Language of document : ECLI:EU:T:2021:609

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

22 ta’ Settembru 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ revoka ta’ deċiżjonijiet jew ta’ kanċellazzjoni ta’ entrati – Kanċellazzjoni ta’ entrata fir-Reġistru vvizzjata bi żball manifest imputabbli lill-EUIPO – Trade mark inkluża fi proċedura ta’ insolvenza – Reġistrazzjoni tat-trasferiment tat-trade mark – Infurzabbiltà fil‑konfront ta’ terzi ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ proċeduri analogi – Kompetenza tal-EUIPO – Obbligu ta’ diliġenza – Artikoli 20, 24, 27 u 103 tar‑Regolament (UE) 2017/1001 – Artikoli 3, 7 u 19 tar‑Regolament (UE) 2015/848”

Fil-Kawża T‑169/20,

Marina Yachting Brand Management Co. Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl, C. Eckhartt u P. Böhner, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Capostagno, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Industries Sportswear Co. Srl, stabbilita f’Venezia (l-Italja), irrappreżentata minn P. Cervato, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal‑Appell tal-EUIPO tal-10 ta’ Frar 2020 (Każijiet magħquda R 252/2019‑2 u R 253/2019‑2), dwar proċedimenti ta’ kanċellazzjoni ta’ entrati bejn Industries Sportswear u Marina Yachting Brand Management,

IL-QORTI ĠENERALI (id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, President tal-Awla, D. Gratsias u M. Kancheva (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhasz‑Toth, Amministrattriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2020,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Awwissu 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Awwissu 2020,

wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-10 ta’ Awwissu 2012, Moncler Srl ippreżentat applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal‑Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar‑Regolament (CE) Nru 207/2009 tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir‑Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet is-sinjal verbali MARINA YACHTING.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu fil-klassijiet 18, 25 u 35 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        Wara diversi trasferimenti tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ġiet irreġistrata fit-28 ta’ Settembru 2014 bin‑Numru 11111317 f’isem l-intervenjenti, Industries Sportswear Co. Srl.

5        Fit-13 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti ġiet iddikjarata falluta permezz tas‑sentenza Nru 142/2017 tat-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia, l-Italja), mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza Nru 138/2017.

6        Fit-18 ta’ Ottubru 2017, it-trasferiment tat-trade mark inkwistjoni, mill-intervenjenti lil Spring Holdings Sarl, ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-EUIPO fuq talba ta’ rappreżentant komuni għal dawn iż-żewġ partijiet (iktar ’il quddiem ir-“rappreżentant komuni”).

7        Fil-25 ta’ Ottubru 2017, l-istralċjarju maħtur mill-intervenjenti (iktar ’il quddiem l-“istralċjarju”) informa lill-EUIPO li l-intervenjenti kienet ġiet iddikjarata falluta, filwaqt li pproduċa kopja tas-sentenza tat-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia) tat-13 ta’ Ottubru 2017, u li l-insolvenza kienet effettiva mid-data msemmija l-aħħar, minħabba r-reġistrazzjoni ta’ dik is-sentenza fir-Reġistru Taljan tal-kumpanniji (registro delle imprese). L-istralċjarju talab ukoll li tiddaħħal entrata fir-Reġistru tal-EUIPO dwar il-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti, konformement mal-Artikolu 24 tar-Regolament 2017/1001, kif ukoll il-kanċellazzjoni tal-entrata tat-trasferiment tat-trade mark inkwistjoni lil Spring Holdings, konformement mal-Artikolu 103 tal-istess regolament.

8        Fid-9 ta’ April 2018, l-EUIPO informa lill-istralċjarju u lir-rappreżentant komuni bid-deċiżjoni tiegħu li jikkanċella l-entrata tal-imsemmi trasferiment, għaliex din kienet żbaljata, u li jippubblika l-korrezzjoni fl-istess jum.

9        Fis-16 ta’ April 2018, ir-rikorrenti, Marina Yachting Brand Management Co. Ltd, ressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ entrata tat-trasferiment tat-trade mark inkwistjoni favuriha. Hija sostniet li l-imsemmija trade mark, inizjalment ittrasferita mill-intervenjenti lil Spring Holdings, kienet sussegwentement ġiet ittrasferita lilha minn din tal-aħħar. Hija pproduċiet, fir-rigward tal-ewwel trasferiment, kopja ċċertifikata, bid-data tal-21 ta’ Marzu 2018 u kuntratt ta’ ċessjoni bid-data tas-26 ta’ Ġunju 2014, u, fir-rigward tat-tieni trasferiment, kopja ċċertifikata, bid-data tal-1 ta’ Marzu 2018 u kuntratt ta’ ċessjoni bid-data tal-15 ta’ Diċembru 2017.

10      Fl-istess jum, jiġifieri fis-16 ta’ April 2018, it-trasferimenti tal-proprjetà tat-trade mark inkwistjoni lil Spring Holdings (entrata T 014185659), u sussegwentement lir-rikorrenti (entrata T 014188703), tniżżlu fir-Reġistru tal-EUIPO.

11      Fit-23 ta’ Ġunju 2018, l-istralċjarju rrepeta t-talba tiegħu li titniżżel entrata fir-Reġistru dwar il-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti u talab il-kanċellazzjoni, konformement mal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, tal-entrati T 014185659 u T 014188703 abbażi tal-Artikolu 42 tar-Regio decreto n. 267 (id-Digriet Irjali Nru 267/1942), tas-16 ta’ Marzu 1942 (GU Nru 81, tas-6 ta’ April 1942) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Taljana dwar il-Falliment”), li jċaħħad lil-kumpannija falluta mid-dritt li tamministra l-attivi tagħha u milli tibbenefika minnhom b’effett mid-data tad-dikjarazzjoni tal-insolvenza tagħha, jiġifieri, fir-rigward tal-intervenjenti, it-13 ta’ Ottubru 2017. L-istralċjarju speċifika wkoll li huwa kien diġà ressaq tali talba ta’ kanċellazzjoni fil-5 u fl-14 ta’ Ġunju 2018, iżda li ma kien irċieva l-ebda konferma ta’ rċevuta min-naħa tal-EUIPO.

12      Fil-11 ta’ Lulju 2018, fir-rigward tat-talba ta’ reġistrazzjoni ta’ entrata dwar il-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti, ippreżentata fil-25 ta’ Ottubru 2017, l-EUIPO informa lill-istralċjarju li din it-talba ġiet milqugħa filwaqt li enfasizza li l-imsemmija talba “qatt ma kienet ġiet irreġistrata d-database [tiegħu] minħabba problemi tekniċi li kienu seħħew f’dik id-data”.

13      Fit-12 ta’ Lulju 2018, l-EUIPO informa lir-rikorrenti bit-talbiet ta’ kanċellazzjoni T 014552205 (kanċellazzjoni tal-entrata fir-Reġistru T 014185659) u T 014480019 (kanċellazzjoni tal-entrata fir-Reġistru T 014188703) u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fit-8 ta’ Awwissu 2018.

14      Fil-21 ta’ Awwissu 2018, l-EUIPO bagħat kopja ta’ dawn l-osservazzjonijiet lill-istralċjarju, talbu jipproduċi l-“prova uffiċjali tad-drittijiet ta’ proprjetà ta[l-intervenjenti] fuq it-trade mark [inkwistjoni] fil-mument tal-proċedura ta’ insolvenza” u stiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Fl-20 u fil-21 ta’ Settembru 2018, l-istralċjarju laqgħa din l-istedina u pproduċa dokumenti intiżi li jirrispondu għat-talba ta’ prova tal-EUIPO.

15      Fil-25 ta’ Settembru 2018, l-EUIPO informa lir-rikorrenti li, meqjusa d-dokumenti prodotti mill-istralċjarju, huwa kien iqis li l-intervenjenti kienet proprjetarja tat-trade mark inkwistjoni fil-mument tal-proċedura ta’ insolvenza u li l-entrati T 014185659 u T 014188703 kellhom għalhekk jiġu kkanċellati. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

16      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fl-20 ta’ Novembru 2018, fihom hija għamlet b’mod partikolari riferiment għal “kuntratt ta’ ċessjoni” konkluż fis-26 ta’ Ġunju 2014 bejn l-intervenjenti u Spring Holdings kif ukoll għal “kuntratt tal-liċenzja ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali” (Intellectual Property Licence Agreement) konkluż fit-30 ta’ Diċembru 2014 bejn Spring Holdings, inkwantu proprjetarja ġdida tat-trade mark inkwistjoni sa mis-26 ta’ Ġunju 2014, u l-intervenjenti, inkwantu persuna li ħadet il-liċenzja (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal-liċenzja”). Fis-17 ta’ Jannar 2019, l-istralċjarju ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b’risposta għal dawk tar-rikorrenti.

17      Fit-30 ta’ Jannar 2019, konformement mal-Artikolu 162 tar-Regolament 2017/1001, id-Dipartiment inkarigat mir-Reġistru tal-EUIPO, stabbilit fl-Artikolu 159(c) ta’ dan ir-regolament, adotta żewġ deċiżjonijiet li jikkanċellaw retroattivament l-entrati fir-Reġistru T 014185659 u T 014188703, irreġistrati fis-16 ta’ April 2018, peress li dawn kienu sussegwenti għad-data tat-13 ta’ Ottubru 2017. Huwa qies li l-EUIPO kien wettaq żball manifest billi ma ħax inkunsiderazzjoni “stadju proċedurali essenzjali” indikat fil-25 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri t-talba ta’ reġistrazzjoni ta’ entrata dwar il-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tal-intervenjenti, ibbażata fuq deċiżjoni finali tat-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia) li saret effettiva mit-13 ta’ Ottubru 2017. Barra minn hekk, huwa ordna li t-talba għar-reġistrazzjoni ta’ entrata dwar din il-proċedura ta’ insolvenza abbażi ta’ din id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Venezia ġiet irreġistrata b’effett retroattiv għat-13 ta’ Ottubru 2017 (fajl T 014459807), konformement mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament 2017/1001.

