Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fit-28 ta’ Diċembru 2020 – Paget Approbois SAS vs Depeyre entreprises SARL, Alpha Insurance A/S u Alpha Insurance A/S vs Paget Approbois SAS, Depeyre entreprises SARL

(Kawża C-724/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Paget Approbois SAS, Alpha Insurance A/S

Konvenuti: Depeyre entreprises SARL, Alpha Insurance A/S, Paget Approbois SAS

Domandi preliminari

L-Artikolu 292 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kawża pendenti mressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru mill-kreditur ta’ indennizz assigurattiv għad-danni kkawżati sabiex jikseb il-ħlas ta’ dan l-indennizz minn impriża ta’ assigurazzjoni suġġetta għal proċedura ta’ stralċ miftuħa fi Stat Membru ieħor, tirrigwarda, fis-sens ta’ dan it-test, attiv jew dritt li minnu ġiet żvestita din l-impriża?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-liġi tal-Istat Membru li fih il-kawża tkun pendenti għandha tirregola l-effetti kollha fuq din l-istanza tal-proċedura ta’ stralċ?

B’mod partikolari, għandha tiġi applikata sa fejn din:

tipprevedi li l-ftuħ ta’ proċedura bħal din timplika l-interruzzjoni tal-kawża pendenti,

tissuġġetta t-tkomplija tal-istanza għad-dikjarazzjoni tal-passiv tal-impriża tal-assigurazzjoni, mill-kreditur, tal-kreditu ta’ indennizz assigurattiv tiegħu, u għall-kjamata inkawża tal-entitajiet li għandhom ir-responsabbiltà li jimplimentaw il-proċedura ta’ stralċ,

u tipprojbixxi kull kundanna għall-ħlas tal-indennizz, billi din ma tistax tibqa’ iktar is-suġġett ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza tiegħu u ta’ ffissar tal-ammont tiegħu ?

____________

1 ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifika ĠU 2019, L 316, p. 107.