Language of document : ECLI:EU:C:2020:269

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

2 ta’ April 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 1(i) – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Direttiva 2004/38/KE – Punt 2 tal-Artikolu 2 – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Allowance tal-familja – Kunċett ta’ “membri tal-familja” – Esklużjoni tal-wild tal-konjuġi ta’ ħaddiema mhux residenti – Differenza fit-trattament mal-wild tal-konjuġi ta’ ħaddiema residenti – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑802/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

Caisse pour l’avenir des enfants

vs

FV,

GW,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, C. Toader u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Caisse pour l’avenir des enfants, minn R. Jazbinsek u A. Rodesch, avukati,

–        għal FV u GW, minn P. Peuvrel, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tal-Ulied, il-Lussemburgu) (iktar ’il quddiem iċ-“CAE”) u, min-naħa l-oħra, FV, ħaddiem fruntalier, u GW, il-konjuġi tiegħu, dwar ir-rifjut ta’ dan il-fond li jagħti allowances tal-familja għall-wild mill-ewwel żwieġ ta’ GW, peress li dan il-wild ma għandux rabta ta’ filjazzjoni ma’ FV.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2.      ‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)      ir-raġel jew martu;

(b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

[…]”

 Ir-Regolament Nru 883/2004

4        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(i)      ‘membru tal-familja’ tfisser

1.      (i)      kwalunkwe persuna definita jew rikonoxxuta bħala membru tal-familja jew indikata bħala membru tad-dar mil-leġislazzjoni li taħtha jingħataw il-benefiċċji;

(ii)      fir-rigward ta’ benefiċċji mogħtija in natura skond it-Titolu III, Kapitolu 1 dwar benefiċċji marbuta mal-mard, benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità, kwalunkwe persuna definita jew rikonoxxuta bħala membru tal-familji jew indikata bħala membru tad-dar mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn din il-persuna għandha r-residenza tagħha;

2.      Jekk il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru li hija applikabbli taħt is-subparagrafu 1 ma tagħmilx distinzjoni bejn membri tal-familji u persuni oħra li tapplika għalihom, ir-raġel jew il-mara, l-ulied minorenni, u l-ulied li għandhom l-età tagħhom iżda għadhom jiddependu fuq il-ġenituri għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja;

3.      Jekk, taħt il-leġislazzjoni applikabbli taħt is-subparagrafi 1 u 2, persuna titqies bħala membru tal-familja jew membru tad-dar biss jekk hija tgħix fl-istess dar mal-persuna assigurata jew mal-persuna pensjonanta, din il-kondizzjoni għandha titqies bħallikieku sodisfatta jekk il-persuna konċernata tiddependi primarjament fuq il-persuna assigurata jew fuq il-persuna pensjonanta;

[…]

(z)      ‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”

5        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

6        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

(j)      benefiċċji marbuta mal-familja.”

7        L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, jaqra kif ġej:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

 Ir-Regolament Nru 492/2011

8        L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

 Id-Direttiva 2014/54/UE

9        Il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU 2014, L 128, p. 8), hija redatta kif ġej:

“Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri tas-suq intern tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 45 [TFUE]. L-implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata aktar mil-liġi tal-Unjoni immirata biex tiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. ‘Membri tal-familja tagħhom’ għandha tinftiehem fl-istess sens tat-terminu kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/38] li tapplika wkoll għal membri tal-familja ta’ ħaddiema tal-fruntiera.”

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/54 jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 [TFUE] u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament [Nru 492/2011]. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u għall-membri tal-familja tagħhom […]”

11      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għas-suġġetti li ġejjin, kif imsemmija fl-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament [Nru 492/2011], fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema:

[…]

(c)      l-aċċess għall-vantaġġi soċjali u fiskali;

[…]

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa identiku għal dak tar-Regolament [Nru 492/2011].”

 Id-dritt Lussemburgiż

12      Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma l-Artikoli 269 u 270 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi”), fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2016, data tad-dħul fis-seħħ tal-loi du 23 juillet 2016, portant modification du code de la sécurité sociale, de la loi modifiée du 4 décembre 1967 concernant l’impôt sur le revenu, et abrogeant la loi modifiée du 21 décembre 2007 concernant le boni pour enfant (il-Liġi tat-23 ta’ Lulju 2016 li Temenda l-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, il-Liġi Emendata tal-4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u li Tħassar il-Liġi Emendata tal-21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Benefiċċji għall-Ulied) (Mémorial A 2016, p. 2348, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-23 ta’ Lulju 2016”).

