Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Jannar 2016 – Zafeiropoulos vs Cedefop

(Kawża T-537/12) 1

(“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi mediċi lill-persunal taċ-Cedefop – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent u għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Rifjut li jingħata aċċess għal ċerti dokumenti dwar offerenti oħrajn li pparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali u tar-reputazzjoni – Protezzjoni tad-data personali – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Panteleïmon Zafeiropoulos (Thessaloniki, il-Greċja) (rappreżentanti: M. Kontogiorgos, avukat)

Konvenut: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) (rappreżentanti: M. Fuchs, aġent, assistit inizjalment minn E. Petritsi, sussegwentement minn P. Anestis, avukati)

Suġġett

L-ewwel nett, talba għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni taċ-Cedefop tat-8 ta’ Ottubru 2012 li ċaħdet l-offerta ppreżentata mir-rikorrent fil-kuntest ta’ avviż ta’ kuntratt tad-19 ta’ Ġunju 2012, ippubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012/S 115-189528) dwar il-provvista ta’ servizzi mediċi lill-persunal taċ-Cedefop f’Tessaloniki (il-Greċja), u tad-deċiżjoni taċ-Cedefop tad-9 ta’ Ottubru 2012 li tagħti l-kuntratt finali fl-imsemmi avviż lil offerent ieħor u mhux lir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni taċ-Cedefop li ċaħdet it-talba tar-rikorrent għal aċċess għal ċerti dokumenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ avviż ta’ kuntratt, kif ukoll, it-tieni nett, talba għad-danni għall-ħsara li r-rikorrent sofra bħala konsegwenza tal-ksur allegatament imwettaq miċ-Cedefop.

Dispożittiv

Id-deċiżjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) tat-8 ta’ Ottubru 2012 li ċaħdet l-offerta magħmula minn Panteleïmon Zafeiropoulos fil-kuntest tal-avviż ta’ kuntratt tad-19 ta’ Ġunju 2012 dwar il-provvista ta’ servizzi mediċi lill-persunal taċ-Cedefop f’Tessaloniki (il-Greċja), u d-deċiżjoni taċ-Cedefop tad-9 ta’ Ottubru 2012 li tagħti l-kuntratt finali fl-imsemmi avviż lil offerent ieħor u mhux lil P. Zafeiropoulos huma annullati.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Iċ-Cedefop għandha tbati l-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż ta’ P. Zafeiropoulos.

P. Zafeiropoulos għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu.

____________

1 ĠU C 46, 16.2.2013.