Language of document : ECLI:EU:C:2019:678

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2019(1)

Kawża C-228/18

Gazdasági Versenyhivatal

vs

Budapest Bank Nyrt.,

ING Bank NV Magyarországi Fióktelepe,

OTP Bank Nyrt.,

Kereskedelmi és Hitelbank Zrt.,

Magyar Külkereskedelmi Bank Zrt.,

Erste Bank Hungary Zrt.,

Visa Europe Ltd,

MasterCard Europe SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija))

“Kompetizzjoni — Artikolu 101(1) TFUE — Ftehim, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jew “minħabba l-effett” — Sistema ta’ karti ta’ ħlas fl-Ungerija — Ftehim dwar tariffa tal-interkambju — Parteċipazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Sa mill-bidu tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni nħliet ħafna inka dwar id-dikotomija bejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u r-restrizzjoni minħabba l-effett (2). Jista’, għalhekk, ikun ta’ sorpriża li din id-distinzjoni, li toriġina mill-kliem stess tal-projbizzjoni ta’ (dak li llum huwa) l-Artikolu 101 TFUE, għad jonqosha interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

2.        Id-distinzjoni hija relattivament faċli ssir fit-teorija. Il-mod kif taħdem fil-prattika huwa, madankollu, daqsxejn iktar kumpless. Ikun ukoll ġust jingħad li l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni mhux dejjem kienet ċara daqs il-kristall dwar is-suġġett. Tabilħaqq, għadd ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Unjoni kienu kkritikati fid-duttrina legali minħabba li kienu ċajpru d-distinzjoni bejn iż-żewġ kunċetti (3).

3.        Permezz ta’ din il-kawża l-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”) tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja titfa’ iktar dawl fuq id-dikotomija li hija l-qofol tal-Artikolu 101 TFUE, biex b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tkompli tiżviluppa l-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha dwar is-suġġett, b’mod partikolari s-sentenzi CB vs Il-Kummissjoni (4) u Maxima Latvija (5).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt nazzjonali

4.        Skont l-Artikolu 11(1) ta’ tisztességtelen piaci magatartás és a versenykorlátozás tilalmáról szóló 1996. évi LVII. törvény (il-Liġi Nru LVII tal-1996 dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali u restrittivi, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar prattiki kummerċjali żleali”):

“Ftehim jew prattiki miftiehma bejn impriżi u deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem kollettivament: ‘ftehim’) minn organizzazzjonijiet ta’ impriżi stabbiliti skont il-libertà ta’ assoċjazzjoni, korporazzjonijiet pubbliċi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet simili oħra ta’ impriżi (iktar ’il quddiem kollettivament: ‘assoċjazzjonijiet ta’ impriżi’), li jkollhom bħala għan jew effett potenzjali jew attwali tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandhom ikunu pprojbiti. Ftehim konklużi bejn impriżi mhux indipendenti minn xulxin ma għandhomx jikkwalifikaw bħala tali ftehim.”

III. Il-fatti, il-proċeduri u d-domandi magħmula

5.        Meta jsiru transazzjonijiet b’karti ta’ kreditu bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipikament jipparteċipaw erba’ partijiet ewlenin: id-detentur tal-karta; l-istituzzjoni finanzjarja li tkun ħarġet il-karta ta’ kreditu (iktar ’il quddiem il-“bank emittenti”); in-negozjant u l-istituzzjoni finanzjarja li tipprovdi lil dak in-negozjant b’servizzi li bihom huwa jkun jista jaċċetta l-karta bħala mezz biex jikkonkludi t-transazzjoni ta’ ħlas ikkonċernata (iktar ’il quddiem il-“bank akkwirenti”).

6.        Skont il-qorti tar-rinviju, fil-bidu tas-snin disgħin, is-sistema ta’ ħlas b’karta ta’ kreditu fl-Ungerija kienet għadha fi stadju embrijoniku. Matul nofs is-snin disgħin il-kumpanniji Visa Europe Ltd (iktar ’il quddiem “Visa”) u MasterCard Europe SA (iktar ’il quddiem il-“MasterCard”) (flimkien, iktar ’il quddiem, il-“kumpanniji tal-karti ta’ kreditu”) kienu jipprovdu fir-regoli interni tagħhom għall-possibbiltà li l-ammont tat-tariffa ta’ interkambju (iktar ’il quddiem “TI”) jiġi stabbilit mill-bank akkwirenti u mill-bank emittenti flimkien. It-TI hija l-ammont imħallas minn dak tal-ewwel lil dak tal-aħħar meta ssir transazzjoni ta’ ħlas b’karta ta’ kreditu.

7.        Bejn l-1991 u l-1994, meta ftit banek biss kienu jipparteċipaw fl-iskemi ta’ karti ta’ kreditu fl-Ungerija, il-banek kienu qablu bilateralment dwar l-ammont tat-TI. Madankollu, fl-1994, Visa kienet stiednet lill-banek parteċipanti fl-iskema tagħha fl-Ungerija biex iwaqqfu forum nazzjonali biex, fost l-oħrajn, jaqblu dwar politika lokali ta’ rati għat-TI. Bejn l-1995 u l-1996, il-banek li kienu joperaw fis-settur tal-karti tal-ħlas introduċew proċedura ta’ kooperazzjoni multilaterali (iktar ’il quddiem il-“Forum”), li fiha huma ddiskutew speċifikament kwistjonijiet dwar in-negozju tal-imsemmija karti tal-ħlas li dwarhom kienet meħtieġa l-kooperazzjoni.

8.        Fil-Forum, fl-24 ta’ April 1996, seba’ banek — li ħafna minnhom kienu membri ta’ sistemi ta’ karti ta’ kreditu taż-żewġ kumpanniji — laħqu ftehim dwar il-livell minimu ta’ tariffa għal servizz imħallsa min-negozjant (“TSN”) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TSN”). It-TSN hija t-tariffa li l-bank akkwirenti jitlob mingħand in-negozjanti li jaċċettaw ħlasijiet b’karti ta’ kreditu. Madankollu, fl-aħħar il-Ftehim TSN qatt ma daħal fis-seħħ.

9.        Fit-28 ta’ Awwissu 1996, l-istess grupp ta’ banek adotta ftehim li introduċa TI multilaterali uniformi (iktar ’il quddiem “TIM”) applikabbli għaż-żewġ kumpanniji tal-karti ta’ kreditu (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TIM”) b’effett mill-1 ta’ Ottubru 1996. Il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu ma kinux preżenti għal-laqgħa fejn kien intlaħaq il-ftehim, iżda ntbagħtet kopja tal-ftehim minn Kereskedelmi és Hitelbank Zrt., li aġixxiet bħala punt ta’ kuntatt. Wara dan, banek oħra ssieħbu fil-Ftehim TIM u fil-mekkaniżmu tal-Forum.

10.      Fil-31 ta’ Jannar 2008 il-Gazdasági Versenyhivatal (l-Awtorità Ungeriża għall-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem “AUK”) bdiet investigazzjoni dwar il-Ftehim TIM. Il-Ftehim baqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Lulju 2008.

11.      Fid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-AUK ikkonkludiet li, meta ffissaw TIM u fasslu struttura uniformi għaliha, u stabbilixew u ppromovew qafas regolatorju għall-Ftehim TIM, it-tnejn u għoxrin bank membru u l-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu kienu daħlu fi ftehim antikompetittiv li kien jikser l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar prattiki kummerċjali żleali u, mill-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 81(1) KE (illum l-Artikolu 101(1) TFUE). L-AUK imponiet multi ta’ ammonti varji fuq is-seba’ banek li inizjalment kienu kkonkludew il-Ftehim TIM u fuq iż-żewġ kumpanniji tal-karti ta’ kreditu, li kienu jġibu b’kollox is-somma ta’ HUF 1 922 000 000.

