, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Hyper vs Il-Kummissjoni, T-205/99, Ġabra p. II-3141, punti 98 u 99, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ressqet quddiem l-awtoritajiet doganali Spanjoli talba sabiex jiġu applikati fir-rigward tagħha l-Artikolu 220(2)(b) u l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u sabiex, b’konsegwenza ta’ din l-applikazzjoni, tinħeles mill-obbligu li tħallas id-dazji inkwistjoni (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Skont l-Artikolu 871(1) u l-Artikolu 905(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, it-talba tar-rikorrenti, sa fejn din allegat, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami kienu marbuta mar-riżultat ta’ investigazzjoni Komunitarja (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), intbagħtet mill-awtoritajiet Spanjoli lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha adottat id-deċiżjoni kkontestata.

32      Madankollu, id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 220(2)(b) u skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jippreżumu l-eżistenza ta’ dejn doganali u sa fejn jiddeċiedu dwar il-kwistjoni ta’ jekk, minkejja din l-eżistenza, il-ħlas tad-dazji li ma jkunux ġew ikkunsidrati jista’ ma jintalabx mill-importatur, ikollhom effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-importatur inkwistjoni biss jekk id-dazji li jkunu mitluba mingħandu jkunu ġew imposti fuqu legalment. Fil-fatt, mir-raba’ inċiż tal-Artikolu 871(6) u mir-raba’ inċiż tal-Artikolu 905(6) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li, meta l-eżistenza tad-dejn doganali ma tkunx stabbilita, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrinvija l-fajl lill-awtorità doganali u, għaldaqstant, hija obbligata li tastjeni milli tiddeċiedi. Barra minn hekk, il-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni titqies bħallikieku qatt ma kienet infetħet.

33      Issa, id-deċiżjonijiet dwar il-konstatazzjoni ta’ djun doganali u dwar il-kalkolu tad-dazji doganali dovuti jistgħu jkunu s-suġġett, quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali, tar-rimedji proċedurali previsti fl-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti użat dan ir-rimedju proċedurali meta kkontestat id-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji Spanjoli u kisbet l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet minħabba li, fid-data tal-komunikazzjoni tagħhom lir-rikorrenti, il-perijodu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien għalaq (ara l-punti 6, 7 u 15 iktar ’il fuq).

34      Għalhekk, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori għandu bħala konsegwenza li r-rikorrenti ma tistax tibqa’ tintalab tħallas id-dazji inkwistjoni, punt dan li dwaru hemm qbil bejn il-partijiet. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tilfet is-suġġett tagħha u ma jistax ikollha effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. B’hekk, ir-rikorrenti ma tista’ tislet ebda vantaġġ mill-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

35      Madankollu, fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fis-sens li, minkejja l-konstatazzjoni li għadha kemm saret fil-punt 34 iktar ’il fuq, dan ir-rikors għad għandu suġġett li jiġġustifika deċiżjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

36      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura tali li jista’ jkollu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha fir-rigward tal-ħlas tad-dejn doganali li kien impost fuqha permezz tad-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori, sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata xorta waħda jista’ jkollha effetti fir-rigward tal-imporaturi l-oħra li fir-rigward tas-sitwazzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 905(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Kummissjoni ma tatx deċiżjoni iżda rreferiet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali għad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ dawn il-każijiet l-oħra li hija kkunsidrat li huma komparabbli.

37      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont l-Artikoli 874, 875 u 908 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) u tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu nnotifikati lill-Istat Membru kkonċernat u għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, huma obbligati jiddeċiedu dwar it-talbiet imressqa mill-operaturi inkonformità mad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni, kemm jekk din tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni partikolari tal-awtur tat-talba għal nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori jew għal maħfra mressqa quddiem l-awtoritajiet doganali nazzjonali u kemm jekk din tiddeċiedi dwar każijiet oħra li jkollhom punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli.

38      Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha raġun meta ssostni li d-deċiżjoni kkontestata jista’ jkollha effetti fir-rigward ta’ importaturi oħra. Barra minn hekk, hija tipproduċi provi li juru l-eżistenza ta’ proċeduri li jikkonċernaw importaturi oħra li fil-kuntest tagħhom il-Kummissjoni rreferiet lill-awtoritajiet nazzjonali għad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan ir-rikors ma tilifx is-suġġett tiegħu.

