Language of document : ECLI:EU:C:2020:950

Kawża C59/19

Wikingerhof GmbH & Co. KG

vs

Booking.com BV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal24 ta’ Novembru 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni – Punti 1 u 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra prattiki kummerċjali meqjusa bħala kuntrarji għad-dritt tal-kompetizzjoni – Allegazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti li jirriżulta minn prattiki kummerċjali koperti minn dispożizzjonijiet kuntrattwali – Pjattaforma ta’ prenotazzjoni ta’ akkomodazzjoni online booking.com”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Kunċett – Azzjoni għad-danni li ma taqax taħt il-qasam kuntrattwali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, punti 1(a) u (2) tal-Artikolu 7)

(ara l-punt 23)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Kriterji ta’ delimitazzjoni bejn materji kuntrattwali u materji ta’ delitt jew kważi delitt – Talba mressqa bejn il-partijiet kontraenti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligu li jservi ta’ kawża għal din it-talba

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, punti 1 u 2 tal-Artikolu 7)

(ara l-punti 26, 31 sa 33)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Kunċett – Azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra prattiki kummerċjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l-konvenut – Azzjoni bbażata fuq allegazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, punt 2 tal-Artikolu 7)

(ara l-punti 33 sa 38 u d-dispożittiv)


Sunt

Lukanda li tuża l-pjattaforma Booking.com tista’ bħala prinċipju tressaq, kontra din tal-aħħar, kawża quddiem qorti tal-Istat Membru li fih din il-lukanda tkun stabbilita sabiex jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni kontra eventwali abbuż minn pożizzjoni dominanti

Għalkemm l-aġir hekk ikkontestat jiġi implimentat fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt prevista fir-Regolament Brussell Ia tapplika għalih

Wikingerhof GmbH & Co. KG, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li topera lukanda fil-Ġermanja, ikkonkludiet, fl‑2009, kuntratt ma’ Booking.com BV, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż li għandha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u li topera pjattaforma ta’ prenotazzjoni ta’ akkomodazzjoni. Dan kien kuntratt standard ipprovdut minn Booking.com u li fih kien previst b’mod partikolari dan li ġej: “Il-lukanda tiddikjara li rċeviet kopja tal-verżjoni 0208 tal-kundizzjonijiet ġenerali [...] ta’ Booking.com. Dawn jinsabu online fis-sit ta’ Booking.com [...]. Il-lukanda tikkonferma li qrat il-kundizzjonijiet, fehmithom u qablet magħhom. Il-kundizzjonijiet huma parti integrali tal-kuntratt [...]” Sussegwentement, Booking.com emendat diversi drabi l-kundizzjonijiet ġenerali tagħha, aċċessibbli fuq l-Extranet ta’ din il-kumpannija.

Wikingerhof ikkontestat bil-miktub l-inklużjoni fil-kuntratt inkwistjoni ta’ verżjoni ġdida tal-kundizzjonijiet ġenerali li dwarha Booking.com kienet għarrfet lill-imsieħba kuntrattwali tagħha fil‑25 ta’ Ġunju 2015. Hija qieset li hija ma kellhiex għażla oħra ħlief li tikkonkludi dan il-kuntratt u li ssofri l-effett tal-modifiki ulterjuri tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Booking.com minħabba l-pożizzjoni dominanti ta’ din tal-aħħar fis-suq tas-servizzi ta’ intermedjarji u tal-portali ta’ prenotazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, anki jekk ċerti prattiki ta’ Booking.com huma inġusti u għalhekk kuntrarji għad-dritt tal-kompetizzjoni.