18      Fil-31 ta’ Jannar 2019, abbażi tal-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ appelli kontra d-deċiżjonijiet tad-Dipartiment inkarigat mir-Reġistru tal-EUIPO li jikkanċellaw l-Entrati T 014185659 u T 014188703.

19      Fid-9 ta’ April 2019, l-istralċjarju ressaq talba għar-reġistrazzjoni ta’ entrata dwar is-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Marzu 2019 mit-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia), inkarigata mill-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti, li tawtorizza l-qbid tat-trade mark inkwistjoni bħala miżura kawtelatorja b’applikazzjoni tal-Kodiċi Proċedurali Ċivili Taljan. L-istralċjarju espona li, fit-22 ta’ Frar 2019, huwa kien ippreżenta talba quddiem dik il-qorti li fiha huwa kien informaha li, matul il-proċedura quddiem l-EUIPO, huwa kien sar jaf dwar “kuntratt ta’ ċessjoni” u l-kuntratt tal-liċenzja tal-2014 invokati mir-rikorrenti (ara l-punt 16 iktar ’il fuq) u kien talab il-qbid tat-trade mark inkwistjoni minħabba n-nullità u n-natura frawdolenti ta’ dawn l-atti. Fil-5 ta’ Lulju 2019, wara li semgħet il-partijiet kollha kkonċernati, it-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia) ikkonferma l-imsemmija sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), lil-Bord tal-Appell ċaħad l-appelli msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, wara li għaqqadhom flimkien.

21      Għall-ewwel, fil-punti 43 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, qabel kollox, ikkonstata li, f’dan il-każ, fit-13 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti, li l-uffiċju rreġistrat tagħha kien jinstab fl-Italja, kienet ġiet iddikjarata insolventi mit-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia). Minn dan huwa ddeduċa li l-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti kienet suġġetta għad-dritt Taljan, jiġifieri l-Liġi Taljana dwar il-Falliment, hekk kif iddikjara l-istralċjarju. Skont din il-liġi, is-sentenza li tiddikjara falliment hija infurzabbli kontra d-debitur (il-kumpannija insolventi, f’dan il-każ l-intervenjenti) b’effett mill-preżentazzjoni tagħha fir-Reġistru tal-qorti Taljana u kontra terzi (u għalhekk iċ-ċessjonarji tat-trade mark inkwistjoni, jiġifieri Spring Holdings u r-rikorrenti) b’effett mir-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru Taljan tal-kumpanniji, b’applikazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Liġi Taljana dwar il-Falliment, li tagħmel riferiment għall-Artikolu 133 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Taljan.

22      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, f’dan il-każ, is-sentenza li tiddikjara l-falliment tal-intervenjenti kienet ingħatat, ġiet ippreżentata u rreġistrata fir-Reġistru Taljan tal-kumpanniji fl-istess data, jiġifieri fit-13 ta’ Ottubru 2017, hekk kif jirriżulta minn dik is-sentenza u mis-sunt tar-rapport tal-imsemmi reġistru. Minn dan huwa ddeduċa li, b’effett minn din id-data, l-intervenjenti kienet ġiet imċaħħda mid-dritt li tamministra l-attivi fil-pussess tagħha u li tibbenefika minnhom, konformement mal-Artikolu 42 tal-Liġi Taljana dwar il-Falliment, u li l-atti kollha mwettqa minnha wara l-imsemmija sentenza ma kinux infurzabbli fil-konfront tal-kredituri tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 44 tal-istess liġi. Huwa osserva wkoll li, f’din l-istess data, l-intervenjenti kienet irreġistrata inkwantu proprjetarja tat-trade mark inkwistjoni fir-Reġistru tal-EUIPO u, barra minn hekk, li din it-trade mark kienet tidher fil-lista tal-inventarju tal-falliment, li kienet tirriproduċi d-data tar-Reġistru tal-EUIPO.

23      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, fil-25 ta’ Ottubru 2017, l-istralċjarju kien talab li l-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti tkun is-suġġett ta’ entrata fir-Reġistru tal-EUIPO, li l-EUIPO ma kienx ħa din it-talba inkunsiderazzjoni, li kienet għadha pendenti fis-16 ta’ April 2018, meta kienet ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tat-trade mark inkwistjoni lir-rikorrenti, u li l-EUIPO kien madankollu rreġistra l-bidla ta’ proprjetarju ta’ din it-trade mark billi wettaq, fl-istess jum, żewġ reġistrazzjonijiet suċċessivi ta’ trasferimenti tal-imsemmija trade mark (favur Spring Holdings, u sussegwentement favur ir-rikorrenti). Il-Bord tal-Appell osserva wkoll li, ftit ġranet qabel, jiġifieri fid-9 ta’ April 2018, l-EUIPO kien iddeċieda li jikkanċella reġistrazzjoni preċedenti tal-ewwel wieħed minn dawn it-trasferimenti, favur Spring Holdings, wara li l-istralċjarju kien informah, minn naħa, dwar il-falliment tal-intervenjenti u, min-naħa l-oħra, dwar il-fatt li r-rappreżentant komuni ma setax jirrappreżentaha inkwantu kumpannija ċedenti.

24      Iktar tard, fil-punti 50 sa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, qabel kollox, irrisponda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-EUIPO ma setax jikkanċella dawn ir-reġistrazzjonijiet peress li, irrispettivament mill-insolvenza tal-intervenjenti, it-trade mark inkwistjoni kienet diġà ġiet ittrasferita lill-Spring Holdings matul ix-xahar ta’ Ġunju 2014. Il-Bord tal-Appell ikkonstata, f’dan ir-rigward, li, abbażi tal-Artikolu 45 tal-Liġi Taljana dwar il-Falliment, il-formalitajiet meħtieġa sabiex att isir infurzabbli kontra terzi jkunu ineffettivi f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ falliment jekk dawn ikunu twettqu wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza. Issa, konformement mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001, l-allegati trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni ma kinux ġew irreġistrati fir-Reġistru qabel id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tal-intervenjenti u għalhekk ma kinux infurzabbli fil-konfront ta’ terzi, jiġifieri, f’dan il-każ, l-istralċjarju. Għalhekk ma kienx rilevanti li jiġi ddeterminat jekk id-data tas-26 ta’ Ġunju 2014 indikata fl-ewwel kuntratt ta’ ċessjoni tat-trade mark inkwistjoni kinitx ċerta, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Taljana, fatt li kien qiegħed jiġi diskuss fid-dettall bejn il-partijiet, peress li ċ-ċessjoni ma kinitx ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-EUIPO. F’kull każ, kif ammettiet ir-rikorrenti nnifisha, il-Bord tal-Appell qies li huwa ma kellux il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, li kienet taqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati nazzjonali. Skont il-Bord tal-Appell, għalkemm kien ċertament minnu li l-entrata ta’ ċessjoni fir-Reġistru tal-EUIPO ma kinitx rekwiżit għall-validità ta’ din iċ-ċessjoni bejn il-partijiet, hekk kif issostni r-rikorrenti, din madankollu hija rekwiżit sabiex it-trasferiment tat-trade mark ikun infurzabbli kontra terzi, jiġifieri, f’dan il-każ, l-istralċjarju.

25      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-allegat att ta’ “estensjoni” tal-kuntratt tal-liċenzja (li, skont ir-rikorrenti, kien ikkonferma d-dritt tal-proprjetà ta’ Spring Holdings fuq it-trade mark inkwistjoni) ma kienx ġie ffirmat mill-istralċjarju, b’tali mod li r-rikorrenti ma setgħetx validament tallega li l-istralċjarju kien irrikonoxxa d-dritt ta’ Spring Holdings fuq l-imsemmija trade mark. Iktar minn hekk, huwa josserva li l-istralċjarju kien ikkontesta l-kuntratt ta’ ċessjoni bejn l-intervenjenti u Spring Holdings tas-26 ta’ Ġunju 2014 quddiem it-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia).

26      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, peress li t-trade mark inkwistjoni kienet imsemmija fil-lista tal-inventarju annessa mas-sentenza li tiddikjara l-falliment tal-intervenjenti, lista li l-EUIPO ma kienx awtorizzat li jikkontesta, peress li huwa ma setax jissostitwixxi ruħu għall-qrati nazzjonali, l-EUIPO kien obbligat li jieħu dan il-fatt inkunsiderazzjoni u li jirreġistra l-proċedura ta’ insolvenza relatata ma’ din it-trade mark fir-Reġistru, konformement mat-talba tal-istralċjarju. Skont il-Bord tal-Appell, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferimenti suċċessivi tat-trade mark inkwistjoni ppreżentata mir-rikorrenti wara l-falliment tal-intervenjenti kienet tardiva u ma kinitx tipproduċi l-prova li s-sentenza li tiddikjara falliment kienet żbaljata. Hija r-rikorrenti li kellha tipproduċi quddiem l-EUIPO l-prova li l-imsemmija sentenza ma kinitx taffettwa l-imsemmija trade mark fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, fatt li ma seħħx.

27      Fl-aħħar, il-Bord tal-Appell qies li l-EUIPO kien wettaq żball manifest meta rreġistra t-trasferimenti suċċessivi tat-trade mark inkwistjoni fir-Reġistru fis-16 ta’ April 2018, sa fejn l-intervenjenti, ċessjonarja fil-kuntest tal-ewwel wieħed minn dawn it-trasferimenti, kienet impriża ddikjarata falluta fit-13 ta’ Ottubru 2017, fatt li bih kien ġie informat l-EUIPO. Huwa speċifika li l-iżball manifest kien għalhekk twettaq fil-kuntest tar-reġistrazzjonijiet li seħħew fis-16 ta’ April 2018, u mhux biss fl-2017 hekk kif issostni r-rikorrenti. Huwa kompla jesponi li l-kanċellazzjoni tal-entrati fir-Reġistru kienet ġiet deċiża f’terminu ta’ sena mid-data li fiha kienu twettqu dawn l-entrati, jiġifieri t-30 ta’ Jannar 2019, b’tali mod li r-rekwiżiti meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001 kienu ssodisfatti. Konsegwentement, huwa qies li d-deċiżjonijiet li jikkanċellaw l-entrati fir-Reġistru T 014185659 u T 014188703 kienu korretti.

