Language of document : ECLI:EU:F:2016:70

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

tal-11 ta’ April 2016

Kawża F‑41/15 DISS II

FN et

vs

Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)

“Servizz pubbliku – Persunal taċ-CEPOL – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Post tal-impjieg li jikkorrispondi għas-sede taċ-CEPOL – Ċaqliq taċ-CEPOL lejn Budapest (l-Ungerija) – Bdil korrelattiv tal-post tal-impjieg tal-membri tal-persunal – Konsegwenzi kuntrattwali – Ħtieġa tal-kunsens tal-membri tal-persunal – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għall-post tal-impjieg il-ġdid – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu FN, FP, FQ u erba’ rikorrenti oħra, jiġifieri FK, FL, FM u FO, jitolbu, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni Nru 17/2014/DIR tad-Direttur tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL jew, iktar ’il quddiem, l-“Aġenzija”), tat-23 ta’ Mejju 2014, dwar iċ-ċaqliq taċ-CEPOL lejn Budapest (l‑Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”); l-annullament tad-diversi deċiżjonijiet taċ-CEPOL, tat‑28 ta’ Novembru 2014, li jiċħdu l-ilmenti tagħhom, imressqa individwalment bejn it-8 u l-21 ta’ Awwissu 2014, kontra d-deċiżjoni kkontestata; il-kumpens miċ-CEPOL għad-danni materjali u morali.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. FN, FP u FQ għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Rikorrent li ta l-kunsens tiegħu għall-att li fir-rigward tiegħu ġie ppreżentat ir-rikors – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Riżenja – Trasferiment tas-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni – Fatt li aġent ma jippreżentax ruħu fil-post il-ġdid tax-xogħol tiegħu – Aġir li jiswa daqs riżenja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 7 u 20; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 11, 47 u 81)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju u membri tal-persunal bil-kuntratt – Natura kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ xogħol – Libertà kuntrattwali – Limiti – Obbligi li jirriżultaw mill-missjoni partikolari ta’ interess ġenerali fdata lill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni – Trasferiment tas-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni – Assenjazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal – Kunsens mhux neċessarju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 10)

4.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid fil-każ ta’ trasferiment tas-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni – Kunsens tal-membri tal-persunal mhux meħtieġ

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

5.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Suġġett – Ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 64; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 20)

1.      Il-kunsens tal-persuna kkonċernata minn att li jikkawża preġudizzju ma huwiex ta’ natura li ttellef il-kwalità ta’ dan l-att li jikkawża preġudizzju lid-destinatarju tiegħu.

Sussegwentement, att li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ dħul fis-servizz tal-persunal ta’ aġenzija tal-Unjoni, filwaqt li dan ikun jimplementa att ta’ portata ġenerali tal-Kunsill u tal-Parlament, għandu jitqies bħala att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti sa fejn dan jemenda l-post ta’ assenzjazzjoni tagħhom f’kundizzjonijiet li jkunu allegatament illegali.

(ara l-punti 47 u 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-24 ta’ Frar 1981, Carbognani u Coda Zabetta vs Il-Kummissjoni, 161/80 u 162/80, EU:C:1981:51, punt 14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Ortega Urretavizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑587/93, EU:T:1996:100, punt 28

2.      Il-fatt li membru tal-persunal ma jippreżentax ruħu fil-post tax-xogħol tiegħu jista’ jitqies bħala aġir, min-naħa ta’ dan il-membru tal-persunal, ta’ riżenja li konsegwentement jiswa daqs riżenja fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.

F’dan ir-rigward, il-funzjonament tal-Unjoni jinvolvi, għal kull uffiċjal jew membru tal-persunal tas-servizz pubbliku Ewropew, l-obbligu li jaċċetta kull assenjazzjoni li tirrispondi għall-grupp ta’ funzjonijiet u għall-grad tal-impjieg tiegħu, konformement mall-ħtiġiet tas-servizz, fl-Unjoni kollha, fi kwalunkwe post tax-xogħol tal-istituzzjoni jew aġenzija li magħha daħal jaħdem. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikoli 11 u 81 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni huma obbligati jirrisjedu fil-post tal-assenjazzjoni tagħhom jew f’distanza tali minn dan il-post li ma toħolqilhomx problemi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ta’ aġenzija tal-Unjoni ma tistax tiġi kkritikata li, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jittrasferixxi s-sede tal-imsemmija aġenzija, hija talbet lill-persunal tagħha jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu f’dan il-post il-ġdid.

Konsegwentement, b’teħid inkunsiderazzjoni anki tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-aġenzija fl-organizzazzjoni u fl-istrutturazzjoni tad-dipartimenti tagħha, l-imsemmija awtorità tista’, fil-każ possibbli fejn wieħed mill-membri tal-persunal tal-aġenzija jirrifjuta li jibda jaqdi l-funzjonijet tiegħu mis-sede l-ġdida stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, li tali rifjut huwa ekwivalenti għal riżenja.

