Language of document : ECLI:EU:T:2020:182

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

13 ta’ Mejju 2020 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Italja favur l-ajruporti ta’ Sardegna – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Imputabbiltà lill-Istat – Benefiċjarji – Vantaġġ favur il-kumpanniji tal-ajru kontraenti – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Irkupru – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑8/18,

easyJet Airline Co. Ltd, stabbilita f’Luton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn P. Willis, solicitor, u J. Rivas Andrés, avukat,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1861 tad‑29 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen (Relatur), V. Valančius, Z. Csehi u P. Nihoul, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Fuq il-miżuri kontenzjużi

1        Il-gżira ta’ Sardegna (l-Italja) għandha ħames ajruporti, fosthom dawk ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia.

2        L-ajruport ta’ Alghero huwa operat minn So.Ge.A.Al SpA (iktar ’il quddiem “SOGEAAL”) li l-kapital tagħha ġie kompletament sottoskritt minn organi pubbliċi lokali u li l-maġġoranza tiegħu hija miżmuma mir-Regione autonoma della Sardegna (ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna, l-Italja, iktar ’il quddiem ir-“Reġjun Awtonomu”), inkluż indirettament permezz ta’ Società Finanziaria Industriale Regione Sardegna (SFIRS). Min-naħa tiegħu, l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas huwa operat minn So.G.Aer SpA (iktar ’il quddiem “SOGAER”), kumpannija li l-maġġoranza tal-ishma tagħha hija miżmuma mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Cagliari, filwaqt li l-ajruport ta’ Olbia huwa operat minn GEASAR SpA (iktar ’il quddiem “GEASAR”), kumpannija rreġistrata f’Olbia li l-maġġoranza tal-ishma tagħha hija miżmuma minn impriża privata, Meridiana SpA.

1.      Fuq id-dispożizzjonijiet adottati mir-Reġjun Awtonomu

a)      Fuq l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010

3        Fit-13 ta’ April 2010, ir-Reġjun Awtonomu adotta l-legge regionale n. 10 – Misure per lo sviluppo del trasporto aereo (il-Liġi Reġjonali Nru 10 – Miżuri għall-Iżvilupp tat-Trasport bl-Ajru) (Bollettino ufficiale della Regione autonoma della Sardegna Nru 12, tas-16 ta’ April 2010) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 10/2010”).

4        L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, intitolat “Inċentivi għall-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-arju tal-gżira” (Incentivi alla destagionalizzazione dei collegamenti aerei isolani), jaqra kif ġej:

“1. Għandu jkun awtorizzat infiq ta’ [EUR] 19 700 000 għas-sena 2010 u ta’ [EUR] 24 500 000 għal kull waħda mis-snin 2011 sa 2013 għall-finanzjament tal-ajruporti tal-gżira għall-finijiet tat-tisħiħ u tal-iżvilupp tat-trasport bl-ajru bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, inkluż permezz tal-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-ajru, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 312/01 dwar linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat tal-bidu lill-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali.

2. Il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet min-naħa tal-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri dwar il-kontinwità territorjali previsti fl-Artikolu 2, għandhom ikunu ddefiniti permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Eżekuttiv Reġjonali, li għandha tiġi adottata fuq proposta tal-Kunsillier Reġjonali għat-trasport, bi qbil mal-Kunsilliera għall-ippjanar, għall-baġit, għall-kreditu u għall-iżvilupp reġjonali, għat-turiżmu, għall-artiġjanat u għall-kummerċ, għall-agrikultura u għar-riforma tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem, għall-patrimonju kulturali, għall-informazzjoni, għad-divertiment u għall-isport.

3. Ir-riżoluzzjoni prevista fil-paragrafu 2 u l-pjanijiet ta’ attivitajiet, inklużi dawk diġà ddefiniti mill-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, flimkien mal-atti u mal-kuntratti korrispondenti, għandhom ikunu ffinanzjati jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi previsti fil-paragrafu 2 u għandhom jiġu sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti.”

b)      Fuq l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010

5        Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 10/2010, l-Eżekuttiv tar-Reġjun Awtonomu adotta diversi atti ta’ implimentazzjoni tal-miżuri previsti f’dan l-Artikolu 3 (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ implimentazzjoni”), b’mod partikolari d-deliberazione della Giunta regionale n. 29/36 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 29/36), tad-29 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36”), id-deliberazione della Giunta regionale n. 43/37 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 43/37), tas-6 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 43/37”), u d-deliberazione della Giunta regionale n. 52/117 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 52/117), tat-23 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 52/117”), (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, il-“miżuri kontenzjużi”).

6        Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jiddefinixxu essenzjalment tliet tipi ta’ “attivitajiet” li għalihom l-operaturi tal-ajruporti setgħu jirċievu kumpens mingħand ir-Reġjun Awtonomu għas-snin 2010 sa 2013, jiġifieri:

–        iż-żieda fit-traffiku tal-ajru mill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 1”);

–        il-promozzjoni tal-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika mill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 2”);

–        attivitajiet oħra ta’ promozzjoni fdati mill-operaturi tal-ajruporti, f’isem ir-Reġjun Awtonomu, lil fornituri ta’ servizzi terzi li ma humiex kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 3”).

7        Id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, minn naħa, kienet tispeċifika li, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, l-għan li titnaqqas in-natura staġjonali tar-rotot tal-ajru kien jikkonsisti fiż-żieda fil-frekwenza tat-titjiriet fix-xhur ta’ bejn l-istaġuni u fl-istaġun tax-xitwa kif ukoll fil-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni kienet tindika li l-għan aħħari, li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010 għall-promozzjoni ta’ politika reġjonali ta’ trasport bl-ajru kienu jfittxu li jilħqu, kien it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, tat-turiżmu u tal-kultura tal-gżira ta’ Sardegna.

8        F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tiddefinixxi l-kriterji, in-natura u t-tul tas-servizzi ta’ trasport li għalihom seta’ jingħata kumpens matul il-perijodu 2010‑2013 kif ukoll linji gwida għat-tfassil u għall-evalwazzjoni tal-“pjanijiet ta’ attivitajiet” ifformulati mill-operaturi tal-ajruporti.

9        B’mod konkret, sabiex jirċievi finanzjament previst mil-Liġi Nru 10/2010, operatur tal-ajruport kellu jissottometti pjan ta’ attivitajiet iddettaljat għall-approvazzjoni lir-Reġjun Awtonomu. Dan il-pjan kellu jidentifika liema attivitajiet, minn fost l-attivitajiet 1 sa 3, l-operatur tal-ajruport kellu l-intenzjoni li jimplimenta sabiex jilħaq l-għanijiet tal-Liġi Nru 10/2010. Dan il-pjan kellu eventwalment jitwettaq permezz ta’ ftehimiet speċifiċi bejn l-operatur tal-ajruport u kumpanniji tal-ajru.

10      Meta operatur tal-ajruport kien jixtieq jirċievi finanzjament għall-attività 1, il-pjan ta’ attivitajiet li kien jippreżenta lir-Reġjun Awtonomu kellu jidentifika “rotot ta’ interess strateġiku” (nazzjonali u internazzjonali) u jiddefinixxi miri annwali fir-rigward ta’ frekwenza tat-titjiriet, ta’ rotot ġodda u ta’ numru ta’ passiġġieri.

11      Skont l-awtoritajiet Taljani, l-operat ta’ dawn ir-rotot ta’ interess strateġiku għaldaqstant kien jikkostitwixxi s-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali li l-kumpanniji tal-ajru kienu jipprovdu inkambju għal kumpens.

12      Pjan ta’ attivitajiet li jimplimenta l-attività 2 kellu jiddefinixxi attivitajiet speċifiċi ta’ marketing u ta’ reklamar li kienu jfittxu li jżidu n-numru ta’ passiġġieri u li jippromwovu ż-żona moqdija mill-ajruport.

13      Id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom jiġu sostnuti minn previżjonijiet dwar il-prospetti ta’ profittabbiltà tal-attivitajiet identifikati minnhom.

14      Mid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 jirriżulta li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom josservaw ċerti prinċipji:

–        ir-rotot ta’ interess strateġiku ddeterminati mill-pjanijiet ma setgħux jikkoinċidu mar-rotot diġà operati fil-kuntest ta’ sistema ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku;

–        il-finanzjament mogħti għal kull rotta ssussidjata kellu jonqos maż-żmien;

–        il-ftehim finanzjarju konkluż mal-kumpanniji tal-ajru kellu jinkludi pjan ta’ promozzjoni tat-territorju.

15      Fil-każ li r-Reġjun Awtonomu kellu jikkonstata inkoerenzi bejn, minn naħa, il-pjanijiet ta’ attivitajiet ippreżentati mill-operaturi tal-ajruporti u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 10/2010 u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, dan seta’ jeżiġi li dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet jiġu emendati.

16      Wara li jkun approva d-diversi pjanijiet ta’ attivitajiet li jkunu ġew sottomessi lilu mill-operaturi tal-ajruporti, ir-Reġjun Awtonomu kien iqassam ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal kull waħda mis-snin 2010 sa 2013 bejn l-operaturi tal-ajruporti.

17      L-ammont ta’ dan il-kumpens kien ikkalkolat abbażi tad-differenza bejn, minn naħa, l-ispejjeż stmati sostnuti mill-kumpanniji tal-ajru sabiex joperaw ir-rotot strateġiċi u jilħqu l-miri annwali fir-rigward ta’ passiġġieri u, min-naħa l-oħra, id-dħul reali jew preżunt mill-bejgħ tal-biljetti lill-passiġġieri.

18      Meta t-total tal-kumpens mitlub mill-operaturi tal-ajruporti kien ikun ogħla mill-ammont previst mil-Liġi Nru 10/2010, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprevedi kriterji ta’ attribuzzjoni preferenzjali.

19      Fl-aħħar nett, l-atti ta’ implimentazzjoni kienu jipprovdu li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jissorveljaw il-prestazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru. B’mod partikolari, dawn kienu jimponu li l-ftehimiet speċifiċi konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru jipprevedu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet lill-kumpanniji tal-ajru fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-miri ddefiniti minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward ta’ frekwenza tat-titjiriet u ta’ numru ta’ passiġġieri.

2.      Fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi

20      Ir-rikorrenti, easyJet Airline Co. Ltd, hija kumpannija tal-ajru detentriċi ta’ liċenzja rreġistrata fl-Ingilterra u f’Wales (ir-Renju Unit), li topera netwerk ta’ rotot ta’ distanza qasira lejn u minn ajruporti tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia.

a)      Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Olbia

21      L-operatur tal-ajruport ta’ Olbia ppubblika, fis-sit internet tiegħu, sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess bil-għan li jiġu konklużi kuntratti ta’ marketing u ta’ reklamar.

22      Bi tweġiba għal din is-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess, ir-rikorrenti ppreżentat pjan tal-operat għall-iżvilupp ta’ rotot tal-ajru minn u lejn Olbia kif ukoll programm ta’ marketing u ta’ reklamar. Il-kumpannija tal-ajru stiednet lil GEASAR tipparteċipa fl-investiment meħtieġ sabiex jiġi stabbilit il-programm ta’ marketing u ta’ reklamar.

23      GEASAR eżaminat il-pjan tal-operat tar-rikorrenti u pproduċiet il-pjan tal-operat tagħha stess li minnu kien jirriżulta li parteċipazzjoni fl-investiment kif propost mir-rikorrenti jkun profittabbli għall-operatur tal-ajruport.

24      GEASAR ippreżentat lir-Reġjun Awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu ta’ tliet snin 2011‑2013, flimkien mal-applikazzjonijiet għal finanzjament korrispondenti. Ir-Reġjun Awtonomu approva dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet u ffissa l-ammonti li kellhom jingħataw lil GEASAR għall-2010 u għall-perijodu 2011‑2013 permezz tad-Deċiżjonijiet Reġjonali Nru 43/37 u Nru 52/117.

25      GEASAR u r-rikorrenti sussegwentement ikkonkludew tliet kuntratti li permezz tagħhom ir-rikorrenti obbligat ruħha, bi ħlas, li żżomm jew li topera rotot minn punt għal punt bejn Olbia u l-ajruporti Ewropej ta’ Bristol (ir-Renju Unit), Basel (l-Isvizzera), Genève (l-Isvizzera), Londra Gatwick (ir-Renju Unit), Milano Malpensa (l-Italja), Berlin-Schönefeld (il-Ġermanja), Lyon (Franza), Pariġi-Orly (Franza) u Madrid-Barajas (Spanja), u li tilħaq miri fir-rigward ta’ passiġġieri kif ukoll, min-naħa l-oħra, li timplimenta programm ta’ marketing u ta’ reklamar li jfittex li jippromwovi l-gżira ta’ Sardegna.

26      L-ewwel wieħed minn dawn il-kuntratti ġie ffirmat fis-17 ta’ Marzu 2011 u kien ikopri l-perijodu bejn it-28 ta’ Marzu 2010 u s-27 ta’ Marzu 2011. It-tieni wieħed minn dawn il-kuntratti ġie ffirmat fil-25 ta’ Jannar 2012 u kien ikopri l-perijodu bejn is-27 ta’ Marzu 2011 u t-30 ta’ Marzu 2013. L-aħħar kuntratt ma’ GEASAR ġie ffirmat fl-1 ta’ Marzu 2013 u kien ikopri l-perijodu bejn is-27 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Marzu 2014.

b)      Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas

27      SOGAER, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, ippubblikat, fis-sit internet tagħha, avviż li jistieden lill-kumpanniji tal-ajru jippreżentawlha pjanijiet tal-operat għal rotot tal-ajru minn u lejn dan l-ajruport kif ukoll għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ marketing intiżi li tiġi promossa l-gżira ta’ Sardegna.

28      Ir-rikorrenti ppreżentat lil SOGAER pjan tal-operat ta’ tliet snin għall-iżvilupp ta’ rotot tal-ajru minn u lejn Cagliari kif ukoll programm ta’ marketing u ta’ reklamar. Studju dwar l-impatt ekonomiku, ikkummissjonat mingħand konsulent estern, ikkonkluda insostenn ta’ dan il-pjan li investiment fl-attivitajiet ta’ marketing, kif previst mill-imsemmi pjan, ikun profittabbli għar-rikorrenti. Dan l-istudju qies ukoll li dan l-investiment jiżviluppa l-ekonomija tal-gżira ta’ Sardegna u jkun profittabbli għal SOGAER.

29      SOGAER ippreżentat lir-Reġjun Awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu ta’ tliet snin 2011‑2013, flimkien mal-applikazzjonijiet għal finanzjament korrispondenti. Dawn il-pjanijiet ġew approvati u l-ammonti attribwiti lil SOGAER għall-2010 u għall-perijodu 2011‑2013 ġew iffissati permezz tad-Deċiżjonijiet Reġjonali Nru 43/37 u Nru 52/117, rispettivament.

30      Ir-rikorrenti u SOGAER ikkonkludew kuntratt, bin-numru 25/2011, li jkopri l-perijodu mid-29 ta’ Marzu 2010 sat-28 ta’ Marzu 2013 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Nru 25/2011”). F’dan il-kuntratt ir-rikorrenti impenjat ruħha, minn naħa, li żżomm jew li topera titjiriet minn punt għal punt bejn Cagliari-Elmas u Londra-Stansted (ir-Renju Unit), Genève, Basel u Berlin-Schönefeld u li tilħaq miri fir-rigward ta’ passiġġieri, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li tipprovdi attivitajiet ta’ marketing u ta’ reklamar. Dawn is-servizzi kienu jaqgħu taħt l-attivitajiet 1 u 2.

31      L-Artikolu 5 ta’ dan il-ftehim kien jispeċifika li dan il-kuntratt kien suġġett għaż-żamma u għat-tiġdid tal-finanzjament ta’ SOGAER min-naħa tar-Reġjun Awtonomu.

c)      Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero

32      F’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero, kuntratti konklużi bejn SOGEAAL u l-kumpannija Ryanair Ltd, diġà fl-2003 u estiżi minn dak iż-żmien ’il quddiem, kienu s-suġġett ta’ lment imressaq minn kumpannija tal-ajru Taljana. Dan wassal għall-ftuħ, mill-Kummissjoni Ewropea, fit-12 ta’ Settembru 2007, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE f’dak li kien jirrigwarda għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija lil u mill-Ajruport ta’ Alghero favur Ryanair u trasportaturi bl-ajru oħrajn (ĠU 2008, C 12, p. 7). Fis-27 ta’ Ġunju 2012, din il-proċedura ġiet estiża, sabiex jiġu inklużi miżuri supplimentari meħuda mill-Italja li ma kinux is-suġġett tal-ilment inizjali (ĠU 2013, C 40, p. 15), li fosthom kien hemm “[i]l-miżuri kollha mogħtija lil Ryanair u s-sussidjarja tiegħu AMS, kif ukoll lill-kumpaniji tal-ajru li għamlu użu mill-ajruport sa mis-sena 2000 […] [li b’]mod partikolari […] jinkludu għotjiet ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija direttament minn SOGEAAL jew trażmessi minnha permezz ta’ bosta ftehimiet dwar servizzi tal-ajruport u ftehimiet dwar servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li saru ma’ Ryanair u ma’ trasportaturi oħra tal-ajru sa mis-sena ‑2000”.

33      L-imsemmija proċedura wasslet għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1584 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell’Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta’ Alghero (ĠU 2015, L 250, p. 38, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ‘Alghero’”), li fiha l-Kummissjoni b’mod partikolari qieset, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li l-miżuri implimentati mir-Reġjun Awtonomu, b’mod partikolari l-kuntratti konklużi minn SOGEAAL, ikkontrollata mill-imsemmi reġjun, ma’ ċerti kumpanniji tal-ajru u li jirrigwardaw il-promozzjoni jew it-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda minn u lejn l-ajruport ta’ Alghero kif ukoll attivitajiet ta’ marketing u ta’ reklamar ma kinux jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

34      Fir-rigward tal-perijodu mill-2010 sal-2013, ir-rikorrenti madankollu ma kkonkludiet ebda kuntratt ma’ SOGEAAL li jaqa’ taħt l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-Liġi Nru 10/2010.

B.      Fuq id-deċiżjoni kkontestata

35      Fit-30 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika Taljana, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, innotifikat lill-Kummissjoni l-Liġi Nru 10/2010, liema miżura ġiet eżaminata skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-MT, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

36      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”) fir-rigward tal-iskema nnotifikata (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna kontenzjuża”). Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, C 152, p. 30), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-allegata skema ta’ għajnuna.

37      L-awtoritajiet Taljani kif ukoll partijiet interessati, inklużi r-rikorrenti u l-operaturi tal-ajruporti ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati lill-awtoritajiet Taljani, li setgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom fuq dawn l-osservazzjonijiet.

38      Permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bl-adozzjoni, fl-20 ta’ Frar 2014, ta’ komunikazzjoni intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru” (ĠU 2014, C 99, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2014”), u bil-fatt li dawn il-linji gwida kienu ser japplikaw f’dan il-każ mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-15 ta’ April 2014, komunikazzjoni li tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-applikazzjoni għal dan il-każ tal-Linji gwida tal-2014, u dan f’terminu ta’ xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija linji gwida, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2014, C 113, p. 30). Fl-4 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti għalhekk ippreżentat osservazzjonijiet.

39      Fil-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tikkomunikalha ċerti dokumenti. Fil-31 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti pprovdiet dawn id-dokumenti lill-Kummissjoni, filwaqt li f’din l-okkażjoni ppreżentat osservazzjonijiet supplimentari.

40      Fl-1 u fl-14 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti u kumpannija ta’ konsulenza li taġixxi f’isimha kkomunikaw lill-Kummissjoni osservazzjonijiet supplimentari addizzjonali.

41      Wara laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet addizzjonali fl-1 ta’ Ġunju 2015. Wara li ġew mistiedna jippreżentaw l-eventwali kummenti tagħhom f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Settembru 2015.

42      Fid-29 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1861 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li d-dispożittiv tagħha jaqra kif ġej:

Artikolu 1

1. L-iskema li l-Italja stabbilixxiet bil-liġi [Nru 10/2010] ma tinvolvix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE] favur SOGEAAL […], SOGAER […] u GEASAR […].

2. L-iskema li stabbiliet l-Italja permezz tal-Liġi 10/2010 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat favur Ryanair/AMS, [ir-rikorrenti], Air Berlin, Meridiana, Alitalia, Air Italy, Volotea, Wizzair, Norwegian, JET2.COM, Niki, Tourparade, Germanwings, Air Baltic u Vueling, għaliex din hija marbuta mal-operazzjonijiet ta’ dawn il-linji tal-ajru fl-ajruport Cagliari-Elmas u l-ajruport ta’ Olbia.

3. L-għajnuna tal-Istat imsemmija fil-Paragrafu 2 iddaħħlet fis-seħħ mill-Italja bil-ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE].

4. L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Paragrafu 2 hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1. L-Italja għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(2).

2. Filwaqt li Ryanair u AMS jitqies li jikkostitwixxu unità ekonomika waħda għall-għan ta’ din id-deċiżjoni, dawn għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat li jkun irċieva xi wieħed minnhom.

3. Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru effettiv tagħhom.

[…]

5. L-Italja għandha tikkanċella l-ħlas kollu ta’ għajnuna pendenti kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) b’effett mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun immedjat u effettiv.

2. L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja:

–        il-lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna abbażi tal-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-ammont totali tal-għajnuna li kull wieħed minnhom irċieva abbażi ta’ tal-iskema;

–        L-ammont totali (l-imgħax prinċipali u fuq l-irkupru) li jrid jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

–        Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

–        Dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jroddu lura l-għajnuna.

2. L-Italja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tkun irkuprata għal kollox. Hija għandha immedjatament tibgħat, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà u li huma previsti għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet fuq l-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.”

43      F’dak li jirrigwarda l-portata tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 344 sa 346 ta’ din id-deċiżjoni, li din tal-aħħar ma kellhiex tkopri l-miżuri ta’ għajnuna li diġà kienu s-suġġett tal-investigazzjoni separata li għaliha jirreferi l-punt 32 iktar ’il fuq. Fil-fatt, għalkemm mhux il-ħlasijiet kollha mwettqa minn SOGEAAL għall-attivitajiet 1 u 2 previsti abbażi tal-Liġi Nru 10/2010 mill-atti ta’ implimentazzjoni kienu twettqu skont il-kuntratti eżaminati fil-kuntest tal-investigazzjoni separata li tirrigwarda esklużivament l-ajruport ta’ Alghero, il-Kummissjoni qieset li l-maġġoranza kbira tagħhom kienet ġiet evalwata fil-kuntest ta’ dak il-każ l-ieħor. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li “mhux dejjem [kienet] xi ħaġa ovvja li fil-każijiet kollha ssir distinzjoni ċara minħabba li r-relazzjoni finanzjarja bejn SOGEAAL u linja tal-ajru partikolari fil-perjodu rilevanti [setgħet] tkun immexxija minn kuntratti varji li xi ftit minnhom biss [kienu] ġew ikkunsidrati [fl-imsemmi każ l-ieħor]”. Għaldaqstant, hija qieset li kellhom jiġu esklużi mill-portata tad-deċiżjoni kkontestata l-ftehimiet kollha konklużi bejn il-kumpanniji tal-ajru u SOGEAAL fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jiġifieri, fi kliem ieħor, il-parti tal-miżuri kontenzjużi li tirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero.

44      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-proċedura miftuħa f’dan il-każ ma kinitx tirrigwarda l-għajnuna potenzjali mogħtija mill-operaturi tal-ajruporti lil fornituri ta’ servizzi differenti mill-kumpanniji tal-ajru u li jaqgħu taħt l-attività 3. Għaldaqstant, hija qieset, fil-premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma setgħetx tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt.

45      Fl-1 ta’ Awwissu 2016, l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw lir-rikorrenti verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li stednuha tindika liema data kellha titħalla barra mill-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, liema pubblikazzjoni seħħet fit-18 ta’ Ottubru 2017.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

47      Wara skambju doppju ta’ noti u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jipproduċu dokumenti u jwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll jieħdu pożizzjoni fuq l-opportunità li din il-kawża tingħaqad mal-kawża Volotea vs Il‑Kummissjoni (T‑607/17), tgħaqqid li l-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar iddeċidiet li ma twettaqx minħabba kwistjonijiet marbuta mal-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni. Huma kkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri fit-termini mogħtija.

48      Fid-19 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali, waqt il-laqgħa plenarja tagħha, iddeċidiet, fuq proposta tal-Ewwel Awla u tal-Viċi President, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem l-Ewwel Awla kkostitwita minn kulleġġ ġudikanti estiż għal ħames Imħallfin.

49      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2019 li fi tmiemha ngħalqet il-fażi orali tal-proċedura.

50      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Novembru 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura. Fit-12 ta’ Novembru 2019, hija talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti, ħaġa li hija għamlet fit-terminu mogħti. Ir-rikorrenti għalhekk kellha l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn id-dokumenti fl-20 ta’ Diċembru 2019, li fihom hija madankollu osservat li dawn tal-aħħar ma kinux ġew prodotti fil-lingwa tal-kawża, iżda bit-Taljan. Wara li r-rikorrenti ġiet mistiedna tindika lill-Qorti Ġenerali jekk kellhiex l-intenzjoni, permezz ta’ dan il-kumment, li titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-imsemmija dokumenti fil-lingwa tal-kawża skont l-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti madankollu wieġbet, fid-29 ta’ Jannar 2020, li hija ma kinitx qiegħda titlob tali regolarizzazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-4 ta’ Frar 2020, il-Qorti Ġenerali għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

51      Wara talba tal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet fuq dawk tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Frar 2020, iddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura u, wara l-preżentata mill-Kummissjoni tal-imsemmija osservazzjonijiet fit-terminu mogħti, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet mill-ġdid.

52      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi u, fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat allegatament illegali li tħallset lilha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

53      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

54      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa intiż għall-annullament, minn naħa, tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 1(2) ta’ din l-istess deċiżjoni sa fejn dan l-Artikolu 1(2) jikkonċerna lil kumpanniji tal-ajru differenti mir-rikorrenti.

55      Fil-fatt, filwaqt li tammetti li r-rikorrenti tista’ titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna lilha u, abbażi ta’ dan, tista’ tikkontesta d-diversi siltiet tad-deċiżjoni li jsostnu d-dispożittiv ikkontestat, b’mod partikolari dawk relatati mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni, bħal dawk tat-Taqsima 7.2.1, il-Kummissjoni madankollu tikkontesta l-possibbiltà għar-rikorrenti li tikseb l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni fit-totalità tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom tixtieq li din id-deċiżjoni tiġi annullata għall-benefiċċju ta’ entitajiet oħra, bħal kumpanniji kompetituri.

56      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tistax titlob direttament l-annullament tal-konstatazzjoni, li tinsab fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ajruporti ma kinux irċevew għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jikkonċernawx lir-rikorrenti direttament u individwalment bħala kumpannija tal-ajru.

57      Filwaqt li tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-punt 31 tas-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il‑Kummissjoni (T‑138/89, EU:T:1992:95), ir-rikorrenti tqis li għandha dritt tikkontesta, minbarra d-dispożittiv, il-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu. Issa, f’dan il-każ, huwa manifest li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna fuq il-livell tal-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, meqjusa li huma l-benefiċjarji reali tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, kienet tiddependi mill-konstatazzjoni, indissoċjabbli, tal-assenza ta’ elementi ta’ għajnuna fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti, li ġew ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala sempliċi “intermedjarji” li taw downstream il-vantaġġi finanzjarji mqassma mir-Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha dritt tikkontesta din il-konstatazzjoni tal-aħħar sabiex tkun tista’ tipprova li hija ma kinitx il-benefiċjarju reali tal-imsemmija miżuri u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex raġun teżiġi li hija tirrimborsa ammonti lir-Reġjun Awtonomu.

58      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija tista’ titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, għalhekk inklużi siltiet li fihom hija ma hijiex indikata b’isimha, filwaqt li tfakkar li, fi kwalunkwe każ, hija ressqet talba sussidjarja għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni f’dak li kien jikkonċerna lilha biss.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jikkonċernaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

60      Peress li l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata hija r-Repubblika Taljana, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma kkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni biss jekk din tal-aħħar tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 41).

61      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, bħala prinċipju, impriża ma tistax tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk hija tinsab biss ikkonċernata minn din id-deċiżjoni minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha bħala benefiċjarju potenzjali tal-imsemmija sistema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali impriża, tali deċiżjoni tkun miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:570, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 43).

62      Madankollu, meta d-deċiżjoni tkun tolqot grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ġie adottat dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59, u tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 44).

63      Għaldaqstant, il-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija skont skema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha huma, minħabba dan il-fatt, ikkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 53, u tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:570, punti 34 u 35).

64      Minbarra l-impriża benefiċjarja jew l-impriżi benefiċjarji, ġew ukoll irrikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tagħlaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, l-impriżi kompetituri ta’ din jew dawn tal-aħħar li kellhom rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sa fejn il-pożizzjoni tagħhom fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 25; tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 55, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 98).

65      F’dan il-każ, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda kemm ir-Repubblika Taljana kif ukoll l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru. Peress li t-talbiet għal annullament jirrigwardaw kemm din id-deċiżjoni kollha kemm hi kif ukoll din id-deċiżjoni sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, għandu jiġi ddeterminat sa fejn din tal-aħħar tista’ titlob l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

66      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti hija identifikata, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, bħala benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, hija obbligata tirrimborsa lill-awtoritajiet Taljani l-ammonti li hija rċeviet abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn huwa intiż għall-annullament ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, ir-rikors huwa ammissibbli fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tista’ tqajjem, insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tal-imsemmija żewġ dispożizzjonijiet, kull motiv ta’ natura li jipprova li hija ma kinitx benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, inklużi, f’dan il-kuntest, argumenti intiżi li jipprovaw li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-benefiċjarji reali tal-imsemmija skema ta’ għajnuna kontenzjuża u mhux il-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti.

68      Madankollu, fil-kuntest tal-imsemmi rikors, il-Qorti Ġenerali hija adita biss bl-elementi tad-deċiżjoni li jirrigwardaw lir-rikorrenti. Għaldaqstant, dawk li jirrigwardaw lil persuni differenti mid-destinatarju ma jidħlux fis-suġġett tat-tilwima li l-qorti hija mitluba tiddeċiedi (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 53). Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi biss fuq il-legalità tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u biss sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw lir-rikorrenti. Għalhekk, sa fejn jirrigwardaw l-annullament tal-imsemmija dispożizzjonijiet f’dak li jikkonċerna lil kumpanniji tal-ajru oħra li għalihom jirreferu l-imsemmija dispożizzjonijiet, it-talbiet għal annullament huma inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti.

69      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija ma tistax titlob direttament l-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss lill-operaturi tal-ajruporti, li favur tagħhom il-Kummissjoni qieset li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat. Issa, peress li r-rikorrenti, bħala kumpannija tal-ajru, ma hijiex kompetitriċi tal-imsemmija operaturi tal-ajruporti, hija ma għandhiex locus standi li titlob l-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli biss sa fejn jirrigwardaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti u, fir-rigward tal-kumplament, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

B.      Fuq it-talbiet għal annullament

71      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati:

–        l-ewwel nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ħlasijiet, imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lir-rikorrenti, bħala “riżorsi ta’ l-Istat” li l-għoti tagħhom kien imputabbli lill-Istat Taljan;

–        it-tieni nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-riċezzjoni ta’ vantaġġ mill-kumpanniji tal-ajru;

–        it-tielet nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-fatt li l-miżuri kontenzjużi jwasslu għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri;

–        ir-raba’ nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ possibbiltà li l-miżuri kontenzjużi jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE;

–        il-ħames nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna fuq il-livell tar-rikorrenti;

–        is-sitt nett, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u motivi kontradittorji fid-deċiżjoni kkontestata.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ħlasijiet, imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lir-rikorrenti, bħala riżorsi tal-Istat li l-għoti tagħhom kien imputabbli lill-Istat Taljan

72      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni, li r-rikorrenti tindika li tinsab fil-premessi 355 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha, minn naħa, ir-Reġjun Awtonomu kien jeżerċita kontroll fuq l-operaturi tal-ajruporti, ħaġa li timplika li d-deċiżjonijiet tal-kumpanniji SOGAER u GEASAR li jagħtu fondi lill-kumpanniji tal-ajru kienu jimmobilizzaw riżorsi tal-Istat u kienu imputabbli lill-Istat Taljan, u li skontha, min-naħa l-oħra, l-operaturi tal-ajruporti kienu qegħdin jaġixxu bħala intermedjarji tar-Reġjun Awtonomu fis-sens li l-aġir tagħhom kien iddeterminat mil-Liġi Nru 10/2010 u mill-pjanijiet ta’ attivitajiet approvati mir-Reġjun Awtonomu, ħaġa li timplika li d-deċiżjonijiet tagħhom li jagħtu kuntrattwalment il-fondi inkwistjoni lill-kumpanniji tal-ajru kienu fl-aħħar mill-aħħar imputabbli lill-Istat Taljan.

73      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

74      Iż-żewġ partijiet li jikkomponu l-ewwel motiv għandhom jiġu eżaminati waħda wara l-oħra.

a)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar l-eżistenza ta’ kontroll tar-Reġjun Awtonomu fuq l-operaturi tal-ajruporti

75      Filwaqt li rreferiet għall-premessi 55 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti inizjalment sostniet, fir-rikors, li, sa fejn il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-fondi li tħallsu lilha mill-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għar-raġuni li ż-żewġ ajruporti kkonċernati kienu taħt il-kontroll tal-Istat Taljan, f’dan il-każ tar-Reġjun Awtonomu, din il-konklużjoni hija żbaljata u taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-imsemmija operaturi ma jistgħux jitqiesu li huma impriżi pubbliċi. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet tagħhom, b’mod partikolari li jikkonkludu kuntratti mar-rikorrenti, ma humiex imputabbli lill-Istat Taljan bl-istess mod kif ir-riżorsi finanzjarji tagħhom użati sabiex tiġi rremunerata r-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li huma riżorsi tal-Istat.

76      Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda billi tirrileva li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija ma bbażatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-fatt li l-operaturi tal-ajruporti kienu miżmuma mill-Istat sabiex tikkonkludi li l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti favur il-kumpanniji tal-ajru kontraenti kienu jimmobilizzaw riżorsi tal-Istat u kienu imputabbli lill-Istat Taljan. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tiżbalja fir-rigward tal-kontenut tal-premessi 52 sa 58 tad-deċiżjoni kkontestata u fir-rigward tal-fatt li, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda dan l-aspett, jiġifieri t-Taqsima 7.2.1.2 tagħha, il-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni esklużivament fuq il-konstatazzjoni li l-imsemmija operaturi kienu qegħdin jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mfassla mir-Reġjun Awtonomu. Fir-realtà, il-kwistjoni jekk l-operaturi tal-ajruporti kinux miżmuma mill-awtorità pubblika jew le ma kellha ebda rwol f’din l-evalwazzjoni, speċjalment peress li l-iskema ta’ għajnuna kienet stabbilita mingħajr distinzjoni favur l-ajruporti kollha ta’ Sardegna, indipendentement mill-kwistjoni jekk l-ishma fl-istrutturi kapitalistiċi rispettivi tagħhom kinux miżmuma minn operaturi pubbliċi jew privati.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet sekondarji huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 48 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan il-każ, huwa minnu li l-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kienu kumpanniji b’responsabbiltà limitata; li l-ewwel tnejn kienu miżmuma mis-settur pubbliku u li t-tielet wieħed kien ikkontrollat minn trasportatur bl-ajru.

80      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq wieħed minn dawn l-elementi relatati mal-istruttura kapitalistika, pubblika jew privata, tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia sabiex timputa lir-Reġjun Awtonomu l-fondi rċevuti mir-rikorrenti mingħand dawn l-operaturi fid-dawl tal-kundizzjonijiet, stabbiliti fis-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), li skonthom fondi mogħtija minn impriża pubblika, li jaqgħu bħala prinċipju taħt il-kunċett ta’ “riżorsi ta’ l-Istat”, jistgħu jkunu imputabbli lill-Istat.

81      Fil-fatt, fil-parti rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod iktar speċifiku fil-premessi 355 sa 361 li jinsabu taħt it-Titolu “7.2.1.2 Riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat”, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha, sabiex tasal għall-konklużjoni li l-fondi rċevuti mill-kumpanniji tal-ajru kienu joriġinaw minn riżorsi tal-Istat Taljan, f’dan il-każ tar-Reġjun Awtonomu, u kienu imputabbli lil dan tal-aħħar, fuq id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit mill-imsemmi Reġjun Awtonomu, mekkaniżmu li permezz tiegħu din l-entità statali kienet tipprovdi finanzjamenti lill-operaturi tal-ajruporti li kienu jitolbuha dawn il-finanzjamenti bil-kundizzjoni li huma jissottomettulha għall-approvazzjoni pjanijiet ta’ attivitajiet li fihom l-imsemmija operaturi kellhom jispeċifikaw fid-dettall il-mod kif kellhom l-intenzjoni jużaw l-imsemmija fondi, b’mod partikolari sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn hija bbażata fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-Kummissjoni imputat lill-Istat Taljan il-fondi rċevuti mir-rikorrenti mingħand l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-imsemmija operaturi huma miżmuma mill-awtorità pubblika, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tista’ biss tiġi miċħuda bħala infondata.

83      Fir-replika, ir-rikorrenti madankollu sssostni li, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx imputat l-għajnuna inkwistjoni lill-Istat Taljan abbażi tal-fatt li l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kienu kkontrollati mill-Istat, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’inkoerenza, peress li, għalkemm kienet taqa’ taħt l-iskema ta’ għajnuna stabbilta mil-Liġi Nru 10/2010, l-għajnuna mogħtija lill-operatur tal-ajruport ta’ Alghero ngħatat trattament differenti għar-raġuni li dan kien miżmum mir-Reġjun Awtonomu. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni għall-fatt li, fid-deċiżjoni dwar l-ajruport ta’ Alghero, hija ma eżaminatx il-kwistjoni jekk l-operatur tal-imsemmi ajruport kienx aġixxa f’dak il-każ bħala intermedjarju tar-Reġjun Awtonomu.

84      F’dan ir-rigward, wara li ġiet mistiedna twieġeb bil-miktub għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, il-Kummissjoni spjegat li l-maġġoranza kbira tal-ħlasijiet imwettqa mill-operatur tal-ajruport ta’ Alghero fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet tirrigwarda ftehimiet konklużi ma’ kumpanniji tal-ajru qabel l-adozzjoni tal-imsemmija skema u li kienu diġà ġew evalwati fid-deċiżjoni “Alghero”. Fit-tweġiba tagħha, hija fakkret ukoll, billi rreferiet għall-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba d-diffikultà li ssir distinzjoni bejn il-movimenti finanzjarji abbażi tal-ftehimiet preċedenti għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u dawk li effettivament saru abbażi tal-imsemmija skema, hija kienet iddeċidiet li teskludi mill-portata tad-deċiżjoni kkontestata l-ftehimiet kollha konklużi bejn l-operatur tal-ajruport ta’ Alghero u l-kumpanniji tal-ajru li joperaw f’dan l-ajruport.

85      Għaldaqstant, jidher li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx formalment il-ħlasijiet magħmula mill-operatur tal-ajruport ta’ Alghero lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti mill-fondi li kienu ngħataw lil dan l-operatur mir-Reġjun Awtonomu fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni “Alghero”, huwa minnu li l-Kummissjoni eżaminat il-ħlasijiet magħmula minn dan l-operatur tal-ajruport, miżmum mir-Reġjun Awtonomu, abbażi tal-kriterju tal-investitur privat. Madankollu, dawn il-ħlasijiet kienu essenzjalment marbuta ma’ kuntratti konklużi qabel l-adozzjoni mir-Reġjun Awtonomu tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, li kienet tipprevedi mekkaniżmu ta’ kontroll mill-imsemmi reġjun tal-fondi li huwa kien jagħti lill-operaturi tal-ajruporti.

86      Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar allegata inkoerenza fl-approċċ tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

87      Fi kwalunkwe każ, bl-argument tagħha, ir-rikorrenti ma tistax tqiegħed fid-dubju indirettament il-legalità tad-deċiżjoni “Alghero” għar-raġuni li l-Kummissjoni naqset milli teżamina, f’din id-deċiżjoni, il-ħlasijiet magħmula lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti mill-operatur tal-ajruport ta’ Alghero mill-fondi li kienu ġew allokati lilu mir-Reġjun Awtonomu skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrenti li tressaq azzjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija tal-ajru, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE fit-termini previsti, id-deċiżjoni “Alghero” saret definittiva.

88      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tonqos milli teżamina l-ħlasijiet magħmula, mill-fondi mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, mill-operatur tal-ajruport ta’ Alghero lill-kumpanniji tal-ajru li magħhom huwa kien ikkonkluda kuntratti kummerċjali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, bħala kumpannija tal-ajru, hija attiva fis-suq tat-trasport bl-ajru u mhux f’dak tas-servizzi u tal-infrastrutturi ta’ ajruporti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ma hijiex f’kompetizzjoni mal-operatur tal-ajruport ta’ Alghero, ir-rikorrenti ma għandhiex locus standi li tressaq azzjoni kontra din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata.

89      Fl-aħħar nett u għall-kompletezza, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni inkwistjoni f’deċiżjoni preċedenti, f’dan il-każ fid-deċiżjoni “Alghero”, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 95, u tas-16 ta’ Jannar 2018, EDF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/15, EU:T:2018:6, punt 238).

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar ir-rwol ta’ intermedjarji tal-operaturi tal-ajruporti

91      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta kemm, minn naħa, l-oriġini statali tal-flus użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremunerawha fil-kuntest tal-kuntratti li dawn tal-aħħar kienu kkonkludew magħha kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu tal-ħlasijiet magħmula mill-operaturi tal-ajruporti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti li jirrigwardaw miri ta’ traffiku tal-ajru u l-provvista ta’ servizzi ta’ marketing li huma kienu kkonkludew ma’ kumpanniji tal-ajru bħar-rikorrenti.