 It-talbiet tal-partijiet

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

29      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, bil-konsegwenza li l-EUIPO għandu, minn naħa, jikkanċella l-entrati fir-Reġistru tat-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni mwettqa fis-16 ta’ April 2018 u jirreġistra mill-ġdid lill-intervenjenti bħala l-proprjetarja esklużiva ta’ din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, jirreġistra l-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti fir-Reġistru b’effett mit-13 ta’ Ottubru 2017;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Dwar l-ammissibbiltà tat-tieni parti tat-talba tal-intervenjenti

31      Permezz tat-tieni parti tat-talbiet tagħha, l-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, bil-konsegwenza li l-EUIPO għandu, minn naħa, jikkanċella l-entrati fir-Reġistru tat-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni mwettqa fis-16 ta’ April 2018 u jirreġistra mill-ġdid lill-intervenjenti bħala l-proprjetarja esklużiva ta’ din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, jirreġistra l-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti fir-Reġistru b’effett mit-13 ta’ Ottubru 2017.

32      Fir-rigward tat-talba mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li din tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, għaċ-ċaħda tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2016, Kicktipp vs UASI – Italiana Calzature (kicktipp), T‑135/14, EU:T:2016:69, punt 19 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, din hija, fil-verità, sovrapposta mal-ewwel parti tat-talbiet tal-intervenjenti, intiża għaċ-ċaħda tar-rikors.

33      Fir-rigward tal-konsegwenzi li l-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali tislet miċ-ċaħda tar-rikors, li jikkostitwixxu, essenzjalment, talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-EUIPO jwettaq diversi operazzjonijiet fir-reġistru tiegħu, huwa biżżejjed li jitfakkar li ma huwiex ir-rwol tal-Qorti Ġenerali li tindirizza ordnijiet lill-EUIPO, li għandu jislet il-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenzi tal-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      It-tieni parti tat-talbiet tal-intervenjenti għandha għalhekk tiġi miċħuda, sa fejn hija intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tindirizza ordnijiet lill-EUIPO, minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

 Fuq il-mertu

35      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikoli 20, 24 u 27 tal-istess regolament. Hija ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li r-rekwiżiti għal revoka ta’ deċiżjoni jew għall-kanċellazzjoni ta’ entrata vvizzjati bi “żball manifest” fis-sens tal-Artikolu 103 tal-imsemmi regolament kienu ssodisfatti, filwaqt li l-entrati tat-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni mwettqa fis-16 ta’ April 2018 kienu ssodisfaw ir-rekwiżiti legali kollha.

36      Dan il-motiv uniku huwa formalment maqsum f’erba’ partijiet marbuta strettament ma’ xulxin, li permezz tagħhom ir-rikorrenti tallega, l-ewwel, li l-imsemmija entrati twettqu konformement mad-dritt applikabbli u ma humiex ivvizzjati bi “żball manifest” fis-sens tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, it-tieni, li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, fl-assenza ta’ “żball manifest”, it-tielet, li l-Artikolu 27 tal-istess regolament ma huwiex applikabbli u, ir-raba’, li, anki li kieku din l-aħħar dispożizzjoni titqies applikabbli, l-intervenjenti u l-istralċjarju kienu jafu dwar it-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni.

37      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ilmenti relatati mal-assenza ta’ żball manifest min-naħa tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, esposti fl-ewwel żewġ partijiet tal-motiv uniku tar-rikorrenti, jikkostitwixxu, fil-verità, il-ħames parti awtonoma, li għandha loġikament tiġi eżaminata wara l-erba’ partijiet l-oħra, relatati mal-Artikoli 20, 24 u 27 tal-istess regolament.

38      Il-Qorti Ġenerali tqis ukoll li hemm lok li l-ħames partijiet tal-motiv uniku tar-rikorrenti jiġu riklassifikati, skont il-kontenut rispettiv tagħhom, bħala li huma, essenzjalment, ibbażati, l-ewwel, fuq l-interpretazzjoni ħażina mill-EUIPO tal-kompetenzi tiegħu abbażi tal-Artikoli 20 u 24 tar-Regolament 2017/1001, it-tieni, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat mill-EUIPO u mill-Bord tal-Appell tas-sentenza li tiddikjara falliment tat-13 ta’ Ottubru 2017, it-tielet, fuq l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001, ir-raba’, fuq l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-eċċezzjoni ta’ għarfien prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/1001 u fuq l-allegat għarfien, mill-intervenjenti u mill-istralċjarju, tal-kuntratt ta’ ċessjoni tal-2014 u, il-ħames, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001 mill-Bord tal-Appell għad-deċiżjonijiet tal-EUIPO li jikkanċella l-entrati tas-16 ta’ April 2018.

39      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-motiv uniku tar-rikorrenti jiġi miċħud u jikkontestaw l-argumenti tagħha.

 Osservazzjonijiet preliminari

40      Preliminarjament, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel l-intervenjenti, li l-familja A, li b’mod partikolari tinkludi lil B u lil ibnu C, li tmexxi lir-rikorrenti, kienet preċedentement tmexxi lill-intervenjenti, filwaqt li l-istralċjarju jirrappreżenta l-massa tal-kredituri tal-falliment tal-intervenjenti.

41      F’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi jekk il-Bord tal-Appell kienx iġġustifikat li jqis li d-deċiżjonijiet tad-Dipartiment inkarigat mir-Reġistru tal-EUIPO li jikkanċellaw l-entrati tas-16 ta’ April 2018, relatati mat-trasferimenti suċċessivi tat-trade mark inkwistjoni, kinux regolari fid-dawl tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001. F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 103, 20, 24 u 27, kif ukoll dawk tal-Artikoli 3, 7 u 19 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9).

42      L-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Revoka ta’ deċiżjonijiet”, iżda li jikkonċerna wkoll il-kanċellazzjonijiet ta’ entrati, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fejn l-[EUIPO] jkun daħħal entrata fir-Reġistru jew ikun ħa deċiżjoni li jkun fiha żball ovvju attribwibbli lill-Uffiċċju, dan għandu jiżgura li l-entrata tiġi kkanċellata jew id-deċiżjoni tiġi revokata. Meta jkun hemm parti waħda biss għall-proċedimenti u d-dħul jew l-att jaffettwa d-drittijiet tagħha, il-kanċellazzjoni jew ir-revoka għandhom ikunu determinati anki jekk l-iżball ma kienx evidenti għall-parti.

2.      Kanċellazzjoni jew revoka kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu determinati, ex officio jew fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet għall-proċedimenti, mid-dipartiment li jkun daħħal l-entrata jew li jkun ħa d-deċiżjoni. Il-kanċellazzjoni tad-dħul fir-Reġistru jew ir-revoka tad-deċiżjoni għandhom isiru fi żmien sena mid-data tad-dħul fir-Reġistru jew minn meta ttieħdet id-deċiżjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet fil-proċedimenti u kwalunkwe proprjetarju ta’ drittijiet għat-trademark tal-UE inkwistjoni li jiddaħħlu fir-Reġistru. L-[EUIPO] għandu jżomm rekords ta’ kwalunkwe tali kanċellazzjoni jew revoka.”

43      L-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Trasferiment”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 3 sa 5 u 11 tiegħu:

“1.      It-trademark tal-UE tista’ tiġi trasferita, separatament minn kull trasferiment tal-impriża, fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata jew fir-rigward ta’ kollha.

[…]

3.      […] iċ-ċessjoni tat-trade mark tal-UE għandha ssir bil-miktub u teħtieġ il-firma tal-partijiet kontraenti, ħlief meta tkun konsegwenza ta’ deċiżjoni; jekk ma ssirx b’dan il-mod hija nulla.

4.      Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet it-trasferiment għandu jitniżżel fir-Reġistru u għandu jiġi ppubblikat.

5.      L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trasferiment għandu jkun fiha informazzjoni [speċifikata].

[…]

11.      Sakemm it-trasferiment ikun għadu ma tniżżilx fir-Reġistru, is-suċċessur tat-titolu ma jistax jinqeda bid-drittijiet li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE.”

44      L-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/626 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 (ĠU 2018, L 104 p. 37), jispeċifika l-informazzjoni li għandha tkun inkluża f’applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ trade mark ippreżentata b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament 2017/1001.

45      L-Artikolu 24 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Proċedimenti ta’ insolvenza”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 3 tiegħu:

“1.      L-uniċi proċedimenti ta’ insolvenza li fihom trademark tal-UE tista’ tkun involuta huma dawk miftuħa fl-Istat Membru tat-territorju li fih id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi ewlenija tiegħu.

[…]

3.      Meta trademark tal-UE hija involuta fi proċedimenti ta’ insolvenza, fuq it-talba tal-awtorità nazzjonali kompetenti, id-dħul għal dan il-għan għandu jseħħ fir-Reġistru u jkun ippublikati fil-Bullettin tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 116.”

46      L-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Effetti fil-konfront ta’ terzi persuni [infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi]”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.      L-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 20, 22 u 25 li jirrigwardaw trademark tal-UE għandhom ikollhom effett [huma infurzabbli] fil-konfront ta’ terzi persuni fl-Istati Membri kollha biss wara li dawn jitniżżlu fir-Reġistru. Madanakollu, att ta’ dan it-tip għandu jkollu effett qabel ma jitniżżel, fil-konfront ta’ terzi persuni li jkunu akkwistaw drittijiet fit-trade mark wara d-data ta’ dak l-att u li jkunu jafu bl-att fid-data meta jakkwistaw id-drittijiet.