12.      Fid-deċiżjoni tagħha l-AUK ikkonkludiet li l-Ftehim TIM kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Barra minn hekk, l-AUK irriteniet li l-ftehim kien jikkostitwixxi wkoll restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

13.      Il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu u sitta mill-banek li kienu ġew immultati (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) ikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija). Dik il-qorti ċaħdet l-azzjoni.

14.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni ta’ MasterCard, ippreżentaw appell kontra din is-sentenza quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) li annullat id-deċiżjoni kontestata parzjalment u ordnat lill-AUK twettaq proċedura ta’ investigazzjoni ġdida. Dik il-qorti sabet li ma kienx possibbli li mġiba ikkontestata tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u, fl-istess waqt, tkun restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett. Iddeċidiet ukoll li l-ftehim inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

15.      L-AUK ippreżentat appell ieħor kontra din is-sentenza quddiem il-Qorti Suprema. Minħabba li dik il-qorti kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 101 TFUE, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti:

“1.)      [L-Artikolu 101(1) TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-istess aġir jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur ta’ din id-dispożizzjoni kemm minħabba l-għan antikompetittiv tiegħu kif ukoll minħabba l-effetti antikompetittivi tiegħu, għalkemm fuq bażijiet ġuridiċi differenti?

2.)      [L-Artikolu 101(1) TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim konkluż bejn banek membri Ungeriżi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu, sa fejn dan jistabbilixxi f’ammont uniformi għaż-żewġ impriżi ta’ karti ta’ kreditu Visa u MasterCard it-tariffa ta’ skambju li titħallas lill-banek ta’ ħruġ inkambju għall-użu tal-karti ta’ kreditu tal-imsemmija impriżi?

3.)      [L-Artikolu 101(1) TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jitqiesu wkoll bħala partijiet għall-ftehim interbankarju l-impriżi tal-karti ta’ kreditu, li ma pparteċipawx direttament fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-ftehim iżda ppermettew li dan jiġi konkluż, u aċċettawh u implimentawh ukoll, jew għandu jiġi konkluż li hemm prattika miftiehma bejn dawn l-impriżi u l-banek li kkonkludew il-ftehim?

4.)      [L-Artikolu 101(1) TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma huwiex meħtieġ li ssir distinzjoni bejn jekk il-kawża, fid-dawl tas-suġġett tagħha, tirrigwardax parteċipazzjoni bħala parti għall-ftehim interbankarju jew prattika miftiehma mal-banek li huma partijiet għall-ftehim?”

16.      Osservazzjonijiet bil-miktub tressqu minn tmienja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (Budapest Bank Nyrt., ING Bank N.V. Magyarországi Fióktelepe, OTP Bank Nyrt., Kereskedelmi és Hitelbank Zrt., Magyar Külkereskedelmi Bank Zrt., Erste Bank Hungary Zrt., Visa u MasterCard), mill-AUK, il-Gvern Ungeriż, l-Awtorità Superviżorja tal-EFTA (iktar ’il quddiem “ASE”) u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, ħlief Kereskedelmi és Hitelbank Zrt., ukoll għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2019.

IV.    Analiżi

17.      Fil-fehma tiegħi r-risposti għall-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju huma relattivament sempliċi. Nibda billi nagħti risposta qasira għall-ewwel domanda, billi nfakkar li l-istess aġir jista’ tabilħaqq ikun ikklassifikat bħala li jirrestrinġi l-kompetizzjoni kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett, bil-kundizzjoni li l-provi prodotti jkunu jippermettu dan (A). Imbagħad ser ngħaddi għal dak li nqis huwa l-qofol ta’ din il-kawża: f’liema kundizzjonijiet jista’, ftehim bħall-Ftehim TIM, jitqies li huwa restrizzjoni minħabba l-għan? (B) Fl-aħħar nett ser nittratta t-tielet u r-raba’ domanda, li huma relatati, billi l-ewwel nindirizza sa fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata tgħid jekk l-imġiba konċernata tikkostitwix ftehim jew prattika miftiehma (C), u nikkonkludi dwar il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu fi ftehim jew fi prattika miftiehma fil-kuntest ta’ dan il-każ (D).

A.      Fuq l-ewwel domanda

18.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-istess imġiba ta’ impriża tistax tirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) TFUE kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett.

19.      Fil-fehma tiegħi r-risposta għal din id-domanda hija b’mod ċar fl-affermattiv. Din ir-risposta tirriżulta mhux biss mil-loġika u mill-kuntest ta’ dik id-dispożizzjoni, iżda wkoll minn ġurisprudenza llum stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20.      Il-qorti tar-rinviju mihijiex ċerta dwar it-tifsira preċiża tal-kliem “għan jew effett”. B’mod partikolari dik il-qorti tistaqsi jekk il-karattru alternattiv ta’ dawk ir-rekwiżiti jfissirx li ftehim partikolari ma jkunx jista’ jitqies li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett fl-istess waqt. Fid-deċiżjoni kontestata l-AUK fil-fatt iddeċidiet li l-Ftehim TIM kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett.

21.      Bħala kwistjoni ta’ loġika (formali), “jew” normalment tinftiehem bħala diżġunzjoni (inklużiva). Dikjarazzjoni li jkollha żewġ propożizzjonijiet marbuta b’“jew” tkun minnha jekk u biss jekk waħda minnhom jew iż-żewġ propożizzjonijiet komponenti tagħha jkunu minnhom. Għalhekk, jista’ jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan biss, jew minħabba l-effett biss, jew minħabba l-għan u l-effett.

22.      Il-kwistjoni dwar jekk il-loġika hijiex (jew għandhiex tkun) għodda ġenerali għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ċertament tista’ tkun is-suġġett ta’ dibattitu mqanqal, iżda, f’dan il-każ partikolari, l-interpretazzjoni tal-konġunzjoni “jew” bħala diżġunzjoni inklużiva fil-frażi “għan jew effett” hija kompletament konformi mal-għan u l-iskop tal-Artikolu 101(1) TFUE.

23.      L-Artikolu 101(1) TFUE huwa fformulat f’termini wesgħin ħafna. Huwa għandu l-għan li jaqbad il-forom kollha ta’ kollużjoni bejn impriżi (“l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ […] assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma”), irrispettivament mill-għan intiż u mis-suġġett tagħhom (“li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom”), li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea (“il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern”). Għalhekk, taqa’ taħt din id-dispożizzjoni l-imġiba kollha elenkata, irrispettivament minn jekk iseħħux separatament jew, a fortiori, simultanjament.

24.      Barra minn hekk, ftehim li jkunu antikompetittivi minħabba l-għan u ftehim li jkunu antikompetittivi minħabba l-effett ma humiex differenti mill-aspett ontoloġiku. Mill-aspett sostantiv, ma hemm ebda differenza bejniethom: iż-żewġ tipi jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq intern u, għal din ir-raġuni, bħala prinċipju, huma pprojbiti. Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti hija pjuttost ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura proċedurali. Hija intiża biex tindika t-tip ta’ analiżi li awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkun jeħtiġilhom iwettqu meta jevalwaw ftehim skont l-Artikolu 101(1) TFUE.

