Language of document : ECLI:EU:T:2010:452

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003– Nuqqas ta’ personalità ġuridika ta’ destinatarju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċetti ta’ impriża u ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”

Fil-Kawża T‑23/09,

Conseil national de l’Ordre des pharmaciens (CNOP),

Conseil central de la section G de l’Ordre national des pharmaciens (CCG),

stabbiliti f’Pariġi (Franza), inizjalment irrappreżentati minn Y.‑R. Guillou, H. Speyart van Woerden, T. Verstraeten u C. van Sasse van Ysselt, sussegwentement minn Guillou, L. Defalque u C. Robert, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6494, tad-29 ta’ Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39510, li tordna lill-Ordre national des pharmaciens (ONP), lil CNOP kif ukoll lil CCG li jissomettu rwieħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82[KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjoni, minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82[KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jindika:

“1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il‑Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

[…]

4. Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriż[i] huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s‑suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l‑pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti, il-Conseil national de l’Ordre des pharmaciens (CNOP) u l-Conseil central de la section G de l’Ordre national des pharmaciens (CCG) huma, flimkien mal-Ordre national des pharmaciens (ONP), id-destinatarji tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C (2008) 6494, tad-29 ta’ Ottubru 2008, li tordnalhom jissottomettu rwieħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-Każ COMP/39510 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’deċiżjoni oħra tal-istess ġurnata, il-Kummissjoni ordnat lil Laboratoire Champagnat Desmoulins Philippakis li jissottometti ruħu għal spezzjoni fil-kuntest tal-istess każ. Din l-aħħar deċiżjoni hija s-suġġett ta’ rikors fil-kawża magħquda T‑24/09.

 Fuq l-ONP u l-kunsilli tiegħu

3        L-ONP u l-kunsilli tiegħu huma rregolati mill-code de la santé publique français (Il-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika Franċiża) (iktar ’il quddiem is-“CSP”).

4        L-Artikolu L 4231‑1 tas-CSP jindika dan li ġej:

“L-[ONP] għandu l-għan:

1. li jiżgura r-rispett tal-obbligi professjonali;

2. li jiżgura d-difiża tal-unur u l-indipendenza tal-professjoni;

3. li jaċċerta ruħu mill-kompetenza tal-ispiżjara;

4. li jikkontribwixxi sabiex jippromwovi s-saħħa pubblika u l-kwalità tat-trattamenti, b’mod partikolari s-sigurtà tal-atti professjonali.

L-[ONP] jiġbor flimkien l-ispiżjara li jeżerċitaw l-arti tagħhom fi Franza.”

5        L-Artikolu L 4232‑1 tas-CSP jippreċiża li l-ONP jinkludi seba’ taqsimiet li kull waħda minnhom tikkorrispondi, bl-eċċezzjoni tat-Taqsima E, li l-kriterju ta’ grupp tagħha huwa ġeografiku, għall-eżerċizzju ta’ dixxiplina speċifika tal-farmaċija (spiżeriji, industrija, distribuzzjoni bl-ingrossa, bijoloġija medika liberali u fl-isptar, spiżerija fl-isptarijiet). It-Taqsima G tikkonċerna l-ispiżjara bijoloġisti li jeżerċitaw fil-laboratorji pubbliċi u privati tal-analiżi ta’ bijoloġija medika. Kull taqsima hija amministrata minn kunsill ċentrali.

6        L-ONP huwa organizzat madwar is-CNOP, permezz ta’ kunsilli ċentrali, fosthom is-CCG, u kunsilli reġjonali. L-Artikolu L 4233‑1 tas-CSP jipprovdi li d-diversi kunsilli tal-ONP għandhom personalità ċivili.

 Fuq id-deċiżjoni kkontestata

7        Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi fl-ewwel erba’ premessi tagħha:

“Il-Kummissjoni għandha informazzjoni li tgħid li ftehim u/jew prattiki miftiehma bejn l-ispiżjara fi Franza miġbura fi ħdan l-[ONP] u/jew deċiżjonijiet tal-[ONP] u/jew tas-[CNOP] u/jew tas-[CCG ...] li għandhom bħala għan u/jew riżultat il‑prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni b’mod partikolari fis-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika ilhom jeżistu tal-anqas sa mill-2003. Dan l-aġir ġie manifestat b’mod partikolari fil-forma ta’ deċiżjonijiet intiżi sabiex jipprevjenu spiżjara u/jew persuni ġuridiċi milli jaċċedu għas-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, li jirrestrinġu l-attività tagħhom fuq dan is-suq jew li jeskluduhom minn dan is-suq.

L-[ONP] huwa l-ordni professjonali li l-Istat Franċiż iddelegalu b’mod partikolari l‑missjonijiet li jiżgura r-rispett tal-obbligi professjonali tal-ispiżjara, id-difiża tal-unur u tal-indipendenza tal-professjoni, li jaċċerta ruħu mill-kompetenza tal-ispiżjara u li jikkontribwixxi sabiex jippromwovi s-saħħa pubblika u l-kwalità tat-trattamenti, b’mod partikolari s-sigurtà tal-atti professjonali. L-[ONP] jinkludi [k]unsill nazzjonali kif ukoll seba’ taqsimiet li l-ispiżjara huma mqassma bejniethom: it-[t]aqsima G pereżempju tiġbor l-ispiżjara bijoloġisti li jeżerċitaw fil-laboratorji pubbliċi u privati tal-analiżi ta’ bijoloġija medika. L-[ONP] u l‑kunsilli kollha tagħha għandhom personalità ċivili.