92      F’dak li jirrigwarda l-oriġini statali tal-fondi inkwistjoni, għandu jitfakkar li intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma għandux neċessarjament ikun miżura adottata mill-awtorità ċentrali tal-Istat ikkonċernat. Huwa jista’ daqstant ieħor jirriżulta minn awtorità infrastatali, bħar-Reġjun Awtonomu. Fil-fatt, miżura meħuda minn awtorità lokali u mhux mill-awtorità ċentrali tista’ tikkostitwixxi għajnuna meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 17, u tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 55). Fi kliem ieħor, il-miżuri meħuda minn entitajiet infrastatali, deċentralizzati, federali, reġjonali jew oħrajn, tal-Istati Membri, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku u d-denominazzjoni tagħhom, jaqgħu, bħall-miżuri meħuda mill-awtorità federali jew ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, EU:T:2002:61, punt 57, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 108).

93      F’dan il-każ, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, huwa paċifiku li r-Reġjun Awtonomu qiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti fondi fuq perijodu ta’ diversi snin sabiex jieħdu azzjonijiet bil-għan li jippromwovu r-reġjun ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika, ħaġa li kienet tinvolvi kemm li jintlaħqu miri fir-rigward tas-servizz bl-ajru tal-gżira minn u lejn id-diversi ajruporti tagħha kif ukoll li jiġu pprovduti servizzi ta’ marketing. Ir-rikorrenti ma tikkontestax li dawn il-fondi, li kienu joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu u li tħallsu l-ewwel lill-operaturi tal-ajruporti, huma riżorsi tal-Istat u li d-deċiżjoni li tali fondi jingħataw lill-operaturi tal-ajruporti kienet imputabbli lill-Istat Taljan. Madankollu tqum il-kwistjoni jekk, kif tikkontesta r-rikorrenti, l-ammonti li hija rċeviet mingħand l-imsemmija operaturi b’eżekuzzjoni tal-kuntratti li hija kienet ikkonkludiet magħhom kellhomx jew kienx għad għandhom in-natura ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” u kinux imputabbli lill-Istat Taljan, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

1)      Fuq il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat

94      F’dan ir-rigward, kemm mill-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kif ukoll mill-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika jirriżulta li l-fondi mħallsa mill-imsemmi reġjun lill-operaturi tal-ajruporti kienu dawk li ntużaw minn dawn tal-aħħar sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji kontraenti.

95      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet tipprevedi tip ta’ mekkaniżmu ta’ clearance. B’mod iktar partikolari, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi li l-operaturi tal-ajruporti magħżula kellhom jirċievu ħlas bil-quddiem ta’ 20 % fuq il-fondi dovuti għas-sena ta’ referenza, segwit minn ħlas tat-tieni porzjon ta’ 60 %, fuq medda ta’ żmien u suġġett għall-preżentazzjoni ta’ rapporti kull tliet xhur, u, fl-aħħar nett, l-aħħar porzjon ta’ 20 % mal-preżentazzjoni tad-dokumenti li jippermettu lir-Reġjun Awtonomu jivverifika li l-attività kienet twettqet korrettament, li l-miri kienu ntlaħqu u li l-ispejjeż sostnuti kienu reali. Konsegwentement, dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll kien intiż li jimpedixxi lil kull operatur tal-ajruport milli jikseb ir-rimbors ta’ ammonti li ma kinux dawk sostnuti minnu sabiex jirremunera lill-kumpanniji kontraenti, bħar-rikorrenti, u li huma s-suġġett tal-obbligu ta’ rkupru previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. L-eżistenza ta’ dan il-mekkaniżmu tikkonferma wkoll li s-servizzi tal-imsemmija kumpanniji tal-ajru kienu ffinanzjati mill-imsemmi reġjun, peress li l-ammonti mħallsa bil-quddiem mill-operaturi tal-ajruporti bħala remunerazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru kontraenti kienu jikkorrispondu għall-fondi li huma kienu jirċievu, fi tmiem il-proċess, mir-Reġjun Awtonomu.

96      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessi 242 sa 246 u 313, 314 u 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li jesponu l-osservazzjonijiet li kienu ppreżentaw fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, l-operaturi tal-ajruporti ta’ Olbia u ta’ Cagliari-Elmas stess spjegaw li, effettivament, huma kienu ħallsu bil-quddiem l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlas lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti li kienu jipprovdu s-servizzi mixtieqa mir-Reġjun Awtonomu sabiex jiġi promoss it-turiżmu ta’ Sardegna u li, sussegwentement, kienu ppreżentaw lill-imsemmi Reġjun Awtonomu r-rapporti ta’ kontabbiltà tagħhom li kienu jindikaw l-ispejjeż realment inkorsi sabiex jinkiseb ir-rimbors għal dan mingħand ir-Reġjun Awtonomu. F’dan il-kuntest, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas saħansitra afferma li r-Reġjun Awtonomu kien eżiġa mingħandu li jipprova li l-kumpanniji tal-ajru fornituri kienu rċevew it-totalità tal-kontribuzzjonijiet reġjonali u li għalhekk huwa kien biss intermedjarju li ttrasferixxa lilhom l-ammonti rċevuti mingħand ir-Reġjun Awtonomu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana stess sostniet li, essenzjalment, l-operatur tal-ajruport ta’ Olbia kien ittrasferixxa lir-rikorrenti t-totalità tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet li dan l-operatur kien irċieva mingħand ir-Reġjun Awtonomu.

97      Għalhekk jidher ċar li l-fondi użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremuneraw lir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti li dawn tal-aħħar kienu kkonkludew magħha oriġinaw mill-baġit tar-Reġjun Awtonomu u għalhekk kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, jekk, f’ċerti każijiet, huma kellhom isostnu l-ispejjeż marbuta mal-ħlas bil-quddiem bi flus kontanti, inkluż permezz ta’ SFIRS, fuq l-ammonti sussegwentement irrimborsati mir-Reġjun Awtonomu, dan xejn ma jnaqqas mill-fatt li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom stess u skont dak li kienet tipprevedi l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-operaturi tal-ajruporti użaw it-totalità tal-fondi li kienu ngħataw lilhom mill-imsemmi Reġjun Awtonomu sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti, bħar-rikorrenti, u li huma esklużivament is-suġġett tal-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

98      Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li skontu, ladarba l-fondi ġew ittrasferiti mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti, ma kienx ċert li dawn servew sabiex hija tiġi rremunerata. Bl-istess mod, il-fatt, allegat mir-rikorrenti, li l-modalitajiet ta’ trasferiment tal-fondi rċevuti mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru ma kinux imsemmija fil-Liġi Nru 10/2010 ma huwiex rilevanti, peress li s-sistema stabbilita mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet tikkonsisti fil-finanzjament tal-azzjonijiet meħuda mill-operaturi tal-ajruporti permezz ta’ kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru, ħaġa li, fl-aħħar mill-aħħar, ġiet effettivament ikkonstatata u kienet tammonta għat-trasferiment tal-fondi lill-imsemmija kumpanniji tal-ajru permezz tal-operaturi tal-ajruporti.

99      Barra mid-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-operaturi tal-ajruporti stess fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u barra mit-tabelli li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, il-korrispondenza bejn il-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti u dawk użati minn dawn tal-aħħar sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti hija kkorroborata, fil-każ partikolari tar-rikorrenti, mill-kontenut stess tal-ftehimiet li hija ffirmat mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia.

100    Fil-fatt, il-preambolu tal-kuntratt Nru 25/2011 li hija kkonkludiet ma’ SOGAER kien jindika espressament li r-Reġjun Awtonomu kien iddeċieda li jżid l-investimenti ta’ marketing tiegħu fl-industriji tat-trasport u tat-turiżmu; li, għal dan il-għan, huwa kien ser jipprovdi ammont kull sena lil SOGAER li dan l-operatur tal-ajruport kellu jonfoq sabiex jilħaq dan il-għan, u li, fid-dawl tal-intenzjoni tar-Reġjun Awtonomu, SOGAER kienet ippubblikat avviż fis-sit internet tagħha sabiex tinvesti f’attivitajiet ta’ marketing maħsuba sabiex jippromwovu l-attrazzjonijiet turistiċi tan-nofsinhar ta’ Sardegna. F’dak li jirrigwarda l-kuntratt konkluż fis-17 ta’ Marzu 2011 bejn ir-rikorrenti u GEASAR, dan il-kuntratt kien jindika li, sabiex testendi l-attivitajiet tal-ajru tagħha, ir-rikorrenti kienet żviluppat programm ta’ marketing u ta’ reklamar sabiex tippromwovi r-reġjun ta’ Sardegna li kellu jiġi implimentat bil-parteċipazzjoni finanzjarja tal-partijiet interessati fl-iżvilupp tat-turiżmu tal-gżira, f’dan il-każ, essenzjalment jew saħansitra esklużivament, ir-Reġjun Awtonomu.

101    Barra minn hekk, il-kuntratt Nru 25/2011 kien jinkludi klawżola ta’ terminazzjoni f’każ ta’ tneħħija jew ta’ revoka tal-finanzjament mogħti mir-Reġjun Awtonomu, li tikkonferma r-rwol ta’ intermedjarju finanzjarju kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-operaturi tal-ajruporti li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom stess matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari dik tal-operatur ta’ Cagliari-Elmas, kulma għamlu kien li għażlu kumpanniji tal-ajru li kienu kapaċi jilħqu l-miri annwali ffissati għall-frekwenza u għall-volum ta’ passiġġieri fuq ir-rotot strateġiċi minn u lejn l-ajruporti kkonċernati.

102    Ir-rikorrenti targumenta li, kif barra minn hekk jissemma fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi espressament li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom jindikaw il-livell ta’ riżorsi proprji investit minn kull operatur tal-ajruport kif ukoll il-livell ta’ kontribuzzjoni ta’ eventwali investituri privati oħra li jibbenefikaw miż-żieda fit-traffiku tal-ajru, bħal dawk li huma attivi fis-setturi tat-turiżmu, tal-kummerċ, tal-agrikultura u tal-kultura.

103    Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, dan l-argument huwa ineffettiv. Fil-fatt, minn naħa, wara li ġiet mistoqsija f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega liema investitur privat ieħor kien ser jassoċja ruħu mal-inizjattiva baġitarja meħuda mir-Reġjun Awtonomu sabiex il-gżira ta’ Sardegna tiġi promossa bħala destinazzjoni turistika permezz tal-finanzjament ta’ attivitajiet imwettqa permezz tal-operaturi tal-ajruporti.

104    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li s-servizzi pprovduti lill-operaturi tal-ajruporti kienu ffinanzjati, parzjalment u madankollu, fi kwalunkwe każ, marġinalment, minn investituri oħra, inklużi l-imsemmija operaturi stess, dan xejn ma jnaqqas mill-oriġini statali tal-fondi użati minn dawn l-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, liema fondi huma l-uniċi li l-imsemmija kumpanniji tal-ajru huma obbligati jirrimborsaw lill-Istat Taljan b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, li kieku kellu jiġi segwit ir-raġunament tar-rikorrenti, ikun suffiċjenti għal Stat Membru li jitlob kofinanzjament tal-miżuri tiegħu minn operaturi tas-settur privat sabiex jevita li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

105    Ir-rikorrenti ssostni wkoll, f’dak li jirrigwarda l-fondi li kienu ngħataw mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti b’eżekuzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, li l-imsemmija operaturi kkonċernati użawhom biss bil-għan li jżidu l-profitti tagħhom, iżda ma amministrawx l-imsemmija fondi fl-interess ġenerali. Skont l-argument tar-rikorrenti, ladarba ngħataw lill-imsemmija operaturi, dawn il-fondi, li huma ta’ oriġini pubblika u ta’ natura funġibbli, tħallsu mingħajr distinzjoni fil-fondi tagħhom u għalhekk saru ta’ natura privata u ntużaw purament għal finijiet ta’ lukru.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-iskop li interventi statali jfittxu li jilħqu ma huwiex biżżejjed sabiex dawn ma jiġux ikklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 84 u 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑461/13, EU:T:2015:891, punt 39).

107    Issa, peress li, meta teżamina miżura, il-Kummissjoni jista’ jkollha teżamina jekk vantaġġ jistax jitqies li jkun ingħata indirettament lil operaturi li ma jkunux il-persuna riċeventi immedjata tat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 61 u 62), għandu jitqies li, sa fejn jista’ jiġi stabbilit, bħal f’dan il-każ, li vantaġġ li joriġina minn riżorsi tal-Istat ġie ttrasferit mill-persuna riċeventi immedjata lil benefiċjarju finali, huwa irrilevanti li dan it-trasferiment ikun twettaq mill-persuna riċeventi skont loġika kummerċjali jew, għall-kuntrarju, li dan it-trasferiment ikun laħaq għan ta’ interess ġenerali.

108    Dan huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza li tistabbilixxi li vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 38 u 60 sa 66; tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 127, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233). Fil-fatt, fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, it-trasferiment tal-vantaġġ minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li kienu persuni riċeventi immedjati ta’ riżorsi tal-Istat, kien jagħmel parti minn relazzjoni kummerċjali, ħaġa li tikkonferma li l-eżistenza ta’ raġuni kummerċjali li fuqha jkun ibbażat it-trasferiment hija irrilevanti għall-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-passaġġ segwit mir-riżorsi ta’ oriġini statali sakemm jaslu għand il-benefiċjarju finali.

109    Fir-rigward tal-fatt, imressaq mir-rikorrenti, li r-Reġjun Awtonomu ma kienx ħatar korp pubbliku jew organu li l-uniku kompitu tiegħu kien li jamministra l-fondi inkwistjoni, dan huwa wkoll irrilevanti għall-klassifikazzjoni tal-ħlasijiet kontenzjużi, magħmula lir-rikorrenti, bħala “riżorsi ta’ l-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

110    Fil-fatt, huwa minnu li diġà tqies li l-kunċett ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat kien intiż li jinkludi, mhux biss il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, maħtur jew stabbilit minn dan l-Istat bil-għan li jamministra l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike u Weinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 21; tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 19, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iġġustifikat l-inklużjoni ta’ vantaġġi mogħtija permezz ta’ korpi distinti mill-Istat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE bin-neċessità li jinżamm l-effett utli tar-regoli dwar l-“għajnuna mill-Istati” iddefiniti fl-Artikoli 107 sa 109 TFUE, u b’hekk jiġi evitat li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi inkarigati bit-tqassim ta’ għajnuna jista’ jippermetti lill-Istati Membri jevitaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 23).

111    Madankollu, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li huma biss il-vantaġġi mqassma direttament mill-Istat, jiġifieri mingħajr intermedjarju, u dawk mogħtija permezz ta’ organi, investiti bi prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew kompiti ta’ interess ġenerali u stabbiliti jew maħtura sabiex jamministraw l-għajnuna, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, kif diġà tfakkar qabel, anki vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi (ara l-punt 108 iktar ’il fuq), u dan mingħajr ma jkun meħtieġ li l-vantaġġi inkwistjoni jkunu għaddew minn struttura speċifikament maħtura jew stabbilita minn dan l-Istat bil-għan li tamministra l-għajnuna.

112    F’dak li jirrigwarda r-riferiment tar-rikorrenti għas-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni (C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 50), u tal-15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il‑Kummissjoni (T‑182/10, EU:T:2013:9, punt 104), għandu jiġi enfasizzat li dawn il-kawżi kienu jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom kellu jiġi ddeterminat jekk il-fondi miġbura minn impriżi privati li kienu qegħdin jaġixxu fil-kuntest ta’ konċessjoni jew ta’ monopolju setgħux jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minkejja li qatt ma ġew formalment ikkreditati fil-kontijiet tal-Istati Membri kkonċernati.

113    Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-kunċett ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” ġie estiż fis-sens li l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jappartjenux jew le b’mod permanenti lill-patrimonju tal-Istat. Għaldaqstant, ġie deċiż li, anki jekk somom ma jkunux b’mod permanenti fil-pussess tal-baġit tal-Istat, il-fatt li dawn jibqgħu kostantement taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex dawn jiġu kklassifikati bħala “riżorsi ta’ l-Istat” (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 50, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37).

114    Bl-istess mod, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), iċċitata wkoll mir-rikorrenti, qamet il-kwistjoni jekk mekkaniżmu ta’ kumpens integrali, iffinanzjat mill-konsumatur finali, tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq impriżi minħabba obbligu ta’ xiri ta’ elettriku li ġej mir-riħ bi prezz ogħla minn dak tas-suq setax jaqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod iktar partikolari, qamet il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni bħala riżorsi tal-Istat ta’ fondi miġbura minn organu maħtur speċifikament għall-amministrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, meta dawn ma kinux jgħaddu neċessarjament fit-totalità tagħhom mill-imsemmi organu. Fil-punt 33 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li dawn il-fondi kollha baqgħu taħt kontroll pubbliku kien jiġġustifika li dawn jiġu kklassifikati bħala “riżorsi ta’ l-Istat”.

115    Għaldaqstant, minkejja li jirrigwardaw kawżi li fihom il-fondi inkwistjoni, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni, ma kinux joriġinaw immedjatament mill-baġit tal-Istat jew ma kinux għaddew minnu, dawn is-sentenzi jikkonfermaw, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li l-kriterju deċiżiv huwa l-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-Istat fuq l-għoti tal-vantaġġ, b’mod partikolari fuq il-kanal għat-trażmissjoni ta’ dan il-vantaġġ (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 50; tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 33), u li dan japplika anki meta l-għoti tal-imsemmi vantaġġ ma jinvolvix trasferiment formali ta’ riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Madankollu, fid-dawl tal-argument tar-rikorrenti marbut mas-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni (C‑83/98 P, EU:C:2000:248), tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), li jirrigwarda kemm il-kundizzjoni sekondarja ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” kif ukoll dik tal-imputabbiltà lill-Istat, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk, f’dan il-każ, l-ammonti mħallsa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, li joriġinaw mill-baġit tal-Istat Taljan, f’dan il-każ tar-Reġjun Awtonomu, setgħux jibqgħu jiġu kklassifikati bħala “riżorsi ta’ l-Istat” u, barra minn hekk, jekk il-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti b’eżekuzzjoni tal-kuntratti setgħux jiġu imputati lill-Istat Taljan, f’dan il-każ lir-Reġjun Awtonomu.

2)      Fuq l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu tal-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti favur il-kumpanniji tal-ajru

117    F’dan ir-rigward, għalkemm il-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-Istat fuq l-għoti ta’ vantaġġ jippermetti li jiġi evalwat jekk dan tal-aħħar jistax jitqies li jimmobilizza “riżorsi ta’ l-Istat”, sabiex tiġi vverifikata l-kundizzjoni sekondarja dwar l-imputabbiltà tal-miżura kkonċernata lill-Istat, prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, dan il-livell ta’ kontroll għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu li kienu involuti fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 52, u tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), involviment li jista’ jiġi dedott minn serje ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih ittieħdet din il-miżura u, b’mod partikolari, mill-portata tagħha, mill-kontenut tagħha jew mill-kundizzjonijiet li din tinvolvi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 52 sa 56, u tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punti 31 sa 33).

118    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti mir-Reġjun Awtonomu kellhom jintużaw u effettivament intużaw skont l-istruzzjonijiet adottati mill-imsemmi reġjun, f’dan il-każ bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-kumpanniji tal-ajru, jiġifieri l-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda, iż-żieda fil-frekwenzi u l-estensjoni tal-perijodi ta’ operat ta’ rotot eżistenti, il-fatt li jintlaħqu miri f’termini ta’ volum ta’ passiġġieri kif ukoll il-provvista ta’ servizzi ta’ marketing.

119    Qabelxejn, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet, fil-punt 75 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li l-Liġi Nru 10/2010 ma kinitx timponi fuq l-operaturi tal-ajruporti l-obbligu li jittrasferixxu ċerta parti mill-kumpens lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti, b’mod li kienet prekluża milli, sussegwentement, tkun tista’ tikkonkludi l-oppost fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, peress li l-għan tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa li jiġi approfondit l-eżami tal-miżura nnotifikata mill-Istat Membru, huwa fl-ispirtu u fil-għan stess ta’ dan l-approfondiment tal-eżami tal-miżura li l-Kummissjoni tkun tista’, fi tmiem dan l-eżami, tasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk, li min-natura tagħhom huma preliminari, li hija kienet esponiet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tiġġustifika l-imsemmi ftuħ tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑424/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:49, punt 69).

120    Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-premessi 357 sa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom l-aġir tal-operaturi tal-ajruporti kien iddeterminat mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-Liġi Nru 10/2010 u tal-pjanijiet ta’ attivitajiet, li kellhom jiġu approvati mir-Reġjun Awtonomu qabel ma jidħlu fis-seħħ, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-Liġi Nru 10/2010 tidentifika lill-operaturi tal-ajruporti bħala li huma formalment il-benefiċjarji tal-ħlasijiet previsti minn din il-liġi.

