Language of document : ECLI:EU:T:2018:916

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna għas-settur tal-ħalib ta’ Bayern – Finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Drittijiet proċedurali tal-Land ta’ Bayern – Artikolu 108(2) TFUE – Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999”

Fil-Kawża T‑683/15,

Freistaat Bayern (il-Ġermanja), irrappreżentat minn U. Soltész u H. Weiß, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche, K. Herrmann u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2432 tat-18 ta’ Settembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35484 (2013/C) (ex SA.35484 (2012/NN)) mogħtija mill-Ġermanja għal testijiet tal-kwalità tal-ħalib skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam (ĠU 2015, L 334, p. 23).

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín u I. Reine (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-Ġermanja, il-kwalità tal-ħalib hija tradizzjonalment żgurata permezz ta’ testijiet tal-kwalità indipendenti. Dawn it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib huma ffinanzjati, f’Bayern (il-Ġermanja), minn naħa, minn riżorsi li jinkisbu mit-taxxa fuq il-ħalib imposta fuq ix-xerrejja ta’ ħalib u, min-naħa l-oħra, permezz tal-baġit ġenerali tar-rikorrent, Freistaat Bayern (Land ta’ Bayern, il-Ġermanja).

 Il-qafas legali nazzjonali

2        L-Artikolu 22(1) tal-Gesetz über den Verkehr mit Milch, Milcherzeugnissen und Fetten (il-Liġi Federali Ġermaniżi dwar il-Ħalib u x-Xaħam) tal-1952 (BGBl. 1952 I, p. 811; iktar ’il quddiem il-“MFG”), emendata l-aħħar permezz tal-Artikolu 397 tar-Regolament tal-31 ta’ Awwissu 2015 (BGBl. 2015 I, p. 1474), jipprevedi li l-gvernijiet tal-Länder jistgħu, b’konsultazzjoni mal-assoċjazzjoni tal-Land ikkonċernata, peress li din l-assoċjazzjoni nħolqot b’applikazzjoni tal-MFG u hija komposta minn impriżi tas-settur tal-ħalib u tal-konsumaturi li jiddefendu b’mod konġunt l-interessi ekonomiċi tagħhom, jew mal-organizzazzjonijiet professjonali kkonċernati, flimkien japplikaw għall-imħaleb, għaċ-ċentri ta’ ġbir tal-ħalib jew għall-produtturi tal-kremi taxxi sabiex isostnu s-settur tal-ħalib. L-Artikolu 22(2) u (2a) tal-MFG jipprovdi li r-riżorsi miksuba skont il-paragrafu 1 jistgħu jintużaw biss għall-finanzjament ta’ disa’ għanijiet, li jinkludu l-promozzjoni u l-konservazzjoni tal-kwalità tal-ħalib, li l-finanzjament tiegħu huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

3        Skont l-Artikolu 1(1) tal-Milch-Güteverordnung (ir-Regolament dwar il-Kwalità tal-Ħalib) tad-9 ta’ Lulju 1980 (BGBl. 1980 I, p. 878; iktar ’il quddiem il-“MGV”), emendata l-aħħar permezz tar-Regolament tas-17 ta’ Diċembru 2010 (BGBl. 2010 I, p. 2132), ix-xerrejja tal-ħalib ikkonsenjat għandhom l-obbligu li jwettqu analiżi tiegħu huma stess jew jissuġġettawh għal analiżi.

4        Skont l-Artikolu 4 tal-Bayerische Ausführungsverordnung zur Milch-Güteverordnung (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-MGV f’Bayern) tal-15 ta’ Diċembru 1980 (GVBl. 1981, p. 3), issostitwit permezz tal-Artikolu 2(1) tal-Bayerische Ausführungsverordnung zum MGV (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-MGV f’Bayern) tas-7 ta’ Diċembru 1988 (GVBl. 1988, p. 387), l-organu ta’ kontroll tal-ħalib, Milchprüfring Bayern e.V. iktar ’il quddiem il-“Milchprüfring”, huwa responsabbli għat-twettiq ta’ dawn il-kontrolli.

5        L-Artikolu 1 tal-Milchumlageverordnung (ir-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Ħalib) tas-17 ta’ Ottubru 2007 (BayGVBl. 2007, p. 727) tal-Ministeru għall-Ikel, għall-Agrikoltura u għall-Forestrija ta’ Bayern, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 22(1) tal-MFG, jipprevedi li għandha tiġi imposta fuq l-imħaleb taxxa għall-kwantitajiet ta’ ħalib mhux ipproċessat li jiġu kkunsinnati lilhom.

6        Skont l-Artikolu 23 tal-Haushaltsordnung des Freistaates Bayern (ir-Regolament Finanzjarju ta’ Bayern) tat-8 ta’ Diċembru 1971 (BayRS 630–1-F; iktar ’il quddiem il-“BayHO”), li jaqa’ taħt il-Parti II “Stabbiliment tal-baġit u tal-pjan finanzjarju” ta’ dan ir-regolament, l-ispejjeż u l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għal servizzi lejn servizzi esterni għall-amministrazzjoni statali għat-twettiq ta’ ċerti għanijiet jistgħu jiġu stmati fil-baġit biss jekk l-Istat ikollu interess predominanti għal dan it-twettiq li ma jistax jiġi ssodisfatt fl-assenza ta’ sussidji korrispondenti jew, tal-inqas, sa fejn ikun meħtieġ.