L-[ONP] u l-kunsilli tagħha għandhom setgħat ta’ kontroll tal-aċċess għall-professjoni, ta’ kontroll tal-eżerċizzju tal-professjoni, ta’ sanzjoni dixxiplinarja fuq l-ispiżjara u l-persuni ġuridiċi li jeżerċitaw attività marbuta mal-professjoni ta’ spiżjar, pereżempju dik ta’ spiżjar bijoloġista li jeżerċita attività professjonali fi ħdan laboratorji pubbliċi u privati ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika. Il-kontroll tal-aċċess għall-professjoni isir permezz tal-ġestjoni tar-reġistrazzjoni fir-[r]eġistru ta’ kull [t]aqsima. Ir-reġistrazzjoni tal-ispiżjara u tal-persuni ġuridiċi li jeżerċitaw attività marbuta mal-professjoni ta’ spiżjar fir-[r]eġistru hija kundizzjoni legali preliminari għall-eżerċizzju ta’ kwalunkwe attività marbuta mal-professjoni ta’ spiżjar. Ir-[r]eġistru huwa aġġornat mill-kunsill ċentrali tat-taqsima. Sanzjonijiet bħal interdizzjonijiet temporanji jew definittivi tal-eżerċizzju ta’ kull attività marbuta mal-professjoni ta’ spiżjar tista’ tingħata mill-[ONP] u l-[k]unsilli tagħha, deċiżjonijiet li jwasslu għat-tneħħija temporanja jew definittiva tal-ispiżjar u/jew tal-persuna ġuridika mir-[r]eġistru.

Il-Kummissjoni għandha informazzjoni li dehru ftehim u/jew prattiki miftiehma bejn l-ispiżjara fi Franza miġbura fi ħdan l-[ONP], li jikkonċernaw spiżjara u/jew persuni ġuridiċi li jixtiequ jipprovdu servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, fil-forma ta’ deċiżjonijiet li ma jiġux irreġistrati fir-[r]eġistru tat-[t]aqsima G, li ma jaġġornawx ir-reġistrazzjoni tagħhom fir-[r]eġistru u/jew li jċaħħduhom milli jeżerċitaw l-attività tagħhom bl-għan u/jew bir-riżultat li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq is-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika”.

8        It-tmien u d-disa’ premessi tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu li:

“Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din l-ispezzjoni huwa [...] indispensabbli li din issir mingħajr ma l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi suspettati bil-parteċipazzjoni fil-ksur allegat ma jkunux ġew informati minn qabel.

Konsegwentement huwa neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 li tordna lill-assoċjazzjonijiet tal-impriżi li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni”.

9        L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jindika fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-[ONP], is-[CNOP] u is-[CCG] għandhom jissottomettu rwieħhom għal spezzjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħhom u/jew l-eventwali implementazzjoni tal-ftehim u/jew prattiki miftiehma bejn spiżjara fi Franza miġbura fi ħdan l‑[ONP] kif ukoll dwar il-manifestazzjonijiet ta’ dawn il-ftehim u/jew prattiki miftiehma fil-forma ta’ deċiżjonijiet kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81[KE] u/jew tal-Artikolu 82[KE] b’mod partikolari fuq is-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika. Dan l-aġir ġie manifestat b’mod partikolari fil-forma ta’ deċiżjonijiet intiżi sabiex iċaħħdu spiżjara u/jew persuni ġuridiċi milli jaċċedu għas-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoliġija medika, li jillimita l-attività tagħhom fuq dan is-suq jew li jeskludihom minn dan is-suq”.

10      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jindika li l-ispezzjoni setgħet tibda fit-12 ta’ Novembru 2008, data li fiha hija effettivament saret fis-sede tar-rikorrenti.

11      L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“L-[ONP], is-[CNOP] u s-[CCG] huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni hija nnotifikata, eżatt qabel l-ispezzjoni, lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li huma d-destinatarji [...]”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

13      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti talbu li din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T‑24/09. Il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ma laqax din it-talba.

14      Permezz ta’ att separat tal-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbu li l-kawża tiġi deċiża permezz ta’ proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Frar 2009.

15      Abbażi tar-rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lir-rikorrenti. Huma wieġbu għal dawn id-domandi.

16      Instemgħu l-partijiet kemm fis-sottomissjonijiet tagħhom kif ukoll fir-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta tat-23 ta’ Frar 2010.

17      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju li permezz tiegħu d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet għandhom ikunu indirizzati lil entitajiet li għandhom personalità ġuridika. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-prinċipju li d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet għandhom ikunu indirizzati lil entitajiet li għandhom il-personalità ġuridika

 L-argumenti tal-partijiet

20      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li huwa stabbilit li rikorrenti għandhom interess ġuridiku kontra deċiżjonijiet indirizzati lil terzi li jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuqhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni. F’dan il-każ, minbarra l-fatt li għandhom interess manifest sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li huma direttament imsemmija fiha, huma jistgħu jinvokaw motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ personalità ġuridika tal-ONP peress li huma l-korpi rappreżentattivi tagħha. Il-fatt li d‑deċiżjoni kkontestata ssemmi espressament lill-ONP tippreġudikahom direttament u għandhom interess ġuridiku, anki għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huma ppreżentaw rikors fil-kwalità tagħhom ta’ korpi rappreżentattivi tal-ONP f’isem dan tal-aħħar.

21      Fir-rigward tal-mertu, ir-rikorrenti jsostnu li l-ONP ma għandux personalità ġuridika, kuntrarjament għad-diversi kunsilli tiegħu. Skont ir-rikorrenti, id‑destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha neċessarjament tkun entità li għandha personalità ġuridika.

22      Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

23      F’dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tal-motiv, għandu jiġi kkonstatat li dan jikkonċerna l-parti tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata dwar entità differenti mir-rikorrenti.

24      F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti għandhom il-personalità ġuridika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-kwalità tagħhom ta’ korp rappreżentattiv tal-ONP, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha teżamina l‑motiv fir-rigward tal-mertu u tasal għall-konklużjoni li deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ma jistgħux jiġu indirizzati lil entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika u li l-ONP ma għandux tali personalità, din il-konklużjoni tibqa’ mingħajr effett fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija indirizzata lir-rikorrenti.

25      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bħala risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikaw li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet ukoll indirizzata lill-ONP ma kellux effett fuq l-estensjoni tal-ispezzjoni li l-Kummissjoni setgħet tagħmel abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex din saret fil-postijiet tar-rikorrenti fid-dawl tal-fatt li l-ONP ma għandu l‑ebda eżistenza ġuridika u ma għandu l-ebda rappreżentazzjoni esterna barra mill-kunsilli tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija indirizzata lill-ONP, tibqa’ mingħajr effett fuq l‑estensjoni u r-riżultati tal-ispezzjoni fir-rigward tar-rikorrenti.