13      L-Artikolu 269(1) tal-Kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2016, jipprovdi li:

“Allowance għall-futur tal-ulied, iktar ’il quddiem ‘allowance tal-familja’ hija stabbilita.

Jagħti dritt għall-allowance tal-familja:

a)      kull wild, li jirrisjedi fil-fatt u b’mod kontinwu fil-Lussemburgu u li għandu d-domiċilju legali tiegħu hemmhekk;

b)      il-membri tal-familja tagħhom kif iddefiniti fl-Artikolu 270 ta’ kull persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti Ewropej jew ta’ strument ieħor bilaterali jew multilaterali konkluż mil-Lussemburgu fil-qasam tas-sigurtà soċjali u li jipprovdi għall-ħlas ta’ allowances tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-impjieg. Il-membri tal-familja għandhom jirrisjedu f’pajjiż kopert mir-regolamenti jew mill-istrumenti inkwistjoni.”

14      Skont l-Artikolu 270 tal-Kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2016, “[g]ħall-applikazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 269(1), jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna u jagħtu dritt għall-allowance tal-familja, l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra ż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna”.

15      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 272(1) tal-Kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2016, “[l]-ammont tal-allowance tal-familja huwa ffissat għal EUR 265 għal kull wild fix-xahar”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      FV jaħdem fil-Lussemburgu u jirrisjedi fi Franza mal-konjuġi tiegħu, GW, u t-tliet ulied tagħhom, fosthom, HY, li huwa l-wild ta’ unjoni preċedenti ta’ GW. GW għandha l-awtorità parentali esklużiva fuq HY. Sa meta daħlet fis-seħħ il-Liġi tat-23 ta’ Lulju 2016, din il-familja kienet tibbenefika mill-allowances tal-familja għal dawn it-tliet ulied, minħabba l-kwalità ta’ ħaddiem fruntalier ta’ FV.

17      B’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat-23 ta’ Lulju 2016, li emendat il-Kodiċi billi eskludiet b’mod partikolari lill-ulied tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba mill-kunċett ta’ “membri tal-familja” iddefinit fl-Artikolu 270 tiegħu, din il-familja ma baqgħatx tibbenefika minn dawn l-allowances għal HY.

18      Fil-fatt, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2016, iċ-CAE, billi bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u fuq l-Artikoli 269 u 270 tal-Kodiċi, fil-verżjoni tagħhom applikabbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat-23 ta’ Lulju 2016, ikkunsidra li, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2016, FV ma kellux iktar dritt għall-allowance tal-familja għal HY, wild imwieled fil-5 ta’ Diċembru 2000 u mrobbi f’din il-familja li FV ifforma ma’ GW sa mix-xahar ta’ Lulju 2008. Peress li dan il-wild oriġina minn unjoni preċedenti ta’ GW u ma għandu l-ebda rabta ta’ filjazzjoni ma’ FV, huwa ma għandux il-kwalità ta’ “membru tal-familja”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan jeskludi d-dritt għall-allowance tal-familja Lussemburgiża għall-imsemmi wild.

19      Adit b’rikors ippreżentat minn FV kontra din id-deċiżjoni, il-conseil arbitral de la sécurité sociale (il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) iddikjara, permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Novembru 2017, dan ir-rikors fondat sa fejn dan kien intiż għaż-żamma tal-allowance tal-familja għal HY wara l-31 ta’ Lulju 2016. Skont il-conseil arbitral de la sécurité sociale (il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali):

–        il-benefiċċji tal-familja Lussemburgiżi jikkostitwixxu vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011; dawn huma relatati mal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata billi, sabiex dawn jingħataw, FV jeħtieġ li jkun ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża; ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk dan il-vantaġġ soċjali huwiex rifless, bħal fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja, fi dritt tal-wild stess li jagħti dritt għal tali vantaġġ jew fi dritt għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji lil FV li jassumi r-responsabbiltà tiegħu u li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni soċjali Lussemburgiża, irrispettivament minn jekk dan huwiex ħaddiem nazzjonali jew le;

