Language of document : ECLI:EU:T:2015:268

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Mejju 2015 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti li jirrigwardaw żewġ proċeduri nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni — Dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz — Assenza ta’ obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess ladarba l-investigazzjoni inkwistjoni tkun ingħalqet — Assenza ta’ neċessità ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li titlob il-produzzjoni tad-dokumenti kontenzjużi — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ min iressaq it-talba”

Fil-Kawża T‑623/13,

Unión de Almacenistas de Hierros de España, stabbilita fi Madrid (Spanja), irrappreżentata minn A. Creus Carreras u A. Valiente Martin, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, K. Petersen u M.A. Lippstreu, bħala aġenti,

intervenjenti,

għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2013 li tirrifjuta milli tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar il-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni u l-Comisión Nacional de la Competencia (CNC, kummissjoni nazzjonali tal-kompetizzjoni Spanjola), dwar żewġ proċeduri nazzjonali mibdija minn din tal-aħħar,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-aċċess għal dokument

1        Skont l-Artikolu 15(3) TFUE:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

[…]”

2        Dawn il-prinċipji u l-kundizzjonijiet huma stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea

[…]”

4        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess:

“[...]

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki [awditu],

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

4.      Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5.      Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7.      L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

5        Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li:

“Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 [KE] u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni.”

6        Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“L-istituzzjonijiet għandhom, sa’ fejn possibbli jagħmlu dokumenti direttament aċċessibbli lill-pubbliku f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni involuta.”

2.     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni

7        L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi li:

“1.      Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni qariba.

[…]

4.      Mhux aktar tard min 30 ġurnata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġab fit-temm, aċċetazzjoni ta’ rbit jew irtirar tal-benefiċju ta’ l-eżenzjoni ġenerali tar-Regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa tinforma [għandhom jinformaw] il-Kummissjoni. Għal dak il-għan, ħa jipprovdu l-Kummissjoni b’summarju fuq il-każ, id-deċiżjoni maħsuba jew, fl-assenza ta’ dan, kwalunkwe dokumenti oħra li jindikaw x’azzjoni ħa tiġi meħuda. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra. Mat-talba tal-Kummissjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni li qed taggixxi ħa tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni dokumenti oħra li huma neċessarji għall-istima tal-każ. L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra. Awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jistgħu ukoll jiskambjaw informazzjoni neċessarja bejniethom għall-istima ta’ każ li qed jinnegozjawħ taħt l-Artikoli [101 TFUE] jew [102 TFUE].”

8        L-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li:

“Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu [għandhom jiġi] rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt għal aċċess mhux ser jiġi estiż għall-korrispndenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, jew bejn dan ta’ l-aħħar, incluż dokumenti imfasla skond l-Artikoli 11 u 14. Xejn f’dan il-paragrafu m’hu ħa jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni neċessarja biex tipprova xi ksur.”

9        Skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003:

“Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni pprovduti fl-Artikoli 11, 12, 14, 15 u 27, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom, impjegati u persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet kif ukoll l-uffiċjali u impjegati ċivili ta’ awtoritajiet oħra ta’ l-Istati Membri mhux ser jiġi żvelat [ma għandhomx jiżvelaw] informazzjoni akwistata jew skambjata minnhom skond dan ir-Regolament u tat-tip kopert mil-obligu ta’ segretezza professjonali. Dan l-obbligu japplika ukoll għar-rappreżentanti kollha u l-esperti ta’ l-Istati Membri li qed jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv skond l-Artikolu 14.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Ir-rikorrenti, Unión de Almacenistas de Hierros de España, ressqet quddiem il-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ Frar 2013 żewġ talbiet inizjali intiżi sabiex tikseb aċċess għall-korrispondenza kollha skambjata, fil-kuntest previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, bejn il-Kummissjoni u l-Comisión Nacional de la Competencia (CNC, kummissjoni nazzjonali tal-kompetizzjoni Spanjola), dwar żewġ proċeduri nazzjonali mibdija minn din tal-aħħar skont l-Artikolu 101 TFUE.