26      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ġiet indirizzata lill-ONP, ma huwiex ta’ natura li jagħti sodisfazzjoni lir-rikorrenti. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

27      Skont ir-rikorrenti, il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ‑ċirkustanzi tal-każ u b’mod partikolari tal-kontenut tal-att inkwistjoni, u dan iktar u iktar peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu natura fundamentali fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Skont ir-rikorrenti, il-każ inkwistjoni huwa differenti minn dak ta’ spezzjoni fejn il-Kummissjoni tagħmel l-ispezzjonijiet tagħha għand entità li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar in-natura ta’ impriża tagħha. F’dan il-każ, id‑deċiżjoni kkontestata għandha bħala destinatarji l-ONP, is-CNOP u s-CCG, imma żammet lura milli tidentifika l-entità li tista’ tikkostitwixxi impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Ir-rikorrenti jsostnu li ma jafux liema huma l-entitajiet li l-kwalifika taghħom ta’ impriża jew ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tippermetti lill-Kummissjoni li tapplika l‑imsemmija dispożizzjoni u liema hija l-analiżi tagħha f’dan ir-rigward. Għalhekk huma jsostnu li ma kinux f’pożizzjoni, fil-mument li ngħatat id-deċiżjoni kkontestata, li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda fir-rigward tagħhom, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tar-rispett ta’ residenza skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, li għandu jkun akkumpanjat b’garanziji suffiċjenti. Għaldaqstant, il‑motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ li għandha tagħmel.

28      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-protezzjoni mogħtija lir-residenza ta’ persuna ġuridika hija inqas estiża minn dik mogħtija lir-residenza ta’ persuni fiżiċi u, għaldaqstant, tqis li l-motivazzjoni tista’ tkun iqsar fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ verifika tal-postijiet ta’ persuna ġuridika. Huma jiċħdu tali argument minħabba li l-protezzjoni mogħtija lill-postijiet tal-impriżi skont l-Artikolu 8 tal-KEDB hija ekwivalenti għal dik li jibbenefikaw minnha l-postijiet ta’ persuni fiżiċi u, fi kwanlunkwe każ, ma hijiex inqas estiża. Huma jinvokaw, f’dan ir‑rigward, b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, I‑9015).

29      Barra minn hekk, fir-risposta r-rikorrenti jsostnu li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, il-portata tiegħu ma jistax ikun limitat minħabba kunsiderazzjonijiet dwar l-effettività tal-inkjesta. Skont ir-rikorrenti, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu la li tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni li tordna spezzjoni l-informazzjoni kollha li għandha dwar ksur allegat, u lanqas li tagħmel kwalifikazzjoni legali rigoruża ta’ dawn il‑ksur, hija min-naħa l-oħra għandha, tindika b’mod ċar l-ipoteżi li għandha l‑intenzjoni tivverifika. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha turi b’mod dettaljat, fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni, li għandha elementi u indikazzjonijiet materjali serji li jwassluha sabiex tissuspetta l-ksur li l-impriża li se ssirilha l-ispezzjoni hija ssuspettata bih sabiex tiġi stabbilita n-natura ġustifikata tal-ispezzjoni. Id-drittijiet tad-difiża għandhom b’mod obbligatorju jiġu rrispettati sa mill-istadju tal-proċedimenti amministrattivi li tirriżulta minnhom id-deċiżjoni kkontestata.

30      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-deċiżjoni kkontestata madankollu ma tindikax b’mod ċar jekk il-prattiki suspettati mill-Kummissjoni u li jimmotivaw l‑ispezzjoni huwiex akkużat bihom l-ONP waħdu, is-CNOP waħdu, is-CCG waħdu, jew inkella jekk humiex akkużati bihom dawn l-entitajiet flimkien, b’mod li huwa impossibbli li jiġu ddeterminati l-ipoteżi li l-Kummissjoni kellha l‑intenzjoni li tivverifika waqt l-ispezzjoni. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li l‑attivitajiet tal-ONP u/jew tar-rikorrenti li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata ma humiex definiti.

31      Fir-risposta u waqt is-seduta, ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fil-fatt, il-ġeneralità tat-termini użati fid-deċiżjoni kkontestata ppermettew lill-Kummissjoni li tissekwestra diversi dokumenti fuq temi differenti ħafna. F’dan ir-rigward huma għamlu lista tat-tipi ta’ dokumenti ssekwestrati. Ir-rikorrenti żiedu, matul is-seduta, li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom ġie kkonfermat mill-fatt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li waslitilhom wara li ġie ppreżentat ir-rikors, tinkludi oġġezzjoni oħra differenti minn dik relatata mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

32      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata skont il-liġi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw spezzjoni, l‑Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi l-elementi essenzjali li għandhom jidhru fiha, billi jimponi lill-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet billi tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni, id-data li fiha għandha tibda u l-pieni previsti fl-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi regolament u l-appell minn tali deċiżjonijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza ppreċiżat l-estensjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni fir-rigward tal-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/04, Ġabra p. II‑573, punti 50 sa 53, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tippermetti lir-rikorrenti jidentifikaw l-elementi essenzjali previsti mill-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni. Fil-fatt, l-imsemmi suġġett huwa speċifikat fl-ewwel premessa kif ukoll fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li huwa relatat ma’ ftehim u/jew prattiki miftiehma bejn l‑ispiżjara fi Franza miġbura fi ħdan l-ONP u/jew għal deċiżjonijiet tal-ONP u/jew tar-rikorrenti li għandhom l-għan u/jew ir-riżultat, il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq is-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika tal-anqas sa mill-2003. Ir-raba’ premessa żżid li l-Kummissjoni għandha informazzjoni li tgħid li dawn il-ftehim u/jew prattiki miftiehma dehru fil-forma ta’ deċiżjonijiet li l-persuni inkwistjoni ma jiġux irreġistrati fir-reġistru tat-Taqsima G, li r-reġistru ma jiġix aġġornat wara r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru u/jew li jċaħħduhom milli jeżerċitaw l-attività tagħhom u li b’hekk ifornu informazzjoni preċiża dwar il-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni għandha l‑intenzjoni li tivverifika. L-għan tal-ispezzjoni huwa deskritt fis-sitt u s-seba’ premessi, li jindikaw li l-ispezzjoni għandha tippermetti lill-Kummissjoni ssir taf l-elementi ta’ fatt kollha li jikkonċernaw eventwali ftehim u/jew prattiki, il-kuntest tagħhom u l-identità tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet kkonċernati billi jippreċiżaw li l-Kummissjoni għandha raġunijiet sabiex temmen li dak li huwa magħruf dwar l-eżistenza u l-funzjonament tal-ftehim u/jew tal-prattiki u/jew tad-deċiżjonijiet inkwistjoni huwa limitat għal numru limitat ta’ persuni fi ħdan l-ONP u l-kunsilli tiegħu.