–        is-sistema stabbilita mill-Artikoli 269 u 270 tal-Kodiċi, fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2016, tistabbilixxi differenza fit-trattament skont ir-residenza tal-wild ikkonċernat sa fejn hemm differenza fit-trattament fir-rikonoxximent ta’ vantaġġi soċjali fir-rigward tal-persuna li tingħata l-benefiċċji tal-familja skont jekk din tkunx ħaddiem nazzjonali li l-wild tal-konjuġi tiegħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu jirrisjedi fil-Lussemburgu jew ħaddiem fruntalier li l-wild tal-konjuġi tiegħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu ma jirrisjedix fil-Lussemburgu, iżda fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan il-ħaddiem fruntalier; dan imur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011; u

–        anki jekk l-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 883/2004 jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru mitlub sabiex jiddefinixxi l-kunċett ta’ “membru tal-familja”, il-liġi nazzjonali ta’ riferiment, jiġifieri l-Artikolu 270 tal-Kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2016, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-29 ta’ Diċembru 2017 quddiem il-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu), iċ-CAE appella mis-sentenza tal-conseil arbitral de la sécurité sociale (il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali) tas-17 ta’ Novembru 2017. Huwa kkontesta l-assimilazzjoni tal-benefiċċji tal-familja ma’ vantaġġ soċjali u sostna li l-elementi oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw allegata differenza fit-trattament ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni.

21      FV argumenta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru u li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jaħdmu hemmhekk għandhom dritt għall-benefiċċji soċjali, għall-vantaġġi soċjali u fiskali u kif ukoll għall-għajnuna soċjali li huma disponibbli fl-Istat Membru ospitanti għaċ-ċittadini nazzjonali tiegħu. Skont FV, l-istess raġunament adottat fis-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et (C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955) għandu jiġi applikat b’analoġija fir-rigward tal-familja tiegħu. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ulied tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba rrikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiem fruntalier jistgħu jitqiesu bħala l-ulied tiegħu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dritt li jirċievu għajnuna finanzjarja għat-tkomplija tal-istudji tagħhom f’livell terzjarju, peress li tali għajnuna hija kkunsidrata bħala vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-allowance tal-familja Lussemburgiża mogħtija skont l-Artikoli 269 u 270 tal-[Kodiċi, fil-verżjoni applikabbli tagħhom mill-1 ta’ Awwissu 2016] għandha tiġi assimilata ma’ vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 492/2011]?

2)      Fil-każ li titqies b’dan il-mod, id-definizzjoni ta’ membru tal-familja applikabbli skont l-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 883/2004 tipprekludi d-definizzjoni usa’ ta’ membru tal-familja fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva [2004/38] peress li din tal-aħħar teskludi kwalunkwe awtonomija tal-Istat Membru fid-definizzjoni ta’ membru tal-familja kuntrarju għal dak stipulat fir-regolament ta’ koordinazzjoni u teskludi sussidjarjament, kull kunċett ta’ dipendenza prinċipali. Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha tipprevali minħabba l-ispeċifiċità tagħha fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u fuq kollox għandu l-Istat Membru jżomm il-kompetenza biex jiddefinixxi l-membri tal-familja li huma intitolati għall-allowance tal-familja?

3)      Fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva [2004/38] u, b’mod iktar speċifiku, għall-allowance tal-familja Lussemburgiża, l-esklużjoni tal-wild tal-konjuġi mid-definizzjoni tal-membru tal-familja tista’ titqies diskriminazzjoni indiretta ġġustifikata fid-dawl tal-għan nazzjonali tal-Istat Membru li jistabilixxi d-dritt personali tal-wild u tan-neċessità li tiġi protetta l-amministrazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg, meta meta estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni personali jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli għas-sistema tal-benefiċċji tal-familja Lussemburgiżi, li tesporta, b’mod partikolari, kważi 48 % tal-benefiċċji tal-familja tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

23      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minn ħaddiem fruntalier, ta’ attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru tikkostitwixxi vantaġġ soċjali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

24      Huwa opportun li jitfakkar li l-Artikolu 45(2) TFUE jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika t-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol l-oħra. Din id-dispożizzjoni hija kkonkretizzata fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jippreċiża li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner, C-496/15, EU:C:2017:152, punt 32).