7        L-Artikolu 44 tal-BayHO, li jinsab fil-Parti III intitolat “Implimentazzjoni tal-baġit” ta’ dan ir-regolament, jipprovdi li dawn is-sussidji jistgħu jitħallsu biss taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament.

 Il-proċedura amministrattiva

8        Permezz tal-ittri tat-28 ta’ Novembru 2011 u tas-27 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informazzjoni supplimentari dwar ir-Rapport Annwali tal-2010 dwar l-Għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu, trażmess minn din tal-aħħar skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni permezz tal-ittri tas-16 ta’ Jannar 2012 u tas-27 ta’ April 2012. Fid-dawl tat-tweġibiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni dehrilha li din kienet tat għajnuna mill-Istat lis-settur tal-ħalib tagħha, bis-saħħa tal-MFG.

9        Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-miżuri implimentati minn diversi Länder Ġermaniżi, inklużi mil-Land ta’ Bayern u minn dak ta’ Baden-Württemberg, b’applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilhom mill-Artikolu 22 tal-MFG, kienu ġew irreġistrati bħala għajnuna mhux notifikata taħt in-numru SA.35484 (2012/NN). Permezz tal-ittri tas-16 ta’ Novembru 2012 u tas-7, it-8, il-11, it-13, l-14, il-15 u d-19 ta’ Frar, tal-21 ta’ Marzu, tat-8 ta’ April, tat-28 ta’ Mejju, tal-10 u tal-25 ta’ Ġunju u tat-2 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprovdiet iktar informazzjoni lill-Kummissjoni.

10      Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Lulju 2013 (C(2013) 4457 finali) (ĠU 2014, C 7, p. 8), il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Din id-deċiżjoni tirrigwarda diversi miżuri implimentati f’diversi Länder Ġermaniżi skont l-MFG insostenn tas-settur tal-ħalib, inkluża l-għajnuna msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2432 tat-18 ta’ Settembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35484 (2013/C) (ex SA.35484 (2012/NN)) mogħtija mill-Ġermanja għal testijiet tal-kwalità tal-ħalib skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam (ĠU 2015, L 334, p. 23, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-għajnuna msemmija f’dan ir-rikors kienet waħda mill-miżuri eżaminati f’din id-deċiżjoni. F’dak li jirrigwarda din l-għajnuna, il-Kummissjoni, minn naħa, semmiet, fil-punt 2.5 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, iddedikat għall-finanzjament tal-miżuri eżaminati, l-Artikolu 22 tal-MFG li jirrigwarda t-taxxa fuq il-ħalib. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 264 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-miżuri eżaminati kienu ffinanzjati permezz ta’ taxxa parafiskali, b’riferiment għal din l-istess dispożizzjoni tal-MFG.

11      Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern għall-perijodu mit-28 ta’ Novembru 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2006, filwaqt li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern mill-1 ta’ Jannar 2007.

12      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura.

13      Il-Kummissjoni rċeviet seba’ sottomissjonijiet ta’ osservazzjonijiet min-naħa tal-partijiet interessati li huma relatati mal-miżuri li jirrigwardaw it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

14      L-osservazzjonijiet li ġew irċevuti ntbagħtu lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Frar, tat-3 ta’ Marzu u tat-3 ta’ Ottubru 2014.

15      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat pożizzjoni fuq osservazzjonijiet supplimentari ppreżentati fit-8 ta’ Lulju 2014.

 Id-deċiżjoni kkontestata

16      Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna esklużivament il-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib li twettqu mill-1 ta’ Jannar 2007 f’Baden-Württemberg (il-Ġermanja) u f’Bayern. Dan ir-rikors huwa limitat għall-miżuri relatati ma’ dan l-aħħar Land.

17      Fl-ewwel nett, il-Kummissjoni vverifikat jekk ir-riżorsi li nkisbu mit-taxxa fuq il-ħalib kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-deċiżjoni finali dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi kellha tittieħed mill-awtoritajiet tal-Land ikkonċernat, jiġifieri mill-Istat, filwaqt li, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 22(3) tal-MFG, l-assoċjazzjoni tal-Land jew l-organizzazzjonijiet professjonali kellhom biss jinstemgħu qabel l-allokazzjoni tar-riżorsi. Barra minn hekk, il-MFG kienet tiddefinixxi, fil-punti 1 sa 6 tal-Artikolu 22(2) l-għanijiet li għalihom setgħu jintużaw ir-riżorsi li jinkisbu mit-taxxa fuq il-ħalib. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dħul li jkun inkiseb mit-taxxa fuq il-ħalib kellu jiġi kkunsidrat li huwa taħt kontroll pubbliku u li l-miżuri ffinanzjati mir-riżorsi li jkunu nkisbu mit-taxxa fuq il-ħalib kienu implimentati permezz ta’ riżorsi tal-Istat u setgħu jiġu attribwiti lill-Istat. Fl-aħħar nett, hija ttrasponiet din il-konstatazzjoni għall-finanzjament permezz tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern.