[…]

4.      Sakemm jidħlu fis-seħħ regoli komuni fl-Istati Membri dwar l-insolvenza, l-effetti tal-insolvenza jew ta’ proċedimenti simili fil-konfront ta’ terzi persuni għandhom ikunu regolati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn dawn il-proċedimenti jinġiebu l-ewwel skont il-liġi nazzjonali jew il-konvenzjonijiet applikabbli f’dan il-qasam.”

47      L-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprevedi, fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tiegħu:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jiftħu l-proċedimenti tal-insolvenza […]. Iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi.

Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-preżunzjoni tkun li l-post tal-uffiċċju rreġistrat ikun iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu fin-nuqqas ta' prova kuntrarja […]”.

48      L-Artikolu 7 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Liġi applikabbli ”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, (l-“Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti”).

2.      Il-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-għeluq tagħhom. Għandha tiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

b)      l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza u t-trattament tal-assi akkwistati minn jew li jmissu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza;

[…]

m)      ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, invalidabilità [annullament] u nuqqas ta’ eżegwibilità ta’ atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali tal-kredituri.”

49      L-Artikolu 19 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Prinċipju”, jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Kwalunkwe sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3 għandu jkun rikonoxxut fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti.”

50      Għandu għalhekk jiġi osservat li, konformement mar-Regolament 2017/1001, il-Liġi Taljana dwar il-Falliment hija applikabbli għal ċerti aspetti ta’ din il-kawża.

51      Qabel kollox, il-Liġi Taljana dwar il-Falliment, inkwantu liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-intervenjenti fil-mument tad-dikjarazzjoni ta’ falliment, tirregola l-proċedura ta’ insolvenza li tinkludi t-trade mark inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2017/1001, kif ukoll abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2015/848. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 27(4) tar-Regolament 2017/1001, din tirregola wkoll il-kwistjonijiet marbuta mal-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi tal-imsemmija proċedura ta’ insolvenza.

52      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2015/848, il-Liġi Taljana dwar il-Falliment tiddetermina b’mod partikolari, fl-inċiż b), “l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza u t-trattament tal-assi akkwistati minn jew li jmissu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza” u, fl-inċiż m), “ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, invalidabilità [annullament] u nuqqas ta’ eżegwibilità ta’ atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali tal-kredituri”. Bl-istess mod, abbażi tal-Artikolu 19 tal-istess regolament, is-sentenza li tiddikjara falliment mogħtija mit-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia) tipproduċi l-effetti ipso jure tagħha fl-Unjoni kollha fir-rigward tat-terzi kollha u għalhekk, f’dan il-każ, fir-rigward tar-rikorrenti u tal-EUIPO.

53      Il-Liġi Taljana dwar il-Falliment tipprevedi, essenzjalment, fl-Artikoli 16 u 17 tagħha, li s-sentenza li tiddikjara falliment hija infurzabbli fil-konfront tad-debitur (il-persuna fiżika jew ġuridika ddikjarata falluta) b’effett mir-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru tal-qorti u fil-konfront tat-terzi b’effett mir-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru Taljan tal-kumpanniji (f’dan il-każ it-13 ta’ Ottubru 2017); fl-Artikolu 42 tagħha, dwar l-evizzjoni tad-debitur, li l-ġestjoni tal-attivi tad-debitur hija fdata lill-persuna inkarigata mill-istralċ tal-falliment; fl-Artikolu 44 tagħha, li l-atti kollha mwettqa mid-debitur wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment jew li ma kellhomx data ċerta qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment huma ineffettivi fid-dritt u ma humiex infurzabbli fil-konfront ta’ terzi, fosthom il-massa tal-kredituri; u, fl-Artikolu 45 tagħha, li l-formalitajiet rikjesti sabiex att isir infurzabbli kontra terzi, fosthom il-massa tal-kredituri, huma ineffettivi jekk dawn ġew eżegwiti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment.

54      Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ħames partijiet tal-motiv uniku tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-interpretazzjoni ħażina millEUIPO tal-kompetenzi tiegħu abbażi tal-Artikoli 20 u 24 tarRegolament 2017/1001

55      Permezz tal-ewwel parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-EUIPO għandu jivverifika biss ir-rekwiżiti formali ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment ta’ trade mark, abbażi b’mod partikolari tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001, u li huwa ma għandux jeżamina l-kwistjonijiet ta’ mertu, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tiegħu.

56      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li l-EUIPO mar lil hinn mill-kompetenzi tiegħu u eċċeda l-poteri tiegħu, minn naħa, billi eżamina kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-proprjetà abbażi tad-dritt Taljan u, min-naħa l-oħra, billi ma llimitax ruħu għall-eżami formali tad-dokumenti prodotti insostenn tat-talbiet sabiex tiġi rreġistrata entrata dwar it-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni, jiġifieri ftehimiet bil-miktub li jġorru l-firma tal-partijiet ikkonċernati. L-EUIPO kellu għalhekk jeżamina biss jekk il-prova suffiċjenti tal-imsemmija trasferimenti kinitx ġiet prodotta u jekk id-dokumenti ppreżentati kinux jinkludu l-elementi indikati fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ dawn it-trasferimenti. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta wkoll li l-EUIPO ma huwiex awtorizzat li jevalwa l-validità u l-effetti ġuridiċi ta’ ċessjoni ta’ trade mark fid-dawl tad-dritt nazzjonali fis-seħħ. Issa, l-Bord tal-Appell mar lil hinn mill-kompetenzi tiegħu u eċċeda s-setgħat tiegħu meta evalwa, fuq il-mertu, jekk il-lista tal-inventarju annessa mas-sentenza li tiddikjara l-falliment tal-intervenjenti kinitx tipprova l-proprjetà tat-trade mark inkwistjoni.

57      Skont ir-rikorrenti, huwa paċifiku li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferimenti tal-imsemmija trade mark ippreżentata fis-16 ta’ April 2018 kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha sostantivi u formali, sa fejn il-kuntratti ta’ ċessjoni kienu ġew konklużi bil-miktub u ffirmati miż-żewġ partijiet ikkonċernati għal kull wieħed minn dawn it-trasferimenti. Għalkemm tammetti li, f’dik id-data, ta’ meta twettqu l-entrati tal-imsemmija trasferimenti, il-proprjetarja rreġistrata ta’ din it-trade mark kienet l-intervenjenti, madankollu hija ssostni li r-Reġistru ma kienx jirrifletti s-sitwazzjoni ġuridika, peress li l-intervenjenti kienet ittrasferixxiet it-trade mark inkwistjoni fl-2014 lil Spring Holdings, li kienet min-naħa tagħha ttrasferixxiet din it-trade mark lir-rikorrenti matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017. Minn dan hija tiddeduċi li l-imsemmija trasferimenti ġew irreġistrati fis-16 ta’ April 2018 konformement mar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli u li l-EUIPO ma setax jeżamina jekk il-ftehimiet konklużi fl-2014 (trasferiment favur Spring Holdings) u fl-2017 (trasferiment favuriha) kinux validi fid-dawl tad-dritt Taljan jew tad-dritt Irlandiż.

58      Preliminarjament, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, applikabbli għall-EUIPO, l-istituzzjoni jew l-aġenzija kompetenti għandha teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14; tal-15 ta’ Lulju 2011, Zino Davidoff vs UASI – Kleinakis kai SIA (GOOD LIFE), T‑108/08, EU:T:2011:391, punt 19; u tal-25 ta’ Settembru 2018, Grendene vs EUIPO – Hipanema (HIPANEMA), T‑435/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:596, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-EUIPO, li jżomm Reġistru pubbliku, għandu, għal dan il-għan, jieħu b’mod diliġenti inkunsiderazzjoni l-fatti li jista’ jkollhom effetti ġuridiċi fuq l-entrati li huwa jirreġistra fl-imsemmi reġistru.

59      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti, l-Artikolu 19 tar-Regolament 2017/1001 ma jeżiġix, bħala prinċipju, li l-EUIPO jeżamina u japplika l-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni bħala prodott ta’ proprjetà. B’mod partikolari, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-EUIPO jew il-qrati tal-Unjoni għandhom jeżaminaw jew jiddeċiedu dwar kwistjonijiet kuntrattwali jew ġuridiċi li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Chalk vs UASI – Reformed Spirits Company Holdings (CRAIC), T‑83/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:450, punt 27).

60      Skont din l-istess ġurisprudenza, eventwali kunflitt bejn żewġ ċessjonijiet ta’ trade mark iqajjem kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-kuntratti u mad-dritt tal-proprjetà li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626 u li t-trattament tagħhom ma jaqax taħt il-kompetenza tal-EUIPO. Minn dan jirriżulta li l-EUIPO ma għandux il-kompetenza biex jeżamina l-validità tal-effetti ġuridiċi ta’ trasferiment ta’ trade mark tal-Unjoni skont id-dritt nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, CRAIC, T‑83/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:450, punti 30 u 31).

61      Għalhekk, hekk kif josserva, barra minn hekk, l-EUIPO fir-risposta tiegħu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tat-trattament ta’ talba għar-reġistrazzjoni ta’ entrata dwar it-trasferiment ta’ trade mark tal-Unjoni, il-kompetenza tal-EUIPO hija limitata, bħala prinċipju, għall-eżami tar-rekwiżiti formali msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001 u fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626 u ma timplikax evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet sostantivi li jistgħu jqumu fil-kuntest tad-dritt nazzjonali applikabbli.

62      Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll l-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Hassan, C‑163/15, EU:C:2016:71, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      B’mod partikolari, l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jiffurmaw parti mill-istess taqsima tar-Regolament 2017/1001, intitolata “It-trademarks tal-UE bħala prodotti ta’ proprjetà” (Kapitolu II, Taqsima 4, Artikoli 19 sa 29), li għandha l-għan li tiżgura li tali trade mark tkun tista’ “tiġi trasferita, tingħata bħala sigurtà a favur ta’ terza persuna u li tkun is-soġġett ta’ liċenzja” (ara l-premessa 26 tal-imsemmi regolament).