121    Madankollu, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 10/2010 kien jipprovdi espressament li l-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet mill-operaturi tal-ajruporti kellhom jiġu adottati permezz ta’ riżoluzzjonijiet tal-Eżekuttiv Reġjonali, filwaqt li l-Artikolu 3(3) ta’ din il-liġi kien jipprovdi, espressament ukoll, li l-pjanijiet ta’ attivitajiet stabbiliti mill-operaturi tal-ajruporti kellhom ikollhom magħhom l-atti u l-kuntratti korrispondenti u li kienu ser ikunu ffinanzjati biss jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali u biss jekk ikunu ġew sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti.

122    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, b’mod partikolari billi ssostni li l-Liġi Nru 10/2010 ma tinkludi ebda linja gwida speċifika jew istruzzjoni vinkolanti indirizzata lill-operaturi tal-ajruporti dwar l-użu tal-fondi li r-Reġjun Awtonomu kellu jagħtihom abbażi tal-miżuri kontenzjużi, mill-mekkaniżmu stabbilit mil-Liġi Nru 10/2010 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom neċessarjament jinqraw flimkien mat-testi li din il-liġi kienet tipprevedi li jiġu adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali u li kienu jikkundizzjonaw il-ħlasijiet imwettqa mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, dawn it-testi, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, kienu jipprovdu espressament li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jissottomettu l-pjanijiet ta’ attivitajiet tagħhom lir-Reġjun Awtonomu għall-approvazzjoni u li, sabiex ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament previst mill-imsemmi Reġjun Awtonomu, l-imsemmija pjanijiet kellhom jitfasslu skont il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll skont id-direttivi adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali.

123    Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa bil-quddiem mill-operaturi tal-ajruporti kien ta’ natura li jippermetti lir-Reġjun Awtonomu jikkontrolla l-inizjattivi tal-operaturi tal-ajruporti, għaliex kienu biss dawk stabbiliti skont id-direttivi tiegħu u sostnuti bil-produzzjoni tad-dokumenti kuntrattwali u ta’ kontabbiltà rilevanti li setgħu jagħtu lok għall-finanzjament previst mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sistema stabbilita mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti kienu kkontrollati biss f’mument li fih huma kienu diġà kisbu 80 % tal-finanzjament previst. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-fatt li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kienu sottomessi upstream tal-proċess għall-approvazzjoni mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti kellhom ukoll jipproduċu rapporti kull tliet xhur għall-finijiet tal-ħlas ta’ 60 % tal-għajnuna u setgħu biss jiksbu l-aħħar porzjon tal-ħlas, ta’ 20 %, wara li jkunu pprovaw li kienu osservaw l-istruzzjonijiet tar-Reġjun Awtonomu.

124    Fuq dan il-punt, l-assenza ta’ modalitajiet preċiżi ta’ allokazzjoni tal-fondi miksuba minn kull wieħed mill-operaturi tal-ajruporti hija irrilevanti, peress li, fi kwalunkwe każ, minn naħa, l-imsemmija operaturi impenjaw ruħhom kuntrattwalment mal-kumpanniji tal-ajru biss bil-garanzija tar-Reġjun Awtonomu li huma kienu ser jirċievu l-fondi korrispondenti mingħand din tal-aħħar u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tonqos milli tispjega liema kuntratt konkluż f’dan il-kuntest ma tax lok għal finanzjament mir-Reġjun Awtonomu minħabba l-eżawriment tal-baġit inizjalment iffissat mir-Reġjun Awtonomu.

125    Il-kontroll tar-Reġjun Awtonomu fuq il-kontenut u l-portata tal-inizjattivi tal-operaturi tal-ajruporti huwa kkorroborat minn dawn tal-aħħar stess. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, GEASAR indikat li kienet innegozjat il-proposti għal attivitajiet ta’ marketing, mal-kumpanniji tal-ajru li wieġbu għas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess li dan l-operatur tal-ajruport kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-pjan ta’ marketing għat-turiżmu mfassal mir-Reġjun Awtonomu fost l-istrumenti ta’ ppjanar tagħha. Min-naħa tagħha, SOGAER sostniet, kif jirriżulta mill-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-imsemmi reġjun kien jipprovdi kumpens li kien sempliċement mgħoddi mill-operatur tal-ajruport, u dan “bħala parti minn pjan deċiż, iffinanzjat u mmonitorjat mir-Reġjun [Awtonomu]”.

126    Huwa minnu li, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-Liġi Nru 10/2010 ma kinitx issemmi l-azzjonijiet speċifiċi li kellhom jiġu proposti mill-operaturi tal-ajruporti fil-pjanijiet ta’ attivitajiet, u lanqas ma kienet tidentifika liema kumpanniji tal-ajru kellhom jiġu involuti. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li l-prinċipji ġenerali, stabbiliti fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 u li kellhom jiġu osservati fil-preparazzjoni tal-pjanijiet ta’ attivitajiet, ma jistgħux jitqiesu li huma “speċifikazzjonijiet iddettaljati” dwar it-trasferiment ta’ fondi speċifiċi lill-kumpanniji tal-ajru.

127    Fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li, effettivament, l-inizjattiva li jiġu ppreżentati pjanijiet ta’ attivitajiet lir-Reġjun Awtonomu bil-għan li jintalbu l-fondi previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kif ukoll l-għażla tal-kumpanniji tal-ajru kontraenti kienu jaqgħu formalment fuq l-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari sa fejn, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-Liġi Nru 10/2010 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha ma kinux isemmu b’isimhom kumpanniji tal-ajru li magħhom kellhom neċessarjament jidħlu f’relazzjoni kummerċjali. Madankollu, ladarba ttieħdet mill-operaturi tal-ajruporti d-deċiżjoni li jipparteċipaw fil-programm ta’ finanzjament stabbilit mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fid-definizzjoni tal-pjanijiet tal-operat tagħhom u fl-għażla tal-fornituri kontraenti tnaqqas b’mod sinjifikattiv mill-kriterji u mid-direttivi ddefiniti mir-Reġjun Awtonomu.

128    B’mod partikolari, ir-riferiment, fl-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 10/2010, għall-kuntratti li għandhom jiġu prodotti mill-operaturi tal-ajruporti u r-riferiment, fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, għall-każijiet li fihom il-pjanijiet ta’ attivitajiet jitwettqu minn kumpanniji tal-ajru jikkonfermaw, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li r-Reġjun Awtonomu kien jinċentiva lill-operaturi tal-ajruporti sabiex jużaw kumpanniji tal-ajru, peress li dawn huma l-uniċi entitajiet li jistgħu jimpenjaw ruħhom mal-kumpanniji tal-ajru dwar il-ftuħ jew iż-żamma ta’ rotot tal-ajru, il-frekwenzi tagħhom u miri fir-rigward ta’ passiġġieri, u li l-imsemmi reġjun kien jiddeċiedi liema rotot tal-ajru jitqiesu li huma eliġibbli. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ marketing, ir-Reġjun Awtonomu għamel distinzjoni bejn dawk li jiġu offruti minn kumpanniji tal-ajru, ħaġa li tikkonferma l-użu neċessarju ta’ tali kumpanniji mill-operaturi tal-ajruporti, u dawk li jiġu offruti minn fornituri differenti minn kumpanniji tal-ajru, liema kumpanniji, kif issostni l-Kummissjoni, ma humiex inkwistjoni f’dan il-każ u l-eżistenza tagħhom, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-kwistjoni jekk il-fondi rċevuti mir-rikorrenti kinux joriġinaw mill-baġit tar-Reġjun Awtonomu u kinux imputabbli lilu.

129    Billi jikkontrolla strettament, upstream, il-pjanijiet ta’ attivitajiet ippreżentati mill-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari r-rotot tal-ajru kkonċernati u s-servizzi ta’ marketing previsti, kif ukoll, downstream, l-ammonti inkorsi mill-operaturi tal-ajruporti għar-remunerazzjoni tal-imsemmija servizzi offruti mill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-promozzjoni tal-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika, ir-Reġjun Awtonomu assuma kontroll suffiċjenti, fuq l-aġir kuntrattwali tal-operaturi tal-ajruporti li ddeċidew li jitolbu l-miżuri ta’ finanzjament previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, sal-punt li għandu jitqies li l-imsemmi aġir kien imputabbli lilu.

130    Barra minn hekk, fid-Deċiżjonijiet tar-Reġjun Awtonomu Nru 300 u Nru 322, tas-16 ta’ Ġunju 2014 u tat-13 ta’ Ġunju 2013, rispettivament, li jiffissaw l-ammonti annwali definittivi, ir-Reġjun Awtonomu qies li “l-intervent previst fil-Liġi [Nru 10/2010] [twettaq] permezz tal-operaturi tal-ajruporti, li [kellhom] ir-rwol ta’ intermedjarji u ta’ prekursuri operattivi tat-trasferiment ta’ riżorsi lill-kumpanniji tal-ajru, skont ir-rotta ddeterminata mir-Reġjun stess, kif stabbilita mil-Liġi [Nru 10/2010] iċċitata iktar ’il fuq u l-miżuri ta’ implimentazzjoni” (che l’intervento di cui alla LR. n. 10/2010 si realizza attraverso le societa di gestione aeroportuale, che fungono da tramiti operativi e da soggetti anticipatori del trasferimento di risorse a favore dei vettori, secondo il percorso dalla Regione stessa disegnato con la sopraccitata legge regionale n. 10/2010 e con e delibere di attuazione della stessa) u li “il-kumpanniji tal-ajru għandhom jitqiesu li huma d-destinatarji reali u uniċi tal-flussi ta’ riżorsi finanzjarji skont il-Liġi [Nru 10/2010]” (che i vettori debbano considerarsi i reali ed unici destinatari dei flussi delle risorse di cui alla predetta legge regionale).

131    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-preambolu tal-kuntratt Nru 25/2011 jipprova, b’mod ċar, il-portata tal-kontroll eżerċitat mir-Reġjun Awtonomu, peress li, fil-fatt, jispeċifika li kien “[k]onformement mad-direttivi ppubblikati mir-Reġjun [Awtonomu li] SOGAER [kienet] fasslet pjan ta’ attivitajiet li jiddeskrivi l-istrateġija u l-azzjonijiet li [kellhom jiġu] implimentati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żvilupp u ta’ konsolidazzjoni tat-traffiku” u li “[i]l-finanzjament tal-pjan ta’ attivitajiet [kien] suġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Kunsill Reġjonali skont l-Artikolu 3(3) tal-Liġi [Nru 10/2010]”.

132    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata awtonomija deċiżjonali tal-operaturi tal-ajruporti fid-definizzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru kontraenti abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża għandu jiġi miċħud bħala infondat.

133    Iċ-ċirkustanza, allegata mir-rikorrenti, li ċerti pjanijiet ta’ attivitajiet sottomessi mill-operaturi tal-ajruporti kienu jinkludu kalkoli ddettaljati tal-bilanċ bejn il-kumpens li kellu jitħallas lil terzi, f’dan il-każ lill-kumpanniji tal-ajru, u l-vantaġġi ekonomiċi mistennija mis-servizzi pprovduti mill-kumpanniji tal-ajru ma tipprovax li dawn aġixxew bil-għan li jimmassimizzaw l-investimenti tagħhom. Fil-fatt, il-kumpens inkwistjoni, li huwa s-suġġett tal-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx jikkostitwixxi investiment tal-imsemmija operaturi tal-ajruporti mill-fondi tagħhom stess, iżda biss investiment magħmul, fl-aħħar mill-aħħar, f’isem u għan-nom tar-Reġjun Awtonomu, li kien qiegħed jaġixxi bil-għan tal-iżvilupp ekonomiku ta’ Sardegna, b’mod partikolari billi jżid il-frekwenza tar-rotot tal-ajru lejn il-gżira u n-numru ta’ passiġġieri.

134    Huwa minnu li l-operaturi tal-ajruporti kellhom interess li jipparteċipaw, bħala intermedjarji, fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, peress li t-twettiq mill-kumpanniji tal-ajru tal-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ frekwenza tar-rotot tal-ajru u ta’ miri fir-rigward ta’ volum ta’ passiġġieri kif ukoll il-provvista tas-servizzi ta’ marketing tagħhom kellhom l-effett li jżidu l-frekwentazzjoni tal-ajruporti kkonċernati u, neċessarjament, id-dħul mill-ajruporti u mhux mill-ajruporti tal-operaturi tagħhom. Madankollu, dan xejn ma jnaqqas mill-fatt li l-prezz kuntrattwali previst għal dawn is-servizzi tal-kumpanniji tal-ajru u li huwa s-suġġett tal-obbligu ta’ rimbors skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġie finanzjarjament sostnut mir-Reġjun Awtonomu u mhux mill-operaturi tal-ajruporti. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, għal ċerti kuntratti li ma kinux jipprevedu klawżola riżoluttiva bħal dik li tinsab fil-kuntratt Nru 25/2011, ċerti operaturi tal-ajruporti seta’ kellhom iħallsu ammont residwu lil ċerti kumpanniji tal-ajru meta ma setgħux jiksbu r-rimbors totali tal-ammonti mħallsa bil-quddiem minħabba l-adozzjoni, matul l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti, tad-deċiżjoni tar-Reġjun Awtonomu li tiġi sospiża l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, minn naħa, proporzjon kbira ferm tal-kuntratti ġiet iffinanzjata mir-Reġjun Awtonomu. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, dawn l-ammonti residwi ma kinux jagħmlu parti mill-ammonti kkalkolati mill-Kummissjoni bħala li jikkostitwixxu vantaġġ favur il-kumpanniji tal-ajru.

135    Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 10/2010 kien jagħmel riferiment espress għall-produzzjoni ta’ kuntratti mill-operaturi tal-ajruporti filwaqt li d-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tirreferi għall-produzzjoni ta’ rapporti kull tliet xhur u ta’ dokumenti relatati mal-attivitajiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tqis, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-Reġjun Awtonomu seta’ jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tiegħu, kif stabbiliti fil-Liġi Nru 10/2010 u fil-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha, tal-kuntratti ta’ servizzi konklużi mal-kumpanniji tal-ajru mill-operaturi tal-ajruporti u li kellhom jiġu prodotti minn dawn tal-aħħar lir-Reġjun Awtonomu, tal-inqas bil-għan li jiksbu l-aħħar porzjon ta’ finanzjament.

136    F’dak li jirrigwarda l-obbligu għall-operaturi tal-ajruporti, kif previst b’mod partikolari fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, li jistabbilixxu, f’dak li jirrigwarda l-pjanijiet ta’ attivitajiet stabbiliti mill-kumpanniji tal-ajru, sistema ta’ sanzjonijiet intiża li tevita li dawn tal-aħħar jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-frekwenzi tar-rotot tal-ajru, tan-numru ta’ passiġġieri u tan-numru ta’ postijiet tal-passiġġieri offruti, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-introduzzjoni mill-operaturi tal-ajruporti tal-imsemmija klawżoli fil-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru ma kinitx tirrifletti l-eżistenza ta’ riskju kummerċjali li l-imsemmija operaturi kienu qegħdin ifittxu li jilqgħu għalih sabiex jipproteġu l-investimenti tagħhom. Fil-fatt, kif ikkonfermaw l-operaturi tal-ajruporti stess, l-investimenti inkwistjoni twettqu biss bil-perspettiva li jinkiseb ir-rimbors sussegwenti u sħiħ tagħhom mir-Reġjun Awtonomu.

137    Għaldaqstant, l-introduzzjoni tal-imsemmija klawżoli penali fil-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru msieħba hija spjegata, fuq kollox, mir-rieda tal-operaturi tal-ajruporti li josservaw l-obbligi tagħhom, kif previsti fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, sabiex jiżguraw li jiksbu effettivament il-finanzjament mitlub mingħand ir-Reġjun Awtonomu u li huma kienu ħallsu bil-quddiem b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti. Mill-perspettiva tal-interess tar-Reġjun Awtonomu u kif issostni l-Kummissjoni, l-obbligu impost fuq l-operaturi tal-ajruporti li jipprevedu mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet kien intiż li jipproteġi l-investiment pubbliku, billi jiggarantixxi li l-fondi mogħtija jintużaw korrettament u jagħtu lok għas-servizzi mistennija bil-għan li jiġi promoss it-turiżmu f’Sardegna. Dan japplika wkoll għall-mekkaniżmu ta’ segwitu, f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni mill-operaturi tal-ajruporti lir-Reġjun Awtonomu kemm ta’ rapporti kull tliet xhur kif ukoll tad-dokumenti kollha ta’ kontabbiltà u kuntrattwali ta’ sostenn bil-għan li jinkisbu l-aħħar porzjonijiet ta’ ħlas tal-finanzjament offrut mill-imsemmi reġjun.

138    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni la wettqet żball ta’ liġi u lanqas, b’mod partikolari, ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, fil-premessi 355 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi tal-ajruporti setgħu jitqiesu li kienu intermedjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru, li ttrasferixxew it-totalità tal-fondi rċevuti mir-Reġjun Awtonomu u li b’dan il-mod aġixxew skont l-istruzzjonijiet irċevuti mill-imsemmi reġjun permezz tal-pjanijiet ta’ attivitajiet approvati minn dan tal-aħħar.

139    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-attivitajiet 1 u 2 kienu jikkorrispondu għal riżorsi tal-Istat u li kienu imputabbli lill-Istat Taljan.

140    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv u, konsegwentement, l-ewwel motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-riċezzjoni ta’ vantaġġ mill-kumpanniji tal-ajru

141    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tiżviluppa, essenzjalment, erba’ partijiet li permezz tagħhom hija tfittex li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, l-ewwel nett, li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet tikkostitwixxi “skema ta’ għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 249, p. 9); it-tieni nett, li r-Reġjun Awtonomu ma kienx aġixxa skont il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq; it-tielet nett, li ma kienx possibbli li jiġi applikat il-prinċipju tal-investitur privat wkoll għar-relazzjoni finanzjarja bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru u, ir-raba’ nett, li l-operaturi tal-ajruporti ma kienu rċevew ebda vantaġġ indebitu mir-Reġjun Awtonomu b’eżekuzzjoni tal-Liġi Nru 10/2010.

142    Għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-ewwel parti tat-tieni motiv, u sussegwentement, flimkien, it-tieni u t-tielet parti tiegħu, qabel ma tiġi evalwata r-raba’ u l-aħħar parti tal-imsemmi motiv.

a)      Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad-definizzjoni ta’ “skema ta’ għajnuna” prevista fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589

143    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-klassifikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-miżuri kontenzjużi bħala “skema ta’ għajnuna” għar-raġuni li hija bbażat ruħha fuq applikazzjoni żbaljata tad-definizzjoni prevista fl-ewwel ipoteżi koperta mill-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 bħala “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt”. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx, f’dan il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 bħala komponenti tal-imsemmija skema, għaliex dan ikun jammonta għall-possibbiltà li hija tevita l-problema marbuta mal-fatt li din il-liġi kienet teħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra sabiex tkun tista’ tiġi implimentata. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ implimentazzjoni adottati mill-Istat Membru kkonċernat u, b’mod partikolari, il-konklużjoni li tinsab fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant żbaljata.

144    Ir-rikorrenti tqis li l-kundizzjoni li ma jkunux “meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra” inqas u inqas ġiet issodisfatta f’dan il-każ peress li r-Repubblika Taljana, wara n-notifika tal-miżuri kontenzjużi, kompliet tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni bħalma huma l-Liġi Reġjonali Nru 15, tas-7 ta’ Awwissu 2012, id-Deċiżjoni Nru 649, tat-2 ta’ Ottubru 2012, u d-Deċiżjoni Nru 4/34, tal-5 ta’ Frar 2014, li jissemmew fil-premessi 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata u ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni bħala komponenti tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

145    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, il-Liġi Nru 10/2010 ma tiddefinixxix il-kumpanniji tal-ajru bħala benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna individwali “b’mod ġenerali u astratt”, peress li, għall-kuntrarju, kemm din il-liġi kif ukoll il-miżuri ta’ implimentazzjoni ma jsemmux it-terminu “kumpannija tal-ajru”. Hija biss id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 li ssemmi benefiċjarji tal-finanzjamenti, jiġifieri l-ajruporti ta’ Sardegna ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas, ta’ Olbia, ta’ Oristano u ta’ Tortoli, u dan jikkonferma li dawn tal-aħħar kienu l-uniċi benefiċjarji tal-miżuri kontenzjużi.

146    Ir-rikorrenti tikkonkludi li, peress li l-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tevalwa skema ta’ għajnuna adottata mir-Reġjun Awtonomu, hija messha eżaminat il-miżuri kontenzjużi fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna – li r-rikorrenti tikkontesta – kienet teskludi li l-kuntratti konklużi bejn l-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru jistgħu jiġu eżaminati individwalment minnha, inkluż fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat ġiet eżaminata f’diversi kawżi li jqiegħdu fid-dubju skemi ta’ għajnuna, bħal-leġiżlazzjoni Taljana msejħa “Prodi”, li tistabbilixxi proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja għall-impriżi kbar f’diffikultà fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579), u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313).