11      Wara li kisbet l-opinjoni taċ-CNC, il-Kummissjoni wieġbet għat-talbiet inizjali tar-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2013. Hija tat l-aċċess għall-konfermi ta’ rċevuta li d-Direttorat Ġenerali (DĠ) tagħha tal-kompetizzjoni kien bagħat liċ-CNC. Hija indikat ukoll li d-DĠ tagħha ma kien bagħat ebda tweġiba wara l-komunikazzjoni, miċ-CNC, tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Fl-aħħar nett, hija rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti l-oħra mitluba, jiġifieri, minn naħa, l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet taċ-CNC dwar iż-żewġ proċeduri nazzjonali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, is-sommarji bl-Ingliż ta’ dawn iż-żewġ każijiet redatti miċ-CNC.

12      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2013, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, talba konfermattiva. Hija ressqet ukoll, f’din l-istess ittra, talba ġdida intiża sabiex tikseb aċċess għar-reġistru u għas-sommarji tal-konversazzjonijiet eventwali bejn il-Kummissjoni u ċ-CNC dwar iż-żewġ proċeduri nazzjonali mibdija minn din tal-aħħar.

13      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ċaħdet espliċitament it-talba konfermattiva mressqa fl-ittra tal-25 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

14      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tat tliet raġunijiet, l-ewwel waħda bbażat fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni waħda bbażat fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u t-tielet waħda bbażat fuq l-eċċezzjoni relatata mal-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament. Barra minn hekk, hija rrifjutat li tagħti, abbażi tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi.

15      Il-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tgħid li l-iżvelar ta’ dokumenti bħad-dokumenti kontenzjużi kien jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

16      Il-Kummissjoni indikat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi, b’mod partikolari fil-qasam tal-istħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ tali preżunzjoni ġenerali.

17      Issa, dejjem skont il-Kummissjoni, tali preżunzjoni tapplika, b’analoġija, għad-dokumenti mibgħuta lilha minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

18      Il-Kummissjoni ġġustifikat ukoll ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi permezz tal-eżistenza ta’ tali preżunzjoni.

19      Barra minn hekk, il-Kummissjoni wieġbet għall-argumenti li r-rikorrenti kienet żviluppat fit-talba konfermattiva tagħha. B’mod partikolari, hija indikat li ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru ma kellha l-ebda effett fuq id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, peress li l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku b’mod ġenerali għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u mhux li jistabbilixxi regoli intiżi għall-protezzjoni tal-interess speċifiku ta’ persuna partikolari.

20      Il-Kummissjoni indikat ukoll li d-djalogu li hija stabbilixxiet mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kienet tirrikjedi ambjent ta’ fiduċja reċiproka bejnha u dawn l-awtoritajiet, u li dawn kienu disposti jkollhom tali djalogu biss jekk l-opinjonijiet li huma jagħtu f’dan il-kuntest ikunu kunfidenzjali.

21      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni osservat li l-ebda interess pubbliku ma seta’ jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti li għalihom hija rrifjutat l-aċċess, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżaminahom u tivverifika l-fondatezza tal-argumenti mqajma fir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet awtorizzata tintervjeni f’din il-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Billi t-talba għal intervent tressqet wara li skada t-terminu previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, miżjud bit-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 102(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet awtorizzata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura orali, abbażi tar-rapport għas-seduta li kien ġie kkomunikat lilha.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet għall-finijiet tal-annullament

27      Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, hija tallega li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami konkret u individwali tat-talba tagħha. Hija ssostni li tali assenza ta’ eżami konkret u individwali twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

28      Permezz tat-tieni motiv, hija tikkontesta kull waħda mit-tliet raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). Hija ssostni li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kienet tippermettilha tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi u li d-deċiżjoni kkontestata hija, konsegwentement, ivvizzjata bi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tat-talba għal aċċess imressqa mir-rikorrenti

29      Għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx eżami konkret u individwali tat-talba għal aċċess imressqa mir-rikorrenti.

30      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, peress li hija kienet intitolata tassumi li l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi kien jippreġudika l-interessi protetti mill-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija ma kinitx obbligata teżamina konkretament u individwalment jekk dan l-aċċess setax jingħata lir-rikorrenti.

31      Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali kinitx tippermetti, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat individwalment il-kontenut ta’ kull wieħed mid-dokumenti kontenzjużi, li jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti.

32      Issa, tali analiżi hija parti mill-verifika, imwettqa mill-Kummissjoni, dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1049/2001 u għalhekk mill-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-tieni motiv invokat mir-rikorrenti. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv qabel ma tingħata tweġiba definittiva għall-ewwel wieħed.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001

33      Ir-rikorrenti ssostni li l-kunċett ta’ investigazzjoni, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jirreferi għal istituzzjonijiet u għal korpi tal-Unjoni u mhux għal dawk nazzjonali.