64      Għalhekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001, l-EUIPO għandu, b’mod partikolari, jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li t-trasferimenti ta’ trade mark tal-Unjoni huma infurzabbli fil-konfront ta’ terzi, bħala prinċipju, biss wara l-entrata tagħhom fir-Reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, u li minn dan barra minn hekk jirriżulta li tali entrata ma għandhiex effett retroattiva.

65      Barra minn hekk, jekk ikun il-każ, meta, bħal f’dan il-każ, tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza kontra l-proprjetarju ta’ trade mark, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(4) tar-Regolament 2017/1001, li minnu jirriżulta li l-infurzabbiltà ta’ tali proċeduri fil-konfront ta’ terzi hija rregolata mid-dritt nazzjonali.

66      Issa, f’dan il-każ, il-proċedura relatata mal-insolvenza tal-intervenjenti hija rregolata mid-dritt Taljan, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. B’mod partikolari, mill-informazzjoni pprovduta mill-istralċjarju lill-EUIPO jirriżulta li, qabel kollox, l-Artikoli 16 u 17 tal-Liġi Taljana dwar il-Falliment jipprevedu, essenzjalment, li s-sentenza li tiddikjara falliment tkun infurzabbli, minn naħa, fil-konfront tad-debitur, jiġifieri l-persuna fiżika jew ġuridika falluta, b’effett mir-reġistrazzjoni ta’ dik is-sentenza fir-Reġistru tal-qorti u, min-naħa l-oħra, fil-konfront ta’ terzi b’effett mir-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru Taljan tal-kumpanniji. Sussegwentement, mill-Artikolu 42 ta’ din il-liġi jirriżulta li l-ġestjoni tal-kumpannija falluta hija fdata f’idejn l-istralċjarju. Fl-aħħar, mill-Artikoli 44 u 45 tagħha jirriżulta li, minn naħa, l-atti kollha mwettqa mid-debitur wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, jew li ma kellhomx data ċerta qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, huma ineffettivi fid-dritt u ma humiex infurzabbli fil-konfront ta’ terzi, fosthom il-massa tal-kredituri, u li l-formalitajiet rikjesti sabiex att isir infurzabbli kontra dawn l-istess terzi huma ineffettivi jekk dawn jiġu eżegwiti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment.

67      Għalhekk, f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament 2017/1001, l-implikazzjonijiet tal-proċedura ta’ falliment kellhom jiġu dedotti mid-dritt Taljan, b’mod partikolari billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tagħha fuq l-atti mwettqa mid-debitur wara din id-dikjarazzjoni ta’ falliment jew li ma kisbux data ċerta qabel l-imsemmija dikjarazzjoni.

68      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li, għalkemm l-EUIPO għandu ċertament jillimita ruħu għall-eżami tar-rekwiżiti formali tal-validità ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ trade mark abbażi tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626, dan l-eżami xorta waħda jimplika li huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod diliġenti l-fatti li jista’ jkollhom implikazzjonijiet ġuridiċi għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ tali trasferiment, inkluża l-eżistenza ta’ proċedura ta’ falliment.

69      L-obbligu ta’ diliġenza impost fuq l-EUIPO abbażi tal-prinċipju mfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq huwa iktar u iktar imperattiv meta, bħal f’dan il-każ, qabel ma jirċievi applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment ta’ trade mark tal-Unjoni, l-EUIPO ġie informat, permezz ta’ talba għal reġistrazzjoni ta’ entrata preċedenti ppreżentata konformement mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament 2017/1001, li din it-trade mark kienet inkluż fi proċedura ta’ insolvenza, jiġifieri proċedura intiża għar-realizzazzjoni tal-attivi tal-proprjetarja ta’ din it-trade mark favur il-kredituri tagħha. F’każ bħal dan, huwa l-EUIPO li għandu jittratta l-imsemmija applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment b’diliġenza partikolari, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-għan li “tiġi ggarantita l-effikaċja” tal-proċedura ta’ insolvenza prevista fil-premessa 36 tar-Regolament 2015/848, b’mod partikolari jekk l-eżistenza, il-validità jew id-data ċerta tal-imsemmi trasferiment huma kkontestati mill-istralċjarju.

70      Ir-rikorrenti madankollu tosserva, essenzjalment, li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ trade mark tal-Unjoni hija totalment indipendenti minn kull talba sussegwenti fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ proċedura ta’ insolvenza li taffettwa l-istess trade mark. Hija ssostni li l-EUIPO għandu biss il-kompetenza li jivverifika r-rekwiżiti formali tat-trasferiment u li huwa għandu jastjeni ruħu minn kull evalwazzjoni tal-eventwali implikazzjonijiet tal-ewwel talba fuq it-talbiet sussegwenti.

71      Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 58 sa 69 iktar ’il fuq, tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ladarba jkun ġie informat bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza li tinkludi trade mark tal-Unjoni minn qorti nazzjonali, l-EUIPO ma jistax jinjora dan il-fatt meta, f’data sussegwenti, tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment li tirrigwarda l-istess trade mark, u dan iktar u iktar meta, barra minn hekk, il-persuna inkarigata mill-istralċ tal-attivi li jifformaw parti mill-massa tal-insolvenza tikkontesta espliċitament l-eżistenza jew il-validità tad-dokument prodott insostenn tal-imsemmija applikazzjoni u meta tkun tressqet azzjoni ġudizzjarja f’dan ir-rigward.

72      Barra minn hekk, f’dan il-każ, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 66 iktar ’il fuq, abbażi tad-dritt Taljan applikabbli, il-proċedura ta’ insolvenza inkwistjoni kellha l-effett li tirrendi ineffettivi l-formalitajiet rikjesti sabiex tiġi żgurata l-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ att tad-debitur kemm‑il darba dawn kienu ġew eżegwiti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment. Konsegwentement, peress li din id-dikjarazzjoni pproduċiet l-effetti tagħha preċedentement għall-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tat-trasferimenti inkwistjoni u peress li l-EUIPO kien ġie informat b’dan qabel l-imsemmija applikazzjoni, dan tal-aħħar kien obbligat li jissospendi r-reġistrazzjoni tal-entrata ta’ dawn it-trasferimenti sakemm il-qorti nazzjonali teżamina l-mertu tal-kawża.

73      Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jiġi segwit l-argument tar-rikorrenti, dan mhux talli jwassal, fil-prattika, għall-evitar tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza u tal-għan tagħhom, jiġifieri l-protezzjoni tal-kredituri, talli wkoll iċaħħad l-Artikolu 24(3) tar-Regolament 2017/1001 minn parti kbira mill-effett utli tiegħu.

74      Għalhekk il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta, b’mod partikolari, ikkonstata, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li, peress li t-trade mark inkwistjoni kienet imsemmija fil-lista tal-inventarju annessa mas-sentenza li tiddikjara l-falliment tal-intervenjenti, l-EUIPO kien obbligat li jieħu dan il-fatt inkunsiderazzjoni u li jirreġistra entrata dwar il-proċedura ta’ insolvenza relatata ma’ din it-trade mark fir-Reġistru, konformement mat-talba tal-istralċjarju. Billi għamel dan, il-Bord tal-Appell sempliċement fakkar l-obbligu ta’ diliġenza impost fuq l-EUIPO, kif indikat b’mod espliċitu fil-punti 58 sa 69 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell kien ukoll iġġustifikat meta, fl-istess punt tad-deċiżjoni tiegħu, fakkar li l-EUIPO ma kienx awtorizzat li jikkontesta l-imsemmija lista tal-inventarju, peress li huwa ma jistax jissostitwixxi ruħu għall-qrati nazzjonali.

75      Għalhekk, l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat mill-EUIPO u mill-Bord tal-Appell tas-sentenza li tiddikjara falliment tat-13 ta’ Ottubru 2017

76      Permezz tat-tieni parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li stadju essenzjali tal-proċedura kien nieqes minħabba li, meta huwa kien irreġistra t-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni fis-16 ta’ April 2018, l-EUIPO ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa nnifsu kien injora t-talba preċedenti ta’ reġistrazzjoni ta’ entrata fir-Reġistru tal-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti, imressqa mill-istralċjarju fil-25 ta’ Ottubru 2017 abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament 2017/1001. Ir-rikorrenti tqis li, fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trasferimenti, l-intervenjenti ma setgħetx iktar titqies bħala l-proprjetarja ta’ din it-trade mark, peress li din kienet ġiet preċedentement ittrasferita mill-intervenjenti lil Spring Holdings permezz tal-kuntratt ta’ ċessjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014, u fejn il-kumpannija msemmija l-aħħar kienet sussegwentement ittrasferixxietha lir-rikorrenti. Skont din tal-aħħar, ir-reġistrazzjoni tal-proċedura ta’ insolvenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament 2017/1001 għalhekk ma seta’ jkollha ebda effett għaliex, f’Ottubru 2017 u f’April 2018, l-intervenjenti ma setgħetx iktar titqies bħala l-proprjetarja tal-imsemmija trade mark.

77      Ir-rikorrenti tqis li, anki li kieku l-EUIPO kien irreġistra l-proċedura ta’ insolvenza fir-Reġistru, it-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni, l-ewwel favur Spring Holdings u sussegwentement favur ir-rikorrenti, kellhom madankollu jiġu rreġistrati, peress li, minn naħa, ir-rekwiżiti kollha għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment stipulati fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001 (ftehim bil-miktub, firem, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni) kienu ssodisfatti u l-prova rikjesta kienet ġiet prodotta u, min-naħa l-oħra, peress li, fid-data ta’ tali reġistrazzjoni ta’ entrata fir-Reġistru, l-intervenjenti ma kinitx iktar il-proprjetarja ta’ din it-trade mark, li hija kienet ittrasferixxiet lil Spring Holdings. Hija ssostni li r-reġistrazzjoni tal-entrata tal-proċedura ta’ insolvenza fir-Reġistru ma setax ikollha l-effett li tintegra mill-ġdid mal-attivi tal-intervenjenti, kumpannija falluta, elementi – bħalma hija l-imsemmija trade mark – lii, fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, ma kinitx tifforma parti mill-attivi tagħha. Hija tkompli tesponi li l-insolvenza bħala tali u r-reġistrazzjoni tal-entrata tal-proċedura ta’ insolvenza fir-Reġistru kienu jipproduċu effetti futuri, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament 2017/1001.