18      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat li l-imħaleb ta’ Bayern ibbenefikaw minn vantaġġ selettiv permezz tar-rimbors, mir-riżorsi li nkisbu mit-taxxa u mill-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern, tal-ispejjeż għat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib li kellhom jagħmlu. Il-Kummissjoni qieset li dawn it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib kienu jibbenefikaw, fl-aħħar mill-aħħar, lill-imħaleb, peress li dawn tal-aħħar kienu obbligati bil-liġi li jwettqu l-analiżi tal-ħalib li jkun ġie kkonsenjat lilhom. L-imħaleb kienu jikkostitwixxu impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u l-ispejjeż marbuta mal-ħlas lil organu ta’ analiżi għall-finijiet tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib kellhom jitqiesu li huma spejjeż operattivi tipiċi li l-impriżi kkonċernati, jiġifieri l-imħaleb, normalment ikollhom iġarrbu huma stess. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, kwalunkwe vantaġġ possibbli ingħata biss lil “ċerti impriżi”, peress li fil-Ġermanja kienu jeżistu ħafna setturi ekonomiċi oħrajn, minbarra s-settur tal-ħalib, li ma jibbenefikawx mill-miżuri inkwistjoni. Il-vantaġġ possibbilment mogħti kien konsegwentement selettiv. Barra minn hekk, f’Länder oħrajn minbarra l-Baden-Württemberg u l-Bayern, l-imħaleb ma kinux rimborsati għall-ammonti tal-ispejjeż tal-analiżi mir-riżorsi li jinkisbu mit-taxxa fuq il-ħalib. Fl-aħħar nett, fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżura kienet ukoll iffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern. Konsegwentement, fl-opinjoni tagħha, il-benefiċċju li l-imħaleb ingħataw mill-ħlas tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib ma kienx jikkorrispondi neċessarjament għal dak li huma kienu ħallsu bħala taxxa fuq il-ħalib.

19      Fit-tielet lok, fid-deċiżjoni kkontestata, ġie kkunsidrat li, f’dak li jirrigwarda l-preżenza ta’ għajnuna eżistenti, il-Ministeru Federali kompetenti u l-Länder Ġermaniżi adottaw id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li kienu jikkostitwixxu l-bażijiet legali tal-miżuri eżaminati f’din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni qieset li, minbarra l-MFG li ma kinitx tistabbilixxi l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ppreżentaw l-ebda informazzjoni li turi l-eżistenza ta’ bażi legali adottata qabel l-1958 u li għad kellha tiġi applikata, bil-kontenut inizjali tagħha, matul il-perijodu eżaminat.

20      Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuna intiża għall-kontrolli ta’ rutina tal-ħalib ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 109 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuniet mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007-2013 (ĠU 2006, C 319, p. 1), moqrija flimkien mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] għal għajnuna mill-Istat għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU 2006 L 348M, p. 3), li għalih jagħmel riferiment il-punt 109.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2007 f’Bayern kienet illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna u ppreskriviet il-modalitajiet tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

23      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Marzu 2016.

24      Ir-rikorrent ippreżenta r-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2016.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2016 tal-President tal-Qorti Ġenerali, minħabba t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid.

26      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Settembru 2016.

27      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u din il-kawża ġiet, konsegwentement, assenjata lilha.

28      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet fid-9 ta’ Jannar 2018, mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li huma wieġbu għalihom fit-terminu stabbilit.

29      Fid-9 ta’ Frar 2018, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet ġodda bil-miktub, għal risposta waqt is-seduta.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2018.

31      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn huwa kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, tat għajnuna mill-Istat favur azjendi tas-settur tal-ħalib ikkonċernati f’Bayern għat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib imwettqa fil-Land ta’ Bayern, li hija inkompatibbli mas-suq intern sa mill-1 ta’ Jannar 2007;

–        tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tordna lill-azjendi tas-settur tal-ħalib ikkonċernati f’Bayern iħallsu lura l-għajnuna miżjuda bl-interessi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem ħames motivi.

–        L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

–        it-tieni motiv huwa bbażat, fl-ewwel parti, fuq l-assenza ta’ vantaġġ favur ix-xerrejja tal-ħalib u, fit-tieni parti, fuq l-assenza ta’ natura selettiva tal-vantaġġ mogħti lill-imħaleb tal-Bayern;

–        it-tielet motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq l-assenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika u fuq l-illegalità sussegwenti tal-irkupru skont l-Artikolu 108(1) u (3) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 14 tar-Regolament 2015/1589;

–        ir-raba’ motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern;

–        il-ħames motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999

34      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li r-rikorrent jagħmel riferiment, fir-rikors tiegħu, għar-Regolament 2015/1589. Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent speċifika, bil-miktub u sussegwentement waqt is-seduta, li huwa ried jindika r-regolament applikabbli għall-fatti tal-każ, jiġifieri r-Regolament Nru 659/1999, li ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament 2015/1589 biss wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jingħad ukoll li d-dispożizzjonijiet invokati fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 2015/1589 jirriproduċu b’mod identiku d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ser isir riferiment biss, f’din il-kawża, għar-Regolament Nru 659/1999.

 L-argumenti tal-partijiet

36      L-ewwel nett, ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball proċedurali gravi li mhux biss kiser id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u d-drittijiet tagħha li tipparteċipa fil-proċedura, iżda hija wkoll wettqet distorsjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni kollha. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata marret lil hinn mis-suġġett tad-deċiżjoni ta’ ftuħ li fuqha hija bbażata, sa fejn il-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib mir-riżorsi tal-baġit ġenerali tagħha ma huwiex imsemmi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, billi ma tat la lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas lill-partijiet interessati l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni, skont ir-rikorrent, adottat deċiżjoni vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, minkejja li ż-żewġ mekkaniżmi ta’ finanzjament kellhom jitqiesu li huma miżura ta’ għajnuna unika, huma fil-fatt differenti wisq u kellhom, konsegwentement, ikunu identifikati b’mod ċar fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, minkejja li l-finanzjament minn riżorsi tal-baġit ġenerali tiegħu ġie invokat fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari għad-deċiżjoni ta’ ftuħ, dan ma jeskludix l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan il-finanzjament kellu jkun iddefinit b’mod preċiż fis-suġġett tad-deċiżjoni ta’ ftuħ.