25      Mill-għan tal-ugwaljanza fit-trattament imfittex mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jirriżulta li l-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” estiż mill-istess dispożizzjoni għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra jinkludi l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk bħala adatta sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et, C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa ta’ benefiċċju mingħajr distinzjoni kemm għall-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti kif ukoll għall-ħaddiema fruntalieri li, filwaqt li jeżerċitaw l-attività tagħhom bħala persuni impjegati f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 37, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditež Sociálnej poisťovne Bratislava et, C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 41).

27      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa għalhekk ta’ benefiċċju għal ħaddiem, bħal FV, li, filwaqt li jaħdem fil-Lussemburgu, jirrisjedi fi Franza.

28      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk allowance bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

29      F’dan ir-rigward, ir-riferiment magħmul minn din id-dispożizzjoni għall-vantaġġi soċjali ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeμSociálnej poisťovne Bratislava et, C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkostitwixxi vantaġġ, hija marbuta, għal ħaddiem fruntalier bħal FV, mal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata fil-Lussemburgu. Inizjalment din ingħatat lil FV biss sa fejn dan kien ħaddiem fruntalier suġġett għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża.

31      Tali allokazzjoni tikkostitwixxi għalhekk vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minn ħaddiem fruntalier, ta’ attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

33      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom il-ħaddiema fruntalieri jistgħu jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, min-naħa tagħhom, ta’ attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru biss għall-ulied tagħhom stess, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom ma għandhomx rabta ta’ filjazzjoni, meta d-dritt li wieħed jirċievi tali allowance jeżisti fir-rigward tal-ulied kollha li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru.

34      Fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 883/2004 għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk allowance, bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan, u mhux fuq il-fatt jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et, C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      B’dan il-mod, benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, minn naħa, huwa jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita u sa fejn, min-naħa l-oħra, huwa jkun marbut ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et, C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, benefiċċji mogħtija awtomatikament lill-familji li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi bbażati b’mod partikolari fuq id-daqs tagħhom, id-dħul tagħhom u r-riżorsi f’kapital tagħhom, minbarra kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huma intiżi sabiex jikkumpensaw il-piżijiet tal-familja, għandhom jitqiesu bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 60, u tal-21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 22).

38      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk benefiċċju partikolari jaqax taħt il-benefiċċji tal-familja previsti fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament, it-termini “benefiċċju marbut mal-familja” ifissru l-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija jew ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-termini “jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu, b’mod partikolari, għal kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fir-rigward tal-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li, minn naħa, din titħallas għall-ulied kollha residenti fil-Lussemburgu kif ukoll għall-ulied kollha ta’ ħaddiema mhux residenti li għandhom rabta ta’ filjazzjoni ma’ dawn tal-aħħar. Konsegwentement, dan il-benefiċċju jingħata mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment. Min-naħa l-oħra, jidher li l-imsemmi benefiċċju jirrappreżenta kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied.

40      Minn dan isegwi li allowance bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi benefiċċju tas-sigurtà soċjali, li jaqa’ taħt il-benefiċċji tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004.

41      Barra minn hekk, ħaddiem bħal FV jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004, li japplika, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, għaċ-ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri li jirrisjedu fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u għas-superstiti tagħhom.

42      Fid-dawl tal-premess, ir-Regolament Nru 883/2004 huwa applikabbli għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      Barra minn hekk, applikazzjoni konġunta ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ma tistax tiġi eskluża.

44      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għalkemm huwa minnu li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU 1968, L 257, p. 2) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), li tħassru u ġew issostitwiti bir-Regolamenti Nri 492/2011 u 883/2004, rispettivament, ma għandhomx l-istess kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, billi r-Regolament Nru 1612/68 huwa ta’ portata ġenerali fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament jista’ jkun applikabbli għal vantaġġi soċjali li jaqgħu wkoll fil-qasam ta’ applikazzjoni speċifiku tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑206/10, EU:C:2011:283, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 27).

45      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, pereżempju, li tali benefiċċju bħal allowance għall-edukazzjoni intiża sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż tal-familja, jaqa’ fil-qasam ta’ application ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni bħala benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 u bħala vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, EU:C:1998:217, punti 27 u 28).

