Language of document : ECLI:EU:T:2012:516

Kawża T-63/10

Ivan Jurašinović

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Talba għal aċċess għal xi dokumenti skambjati mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja matul kawża — Rifjut ta’ aċċess — Riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali — Riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti-Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tat-3 ta’ Ottubru 2012

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess għal xi dokumenti — Dokumenti magħmula aċċessibbli minn terz — Rikors li ma għadx għandu skop — Rifjut li jirrigwarda dokumenti skambjati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja fil-kuntest ta’ kawża quddiem din il-qorti — Dokumenti li ma jistgħux jitqiesu bħala mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Suġġett — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessi 4 u 11, Artikoli 1 u 4)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Ħarsien tal-interess pubbliku — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(a))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji — Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti — Obbligu tal-istituzzjoni li tibbilanċja l-interessi preżenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessa 2 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti skambjati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ) fil-kuntest ta’ kawża quddiem din il-qorti — Rifjut ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet relattivi għall-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji u pariri legali — Riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ — Assenza ta’ effett fuq il-legalità tar-rifjut

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(a), it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), u Artikolu 9)

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji — Kamp ta’ applikazzjoni — Proċedura li tiżvolġi quddiem qorti li la taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u lanqas taħt dak tal-Istati Membri tagħha — Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji — Portata — Dokumenti skambjati bejn, minn naħa, il-prosekutur jew awla tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja u, min-naħa l-oħra, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawża quddiem l-imsemmija qorti — Inklużjoni — Rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995 — Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti —Dokumenti li joriġinaw minn terzi — Obbligu ta’ konsultazzjoni minn qabel tat-terzi kkonċernati — Portata — Dokumenti skambjati bejn, minn naħa, il-prosekutur jew awla tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ) u, min-naħa l-oħra, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni fil-kuntest ta’ kawża quddiem l-imsemmija qorti — Rifjut ta’ aċċess ibbażat fuq l-inaċċessibbiltà ta’ dawn id-dokumenti skont ir-regoli ta’ trasparenza tat-TKIJ — Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1), (2) u (4))

9.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Ħarsien tal-interess pubbliku — Relazzjonijiet internazzjonali — Portata — Deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess għal xi dokumenti skambjati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ) fil-kuntest ta’ kawża quddiem din il-qorti — Eċċezzjoni li, fost dawn id-dokumenti, tapplika biss għar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea annessi mal-korrispondenza skambjata bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-TKIJ — Fondatezza tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))

1.      Rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti ma jifdallux suġġett meta d-dokumenti inkwistjoni jkunu ġew magħmula aċċessibbli minn terz, u min għamel it-talba jkun jista’ jaċċedi għal dawn id-dokumenti u jagħmel użu minnhom b’mod legali daqs li kieku huwa kien kisibhom talba mressqa skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Madankollu, ma jistgħux jitqiesu bħala mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokumenti skambjati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ) fil-kuntest ta’ kawża quddiem din il-qorti, peress li, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tindika li huma tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-TKIJ permezz tad-database ġudizzjarja tagħha, kif ukoll permezz tas-sit tal-internet tagħha, ebda kopja ta’ dawn id-dokumenti ma ġiet prodotta minn xi waħda mill-partijiet u ebda referenza preċiża dwar fejn dawn jinsabu fuq dan is-sit tal-internet ma ġiet ipprovduta u li, barra minn hekk, huwa possibbli li, minkejja li fid-data tal-imsemmija deċiżjoni kellhom status pubbliku, skont ir-regoli ta’ trasparenza tat-TKIJ, tali dokumenti kienu ġew ikklassifikati mill-ġdid minnu sabiex isiru kunfidenzjali.

(ara l-punti 24, 25)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28-31)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32-34)

4.      Mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-qasam jirriżulta li l-attività ġudizzjarja hija, bħala tali, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit b’din il-leġiżlazzjoni. Din l-esklużjoni, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn l-istadji differenti tal-proċedura, hija ġġustifikata minħabba l-ħtieġa li jiġi ggarantit, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li l-argumenti bejn il-partijiet kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni, jiżvolġu mingħajr problemi.

Minkejja dan, meta istituzzjoni tqis li l-iżvelar ta’ dokument jaffettwa ħażin il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, hija jkollha tivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-effett ħażin li jirriżulta minnu fir-rigward tal-iżvolġiment mingħajr problemi tal-argumenti u tad-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni. F’dan il-kuntest, hija għandha twieżen l-interess speċifiku mħares permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri, parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi minn iktar leġittimità, effikaċità u responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika.