37      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tkun regolari sabiex id-deċiżjoni kkontestata tkun valida. Fl-opinjoni tiegħu, proċedura ta’ ftuħ regolari għandha tkun limitata b’mod ċar fl-għan tagħha, peress li l-Kummissjoni għandha dejjem il-possibbiltà li tadotta deċiżjoni ta’ tkabbir, jekk ikun il-każ. Skont ir-rikorrent, jekk il-Kummissjoni teċċedi l-għan tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ tal-persuni kkonċernati jiġu miksura. Tali difett għandu jiġi eżaminat ex officio mill-Qorti Ġenerali u għandu jwassal, b’mod inkundizzjonat, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa jżid li, għalkemm, minn perspettiva formali, huwa biss l-Istat Membru li huwa destinatarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, it-terzi kkonċernati, direttament interessati, għandhom ukoll jingħataw id-dritt għal smigħ u d-dritt li jipparteċipaw fil-proċedura. Barra minn hekk, id-dritt tar-rikorrent li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat ikun miksur. Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li huwa għandu d-dritt jinvoka fuq livell proċedurali ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Federali bħala entità li twettaq il-proċess f’isem dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ikkonferma, matul is-seduta, li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u dak tad-dritt li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva kienu żewġ ilmenti distinti miġbura fl-istess motiv.

38      It-tielet nett, ir-rikorrent iqis li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku l-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar l-aspett relatat mar-riżorsi tal-baġit ġenerali tiegħu. Minn naħa, ir-rikorrent isostni li l-fatt li huwa jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Milchprüfring riżorsi tal-baġit ġenerali tiegħu ma fih ebda vantaġġ (indirett) rilevanti mill-perspettiva tad-dritt għal għajnuna. Fil-fatt, dawn ir-riżorsi jservu għall-finanzjament ta’ analiżi addizzjonali, li jmur lil hinn mill-analiżi legalment vinkolanti u li ma jikkostitwixxix lanqas testijiet supplimentari fuq l-inizjattiva tal-imħaleb fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-MGV f’Bayern li l-ispejjeż tagħhom jitħallsu kompletament mill-imħaleb. Dawn it-testijiet ma jitwettqux fl-interess tal-imħaleb, iżda f’dak tal-konsumaturi u fl-interess ġenerali. Ir-rikorrent iqis ukoll li dawn ir-riżorsi ma jikkostitwixxux għajnuna, iżda huma l-kumpens għad-danni għat-twettiq ta’ attività ta’ awtorità pubblika li Milchprüfring jeżerċita għal-Land ta’ Bayern. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li l-irkupru ta’ din l-allegata għajnuna huwa eskluż peress li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi tal-baġit ġenerali tiegħu jikkostitwixxi “għajnuna eżistenti” u li finanzjamenti simili jeżistu sa mis-sena 1930.

39      Il-Kummissjoni twieġeb, fl-ewwel lok, li skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikorrent ma jistax jinvoka d-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li dawn huma drittijiet suġġettivi li ma jistgħux jiġu invokati minn dan tal-aħħar. Hija żżid li l-ksur tad-dritt ta’ assoċjazzjoni mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat, invokat mir-rikorrent għall-ewwel darba fir-replika, huwa motiv ġdid u huwa għalhekk inammissibbli.

40      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib minn riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern ma tikkostitwixxix miżura ta’ għajnuna awtonoma. Fl-opinjoni tagħha, il-miżura ta’ għajnuna msemmija mill-proċedura ta’ investigazzjoni tikkonsisti fl-eżenzjoni, li minnha jibbenefikaw ix-xerrejja tal-ħalib, tal-ispejjeż imġarrba għall-analiżi tal-kwalità tiegħu. Ir-riżorsi baġitarji użati għal dan il-għan jikkostitwixxu biss forma oħra ta’ “riżorsi tal-Istat”, li huwa wieħed mill-erba’ elementi kostituttivi ta’ għajnuna mill-Istat. Dawn ir-riżorsi huma intiżi għall-istess analiżi bħal dawk iffinanzjati mit-taxxa fuq il-ħalib u l-vantaġġ ikun jibbenefika lill-istess xerrejja. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li l-miżura kkontestata tkun iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, iżda huwa sempliċement jikkritika l-fatt li l-ammont u li l-oriġini tal-għajnuna ma kinux idettaljati biżżejjed fid-deċiżjoni ta’ ftuħ meta huwa kien fil-pussess ta’ din l-informazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad il-fatt li l-finanzjament mir-riżorsi baġitarji tal-Land ta’ Bayern kien jirrigwarda biss it-“testijiet addizzjonali li jmorru lil hinn minn dak li huwa vinkolanti”. Hija żżid li la l-partijiet interessati u lanqas l-Istat Membru ma indikaw matul il-proċedura formali li l-finanzjament permezz ta’ taxxa fuq il-ħalib kien jikkonċerna biss in-numru minimu ta’ kampjuni preskritt mill-Artikolu 2(1) sa (8) tal-MGV.

