Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2013 - Calestep vs ECHA

(Kawża T-89/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Calestep, SL (Estepa, Spanja) (rappreżentant: E. Cabezas Mateos, avukat)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tkompli bil-proċedura fl-istadji kollha tagħha u tiddeċiedi fuq it-talba billi tiddikjara nulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li għaliha tirreferi.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti f'din il-kawża, minħabba fil-klassifikazzjoni tagħha bħala impriża żgħira kienet tħallas it-tariffa mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 74(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta' April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 107, p. 6), li jirreferu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta' Mejju 2003, dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, p. 36).

Wara verifika, l-ECHA kkunsidrat li ma tistax titqies bħala impriża żgħira, dik l-impriża li tagħmel parti minn grupp. Meta wieħed iqis li din l-impriża ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa, il-konvenuta talbet lir-rikorrenti sabiex tipproċedi għall-ħlas tal-bilanċ tal-ammont kollu tat-tariffa li jifdal għal kumpannija ta' daqs medju, flimkien ma' tariffa amministrattiva.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' tnejn mir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(2) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni ċċitata iktar 'il fuq.

F'dan ir-rigward huwa affermat li sabiex impriża tiġi eskluża milli tiġi kkunsidrata bħala żgħira ma huwiex biżżejjed li din għandha iktar minn 50 impjegat, iżda huwa wkoll neċessarju li tissodisfa wieħed mir-rekwiżiti l-oħra ta' din id-dispożizzjoni, peress li din timponi l-konġunzjoni "u", li ma huwiex minnu f'dan il-każ.

____________