34      Hija ssostni, barra minn hekk, li ċ-CNC wasslet għall-konsegwenzi mill-investigazzjonijiet li hija kienet wettqet billi adottat deċiżjonijiet finali u li, għalhekk, ma għadux possibbli għall-Kummissjoni li tinvoka validament l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, tal-interessi kummerċjali u tal-proċess deċiżjonali. Iċ-ċirkustanza li dawn id-deċiżjonijiet kienu s-suġġett ta’ rikors kontenzjuż fid-data tad-deċiżjoni kkontestata hija irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li annullament ġudizzjarju eventwali ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma jistax, minħabba r-regoli ta’ preskrizzjoni tal-każijiet ta’ ksur previsti mil-leġiżlazzjoni Spanjola tal-kompetizzjoni, iwassal għall-ftuħ mill-ġdid ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

35      Ir-rikorrenti tinvoka wkoll elementi bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tagħha. F’dan ir-rigward, hija tinvoka qabelxejn il-fatt li ċerti dokumenti mitluba kienu ntbagħtulha mill-awtoritajiet nazzjonali Spanjoli. Hija tindika wkoll li hija l-unika persuna ġuridika affettwata mill-proċeduri inkwistjoni.

36      Ir-rikorrenti tippreċiża li hija entità mingħajr skop ta’ lukru u mingħajr attività kummerċjali. Għaldaqstant, billi hija l-unika persuna ġuridika affettwata mill-proċeduri inkwistjoni, il-komunikazzjoni tad-dokumenti li hija qiegħda titlob ma tistax tippreġudika interess kummerċjali, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

37      Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienet involuta fl-ebda proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u li, barra minn hekk, id-dokumenti kontenzjużi ma kellhomx in-natura ta’ dokumenti interni.

38      Il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq preżunzjoni ġenerali li tgħid li l-iżvelar ta’ dokumenti bħad-dokumenti kontenzjużi jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, issostni li l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu milqugħa.

39      Għandu jiġi eżaminat qabelxejn jekk il-Kummissjoni applikatx korrettament id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat l-ewwel nett jekk id-dokumenti kontenzjużi, li ntbagħtu lill-Kummissjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, jaqgħux taħt waħda mill-attivitajiet msemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u għandu jiġi eżaminat sussegwentement jekk preżunzjoni ġenerali hijiex applikabbli għal tali dokumenti.

 Id-dokumenti li jaqgħu taħt waħda mill-attivitajiet msemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

40      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi, għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika, rispettivament, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari jew il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.

41      Huwa minnu li d-dokumenti ntbagħtu lill-Kummissjoni miċ-CNC abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

42      L-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-waqfien ta’ ksur, li taċċetta impenji jew li tirtira l-benefiċċju ta’ regolament ta’ eżenzjoni ġenerali, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sommarju tal-każ, id-deċiżjoni pprospettata u, fuq talba tal-Kummissjoni, kull dokument ieħor fil-pussess tagħhom neċessarji għall-evalwazzjoni tal-każ.

43      L-ewwel nett, l-informazzjoni mibgħuta f’dan il-każ lill-Kummissjoni kienet inġabret miċ-CNC fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, li l-għan tagħha kien li jinġabru informazzjoni u provi suffiċjenti sabiex jiġu mrażżna prattiki konkreti kuntrarji għal din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑380/08, Ġabra, EU:T:2013:480, punt 33).

44      Iċ-ċirkustanza li l-investigazzjoni inkwistjoni tkun qed titmexxa minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru u mhux minn istituzzjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-inklużjoni ta’ dokumenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra, EU:T:2006:190, punti 121 sa 124). Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu msemmija huma biss dawk tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 4(3) tal-istess regolament, li huwa intiż li jipproteġi l-proċess deċiżjonali “tal-istituzzjoni”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċess deċiżjonali stabbilit mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar id-dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru, kien jirrikjedi li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati josservaw l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess regolament. Issa, hija żiedet tgħid li l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri setgħet tiġi żgurata permezz ta’ dawn l-eċċezzjonijiet (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra, EU:C:2007:802, punt 83). Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom għalhekk jiġu analizzati bħala li huma intiżi mhux biss li jipproteġu l-attivitajiet tal-Unjoni, iżda wkoll l-interessi ta’ Stat Membru, pereżempju l-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu mwettqa mid-dipartimenti rilevanti ta’ dan l-Istat Membru.