25.      Din l-interpretazzjoni ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja sa mill-1966 fis-sentenza LTM, fejn hija nnotat li l-użu tal-konġunzjoni diżġuntiva “jew” f’dak li dak iż-żmien kien l-Artikolu 85(1) KEE jfisser li awtorità tal-kompetizzjoni għandha l-ewwel tqis l-għan ta’ ftehim. Madankollu, jekk eżami tal-għan tal-ftehim “ma jurix li l-effett fuq il-kompetizzjoni jkun ta’ ħsara biżżejjed, ikollhom imbagħad jtqiesu l-konsegwenzi tal-ftehim” (6).

26.      Dan l-aspett jirriżulta wkoll b’mod ċar minn sentenzi iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fissret li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara biex kompetizzjoni normali tiffunzjona sewwa. F’dawn il-każijiet, ikun “inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni [tal-Artikolu 101(1) TFUE], li jintwera li din għandha effetti konkreti fuq is-suq”. Tabilħaqq, “l-esperjenza turi li tali mġiba twassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet, li tirriżulta fi tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi” (7). Konstatazzjonijiet simili saru wkoll fis-sentenza Maxima Latvija (8).

27.      Għalhekk, id-dikotomija ta’ għan/effett hija, b’mod ġenerali, mezz proċedurali maħsub biex ikun ta’ gwida għall-awtorità tal-kompetizzjoni dwar l-analiżi li jkollha ssir skont l-Artikolu 101(1) TFUE abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ (9). Awtorità ma jeħtiġilhiex tagħmel analiżi mlaħħma għalkollox dwar l-effetti ta’ ftehim — li ħafna drabi jkun itwal u jeħtieġ iktar riżorsi (10) — meta hija tikkonstata u tistabbilixxi li l-ftehim ikun antikompetittiv minħabba l-għan.

28.      Madankollu, sakemm iż-żewġ tipi ta’ ftehim ma jkunux intrinsikament differenti, l-awtorità tista’ tiddeċiedi wkoll, f’każ speċifiku, li teżamina ftehim miż-żewġ aspetti fl-istess waqt, f’deċiżjoni waħda, u b’hekk tara jekk iż-żewġ rekwiżiti jkunux soddisfatti. Din il-prattika tista’ tkun iġġustifikata, kif sostnew il-Kummissjoni u l-ASE, minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza proċedurali: jekk l-għan antikompetittiv ta’ ftehim ikun kontroversjali, jista’ jkun “iktar sikur” għall-awtorità, f’każ ta’ litigazzjoni sussegwenti, li turi li l-ftehim ikun ukoll antikompetittiv minħabba l-effett (11). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat espressament li impriżi jistgħu jipparteċipaw “fi ftehim li għandu l-għan u l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE” (12).

29.      Madankollu, nixtieq nenfasizza punt importanti: li jkun aċċettat, bħala possibbiltà kunċettwali, li ftehim jista’ jammonta għaż-żewġ tipi ta’ restrizzjoni bla dubju ma jeħlisx lil awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti mill-obbligu li għandha li, fl-ewwel lok, iġġib il-provi meħtieġa għaż-żewġ tipi ta’ restrizzjonijiet u, fit-tieni lok, tevalwa u b’mod ċar iddaħħal dawk il-provi fil-kategoriji legali xierqa.

30.      Naħseb li huwa importanti li dak l-aspett jiġi enfasizzat pjuttost b’mod ċar, mhux minħabba l-kliem ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda pjuttost minħabba l-implikazzjonijiet tagħha. Bilkemm ikun biżżejjed, inkluż għall-fini ta’ stħarriġ ġudizzjarja sussegwenti ta’ deċiżjoni, jekk, fid-deċiżjoni tagħha, awtorità tal-kompetizzjoni tillimita lilha nnifisha għall-ġbir flimkien ta’ provi fattwali u, mingħajr ma tgħid xi tkun iddeduċiet dwar evalwazzjoni legali li hija tkun siltet minn dawk il-provi, tissuġġerixxi biss li ċerta mġiba tista’ tkun dik u/jew oħra, u tħalli għall-qorti adita li torbot il-punti fattwali u tasal għal konklużjoni. Fi kliem sempliċi, l-eżistenza ta’ għażliet legali alternattivi ma jippermettux indeterminatezza, b’mod partikolari meta jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kbar.

31.      Fl-aħħar nett, ser nirreferi għal tliet argumenti addizzjonali mressqa mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li wasslu lil dik il-qorti tesprimi dubji jekk ikunx possibbli li awtorità tikkonstata imġiba bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE għaż-żewġ raġunijiet.

32.      L-ewwel nett, sakemm ma jkunx hemm differenza kunċettwali bejniethom, mhux ta’ min jistgħaġeb li awtorità tal-kompetizzjoni tista’ tirreferi għall-istess sett ta’ fatti u kunsiderazzjonijiet ekonomiċi biex issib li ftehim ikun antikompetittiv kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett. Bit-twissija li għadha kif issemmiet fil-qosor li l-kwalifika legali għandha tkun ċara, id-differenza fl-analiżi meħtieġa mill-awtorità fiż-żewġ sitwazzjonijiet hija iktar dwar grad u dettall milli tip. Iż-żewġ tipi ta’ analiżi huma biss modi differenti, meqjus it-tagħrif u l-esperjenza miksuba mill-awtorità, biex tirrispondi għal domanda waħda u unika, jiġifieri jekk il-ftehim inkwistjoni setax iżomm, jirrestrinġi jew jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern.

33.      It-tieni nett, ma hemmx korrelazzjoni awtomatika bejn il-kwalifika ta’ ftehim bħala restrittiv minħabba l-għan jew l-effett u d-determinazzjoni ta’ sanzjoni li tista’ tiġi imposta fuq l-impriżi responsabbli. Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, “[fl-iffissar] ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur” (13). Ċertament, ftehim li jinstab li jkun jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan iktar ikun probabbli li jitqies li jagħti lok għal ksur gravi tad-dritt tal-kompetizzjoni. Madankollu, din hija biss il-konsegwenza inevitabbli tal-fatt li l-kunċett ta’ “restrizzjonijiet minħabba għan” huwa limitat għal ċerti tipi ta’ forom ta’ koordinazzjoni li “juru livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni” (14). Iktar importanti minn hekk, bl-ebda mod ma huwa eskluż li, minn naħa, jistgħu jitqiesu ċerti restrizzjonijiet minħabba l-għan, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li jammontaw għal ksur ta’ gravità inqas u, min-naħa l-oħra, restrizzjonijiet minħabba l-effett jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu ksur partikolarment serju tad-dritt tal-kompetizzjoni.

34.      It-tielet nett, il-kwalifika ta’ ftehim bħala wieħed restrittiv minħabba l-għan jew minħabba l-effett lanqas ma għandha l-iċken effett fuq il-possibbiltà li tkun applikata eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Ma hemm xejn fil-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni li jissuġġerixxi li eżenzjonijiet jistgħu japplikaw biss għal ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-effett. Pożizzjoni bħal din ikun ukoll diffiċli tiġi rrikonċiljata mal-fatt li, kif spjegat fil-punt 24 iktar ’il fuq, ma hemm l-ebda differenza kunċettwali bejn iż-żewġ tipi ta’ ftehim.