41      It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrent huwa żbaljat meta jallega li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda miżura ta’ għajnuna li ma ssemmietx fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, ġurisprudenza stabbilita li tgħid li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha sabiex tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt u għandha biss tpoġġi lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkunu jafu r-raġunament tal-Kummissjoni li ma hijiex obbligata, f’dan l-istadju, tippreżenta analiżi kompluta tal-għajnuna inkwistjoni. Madankollu, għalkemm id-deċiżjoni ta’ ftuħ illimitat ruħha għat-taxxa, il-motivazzjoni ppreżentata fiha tapplika a fortiori għall-miżuri li huma ffinanzjati direttament mir-riżorsi tal-Istat.

42      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li l-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib minn riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern kien eskluż mid-deċiżjoni ta’ ftuħ u li ma huwiex kopert mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li dan il-finanzjament ma kienx imsemmi b’mod espliċitu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, iżda hija ssostni li lanqas ma kien eskluż b’mod espliċitu mill-eżami tal-miżura ta’ għajnuna. Hija żżid li l-punt 3.3.1 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jillimita l-investigazzjoni formali għall-finanzjament mir-riżorsi li jinkisbu mit-taxxa fuq il-ħalib, peress li l-Kummissjoni spjegat li dan it-tip ta’ finanzjament kien ekwivalenti għall-finanzjament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li kien inutli li jiġi ttrattat dan tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li mill-istruttura tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jirriżulta li anki r-riżorsi baġitarji jittieħdu inkunsiderazzjoni u li l-“għajnuna finanzjarja” tinkludi ż-żewġ aspetti: it-taxxa u r-riżorsi baġitarji. Il-formulazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ma tippermettix li jiġi affermat li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 108(2) TFUE sa fejn din tindika b’mod espliċitu l-element li jikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna, li ma ġiex ikkontestat u kellu jiġi indikat b’mod espliċitu sabiex tiġi identifikata l-portata tal-irkupru.

43      Fil-ħames u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjoni tar-rikorrent li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ipprekludietu milli jesprimi ruħu dwar sensiela ta’ aspetti tal-miżura ta’ għajnuna ffinanzjata mir-riżorsi baġitarji huwa irrilevanti. Il-Kummissjoni tfakkar qabelxejn li l-Land ta’ Bayern seta’ jipparteċipa fil-proċedura ta’ investigazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni tal-Gvern Federali Ġermaniż. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Istati Membri u l-partijiet interessati setgħu jressqu l-argumenti tagħhom dwar l-allegata assenza ta’ vantaġġ, għax-xerrejja tal-ħalib, li jirriżulta mill-ħlas tal-ammonti tal-ispejjeż tal-analiżi mwettqa mill-Milchprüfring jew dwar l-eżistenza ta’ għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li sussidji mill-baġits tal-Istat ingħataw għall-ewwel darba fl-1970, ħafna wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, iffirmat f’Ruma fil-25 ta’ Marzu 1957. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li, minkejja li jkun seħħ ksur tad-dritt tar-rikorrent li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, dan ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-proċedura ma setgħetx twassal għal riżultat differenti, irrispettivament mill-osservazzjonijiet ifformulati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

44      Fir-rigward tad-drittijiet tal-entitajiet infrastatali li taw l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat. Dan tal-aħħar biss, bħala destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ għalhekk jinvoka d-drittijiet tad-difiża. L-entitajiet infrastatali li jagħtu l-għajnuna, bħar-rikorrent, kif ukoll l-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna u l-kompetituri tagħhom, huma biss ikkunsidrati bħala partijiet interessati f’din il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, EU:T:2003:57, punt 122, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T-267/08 u T-279/08, EU:T:2011:209, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi illegalità suġġettiva min-natura tagħha, li għandha għaldaqstant tiġi invokata mill-Istat Membru kkonċernat innifsu (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-30/01 sa T-32/01 u T-86/02 sa T-88/02, EU:T:2009:314, punt 238 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-62/08, EU:T:2010:268, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Minn dan isegwi li l-Land ta’ Bayern, ma jistax jinvoka d-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew fir-rigward tiegħu nnifsu. Huwa għandu biss id-dritt li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T-354/99, EU:T:2006:137, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni, T-156/04, EU:T:2009:505, punt 107). Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva

46      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tintima lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-fażi ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat- 22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02, EU:T:2006:59, punt 78; tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T-354/99, EU:T:2006:137, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni, T-156/04, EU:T:2009:505, punt 106). Din ir-regola għandha n-natura ta’ formalità sostanzjali (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C-334/07, EU:C:2008:709, punt 55). F’dak li jirrigwarda dan id-dmir, skont ġurisprudenza stabbilita, il-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jiġu nnotifikati bil-ftuħ ta’ proċedura (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 17, u tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T-354/99, EU:T:2006:137, punt 81). Din il-komunikazzjoni hija intiża esklużivament sabiex tinkiseb, min-naħa tal-persuni interessati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il-Kummissjoni tifhem kif għandha timxi iktar ’il quddiem (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 70/72, EU:C:1973:87, punt 19; tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, EU:T:1996:153, punt 256, u tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni, T‑394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, EU:T:2011:493, punt 73).