78      Qabel kollox, hemm lok li jiġi osservat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-intervenjenti ġiet iddikjarata insolventi permezz ta’ sentenza li tiddikjara falliment mogħtija fit-13 ta’ Ottubru 2017 mit-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia) b’applikazzjoni tal-Liġi Taljana dwar il-Falliment u li saret infurzabbli kontra terzi fl-istess jum konformement mal-imsemmija liġi, li, abbażi tal-Artikolu 27(4) tar-Regolament 2017/1001, tirregola l-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, b’effett minn din id-data, l-intervenjenti ma kinitx għadha awtorizzata titrasferixxi t-trade mark inkwistjoni konformement mal-Artikolu 20 tal-istess regolament u l-EUIPO ma setax iwettaq ir-reġistrazzjoni tat-trasferiment mitlub wara din id-data.

79      Il-Bord tal-Appell, fil-punti 46 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata, sempliċement fakkar fil-konsegwenzi ta’ tali sentenza li tiddikjara falliment għall-parti rreġistrata bħala proprjetarja ta’ trade mark tal-Unjoni fid-data ta’ dik is-sentenza, jiġifieri l-projbizzjoni li tamministra l-attivi tagħha (beni jew titoli ta’ proprjetà li fir-rigward tagħhom hemm entrata fir-reġistru) u n-nullità jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ kull att sussegwenti fir-rigward tal-kredituri (inklużi l-formalitajiet rikjesti sabiex tiġi żgurata l-infurzabbiltà ta’ att fil-konfront ta’ terzi, li huma ineffettivi jekk dawn jitwettqu wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza). Hija osservat li, f’dan il-każ, fid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza, fit-13 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti kienet irreġistrata inkwantu proprjetarja tat-trade mark inkwistjoni fir-Reġistru tal-EUIPO u li din it-trade mark kienet tidher fuq il-lista tal-inventarju tal-falliment.

80      F’dan ir-rigward, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell ma eżaminax fuq il-mertu l-kwistjoni ta’ jekk il-lista tal-inventarju kinitx tipprova l-proprjetà tat-trade mark inkwistjoni. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell sempliċement ħa inkunsiderazzjoni dokument uffiċjali approvat mit-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia), inkarigata mill-proċedura ta’ insolvenza, u kkonstata, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienet ġiet prodotta ebda prova sabiex jintwera li dan id-dokument kien ġie kkontestat quddiem qorti. Barra minn hekk, fil-punti 48 u 49 ta’ din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell osserva li l-EUIPO ma kienx ittratta t-talba tal-istralċjarju, rċevuta fil-25 ta’ Ottubru 2017, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-entrata tal-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-intervenjenti fir-Reġistru u li din it-talba kienet għadha pendenti fis-16 ta’ April 2018, data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferimenti tal-imsemmija trade mark tal-intervenjenti lil Spring Holdings u minn din tal-aħħar lir-rikorrenti.

81      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta qies, fil-punti 50 sa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li ċ-ċessjoni tat-trade mark inkwistjoni mill-intervenjenti lil Spring Holdings kienet seħħet fis-26 ta’ Ġunju 2014 (jiġifieri qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment tal-intervenjenti) ma kienx jippermetti li jitqies li l-entrati ta’ trasferiment irreġistrati fis-16 ta’ April 2018 kienu regolari u, essenzjalment, li dan l-argument kien ineffettiv.

82      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, ġustament, fuq l-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001, fir-rigward tal-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi tal-atti ġuridiċi bħalma huma t-trasferimenti ta’ trade mark, li tinkiseb biss wara r-reġistrazzjoni ta’ entrata dwarhom fir-Reġistru. Huwa qies li l-allegata ċessjoni tat-trade mark inkwistjoni mill-intervenjenti, irrispettivament mill-validità tagħha u min-natura ċerta tad-data tagħha, ma kinitx, f’kull każ, ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-EUIPO qabel is-sentenza li tiddikjara falliment tat-13 ta’ Ottubru 2017 u li, minħabba dan il-fatt, din ma setax ikollha effett fir-rigward tal-istralċjarju, li kellu jiġi kkwalifikat bħala “terz”, għaliex huwa ma kienx parti f’din l-allegata ċessjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 27(4) tal-istess regolament, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta bbaża ruħu fuq l-Artikolu 45 tal-Liġi Taljana dwar il-Falliment, li jipprovdi li l-formalitajiet kollha rikjesti sabiex l-infurzabbiltà ta’ att tiġi żgurata fil-konfront ta’ terzi huma ineffettivi jekk dawn jitwettqu wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, kif kien il-każ f’dan il-każ.

83      Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma ddeċidiex dwar il-kwistjonijiet ġuridiċi ta’ mertu li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u tad-dritt nazzjonali, bħal dik tal-proprjetà tat-trade mark inkwistjoni fid-dawl tad-dritt Taljan jew il-validità fuq il-mertu tat-trasferimenti ta’ din it-trade mark irreġistrati fis-16 ta’ April 2018. Bil-kontra ta’ dan, fil-punti 53 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa espliċitament iddikjara li ma għandux il-kompetenza f’dan ir-rigward u għaraf debitament il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali f’dan il-qasam.

84      Fl-aħħar, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-punt 30 tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, CRAIC (T‑83/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:450), għandu jitfakkar li, f’dan il-punt tal-imsemmi sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment tat-trade mark ikkonċernata fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regola 31 tar-Regolament (CE) tal-Kummissjoni Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li sar l-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626), għaliex din kienet akkumpanjata minn dokument ta’ ċessjoni tat-trade mark li jikkorrispondi għar-rekwiżiti ta’ din ir-regola, b’tali mod li l-imsemmija applikazzjoni kif ukoll ir-reġistrazzjoni taċ-ċessjonarju bħala proprjetarja ġdid tat-trade mark inkwistjoni kienu validi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trasferiment tal-istess trade mark ma kinitx konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, peress li ċ-ċessjonarju ma kienx il-proprjetarja rreġistrata, li kienet għalhekk diġà’ ċ-ċessjonarju fil-kuntest tat-trasferiment preċedenti tal-imsemmija trade mark. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li eventwali kunflitt bejn iż-żewġ ċessjonijiet li tiegħu kienet is-suġġett din it-trade mark kien iqajjem kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-kuntratti u mad-dritt tal-proprjetà, li kienu jmorru lil hinn mill-kuntest tal-imsemmija regola u li l-eżami tagħhom kien jaqa’ ’l barra mill-kompetenzi tal-EUIPO.

85      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jimplikawx li, f’din il-kawża, il-Bord tal-Appell evalwa l-validità tat-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni fuq il-mertu, kif donnha ssostni r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fit-tilwima li dwarha ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, CRAIC (T‑83/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:450), ir-rikorrenti ma kinitx invokat, insostenn tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ trade mark, deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali dwar proċedura ta’ insolvenza analoga għas-sentenza mogħtija f’dan il-każ mit-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia). L-EUIPO għalhekk ma kienx obbligat li japplika d-dritt nazzjonali u għaldaqstant ir-riferiment għas-sentenza ċċitata ma hijiex rilevanti. F’kull każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell illimita ruħu li jieħu nota tal-imsemmija sentenza Taljana u, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 83 iktar ’il fuq, huwa la ddeċieda huwa nnifsu dwar il-proprjetà tat-trade mark inkwistjoni fid-dawl tad-dritt Taljan u lanqas ma evalwa l-validità fuq il-mertu tat-trasferimenti tagħha.

86      It-tieni parti tal-motiv uniku għandha għalhekk tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-inapplikabbiltà f’dan il-każ talArtikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001

87      Permezz tat-tielet parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001 ma huwiex applikabbli għall-kawża preżenti, sa fejn dan jirrigwarda biss sitwazzjonijiet li fihom iktar minn parti waħda tinvoka dritt fuq trade mark tal-Unjoni, jiġifieri jinvokaw atti ġuridiċi li l-għan jew l-effett tagħhom ikun il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet fuq tali trade mark. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni, bħal dik tal-kawża preżenti, fejn ma tkunx iktar il-proprjetarja tat-trade mark ikkonċernata fid-data tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza li tirrigwardaha, għaliex hija tkun, snin qabel, ittrasferixxiet din it-trade mark lil entità oħra.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont kliem l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001, l-atti ġuridiċi li jirrigwardaw trade mark tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 20, 22 u 25 ta’ dan l-istess regolament huma infurzabbli fil-konfront ta’ terzi fl-Istati Membri kollha biss wara li tiġi rreġistrata entrata dwarhom fir-Reġistru.

89      Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta qies li din id-dispożizzjoni kienet applikabbli f’dan il-każ.

90      Fil-fatt, fil-punti 47 sa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li l-proprjetà tat-trade mark inkwistjoni fid-data tat-13 ta’ Ottubru 2017, data li fiha l-proprjetarja rreġistrata ta’ din it-trade mark, jiġifieri l-intervenjenti, kienet ġiet iddikjarata falluta, kienet is-suġġett ta’ tilwima bejn ir-rikorrenti u l-istralċjarju, rappreżentant tal-massa tal-kredituri tal-intervenjenti, u li l-allegata ċessjoni ta’ din il-proprjetà, li, skont ir-rikorrenti, kienet seħħet fl-2014, ma kinitx, f’kull każ, infurzabbli kontra terzi, fosthom l-istralċjarju, għaliex din ma kinitx ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-EUIPO qabel it-13 ta’ Ottubru 2017.