35.      Fil-fatt, fis-sentenza Matra Hacchette vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qalet li kull għamla ta’ prattika antikompetittiva skont l-Artikolu 101(1) TFUE tista’, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti, tiġi eżentata skont l-Artikolu 101(3) TFUE (15). Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata fis-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers (16). Il-punt 21 ta’ din l-aħħar sentenza ma jistax jinqara bħala li jindika li d-distinzjoni bejn restrizzjonijiet minħabba l-għan u minħabba l-effett hija rilevanti skont l-Artikolu 101(3) TFUE. F’dak il-passsaġġ il-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss il-ħsieb tinnota li n-nuqqas ta’ intenzjoni suġġettiva li tkun restritta l-kompetizzjoni min-naħa tal-impriżi involuti fi ftehim ma jeskludihiex milli tkun antikompetittiva minnha nnifisha. Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li, ladarba jkun ġie aċċertat li ftehim ikun jirrestrinġi l-kompetizzjoni, jekk isegwix għan ieħor (allegatament legali) jista’ jitqies biss, meta jkun xieraq, biex tinkiseb eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

36.      Meqjus dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-istess aġir ta’ impriża jista’ jitqies li jkun jikser l-Artikolu 101(1) TFUE kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern.

B.      Fuq it-tieni domanda

37.      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim bħall-Ftehim TIM jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

38.      Ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrispondi dik id-domanda bil-mod kif saret. Fil-kuntest ta’ din il-kawża kull evalwazzjoni fil-mertu għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq l-ammont (relattivament limitat) ta’ informazzjoni dwar il-Ftehim TIM u s-swieq rilevanti li kienu inklużi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jew li tkun tista’ tinġabar mis-sottomissjonijiet tal-partijiet. Madankollu, li tkun analiżzata n-natura antikompetittiva (kemm minħabba l-għan jew minħabba l-effett) ta’ ftehim ma huwiex, f’ħafna każijiet, xogħol faċli. Dan jeħtieġ li tinftiehem sewwa r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet għall-ftehim, u konoxxenza fil-fond tas-suq li fih ikun ġie implimentat il-ftehim.

39.      F’każijiet li jaslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, bilfors li l-qorti tar-rinviju biss ikollha dik l-informazzjoni u t-tagħrif espert. Għalhekk, flok nipprova nistħarreġ indirettament deċiżjoni amministrattiva (nazzjonali), li ma hijiex fil-ġurisdizzjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja (17), ma nistax ħlief nillimita lili nnifsi billi nissuġġerixxi xi gwida u kriterji dwar kif il-qorti tar-rinviju għandha twettaq tali stħarriġ, fid-dawl tal-informazzjoni li jkollha.

1.      Fuq il-kunċett ta’ restrizzjonijiet “minħabba l-għan”

40.      Kif saħqet il-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza reċenti, il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat restrittivament u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni u li għal dan ikun, għalhekk, meħtieġ eżami tal-effetti tagħhom (18). Din il-pożizzjoni hija ġġustifikata għall-fatt li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, bħala li jkunu ta’ ħsara biex kompetizzjoni normali tiffunzjona sewwa minħabba li normalment huma jipproduċu riżultati ekonomiċi ineffiċjenti u jnaqqsu dak li hu ta’ ġid għall-konsumaturi (19).

41.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, biex jinstab li ftehim huwa antikompetittiv minħabba l-għan, l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha twettaq analiżi f’żewġ stadji.

42.      Fl-ewwel stadju l-awtorità tikkonċentra l-iktar fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim u l-għanijiet tiegħu (20). L-iskop ewlieni ta’ dan l-istadju proċedurali huwa li jkun aċċertat jekk il-ftehim inkwistjoni jaqgħax taħt il-kategorija ta’ ftehim li n-natura ħażina tiegħu tkun, fid-dawl ta’ esperjenza miksuba, komunement aċċettata u faċilment identifikabbli (21). F’dan ir-rigward, l-esperjenza tista’ titqies li tirreferi għal “dak li jirriżulta tradizzjonalment mill-analiżi ekonomika, kif ikkonfermata mill-awtoritajiet responsabbli għall-kompetizzjoni u jekk ikun il-każ, mill-ġurisprudenza.” (22)

43.      Fit-tieni stadju l-awtorità jkun jeħtiġilha tivverifika li n-natura antikompetittiva preżunta tal-ftehim, stabbilita abbażi ta’ evalwazzjoni formali biss tagħha, ma hijiex ikkontestata minħabba kunsiderazzjonijiet relatati mal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih ikun ġie implimentat il-ftehim. Għal dan il-għan ikun jeħtieġ titqies in-natura tal-prodotti u tas-servizzi milquta, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali għall-funzjonament u tal-istruttura tas-swieq inkwistjoni (23). Barra minn hekk, għalkemm l-intenzjoni tal-partijiet ma hijiex fattur meħtieġ biex jiġi stabbilit jekk ftehim bejn l-impriżi jkunx restrittiv, dan il-fattur jista’, jekk ikun rilevanti, jittieħed inkunsiderazzjoni (24).

44.      Hija l-portata u l-fond ta’ dan it-tieni stadju proċedurali li huma, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, kemmxejn mhux ċari. Nifhem dawk id-dubji: ma hijiex dik l-analiżi verifika de facto tal-effetti tal-ftehim inkwistjoni? Fejn fit-tieni stadju tieqaf l-analiżi tal-għan u tibda l-analiżi tal-effett? B’mod partikolari, tista’, fil-fatt, issir distinzjoni bħal din fil-kuntest ta’ każ fejn ikun jidher li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun għamlet iż-żewġ tipi ta’ analiżi fil-kuntest tal-istess deċiżjoni?

45.      L-ewwel nett, għaliex (xi) analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku hija meħtieġa meta ftehim ikun jidher li jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-effett? Ir-raġuni hija li evalwazzjoni purament formali ta’ ftehim li tkun għalkollox maqtugħa mir-realtà tista’ twassal għal kundanna ta’ ftehim li ma jagħmlux ħsara jew li jkunu favur il-kompetizzjoni. Ma jkunx hemm ġustifikazzjoni ġuridika jew ekonomika għall-projbizzjoni ta’ ftehim li, minkejja li jkun konformi ma’ kategorija ta’ ftehim li normalment titqies antikompetittiva, ma jkun jista’, madankollu, minħabba xi ċirkustanzi speċifiċi, jipproduċi assolutament ebda effett ta’ ħsara lis-suq, jew li jkun saħansitra favur il-kompetizzjoni (25).

46.      Huwa għalhekk li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet dejjem konsistenti dwar dan il-punt: l-evalwazzjoni ta’ prattika skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tistax issir fl-astratt, iżda teħtieġ eżami ta’ din il-prattika fid-dawl tal-kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi prevalenti fis-swieq konċernati. L-importanza ta’ dan il-prinċipju hija kkonfermata mill-fatt li dan il-prinċipju nstab li kien validu fir-rigward kemm tal-Artikolu 101(1) TFUE (26) kif ukoll tal-Artikolu 102 TFUE (27). Lanqas meta jkollhom x’jaqsmu għamliet ta’ mġiba bħall-iffissar tal-prezzijiet, il-qsim tas-swieq jew projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni, li ġeneralment huma rrikonoxxuti bħala partikolarment ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, ma jista’ ma jingħatax għalkollox kas tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku (28).

47.      Fuq nota simili, fis-sentenza Toshiba, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fir-rigward ta’ ftehim allegatament antikompetittiv minħabba l-għan, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taqa’ fih […] tista’ tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tkun stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (29). Xi jfisser dan mil-lat prattiku?