47      B’applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkluża evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u tindika r-raġunijiet li jqiegħdu fid-dubju l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern. Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tippermetti, min-naħa tagħha, li jiġu approfonditi u ċċarati l-kwistjonijiet imqajma fid-deċiżjoni ta’ ftuħ (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, Italja vs Il-Kummissjoni, T‑424/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:49, punt 69). Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li l-Kummissjoni, mingħajr ma tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni, tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-investigazzjoni tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-persuni interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2009, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, T-273/06 u T‑297/06, EU:T:2009:233, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni, T-156/04, EU:T:2009:505, punt 108). Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet interessati jkunu jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq intern (sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, T-111/01 u T-133/01, EU:T:2005:166, punt 50, u tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni, T-156/04, EU:T:2009:505, punt 110).

48      Mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, wara din il-proċedura, l-analiżi tal-Kummissjoni tista’ tkun evolviet, peress li hija tista’ finalment tiddeċiedi li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jew li d-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha ġew eliminati. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni finali tista’ tippreżenta ċerti diverġenzi mad-deċiżjoni ta’ ftuħ, mingħajr ma dawn jivvizzjaw għalhekk id-deċiżjoni finali (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-424/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:49, punt 69, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Pajjiżi l-Baxxi u NOS vs Il-Kummissjoni, T-231/06 u T-237/06, EU:T:2010:525, punt 50).

49      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat dan l-ilment.

50      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 37 iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-kontenut tar-rikors, l-invokazzjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura u tad-dritt għal smigħ fil-fatt jingħaqad mal-invokazzjoni, mir-rikorrent, tad-dritt tiegħu li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrent qajjem fil-punti 56 u 59 tar-rikors, u mhux fl-istadju tar-replika, il-ksur tad-dritt li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 108(2) TFUE, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999. Minn dan isegwi li l-ilment huwa ammissibbli.

52      Għaldaqstant, sabiex tiġi analizzata l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan id-dritt, għandha tiġi eżaminata d-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ ftuħ sabiex jiġi determinat jekk il-finanzjament mir-riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern kienx diġà kopert minn din tal-aħħar.

53      Fl-ewwel lok, kif indikat fil-punt 10 iktar ’il fuq, il-punt 2.5 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jirrigwarda l-kuntest tal-finanzjament tal-għajnuna li hija s-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-punt, isir riferiment għall-Artikolu 22 tal-MFG. Din id-dispożizzjoni, intitolata “Taxxi” tirreferi għat-taxxi fuq il-ħalib, li huwa barra minn hekk imsemmi fil-premessa 8 ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ġiet identifikata, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, bħala l-bażi tal-ġbir tat-taxxa fuq il-ħalib. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tirrigwarda r-riżorsi li jinkisbu mill-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern.

54      Barra minn hekk, il-BayHO, b’mod partikolari l-Artikoli 23 u 44 tiegħu, iċċitati fil-punti 6 u 7 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala l-bażi legali tal-għajnuna, ma kienx imsemmi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

55      Fit-tieni lok, il-punt 3.1 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li għandu bħala suġġett kummentarju ġenerali dwar l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-punt 3.3.1 intitolat “Għajnuna mogħtija minn Stat jew permezz ta’ riżorsi ta’ Stat”, jirrigwarda wkoll it-taxxa fuq il-ħalib, skont il-MFG. B’mod partikolari, fil-premessi 130 u 132, huwa spjegat li, skont din il-liġi, it-taxxa hija miġbura mingħand l-operaturi privati sabiex jappoġġjaw is-sottomiżuri varjabbli eżaminati. Fil-premessa 133, il-Kummissjoni kkonkludiet li “il-miżuri ffinanzjati mid-dħul tat-taxxa ingħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat u huma attribwibbli għalih”.

56      Fit-tielet lok, kif indikat fil-punt 10 iktar ’il fuq, il-premessa 264 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tindika wkoll li l-miżura inkwistjoni hija ffinanzjata mit-taxxa fuq il-ħalib.

57      Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punt 10 iktar ’il fuq u kif ġie kkonfermat mill-Kummissjoni stess, il-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib mir-riżorsi baġitarji tal-Land ta’ Bayern ma ssemmiex fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

58      Għaldaqstant, il-partijiet interessati setgħu leġittimament jippreżumu li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ kienet tirrigwarda esklużivament ir-riżorsi li joriġinaw mit-taxxa fuq il-ħalib.

59      Din il-konstatazzjoni ma hijiex miċħuda mill-argumenti tal-Kummissjoni.

60      Fl-ewwel lok, ma jistax jiġi ammess, kif issostni l-Kummissjoni, li huwa biżżejjed li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ma eskludietx il-finanzjament permezz ta’ riżorsi li jkunu ġejjin mill-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, “id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt”. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu pożittiv fir-rigward tal-Kummissjoni, li b’applikazzjoni tiegħu hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq tali argument li jiċħad dan l-obbligu mill-kontenut tiegħu.

61      Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, minkejja li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tippreżenta analiżi kompluta dwar l-għajnuna inkwistjoni, huwa neċessarju li hija tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-investigazzjoni tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-persuni interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

62      Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kummissjoni li l-partijiet interessati kollha kienu informati dwar il-fatt li l-għajnuna kienet inkisbet minn diversi sorsi ta’ finanzjament u li riferiment espliċitu f’dan is-sens ma kienx meħtieġ. B’mod konkret, il-fatt li l-finanzjament tal-għajnuna mir-riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern kien imsemmi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ma jimplikax neċessarjament li l-Kummissjoni kienet kkonstatat dan l-element fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, f’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk il-partijiet interessati kinux jafu dwar il-fatt li l-finanzjament tal-għajnuna kien magħmul minn diversi sorsi, iżda jekk huma kinux f’pożizzjoni li jiddeduċu mid-deċiżjoni ta’ ftuħ li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda wkoll il-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern. Issa, kif ġie indikat fil-punt 58 iktar ’il fuq, dan ma kienx il-każ f’dan il-każ.