(ara l-punti 58 u 60 sa 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tal-24 ta’ Frar 1981, Carbognani u Coda Zabetta vs Il-Kummissjoni, 161/80 u 162/80, EU:C:1981:51, punti 23 u 37, u tas‑6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni, 285/81, EU:C:1983:192, punt 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tad-9 ta’ April 2003, Walton vs Il‑Kummissjoni, T‑155/01, EU:T:2003:105, punti 31 sa 34

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Il-bażi tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt mal-istituzzjoni jew mal-aġenzija kkonċernata hija kkostitwita minn kuntratt ta’ reklutaġġ. Għaldaqstant, l-iskambju tar-rieda tal-partijiet kontraenti, immaterjalizzat b’mod partikolari mill-iffirmar tal-kuntratt ta’ reklutaġġ, joħloq obbligi ta’ natura kuntrattwali li jillimitaw is-setgħa tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li taġixxi b’mod unilaterali barra mill-ipoteżijiet previsti b’mod espress mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.

Madankollu, il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ din il-libertà kuntrattwali huma rregolati u limitati mid-drittijiet u l-obbligi previsti fl-imsemmija Kondizzjonijiet, li jirriżultaw, jekk ikun il-każ, minn applikazzjoni, b’analoġija, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod li l-kokontraenti ma jkunux jistgħu, permezz ta’ kuntratt, jevitaw l-obbligi li jirriżultaw mill-missjoni partikolari ta’ interess ġenerali fdata lill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-punt ta’ jekk il-post ta’ assenzjazzjoni, meta jissemma fil-kuntratt ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt, jistax jiġi emendat b’mod unilaterjali mill-imsemmija awtorità, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jew il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri jistgħu jemendaw, fi kwalunkwe mument, is-sede tad-diversi istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni. Għandu wkoll jitfakkar li l-obbligu tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni li jassenjaw il-persunal tagħhom esklużivament fl-interess tas-servizz japplika anki meta dan ikun jista’ jwassal għal bdil tal-post ta’ assenzjazzjoni mhux mixtieq mill-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tista’, fl-interess tas-servizz, temenda l-post ta’ assenjazzjoni ta’ kull membru tal-persunal temporanju mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, li madankollu għandha tinstema’, jekk ikun neċessarju.

Fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal japplikax għalihom b’analoġija jew le, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkudi kuntratti ta’ reklutaġġ tista’ wkoll tiddeċiedi dwar l-assenzjazzjoni u l-assenzjazzjoni mill-ġdid tagħhom f’post ieħor, peress li huma biss il-membri tal-persunal lokali, li jiġu rreklutati permezz ta’ kuntratt preċiżament f’post patikolari, li għandhom dritt jopponu bdil tal-post ta’ assenzjazzjoni tagħhom, u dan għaliex, fil-każ tagħhom, l-istabbiltà tal-post tax-xogħol tagħhom tagħmel parti mill-kundizzjonijiet stess tal-impjieg.

(ara l-punti 68 sa 70, 72 u 73)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1977, Schertzer vs Il-Parlament, 25/68, EU:C:1977:158, punt 40; tal-24 ta’ Frar 1981, Carbognani u Coda Zabetta vs Il-Kummissjoni, 161/80 u 162/80, EU:C:1981:51, punti 28 u 34 ; tal‑14 ta’ Lulju 1988, Aldinger u Virgili vs Il-Parlament, 23/87 u 24/87, EU:C:1988:406, punt 17, u tad-19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il-Parlament, C‑18/91 P, EU:C:1992:269, punt 39

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Aubineau vs Il‑Kummissjoni, T‑102/95, EU:T:1996:104, punt 29

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Plasa vs Il‑Kummissjoni, F‑52/08, EU:F:2009:54, punt 77; tat-12 ta’ Frar 2014, Bodson et vs BEI, F‑73/12, EU:F:2014:16, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Murariu vs AEAPP, F‑116/14, EU:F:2015:89, punti 101 u 103

4.      Għalkemm l-assenzjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni tista’ tikkawża lill-persuna kkonċernata inkonvenjenti familjari jew disturbi ekonomiċi, din ma tikkostitwixxix avveniment anormali u imprevedibbli fil-karriera tiegħu, b’kont meħud tal-fatt li s-setgħa ġerarkika tista’ titwassal sabiex tiffaċċja rekwiżiti ta’ servizz li jqiegħduha fl-obbligu li tiddeċiedi dwar tali assenjazzjoni mill-ġdid.