45      It-tieni nett, meta hija tivverifika, bħal fil-każ taż-żewġ proċeduri nazzjonali inkwistjoni (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), jekk impriża waħda jew iktar impenjawx ruħhom f’aġir kollużiv li jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv, iċ-CNC tiġbor informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata ma’ strateġiji kummerċjali tal-impriżi implikati, mal-ammonti tal-bejgħ tagħhom, mas-sehem tagħhom mis-suq jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti ta’ tali proċedura jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2013:480, punt 34).

46      Konsegwentement, id-dokumenti kontenzjużi, li joriġinaw minn proċedura mmexxija minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li taġixxi skont l-Artikolu 101 TFUE, jaqgħu taħt attività ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

47      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, tqis li d-dokumenti kontenzjużi kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq.

48      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu jkun intalab, ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi wkoll spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, Ġabra, EU:C:2014:112, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Issa, hekk kif intqal fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx, fid-deċiżjoni kkontestata, eżami konkret u individwali tat-talba għal aċċess imressqa mir-rikorrenti.

50      Madankollu, il-Kummissjoni ġġustifikat ir-rifjut tagħha li jingħata aċċess għad-dokumenti kontenzjużi billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali (ara l-punti 15 sa 18 iktar ’il fuq).

51      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk tali preżunzjoni hijiex applikabbli għad-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

 L-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali

52      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli. Minn dan ir-regolament jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tiegħu, li jistabbilixxi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li dan id-dritt ta’ aċċess lanqas biss huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 61).

53      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dokumenti tal-fajl amministrattiv marbut ma’ proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra, EU:C:2010:376, punt 61), id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, Ġabra, EU:C:2012:393, punt 123, u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, Ġabra, EU:C:2012:394, punt 64) u d-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 81).

54      Fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u tal-issanzjonar ta’ akkordji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha d-dritt tippreżumi li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni f’dawk il-kawżi kien jippreġudika, bħala prinċipju, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’dawn il-proċeduri kif ukoll il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ tali proċeduri fis-sens tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2012:393, punt 123, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 80). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u ma’ dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu kienu strettament marbuta (sentenzi Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2012:393, punt 115, u Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 79).

55      Sabiex tasal għal-eżistenza ta’ preżunzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, li jinsabu fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ma jistgħux, meta d-dokumenti inklużi fit-talba għal aċċess jaqgħu taħt qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni, jiġu interpretati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dawn id-dokumenti (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 83).

56      Issa, hemm regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

57      B’hekk, il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003 tipprevedi li “l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom jifformaw network ta’ awtoritajiet pubbliċi flimkien fejn japplikaw liġijiet [tal-Unjoni fil-qasam] tal-kompettizzjoni f’koperazzjoni [stretta u, għal] dak il-għan huwa neċċessarju li arranġamenti huma mqeda [stabbiliti] għall-informazzjoni u konsultazzjoni”. Skont il-premessa 32 tar-Regolament Nru 1/2003 “[l]-informazzjoni konfidenz[j]ali skambjata fin-networks għandhom jiġu salvagwardjati [għandha tiġi salvagwardjata]”.

58      Barra minn hekk, l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li anki l-partijiet ikkonċernati minn proċedura mmexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE ma għandhomx aċċess għad-dokumenti stabbiliti skont l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament. A fortiori, ir-Regolament Nru 1/2003 jeskludi għalhekk li kwalsiasi persuna oħra tkun tista’ taċċedi għal tali dokumenti.

59      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma għandhomx jiżvelaw l-informazzjoni miġbura jew skambjata u li, minħabba n-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali.

60      Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż, b’mod partikolari, li jiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, u dan, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ informazzjoni stabbilit fi ħdan in-netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiżguraw l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

61      Tali għan huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, mill-fatt li, f’dawn il-proċeduri, il-kwistjoni tirrigwarda informazzjoni kummerċjali possibbilment sensittiva, hekk kif tfakkar il-premessa 32 tar-Regolament Nru 1/2003 li tgħid li “[f]ilwaqt li tiżgura d-dritt għad-difiża tal-impriża konċernata, b’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess għal-file, huwa essenz[j]ali li s-siġrieti tal-kummerċ jiġu protetti”.

