Appell ippreżentat fl-14 ta’ Diċembru 2023 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-27 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-253/15, Sociedad General de Aguas de Barcelona vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-778/23 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky, C. Urraca Caviedes u P. Němečková, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Sociedad General de Aguas de Barcelona, SA
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2023, fil-kawża Sociedad General de Aguas de Barcelona vs Il-Kummissjoni Ewropea (T-253/15, EU:T:2023:585);
tiċħad ir-rikors għal annullament fil-Kawżi T-253/15 (Aguas de Barcelona vs Il-Kummissjoni); u
tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż rispettivi tagħha u għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqajjem tliet aggravji u tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżbalji ta’ liġi li ġejjin:
1. Żball ta’ liġi dwar il-portata tad-deċiżjonijiet inizjali, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miġjuba mill-Istat Membru (l-ewwel aggravju);
2. Żball ta’ liġi dwar il-valur ta’ prassi amministrattiva vinkolanti, billi qieset li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna ma jistax jiġi estiż (it-tieni aggravju); u
3. Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi għall-iskema ta’ għajnuna kkontestata (it-tielet aggravju).
____________