Dawn ikun b’mod partikolari l-każ meta l-postijiet tax-xogħol tal-istituzzjoni jew tal-aġenzija li magħha l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal huwa assenjat ikunu mqassma bejn diversi Stati Membri jew f’diversi Stati. Dan jgħodd ukoll u a fortiori meta jkun il-leġiżlatur tal-Unjoni li jkun iddeċieda li jittrasferixxi s-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni ta’ Stat Membru lejn Stat Membru ieħor. L-obbligu għall-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni li jassenjaw il-persunal tagħhom fis-sempliċi interess tas-servizz u d-dritt korollarju tagħhom li ex officio jimponu bidliet fil-post ta’ assenzjazzjoni mhux mixtieqa mill-persuna kkonċernata japplikaw mhux biss fir-rigward tal-uffiċjali, iżda wkoll fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju.

Barra minn hekk, il-funzjonament tal-amministrazzjoni tal-Unjoni jinvolvi, għal kull uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni, l-obbligu li jaċċetta kull assenzjazzjoni li tirrispondi għall-grupp ta’ funzjonijiet u għall-grad tal-impjieg tiegħu, konformement mal-ħtiġiet tas-servizz, fl-Unjoni kollha, fi kwalunkwe post tax-xogħol tal-istituzzjoni li fi ħdanha dan ikun qiegħed jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, b’kont meħud tal-fatt li r-restrizzjonijiet ta’ natura personali u familjari, li l-eżekuzzjoni tas-servizz jista’ jikkawża f’dawn il-kundizzjonijiet, huma kkumpensati mill-vantaġġi u l-prerogattivi li jiġu mas-servizz pubbliku Ewropew.

(ara l-punti 81 sa 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1977, Geist vs Il‑Kummissjoni, 61/76, EU:C:1977:127, punt 34; tal-24 ta’ Frar 1981, Carbognani u Coda Zabetta vs Il-Kummissjoni, 161/80 u 162/80, EU:C:1981:51, punti 23 u 37; tat-23 ta’ Jannar 1986, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, 173/84, EU:C:1986:29, punt 25; tal-14 ta’ Lulju 1988, Aldinger u Virgili vs Il-Parlament, 23/87 u 24/87, EU:C:1988:406, punt 17, u d-digriet tal-11 ta’ Frar 1999, Costacurta vs Il‑Kummissjoni, C‑75/98 P, EU:C:1999:73, mhux ippubblikat, punt 49

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Aubineau vs Il‑Kummissjoni, T‑102/95, EU:T:1996:104, punt 30

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tal-14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 248

5.      Il-benefiċċju ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni partikolari ma jagħmilx parti, bħala tali, mir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u membri tal-persunal u huwa preċiżament varjabbli matul iż-żmien skont l-ambjent ekonomiku tal-post ta’ assenzjazzjoni jew ta’ residenza. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist, li għalih tirrispondi l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni, jibbaża fuq il-konstatazzjoni ta’ differenza kbira bejn is-sitwazzjonijiet ekonomiċi tad-diversi Stati Membri u Stati terzi bħala postijiet ta’ assenjazzjoni u jimplika li d-drittijiet pekunjarji tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni għandhom jagħtu, f’sitwazzjonijiet professjonali u familjari ekwivalenti, kapaċità ta’ akkwist identika irrispettivament mill-post ta’ assenjazzjoni jew ta’ residenza. Dan il-prinċipju, ispirat mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa implementat mill-applikazzjoni, fl-ammont nominali tar-remunerazzjoni jew, parzjalment jew totalment, fl-ammont nominali ta’ ċerti pensjonijiet, tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni li jesprimi r-relazzjoni bejn l-għoli tal-ħajja fi Brussell (il-Belġju) u fil-Lussemburgu (il-Lussemburu), li huma bliet ta’ referenza, ma’ dak tal-post ta’ assenjazzjoni jew ta’ residenza.

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għat-trattamenti tal-membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt ta’ aġenzija tal-Unjoni ma tirriżultax minn għażla tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, iżda minn applikazzjoni awtomatika, abbażi sempliċement tal-post ta’ assenzjazzjoni tal-persuni kkonċernati, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri dawk previsti f’regolament ta’ effett dirett fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE.

(ara l-punti 95, 96 u 98)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea : sentenza tas-26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI, T‑241/14 P, EU:T:2016:103, punt 98

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-5 ta’ Frar 2016, Barnett u Mogensen vs Il-Kummissjoni, F‑56/15, EU:F:2016:11, punti 73 u 74, u l-ġurisprudenza ċċitata; Clausen u Kristoffersen vs Il-Parlament, F‑62/15, EU:F:2016:12, punt 59, u Barnett et vs KESE, F‑66/15, EU:F:2016:13, punt 60