62      Ir-Regolament Nru 1/2003 isegwi għalhekk, fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti, għan differenti minn dak li jipprova jilħaq ir-Regolament Nru 1049/2001, li huwa intiż sabiex jiġi ffaċilitat kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti kif ukoll il-promozzjoni tal-prattiki amministrattivi tajba billi tiġi ggarantita l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li hija l-bażi tad-deċiżjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 83).

63      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma teħtieġx l-istess portata tal-aċċess għal dokumenti bħal dik meħtieġa mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 91). Issa, huwa fil-kuntest tal-attività amministrattiva tagħha li l-Kummissjoni tipparteċipa fin-netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiżguraw l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

64      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li teżisti preżunzjoni ġenerali li tgħid li l-iżvelar ta’ dokumenti mibgħuta skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jippreġudika, bħala prinċipju, kemm il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi li dwarhom tittratta l-informazzjoni inkwistjoni kif ukoll il-protezzjoni, li magħha hija strettament marbuta (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata.

65      Huwa fid-dawl ta’ din il-preżunzjoni li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-oġġezzjonijiet imqajma mir-rikorrenti dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq l-oġġezzjonijiet imqajma mir-rikorrenti dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

66      Qabelxejn għandu jiġi osservat li l-preżunzjoni ġenerali msemmija preċedentement ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 100).

67      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-proċeduri mmexxija miċ-CNC huma definittivament magħluqa. It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka elementi bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tagħha, liema elementi jiġġustifikaw li hija tingħata aċċess għad-dokumenti kontenzjużi.

68      Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament dawn iż-żewġ argumenti.

–       Fuq iċ-ċirkustanza li l-proċeduri mmexxija miċ-CNC huma definittivament magħluqa

69      Sabiex tingħata tweġiba għal dan l-argument, għandu jiġi ddeterminat, għal dokumenti bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, il-perijodu li matulu tapplika l-preżunzjoni ġenerali msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preżunzjoni tapplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-talba għal aċċess tikkonċernax proċedura ta’ kontroll li ntemmet diġà jew proċedura pendenti (sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2012:393, punti 124 u 125).

71      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni sensittiva li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi involuti jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom, indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ kontroll pendenti. It-tieni nett, is-sempliċi prospett ta’ tali aċċess tal-pubbliku għal din l-informazzjoni wara t-tmiem ta’ din il-proċedura jista’ jippreġudika d-disponibbiltà ta’ impriżi sabiex jikkollaboraw waqt li tali proċedura tkun pendenti. It-tielet nett, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw l-interessi kummerċjali jew id-dokumenti sensittivi jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minn dan il-perijodu jekk ikun neċessarju (sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 53 iktar ’il fuq, punti 124 u 125).

72      L-istess raġunament jista’ jiġi applikat mill-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-kontroll ta’ akkordji mill-Kummissjoni (sentenzi Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2013:480, punti 43 u 44, u tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il-Kummissjoni, T‑534/11, Ġabra, EU:T:2014:854, punti 58 u 59).

73      Dan ir-raġunament għandu jiġi applikat ukoll, għall-istess raġunijiet esposti fil-punt 71 iktar ’il fuq, għad-dokumenti kontenzjużi u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-proċeduri inkwistjoni mmexxija miċ-CNC huma definittivament magħluqa.

74      Għandha tiġi miċħuda wkoll l-interpretazzjoni tal-punti 98 u 99 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq (EU:C:2014:112), proposta mir-rikorrenti waqt is-seduta.

75      Skont din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja allegatament iddeċidiet li, meta d-deċiżjoni finali meħuda wara investigazzjoni fil-qasam tal-akkordji tkun ta’ natura definittiva, l-attivitajiet ta’ investigazzjoni jistgħu jitqiesu li huma magħluqa u, għalhekk, li l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u dik, li magħha hija strettament marbuta, relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ma baqgħux applikabbli.

76      Għandu jitfakkar li, f’din il-kawża, fejn kien ġie kkontestat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ sanzjoni fil-qasam tal-akkordji, il-Qorti Ġenerali kienet, fl-ewwel istanza, ikkonkludiet li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma setax jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ din il-proċedura. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet barra minn hekk ikkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien hemm kawżi pendenti kontra s-sanzjoni adottata mill-Kummissjoni, illimitat ruħha, fil-kuntest tal-appell imressaq quddiemha, li tikkritika l-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali.