63      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni lanqas ma hija ġġustifikata li ssostni li l-oriġini tar-riżorsi tal-Istat hija irrilevanti peress li huma intiżi, fi kwalunkwe każ, għall-finanzjament tal-istess miżura ta’ għajnuna.

64      Minn naħa, l-aċċettazzjoni ta’ tali argument tiċħad l-obbligu tal-Kummissjoni li tidentifika “l-elementi rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 mill-kontenut tiegħu.

65      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 107(1) TFUE, juża t-terminu “riżorsi tal-Istat” f’sens wiesa’ ħafna, peress li huwa jipprevedi l-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mogħtija permezz ta’ dawn ir-riżorsi taħt “kwalunkwe forma”. Konsegwentement, dawn ir-riżorsi jistgħu jieħdu forom differenti u, għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li tidentifikahom u tanalizzahom b’reqqa, peress li r-riżorsi tal-Istat jikkostitwixxu wieħed mill-elementi kostituttivi tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, l-espressioni “għajnuna finanzjarja” użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, anki jekk jitqies li hija tista’ tiġi interpretata li tinkludi ż-żewġ sorsi ta’ finanzjament, għandha tiġi kkunsidrata li ma hijiex suffiċjentement preċiża.

66      Ċertament, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni finali tista’ tippreżenta ċerti diverġenzi mid-deċiżjoni ta’ ftuħ, b’mod partikolari sussegwentement għall-argumenti ppreżentati mill-partijiet b’risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ, mingħajr ma dawn id-differenzi jivvizzjaw għalhekk id-deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Pajjiżi l-Baxxi u NOS vs Il-Kummissjoni, T-231/06 u T-237/06, EU:T:2010:525, punti 48 u 49). Madankollu, tali diverġenza ma hijiex iġġustifikata f’dan il-każ. Kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, din ġiet informata mill-Istat Membru dwar il-finanzjament permezz ta’ riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern diġà ħafna qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ. Għaldaqstant, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kellha diġà informazzjoni li tippermettilha tidentifika l-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern bħala sors ta’ finanzjament tal-għajnuna kontenzjuża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tallegax li r-riferiment għall-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi pprovduti b’risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ.

67      Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 18 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni invokat, fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, il-finanzjament tal-għajnuna minn riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern sabiex issostni l-argument tagħha. Barra minn hekk, fil-premessi 170 u 173 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat b’mod espliċitu li, b’differenza għal dik mogħtija f’Baden-Württemberg, l-għajnuna f’Bayern ma kinitx ingħatat biss permezz tal-finanzjament tat-taxxa fuq il-ħalib, iżda wkoll permezz tal-baġit ġenerali ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-finanzjament permezz tar-riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern ma kienx element irrilevanti fl-analiżi tagħha.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mingħajr ma l-partijiet interessati ngħataw il-possibbiltà li jadottaw pożizzjoni dwar il-finanzjament li joriġina mill-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern.

69      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-dritt tar-rikorrent li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva u, għaldaqstant, tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

70      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħmilha possibbli għall-partijiet interessati, fl-istadju tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom għandu n-natura ta’ formalità essenzjali (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C-334/07, EU:C:2008:709, punt 55), li l-ksur tagħha twassal għal konsegwenzi, bħall-annullament tal-att ivvizzjat, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-ksur jkunx ikkawża dannu għal dak li jinvokah jew jekk il-proċedura amministrattiva setgħetx twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il-Kummissjoni, T-54/14, EU:T:2016:455, punt 47).

71      Minn dan isegwi li l-ksur, mill-Kummissjoni, tad-dritt tar-rikorrent li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva huwa suffiċjenti sabiex dan il-motiv jintlaqa’.

72      Sussidjarjament, ma jistax jiġi eskluż li, fl-assenza tal-irregolarità kkonstatata, jiġifieri li kieku r-rikorrent kellu effettivament il-possibbiltà fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-finanzjament permezz tal-baġit ġenerali tiegħu, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02, EU:T:2006:59, punt 95).

73      Qabel kollox, il-Kummissjoni, billi tikkritika lir-rikorrent li ma invokax fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-argument li l-finanzjament mir-riżorsi baġitarji tiegħu kien ikopri biss testijiet addizzjonali li jmorru lil hinn minn dak li kien vinkolanti, tikkonferma l-impatt konkret tal-assenza ta’ riferiment, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, għall-finanzjament li joriġina minn dawn ir-riżorsi baġitarji.

74      Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent li l-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib mir-riżorsi tal-baġit ġenerali tiegħu jikkostitwixxi għajnuna eżistenti sa fejn kienet ilha teżisti sa mis-sena 1930, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-MFG fl-1952. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li huwa biss fl-1970 li dan il-finanzjament ġie stabbilit. Jirriżulta b’mod ċar minn dan id-dibattitu bejn il-partijiet li l-oriġini tal-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern huwa ta’ ċertu importanza f’dak li jirrigwarda tal-inqas l-analiżi tal-eżistenza ta’ għajnuna eżistenti.

