Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 3 de Gijón (Spanja) fit-28 ta’ Novembru 2023 – Agencia Estatal de la Administración Tributaria vs VT, UP

(Kawża C-723/23, Amilla 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil nº 3 de Gijón

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Agencia Estatal de la Administración Tributaria

Konvenuti: VT u UP

Domandi preliminari

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali bħall-punt 4 tal-Artikolu 487(1) tat-Texto Refundido de la Ley Concursal (it-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Ley 16/2022 (il-Liġi 16/2022), tal-5 ta’ Settembru 2022, sa fejn din ir-regola tinkludi fil-kunċett ta’ “aġir diżonest jew in mala fide” tad-debitur, aġiri ta’ dan tal-aħħar fil-konfront tal-kredituri ta’ terzi, differenti minn dawk li jinsabu fil-lista tal-kredituri tal-proċedura għal insolvenza rispettiva tiegħu inkwantu persuna fiżika?

Il-punt 4 tal-Artikolu 487(1) tat-Texto Refundido de la Ley Concursal (it-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Ley 16/2022 (il-Liġi 16/2022), tal-5 ta’ Settembru 2022, huwa konformi mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2019/1023, sa fejn jipprovdi deroga għall-proċedura tat-tieni opportunità li twaqqaf milli jkun hemm ħelsien totali mid-dejn?

Il-punt 4 tal-Artikolu 487(1) tat-Texto Refundido de la Ley Concursal (it-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Ley 16/2022 (il-Liġi 16/2022), tal-5 ta’ Settembru 2022, huwa konformi mal-Artikolu 20(2) u mal-premessa 79 tad-Direttiva 2019/1023, sa fejn ir-regola nazzjonali ma tikkunsidrax is-sitwazzjoni individwali tad-debitur, u għalhekk tistabbilixxi deroga ta’ natura oġġettiva, mingħajr possibbiltà għall-qrati Spanjoli li jevalwaw iċ-ċirkustanzi suġġettivi tas-sitwazzjoni tad-debitur li jaċċedi għall-proċedura tat-tieni opportunità?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2019, L 172, p. 18.