35      Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-każ għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata, hekk kif previst fl-Artikolu 8 tal-KEDB u interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fis-sentenza Roquette Frères, punt 28 iktar ’il fuq. Skont dan id-dritt, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni fi ħdan impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, għandha obbligu ta’ motivazzjoni li huwa simili għal dak li għandha fil-każ ta’ spezzjonijiet għand persuni privati.

36      Sa fejn ir-rikorrenti jirreferu għall-kwalifika tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata bħala impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 3 tagħha (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) isemmi fl-ewwel paragrafu tiegħu l-ONP, is-CNOP kif ukoll is-CCG bħala t-tliet destinatarji tagħha. Mit-tieni paragrafu tal-istess dispożizzjoni jirriżulta li dawn id-destinatarji huma kkunsidrati bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u mhux bħala impriżi. Minkejja l-fatt li ċerti premessi tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu riferiment għall-“impriżi/assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati”, l-Artikolu 3 tagħha ma joħloqx konfużjoni. Barra minn hekk, mir-referenzi l-oħra fid-deċiżjoni kkontestata, pereżempju fit-tmienja u fid-disa’ premessi (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) kif ukoll fil-parti finali li tikkonċerna l-multi, jirriżulta li d-destinatarji tagħha huma kkunsidrati bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r‑rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija ċara dwar il-kwistjoni li jsir magħruf liema huma d-destinatarji u jekk humiex ikkunsidrati bħala impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. L-argument għandu jiġi miċħud.

37      Sa fejn ir-rikorrenti jridu wkoll isostnu li l-Kummissjoni kellha timmotiva b’mod dettaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, għalfejn hija kkunsidrathom bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tispeċifika, fit-tieni u fit-tielet premessi tagħha (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), li l-ONP huwa l-ordni professjonali li l-Istat Franċiż iddelegalu b’mod partikolari l-missjonijiet li jiżgura r-rispett tal-obbligi professjonali tal-ispiżjara, id-difiża tal-unur u tal-indipendenza tal-professjoni, li jaċċerta ruħu mill-kompetenza tal-ispiżjara u li jikkontribwixxi sabiex jippromwovi s-saħħa pubblika u l-kwalità tat-trattamenti, b’mod partikolari s-sigurtà tal-atti professjonali. Hija tindika wkoll li l-ONP jinkludi kunsill nazzjonali kif ukoll seba’ taqsimiet li l‑ispiżjara huma mqassma bejniethom, fejn it-Taqsima G tiġbor l-ispiżjara bijoloġisti li jeżerċitaw fil-laboratorji pubbliċi u privati ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika. Hija tispeċifika wkoll is-setgħa ta’ kontroll li għandhom l-entitajiet inkwistjoni fil-qasam tal-aċċess għall-professjoni ta’ spiżjar u ta’ spiżjar bijoloġista.

38      Għandu jiġi osservat li din il-motivazzjoni tippermetti li jinftiehem li l‑Kummissjoni tikkunsidra li l-ONP huwa ordni professjonali ta’ spiżjara u ta’ spiżjara bijoloġisti li l-Istat Franċiż iddelegalu ċerti setgħat. Minn dan jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ssemmi l-eżistenza tas-CNOP u tas-CCG fi ħdan l-ONP. Dawn il-preċiżazzjonijiet jipprovdu ċertu elementi li jippermettu li jinftiehem għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ONP u r-rikorrenti kienu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Madankollu, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix argumenti speċifiċi dwar ir-raġunijiet għalfejn ordni professjonali, bħal dak inkwistjoni, u l-korpi tiegħu huma kkunsidrati f’dan il-każ bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

39      Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu l-għan li jippermetti lill-qorti li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni u li tipprovdi lill-persuna interessata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’mod li tippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha, filwaqt li huwa ppreċiżat li l‑portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġiet adottata kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1984, Interfacultair Instituut Electronenmicroscopie der Rijksuniversiteit te Groningen, 185/83, Ġabra p. 3623, punt 38; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punti 62 u 63, u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 48).

40      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna n-natura tad-deċiżjoni kkontestata u l‑kuntest li ngħatat fih, anki jekk ir-rikorrenti jsostnu ġustament li, skont il‑ġurisprudenza, il-protezzjoni tal-ħajja privata prevista fl-Artikolu 8 tal-KEDB għandha tiġi rrispettata u l-protezzjoni tar-residenza hija estiża għall-proprjetà kummerċjali tal-kumpanniji [ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Colas Est et vs Franza tas-16 ta’ April 2002, paragrafu 41; ara wkoll, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l‑ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), sentenza Roquette Frères, punt 28 iktar ’il fuq, punt 27, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑121/04 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31], il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li huwa importanti li tiġi protetta l‑effettività tal-ispezzjonijiet bħala strument neċessarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha li tħares it-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għalhekk, sabiex jipproteġi l-effettività tad-dritt ta’ aċċess tal-Kummissjoni għall-proprjetajiet kummerċjali tal-impriża msemmija minn proċedura skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, dan id-dritt jimplika l-fakultà li tfittex diversi elementi ta’ informazzjoni li għadhom ma humiex magħrufa jew kompletament identifikati (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. I‑2859, punt 27, u d-digriet Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 36).