77      Għall-finijiet ta’ kompletezza, anki jekk jiġi preżunt li l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tal-punti 98 u 99 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq (EU:C:2014:112), tista’ tiġi milqugħa, xorta jibqa’ l-fatt li, għal dak li jirrigwarda d-dokumenti kontenzjużi, il-preżunzjoni ġenerali msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq għandha tkompli tapplika wara l-għeluq definittiv tal-proċeduri mmexxija miċ-CNC.

78      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni, stabbilit fi ħdan in-netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiżguraw l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, jimplika li l-informazzjoni skambjata b’dan il-mod għandha tibqa’ kunfidenzjali (ara l-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq). Li kieku kwalsiasi persuna tkun tista’, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, taċċedi għad-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, il-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa marbuta mal-informazzjoni mibgħuta, li fuqha huwa bbażat dan il-mekkaniżmu, titqiegħed inkwistjoni. Għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 1/2003 ma jipprevedix li din il-protezzjoni għandha tieqaf wara l-għeluq definittiv tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni li permezz tagħhom tkun inġabret l-informazzjoni.

79      It-tieni nett, il-limitazzjoni tal-perijodu li matulu tapplika preżunzjoni ġenerali ma tistax, f’dan il-kuntest partikolari, tiġi ġġustifikata mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt għal kumpens li minnu jibbenefikaw il-persuni leżi mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

80      Huwa minnu li dan id-dritt jista’ jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari għaliex isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni billi jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C‑360/09, Ġabra, EU:C:2011:389, punt 29; tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, Ġabra, EU:C:2013:366, punt 23; u Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 104 u 108).

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dokumenti li jinsabu f’fajl dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE mmexxija mill-Kummissjoni jista’ jkun fihom informazzjoni li tippermetti lil persuni milli jiksbu kumpens għad-danni kkawżati lilhom minn aġir li jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew joħloq distorsjoni tagħha.

82      Madankollu, id-dokumenti kontenzjużi f’din il-kawża, jiġifieri d-deċiżjoni pprospettata tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u s-sommarju tal-każ, li l-komunikazzjoni tagħhom hija prevista fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ma jirrigwardawx investigazzjoni tal-Kummissjoni, iżda investigazzjoni mmexxija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. Ma huwiex fid-dokumenti kontenzjużi iżda fil-fajl ta’ investigazzjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata li jaf ikun hemm, skont il-każ, il-provi neċessarji sabiex jifformaw il-bażi ta’ talba għal kumpens, anki jekk dawn id-dokumenti jirreferu għal tali provi. Għaldaqstant, il-persuni li jqisu lilhom infushom leżi minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE jkunu jistgħu jitolbu l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura lill-awtorità nazzjonali kompetenti u l-qrati nazzjonali li quddiemhom eventwalment titressaq kawża jkunu jistgħu jibbilanċjaw, każ b’każ u skont id-dritt nazzjonali, l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni u dawk li jiġġustifikaw il-protezzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Donau Chemie et, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2013:366, punt 34).

83      Konsegwentement, id-dritt ta’ kull persuna li tikseb kumpens għad-dannu kkawżat lilha minħabba aġir li jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew joħloq distorsjoni tagħha ma jimponix li l-perijodu li matulu tista’ tapplika l-preżunzjoni dwar l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġi limitat għall-perijodu ta’ qabel id-data li fiha jista’ jiġi kkonstatat li l-investigazzjoni tkun ingħalqet definittivament, meta d-dokumenti inkwistjoni jkunu d-deċiżjoni pprospettata tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u s-sommarju tal-każ.

84      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura definittiva tal-għeluq tal-investigazzjoni għandu, f’kull każ, jiġi miċħud.

–       Fuq l-argumenti bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti

85      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li ċerti dokumenti mitluba kienu ntbagħtulha mill-awtoritajiet nazzjonali Spanjoli. Hija tindika wkoll li hija l-unika persuna ġuridika affettwata mill-proċeduri inkwistjoni.

86      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu bħala għan li jagħti dritt ta’ aċċess lill-pubbliku inġenerali għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u mhux li joħloq regoli intiżi sabiex jipproteġu l-interess speċifiku li persuna partikolari jista’ jkollha sabiex taċċedi għal xi wieħed minn dawn id-dokumenti (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra, EU:C:2007:75, punt 43).