91      Minn dan isegwi li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001 huwa applikabbli f’dan il-każ, b’mod partikolari għall-allegat kuntratt ta’ ċessjoni tat-trade mark inkwistjoni tal-2014, li ma sarx infurzabbli kontra terzi konformement ma’ din id-dispożizzjoni qabel it-13 ta’ Ottubru 2017, data tad-dħul fis-seħħ tal-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi tas-sentenza li tiddikjara l-falliment tal-intervenjenti konformement mal-Liġi Taljana dwar il-Falliment, applikabbli abbażi tal-Artikolu 27(4) tal-istess regolament u tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2015/848.

92      It-tielet parti tal-motiv uniku għandha għalhekk tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-applikabbiltà f’dan il-każ taleċċezzjoni ta’ għarfien prevista fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001 u fuq l-allegat għarfien, mill-intervenjenti u mill-istralċjarju, tal-kuntratt ta’ ċessjoni tal-2014

93      Permezz tar-raba’ parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li kemm l-intervenjenti kif ukoll l-istralċjarju kellhom għarfien taċ-ċessjoni tat-trade mark inkwistjoni li seħħet fl-2014, fatt li huwa stabbilit bl-eżistenza tal-kuntratt tal-liċenzja li jirrigwarda din it-trade mark, konkluż fit-30 ta’ Diċembru 2014 bejn l-intervenjenti u Spring Holdings, u l-estensjoni ta’ dan il-kuntratt tal-liċenzja mill-istralċjarju permezz ta’ posta elettronika tas-7 ta’ Diċembru 2017. Dan jirriżulta wkoll minn “ittra ta’ ftehim” tal-24 ta’ Novembru 2017, li permezz tagħha Spring Holdings ipproponiet l-estensjoni tat-tul tal-kuntratt tal-liċenzja sat-30 ta’ Novembru 2022.

94      F’kull każ, skont ir-rikorrenti, l-istralċjarju ma setax jitqies li huwa terz (anki jekk kien qiegħed jaġixxi fl-interess tal-kredituri tal-intervenjenti), għaliex huwa kien daħal f’relazzjoni kuntrattwali magħha, inkwantu parti fil-kuntratt tal-liċenzja. Ir-rikorrenti minn dan tikkonkludi li, anki jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001 kien applikabbli f’dan il-każ, l-intervenjenti u l-istralċjarju nnifsu ma jistgħux jinvokaw din id-dispożizzjoni, għaliex huma effettivament kellhom għarfien taċ-ċessjoni preċedenti tat-trade mark inkwistjoni lil Spring Holdings, li seħħet fl-2014.

95      Għandu jiġi osservat li dawn argumenti huma bbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ għarfien prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001, li tgħid li, anki qabel ir-reġistrazzjoni ta’ entrata dwar att ġuridiku li jirrigwarda trade mark tal-Unjoni fir-Reġistru tal-EUIPO, l-imsemmi att huwa infurzabbli kontra terzi li kisbu drittijiet fuq it-trade mark wara d-data ta’ dan l-att jekk huma kellhom għarfien tiegħu meta kisbu l-imsemmija drittijiet.

96      Għandu madanakollu jiġi neċessarjament ikkonstatat li, f’dan il-każ, l-EUIPO ma kienx f’pożizzjoni li japplika din l-eċċezzjoni ta’ għarfien.

97      Fil-fatt, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 74 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li, peress li t-trade mark inkwistjoni kienet imsemmija fil-lista tal-inventarju annessa mas-sentenza li tiddikjara falliment tat-13 ta’ Ottubru 2017, l-EUIPO ma kienx kompetenti li jikkontesta din il-lista, għaliex huwa ma setax jissostitwixxi ruħu għall-qrati nazzjonali u li huwa kien obbligat li jirreġistra l-proċedura ta’ insolvenza relatata mal-imsemmija trade mark fir-Reġistru. Il-Bord tal-Appell kien ukoll iġġustifikat meta, fl-istess punt tal-imsemmija deċiżjoni, qies li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferimenti ta’ din it-trade mark ippreżentata mir-rikorrenti wara d-dikjarazzjoni tal-falliment tal-intervenjenti kienet tardiva u li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova li s-sentenza li tiddikjara falliment kienet żbaljata, abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali.

98      Konsegwentement, l-EUIPO ma huwiex kompetenti li jivverifika jekk, fid-data tas-sentenza li tiddikjara l-falliment tal-intervenjenti, l-eċċezzjoni ta’ għarfien setgħetx tiġi invokata kontriha u kontra l-istralċjarju. Minn dan isegwi li din il-parti tal-motiv uniku hija ineffettiva.

99      F’kull każ, fir-rigward tal-allegat għarfien mill-intervenjenti u mill-istralċjarju, fid-data tat-13 ta’ Ottubru 2017, taċ-ċessjoni tat-trade mark inkwistjoni mill-intervenjenti lil Spring Holdings, li allegatament seħħet fl-2014, hemm lok li jiġi osservat dan li ġej.

100    Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-intervenjenti, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-għan tar-regola stipulata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001, iddikjarat li n-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi tal-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 20, 22 u 25 ta’ dan ir-regolament li ma ġewx irreġistrati fir-Reġistru għandu l-għan li jipproteġi lil persuna li għandha jew li jista’ ikollha drittijiet fuq trade mark tal-Unjoni bħala prodott ta’ proprjetà. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Hassan, C‑163/15, EU:C:2016:71, punt 25).

101    Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001 huwa intiż, f’dan il-każ, li jipproteġi kull persuna li għandha jew li jista’ ikollha drittijiet fuq it-trade mark inkwistjoni bħala prodott ta’ proprjetà, jiġifieri l-kredituri tal-intervenjenti, kumpannija li ġiet iddikjarata falluta. Għalhekk, l-għarfien tat-trasferiment ta’ din it-trade mark mill-intervenjenti nnifisha ma huwiex rilevanti u ma jistax jaffettwa d-drittijiet tal-kredituri tagħha fuq il-beni tagħha fi stralċ.

102    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-istralċjarju, għandu jiġi eżaminat jekk dan effettivament ikkonfermax li huwa kellu għarfien taċ-ċessjoni tal-2014 qabel it-13 ta’ Ottubru 2017, hekk kif tallega r-rikorrenti.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001, l-eċċezzjoni ta’ għarfien tapplika għall-persuni li, meta kisbu sussegwentement drittijiet fuq it-trade mark ikkonċernata, kellhom għarfien tal-att “fid-data meta jakkwistaw id-drittijiet”, jiġifieri, f’dan il-każ, it-13 ta’ Ottubru 2017, hekk kif ir-rikorrenti nnifisha tammetti fil-punt 74 tar-rikors.

104    Issa, qabel kollox, huwa paċifiku li l-istralċjarju la kien involut fil-kuntratt ta’ ċessjoni u lanqas fil-kuntratt tal-liċenzja invokati mir-rikorrenti, allegatament konklużi fl-2014.

105    Sussegwentement, mill-proċess jirrizulta li l-istralċjarju kkontesta l-validità tal-imsemmija kuntratt ta’ ċessjoni u tal-kuntratt tal-liċenzja quddiem it-Tribunale di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia). Fl-istess dokument li fuqu tibbaża ruħha r-rikorrenti, jiġifieri r-rikors promotur imressaq mill-istralċjarju quddiem l-imsemmi Tribunale fit-13 ta’ Ġunju 2019, hemm espliċitament indikat li l-istralċjarju kiseb għarfien tal-kuntratt ta’ ċessjoni, “għall-ewwel (u l-unika) darba”, matul ix-xahar ta’ Ġunju 2018 (jiġifieri wara s-sentenza li tiddikjara falliment tat-13 ta’ Ottubru 2017), minħabba, preċiżament, il-proċedura quddiem l-EUIPO.

106    Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tagħmel sempliċement riferiment għall-“ittra ta’ ftehim”, jiġifieri posta dwar l-estensjoni tal-kuntratt tal-liċenzja bid-dati tax-xahar ta’ Novembru u tax-xahar ta’ Diċembru 2017. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-posta invokata mir-rikorrenti hija sussegwenti għas-sentenza li tiddikjara falliment, tat-13 ta’ Ottubru 2017. F’kull każ, mill-proċess jirriżulta li l-istralċjarju ċaħad l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, fejn iddikjara li l-proposta ta’ estensjoni tal-kuntratt tal-liċenzja mressqa minn Spring Holdings fl-24 ta’ Novembru 2017 kienet “purament temporanja u provviżorja, u kienet, evidentement, teskludi, l-azzjonijiet kontra l-allegata ċessjoni tat-trade marks”, fosthom it-trade mark inkwistjoni.Kif dan huwa indikat espliċitament fit-talba tal-istralċjarju intiża sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni biex jaċċetta din l-estensjoni, l-awtorizzazzjoni hija “bla ħsara għal kull azzjoni mibdija sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċessjoni tat-trade marks kinitx legali u tikkorrispondix għal prezz raġonevoli, jew sabiex tiġi stabbilita kull ċirkustanza oħra fid-dawl tal-prodott”. Iktar minn hekk, l-istralċjarju kkontesta quddiem il-Bord tal-Appell il-veraċità tal-posta elettronika allegatament mibgħuta minnu b’risposta għall-imsemmija proposta u invokata mir-rikorrenti, u din tal-aħħar ma pproduċietx prova dwar jekk l-istralċjarju qatt iffirmax din il-proposta. għalhekk, tali elementi ma jistgħux jistabbilixxu għarfien mill-istralċjarju, fid-data tat-13 ta’ Ottubru 2017, tal-allegat kuntratt ta’ ċessjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014.