41      Minn dan jirriżulta, fid-dawl tal-istadju tal-proċedimenti amministrattivi li jirriżultaw minnhom id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, li l-Kummissjoni f’dan il‑mument ma għandhiex informazzjoni preċiża li tippermettilha li tanalizza jekk l-aġir jew l-atti msemmija jistgħux jiġi kkwalifikati bħala deċiżjonijiet ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi skont l-Artikolu 81 KE. Huwa preċiżament fid-dawl tan-natura speċifika tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni li l-ġurisprudenza fil-qasam tal-motivazzjoni evidenzjat it-tipi ta’ informazzjoni li għandu jkun hemm f’deċiżjoni ta’ spezzjoni sabiex tippermetti lid-destinatarji jsostnu d-drittjiet ta’ difiża tagħhom f’dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva. Li jiġi impost obbligu ta’ motivazzjoni ikbar fuq il-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jiħux sewwa inkunsiderazzjoni n-natura preliminari tal-ispezzjoni li l-għan tagħha huwa preċiżament li tippermetti lill-Kummissjoni li tistabbilixxi fi stadju iktar tard jekk, fil-każ partikolari, sarx ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju mid-destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni jew minn terzi persuni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehim jew prattiki miftiehma inkwistjoni ma humiex ikkunsidrati bħala stabbiliti, imma bħala ssuspettati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il‑Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, punt 55).

42      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, f’dak li jikkonċerna r-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat, inkwistjoni fil-kuntest tat-tielet motiv eżaminat iktar ’il quddiem, li l-Qorti tal-Ġustizzja ikkunsidrat fil-passat, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, Ġabra p. I‑1577), invokata mir-rikorrenti, li ordni professjonali li jirrappreżenta l-membri ta’ professjoni liberali ma huwiex a priori eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif ippreċiżata iktar ’il fuq, u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is‑suġġett, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tesponi fid-deċiżjoni kkontestata l-analiżi ġuridika speċifika li abbażi tagħha kkwalifikat lid-destinatarji bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi lil hinn mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rigward fit-tieni u fit-tielet premessi tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 7, 37 u 38 iktar ’il fuq).

44      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, invokati għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u ripetut waqt is‑seduta, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna t-tip ta’ dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors huwa limitat, wara li sar riferiment għall-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, sabiex jirrileva n‑nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura tad-destinatarji (impriżi u/jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi), imma ma jressaqx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom f’dan il-każ.

45      Il-fatt li l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni huwa intiż speċifikament għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża tad-destinatarju ma jeskludix li ksur tad-drittijiet tad-difiża, bħala illegalità suġġettiva min-natura tagħha, ma jaqax taħt il-ksur ta’ forma sostanzjali u, għaldaqstant, ma għandux jitqajjem ex officio (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 425, u Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 77). Konsegwentement, l-ilment bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża fformulat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

46      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-ilmenti fformulati fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa element posterjuri għad-deċiżjoni kkontestata li ma jistax jaffettwa l-legalità tagħha, peress li din għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data meta seħħ l-att (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 325, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003

48      Il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-ONP u tar-rikorrenti bħala impriżi, it-tieni fuq il‑kwalifikazzjoni tagħhom allegatament żbaljata ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-kwalifikazzjoni żbaljata tal-ONP u tar-rikorrenti bħala impriżi

–       L-argumenti tal-partijiet

49      Ir-rikorrenti jikkontestaw li l-ONP u huma stess huma impriżi. Huma ma jeżerċitaw l-ebda attività ta’ bejgħ jew ekonomika. L-attività tagħhom taqa’ taħt is-settur tal-awtorità pubblika. Skont ir-rikorrenti, tirriżulta ambigwità preliminari mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din ma tispjegax b’mod ċar jekk id-destinatarji tagħha għandhomx jiġu kkunsidrati bħala impriżi jew bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

50      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

51      Kif ġie rrilevat fil-punt 36 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li d-destinatarji tagħha huma kkunsidrati bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u mhux bħala impriżi. Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-kwalifikazzjoni żbaljata tal-ONP u tar-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi

–       L-argumenti tal-partijiet

52      Ir-rikorrenti jikkontestaw li l-ONP u huma stess huma assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Huma jirreferu, essenzjalment, għas-sentenza Wouters et, punt 42 iktar ’il fuq, li timplika raġunament f’żewġ partijiet sabiex teżamina jekk ordni professjonali jistax jiġi kkwalifikat bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi. Għandu jiġi ddeterminat l-ewwel nett jekk il-membri tal-imsemmi ordni humiex impriżi fis‑sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u sussegwentement jekk l‑attivitajiet tiegħu, min-natura tagħhom stess jew skont kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħux barra l-isfera ta’ skambji ekonomiċi.

53      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li l-membri kollha tal-ONP ma humiex impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li wħud fosthom huma uffiċjali tal-Istat. Dawn huma b’mod partikolari spiżjara li jeżeriċitaw fis-settur tas-servizzi tal-isptar irreġistrati fir-reġistru tat-Taqsimiet G u H tal-ONP. Barra minn hekk, il-membri ta’ kategorija oħra, il-professuri tal-università li jgħallmu x-xjenza farmaċewtika, ukoll għandhom l-istatus ta’ uffiċjali. Barra minn hekk, lanqas l-ispiżjara impjegati, li jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-membri rreġistrati fir-reġistru tal-ONP, ma jistgħu jiġi kkwalifikati bħala impriżi. F’dan ir-rigward, huma jikkontestaw ir‑rilevanza tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987)

54      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-kompetizzjoni Franċiż tat-18 ta’ Marzu 1997 u tas-sentenza tal-Cour de cassation Franċiża tas-16 ta’ Mejju 2000 li tikkonfermaha, li ssib ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fis-settur tat-tqassim id-dar tal-mediċini. Huma jsostnu li din id‑deċiżjoni u din is-sentenza, li jikkonċernaw speċifikament it-Taqsima A tal-ONP, ma kkonstatawx li din kienet assoċjazzjoni ta’ impriżi u hija bbażata fuq il‑konstatazzjoni ta’ ksur mill-imsemmija Taqsima A tal-missjoni tagħha ta’ servizz pubbliku filwaqt li CCG qatt ma mar lil hinn mis-setgħat legali tiegħu.