87      Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 2(1), mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mit-titolu u mir-raba’ u mill-ħdax-il premessa ta’ dan ir-regolament. L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tiggarantixxi, fil-fatt, indistintament id-dritt ta’ aċċess lil kull ċittadin tal-Unjoni u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, u t-tieni waħda tispeċifika f’dan ir-rigward li min iressaq it-talba ma huwiex obbligat jiġġustifika t-talba tiegħu. L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li l-istituzzjonijiet għandhom, sa fejn possibbli, jagħmlu dokumenti “direttament” aċċessibbli lill-pubbliku f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru. It-titolu tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll ir-raba’ u l-ħdax-il premessa tiegħu jenfasizzaw ukoll li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jrendi d-dokumenti tal-istituzzjonijiet aċċessibbli lill-“pubbliku” (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2007:75, punt 44).

88      L-analiżi tax-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 turi li ġiet eżaminata l-possibbiltà li tiġi estiża l-portata ta’ dan ir-Regolament billi jiġi previst li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti interessi speċifiċi li persuna tkun tista’ tipprevali ruħha minnhom sabiex tikseb l-aċċess għal dokument partikolari. Huwa b’dan il-mod, b’mod partikolari, li l-wieħed u tletin emenda kontenuta fil-proposta leġiżlattiva li tinsab fir-Rapport tal-Kumitat dwar il-Libertajiet u d-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, issuġġeriet l-introduzzjoni ta’ Artikolu 4(1a) ġdid fil-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2000, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU C 177 E, p. 70), li jgħid li “[m]eta teżamina l-interess pubbliku għall-iżvelar tad-dokument, l-istituzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-interess invokat minn applikant, min jilmenta jew benefiċjarju ieħor li għandu dritt, interess jew obbligu f’dan ir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, is-seba’ emenda ssuġġerita fl-opinjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew li tinsab fl-istess rapport fittxet li jiddaħħal paragrafu fl-Artikolu 1 tal-imsemmija proposta tal-Kummissjoni, sabiex jiġi speċifikat li “[a]pplikant, min jilmenta jew kull persuna oħra, fiżika jew ġuridika, li d-drittijiet, interessi jew obbligi tagħhom f’kawża huma inkwistjoni (parti f’din il-kawża) għandhom ukoll id-dritt li jaċċedu għal dokument li ma huwiex aċċessibbli għall-pubbliku, iżda li jista’ jinfluwixxi fuq l-eżami tal-kawża kif previst f’dan ir-Regolament u fid-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda mill-proposti hekk ifformulati ma ġiet adottata fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2007:75, punt 45).

89      Barra minn hekk, għalkemm is-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi kunfliġġenti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi mhedda mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk iffavoriti permezz ta’ dan l-iżvelar, għal dak li jirrigwarda dawn tal-aħħar, huwa biss interess pubbliku superjuri li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interess partikolari ta’ min iressaq it-talba għall-iżvelar ta’ dokumenti kif ukoll is-sitwazzjoni individwali tiegħu ma jistgħux, ħlief meta dawn ikunu marbuta ma’ interess pubbliku superjuri, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni mitluba sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dawn id-dokumenti jippreġudikax l-interessi protetti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Umbach vs Il-Kummissjoni, T‑474/08, EU:T:2010:443, punt 70).

91      Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ammettiet, minn naħa, li istituzzjoni ma setgħetx, abbażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti għar-raġuni li l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, meta d-dokumenti inkwistjoni jkun fihom data personali li tikkonċerna min jitlob l-aċċess u, min-naħa l-oħra, li, f’każ bħal dan, id-dritt ta’ dan tal-aħħar li jikseb l-iżvelar tagħhom abbażi tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jagħti lill-pubbliku inġenerali dritt ta’ aċċess għall-imsemmija dokumenti (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑300/10, Ġabra, EU:T:2012:247, punti 107 sa 109).

92      Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

93      Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset ġustament li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-elementi invokati mir-rikorrenti, li kienu bbażati fuq is-sitwazzjoni individwali tagħha u li ma kienu marbuta ma l-ebda interess pubbliku superjuri, ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kienx jippreġudika l-interessi protetti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

94      F’kull każ, għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza skont liema r-rikorrenti hija l-unika persuna affettwata mill-proċeduri inkwistjoni, hija tammetti li, għal dak li jirrigwarda ż-żewġ proċeduri nazzjonali mibdija miċ-CNC, persuna ġuridika oħra hija kkonċernata, Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li elementi dwar persuni li ma humiex ikkonċernati minn dawn il-proċeduri jinsabu fid-dokumenti kontenzjużi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma dan ġie kkontestat, li dawn id-dokumenti fihom informazzjoni kunfidenzjali dwar persuni fiżiċi u ġuridiċi oħra. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti ma tistax titqies li hija stabbilita.