147    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda bħala infondata, billi tqis li r-rikorrenti tiżbalja fir-rigward tad-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna. Fil-fatt, huwa essenzjali li, fl-imsemmija skema, il-benefiċjarji jiġu ddefiniti b’mod ġenerali u astratt. Madankollu, meta dan ma jkunx iktar il-każ, dan ikun biss għaliex, skont il-Kummissjoni, tkun qiegħda mbagħad isseħħ l-applikazzjoni stess ta’ din l-iskema. F’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna kienet ikkostitwita kemm mil-Liġi Nru 10/2010 kif ukoll minn diversi atti ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, skema ta’ għajnuna tista’ titqies fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Dan ikun il-każ meta l-Istat iżomm u jikkontrolla l-benefiċjarji kollha ta’ tali skema. Madankollu, dan manifestament ma japplikax f’dan il-każ, inqas u inqas peress li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tfittex espressament li tilħaq għanijiet ta’ politika pubblika.

148    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, “skema ta’ għajnuna” għandha tfisser “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt”. Peress li, bi tweġiba għal-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni qablet li t-tieni definizzjoni tal-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna, kif prevista f’din id-dispożizzjoni, ma kinitx applikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kinitx effettivament tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tal-ewwel ipoteżi koperta mill-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

149    F’dak li jirrigwarda din id-definizzjoni, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, l-ewwel nett, li, sa fejn l-għajnuna individwali tingħata mingħajr l-intervent ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, l-elementi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandhom jirriżultaw neċessarjament mid-dispożizzjonijiet identifikati bħala l-bażi tal-imsemmija skema. It-tieni nett, meta l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw l-imsemmija skema, huma ma għandux ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha. Fil-fatt, sabiex l-eżistenza ta’ tali miżuri ta’ implimentazzjoni tiġi eskluża, is-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali għandha tkun limitata għal applikazzjoni teknika tad-dispożizzjonijiet meqjusa li jikkostitwixxu l-iskema inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara li jiġi vverifikat li l-applikanti jissodisfaw il-kundizzjonijiet preliminari sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema. It-tielet nett, mill-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li l-atti li fuqhom tkun ibbażata l-iskema ta’ għajnuna għandhom jiddefinixxu l-benefiċjarji b’mod ġenerali u astratt, anki jekk l-għajnuna mogħtija lilhom tibqa’ indeterminata (sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Il-Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni, T‑131/16 u T‑263/16, taħt appell, EU:T:2019:91, punti 86 sa 88).

150    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-konsegwenza tal-klassifikazzjoni, bħala skema ta’ għajnuna, ta’ serje ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru hija li, inkluż sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv ta’ din l-istituzzjoni, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, jekk, minħabba l-modalitajiet previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tagħtix vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u hijiex ta’ natura li tibbenefika essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna, f’dan il-każ fuq livell nazzjonali, li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri nnotifikati kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 għar-raġuni li, “abbażi tal-qafas legali deskritt fit-Taqsima 2 [tad‑]Deċiżjoni [kkontestata], mingħajr ma jiġu implimentati miżuri oħrajn li huma meħtieġa flimkien ma’ dawk diġà deskritti, għotjiet individwali ta’ għajnuna [se]tgħu jsiru lil impriżi (bħal linji tal-ajru) iddefiniti skont il-Liġi 10/2010 b’mod ġenerali u astratt (jiġifieri l-ebda kumpanija individwali ma [kienet] indikata)”.

152    Il-qafas ġuridiku inkwistjoni huwa dak li jinsab taħt it-taqsima intitolata “2.3 Il-qafas ġuridiku” tad-deċiżjoni kkontestata u li jinkludi l-elementi li ġejjin: l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010; id-Digriet Reġjonali Nru 122/347, tas-17 ta’ Mejju 2010, li jispeċifika li l-ammonti ddefiniti mil-Liġi Nru 10/2010 għandhom jitħallsu mill-baġit reġjonali; id-Deċiżjonijiet Reġjonali Nru 29/36, Nru 43/37 u Nru 52/117; il-Liġi Reġjonali Nru 1, tad-19 ta’ Jannar 2011, li naqqset il-kontribuzzjonijiet li kellhom jingħataw mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti għal EUR 21 100 000 għall-2011 u EUR 21 500 000 għall-2012 u għall-2013, rispettivament; il-Liġi Reġjonali Nru 12, tat-30 ta’ Ġunju 2011, li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ avvanzi finanzjarji li għandu jiġi operat permezz tal-kostituzzjoni ta’ fond finanzjarju ad hoc fi SFIRS u kif emendata bil-Liġi Reġjonali Nru 15, tas-7 ta’ Awwissu 2012, u implimentata bid-Deċiżjoni Nru 694, tat-2 ta’ Ottubru 2012, kif ukoll, fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni Nru 4/34, tal-5 ta’ Frar 2014, li timmodifika l-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet reġjonali għas-sena 2013 sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet reġjonali deċiż fil-kuntest tal-baġit tar-Reġjun Awtonomu skont il-Liġi 10/2010 u l-ispejjeż effettivament imġarrba mill-operaturi tal-ajruporti.

153    F’dan ir-rigward, qabelxejn, kif tenfasizza r-rikorrenti, huwa minnu li l-Kummissjoni inkludiet, fil-qafas ġuridiku li, skontha, jikkostitwixxi l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, testi adottati mir-Reġjun Awtonomu wara n-notifika, mir-Repubblika Taljana, tal-miżura li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

154    Madankollu, jista’ preċiżament jiġri li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, elementi ġodda jiġu f’idejn il-Kummissjoni jew li l-analiżi tagħha tevolvi meta mqabbla mad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, fil-każ li l-Kummissjoni tinduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tbiddel il-pożizzjoni tagħha, billi tadotta deċiżjoni ta’ rettifika (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni, T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, EU:T:2011:493, punt 71). Tali deċiżjoni madankollu ma tkunx iġġustifikata meta l-kuntest tal-eżami ddefinit fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jkunx ġie mmodifikat b’mod sinjifikattiv u jekk il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jikkostitwixxu l-bażi tar-raġunament tal-Kummissjoni jibqgħu essenzjalment l-istess (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, Franza u Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV, EU:T:2015:450, punt 134).

155    F’dan il-każ, minn naħa, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u fid-dati li fihom il-partijiet interessati, fosthom ir-rikorrenti, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, l-atti msemmija mir-rikorrenti u li ma kinux jissemmew fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, jiġifieri l-Liġi Reġjonali Nru 15, tas-7 ta’ Awwissu 2012, id-Deċiżjoni Nru 694, tat-2 ta’ Ottubru 2012, u d-Deċiżjoni Nru 4/34, tal-5 ta’ Frar 2014, kienu diġà ġew adottati u kienu fis-seħħ. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, mill-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-perijodu kollu ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu progressivament naqqas l-ammonti inizjalment impenjati għall-finanzjament tal-imsemmija skema. Issa, it-testi li għalihom tirreferi r-rikorrenti huma preċiżament dawk li permezz tagħhom l-imsemmija ammonti ġew immodifikati, mingħajr ma tbiddlet il-qalba tal-mekkaniżmu. Għalhekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, setgħet tieħu inkunsiderazzjoni dawn it-testi minkejja li kienu sussegwenti għan-notifika tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mir-Repubblika Taljana.

156    Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 adottati mir-Reġjun Awtonomu bħala komponenti tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 ma teskludix il-possibbiltà li jiġu kklassifikati serje ta’ dispożizzjonijiet ġenerali u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom bħala skema ta’ għajnuna. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-assenza ta’ ħtieġa, għall-finijiet li tingħata l-għajnuna lill-benefiċjarji individwali, li jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni “oħra”.

157    Issa, f’dan il-każ, l-għoti tal-finanzjament mill-Eżekuttiv tar-Reġjun Awtonomu ma kienx jiddependi mill-adozzjoni mill-imsemmi Reġjun Awtonomu ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni “oħra” minbarra dawk diġà adottati u elenkati fit-Taqsima 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata.

158    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ attivitajiet u l-konklużjoni tal-kuntratti individwali bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ma kinux jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni “oħra” tal-iskema ta’ għajnuna, iżda kienu diġà jaqgħu taħt l-implimentazzjoni individwalizzata ta’ din l-iskema, jiġifieri l-għoti individwali tal-għajnuna, fl-ewwel stadju lill-persuni riċeventi immedjati, l-operaturi tal-ajruporti, u sussegwentement, fit-tieni stadju, lill-benefiċjarji finali, il-kumpanniji tal-ajru.

159    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li t-testi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħala komponenti tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienu jiddefinixxu l-elementi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u kienu jippermettu l-għoti tal-għajnuna individwali mingħajr l-intervent ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, sakemm jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet previsti minn dawn it-testi, li kien jimplika, b’mod partikolari, minn naħa, l-approvazzjoni mir-Reġjun Awtonomu tal-pjanijiet ta’ attivitajiet tal-operaturi tal-ajruporti li jiddefinixxu l-miżuri ta’ promozzjoni tar-reġjun ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-ħlas lill-operaturi tal-ajruporti tal-ammonti mħallsa bil-quddiem minnhom fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti li huma kienu kkonkludew, f’din il-perspettiva, mal-kumpanniji tal-ajru, il-produzzjoni lir-Reġjun Awtonomu tal-imsemmija kuntratti u tad-dokumenti ta’ kontabbiltà li jiġġustifikaw l-ispejjeż inkorsi.

160    Mid-dispożizzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni bħala li jikkostitwixxu l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża jirriżulta wkoll li, meta l-awtoritajiet nazzjonali, jiġifieri l-Eżekuttiv tar-Reġjun Awtonomu, applikaw l-imsemmija skema, huma ma kellhomx marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha. Fil-fatt, jidher li l-baġits annwali kienu inizjalment previsti fil-Liġi Nru 10/2010, li ġew aġġustati matul l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu kontenzjuż u li d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Nru 29/36, kienu jipprevedu kriterji ta’ tqassim tal-fondi bejn l-operaturi tal-ajruporti meta l-ammonti mitluba minnhom kienu jeċċedu l-ammont globali previst, filwaqt li għandu jitqies li, effettivament, ir-Reġjun Awtonomu ma kellux għalfejn japplika l-imsemmija kriterji u rrimborsa, fuq talba tagħhom, kważi t-totalità tal-ammonti sostnuti mill-operaturi tal-ajruporti.

161    Għaldaqstant, fl-istadji, l-ewwel nett, tal-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ attivitajiet mill-operaturi tal-ajruporti, it-tieni nett, tal-konklużjoni tal-ftehimiet bejn dawn tal-aħħar u l-kumpanniji tal-ajru, it-tielet nett, tat-tal-preżentazzjoni, mill-imsemmija operaturi, tal-applikazzjonijiet għal finanzjament u, ir-raba’ nett, ta’ rimbors tal-ħlasijiet bil-quddiem mir-Reġjun Awtonomu, l-Eżekuttiv ta’ dan tal-aħħar sempliċement wettaq applikazzjoni teknika tad-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-iskema inkwistjoni, fejn kien il-każ wara li vverifika li l-applikanti kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema.

162    Fl-aħħar nett, kif jipprovdi l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, l-atti li fuqhom hija bbażata l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienu jiddefinixxu l-persuni riċeventi immedjati b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri l-operaturi tal-ajruporti, filwaqt li ma kinux jiddeterminaw x’kienet ser tkun l-għajnuna li kienet ser tingħata individwalment lilhom.

163    Fir-rigward tal-kumpanniji tal-ajru kontraenti, li tqiesu mill-Kummissjoni li kienu benefiċjarji finali u, għaldaqstant, reali, tal-miżuri ta’ għajnuna kontenzjużi, minn naħa u b’mod ġenerali, l-assenza ta’ identifikazzjoni formali ta’ dan it-tip ta’ benefiċjarji ma hijiex fiha nnifisha ostakolu għall-klassifikazzjoni tal-mekkaniżmu bħala “skema ta’ għajnuna”, peress li, jekk dan ikun il-każ, dan iċaħħad lil dan il-kunċett minn effett utli billi jġiegħel lill-Kummissjoni teżamina numru potenzjalment kbir ta’ benefiċjarji individwali reali, inkluż f’każijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35), tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑382/99, EU:C:2002:363), tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni (T‑445/05, EU:T:2009:50), u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233), minkejja li l-għoti tal-għajnuna lil dawn tal-aħħar ikun sar fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ġenerali.

164    Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, anki fl-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ att ġuridiku li jistabbilixxi tali skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq serje ta’ ċirkustanzi ta’ natura li jiżvelaw l-eżistenza de facto ta’ skema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punti 14 u 15). Għaldaqstant, fil-każ inkwistjoni, minkejja li l-kumpanniji tal-ajru ma kinux formalment indikati bħala benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq is-serje ta’ elementi tal-mekkaniżmu stabbilit, formalment favur l-operaturi tal-ajruporti, sabiex tikkonkludi li, de facto, kienet teżisti skema ta’ għajnuna favur il-kumpanniji tal-ajru bħala benefiċjarji reali u finali ta’ dan il-mekkaniżmu.

165    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għalkemm il-Liġi Nru 10/2010 ma ssemmix l-intervent tal-kumpanniji tal-ajru fis-sistema ta’ finanzjament previst, din madankollu kienet tagħmel riferiment għall-produzzjoni ta’ kuntratti, f’dan il-każ konklużi ma’ dawn il-kumpanniji, filwaqt li d-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tagħmel riferiment espress għan-neċessità, għall-operaturi tal-ajruporti, li jipprevedu sistema ta’ sanzjonijiet meta l-pjanijiet ta’ attivitajiet kienu stabbiliti mill-kumpanniji tal-ajru. Għaldaqstant, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet tidentifika l-kumpanniji tal-ajru b’mod ġenerali u astratt bħala partijiet interessati fis-sistema ta’ finanzjament stabbilit mir-Reġjun Awtonomu. Barra minn hekk, minkejja l-indikazzjoni, fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, tal-operaturi tal-ajruporti bħala benefiċjarji tal-miżuri adottati, ir-Reġjun Awtonomu stess irrikonoxxa, fid-Deċiżjonijiet Nru 300 u Nru 322 imsemmija iktar ’il fuq, li l-kumpanniji tal-ajru kellhom jitqiesu li kienu l-benefiċjarji reali tal-imsemmija miżuri.

166    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikklassifika s-serje ta’ dispożizzjonijiet previsti fil-premessi 35 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata bħala li jikkostitwixxu “skema ta’ għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

167    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ġġustifikatx ir-rifjut tagħha li tapplika għall-każ inkwistjoni l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għar-raġuni li tali prinċipju ma setax japplika fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Fir-rigward tal-kumplament, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti b’rabta mal-imsemmi prinċipju ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv.

168    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq it-tieni u t-tielet parti tat-tieni motiv, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu u fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti

169    Fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tapplika l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq kemm fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu kif ukoll fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob li ż-żewġ partijiet jiġu miċħuda bħala infondati.

170    Għandhom jiġu eżaminati, waħda wara l-oħra, it-tielet parti u sussegwentement it-tieni parti tat-tieni motiv.

1)      Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru

171    Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni messha eżaminat jekk il-kriterju tal-investitur privat setax japplika mhux biss fuq il-livell tad-deċiżjoni, tar-Reġjun Awtonomu, li jitqassmu fondi lill-operaturi tal-ajruporti, iżda wkoll fuq il-livell tad-deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar li jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru għas-servizzi li dawn ipprovdewlhom fil-kuntest tal-ftehimiet li huma kienu kkonkludew magħhom, b’mod partikolari għall-ajruporti ta’ Olbia u ta’ Cagliari-Elmas.

172    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-inapplikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tat-tranżazzjonijiet imwettqa bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru, għar-raġuni, essenzjalment, li l-miżuri eżaminati kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna stabbilita minn awtorità pubblika għal raġunijiet ta’ politika pubblika, li kienet tkopri diversi ajruporti, li minnhom wieħed biss kien miżmum mir-Reġjun Awtonomu, u mhux ftehim individwali bejn ajruport u kumpannija tal-ajru. Barra minn hekk, għall-Kummissjoni, kien ċar li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux aġixxew bħala operaturi f’ekonomija tas-suq meta kienu kkonkludew id-diversi kuntratti mal-kumpanniji tal-ajru. Fil-fatt, huma sempliċement implimentaw l-iskema ta’ għajnuna maħsuba mir-Reġjun Awtonomu sabiex jiżdied it-trasport bl-ajru għall-benefiċċju ġenerali tat-territorju tal-gżira ta’ Sardegna.

173    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat għar-raġuni li l-operaturi tal-ajruporti kellhom allegatament jimplimentaw skema ta’ għajnuna ġenerali, b’mod li għalhekk kien eskluż li huma setgħu jaġixxu bħala operaturi f’ekonomija tas-suq.

174    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fid-dawl tal-awtonomija tal-operaturi tal-ajruporti fl-użu tal-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu u fid-definizzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru, dan għandu jiġi miċħud għall-motivi diġà esposti iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

175    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti, iż-żewġ operaturi tal-ajruporti kkonċernati f’dan il-każ, jiġifieri dawk ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, fi kwalunkwe każ ma humiex miżmuma mir-Reġjun Awtonomu. Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, sabiex tista’ tiġi prevista l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għal tranżazzjoni finanzjarja bejn żewġ impriżi bil-għan li jsir magħruf jekk, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 345 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 29; tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punt 20, u tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑358/94, EU:T:1996:194, punt 70), din it-tranżazzjoni tissodisfax razzjonalità ekonomika li teskludi li din tista’ tagħti lok għall-għoti ta’ vantaġġ mill-ewwel impriża lit-tieni waħda, huwa neċessarju li l-ewwel impriża tkun miżmuma mill-Istat u li dan tal-aħħar jista’ jitqies li qiegħed jaġixxi bħala investitur li jistenna dħul ekonomiku ftit jew wisq fit-tul mill-investiment tiegħu.

176    F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-istabbiliment ta’ pjanijiet tal-operat mill-kumpanniji tal-ajru u/jew ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà tal-investimenti magħmula mill-operaturi tal-ajruporti, kif invokati mir-rikorrenti, jidher li, minn naħa, l-imsemmija operaturi ma kinux miżmuma mir-Reġjun Awtonomu u li, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, dawn tal-aħħar sempliċement użaw il-flus imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu sabiex jakkwistaw servizzi skont l-istruzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

177    Minn dan jirriżulta li, kif qieset ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-operaturi tal-ajruporti llimitaw ruħhom essenzjalment li jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija operaturi ma kinux miżmuma mill-Istat, it-tranżazzjonijiet imwettqa bejn il-kumpanniji tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti ma kinux intiżi li jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, minkejja li dawn it-tranżazzjonijiet twettqu permezz ta’ riżorsi tal-Istat, f’dan il-każ tar-Reġjun Awtonomu.

178    Din il-konstatazzjoni ma titqegħedx fid-dubju mill-fatt, anki jekk jitqies li ġie stabbilit, li l-operaturi tal-ajruporti rremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru wkoll mill-fondi tagħhom stess. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti tonqos milli tipprova x’ammonti ħallsu l-operaturi tal-ajruporti mill-fondi tagħhom stess mingħajr ma kisbu jew talbu r-rimbors sussegwenti tagħhom mingħand ir-Reġjun Awtonomu abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minkejja li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma r-rikorrenti tipproduċi l-prova kuntrarja, li l-operaturi tal-ajruporti użaw fondi tagħhom stess biss fi proporzjonijiet żgħar ħafna u unikament bil-għan li jissodisfaw l-impenji kuntrattwali residwi tagħhom wara s-sospensjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mir-Reġjun Awtonomu. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, dawn l-allegati investimenti tal-operaturi tal-ajruporti stess ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u ma jirriflettux teħid ta’ riskji kummerċjali sinjifikattiv b’rabta mal-użu tal-fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu.

179    Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-kumpanniji tal-ajru ntgħażlu biss sabiex l-operaturi tal-ajruporti jirċievu l-finanzjamenti reġjonali intiżi li jirremuneraw is-servizzi tagħhom. Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni b’mod partikolari waqt is-seduta, ma huwiex probabbli li, fl-assenza tal-finanzjament mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti kien ikollhom fondi suffiċjenti, f’dan il-każ għexieren ta’ miljuni ta’ euro, sabiex iwettqu akkwisti ta’ tali portata, mingħand kumpanniji tal-ajru, ta’ obbligi li jiftħu rotot tal-ajru u li jilħqu miri ta’ traffiku ta’ passiġġieri kif ukoll ta’ servizzi ta’ marketing. Għaldaqstant, anki jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-operaturi tal-ajruporti setgħu jibbenefikaw, minħabba l-effetti pożittivi tas-servizzi pprovduti mill-kumpanniji tal-ajru abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minn effetti indiretti ta’ żieda fir-riżorsi tagħhom mill-ajruporti u mhux mill-ajruporti, dan ma jippermettix li jitqies li l-kuntratti li huma kkonkludew mal-imsemmija kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża setgħu jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat.