39      Minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita (ara l-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq), il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikors iżommx is-suġġett tiegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interess tar-rikorrent li jikseb deċiżjoni ġudizzjarja, fid-dawl tar-rimedju proċedurali eżerċitat. Bħala prinċipju, l-interess inkwistjoni huwa l-istess bħall-interess li l-eżistenza tiegħu għandha tiġi pprovata mir-rikorrent sabiex ir-rikors tiegħu jkun ammissibbli (ara s-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku għandu jkun personali u rikorrent ma jistax jippreżenta rikors għal annullament fl-interess ġenerali ta’ terzi jew tal-legalità (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Jannar 2000, BEUC vs Il-Kummissjoni, T-256/97, Ġabra p. II-101, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dan l-interess personali għandu jkun suffiċjentement dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 67). Is-sempliċi fatt li persuni terzi fil-konfront tar-rikorrenti jibqgħalhom interess fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikun biżżejjed, f’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi konkluż li dan ir-rikors ma tilifx is-suġġett tiegħu.

41      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, fit-tweġiba tagħha għall-osservazzjoni mressqa mill-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tar-rikorrenti msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija ma kellhiex l-intenzjoni tinvoka l-interess personali ta’ importaturi oħra sabiex issostni li dan ir-rikors ma kienx tilef is-suġġett tiegħu. Fi kwalunkwe każ, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq (punti 50 sa 52), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rikorrent seta’ jżomm interess f’li jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni sabiex ikun jista’ jiġi evitat li l-illegalità li biha dan l-att ikun allegatament ivvizzjat ma terġax isseħħ fil-futur, iżda dan biss sa fejn l-allegata illegalità setgħet terġa’ sseħħ indipendentement mill-fatti tal-kawża li taw lok għar-rikors ippreżentat minn dan ir-rikorrent.

42      Madankollu, it-tliet motivi invokati mir-rikorrenti jikkonċernaw, l-ewwel wieħed, ilmenti proċedurali li jikkonċernawha personalment u, it-tnejn l-oħra, żbalji li l-Kummissjoni allegatament wettqet fl-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b), tal-Artikolu 236 u tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għall-fatti tal-każ ineżami. Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, din tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) u tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti f’kuntest fattwali partikolari. Għalhekk, l-illegalitajiet allegati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura tali li jistgħu jerġgħu jseħħu indipendentement mill-fatti tal-kawża ineżami.

43      F’dan id-dawl, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li kien possibbli li importaturi oħra kienu f’sitwazzjoni komparabbli ma jirribattix din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, dak li l-Kummissjoni ddeċidiet fid-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ tali importaturi biss fil-kuntest ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata skont l-Artikoli 874, 875 u 908 tar-Regolament ta’ implementazzjoni (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) u dan filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Issa, insostenn tar-rikorsi li dawn l-importaturi l-oħra jistgħu jippreżentaw quddiem il-qrati nazzjonali kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom, huma jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata billi jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari li tevalwa l-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq, punt 98).

44      Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-importaturi l-oħra ma għandhomx rimedju proċedurali dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata, dan l-ilment jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet għal ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 263 TFUE, li fir-rigward tiegħu l-Qorti Ġenerali ma hijiex adita fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dawn l-operaturi l-oħra ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, tali fatt huwa irrilevanti għall-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti għadx għandha interess personali fl-annullament tagħha (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

45      Minn dan isegwi li l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

46      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li dan ir-rikors jinsab fi stat li jiġi deċiż, filwaqt li l-proċeduri l-oħra li fihom tista’ titqajjem il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għadhom qegħdin jiżvolġu.

47      Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet, li jikkonċernaw l-ekonomija tal-ġudizzju, jippreżumu li f’dan il-każ tista’ titwettaq evalwazzjoni tan-natura opportuna li tingħata deċiżjoni. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), fil-każ li jintilef is-suġġett tar-rikors, il-qorti adita hija meħtieġa li tastjeni milli tiddeċiedi dwar ir-rikors, mingħajr ma għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn tali konstatazzjoni.