48.      Fil-fehma tiegħi dan ifisser li l-awtorità tal-kompetizzjoni meta tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE għandha, fid-dawl tal-elementi li jkun hemm fil-fajl, tivverifika li ma jkunx hemm ċirkustanzi speċifiċi li jixħtu dubju dwar in-natura aktarx ta’ ħsara tal-ftehim inkwistjoni. Jekk l-esperjenza turina li l-ftehim eżaminat ikun jaqa’ taħt kategorija ta’ ftehim li, bosta drabi, tkun ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, jidher li ma tkunx meħtieġa analiżi dettaljata ta’ kif dak il-ftehim ikun jolqot is-swieq konċernati. Ikun biżżejjed għall-awtorità li tivverifika li s-suq/swieq rilevanti u l-ftehim inkwistjoni ma jkollhomx karatteristiċi speċjali li jkunu jistgħu jindikaw li dan il-każ jista’ jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola bbażata fuq l-esperjenza. Rari kemm tista’ tkun, ma tistax tkun injorata l-possibbiltà li ftehim jista’ fil-fatt juri karatteristiċi bħal dawn sakemm ma jitqisx il-kuntest fid-dinja reali li fih jopera l-ftehim. Pereżempju, jekk il-kompetizzjoni f’suq partikolari ma tkunx possibbli u ma tkunx teżisti, mela ma hemmx kompetizzjoni li tkun tista’ tiġi limitata.

49.      It-tieni stadju, għalhekk, jammonta għal verifika bażika tar-realtà. Din teħtieġ biss li l-awtorità tal-kompetizzjoni tivverifika, f’livell pjuttost ġenerali, jekk ikunx hemm ċirkustanzi fil-fatt u fid-dritt li ma jħallux il-ftehim jew il-prattika inkwistjoni jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Ma hemmx tip standard ta’ analiżi jew kemm livell għandu jkun profond u metikoluż li awtorità għandha tadotta biex twettaq din il-verifika. Il-kumplessità tal-analiżi meħtieġa mill-awtorità biex tiddeċiedi li ftehim ikun antikompetittiv “minħabba l-għan” tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża. Huwa impossibbli li wieħed jagħmel (jew tal-inqas jiena ma nistax), f’termini astratti, distinzjoni netta bejn (it-tieni stadju ta’) l-analiżi tal-għan u l-analiżi tal-effett.

50.      Għalhekk, kif diġà ġie suġġerit, id-differenza bejn it-tnejn hija iktar ta’ livell milli ta’ tip. Madankollu, huwa ċar li jekk l-elementi li l-awtorità tosserva, meta tkun qiegħda teżamina l-kuntest ġuridiku u ekonomiku ta’ ftehim li allegatament ikun jikkostitwixxi restrizzjoni “minħabba l-għan”, jindikaw direzzjonijiet differenti, issir neċessarja analiżi tal-effetti tiegħu. F’dak il-każ — bħal f’kull każ fejn ftehim ma jitqiesx li jkun antikompetittiv minħabba l-għan — għandha ssir analiżi sħiħa tal-effetti skont l-Artikolu 101(1) TFUE. L-iskop ta’ din l-analiżi huwa li jiġi ddeterminat l-impatt li l-ftehim ikun jista’ jkollu fuq il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti. Essenzjalment, l-awtorità għandha tqabbel l-istruttura kompetittiva fis-suq maħluqa mill-ftehim li jkun qiegħed jiġi eżaminat mal-istruttura li kien ikollha tipprevali fin-nuqqas tagħha (30). Għalhekk, l-analiżi ma tistax tieqaf biss dwar jekk il-ftehim ikunx jista’ b’mod negattiv jolqot il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti (31), iżda għandha tiddetermina jekk l-effetti finali tal-ftehim fuq is-suq humiex pożittivi jew negattivi.

51.      Simplifikata b’mod estremament metaforiku, jekk tidher li qisha ħuta u jkollha riħa ta’ ħuta, wieħed jista’ jassumi li hija ħuta. Sakemm, mal-ewwel daqqa t’għajn, ma jkunx hemm xi ħaġa daqsxejn stramba dwar din il-ħuta partikolari, bħal li ma jkollhiex ġwienaħ ippuntati, tgħum fl-arja jew tfuħ bħall-ġilju, ma tkunx meħtieġa dissezzjoni dettaljata ta’ dik il-ħuta biex din tkun ikkwalifikata bħala tali. Jekk, madankollu, ikun hemm xi ħaġa barra min-normal dwar il-ħuta inkwistjoni, hija xorta tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala ħuta, iżda biss wara eżami dettaljat tal-ħlejqa inkwistjoni.

2.      Huwa l-Ftehim TIM restrizzjoni minħabba l-għan?

52.      L-AUK, bl-appoġġ tal-Gvern Ungeriż u tal-Kummissjoni, tqis li l-Ftehim TIM huwa minnu nnifsu antikompetittiv, filwaqt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw din il-pożizzjoni.

53.      Kif imsemmi fil-punt 9 iktar ’il fuq, il-Ftehim TIM essenzjalment introduċa ammont uniformi għat-TI, jiġifieri t-tariffa li l-banek akkwirenti jħallsu lill-banek emittenti meta ssir transazzjoni ta’ ħlas b’karta’ ta’ kreditu. Għalhekk, tali ftehim la huwa, kif sewwa tinnota l-qorti tar-rinviju, ftehim tipiku orizzontali li jiffissa prezzijiet, lanqas, inżid ngħid, kulma jista’ jiġi kkwalifikata faċilment bħala ftehim vertikali għaż-żamma ta’ prezzijiet għal bejgħ mill-ġdid. Il-Ftehim TIM ma jiffissax prezzijiet ta’ bejgħ u xiri għal klijenti aħħarin, iżda sempliċement “jistandardizza” aspett wieħed tal-istruttura ta’ spejjeż għal xi servizzi maħluqa meta jintużaw karti ta’ kreditu bħala mezz ta’ ħlas.

54.      Fid-dawl ta’ dan, wieħed kien jistenna lill-partijiet, li jargumentaw favur restrizzjoni “minħabba l-għan”, jittrattaw b’mod partikolari l-punti li ġejjin. Bħala kwistjoni preliminari, l-imġiba li allegatament tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kellha tiġi identifikata mingħajr ambigwità u l-elementi ewlenin tagħha spjegati (il-partijiet responsabbli, is-swieq milquta, in-natura tal-imġiba inkwistjoni, u l-perjodi ta’ żmien rilevanti) (a). Wara, il-Ftehim TI kellu jiġi evalwat fid-dawl ta’ dak il-qafas analitiku: l-ewwel nett, billi tinġieb minjiera ta’ esperjenza affidabbli u robusta li turi li tali mġiba hija minnha nnifisha antikompetittiva (b) u, it-tieni nett, ikun spjegat għaliex il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-ftehim ma jixħetx dubju fuq in-natura aktarx antikompetittiva tiegħu (c).

55.      F’dan li ġej ser nitkellem fil-qosor fuq kull wieħed minn dawn il-punti, filwaqt li nqis l-elementi miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja matul din il-proċedura, filwaqt li għal darb’oħra nisħaq li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq stħarriġ ġudizzjarju indirett ta’ deċiżjoni amministrattiva nazzjonali. Hija, għalhekk, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-AUK wettqitx l-obbligu tagħha li ġġib il-provi fid-deċiżjoni kontestata.

a)      Kien l-allegat ksur identifikat b’mod ċar u spjegat?