55      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-attivitajiet tagħhom u dawk tal-ONP ma jagħmlux parti mill-isfera ta’ skambji ekonomiċi, peress li huma għandhom ukoll missjoni soċjali bbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u jeżerċitaw prerogattivi tipiċi tal-awtorità pubblika.

56      Fir-rigward tal-missjoni soċjali tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għall-Artikolu L 4231‑2(6) tas-CSP, li permezz tiegħu, is-CNOP, kompost minn rappreżentanti tal-kunsilli ċentrali kollha, fosthom is-CCG, “jista’ jittratta fuq livell nazzjonali l-kwistjonijiet kollha ta’ għajnuna reċiproka u ta’ solidarjetà professjonali u b’mod partikolari għal inċidenti u pensjonijiet”. Il-missjoni soċjali hekk kif iddefinita hija bbażata fuq is-solidarjetà li tidher mill-fatt li parti mill-ħlas tal-membri tista’ tmur għal azzjoni favur spiżjara f’diffikultà jew għall-pensjoni.

57      Sabiex jiġi stabbilit li jeżerċitaw prerogattivi tipiċi tal-awtorità pubblika, ir‑rikorrenti jelenkaw l-attivitajiet tagħhom li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali Franċiżi. Huma jeżerċitaw b’mod partikolari missjonijiet ġuridiċi u amministrattivi.

58      Fir-rigward tal-missjoni ġuridika tagħhom, huma jirrilevaw li, bħala ordni professjonali, id-dritt Franċiż iqabbilhom ma’ qrati ta’ natura amministrattiva u li l-awli dixxiplinarji tagħhom huma ppresjeduti minn maġistrat amministrattiv. Barra minn hekk, huma jissodisfaw il-kriterji stabbiliti sabiex jevalwaw jekk korp jippreżentax il-karatteristiċi ta’ qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE, b’mod partikolari, l-oriġini legali tal-missjoni ġuridika tagħhom, il-permanenza tagħhom, in-natura mandatorja tal-proċeduri tagħhom, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali u l‑indipendenza tagħhom.

59      Fost l-atti tagħhom ta’ natura amministrattiva, ir-rikorrenti jirrilevaw l‑organizzazzjoni tal-formazzjoni professjonali kontinwa tal-ispiżjara, is-setgħa ta’ sospensjoni tal-ispiżjara li l-istat ta’ saħħa tagħhom jista’ jrendi perikoluż l‑eżerċizzju tal-professjoni tagħhom u l-fatt li l-kunsilli tal-ONP huma responsabbli għall-osservanza tar-regoli deontoloġiċi. Barra minn hekk, it-talba ta’ ħlas neċessarju għall-funzjonament tal-ONP u t-twettiq tal-missjonijiet tiegħu huwa wkoll prerogattiva tipika tal-awtorità pubblika. Fl-aħħar nett, huma jżidu li l-liġi fdat lis-CNOP l-organizzazzjoni tal-implementazzjoni tal-fajl farmaċewtiku, li huwa l-ewwel fajl elettroniku tas-sanità nazzjonali.

60      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinvokaw tliet kriterji supplimentari li juru kollha li huma ma huma la impriżi u lanqas assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni fis-sentenza Wouters et punt 42 iktar ’il fuq. Dawn huma, l-ewwel nett, in-nomina tal-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni tal-organiżmu professjonali mill-awtoritajiet nazzjonali, it-tieni nett, l-obbligu tal-organiżmu professjonali inkwistjoni josserva ċertu numru ta’ kriterji fl-interess pubbliku u, it-tielet nett, in-nuqqas ta’ influwenza mill-organiżmu professjonali inkwistjoni fuq il-membri tagħha.

61      Qabelxejn fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom bħala korpi ta’ amministrazzjoni tal-ONP, huma jirrilevaw li dawn ma humiex esklużivament komposti minn spiżjara eletti mill-kollegi tagħhom u li jeżeriċitaw attività f’forma liberali, imma huma wkoll uffiċjali tal-Istat, rappreżentanti tal-Istat u rappreżentanti tax-xjenza farmaċewtika nominati mill-awtoritajiet tal-Istat u jibqgħu taħt il-kontroll tagħhom.

62      Barra minn hekk, il-leġiżlatur fdalhom il-missjoni li jippromwovu s-saħħa pubblika u l-kwalità tat-trattamenti, li huwa kriterju ta’ interess pubbliku implementat fl-azzjonijiet kollha tagħhom, u b’mod partikolari fil-mument tar-reġistrazzjoni fir-reġistru. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa possibbli għal Stat, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-prinċipji fundamentali, bħas-saħħa pubblika, li jirregola l‑kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni, minn organiżmu, għal professjoni li hi stess hija s‑suġġett ta’ regolament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I‑4171, u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑531/06, Ġabra p. I‑4103).

63      Ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, li ma humiex f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l‑aġir tal-membri tagħhom, u dan jeskludi wkoll il-kwalifika tagħhom bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi. Fil-fatt, minn naħa, is-CNOP ma jintervjenix direttament fil-qasam tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-ispiżjara, peress li dawn għandhom iressqu l-applikazzjoni tagħhom quddiem wieħed mill-kunsilli ċentrali jew reġjonali kompetenti fil-qasam, u dan jippronunzja ruħu biss f’każ ta’ rifjut tal-applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-bijoloġija medika, l-intervent tas-CCG fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew fil-bdil tar-reġistrazzjoni fir-reġistru jiddependi direttament mill-qbil u mill-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-prefett kompetenti, li jirrappreżenta lill-Istat fid-dipartiment ikkonċernat. Ir-rwol tas-CCG huwa limitat għall-formulazzjoni ta’ opinjonijiet mhux mandatorji. Barra minn hekk, fil-qasam ta’ reġistrazzjoni u ta’ interdizzjoni, is-CNOP u s-CCG għandhom biss setgħat limitati mil-liġi. Huma kompetenzi marbuta, peress li ma jistgħux jirrifjutaw ir‑reġistrazzjoni fir-reġistru lil professjonist li jissodisfa l-kundizzjonijiet legali kollha. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet ta’ rikors kontra r-rifjut ta’ reġistrazzjoni u interdizzjonijiet sabiex tiġi evalwata l‑influwenza reali ta’ dawn id-deċiżjonijiet fuq il-membri tal-professjoni.