95      It-tieni nett, ir-rikorrenti tippreċiża li hija entità mingħajr skop ta’ lukru u mingħajr attività kummerċjali. Għaldaqstant, billi hija l-unika persuna ġuridika affettwata mill-proċeduri inkwistjoni, ma jista’ jiġi ppreġudikat ebda interess kummerċjali, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

96      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

97      F’kull każ, kif intqal iktar ’il fuq, ma huwiex stabbilit li r-rikorrenti hija l-unika persuna affettwata minn dawn il-proċeduri nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni twieġeb ġustament, minn naħa, li r-rikorrenti tikkostitwixxi assoċjazzjoni ta’ impriżi u, min-naħa l-oħra, li hija ġiet issanzjonata abbażi tal-Artikolu 101 TFUE, jiġifieri għal aġir li tqis li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

98      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud peress li dan jirrigwarda r-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata relatati mal-ewwel u mat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

99      Issa, dawn ir-raġunijiet huma, fihom infushom, suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata legalment din id-deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżbalji li bihom tista’ tkun ivvizzjata r-raġuni l-oħra tad-deċiżjoni, relatata mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma għandhom, f’kull każ, l-ebda effett fuq il-legalità tagħha. L-ilment invokat mir-rikorrenti li bih hija tikkontesta speċifikament din l-aħħar raġuni huwa, konsegwentement, ineffettiv u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud (sentenza tas-6 ta’ Novembru 1990, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑86/89, Ġabra, EU:C:1990:373, punt 20).

100    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-talba għal aċċess imressqa mir-rikorrenti hija intiża sabiex tikseb aċċess għall-korrispondenza skambjata fil-kuntest previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 bejn il-Kummissjoni u ċ-CNC għal dak li jirrigwarda żewġ proċeduri nazzjonali mibdija minn din tal-aħħar skont l-Artikolu 101 TFUE (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Għalhekk, din hija talba globali. F’din it-tip ta’ sitwazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċerta natura jippreġudika, bħala regola, il-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li tittratta talba globali u li tirrispondi għaliha bil-mod korrispondenti mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti li għalihom ikun intalab l-aċċess (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 67 u 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Novembru 2014, Ntouvas vs ECDC, T‑223/12, EU:T:2014:975, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

102    Sussegwentement u meta jitqies li l-preżunzjoni ġenerali msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq kienet applikabbli fil-każ ineżami u li ebda interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi ma ġie stabbilit mir-rikorrenti, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami konkret u individwali tat-talba għal aċċess għal dawn id-dokumenti.

103    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

2.     Fuq it-talbiet intiżi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

104    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti li għalihom hija rrifjutat l-aċċess, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżaminahom u tivverifika l-fondatezza tal-argumenti mqajma fir-rikors.

105    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti għandu jirrigwarda l-motivazzjoni li fuqha hija bbażata. Għalhekk, jekk din il-motivazzjoni tikkonsisti f’evalwazzjoni tal-effetti li l-iżvelar tad-dokument ikollu fuq ċerti drittijiet u interessi, l-istħarriġ tagħha jkun possibbli biss sa fejn il-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni li tifforma l-opinjoni tagħha dwar il-kontenut sostantiv tad-dokument (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, Ġabra, EU:C:2012:118, punt 73). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha tikkonsulta d-dokument in camera (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni, C‑135/11 P, Ġabra, EU:C:2012:376, punt 73).

106    Madankollu, skont preżunzjoni ġenerali, l-istituzzjoni tista’ twieġeb għal talba globali mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti li għalihom ikun intalab l-aċċess (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 67, 68, 127 u 128).

107    Issa, tali preżunzjoni hija applikabbli fil-każ ineżami. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la rnexxielha turi li wieħed mid-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni, u lanqas li kien jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument.

108    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex twettaq evalwazzjoni in concreto ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba sabiex tiżgura li l-aċċess għal dawn id-dokumenti jippreġudika l-interessi invokati.

109    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

110    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

112    Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġu applikati fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Unión de Almacenistas de Hierros de España għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Mejju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.