56.      Il-konklużjoni li prattika partikolari tammonta għal restrizzjoni minħabba l-għan tista’ biss tkun iġġustifikata meta jkun identifikat b’mod ċar il-ksur allegatament manifest. Madankollu, in-nuqqas ta’ preċiżjoni dwar dan, diġà evidenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub, kompla jikber fis-seduta, li fiha kull waħda mill-partijiet li argumentat favur restrizzjoni “minħabba l-għan” dehret li kienet qiegħda targumenta dwar każ differenti. B’mod partikolari, meta ntalbu jispjegaw, mingħajr ambigwità, ix-xorta ta’ ħsara għall-kompetizzjoni li setgħet tirriżulta minn ftehim bħall-Ftehim TIM, l-argumenti tal-partijiet “qabżu” minn suq għal ieħor u minn xorta ta’ ħsara għal oħra, mingħajr ma kienu, kif meħtieġ, ċari u preċiżi.

57.      Mill-inqas issemmew tliet iswieq li setgħu ntlaqtu mill-allegat ksur: is-suq għal servizzi bejn banek b’rabta ma’ transazzjoniet abbażi ta’ karti ta’ kreditu (li l-Ftehimn TIM kellu x’jaqsam direttament magħhom); is-suq (parzjalment sekondarju) għal servizzi mogħtija lil negozjanti b’rabta ma’ transazzjonijiet ta’ kreditu abbażi ta’ karti ta’ kreditu (li l-AUK dehret li l-iktar kienet imħassba dwarhom); u s-suq (effettivament ewlieni) għal dawk li jipprovdu karti ta’ kreditu (li l-Kummissjoni kkonċentrat ħafna fuqu). Ma hemmx dubju li dawn it-tliet iswieq huma relatati ma’ xulxin u l-interazzjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu injorati (32).

58.      Fir-rigward tal-ewwel suq, fil-fatt kien ġie introdott element ta’ iffissar ta’ prezzijiet bil-Ftehim TIM. Madankollu, l-effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni identifikati mill-AUK u mill-Kummissjoni ma seħħewx f’dak is-suq. Anzi, l-AUK u l-Kummissjoni jindikaw effetti ħżiena fiż-żewġt iswieq l-oħra.

59.      Billi nibda mis-suq għal servizzi pprovduti lil negozjanti b’rabta ma’ transazzjonijiet abbażi ta’ karti ta’ kreditu, l-AUK u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-TI kienet titħaddem, fil-prattika, bħala prezz minimu rakkomandat. Tabilħaqq, banek akkwirenti aktarx ma jitolbux ħlas mingħand negozjanti TSN ta’ ammont inqas mit-TI mħallsa lill-bank emittenti, minħabba li dan ma kienx ikun ekonomikament vijabbli. Minn dik il-perspettiva, ċertu livell ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni jkun tabilħaqq plawsibbli: l-inċentiv għall-banek biex jikkompetu għal negozjanti billi jbaxxu t-TI jista’, fil-prattika, ikun limitat mit-TIM miftehma. Bl-istess mod, f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq għal dawk li jipprovdu karti ta’ kreditu, u sa fejn il-Ftehim TI jkun jikkonċerna kemm lil MasterCard kif ukoll lil Visa, ma jistax jiġi eskluż li s-suq seta’ jinnewtralizza element ta’ kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

60.      Madankollu, m’iniex ċert jekk kienx spjegat b’mod adegwat il-mod kif jaħdmu bejniethom dawk is-swieq. Analiżi tal-għan tista’ tkun ta’ għajnuna għall-awtorità tal-kompetizzjoni fix-xogħol tagħha li ġġib provi dwar in-natura antikompetittiva ta’ ċerta mġiba, iżda ma teħlisx lil dik l-awtorità mill-ħtieġa li tidentifika b’mod ċar in-natura tal-ħsara allegata. Iktar importanti, il-fehmiet espressi dwar il-mod kif jaħdmu bejniethom dawk is-swieq jidhru li huma bbażati fuq għadd ta’ suppożizzjonijiet, li wħud minnhom huma kkontestati bil-qawwa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Ma hemmx dubju li huwa possibbli li l-Ftehim TIM jista’ jipproduċi effetti ħżiena, iżda dawn l-effetti huma tant faċilment identifikabbli u huwa probabbli li dak il-ftehim jista’ jitqies bħala restrittiv “minħabba l-għan”?

61.      Għadd ta’ operaturi ta’ xorta differenti kienu attivi f’bosta swieq relatati ma’ xulxin, u l-mod kif kienu jaħdmu bejniethom u l-effetti reċiproċi ta’ bejniethom ma jidhrux li huma faċilment evidenti. Flimkien ma’ tali kumplessità komposta f’termini ta’ min, x’inhu u fejn hemm l-aspett temporali. Il-Ftehim TIM dam għal iktar minn tnax-il sena. Niddubita jekk il-kundizzjonijiet fis-swieq rilevanti fl-Ungerija baqgħux essenzjalment l-istess matul dak il-perijodu. Wara kollox, huwa ġust li wieħed jassumi (u l-għadd ta’ banek parteċipanti jista’ jitqies bħala ħjiel indirett ta’ dik l-evoluzzjoni) li bejn l-1996 u l-2008, is-suq għal servizzi ta’ karti ta’ kreditu fl-Ungerija, kif ukoll fi bnadi oħra fl-Ewropa, inbidel b’mod konsiderevoli. Għaldaqstant, dak li seta’ kien utli jew saħansitra meħtieġ f’mument partikolari biex jiġi segwit għan favur il-kompetizzjoni, li jkun effettivament stabbilit suq seta’ ma baqax hekk meta l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq inbidlu b’mod sostanzjali. Ipoteżi bħal din, jekk hija korretta, tista’ tfisser li ma huwiex possibbli li l-perijodu kollu jitqies eżattament fl-istess dawl u bl-istess ammont ta’ ċarezza biex jiġi evalwat jekk kienx hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

62.      Fil-qosor, b’din il-kumplessità ikbar f’termini ta’ għadd ta’ operaturi attivi f’bosta swieq tul perijodu itwal ta’ żmien, hemm ħtieġa ikbar ta’ ċarezza u preċiżjoni fid-definizzjonijiet, b’mod partikolari jekk dak li huwa ssuġġerit huwa li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan: min suppost kellu jagħmel eżattament xiex f’liema suq/swieq u b’liema konsegwenzi? Barra minn hekk, iktar ma qiegħdin jiddaħħlu varjabbli fil-kwistjoni f’termini ta’ kumplessità strutturali, inqas ikun probabbli li, b’mod ġenerali, naslu għal konklużjoni favur restrizzjoni minħabba l-għan ċara.

b)      Hemm minjiera ta’ esperjenza affidabbli u robusta dwar ftehim bħal dak inkwistjoni?

63.      Wara dan, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità taċ-ċirkustanzi fattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kont nistenna li l-partijiet li jargumentaw favur restrizzjoni minħabba l-għan iressqu minjiera ta’ esperjenza affidabbli u robusta li turi li l-ftehim bħall-Ftehim TIM ġeneralment jitqiesu li jkunu minnhom innifishom antikompetittivi. Hemm prattika relattivament mifruxa u konsistenti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Ewropej u/jew tal-qrati tal-Istati Membri li ssostni li ftehim bħal dawk inkwistjoni huma ġeneralment ta’ ħsara għall-kompetizzjoni?

64.      Meta ntalbet waqt is-seduta l-AUK qalet li hija essenzjalment tibbaża ruħha (biss) fuq il-prattika tal-Kummissjoni. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni qalet li n-natura minnha nnifisha antikompetittiva ta’ ftehim bħall-Ftehim TIM toħroġ mis-sentenzi tal-qrati tal-Unjoni fil-kawża MasterCard (33).

65.      Niddubita jekk dan jammontax għal minjiera ta’ esperjenza robusta u affidabbli meħtieġa biex jiġi konkluż li għamla partikolari ta’ mġiba hija manifestament u ġeneralment antikompetittiva.