(ara l-punti 35, 37-39)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 44-48)

6.      Minkejja li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet segwiti bir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-eċċezzjonijiet li dan jipprovdi għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, l-imsemmi regolament ma jippreċiżax, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), liema huma l-qrati li l-proċeduri tagħhom jistgħu jiġu mħarsa mir-riskju ta’ effett ħażin li l-iżvelar ta’ wieħed jew iktar dokumenti jista’ jikkawżalhom.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bħala regola ġenerali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprevedu l-eċċezzjonijiet li fid-dawl tagħhom l-istituzzjoni li quddiemha tiġi ppreżentata talba għal aċċess għal xi dokumenti li hija għandha tista’ tirrifjuta li tiżvelahom, ma jistabbilixxu ebda rabta bejn l-interessi li għandhom jiġu mħarsa f’każ ta’ riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tagħhom u l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 biss jipprovdi b’mod espliċitu li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat meta l-iżvelar ikun jaffettwa ħażin il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna l-politika finanzjarja, monetarja u ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru. Fir-rigward tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dan ukoll jirrigwarda l-Unjoni, peress li huwa għandu l-għan li jħares il-proċess deċiżjonali ta’ istituzzjoni.

Li kieku interpretazzjoni li tgħid li huma biss il-proċeduri ġudizzjarji li jiżvolġu quddiem qorti tal-Unjoni jew quddiem qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri jistgħu jiġu mħarsa bl-eċċezzjoni prevista bid-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellha tintlaqa’, din tkun trasponibbli għal kull eċċezzjoni prevista bl-Artikolu 4. Pereżempju, meta jiġi invokat il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna s-sigurtà pubblika, dan jista’ jkun biss tas-sigurtà pubblika fl-Unjoni jew f’wieħed jew iktar Stati Membri. L-istess iseħħ meta tkun kwistjoni ta’ ħarsien tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari li ma jinkludux l-interess tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew huma stabbiliti barra l-Unjoni.

Issa, tali interpretazzjoni kontestwali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, ebda argument ibbażat fuq it-test ta’ dan l-artikolu ma jista’ jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-proċeduri ġudizzjarji, li jissemmew fit-tieni inċiż tal-paragrafu (2) tiegħu, huma biss dawk li jiżvolġu quddiem il-qrati tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, konstatazzjoni li hija msaħħa mill-qari tar-Regolament Nru 1049/2001 kollu, li jistabbilixxi rabta mal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha biss għal ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni li huwa jiddetermina.

Minn dan isegwi li xejn fl-imsemmi regolament ma jopponi li l-proċedura ġudizzjarja, li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) hija intiża li tipproteġi, tiżvolġi quddiem qorti li la taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u lanqas taħt l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri tagħha, peress li l-imsemmija eċċezzjoni tista’ tħares, b’mod partikolari, il-proċedura ġudizzjarja li tiżvolġi quddiem it-TKIJ.

(ara l-punti 55-60, 65)

7.      Il-frażi proċeduri ġudizzjarji, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ħarsien tal-interess pubbliku jopponi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti redatti għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari biss.

Jistgħu, fil-prinċipju, jiġu mħarsa minn kull żvelar, mitlub skont ir-Regolament Nru 1049/2001, b’applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista fl-imsemmija dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament, id-dokumenti skambjati bejn, minn naħa, il-prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ) jew l-ewwel awla tal-Prim’Istanza tat-TKIJ u, min-naħa l-oħra, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawża quddiem l-imsemmija qorti, meta dawn ikunu jirrigwardaw aspett tal-organizzazzjoni ta’ kawża kriminali u jkunu jiżvelaw il-mod li bih il-korpi ġudizzjarji tat-TKIJ iddeċidew li jwettqu l-iżvolġiment tal-proċedura, kif ukoll ir-reazzjonijiet tad-difiża u ta’ terz għall-miżuri meħuda mill-imsemmija korpi sabiex jinkisbu l-provi neċessarji għall-iżvolġiment xieraq tal-kawża. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ tar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995, skambjati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-TKIJ, liema rapporti ġew redatti iktar minn għaxar snin qabel il-bidu tal-imsemmija kawża u ma jistgħux jitqiesu bħala li ġew redatti biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja waħda.

(ara l-punti 66, 74-76)

8.      Minkejja li, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terzi, il-konsultazzjoni tat-terz ikkonċernat tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, kundizzjoni minn qabel għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għall-aċċess previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-konsultazzjoni ta’ terz li ma huwiex Stat Membru, prevista fl-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament, ma torbotx lill-istituzzjoni iżda għandha tippermettilha li tevalwa jekk eċċezzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) ta’ dan l-Artikolu għandhiex tiġi applikata.

Billi rrifjuta l-aċċess għal dokumenti skambjati bejn, minn naħa, il-prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ) jew l-ewwel awla tal-Prim’Istanza tat-TKIJ u, min-naħa l-oħra, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawża quddiem l-imsemmija qorti, filwaqt li bbaża ruħu fuq il-fatt biss li dawn id-dokumenti ma kinux aċċessibbli skont ir-regoli ta’ trasparenza tat-TKIJ, li, barra minn hekk, ma humiex identifikati b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jikkunsidra li kien jeżisti riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, il-Kunsill għandu jitqies bħala li kkunsidra lilu nnifsu marbut mill-unika spjegazzjoni pprovduta mit-TKIJ. Billi għamel hekk, huwa rrinunzja għas-setgħa diskrezzjonali li huwa kellu jeżerċita sabiex jikkonstata l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti previsti bir-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod iktar partikolari fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), u għaldaqstant wettaq żball ta’ liġi.

(ara l-punti 83, 87, 88, 90)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 95, 96)