180    F’dak li jirrigwarda l-operatur tal-ajruport ta’ Alghero, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti u kif ġie kkonstatat qabel, il-Kummissjoni la eżaminat il-miżuri implimentati favur dan l-ajruport abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma eżaminathom fid-deċiżjoni “Alghero”. Barra minn hekk, il-fatt li, f’dak li jirrigwarda kuntratti ta’ marketing konklużi mill-operatur tal-ajruport ta’ Alghero, li huma analogi għal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li wħud kienu jaqgħu taħt il-prinċipju tal-investitur privat, għaliex l-imsemmija ftehimiet tqiesu li kienu profittabbli għall-imsemmi ajruport, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jipprova l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-prinċipju tal-investitur privat fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. Fil-fatt, minn naħa, l-operatur tal-ajruport ta’ Alghero huwa miżmum mir-Reġjun Awtonomu, li ma huwiex il-każ tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni “Alghero”, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq il-movimenti finanzjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu, l-operatur tal-ajruport ta’ Alghero u l-kumpanniji tal-ajru kontraenti ma’ dan tal-aħħar, mhux f’dak li jirrigwarda l-movimenti li saru abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, iżda biss f’dak li jirrigwarda dawk li jirriżultaw minn kuntratti preċedenti għall-imsemmija skema ta’ għajnuna.

181    Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, ir-rikorrenti tiżbalja meta tafferma li d-deċiżjoni “Alghero” tikkonferma li l-Kummissjoni ma setgħetx teżamina l-miżuri kontenzjużi bħala skema ta’ għajnuna meta, għal wieħed mill-ajruporti benefiċjarji, hija allegatament eżaminat – li ma huwiex il-każ – il-finanzjamenti li dan kien kiseb mingħand ir-Reġjun Awtonomu bħala miżura individwali u fl-aħħar mill-aħħar ikkonkludiet li dawn ma kinux għajnuna f’ċerti każijiet.

182    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2)      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għad-deċiżjonijiet tar-Reġjun Awtonomu

183    F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li hija s-suġġett tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti qabelxejn tilmenta li l-Kummissjoni eskludiet l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat għar-raġuni li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Istat Membru kkonċernat ma invokax dan il-kriterju sabiex jipprova l-kompatibbiltà tal-miżura tiegħu mas-suq intern. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, li jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-miżura kontenzjuża ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, anki meta dan ma jkunx invokat mill-Istat Membru inkwistjoni. B’mod partikolari, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiżbalja fir-rigward tal-portata tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 104), b’mod partikolari għaliex, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret l-obbligu għall-Kummissjoni li teżamina l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju meta dan jiġi invokat mill-Istat Membru kkonċernat, iżda dik il-qorti ma ddeċidietx dwar il-każ oppost, bħal dak ta’ dan il-każ, li fih l-Istat Membru inkwistjoni ma jallegax l-imsemmi prinċipju insostenn tal-miżura tiegħu.

184    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li applikat il-ġurisprudenza korrettament, peress li r-Repubblika Taljana ma invokatx il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq u peress li lanqas ma kien jidher li dan il-prinċipju seta’ jkun applikabbli f’każ li fih ir-Reġjun Awtonomu kien qiegħed ifittex li jilħaq għanijiet ta’ politika pubblika ġenerali ta’ natura ekonomika, li kienu jikkonsistu f’li jiġu attirati iktar turisti, ħaġa li ma tistax taqa’ taħt l-għan ta’ investitur privat. Fil-fatt, id-dħul mistenni mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kkonsistiex f’żieda f’dividendi, fi qligħ kapitali jew fi kwalunkwe forma oħra ta’ profitt finanzjarju, iżda biss fi stimulazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tal-gżira ta’ Sardegna, inkluż fil-ħolqien ta’ impjiegi.

185    F’dan ir-rigward, kif fakkret ġustament ir-rikorrenti, il-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru. Fil-fatt, dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, huwa fost l-elementi li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna. Konsegwentement, meta jkun jidher li l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq jista’ jkun applikabbli, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju humiex issodisfatti u hija tista’ tirrifjuta li teżamina tali informazzjoni biss jekk il-provi prodotti jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li titwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 103 u 104).

186    Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq l-assenza ta’ invokazzjoni mir-Repubblika Taljana tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq sabiex tispjega l-evalwazzjoni tagħha dwar l-assenza ta’ possibbiltà li tiġi ġġustifikata l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fid-dawl tal-imsemmi prinċipju.

187    Fil-fatt, fil-premessi 380 sa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabelxejn osservat li r-Repubblika Taljana ma kinitx issuġġerixxiet l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu; li xejn ma kien jindika li r-Reġjun Awtonomu aġixxa skont dan il-prinċipju meta kien stabbilixxa l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li kien ċar li, permezz tal-istabbiliment tal-imsemmija skema, huwa kien fittex li jilħaq għanijiet ta’ politika pubblika, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-ekonomija reġjonali billi jiġu attirati iktar turisti, iktar milli jikseb profitti fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju. Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti u tar-Reġjun Awtonomu sabiex tikkonkludi li dan ma kienx japplika f’dan il-każ.

188    Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti, dwar allegata assenza ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-applikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

189    Sussegwentement, ir-rikorrenti tqis li hija żbaljata l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha r-Reġjun Awtonomu ma aġixxiex bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq, għaliex, dejjem skont il-Kummissjoni, l-imsemmija awtorità reġjonali fittxet li tilħaq għanijiet ta’ politika pubblika, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-ekonomija reġjonali billi jiġu attirati iktar turisti, iktar milli tikseb profitti fil-kwalità tagħha ta’ proprjetarja tal-ajruport.

190    Madankollu, f’dan il-każ, peress li r-Reġjun Awtonomu ma jżommx l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, li huma biss inkwistjoni fil-każ tar-rikorrenti, ma jistax jitqies li dan tal-aħħar aġixxa bħala investitur. Għall-kuntrarju, jidher li r-Reġjun Awtonomu stabbilixxa l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża unikament għall-finijiet tal-iżvilupp ekonomiku tal-gżira ta’ Sardegna.

191    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi, b’mod partikolari fil-premessi 380 sa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx obbligata tanalizza jekk, permezz tal-finanzjament li kien is-suġġett tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu kienx wettaq investiment paragunabbli ma’ dak ta’ investitur privat. Għaldaqstant, hija setgħet tqis li l-analiżijiet ex ante tal-profittabbiltà ekonomika tal-kuntratti ta’ servizzi konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u r-rikorrenti ma kinux rilevanti, peress li, f’dan il-każ, ir-Reġjun Awtonomu, li aġixxa esklużivament bħala awtorità pubblika, ma setax jistenna dividendi, qligħ kapitali jew kwalunkwe forma oħra ta’ profitt paragunabbli ma’ dak li jikseb investitur privat. Fuq dan il-punt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eventwali żieda fir-riżorsi fiskali ta’ entità pubblika, bħar-Reġjun Awtonomu, minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ politika pubblika, ma tistax tiġi assimilata, u lanqas ma tista’ tiġi pparagunata, mal-qligħ li investitur privat jistenna mill-investimenti tiegħu.

192    Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat ġustament li l-ftehim konkluż bejn SOGAER u r-rikorrenti kien tabilħaqq jipprevedi żieda fid-dħul tal-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas ta’ madwar EUR 3 miljun, iżda li din iż-żieda ma kinitx favur ir-Reġjun Awtonomu, peress li dan tal-aħħar ma kienx iżomm lil SOGAER. Hija enfasizzat li, għall-kuntrarju, l-effett mistenni fuq it-turiżmu kien, min-naħa tiegħu, stmat għal EUR 47 miljun u, meta akkumulat ma’ effetti indiretti u sekondarji oħra, għal EUR 139 miljun. Issa, kif issostni l-Kummissjoni, dan il-vantaġġ li r-Reġjun Awtonomu seta’ jistenna u jikseb bħala awtorità pubblika ma huwiex paragunabbli ma’, u ma huwiex tal-istess natura bħal, vantaġġ finanzjarju li operatur jistenna minn wieħed mill-investimenti tiegħu. Fil-fatt, hawnhekk huma inkwistjoni benefiċċji makroekonomiċi mistennija mill-intervent pubbliku fil-kuntest ta’ politika ekonomika, li ma jaqax taħt il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, iżda taħt il-prinċipji ta’ razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku.

193    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jfittex li jitqies li r-Reġjun Awtonomu, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża adottata fil-kuntest ta’ politika ekonomika ġenerali, aġixxa bħala investitur privat b’mod li tkun iġġustifikata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq.

194    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, sabiex jiġu evalwati korrettament il-miżuri kontenzjużi fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat, il-Kummissjoni messha eżaminat jekk ir-Reġjun Awtonomu kellux verament bżonn li jżid it-traffiku tal-ajru ta’ passiġġieri permezz ta’ ftehimiet ta’ marketing bejn l-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru u jekk, meta huwa fittex li jissodisfa dan il-bżonn bħala operatur tal-ajruport f’Alghero u f’Cagliari, ħallasx prezz li kien jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq kif kien jagħmel kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor, b’mod partikolari sabiex jiżviluppa s-settur tal-avjazzjoni tiegħu, iżda wkoll sabiex jiżgura konnettività bl-ajru ikbar, il-promozzjoni tal-gżira bħala destinazzjoni turistika, aġġustamenti staġjonali u ż-żieda fid-dħul tiegħu permezz taż-żieda fid-dħul mill-ajruporti. Barra minn hekk, is-servizzi pprovduti mill-kumpanniji tal-ajru, inkluż fil-qasam ta’ marketing, ikkostitwixxew servizzi reali, li kienu distinti mill-attivitajiet marbuta mal-operat tar-rotot tal-ajru.

195    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ħlasijiet imwettqa mir-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru permezz tal-operaturi tal-ajruporti fil-kuntest tal-attività 1 u tal-attività 2 kellhom jitqiesu li kienu sussidji mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru sabiex dawn joperaw iktar titjiriet lejn u mill-gżira ta’ Sardegna.

196    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, peress li r-Reġjun Awtonomu ma jżommx l-ajruporti kollha tal-gżira ta’ Sardegna, li huma l-uniċi entitajiet li jistgħu jiftiehmu kuntrattwalment dwar l-użu tal-infrastrutturi tal-ajruporti li huma jamministraw, b’mod partikolari dwar il-ftuħ tar-rotot tal-ajru ġodda, ir-Reġjun Awtonomu, bħala awtorità pubblika, ma setax jakkwista dan it-tip ta’ servizzi direttament mingħand il-kumpanniji tal-ajru. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 312 u 314 tad-deċiżjoni kkontestata, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas ikkonferma li, minn naħa, ir-Reġjun Awtonomu, permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, talab servizz li kien jikkonsisti fl-għażla ta’ kumpanniji tal-ajru li kienu kapaċi jilħqu l-miri annwali ffissati għall-frekwenza u għall-volum ta’ passiġġieri fuq rotot strateġiċi minn u lejn l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas u li, min-naħa l-oħra, dan is-servizz ġie pprovdut mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti magħżula mill-operaturi tal-ajruporti.

197    Mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża jirriżulta wkoll li s-servizzi ta’ marketing ipprovduti mill-kumpanniji tal-ajru kellhom l-għan li jippromwovu l-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika.

198    Għaldaqstant, għalkemm ma jistax jitqies li, meta adotta l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu aġixxa bħala investitur, għandu madankollu jitqies, kif sostniet ir-rikorrenti, għalkemm b’mod sussidjarju, fir-risposta tagħha għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-imsemmi reġjun aġixxa bħala akkwirent ta’ servizzi, b’mod partikolari ta’ marketing.

199    Fil-fatt, minn naħa, l-ammonti li rċeviet ir-rikorrenti kienu jikkorrispondu għall-provvista ta’ servizzi bi tweġiba għal ordni tar-Reġjun Awtonomu li fir-rigward tagħha l-operaturi tal-ajruporti kellhom biss rwol ta’ intermedjarji bejn l-awtorità kontraenti u l-fornituri ta’ dawn is-servizzi. Min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, il-kumpanniji tal-ajru pprovdew servizzi, kemm fir-rigward tal-impenji f’termini ta’ rotot tal-ajru u ta’ volum ta’ traffiku ta’ passiġġieri kif ukoll fir-rigward ta’ marketing, li jistgħu jiġu offruti lill-operaturi tal-ajruporti fis-settur tat-trasport bl-ajru.

200    F’dan ir-rigward, miżura statali favur impriża ma tistax tiġi eskluża a priori mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 107 TFUE sempliċement minħabba li l-partijiet jimpenjaw ruħhom li jwettqu servizzi reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑14/96, EU:T:1999:12, punt 71).

201    F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-akkwist ta’ servizzi mill-awtorità pubblika, dan l-akkwist bħala prinċipju għandu jsir billi jiġu segwiti r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-dritt sekondarju tal-Unjoni. F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ tali proċedura ta’ sejħa għal offerti, imwettqa qabel xiri ta’ servizzi minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, normalment titqies li hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li dan l-Istat Membru jista’ jagħti vantaġġ lill-impriża fornitriċi magħżula li altrimenti hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, EU:T:2003:217, punt 118).

202    F’dan il-każ, l-akkwist tas-servizzi inkwistjoni ma sarx mir-Reġjun Awtonomu stess, li, bħala awtorità pubblika, kien ikun suġġett għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, dan l-akkwist sar permezz ta’ atturi oħra, li f’din is-sitwazzjoni ma kinux suġġetti għall-imsemmija regoli, f’dan il-każ l-operaturi tal-ajruporti, li ġew inkarigati jiksbu fis-suq is-servizzi mixtieqa mir-Reġjun Awtonomu u li dan tal-aħħar iffinanzja.

203    F’tali sitwazzjoni, is-sempliċi fatt li Stat Membru jixtri servizzi li, kif issostni r-rikorrenti, ġew allegatament offruti bil-kundizzjonijiet tas-suq ma huwiex suffiċjenti sabiex din l-operazzjoni tikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali mwettqa taħt kundizzjonijiet li operatur privat kien jaċċetta, jew, fi kliem ieħor, tranżazzjoni kummerċjali normali. Fil-fatt, f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip, huwa neċessarju, minn naħa, li l-Istat kellu bżonn reali ta’ dawn is-servizzi u, min-naħa l-oħra, li l-akkwist ta’ dawn is-servizzi jkun sar permezz ta’ proċedura miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja ta’ natura li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-fornituri li jistgħu joffru s-servizzi inkwistjoni u li tiggarantixxi li s-servizzi inkwistjoni jiġu akkwistati bil-prezz tas-suq, liema prezz jiżgura li, meta jiġu akkwistati l-imsemmija servizzi, l-awtorità pubblika ma tagħtix vantaġġ lill-fornitur magħżul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, EU:T:2003:217, punti 112 sa 120; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 93 u 94, u tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 32).

204    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-finanzjament ipprovdut mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kienx jikkostitwixxi remunerazzjoni għal prodotti jew għal servizzi li jissodisfaw bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu u li ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti ma kienet ġiet segwita sabiex tiġi pprovduta l-għajnuna finanzjarja lill-kumpanniji tal-ajru kkonċernati.

205    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni, ir-Reġjun Awtonomu, bħala awtorità pubblika li tfittex li tilħaq għanijiet ta’ politika ekonomika, seta’ jqis li huwa kellu bżonn jippromwovi l-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżira.

206    Madankollu, minn naħa, kif issostni l-Kummissjoni, il-portata bla preċedent tas-servizzi ta’ marketing iffinanzjati fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża hija ta’ natura li tqiegħed fid-dubju l-fatt li dawn is-servizzi kienu jissodisfaw, b’mod proporzjonat u fid-dawl tal-prinċipji ta’ razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku, il-bżonnijiet reali tar-Reġjun Awtonomu bil-għan li jfittex li jilħaq l-għanijiet tiegħu ta’ żvilupp ekonomiku tal-gżira ta’ Sardegna.

207    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni speċifikat, fir-risposta tagħha, li d-deċiżjoni kkontestata kienet indirizzat il-kwistjoni tal-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti bil-għan li jiġu konklużi ftehimiet mill-operaturi tal-ajruporti għaliex l-organizzazzjoni ta’ tali sejħiet għal offerti setgħet tipprova l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq u, għaldaqstant, l-assenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

208    Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li, bil-għan li jiġu akkwistati s-servizzi ta’ żieda fit-traffiku tal-ajru u ta’ marketing, la r-Reġjun Awtonomu u lanqas l-operaturi tal-ajruporti, li aġixxew bħala intermedjarji, ma organizzaw proċeduri ta’ sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti ta’ natura li jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn fornituri u l-akkwist tal-imsemmija servizzi, mir-Reġjun Awtonomu u permezz ta’ riżorsi tal-Istat imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti, bi prezzijiet tas-suq.

209    Fil-fatt, huwa tabilħaqq paċifiku li l-operaturi tal-ajruporti ppubblikaw fis-siti internet rispettivi tagħhom sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess li fil-kuntest tagħhom il-kumpanniji tal-ajru interessati li jiftħu jew li jwettqu aġġustamenti staġjonali ta’ wħud mir-rotot tal-ajru tagħhom, barra minn dawk li diġà kienu s-suġġett ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, u li jipprovdu servizzi ta’ marketing, setgħu joffru s-servizzi tagħhom lill-operaturi tal-ajruporti.

210    Madankollu, dawn is-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ma jistgħux jitqiesu li huma ekwivalenti għal proċeduri ta’ sejħa għal offerti. Fil-fatt, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tipproduċi dawn is-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess kif ukoll l-offerti li hija kienet issottomettiet lill-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ir-rikorrenti naqset milli tipproduċihom, billi spjegat li hija ma kinitx żammet dawn id-dokumenti. Lanqas il-Kummissjoni ma kienet f’pożizzjoni li tipproduċi l-imsemmija sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li kienu ġew iffissati kriterji preċiżi sabiex jintgħażlu l-kumpanniji tal-ajru kontraenti. Għall-kuntrarju, jidher li dawk kollha li kienu ssottomettew offerti ġew mistiedna jikkuntrattaw mal-operaturi tal-ajruporti kkonċernati u li, f’dak li jirrigwarda t-tarifikazzjoni tas-servizzi offruti, it-tariffi applikati mill-kumpanniji tal-ajru kienu jvarjaw. Issa, minkejja li kienu jidhru bħala evalwazzjonijiet finanzjarji approssimattivi u arrotondati, ir-rekwiżiti finanzjarji tal-kumpanniji tal-ajru madankollu taw lok għal rimborsi kważi sħaħ, mir-Reġjun Awtonomu, lill-operaturi li kienu għamlu ħlasijiet bil-quddiem fir-rigward tal-imsemmija servizzi.

211    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata, fit-Taqsima 7.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Vantaġġ ekonomiku”, li l-ħlasijiet irċevuti mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti, bħar-rikorrenti, ma setgħux jitqiesu li kienu korrispettiv reali għas-servizzi ta’ marketing ipprovduti.

212    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-premessi 362 sa 374 tad-deċiżjoni kkontestata, billi ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tqis li l-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, kienu fi kwalunkwe każ jirreklamaw id-destinazzjonijiet tal-ajru tagħhom stess u li, konsegwentement, il-miżuri kontenzjużi servew sabiex isostnu spejjeż li altrimenti kien ikollhom isostnu. Fil-fatt, mingħajr il-ftehimiet konklużi bejn ir-rikorrenti u l-ajruporti ta’ Olbia u ta’ Cagliari-Elmas, ir-rikorrenti ma kinitx neċessarjament tirriżerva bi prijorità spazji ta’ reklamar, li kienu fost l-aħjar spazji, fis-sit internet tagħha għal dawn id-destinazzjonijiet. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-operaturi tal-ajruporti bbenefikaw minn servizzi reali li minnhom kisbu profitt materjali, kif jirriżulta mill-fatt li l-kuntratti li huma kienu kkonkludew mal-kumpanniji tal-ajru kienu taw lok, qabel il-konklużjoni tagħhom, għal studji dwar is-suq u li l-operaturi tal-ajruporti ffinanzjaw dawn il-kuntratti wkoll permezz tal-fondi tagħhom stess. Fl-aħħar nett, il-prezz imħallas mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru kien dak tas-suq għal servizzi ta’ marketing ta’ dan it-tip u, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li, “meta prattika tkun oġġettivament iġġustifikata minn raġunijiet kummerċjali, il-fatt li hija tissodisfa wkoll għan politiku ma jimplikax li hija tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu [107 TFUE]” (sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑56/93, EU:C:1996:64, punt 79).

213    F’dan ir-rigward, barra mill-fatt li l-kumpanniji tal-ajru kontraenti ma ntgħażlux wara proċedura ta’ natura li tiggarantixxi li r-Reġjun Awtonomu, permezz tal-operaturi tal-ajruporti, irremunerahom bil-prezzijiet tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tipproduċi dokumenti probatorji f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproduċiet materjal ta’ reklamar u kuntrattwali li jikkonferma li, kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, il-promozzjoni ta’ ċerti bliet u reġjuni li sservi r-rikorrenti ġeneralment hija intrinsikament marbuta, fis-sit internet tagħha, mal-promozzjoni tat-titjiriet operati minnha stess. Mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti barra minn hekk ikkonfermat li hija kienet għadha tippromwovi destinazzjonijiet f’Sardegna fis-sit internet tagħha anki fl-assenza ta’ impenji kuntrattwali f’dan is-sens konklużi mal-operaturi tal-ajruporti.