66.      Fir-rigward tal-prattika tal-Kummissjoni ninnota li, fl-2002, il-Kummissjoni tat eżenzjonijiet skont (dak li llum huwa) l-Artikolu 101(3) TFUE lil ċerti ftehim li kienu jistabbilixxu t-TIM (34). Hija kienet tal-fehma li dawn il-ftehim kienu restrittivi minħabba l-effett (u mhux minħabba l-għan) iżda kienu jikkontribwixxu għall-progress tekniku u ekonomiku minħabba li kienu jippromwovu sistema internazzjonali ta’ ħlas fuq skala kbira b’esternalitajiet pożittivi ta’ network. Fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li ċerti deċiżjonijiet li kienu jistabbilixxu “TIM ta’ riżerva” kienu jikkostitwixxu restrizzjoni minħabba l-effett, mingħajr ma ħadet pożizzjoni dwar jekk dak il-ftehim kienx ukoll antikompetittiv minħabba l-għan (35). Sussegwentement, fit-22 ta’ Jannar 2019 il-Kummissjoni kkunsidrat li ċerti regoli fil-qasam ta’ akkwist transkonfinali applikati minn MasterCard, b’mod partikolari fir-rigward tat-TI interreġjonali, kienu jikkostitwixxu restrizzjoni minħabba l-għan (36). Dan biex ma nsemmux id-deċiżjonijiet tal-2010, l-2014 u l-2019, li fihom il-Kummissjoni aċċettat obbligi offruti mill-kumpanniji ta’ karti ta’ kreditu li jiffissaw massimu jew inaqqsu l-ammont ta’ ċerti tipi ta’ TI (37). Naturalment, deċiżjonijiet dwar obbligi ma jinvolvux li jinstab b’mod formali ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

67.      Għalhekk jidhirli li l-prattika tal-Kummissjoni bilkemm tista’ tissejjaħ uniformi. Din ma hijiex ċanfira, iżda pjuttost rikonoxximent tal-fatt li donnu jidher li l-mod kif il-Kummissjoni tifhem hija stess din il-kategorija ta’ ftehim żviluppa bil-mod il-mod, bis-saħħa tal-esperjenza miksuba f’dawk l-istess każijiet. Wara kollox, huwa ċar li l-kunċett ta’ “esperjenza” neċessarjament jevolvi maż-żmien, fid-dawl ta’ iktar ma l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti jiksbu iktar tagħrif u jżidu l-esperjenza, tal-ħolqien ta’ mezzi iktar sofistikati ta’ analiżi u tal-iżvilupp tal-ħsieb ekonomiku.

68.      Madankollu, anki jekk inħalli barra l-element temporali diskuss ħafna (38), irrid inkun prudenti qabel ma nasal għall-konklużjoni li għadd żgħir ta’ deċiżjonijiet amministrattivi (l-iktar meta jinħarġu minn awtorità waħda u jevolvu maż-żmien), li kienu dwar forom simili ta’ koordinazzjoni, huma bażi suffiċjenti biex jiġi dedott li kull ftehim komparabbli jista’ jkun preżunt illegali.

69.      Barra minn hekk, il-prattika ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni li setgħu evalwaw ftehim simili għal dawk eżaminati mill-AUK ċertament kienet tkun rilevanti, kieku setgħet tinkiseb.

70.      Fir-rigward tal-ġurisprudenza, huwa daqstant importanti li jiġi vverifikat jekk il-Qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri (39) li ttrattaw din il-kategorija ta’ ftehim kinux adottaw approċċ konsistenti f’dan il-qasam (40).

71.      B’rabta ma’ dan, il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2007 imsemmija iktar ’il fuq fil-fatt kienet ikkonfermata, l-ewwel, mill-Qorti Ġenerali u, imbagħad, mill-Qorti tal-Ġustizzja (41). Għal dak li huwa rilevanti hawnhekk, il-kwistjoni ewlenija hija, madankollu, jekk dawn is-sentenzi jissuġġerixxux li l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, aċċertat mill-Kummissjoni, kien tant manifest li seta’ ġie stabbilit mingħajr analiżi komprensiva ta’ effetti. L-impressjoni tiegħi hija li, minħabba n-natura twila u dettaljata tal-argumenti żviluppati mill-qrati tal-Unjoni biex jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrenti, ikun diffiċli li dawk is-sentenzi jkunu interpretati bħala li jsostnu fehma waħda jew oħra.

72.      Fl-aħħar nett, ninsab xi ftit jew wisq mistgħaġeb li, fis-sottomissjonijiet tagħhom il-partijiet li jargumentaw favur restrizzjoni “minħabba l-għan”, ma semmewx studji jew rapporti mħejjija minn awturi indipendenti u bbażati fuq metodi, prinċipji u standards rikonoxxuti mill-komunità ekonomika internazzjonali li jsostnu l-fehma tagħhom. Tabilħaqq, jekk hemmx qbil biżżejjed fost ekonomisti li ftehim bħal dak inkwistjoni jkunux minnhom innifishom antikompetittivi, jidhirli li huwa tal-ikbar importanza. Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni huwa, wara kollox, prinċipalment kunċett ekonomiku.

73.      Bħala konklużjoni, il-minjiera ta’ esperjenza li bbażaw ruħhom fuqha l-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li sostnew il-fehma li ftehim bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma, min-natura tagħhom stess, ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, tidher pjuttost żgħira. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt fid-dettall, fid-dawl tal-argumenti u d-dokumentazzjoni miġjuba fid-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni.

c)      Il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-Ftehim TIM jixħet dubju fuq in-natura antikompetittiva preżunta tiegħu?

74.      Jekk il-qorti tar-rinviju tkun konvinta mill-analiżi tal-AUK li l-Ftehim TIM ma huwiex tal-kategorija ta’ ftehim li ġeneralment titqies bħala antikompetittiva, it-tieni stadju tal-analiżi tagħha għandu jkun li tivverifika l-validità ta’ dik il-konstatazzjoni preliminari billi ddawwar l-attenzjoni tagħha għall-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih kien implimentat il-ftehim. Hemm xi karatteristika speċifika tal-Ftehim TIM jew tas-swieq milquta li tista’ tixħet dubju fuq l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni? Għalhekk, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jista’ l-argument dwar in-natura ħażina ta’ ftehim bħal dak tkun ikkontestata b’mod raġonevoli fil-kuntest tal-każ individwali?

75.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li l-Ftehim TIM ma kellux għan antikompetittiv jew, f’kull każ, li kellu wkoll xi effetti favur il-kompetizzjoni.

76.      L-ewwel nett, dawk il-partijiet jagħtu spjegazzjoni alternattiva tal-loġika ekonomika tal-Ftehim TIM: jargumentaw li l-istandardizzazzjoni tat-TI kienet meħtieġa biex jiġi żgurat li s-sistema taħdem sewwa u mingħajr problemi, minħabba li s-sistema tal-karti ta’ kreditu fl-Ungerija kienet għadha ma żviluppatx meta daħal fis-seħħ il-Ftehim TIM. Għalhekk, il-ftehim ikkontribwixxa, fil-fehma tagħhom, biex jitwaqqaf u jikber is-suq tal-karti ta’ kreditu fl-Ungerija. It-tieni, huma jsostnu li l-Ftehim TIM kellu wkoll l-għan li jillimita t-tendenza tas-suq biex it-TI tiżdied. Dan il-fatt huwa sostnut, huma jargumentaw, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza Mastercard et vs Il-Kummissjoni (42), kif ukoll mill-fatt li f’ħafna ġurisdizzjonijiet (inklużi l-Ungerija u l-Unjoni Ewropea (43)) il-leġislatur intervjena biex it-TI jkollha limitu massimu.