48      Għaldaqstant, it-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

49      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għadha tipproduċi effetti legali fuq is-sitwazzjoni tagħha, u dan minkejja l-estinzjoni tad-dejn doganali.

50      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-awtoritajiet doganali Spanjoli adottaw deċiżjoni fir-rigward tagħha fuq il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u li r-rikors kontra din id-deċiżjoni għadu pendenti.

51      Madankollu, il-konstatazzjoni tan-nullità tad-deċiżjonijiet ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori jimplika li r-rikorrenti ma tistax tibqa’ tintalab tħallas id-dazji inkwistjoni, b’tali mod li ċ-ċaħda tat-talba tagħha mill-awtoritajiet doganali Spanjoli ma għandhiex effett fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u li għalhekk hija ma tistax tinvoka l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni sabiex tallega li għad għandha interess li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

52      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi evalwazzjonijiet li jikkawżawlha preġudizzju u li jistgħu jostakolawha milli tikseb l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat, previst fl-Artikolu 5a tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fl-eventwalità li hija tkun tixtieq titlob li tibbenefika minn dan l-istatus.

53      L-evalwazzjoni tal-aġir tar-rikorrenti huwa s-suġġett tal-premessi 46 sa 58 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni essenzjalment indikat li l-kwistjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tat-televiżjonijiet bil-kulur importati mir-rikorrenti ma kinitx ta’ natura kumplessa (premessi 48 sa 54), li r-rikorrenti kellha titqies bħala importatur li kellu esperjenza (premessa 55), li r-rikorrenti ma setgħetx tiġġustifika ruħha billi tinvoka diffikultajiet tekniċi li setgħet tirrimedja billi tikkuntattja lill-awtoritajiet doganali nazzjonali (premessa 56) u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġir tar-rikorrenti ma setax jitqies bħala wieħed diliġenti (premessa 57).

54      Għall-kuntrarju ta’ dak li tqis ir-rikorrenti, is-silta inkwistjoni mid-deċiżjoni kkontestata ma tippreġudikax l-immaġni tagħha. B’mod partikolari, minkejja l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni b’ebda mod ma daħħlet inkwistjoni l-bona fide tagħha iżda sempliċement ikkunsidrat li, fid-dawl tal-livell tal-kumplessità tal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli fil-każ ineżami, operatur diliġenti bil-livell għoli ta’ esperjenza miksuba mir-rikorrenti kien imissu evita l-iżball fid-dikjarazzjoni li wettqet ir-rikorrenti. B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għaddiet ebda ġudizzju dwar ir-rikorrenti jew dwar l-aġir tagħha iżda pprovat tara jekk iċ-ċirkustanzi għal ħelsien minn responsabbiltà previsti fl-Artikolu 220(2)(b) u fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità setgħux japplikaw għar-rikorrenti, minħabba li l-iżbalji fid-dikjarazzjoni mwettqa minnha ma setgħux jiġu raġonevolment evitati minnha, jew jekk, għall-kuntrarju, ir-responsabbiltà għal dawn l-iżbalji kellhiex tiġi imputata lir-rikorrenti.

55      Fir-rigward tad-diffikultajiet li skont ir-rikorrenti hija tista’ tiltaqa’ magħhom fl-eventwalità li tkun tixtieq titlob li tibbenefika mill-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 5a tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi osservat qabel kollox li dan l-argument huwa ta’ natura purament ipotetika. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu misluta l-konsegwenzi, f’dan il-każ, tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jista’ jikseb ebda vantaġġ għar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax teskludi, waħedha, li l-aġir fil-passat tar-rikorrenti fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżiti doganali jkun jista’ jitqies bħala “xieraq”, li hija kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 5a(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

56      Għaldaqstant, anki t-tielet argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jista’ jikseb ebda vantaġġ għar-rikorrenti u li, għaldaqstant, dan ir-rikors tilef is-suġġett tiegħu. Għalhekk, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwaru u lanqas ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri mressqa mir-rikorrenti, liema talba wkoll tilfet is-suġġett tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

58      Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

59      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa ġust li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Il-Lussemburgu, it-28 ta’ Frar 2012.

E. Coulon

 

      J. Azizi

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.