64      Fl-aħħar, ir-risposta għall-argument tal-Kummissjoni li l-kwalifika formali tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata bħala impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi ma hijiex kundizzjoni tal-legalità tagħha, ir-rikorrenti jsostnu li l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tas-setgħat, hekk kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikoli 5 KE, 7 KE u 211 KEE, jimplika li l-Kummissjoni tista’ effettivament tadotta deċiżjoni biss fuq bażi ġuridika, u dan unikament jekk ikunu jeżistu l-kundizzjonijiet kollha imposti minn din il-bażi ġuridika. Il-kwalifika ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għalhekk għandha, skont huma, teżisti fil-mument tal-ispezzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata inkella tkun bla bażi legali peress li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi b’mod ċar li l-Kummissjoni tista’ tipproċedi għall-ispezzjonijiet kollha neċessarji għand “[i]mpriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriż[i]”.

65      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

66      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-premessa 24 tar-Regolament Nru 1/2003 tippreċiża li l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tagħmel spezzjonijiet li huma neċessarji sabiex tiskopri l-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma pprojbiti mill-Artikolu 81 KE. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jindika li l-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet kollha neċessarji għand impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għandhom jissottomettu rwieħhom għal spezzjonijiet li l-Kummissjoni tkun ordnat permezz ta’ deċiżjoni.

67      Għandu wkoll jiġi osservat li, peress li r-Regolament Nru 1/2003 jimplementa r‑regoli ta’ kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, id-definizzjoni tat-termini “impriżi” u “assoċjazzjonijiet tal-impriż[i]” li jinsabu fl-Artikolu 20 tiegħu għandha bħala prinċipju tkun bħal dik użata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

68      Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li tali deċiżjonijiet jittieħdu fil-bidu ta’ investigazzjoni, f’dan l-istadju ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ evalwazzjoni b’mod definittiv ta’ jekk l-atti jew deċiżjonijiet tal-entitajiet destinatarji jew entitajiet oħra, jistgħux jiġu kkwalifikati bħala ftehim bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiki miftiehma kontra l-Artikolu 81(1) KE jew inkella prattiki msemmija fl-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-Kummissjoni tindika f’deċiżjoni ta’ spezzjoni liema huwa l-għan tagħha, f’dan l-istadju ma ssirx evalwazzjoni tal-aġir konkret, peress li l-għan tal-ispezzjoni huwa preċiżament li jinġabru provi dwar l-aġir allegat.

69      Barra minn hekk, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni setgħat li għandhom l-għan li jippermettulha li twettaq il-missjoni li ngħatatilha mit-trattat li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il‑Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, punt 20, u d-digriet Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 34), li huwa wkoll imfakkar fil-premessa tar-Regolament Nru 1/2003 (ara l-punt 66 iktar ’il fuq). Il-ġurisprudenza ikkonfermat ukoll li l-ispezzjonijiet jista’ jkollhom portata wiesgħa ħafna u li d‑dritt li taċċedi għall-postijiet, artijiet u mezzi ta’ trasport kollha tal-impriżi għandu importanza partikolari inkwantu għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor il-provi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-postijiet fejn jinsabu normalment (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 26, u d-digriet Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 35).

70      F’dan il-każ, fir-rigward tal-kwalifika tal-ONP u tar-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il‑kunċett ta’ impriża jinkludi kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjar tagħha u tikkostitwixxi attività ekonomika kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ beni jew ta’ servizzi fuq suq partikolari (sentenza Wouters et, punt 42 iktar ’il fuq, punti 46 u 47).

71      Għandu jiġi kkonstatat li l-ispiżjara, tal-anqas l-ispiżjara indipendenti, joffru, għal ħlas, b’mod partikolari servizzi ta’ tqassim ta’ mediċini bl-imnut u jieħdu r-riskji finanzjarji ta’ din l-attività. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li dawn il-persuni jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi, u, għaldaqstant, huma impriżi fis-sens tal-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451, punti 76 u 77, u Wouters et, punt 42 iktar ’il fuq, punti 48 u 49). Ir-rikorrenti fil-fatt ma jikkontestawx li ċertu numru ta’ spiżjara membri tal-ONP jistgħu jiġu kkwalifikati bħala impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, għaliex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’forma liberali u għalhekk jassumu r-riskji finanzjarji.

72      Barra minn hekk, minbarra l-ispiżjara proprjetarji jew koproprjetarji ta’ spiżerija, membri tat-Taqsima A, membri tat-Taqsima G, jiġifieri d-diretturi u assistenti diretturi tal-laboratorji ta’ bijoloġija medika, jirrispondu wkoll għall-kriterji tal-kunċett ta’ impriża. Fil-fatt, anki jekk, kif jaffermaw ir-rikorrenti, il-maġġorparti tal-ispiżjara li jaqgħu taħt it-Taqsima G jeżerċitaw funzjonijiet ta’ impjegati f’laboratorji privati jew pubbliċi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, tal-anqas parti mill-membri ta’ din it-taqsima jistgħu jiġu kkwalifikati bħala impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, li fil-fatt ir-rikorrenti kkonfermaw fis-seduta f’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali.