214    Għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ marketing fil-kuntest tal-attività 2 inxtraw mill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni, f’dan il-każ bil-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, sabiex jippromwovu l-operat tar-rotta jew tar-rotot tal-ajru operati mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti u li għall-ftuħ jew għaż-żamma tagħhom huma ġew irremunerati fil-kuntest tal-attività 1.

215    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-kumpanniji tal-ajru ġew irremunerati mir-Reġjun Awtonomu sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom stess bħala kumpanniji tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑53/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:943, punt 271; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:952, punt 167; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:953, punt 230, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑111/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:954, punt 232), minkejja li dawn kienu spejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar li l-kumpanniji tal-ajru inkwistjoni, inkluża r-rikorrenti, kellhom bħala prinċipju jsostnu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li jintlaħqu l-miri fir-rigward ta’ frekwenzi tal-ajru u ta’ volum ta’ passiġġieri, li kienu s-suġġett tal-attività 1, kif ukoll il-provvista tas-servizzi ta’ marketing fil-kuntest tal-attività 2, kellhom l-effett li żiedu l-attività ekonomika tar-rikorrenti.

216    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kif sostniet il-Kummissjoni, fl-assenza tal-finanzjament sinjifikattiv ipprovdut mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti, fl-istrateġiji ta’ espansjoni tagħhom, ma kinux neċessarjament jikkonkludu ftehimiet jew ftehimiet ta’ tali portata, jew saħansitra ma kinux ikunu f’pożizzjoni finanzjarja li jagħmlu dan, b’mod li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tqis li kienet biss il-parti mill-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti li allegatament kienet ogħla mill-prezzijiet tas-suq li messha tqieset li kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

217    L-assenza ta’ inklinazzjoni tal-operaturi tal-ajruporti li jikkonkludu l-kuntratti kontenzjużi fl-assenza tal-finanzjament mir-Reġjun Awtonomu hija kkorroborata mill-fatt, minn naħa, li, wara s-sospensjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-rikorrenti kkonkludiet biss numru limitat ta’ ftehimiet mal-operatur tal-ajruport ta’ Olbia u unikament ftehimiet ta’ marketing filwaqt li l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas ma użax is-servizzi tagħha u, min-naħa l-oħra, li ma huwiex stabbilit li r-rikorrenti kienet ikkonkludiet tali kuntratti qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tindika jekk hija kinitx ikkonkludiet ftehimiet analogi qabel l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u wara s-sospensjoni ta’ din tal-aħħar, ir-rikorrenti kkonfermat l-eżistenza ta’ ftehimiet preċedenti għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, iżda ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza ta’ dawn il-kuntratti. Barra minn hekk, huwa minni li hija pproduċiet il-prova tal-konklużjoni ta’ kuntratti analogi wara s-sospensjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, li jirrigwardaw, f’dan il-każ, il-perijodi minn Ġunju sa Diċembru 2015, minn Marzu sa Diċembru 2017 u minn Ottubru 2018 sa Marzu 2019, rispettivament. Madankollu, filwaqt li hija kienet irċeviet, abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, remunerazzjonijiet ta’ EUR 750 000 għall-perijodu mis-sajf tal-2011 sax-xitwa tal-2011/2012 u EUR 1 miljun għall-perijodu mis-sajf tal-2012 sax-xitwa tal-2012/2013, ir-rikorrenti rċeviet biss, fl-aħħar mill-aħħar, fil-kuntest tat-tliet kuntratti sussegwenti għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ammonti ta’ EUR 65 000, EUR 165 000 u EUR 132 800, jiġifieri ammonti manifestament iktar baxxi minn dawk mitluba fil-kuntratti li jaqgħu taħt l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

218    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-finanzjament ipprovdut mir-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, permezz tal-operaturi tal-ajruporti għall-finanzjament tal-attivitajiet 1 u 2 fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kien ta vantaġġ ekonomiku lill-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, f’dan il-każ remunerazzjoni li huma ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

219    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

c)      Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, dwar ir-riċezzjoni mill-operaturi tal-ajruporti ta’ vantaġġi indebiti mir-Reġjun Awtonomu b’eżekuzzjoni tal-Liġi Nru 10/2010

220    Insostenn tar-raba’ parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fil-premessi 398 sa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-operaturi tal-ajruporti ma kienu bbenefikaw minn ebda vantaġġ, lanqas wieħed indirett, għar-raġuni li huma kienu sempliċi intermedjarji li ttrasferixxew l-għajnuna mir-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-operaturi tal-ajruporti kienu indikati espressament bħala l-benefiċjarji esklużivi tal-miżuri kontenzjużi. It-tieni nett, huma kellhom setgħa diskrezzjonali fl-użu tal-fondi li ġew allokati lilhom u fl-għażla tal-fornituri tagħhom, ħaġa li tipprova li huma ma aġixxewx bħala sempliċi intermedjarji. It-tielet nett, peress li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri kontenzjużi kellhom l-għan jew l-effett li jżidu t-traffiku tal-ajru fl-ajruporti kkonċernati, huwa ċar li d-dħul tal-imsemmija ajruporti żdied minħabba din iż-żieda, kemm fuq il-livell tas-servizzi ta’ natura ajrunawtika kif ukoll fuq dak tas-servizzi ta’ natura oħra. Kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni fil-premessa 403 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi sostnut li dawn l-effetti huma sekondarji sa fejn “l-iskema ma ġietx imfassla b’tali mod li tgħaddi l-effetti sekondarji tagħha lejn l-operaturi tal-ajruport” u li, għall-kuntrarju, din tfasslet sabiex tibbenefika lis-settur tat-turiżmu kollu kemm hu. Skont ir-rikorrenti, l-effett prinċipali mistenni, jiġifieri ż-żieda fit-traffiku tal-ajru, ma setax jiġi sseparat mill-vantaġġ li kienu jisiltu l-operaturi tal-ajruporti mill-fatt li jintlaħaq l-imsemmi għan.

221    Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li r-raba’ parti tat-tieni motiv hija inammissibbli sa fejn hija indirizzata kontra l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċerna esklużivament lill-operaturi tal-ajruporti li magħhom ir-rikorrenti ma hijiex f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-konklużjoni li l-kumpanniji tal-ajru inkwistjoni bbenefikaw minn skema ta’ għajnuna mill-Istat ma kinitx ġiet ibbażata fuq il-konklużjoni li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux irċevew għajnuna mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, peress li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-operaturi tal-ajruporti ttrasferixxew it-totalità tal-fondi rċevuti mir-Reġjun Awtonomu fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-imsemmija operaturi aġixxew biss bħala intermedjarji u ma kinux il-benefiċjarji reali tal-imsemmija miżuri tibqa’ valida. L-iktar l-iktar, dawn l-operaturi bbenefikaw minn żieda fit-traffiku tal-ajru u fin-numru ta’ passiġġieri biss bħall-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha tas-setturi l-oħra, bħalma huma l-kumpanniji li jikru l-karozzi, il-lukandi, ir-ristoranti, il-pompi tal-petrol, l-istabbilimenti kummerċjali tal-ikel u l-istabbilimenti kummerċjali li jbigħu bl-imnut.

222    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-raba’ parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma qisitx, f’dan il-każ fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata u fil-premessi 394 sa 406 żviluppati taħt it-Taqsima 7.2.2, li l-operaturi tal-ajruporti kienu benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

223    F’dan il-każ, ir-rikorrenti, bħala kumpannija tal-ajru, hija attiva fis-suq tat-trasport bl-ajru u mhux f’dak tas-servizzi u tal-infrastrutturi ta’ ajruporti. Konsegwentement u kif ġie kkonstatat fil-punti 59 sa 70 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma hijiex affettwata fil-pożizzjoni kompetittiva tagħha mill-konstatazzjoni li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux il-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża b’mod li hija ma għandhiex locus standi li titlob l-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata u li, sa dan il-punt, ma hemmx lok li tiġi eżaminata r-raba’ parti tat-tieni motiv.

224    Għaldaqstant, sa dan il-punt, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

225    Barra minn hekk u, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-operaturi tal-ajruporti ttrasferixxew lill-kumpanniji tal-ajru t-totalità tal-fondi li huma rċevew mingħand ir-Reġjun Awtonomu sabiex jirremunerawhom fil-kuntest tal-kuntratti ta’ servizzi eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, dawn l-operaturi ma bbenefikawx minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, fl-assenza tal-imsemmi finanzjament, huma ma kinux jużaw tali kuntratti jew, tal-inqas, mhux f’tali proporzjonijiet, peress li r-rikorrenti ma pprovatx li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kienu kkonkludew magħha ftehimiet li jirrigwardaw servizzi ta’ marketing jew frekwenzi tas-servizz bl-ajru jew miri fir-rigward ta’ passiġġieri qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li, wara s-sospensjoni tal-imsemmija skema, il-ftehimiet li ġew konklużi kienu jirrigwardaw ferm inqas servizzi u remunerazzjonijiet minn dawk miftiehma kuntrattwalment bis-saħħa tal-finanzjament miksub abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fl-aħħar mill-aħħar, kif osservat il-Kummissjoni, ix-xiri tal-imsemmija servizzi kien relatat inqas ma’ ħtieġa kummerċjali tal-operaturi tal-ajruporti milli mad-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar li jipprovdu l-assistenza tagħhom fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża stabbilita mir-Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li, permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu taffa spejjeż li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia normalment kien ikollhom isostnu.

226    Huwa minnu li t-twettiq mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti tas-servizzi mixtieqa u ffinanzjati mir-Reġjun Awtonomu kellu l-effett li żied it-traffiku tal-ajru u l-volum ta’ passiġġieri lejn u mill-ajruporti kkonċernati, ħaġa li kienet timplika żieda fir-riżorsi mill-ajruporti u mhux mill-ajruporti tal-operaturi tagħhom. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, dan huwa effett sekondarju tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li minnha bbenefika s-settur turistiku ta’ Sardegna kollu kemm hu, inkluża, barra minn hekk, ir-rikorrenti, li, b’ċertu mod, kisbet ukoll tali vantaġġ sekondarju permezz ta’ żieda fil-bejgħ tas-servizzi offruti abbord l-ajruplani tagħha. Madankollu, il-vantaġġ immedjat li huwa s-suġġett tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li ma nkisibx f’kundizzjonijiet normali tas-suq kien ikkostitwit mill-ħlasijiet imwettqa lill-kumpanniji tal-ajru.

227    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-fatt li l-miżuri kontenzjużi jwasslu għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri

228    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkontesta li l-miżuri kontenzjużi wasslu għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport bl-ajru minn u lejn l-ajruporti tal-gżira ta’ Sardegna, tal-inqas ta’ Olbia u ta’ Cagliari-Elmas, b’mod partikolari għaliex, f’dak li jirrigwarda r-rotot tal-ajru li hija topera u wara l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ marketing bejn ir-rikorrenti u l-operaturi ta’ dawn l-ajruporti, ebda kumpannija tal-ajru oħra ma topera dawn ir-rotot tal-ajru kummerċjali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod insuffiċjenti l-argumenti fformulati mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tat-30 ta’ Lulju 2013. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija operaturi tal-ajruporti għażlu l-kumpanniji kontraenti wara proċeduri ta’ sejħa għal offerti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-miżuri kontenzjużi kellhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni għall-aċċess għar-rotot tal-ajru inkwistjoni. Fil-fatt, kull kumpannija tal-ajru Ewropea setgħet tissottometti offerta fil-kuntest ta’ dawn is-sejħiet għal offerti, tant li, kif qieset il-Kummissjoni f’każ li kien jirrigwarda proġett ta’ awtostrada fiċ-ċentru tal-Greċja, din il-modalità ta’ għażla eskludiet il-possibbiltà ta’ effett negattiv tal-miżuri kontenzjużi fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u fuq il-kompetizzjoni.

229    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi tenfasizza li effett fuq il-kompetizzjoni jiġi kkonstatat kull darba li d-destinatarju ta’ miżura ta’ għajnuna jkun f’kompetizzjoni ma’ impriżi fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni, ħaġa li tapplika f’dan il-każ, peress li l-kumpanniji tal-ajru inkwistjoni, li huma attivi fis-suq tal-ajru partikolarment kompetittiv, irċevew kumpens finanzjarju.

230    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda għandu jiġi eżaminat biss jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 111, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 134).

231    B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa affettwat mill-għajnuna (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

232    Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, il-karatteristiċi tal-investimenti sostnuti jew modalitajiet oħra previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tagħtix vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u hijiex ta’ natura li tibbenefika essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi tal-imsemmija skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 18, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63).

233    Fid-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ fil-premessi 390 sa 392, il-Kummissjoni spjegat b’mod suffiċjenti li l-kumpanniji tal-ajru, li jibbenefikaw mill-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, kienu attivi f’settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa bejn operaturi li ġejjin minn Stati Membri differenti, u għalhekk kienu jipparteċipaw f’kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

234    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali motivazzjoni hija fiha nnifisha suffiċjenti fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 88 u 89, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 114 u 121).

235    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, meta qieset li n-natura transkonfinali evidenti tal-attivitajiet inkwistjoni, jiġifieri servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, kienet timplika li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri billi ssaħħaħ il-pożizzjoni fis-suq tal-kumpanniji tal-ajru li bbenefikaw mill-imsemmija skema. Fil-fatt, it-trasportaturi bl-ajru, bħar-rikorrenti, huma f’kompetizzjoni fis-suq tal-ajru fuq livell Ewropew b’mod li l-għoti tal-għajnuna lill-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, li kkonkludew kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn l-impriżi benefiċjarji meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi tal-ajru kompetituri fuq livell Ewropew, kemm jekk joperaw u kemm jekk ma joperawx rotot tal-ajru diretti mal-gżira ta’ Sardegna.

236    Fi kwalunkwe każ, minn naħa, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti, din tal-aħħar hija f’kompetizzjoni, fuq ir-rotot tal-ajru tagħha minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna, ma’ kumpanniji tal-ajru Ewropej li jittrasportaw vjaġġaturi minn u lejn l-istess ajruporti kontinentali b’konnessjoni minn ajruporti oħra. Issa, dawn il-kumpanniji tal-ajru, f’dak li jirrigwarda dawn ir-rotot tal-ajru b’konnessjoni, li jikkompetu mar-rotot tal-ajru tar-rikorrenti, ma bbenefikawx mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li kienet tkopri biss rotot diretti (point-to-point), fi kwalunkwe każ mhux f’dak li jirrigwarda s-segmenti tat-titjira operati lil hinn mill-ajruport ta’ konnessjoni, b’mod li l-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji, bħar-rikorrenti, neċessarjament issaħħet meta mqabbla ma’ dik ta’ tali kumpanniji tal-ajru li ma kinux benefiċjarji.

237    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li ċerti kumpanniji, b’mod partikolari l-kumpanniji tal-ajru regolari, ma kinux benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża unikament għaliex ma kinux issottomettew offerti ta’ kollaborazzjoni fil-kuntest ta’ sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikati mill-operaturi tal-ajruporti, dan ukoll ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jistax jiddependi f’dan il-każ mill-kwistjoni jekk il-kumpanniji tal-ajru kollha bbenefikawx jew kellhomx il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-miżura inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies – ħaġa li ma hijiex stabbilita f’dan il-każ – li l-kumpanniji tal-ajru Ewropej kollha li joperaw titjiriet diretti minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna kienu intitolati jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, dan il-fatt, li jirrigwarda s-selettività tal-miżuri kontenzjużi – li, kif hija kkonfermat waqt is-seduta, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti –, ma kien ikollu ebda konsegwenza għall-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-effett tal-imsemmija skema fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri sa fejn din issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, fis-suq Ewropew, li ma jservux il-gżira ta’ Sardegna.

238    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ possibbiltà li l-miżuri kontenzjużi jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE

239    Insostenn tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ wħud mill-kundizzjonijiet previsti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 312/01 dwar linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat tal-bidu lill-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2005”), il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri kontenzjużi ma setgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern hija żbaljata.

240    Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat.

241    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, meta din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, liema kundizzjoni għandha tiġi evalwata skont il-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 80).

242    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Artikolu 107(1) TFUE huwa dak tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat u d-derogi minn dan il-prinċipju, kif previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 20; tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79, u tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 81).

243    Barra minn hekk, ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 74; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 83, u tal-15 ta’ Diċembru 2016, Abertis Telecom Terrestre u Telecom Castilla-La Mancha vs Il‑Kummissjoni, T‑37/15 u T‑38/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:743, punt 160).

244    Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 24 tal-Linji gwida tal-2005, dawn tal-aħħar huma intiżi li jispeċifikaw il-każijiet li fihom finanzjament pubbliku għall-ajruporti u għall-kumpanniji tal-ajru jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, meta dan effettivament ikun għajnuna, il-kundizzjonijiet li taħthom hija tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

245    F’dan ir-rigward, kif qieset il-Kummissjoni fil-premessi 412 sa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jekk jitqies li din tista’ tiġi analizzata bħala li tipprovdi għajnuna għat-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda, effettivament kienet taqa’ taħt il-Linji gwida tal-2005. Fil-fatt, skont dak li jipprovdi l-punt 174 tal-Linji gwida tal-2014, l-għajnuna nnotifikata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-linji gwida tal-aħħar setgħet bħala prinċipju tiġi eżaminata, wara l-4 ta’ April 2014, fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida. Madankollu, l-għajnuna, innotifikata jew le, implimentata, bħal f’dan il-każ, qabel ma l-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-miżuri nnotifikati mir-Repubblika Taljana u li, konsegwentement, jirriżultaw li huma illegali fid-dawl tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, għandhom, min-naħa tagħhom, jiġu eżaminati fid-dawl tal-Linji gwida tal-2005.

246    F’dak li jirrigwarda l-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, li huwa rilevanti f’dan il-każ, dan jaqra kif ġej:

“Fid-dawl tal-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq u tad-diffikultajiet sinjifikattivi li tista’ toħloq it-tnedija ta’ rotta ġdida, il-Kummissjoni tista’ tapprova tali għajnuna meta din tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

d)      Vijabbiltà għal żmien twil u intensità li tonqos maż-żmien: ir-rotta [ġdida] għandha tirriżulta li tkun vijabbli għal żmien twil, jiġifieri tkopri tal-inqas l-ispejjeż tagħha, mingħajr finanzjament pubbliku. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna għat-tnedija għandha tonqos maż-żmien u tkun limitata fiż-żmien.

e)      Kumpens għall-ispejjeż addizzjonali ta’ tnedija: l-ammont tal-għajnuna għandu jkun marbut strettament mal-ispejjeż addizzjonali ta’ tnedija li huma marbuta mat-tnedija tar-rotta jew tal-frekwenza ġdida u li l-operatur tal-ajru ma jkollux għalfejn isostni ladarba din tibda titħaddem. Dawn l-ispejjeż jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar inkorsi fil-bidu sabiex tingħata pubbliċità lir-rotta l-ġdida; dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta’ installazzjoni sostnuti mill-kumpannija tal-ajru fis-sit tal-ajruport reġjonali kkonċernat sabiex titnieda r-rotta, jekk dan ikun tabilħaqq ajruport li jaqa’ fil-kategoriji C jew D u jekk ma tkunx diġà ngħatat għajnuna fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż. Bil-maqlub, l-għajnuna ma tistax tirrigwarda spejjeż operattivi standard bħalma huma l-kiri jew id-deprezzament tal-ajruplani, il-karburant, is-salarju tal-ekwipaġġi, l-ispejjeż marbuta ma’ ajruporti, l-ispejjeż ta’ catering. L-ispejjeż eliġibbli kkunsidrati għandhom jikkorrispondu għal spejjeż reali miksuba f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

f)      Intensità u tul: l-għajnuna li tonqos maż-żmien tista’ tingħata għal tul massimu ta’ tliet snin. L-ammont tal-għajnuna ma jistax jeċċedi, kull sena, 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli ta’ dik is-sena u, għat-tul sħiħ tal-għajnuna, medja ta’ 30 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Għar-rotot minn reġjuni żvantaġġati, jiġifieri r-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni previsti fl-Artikolu 87(3)(a) [tat-Trattat KE] u r-reġjuni b’densità ta’ popolazzjoni baxxa, l-għajnuna li tonqos maż-żmien tista’ tingħata għal tul massimu ta’ ħames snin. L-ammont tal-għajnuna ma jistax jeċċedi, kull sena, 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli ta’ dik is-sena u, għat-tul sħiħ tal-għajnuna, medja ta’ 40 % tal-ispejjeż eliġibbli. Jekk l-għajnuna effettivament tingħata għal ħames snin, l-għajnuna tista’ tinżamm għal 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għall-ewwel tliet snin.