46      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, mutatis mutandis, fir-rigward tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011.

47      Għaldaqstant hemm lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda fuq il-bażi kemm tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 kif ukoll tar-Regolament Nru 883/2004.

48      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, allowance bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

49      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 40).

50      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li wild ta’ ħaddiem fruntalier, li jista’ jibbenefika indirettament mill-vantaġġi soċjali msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, ma huwiex biss il-wild li għandu rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem iżda wkoll il-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba rreġistrata tal-imsemmi ħaddiem, meta dan tal-aħħar jipprovdi għall-manteniment ta’ dan il-wild. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit tal-aħħar jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt, li hija l-amministrazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fuq il-bażi tal-provi pprovduti mill-persuna kkonċernata, mingħajr il-ħtieġa li dawn jiddeterminaw ir-raġunijiet għal din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw l-estent eżatt tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C-403/15, EU:C:2016:955, punt 64).

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-ħaddiem fruntalier li jista’ jibbenefika indirettament mill-ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, jikkorrispondi għal dak ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, li jinkludi l-konjuġi jew is-sieħeb jew is-sieħba li magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun daħal f’unjoni rreġistrata, id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti, u d-dixxendenti diretti tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkonsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-premessa 1, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2014/54 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C-401/15 sa C-403/15, EU:C:2016:955, punti 52 sa 54).

52      Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-missier bijoloġiku tal-wild ma jħallasx manteniment lill-omm ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk jidher li FV, li huwa l-konjuġi tal-omm ta’ HY, jipprovdi għall-manteniment ta’ dan il-wild, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

53      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-regola li tipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità f’dak li jirrigwarda l-vantaġġi soċjali, stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, tipprekludix dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li jipprekludu ħaddiem fruntalier milli jirċievi allowance bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-wild tal-konjuġi tiegħu li miegħu ma għandux rabta ta’ filjazzjoni.

54      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha indiretti ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (sentenzi tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 40, u tal-10 ta’ Lulju 2019, Aubriet, C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 26; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 41).

55      F’dan il-każ, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ulied kollha residenti fil-Lussemburgu jistgħu jitolbu l-imsemmija allowance tal-familja, li jimplika li l-ulied kollha li jifformaw parti mill-familja ta’ ħaddiem residenti fil-Lussemburgu jistgħu jitolbu l-istess allowance, inklużi l-ulied tal-konjuġi ta’ dan il-ħaddiem. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema mhux residenti jistgħu jitolbu tali allowance biss għall-ulied tagħhom stess, bl-esklużjoni tal-ulied tal-konjuġi tagħhom li magħhom ma għandhomx rabta ta’ filjazzjoni.

56      Tali distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, li tista’ tippreġudika iktar lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti huma ħafna drabi persuni li ma humiex ċittadini, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità li hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Aubriet, C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Il-fatt li d-dritt għall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħata direttament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-wild residenti fil-Lussemburgu, filwaqt li, fir-rigward ta’ ħaddiema mhux residenti, dan id-dritt jingħata lill-ħaddiem, għall-membri tal-familja tiegħu kif iddefiniti minn din il-leġiżlazzjoni, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-benefiċċji tal-familja ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu li huma dovuti lil individwu indipendentement mis-sitwazzjoni tal-familja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 2002, Humer, C‑255/99, EU:C:2002:73, punt 50, u tas-26 ta’ Novembru 2009, Slanina, C‑363/08, EU:C:2009:732, punt 31).

58      Sabiex tiġi ġġustifikata, l-imsemmija diskriminazzjoni indiretta għandha tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Aubriet, C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 29).

59      Il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’dan ir-rigward, minn naħa, l-“għan nazzjonali tal-Istat Membru li jistabilixxi d-dritt personali tal-wild” u, min-naħa l-oħra, in-“neċessità li tiġi protetta l-amministrazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg, meta meta estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni personali jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli għas-sistema tal-benefiċċji tal-familja Lussemburgiżi, li tesporta, b’mod partikolari, kważi 48 % tal-benefiċċji tal-familja tagħha”.