75      Fl-aħħar nett, mill-punti 17 sa 20 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreżentax analiżi distinta fir-rigward ta’ kull wieħed miż-żewġ metodi ta’ finanzjament. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni jew wettqet analiżi mingħajr riferiment għall-metodu ta’ finanzjament ikkonċernat, jew ittrasponiet ir-raġunament tagħha fuq il-finanzjament permezz tat-taxxa fuq il-ħalib għal dak permezz tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern. Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li argumenti dwar il-finanzjament permezz tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern, bħal dawk esposti fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq, li kieku kienu ġew ippreżentati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, setgħu jwasslu għal riżultat differenti.

76      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

77      Madankollu, għandu jiġi eżaminat sa fejn id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fid-dawl tal-fatt li l-ewwel motiv jirrigwarda l-ksur tad-dritt tar-rikorrent li jiġi assoċjat mal-proċedura amministrattiva fir-rigward b’mod partikolari l-finanzjament tal-għajnuna b’kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tiegħu.

78      Għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni Ewropea huwa possibbli biss sakemm l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu jistgħu jiġu separati mill-bqija tal-att. Ma jkunx issodisfatt dan ir-rekwiżit ta’ separazzjoni meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C-224/12 P, EU:C:2014:213, punt 57, u d-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, Carbunión vs Il-Kunsill, C-99/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2446, punt 26).

79      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk l-ammont inizjali ta’ għajnuna kellux jingħata valur attwali bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi sempliċi jew permezz ta’ rata ta’ interessi komposta jew jekk kienx jista’ jiġi separat mill-ammont inizjali tal-għajnuna ma kinitx taffettwa l-konstatazzjoni tal-fatt li din kienet inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni kien jagħmel distinzjoni huwa stess, fl-artikolu 1 tiegħu, bejn l-ammont inizjali tal-għajnuna inkwistjoni u l-ammont li ngħata valur attwali (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, C-295/07 P, EU:C:2008:707, punti 107 u 108).

80      Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kriterji li kienu jikkundizzjonaw l-awtorizzazzjoni temporanja ta’ għajnuna ma setgħux jiġu separati mill-kumplament tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2013, Carbunión vs Il-Kunsill, T-176/11, mhux ippubblikat, EU:T:2013:686, punti 33 sa 36).

81      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li bidla fil-kundizzjonijiet għar-rimbors ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital li tirrappreżenta vantaġġ addizzjonali ma setgħetx tiġi separata mill-att ikkontestat peress li dan l-element kien jikkostitwixxi parti integrali mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C-224/12 P, EU:C:2014:213, punti 59 sa 63).

82      Minn dan jirriżulta li annullament parzjali ma jistax jiġi preżunt u li huwa possibbli biss sakemm jiġi żgurat li dan l-annullament ma jkollux l-effett li jibdel is-sustanza tal-att ikkontestat.

83      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif indikat fil-punt 75 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix analiżi separata fir-rigward tal-metodi ta’ finanzjament, wisq iktar peress li l-Kummissjoni ssostni, kif indikat fil-punt 63 iktar ’il fuq, li, minkejja li l-għajnuna inkwistjoni inkisbet minn żewġ sorsi ta’ finanzjament, din hija miżura waħda u unika. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, b’differenza għall-fatti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonstata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern, ma jispeċifikax il-metodu preċiż li bih din tal-aħħar hija ffinanzjata. Barra minn hekk, fl-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-irkupru tal-għajnuna, ma ssir ebda distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ finanzjament.

84      Konsegwentement, f’dan il-każ, fid-dawl tal-kontenut u tal-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, huwa impossibbli li jiġu separati, minn qari tagħha, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-finanzjament permezz tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern mill-kumplament ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, peress li l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 82 iktar ’il fuq ma hijiex issodisfatta, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, limitata għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern, ma jistax jiġi ddikjarat.

85      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni Ewropea jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 63; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Ellinikos Chrysos vs Il-Kummissjoni, C-100/16 P, EU:C:2017:194, punt 20).

86      Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha twettaq kostruzzjoni mill-ġdid tar-raġunament tal-Kummissjoni sabiex tidentifika l-impatt tal-finanzjament permezz tal-baġit ġenerali tal-Land ta’ Bayern fuq l-investigazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża fid-deċiżjoni kkontestata.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jintlaqa’ fuq il-bażi tal-ewwel motiv.

88      Minn dan isegwi li għandu jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna l-għajnuna mogħtija f’Bayern.

89      L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni, li l-annullament tagħhom huwa wkoll mitlub mir-rikorrent, sa fejn l-irkupru tal-għajnuna prevista fiha hija konsegwenza diretta tal-Artikolu 1. Dan jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, li jipprevedi li, fejn “jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju.”

90      Konsegwentement, l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw l-għajnuna mogħtija f’Bayern, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrent.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2432 tat-18 ta’ Settembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35484 (2013/C) (ex SA.35484 (2012/NN)) mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal testijiet tal-kwalità tal-ħalib skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam għandhom jiġu annullati sa fejn huwa deċiż permezz tagħhom li l-għoti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ għajnuna mill-Istat huwa inkompatibbli mas-suq intern f’dak li jirrigwarda t-testijiet tal-kwalità tal-ħalib imwettqa f’Bayern u tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Freistaat Bayern.

Kanninen

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.