107    Għalhekk, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta qies, essenzjalment, li l-eċċezzjoni ta’ għarfien prevista fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001 ma kinitx tapplika f’dan il-każ u li l-allegati kuntratt ta’ ċessjoni u kuntratt tal-liċenzja tal-2014, irrispettivament minn jekk dawn kinux validi u min-natura ċerta tad-data tagħhom fid-dawl tad-dritt Taljan, ma kinux, f’kull każ, infurzabbli fil-konfront tal-intervenjenti u tal-istralċjarju fid-data tat-13 ta’ Ottubru 2017.

108    Ir-raba’ parti tal-motiv uniku għandha għalhekk tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata talArtikolu 103 tar-Regolament 2017/1001 mill-Bord tal-Appell għaddeċiżjonijiet tal-EUIPO li jikkanċella l-entrati tas-16 ta’ April 2018

109    Permezz tal-ħames parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, minħabba l-assenza ta’ “żball manifest” fil-kuntest tar-reġistrazzjoni mill-EUIPO tal-entrata tat-trasferiment tat-trade mark inkwistjoni favuriha fis-16 ta’ April 2018, fl-osservanza tar-rekwiżiti regolamentari. Hija tiddikjara li l-intervenjenti, qabel ma ġiet iddikjarata falluta, kienet ittrasferixxiet din it-trade mark lil Spring Holdings, li kienet, min-naħa tagħha, ittrasferixxietha lir-rikorrenti. Iktar minn hekk, l-iżball allegat mill-intervenjenti, jiġifieri l-ommissjoni ta’ att proċedurali, ma twettaqx fid-data tar-reġistrazzjoni tal-entrata tal-imsemmi trasferiment, iżda jmur lura għax-xahar ta’ Ottubru 2017.

110    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-formulazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2017, hija differenti minn dik tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn dan ikopri kull “żball ovvju [manifest]” imputabbli lill-EUIPO, u mhux iktar biss kull “żball proċedurali ovvju [manifest]” imputabbli lil dan tal-aħħar, li kien ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala żball flagranti ta’ natura proċedurali mwettaq mill-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Repower vs EUIPO, C‑281/18 P, EU:C:2019:916, punt 29). In-natura proċedurali tal-iżball manifest għaldaqstant ma hijiex rekwiżit għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001.

111    Fir-rigward tan-natura “manifesta” jew flagranti tal-iżball li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ deċiżjoni preċedenti jew il-kanċellazzjoni ta’ entrata, din tikkwalifika żbalji li jippreżentaw grad għoli ta’ evidenza li ma jippermettix iż-żamma tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni preċedenti jew ta’ din l-entrata mingħajr analiżi ġdida li titwettaq sussegwentement mill-istanza li tkun ħadet l-imsemmija deċiżjoni jew irreġistrat l-imsemmija entrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2020, Aurea Biolabs vs EUIPO – Avizel (AUREA BIOLABS), T‑724/18 u T‑184/19, EU:T:2020:227, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    B’mod iktar ġenerali, skont il-ġurisprudenza, żball jista’ biss jiġi kkwalifikat bħala manifest meta dan ikun jista’ jinstab b’mod evidenti, skont il-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, u meta l-provi prodotti huma suffiċjenti sabiex irendu mhux plawżibbli l-evalwazzjoni magħżula minn din l-amministrazzjoni, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tkun tista’ tiġi aċċettata bħala ġġustifikata jew koerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2019, Fleig vs SEAE, T‑492/17, EU:T:2019:211, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat, fir-rigward ta’ nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ entrata dwar il-proċedura ta’ insolvenza, li insolvenza għandha titqies li hija effettiva u infurzabbli b’effett mid-data stabbilita fid-dritt nazzjonali applikabbli, f’dan il-każ it-13 ta’ Ottubru 2017, abbażi tal-Artikoli 44 u 45 tal-Liġi Taljana dwar il-Falliment (ara, b’mod partikolari, il-punti 53 u 66 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-EUIPO kellu għarfien tal-insolvenza tal-intervenjenti u, permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ April 2018 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), kien diġà espliċitament indika l-intenzjoni tiegħu li jagħtiha effett. Għalhekk, peress li l-ewwel entrata tat-trasferiment tat-trade mark inkwistjoni mill-intervenjenti lil Spring Holdings, mitluba fit-18 ta’ Ottubru 2017 mir-rappreżentant komuni tagħhom, ġiet ikkanċellata mill-EUIPO fid-9 ta’ April 2018 b’effett retroattiv, l-imsemmija trade mark kellha titqies bħala li kienet tal-intervenjenti fit-13 ta’ Ottubru 2017 u, iktar u iktar, fis-16 ta’ April 2018.

114    Għaldaqstant, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-“iżball manifest” imputabbli lill-EUIPO, fis-sens tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, twettaq meta l-EUIPO rreġistra, fis-16 ta’ April 2018, fir-Reġistru t-trasferimenti tat-trade mark inkwistjoni fuq applikazzjoni tar-rikorrenti mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-eżistenza u l-infurzabbiltà tas-sentenza li tiddikjara l-falliment tal-intervenjenti tat-13 ta’ Ottubru 2017, li huwa kien naqas milli jirreġistra wara talba f’dan is-sens imressqa mill-istralċjarju fil-25 ta’ Ottubru 2017.

115    Ir-reġistrazzjonijiet fir-Reġistru tal-entrati dwar it-trasferimenti suċċessivi tat-trade mark inkwistjoni mwettqa fis-16 ta’ April 2018 kienu għalhekk jikkostitwixxu “żbalji manifesti” imputabbli lill-EUIPO, fis-sens tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, peress li, minn naħa, il-falliment tal-intervenjenti kien ġie ddikjarat preċedentement, jiġifieri fit-13 ta’ Ottubru 2017, peress li, min-naħa l-oħra, fid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-entrati, l-EUIPO kellu għarfien tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tal-proprjetarja ta’ din it-trade mark irreġistrata fir-Reġistru, jiġifieri l-intervenjenti.

116    F’ċirkustanzi normali u fejn ma hemmx żball, li kieku s-sentenza li tiddikjara lill-proprjetarja rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni insolventi kienet ġiet debitament irreġistrata fir-Reġistru fid-data tat-talba f’dan is-sens mill-istralċjarju, jiġifieri fil-25 ta’ Ottubru 2017, kull applikazzjoni għar-reġistrazzjoni sussegwenti ta’ trasferiment li tirrigwarda l-istess trade mark kienet tiġi awtomatikament sospiża u kienet tkun tista’ tiġi implimentata biss bl-awtorizzazzjoni espliċita tal-istralċjarju jew tal-qorti nazzjonali inkarigata mill-proċedura ta’ insolvenza.

117    Billi rreġistra t-trasferimenti kkontestati fuq applikazzjoni tar-rikorrenti fis-16 ta’ April 2018, wara li kien naqas li jirreġistra entrata fir-Reġistru dwar il-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tal-proprjetarja tat-trade mark inkwistjoni konformement mat-talba tal-istralċjarju tal-25 ta’ Ottubru 2017, l-EUIPO wettaq żball manifest, b’tali mod li huwa kien obbligat li jikkanċella, mill-iktar fis possibbli, l-imsemmija entrati tas-16 ta’ April 2018, ivvizzjati minn dan l-iżball manifest.

118    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, essenzjalment, li l-obbligu li jirrevoka deċiżjoni jew li jikkanċella entrata vvizzjata bi żball manifest imputabbli lill-EUIPO, attwalment impost fuq dan tal-aħħar mill-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, għandu l-għan li jiggarantixxi amministrazzjoni tajba kif ukoll ekonomija tal-ġudizzju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Repower vs EUIPO, C‑281/18 P, EU:C:2019:916, punt 32).

119    Barra minn hekk, it-terminu ta’ sena b’effett mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ entrata fir-Reġistru, hekk kif preskritt fl-Artikolu 103(2) tar-Regolament 2017/1001, ġie debitament osservat fil-kuntest tal-adozzjoni mid-Dipartiment inkarigat mir-Reġistru tal-EUIPO, fit-30 ta’ Jannar 2019, ta’ żewġ deċiżjonijiet li jikkanċellaw l-entrati fir-Reġistru T 014185659 u T 014188703, irreġistrati fis-16 ta’ April 2018.

120    Minn dan isegwi li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001 mill-EUIPO, b’mod partikolari mid-Dipartiment inkarigat mir-Reġistru, kienu ssodisfatti.

121    Għalhekk, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta kkonferma d-deċiżjoni tal‑imsemmi dipartiment, tat-30 ta’ Jannar 2019, li jikkanċella l-entrati relatati mat-trasferimenti suċċessivi tat-trade mark inkwistjoni rreġistrati fis-16 ta’ April 2018.

122    Il-ħames parti tal-motiv uniku għandha għalhekk tiġi miċħuda.

123    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li l-motiv uniku jiġi miċħud u, għaldaqstant, li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

124    Skont kliem l-Artikolu 134(1) tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

125    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hekk kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervenjenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Marina Yachting Brand Management Co. Ltd hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Uffiċċju talProprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn Industries Sportswear Co. Srl.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Settembru 2021.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Dwar l-ammissibbiltà tat-tieni parti tat-talba tal-intervenjenti

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-interpretazzjoni ħażina mill EUIPO tal-kompetenzi tiegħu abbażi tal-Artikoli 20 u 24 tarRegolament 2017/1001

Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat mill-EUIPO u mill-Bord tal-Appell tas-sentenza li tiddikjara falliment tat-13 ta’ Ottubru 2017

Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001

Fuq ir-raba’ parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-applikabbiltà f’dan il-każ tal eċċezzjoni ta’ għarfien prevista fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001 u fuq l-allegat għarfien, mill-intervenjenti u mill-istralċjarju, tal-kuntratt ta’ ċessjoni tal-2014

Fuq il-ħames parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001 mill-Bord tal-Appell għaddeċiżjonijiet tal-EUIPO li jikkanċella l-entrati tas-16 ta’ April 2018

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.