Fi kwalunkwe każ, it-tul li matulu tingħata l-għajnuna għat-tnedija lil kumpannija għandu jibqa’ sostanzjalment inqas mit-tul li matulu din tal-aħħar timpenja ruħha li twettaq l-attivitajiet tagħha mill-ajruport ikkonċernat, kif indikat fil-pjan tan-negozju meħtieġ fil-paragrafu 79(i). Barra minn hekk, l-għajnuna għandha titwaqqaf malli jintlaħqu l-miri f’termini ta’ passiġġieri jew malli r-rotta ssir profittabbli, anki jekk dan iseħħ qabel ma jintemm it-tul inizjalment previst.

[…]

h)      Attribuzzjoni nondiskriminatorja: kull entità pubblika li tipprevedi li tagħti għajnuna għat-tnedija ta’ rotta ġdida lil kumpannija, kemm jekk permezz ta’ ajruport kemm jekk le, għandha tagħmel il-pjan tagħha pubbliku f’terminu suffiċjenti u permezz ta’ pubbliċità suffiċjenti sabiex il-kumpanniji tal-ajru interessati kollha jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom. Din il-komunikazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari d-deskrizzjoni tar-rotta, kif ukoll kriterji oġġettivi f’termini ta’ ammont u ta’ tul tal-għajnuna. Meta jkunu applikabbli, ir-regoli u l-prinċipji li jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet għandhom jiġu osservati.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

247    Fid-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ fil-premessi 410 sa 421, il-Kummissjoni qieset li l-kumpens finanzjarju pprovdut mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma setax jitqies li kien kompatibbli mas-suq intern, għaliex il-kriterji ta’ kompatibbiltà msemmija fl-imsemmi punt 79 tal-Linji gwida tal-2005 ma kinux issodisfatti.

248    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tfittex li tipprova li, fil-każ individwali tagħha, l-għajnuna li hija rċeviet, ikkostitwita mill-ammonti li ħallsuha l-operaturi ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia b’eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi magħha, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005 u li, kieku dan ma kienx il-każ, din xorta waħda setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont il-punt 81 tal-imsemmija linji gwida jew, indipendentement minn dawn il-linji gwida, bħala għajnuna għall-iżvilupp tat-turiżmu fl-ispirtu tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

249    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-konstatazzjoni tagħha, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa l-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, li huma kumulattivi, ħaġa li timplika li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed minnhom kien suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li għajnuna tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna għat-tnedija” kompatibbli mas-suq intern skont dawn il-linji gwida.

250    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana stess sostniet li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tfasslet bħala skema sabiex tappoġġa t-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda u li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005.

251    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 79(d) tal-Linji gwida tal-2005, anki jekk jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li l-ftehimiet kummerċjali bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ġew konklużi f’perspettiva ta’ profittabbiltà ekonomika, evalwata permezz ta’ evalwazzjoni ex ante tal-vijabbiltà u tal-profittabbiltà tal-pjanijiet tal-operat ippreżentati mill-kumpanniji tal-ajru u tal-analiżijiet ekonomiċi mfassla mill-operaturi tal-ajruporti, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma stabbilixxietx sistema ta’ għajnuna li tonqos maż-żmien għal kull waħda mir-rotot tal-ajru li huma s-suġġett tal-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru u li, fi kwalunkwe każ, ma humiex kollha “ġodda” fis-sens ta’ dawn il-linji gwida. B’mod partikolari, kull kumpannija tal-ajru rċeviet ammonti globali li jikkorrispondu għal perijodi ta’ attivitajiet, iżda, effettivament, il-finanzjament ma ġiex individwalizzat għal kull rotta tal-ajru kkonċernata minn u lejn kull ajruport ikkonċernat.

252    Fil-każ partikolari tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-għajnuna li rċeviet għar-rotot tal-ajru kollha li hija topera mill-ajruport ta’ Olbia ma kinitx tonqos maż-żmien f’dak li jirrigwarda dan l-ajruport, peress li, taħt l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, hija rċeviet mingħand l-operatur ta’ dan l-ajruport remunerazzjonijiet li għall-kuntrarju kienu jiżdiedu maż-żmien, minn EUR 750 000 għall-perijodu minn Marzu 2010 sa Marzu 2011 u minn EUR 750 000 għall-perijodu mis-sajf tal-2011 sax-xitwa tal-2011/2012 għal ammont ta’ EUR 1 miljun għall-perijodu mis-sajf tal-2012 sax-xitwa tal-2012/2013. F’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, huwa minnu li hija rċeviet, kif sostnut minnha, remunerazzjonijiet li effettivament kienu jonqsu maż-żmien, jiġifieri ammont ta’ EUR 800 000 għall-perijodu minn Marzu 2010 sa Marzu 2011, EUR 700 000 għall-perijodu minn Marzu 2011 sa Marzu 2012 u EUR 600 000 għall-perijodu minn Marzu 2012 sa Marzu 2013. Madankollu, mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża jew mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti la jirriżulta li r-rotot tal-ajru li, globalment, kienu s-suġġett ta’ dawn l-ammonti kienu profittabbli mingħajr il-finanzjament inkwistjoni u lanqas li l-għajnuna tista’ tiġi individwalizzata għal kull waħda minn dawn ir-rotot sabiex jiġi kkonstatat, għal kull waħda minnhom, li l-għajnuna korrispondenti għar-rotta kkonċernata kienet tonqos maż-żmien.

253    F’dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ segwitu, stabbilit mir-Reġjun Awtonomu, tal-ħlasijiet imwettqa skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jidhirx li dan kien jiggarantixxi, fid-dawl tal-kriterju stabbilit fil-punt 79(e) tal-Linji gwida tal-2005, li l-finanzjament pubbliku pprovdut kien neċessarju sabiex ikopri parti mill-ispejjeż ta’ tnedija tar-rotot tal-ajru kkonċernati, li kien jirrappreżenta biss l-ispejjeż reali inkorsi mill-operaturi tal-ajruporti u li kien jirrigwarda biss dawn l-ispejjeż. Dan huwa inqas u inqas il-każ peress li ma sarx taqsim tal-għajnuna pprovduta lil kull kumpannija tal-ajru għal kull waħda mir-rotot tal-ajru operata minn u lejn kull wieħed mill-ajruporti ta’ Sardegna kkonċernati.

254    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-operaturi tal-ajruporti allegatament ħadu responsabbiltà mill-fondi tagħhom stess, barra minn hekk sa limitu mhux magħruf, għall-ispejjeż addizzjonali jew li r-rikorrenti ma kinitx tiftaħ jew iżżomm ir-rotot tal-ajru kkonċernati fl-assenza tal-għajnuna finanzjarja li rċeviet mingħand l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ma jispeċifikawx, għar-rotot tal-ajru kkonċernati, x’kienu l-ispejjeż addizzjonali ta’ tnedija għal kull waħda minnhom.

255    Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 79(f) tal-Linji gwida tal-2005, din kjarament ma hijiex issodisfatta peress li huwa manifest li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ma jidentifikawx spejjeż eliġibbli. Fil-fatt, fl-assenza ta’ indikazzjoni ta’ spejjeż eliġibbli, ma huwiex possibbli li tiġi evalwata l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ finanzjament massimu ta’ 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli kull sena, b’massimu ta’ finanzjament medju ta’ 30 %. Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta li r-Reġjun Awtonomu rrimborsa fuq talba l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru u li dawn kienu ffissati għal ammonti b’rata fissa, spiss arrotondati, mingħajr dettalji oħra u, fi kwalunkwe każ, b’mod mhux individwalizzat għal kull waħda mir-rotot tal-ajru kkonċernati.

256    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li Sardegna hija reġjun ekonomiku żvantaġġat tal-Unjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt 79(f) tal-Linji gwida tal-2005, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li dan ir-reġjun ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali għall-perijodu 2007‑2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13).

257    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni prevista fil-punt 79(h) tal-Linji gwida tal-2005 u li tirrigwarda l-attribuzzjoni nondiskriminatorja tal-għajnuna għat-tnedija, għall-motivi diġà esposti iktar ’il fuq insostenn taċ-ċaħda tat-tieni parti tat-tieni motiv, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-operaturi tal-ajruporti organizzaw proċedura li kienet tiggarantixxi l-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji tal-ajru, li tiżgura t-trasparenza, pubbliċità suffiċjenti, l-assenza ta’ diskriminazzjoni u l-għażla tal-iktar offerti ekonomikament vantaġġużi.

258    Għaldaqstant, huwa manifest li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, inkluż f’dak li jirrigwarda l-għajnuna rċevuta individwalment mir-rikorrenti, ma kinitx tissodisfa l-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005.

259    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam kif ukoll tan-neċessità li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat jiġu interpretati b’mod strett, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi, minkejja t-talba mressqa f’dan is-sens mir-Repubblika Taljana matul il-proċedura amministrattiva, li lanqas ma kien hemm lok għal deroga mill-kriterji stabbiliti fil-Linji gwida tal-2005 abbażi tal-punt 81 tal-imsemmija linji gwida, li skontu l-Kummissjoni tista’ “teżamina każ b’każ għajnuna jew skema li ma tosservax kompletament il-kriterji [tal-punt 79], iżda li twassal għal sitwazzjoni paragunabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, peress li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tosservax il-maġġoranza tal-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, din ma tistax titqies li twassal għal sitwazzjoni paragunabbli ma’ għajnuna li tosserva l-imsemmija rekwiżiti.

260    Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tiġi awtorizzata, indipendentement mil-Linji gwida tal-2005, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, sa fejn kienet tfittex li tippromwovi t-turiżmu f’Sardegna u l-attivitajiet kummerċjali tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Sardegna, minn naħa, ir-Repubblika Taljana ma talbitx il-benefiċċju ta’ dawn id-derogi matul il-proċedura amministrattiva, liema derogi għandhom jiġu applikati b’mod strett. Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li r-rikorrenti qiegħda tirreferi speċifikament għad-deroga li tirrigwarda l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, ma kienx probabbli li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minħabba l-portata tal-finanzjament li kienet tipprovdi, ma kinitx ser tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

261    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna fuq il-livell tar-rikorrenti

262    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi billi eżiġiet, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Taljani jirkupraw mingħand ir-rikorrenti l-ammonti li din tal-aħħar kienet irċeviet b’eżekuzzjoni tal-kuntratti li kienu jorbtuha mal-operaturi tal-ajruporti u li kienu joriġinaw mill-fondi rċevuti mill-imsemmija operaturi mill-baġit tar-Reġjun Awtonomu. Fil-fatt, operatur diliġenti li jkun ikkonkluda tali ftehimiet ma’ operaturi privati, bħall-operaturi tal-ajruporti, f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, ma kien ikollu ebda raġuni għalfejn jiddubita n-natura kummerċjali tal-imsemmija ftehimiet u, għaldaqstant, la kien ikun jista’ raġonevolment jissuspetta li, f’dan il-kuntest, l-imsemmija operaturi ma kinux jamministraw il-fondi tagħhom stess, u lanqas ma kien ikun jista’ jipprevedi li huwa seta’ sussegwentement jitqies li kien benefiċjarju tal-allegata għajnuna mill-Istat.

263    B’mod partikolari, tali operatur ma kienx neċessarjament ikun jaf li l-fondi użati mill-imsemmija operaturi sabiex huwa jiġi rremunerat kienu jikkorrispondu, tal-inqas parzjalment, għall-fondi li kienu tħallsu lilhom mir-Reġjun Awtonomu abbażi tal-miżuri kontenzjużi. Operatur diliġenti għalhekk ma kienx iqis li kien neċessarju li jivverifika l-oriġini ta’ dawn il-fondi u l-eventwali inkompatibbiltà tagħhom mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti mill-operaturi tal-ajruporti kif ukoll l-applikazzjoni, fuq il-livell tat-tariffi tal-ajruporti, ta’ rati tas-suq jew ta’ rati ogħla minn dawk tas-suq u l-eżistenza ta’ klawżoli penali fil-kuntratti dwar servizzi, konklużi flimkien ma’ pjanijiet tal-operat u studji ta’ sostenn, setgħu biss isaħħu l-fiduċja tar-rikorrenti fil-fatt li r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha ma’ kull wieħed mill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni f’dan il-każ kienu ta’ natura purament kummerċjali u mhux statali. Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, operatur avżat fil-qasam tat-trasport bl-ajru ma setax jipprevedi, fid-dawl tal-prassi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, li l-ftehim kummerċjali ma kienx ser jiġi eżaminat, bħala għajnuna individwali, fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat, iżda għall-kuntrarju kien ser jitqies, bħal f’dan il-każ, bħala każ individwali ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna.

264    Il-Kummissjoni titlob li l-ħames motiv jiġi miċħud bħala infondat billi tirrileva li r-rikorrenti ma tressaq ebda assigurazzjoni preċiża li tatha l-Kummissjoni matul l-eżami tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fi kwalunkwe każ, hija tqis li operatur diliġenti li kien jikkonkludi l-ftehimiet inkwistjoni f’dan il-każ kien imissu jkun jaf li l-operaturi tal-ajruporti kienu ffinanzjati mir-Reġjun Awtonomu fil-qafas tal-Liġi Nru 10/2010, iktar u iktar peress li l-preambolu tal-ftehim konkluż bejn ir-rikorrenti u SOGAER kien jindika b’mod ċar ferm li l-imsemmi ftehim kien konkluż fil-qafas stabbilit mil-Liġi Nru 10/2010, minkejja li din ma kinitx ġiet innotifikata mill-Istat Taljan fid-data li fiha ġie konkluż dan il-ftehim.

265    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull parti f’kawża li fiha istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati. Barra minn hekk, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑506/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:715, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs Il‑Kummissjoni, 265/85, EU:C:1987:121, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

266    Fid-dawl tar-rwol fundamentali li għandu l-obbligu ta’ notifika sabiex jippermetti l-effettività tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni, liema stħarriġ huwa ta’ natura imperattiva, il-benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-imsemmija għajnuna biss jekk din tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura li l-imsemmija proċedura tkun ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi eżegwita mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni jew, bħal f’dan il-każ, mingħajr ma wieħed ikun stenna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura, b’mod li din tkun illegali fid-dawl tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għoti ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Producteurs de légumes de France vs Il‑Kummissjoni, T‑328/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:498, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

267    F’dan il-każ, kif issostni l-Kummissjoni, din tal-aħħar, f’ebda mument, ma tat assigurazzjonijiet lir-rikorrenti dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mas-suq intern, inqas u inqas peress li r-Repubblika Taljana implimentat l-imsemmija skema mingħajr ma stenniet lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni fuq din tal-aħħar skont l-Artikolu 108 TFUE, ħaġa li, konsegwentement, timplika l-illegalità tal-imsemmija skema.

268    Fir-rigward tal-allegati aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fin-natura strettament kummerċjali tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, li ma setgħetx tqajjem suspetti dwar l-oriġini statali tal-aġir u tal-fondi użati mill-imsemmija operaturi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-oriġini statali tal-fondi miksuba mill-operaturi tal-ajruporti ma jidhirx li nħbiet fis-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikati minnhom fis-siti internet tagħhom u, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, li l-kuntratt li kien jorbot lir-rikorrenti mal-operatur ta’ Cagliari-Elmas kien jispjega, f’termini partikolarment espliċiti, li r-Reġjun Awtonomu kien qiegħed jiffinanzja l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

269    Għaldaqstant, anki jekk il-kuntratti konklużi mir-rikorrenti mal-operatur ta’ Olbia ma kinux isemmu r-Reġjun Awtonomu u kienu jirreferu biss għal “parteċipazzjoni finanzjarja tas-suġġetti interessati fl-iżvilupp tat-turiżmu tal-gżira” (financial participation of the subjects interested in the tourism development of the Island), ir-rikorrenti ma tistax raġonevolment issostni li hija ħasbet li kienet qiegħda tikkonkludi kuntratt ma’ sempliċi operatur privat.

270    Barra minn hekk, peress li l-Liġi Nru 10/2010 ġiet ippubblikata fil-Bollettino ufficiale della Regione autonoma della Sardegna, ir-rikorrenti, bħala operatur avżat attiv fis-suq tat-trasport bl-ajru fl-Italja, la setgħetx ma tkunx taf bl-eżistenza tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading vs Il‑Kummissjoni, C‑38/07 P, EU:C:2008:641, punt 61) u lanqas, konsegwentement, bil-mekkaniżmi ta’ finanzjament li din kienet tipprevedi u bir-riskju, minn naħa, li dawn tal-aħħar setgħu jitqiesu li kienu skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u, min-naħa l-oħra, li l-kumpanniji tal-ajru jitqiesu li kienu l-benefiċjarji reali tal-imsemmija skema. Barra minn hekk, il-punt 79(h) tal-Linji gwida tal-2005, invokati mir-rikorrenti, isemmi espressament il-possibbiltà li entità pubblika tista’ tagħti għajnuna lil kumpannija tal-ajru “permezz ta’ ajruport” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

271    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, peress li r-Reġjun Awtonomu la jżomm ishma fl-ajruporti inkwistjoni f’dan il-każ u lanqas ma jikkontrollahom, ir-rikorrenti ma setax ikollha aspettattivi leġittimi li dan il-prinċipju kien ser jiġi applikat għall-każ inkwistjoni, bl-istess mod kif lanqas ma setgħet tispekula fuq il-fatt li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju neċessarjament kienet ser twassal għall-konklużjoni li hija ma rċevietx vantaġġ li joriġina minn riżorsa tal-Istat.

272    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

6.      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq motivi kontradittorji tad-deċiżjoni kkontestata

273    Permezz tas-sitt motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni kemm għal insuffiċjenza ta’ motivazzjoni kif ukoll għal kontradizzjoni fil-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

274    Il-Kummissjoni titlob li s-sitt motiv jiġi miċħud bħala infondat.

275    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun adatta għan-natura tiegħu u għandha turi b’mod ċar ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tiegħu, b’mod li tippermetti, minn naħa, lill-partijiet interessati jifhmu l-bażi tiegħu u, jekk ikun il-każ, jikkontestaw il-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tistħarreġ il-fondatezza tiegħu, mingħajr madankollu ma jkun meħtieġ li l-istituzzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk hija tissodisfax l-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl kemm tal-formulazzjoni ta’ dan l-att kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑501/00, EU:C:2004:438, punt 73, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑200/04, mhux ippubblikata, EU:T:2005:460, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

276    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi u irrilevanti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

277    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jidhrilha qabelxejn li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija qieset, fil-premessi 357 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi tal-ajruporti aġixxew biss bħala sempliċi intermedjarji tar-Reġjun Awtonomu u li, konsegwentement, il-flussi finanzjarji bejn l-imsemmija operaturi u l-kumpanniji tal-ajru ma kellhomx jitqiesu li kienu l-eżekuzzjoni kummerċjali tal-kuntratti li kienu jorbtu lil dawn l-entitajiet, iżda kellhom jitqiesu li kienu riżorsi tal-Istat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod iddettaljat is-sitwazzjoni speċifika għal kull ajruport, b’mod partikolari l-pożizzjoni tal-Istat fil-kumpanniji li joperaw kull wieħed mill-ajruporti kkonċernati, sabiex issostni l-konklużjonijiet tagħha dwar jekk dawn tal-aħħar kinux ikkontrollati mill-awtorità pubblika jew le. Il-Kummissjoni lanqas ma spjegat kif GEASAR, minkejja li hija operatur privat, ma aġixxietx b’mod indipendenti mill-Istat. Bl-istess mod, hija ma spjegatx b’liema mod l-Istat kien jeżerċita kontroll fuq id-deċiżjonijiet adottati mill-operaturi tal-ajruporti ta’ Olbia u ta’ Cagliari-Elmas u b’liema mod il-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni previst mill-miżuri ta’ implimentazzjoni kien motiv suffiċjenti sabiex hija tasal għal din il-konklużjoni.

278    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari fil-premessi 355 sa 362 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-operaturi tal-ajruporti kienu aġixxew bħala intermedjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fehmet ir-raġunament inkwistjoni, peress li ressqet motiv iddettaljat, f’dan il-każ l-ewwel motiv, li jikkontesta r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rwol ta’ intermedjarji, inkluż fid-dawl tal-fatt li r-Reġjun Awtonomu ma kienx iżomm l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. Fir-realtà, bl-iskuża tal-allegazzjoni tagħha ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti ma tagħmel xejn għajr tirrepeti l-fatt li hija ma tikkondividix l-analiżi, fuq il-mertu, adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

279    Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-Kummissjoni ma spjegatx għal liema raġuni l-miżuri kontenzjużi ma kinux jissodisfaw bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu, minkejja li, b’mod kontradittorju, hija eżaminat tali kwistjoni fid-dettall fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha dwar ftehimiet ta’ marketing bħal dawk konklużi f’dan il-każ bejn ir-rikorrenti u l-operaturi tal-ajruporti.

280    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu, minkejja li, meta għamlet dan, hija waslet għal konklużjoni żbaljata, irrilevata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tat-tieni motiv. Barra minn hekk, hija spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma setgħetx tevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat skont il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq.

281    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

IV.    Fuq l-ispejjeż

282    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      easyJet Airline Co. Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Svenningsen

Valančius

Csehi

 

      Nihoul

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2020.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.