Sussegwentement, Wikingerhof ressqet, quddiem il-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja), azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex Booking.com tiġi pprojbita milli (i) tqiegħed mal-prezz indikat minn Wikingerhof, mingħajr il-kunsens ta’ din tal-aħħar, il-frażi “prezz iktar vantaġġuż” jew “prezz imnaqqas” fuq il-pjattaforma ta’ prenotazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, (ii) iċċaħħadha mill-aċċess għad-data ta’ kuntatt li l-imsieħba kuntrattwali tagħha jipprovdu fuq din il-pjattaforma u, (iii) tissuġġetta l-pożizzjonament tal-lukanda li hija topera, meta jsiru talbiet għal tfittxija, fuq l-għoti ta’ kummissjoni ta’ iktar minn 15 %. Il-Landgericht Kiel ikkonkludiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni territorjali u internazzjonali, u dan ġie kkonfermat fl-appell mill-Oberlandesgericht Schleswig (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Schleswig, il-Ġermanja). Skont din tal-aħħar, minbarra l-fatt li l-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati Ġermaniżi skont ir-Regolament Nru 1215/2012 (1) (ir-Regolament Brussell Ia) kienet nieqsa għar-raġuni li Booking.com għandha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, la l-ġurisdizzjoni speċjali abbażi tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali, skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, u lanqas dik abbażi tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż f’materji ta’ delitt jew kważi delitt, skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, ma kienet stabbilita f’dan il-każ.

Adita minn Wikingerhof b’appell għal reviżjoni fejn allegat li l-Oberlandesgericht Schleswig qieset b’mod żbaljat li l-azzjoni inkwistjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha f’materji ta’ delitt jew kważi delitt, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), min-naħa tagħha, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Għaldaqstant, id-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja hija dwar il-kwistjoni jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 japplikax għal azzjoni intiża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra ċertu aġir implimentat fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l-konvenut u bbażata fuq allegazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti mwettaq minn dan tal-aħħar, bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

B’risposta għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-applikabbiltà kemm tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jew tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tiegħu tiddependi, b’mod partikolari, mill-eżami, mill-qorti adita, tal-kundizzjonijiet speċifiċi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, meta rikorrent jinvoka waħda mill-imsemmija regoli, huwa neċessarju għall-qorti adita li tivverifika jekk it-talbiet tar-rikorrent ikunux, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, ta’ natura kuntrattwali jew, għall-kuntrarju, ta’ natura delittwali jew kważi delittwali, fis-sens ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, sabiex torbot talba magħmula bejn il-partijiet kontraenti mal-“materji kuntrattwali” jew mal-“materji ta’ delitt”, fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti adita għandha teżamina l-obbligu “kuntrattwali” jew “delittwali jew kważi delittwali” li jservi ta’ kawża għat-talba.

Għalhekk, azzjoni taqa’ taħt il-materji kuntrattwali, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt li jorbot lill-konvenut mar-rikorrent tidher indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, għall-kuntrarju, illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent. Min-naħa l-oħra, meta r-rikorrent jinvoka, fir-rikors tiegħu, ir-regoli tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali, jiġifieri l-ksur ta’ obbligu impost mil-liġi, u ma jidhirx indispensabbli li jiġi eżaminat il-kontenut tal-kuntratt konkluż mal-konvenut sabiex tiġi evalwata n-natura legali jew illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, il-kawża tal-azzjoni taqa’ taħt il-materji ta’ delitt jew kważi delitt, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

F’dan il-każ, Wikingerhof tinvoka, fir-rikors tagħha, ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Ġermaniż, li jipprevedi projbizzjoni ġenerali li jitwettaq abbuż minn pożizzjoni dominanti, indipendenti minn kull kuntratt jew impenn volontarju ieħor. B’hekk, il-kwistjoni ta’ liġi fil-qalba tal-kawża prinċipali hija dik dwar jekk Booking.com wettqitx abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-imsemmi dritt tal-kompetizzjoni. Issa, sabiex tiġi ddeterminata n-natura legali jew illegali fid-dawl ta’ dan id-dritt tal-prattiki kkritikati fil-konfront ta’ Booking.com, ma huwiex indispensabbli li jiġi interpretat il-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-kawża prinċipali, peress li tali interpretazzjoni hija l-iktar l-iktar neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-materjalità tal-imsemmija prattiki.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-azzjoni ta’ Wikingerhof, sa fejn hija bbażata fuq l-obbligu legali li persuna tastjeni minn kull abbuż minn pożizzjoni dominanti, taqa’ taħt il-materji ta’ delitt jew kważi delitt, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.


1      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).