Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fit-8 ta’ Awwissu 2023 – A vs Patērētāju tiesību aizsardzības centrs

(Kawża C-507/23, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: Patērētāju tiesību aizsardzības centrs

Domandi preliminari

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar illegali ta’ data personali, inkwantu ksur tal-imsemmi regolament, jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, indħil mhux iġġustifikat fid-dritt suġġettiv ta’ persuna għall-protezzjoni tad-data tagħha u dannu kkawżat lill-imsemmija persuna?

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li, meta ma jkunx hemm il-possibbiltà li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-ikkawżar tad-dannu, jiġi impost l-obbligu ta’ għoti ta’ skuża bħala l-uniku kumpens għad-dannu mhux materjali?

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li ċirkustanzi indikattivi tal-attitudni u tal-motivazzjoni tal-kontrollur (pereżempju, in-neċessità li titwettaq missjoni ta’ interess pubbliku, in-nuqqas ta’ intenzjoni li jiġi kkawżat dannu lis-suġġett tad-data jew id-diffikultajiet ta’ komprensjoni tal-kuntest ġuridiku) jiġġustifikaw l-iffissar ta’ kumpens iżgħar għad-dannu msemmi?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.