60      Fir-rigward tal-għan nazzjonali li jiġi stabbilit id-dritt personali tal-wild, tali għan ma jidhirx li huwa ta’ natura li jiġġustifika d-diskriminazzjoni indiretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għalkemm id-dritt għall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali direttament lill-wild residenti fil-Lussemburgu, jidher li, fir-rigward tal-ħaddiema mhux residenti, dan id-dritt jingħata lill-ħaddiem, għall-membri tal-familja tiegħu kif iddefiniti minn din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri l-ulied li għandhom rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tiegħu li ma għandhomx tali rabta miegħu. Għaldaqstant, jidher li ebda dritt personali ma jingħata lill-ulied ta’ ħaddiema mhux residenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62      F’dak li jirrigwarda l-għan li tiġi protetta l-amministrazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg sa fejn it-tkabbir tal-kamp personali ta’ applikazzjoni tal-allowance tal-familja jikkostitwixxi “piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-benefiċċji tal-familja Lussemburgiża”, jekk jitqies li dan l-għan jista’ jiġi kkunsidrat bħala leġittimu, id-diskriminazzjoni indiretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx, fi kwalunkwe każ, li hija xierqa u lanqas neċessarja sabiex tiġi solvuta l-allegata problema tal-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-familja Lussemburgiżi.

63      Fil-fatt, minn naħa, billi ta l-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-ulied kollha li għandhom rabta ta’ filjazzjoni mal-ħaddiema fruntalieri, mingħajr il-ħtieġa tal-prova tal-eżistenza ta’ familja komuni jew dik tar-responsabbiltà prinċipali tal-wild, il-leġiżlatur Lussemburgiż stess adotta interpretazzjoni wiesgħa taċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din l-allowance. Min-naħa l-oħra, dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri li jaffettwaw mingħajr distinzjoni lill-ħaddiema residenti u lill-ħaddiema fruntalieri.

64      Konsegwentement, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom il-ħaddiema mhux residenti jistgħu jirċievu allowance bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss għall-ulied tagħhom stess, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom ma għandhomx rabta ta’ filjazzjoni, filwaqt li l-ulied kollha residenti f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance.

65      Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 67 tiegħu jipprovdi li persuna għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kienu jirrisjedu fl-ewwel Stat Membru.

66      Skont l-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 883/2004, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, l-espressjoni “membru tal-familja” tfisser kull persuna ddefinita jew irrikonoxxuta bħala membru tal-familja jew indikata bħala membru tad-dar tal-familja mil-leġiżlazzjoni li taħtha jingħataw il-benefiċċji.

67      Billi tibbaża ruħha fuq din id-definizzjoni kif ukoll fuq is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski (C‑378/14, EU:C:2015:720), iċ-CAE jsostni li huwa l-Istat Membru kompetenti li għandu jiddefinixxi l-membri tal-familja li għandhom dritt għall-allowance tal-familja. Għalhekk, il-leġiżlatur nazzjonali huwa kompetenti sabiex jillimita l-ħlas tal-benefiċċji tal-familja biss għall-ulied li għandhom rabta ta’ filjazzjoni mal-ħaddiem.

68      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 883/2004, li huwa dak li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn skemi nazzjonali distinti mingħajr ma tiġi organizzata skema komuni ta’ sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, ċertament, li l-persuni li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja huma ddeterminati konformement mad-dritt nazzjonali (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 44).

69      Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 40).

70      Issa, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar (sentenzi tas-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 35, u tat-18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditel’ Sociálnej poisťovne Bratislava et, C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 39), jipprekludi biss, kif ġie konkluż fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom il-ħaddiema mhux residenti jistgħu jirċievu allowance bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss għall-ulied tagħhom stess, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom huma ma għandhom ebda rabta ta’ filjazzjoni, filwaqt li l-ulied kollha li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom il-ħaddiema fruntalieri jistgħu jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, ta’ attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru biss għall-ulied tagħhom stess, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom huma ma għandhom ebda rabta ta’ filjazzjoni, madankollu jipprovdu għall-manteniment tagħhom, filwaqt li l-ulied kollha li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minn ħaddiem fruntalier, ta’ attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2)      L-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom il-ħaddiema fruntalieri jistgħu jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, ta’ attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru biss għall-ulied tagħhom stess, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom huma ma għandhom ebda rabta ta’ filjazzjoni, madankollu jipprovdu għall-manteniment tagħhom, filwaqt li l-ulied kollha li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.