73      Ir-rikorrenti madankollu jsostnu li l-fatt li parti mill-membri tagħhom ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala impriżi jimplika li l-korpi rappreżentattivi inkwistjoni ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

74      Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa kontradett mill-ġurisprudenza. Fis-sentenza tagħha FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li sindakati li jiġbru u jirrappreżentaw il-bdiewa, li huma impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-fini tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minkejja l-fatt li jistgħu wkoll jiġbru l-konjuġi tal-bdiewa, b’mod partikolari, peress li, skont il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, il-fatt waħdu li assoċjazzjoni ta’ impriżi tista’ tiġbor ukoll persuni jew entitajiet li ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala impriżi ma huwiex biżżejjed sabiex ineħħi tali karattru lill-assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 55).

75      Ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza tal-imsemmija sentenza billi jirrilevaw li l‑Qorti Ġenerali sostniet ukoll il-fatt li l-konjuġi tal-bdiewa ġeneralment jipparteċipaw fix-xogħol tal-attività familjari. L-imsemmija konjuġi għalhekk jeżerċitaw attività ekonomika, li ma huwiex il-każ fil-maġġorparti tal-membri tal-ONP. Issa, anki jekk il-Qorti Ġenerali effettivament semmiet dan il-fatt fil-punt 55 tas-sentenza FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jirnexxi, għaliex l-imsemmi punt jindika b’mod ċar li, “fi kwalunkwe każ”, is-sempliċi fatt li ċerti membri ma humiex impriżi ma huwiex biżżejjed sabiex ineħħi lill-assoċjazzjoni inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

76      L-ONP u r-rikorrenti għalhekk huma korpi li jiġbru flimkien u jirrappreżentaw ċertu numru ta’ professjonisti, fosthom l-ispiżjara fi spiżeriji u d-diretturi ta’ laboratorji ta’ bijoloġija medika, li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

77      Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet tikkwalifika lill-ONP u lir-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punti 53 u 54) u legalment setgħet tissottomettihom għal spezzjoni taħt din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, huwa possibbli li, f’din il-kwalità, l-imsemmija korpi setgħu jieħdu deċiżjonijiet kuntrarji għall-Artikolu 81 KE, ipoteżi li l-Kummissjoni, konfermament mal-missjoni tagħha, għandha d-dritt li tivverifika, b’mod partikolari abbażi tal-provi miġbura waqt spezzjoni.

78      L-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq is-sentenza Wouters et, punt 42 iktar ’il fuq, ma humiex ta’ natura li jimmodifikaw din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni li nqatgħet f’dik is-sentenza kienet dik li jsir magħruf jekk, meta ordni professjonali jadotta regolament partikolari, bħall-ordni Olandiż tal-avukati, dan għandux jiġi kkunsidrat bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi jew, kuntrarjament, bħala awtorità pubblika (sentenza Wouters et, punt 42 iktar ’il fuq, punt 56). Issa, f’dan il-każ, il‑kwistjoni dwar jekk, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi konkreti tagħhom, ir‑rikorrenti jaħarbux mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE jew inkella, kuntrarjament, jekk uħud mill-atti tagħhom għandhomx jiġu kkunsidrati bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hija manifestament prematura u għandha tinqata’, skont il-każ, fil-kuntest tad-deċiżjoni finali dwar l-oġġezzjonijiet mqajma mill-Kummissjoni. Mill-bqija, is‑sentenza Wouters et tikkonferma b’mod ċar li l-ordnijiet professjonali ma humiex a priori esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Wouters et, punt 42 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ispezzjoni ordnata bid-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax esklużivament eventwali deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, inkwistjoni fis-sentenza Wouters et, punt 42 iktar ’il fuq, imma wkoll il-parteċipazzjoni eventwali tar-rikorrenti għal ftehim u/jew prattiki miftiehma bejn l-ispiżjara fi Franza miġbura fi ħdan l-ONP, kif ukoll ksur tal-Artikolu 82 KE.

80      Barra minn hekk, mill-fajl jirriżulta li jeżistu diversi deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni Franċiż li jsibu l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-ONP u/jew mill-korpi tiegħu u li l-Cour de cassation Franċiża kkonfermat tal-anqas waħda minn dawn id-deċiżjonijiet. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r‑rikorrenti u indipendentement mill-fatt li dawn id-deċiżjonijiet jikkonċernaw it‑Taqsima A u mhux it-Taqsima G tal-ONP, din hija indikazzjoni supplimentari li tippermetti lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-ONP u r-rikorrenti ma setgħux a priori jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, peress li t‑Taqsima A u t-Taqsima G jinkludu ċertu membri li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala impriżi u peress li l-eżistenza ta’ missjonijiet ta’ interess pubbliku stabbiliti mil-liġi ma jeskludux, għal kull waħda minn dawn it-taqsimiet, li dawn jistgħu jadottaw atti barra minn dan il-qafas legali u bi ksur tal-Artikolu 81 KE.

81      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna r-riferiment tar-rikorrenti għas-sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes et u l-Kummissjoni vs L‑Italja, punt 62 iktar ’il fuq, minn fejn jirriżulta li huwa possibbli għal Stat, fil-kunest tal-protezzjoni tal-prinċipji fundamentali, bħal dawk tas-saħħa pubblika, li jirregola l‑kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni, minn organiżmu, għal professjoni li hi stess hija suġġett ta’ regolament, għandu jiġi kkonstatat li dawn is-sentenzi jikkonċernaw, essenzjalment, l-applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ spiżjar. Issa, dawn is-sentenzi huma irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża, peress li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li regoli ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet għall-moviment liberu għaliex huma, bħala tali, estranji għall-attività ekonomika ma jimplika la li l-attività inkwistjoni taħrab neċessarjament mil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, u lanqas li l-imsemmija regoli ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni relatati mal-imsemmija artikoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, Ġabra p. I‑6991, punt 31).

82      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra fl-istadju meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata li l-ONP u r-rikorrenti kienu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, ma ġie stabbilit l-ebda ksur mill-Kummissjoni ta’ din id‑dispożizzjoni meta kkwalifikat id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

83      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, it‑tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

84      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jkun deċiż illi kull parti tbati l-ispejjeż tagħha skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is‑sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Conseil national de l’Ordre des pharmaciens (CNOP) u l-Conseil central de la section G de l’Ordre national des pharmaciens (CCG) huma kkundannati għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ottubru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.