77.      Jiena konvint li ma huwiex possibbli, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, li wieħed jieħu pożizzjoni soda dwar jekk dawk l-argumenti humiex prima facie plawsibbli jew le. L-informazzjoni inkluża fil-proċess tal-qorti sempliċiment ma hijiex biżżejjed għal dan il-għan.

78.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina dawn it-talbiet biex tivverifika jekk humiex kredibbli biżżejjed biex jiġġustifikaw stħarriġ iktar fil-fond. Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-Ftehim TIM seta’ raġonevolment ikollu xi effetti favur il-kompetizzjoni u li dawk l-effetti pożittivi ma jingħelbux b’mod ċar minn effetti oħra iktar profondi u antikompetittivi, dan il-ftehim ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat bħala restrittiv tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. F’dak il-każ ikun jista’ jiġi stabbilit biss ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE wara li tkun saret analiżi tal-effetti tal-ftehim.

79.      Għalhekk, il-kriterju għandu jkun dak ta’ ipoteżi kumpensattiva li tkun plawsibbli mal-ewwel daqqa ta’ għajn u li tikkontesta, fil-kuntest tal-każ individwali, l-għerf konvenzjonali ġenerali. Hemm żewġ elementi ewlenin f’dan ir-rigward: l-ewwel, l-ispjegazzjoni kumpensattiva għandha tidher li tkun plawsibbli biżżejjed mal-ewwel daqqa ta’ għajn biex tiġġustifika li tkun eżaminata iktar. It-tieni, madankollu, l-istandard huwa dak ta’ ipoteżi kumpensattiva raġonevoli. Ma jeħtiġilhiex tkun stabbilita, argumentata u ppruvata kompletament: dak tagħmlu l-analiżi sħiħa tal-effetti.

80.      Dwar dan għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja ilha li rrikonoxxiet li ftehim li jsegwu “riżultat leġittimu” mhux neċessarjament jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) TFUE (44). Dan ifisser li ftehim li jkollhom effetti kemm favur kif ukoll kontra l-kompetizzjoni jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE biss meta dawn tal-aħħar jipprevalu (45). Pereżempju, tnaqqis tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet jista’ jkun aċċettabbli meta jkun mezz biex tiżdied il-kompetizzjoni b’rabta ma’ fatturi minbarra l-prezz (46). B’mod iktar ġenerali, ftehim li, minkejja li jkunu restrittivi fuq il-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet, isegwu l-għan li, pereżempju, ikabbru suq jew joħolqu wieħed ġdid, jew iħallu kompetituri ġodda jkollhom aċċess għal suq, jistgħu jkunu favur il-kompetizzjoni (47). L-istess isegwi minn ġurisprudenza stabbilita li, taħt ċerti kundizzjonijiet, restrizzjonijiet li jkunu diġà relatati ma’ u meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ operazzjoni ewlenija, li minnha nnifisha ma tkunx antikompetittiva, ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) TFUE (48).

81.      Għalhekk, kull darba li ftehim ikun jidher li jkollu effetti ambivalenti, fuq is-suq, tkun meħtieġa analiżi tal-effetti (49). Fi kliem ieħor, meta għal ftehim ma tkunx tista’ tiġi eskluża loġika ekonomika li tista’ tkun favur il-kompetizzjoni mingħajr ma jitqiesu l-effetti attwali fuq is-suq, dak il-ftehim ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat bħala wieħed restrittiv “minħabba l-għan” (50). Għalhekk ma nistax naqbel mal-Kummissjoni meta hija targumenta li kull effett leġittimu u favur il-kompetizzjoni tal-Ftehim TIM jista’ jitqies biss skont l-Artikolu 101(3) TFUE biex tkun tista’ tingħata eżenzjoni. Mingħajr ma nistqarr xejn dwar il-Ftehim TIM b’mod partikolari, b’mod ġenerali, interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE li skontha ftehim li jkun ġeneralment favur il-kompetizzjoni jkun, bħala prinċipju, ipprojbit mill-Artikolu 101(1) TFUE, iżda mbagħad ikun jista’ jiġi eżentat minnufih skont l-Artikolu 101(3) TFUE, ma hijiex għalkollox konvinċenti.

82.      Meqjus dak li ntqal iktar ’il fuq, hija l-qorti tar-rinviju tivverifika li għandha tivverifika jekk il-Ftehim TIM jikkostitwixxix restrizzjoni minħabba l-għan. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha, l-ewwel, teżamina l-kontenut u l-għan tal-ftehim biex tiddetermina jekk jaqgħax taħt il-kategorija ta’ ftehim li, fid-dawl tal-esperjenza, huma ġeneralment rikonoxxuti bħala ta’ ħsara għall-kompetizzjoni. Jekk it-tweġiba għal dik il-mistoqsija tkun pożittiva, il-qorti tar-rinviju għandha mbagħad tivverifika li dik il-konstatazzjoni ma jkunx hemm dubju dwarha b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih dak il-ftehim speċifiku kien ġie implimentat. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, prima facie tkunx plawsibbli kull spjegazzjoni alternattiva dwar rationale allegatament favur il-kompetizzjoni tal-Ftehim TIM, billi tqis ukoll iż-żmien meta l-ftehim kien fis-seħħ.

C.      Fuq ir-raba’ domanda

83.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li ser tiġi eżaminata issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk awtorità tal-kompetizzjoni, meta tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandhiex tindika espressament jekk l-imġiba tal-impriżi tikkostitwixxix ftehim jew prattika miftiehma.

84.      Naqbel mal-AUK, il-Gvern Ungeriż, il-Kummissjoni u l-ASE li din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

85.      Fil-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċetti ta’ “ftehim” u “prattiċi miftiehma” tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE “huma maħsuba biex jinqabdu forom ta’ kollużjoni li jkollhom l-istess natura u jkunu jistgħu jintgħażlu waħda minn oħra biss abbażi tal-intensità u tal-forom li jimmanifestaw ruħhom fihom”. Għalhekk, filwaqt li dawk il-kunċetti għandhom elementi kostitwenti xi ftit differenti, “ma humiex reċiprokament inkompatibbli”. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod espliċitu li ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE spiss jista’ “jinvolv[i] forom differenti ta’ mġiba [li] jistgħu jaqblu ma’ definizzjonijiet differenti filwaqt li jinqabdu mill-istess dispożizzjoni u jkunu lkoll ipprojbiti bl-istess mod”. Abbażi ta’ dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tikkategorizza għamla partikolari ta’ mġiba bħala ftehim jew prattika miftiehma (51). Dan il-prinċipju ġie kkonfermat b’mod konsistenti fil-ġurisprudenza li ġiet wara (52).

86.      Tabilħaqq, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ma jkunx raġonevoli u ma jkunx meħtieġ li awtorità tal-kompetizzjoni tipprova tikkaratterizza għamla speċifika ta’ mġiba bħala jew ftehim jew prattika miftiehma. Il-verità hi li dawn il-kunċetti jikkoinċidu sa ċertu punt, li jagħmilha ħafna drabi diffiċli li wieħed jgħid fejn jintemm ftehim u fejn tibda prattika miftiehma. Barra minn hekk, l-esperjenza turi li l-ksur jista’ jevolvi maż-żmien. Jista’ jibda f’għamla u bil-mod il-mod jieħu l-karatteristiċi ta’ oħra (53).

87.      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li, irrispettivament mill-kwalifika ġuridika għamla ta’ mġiba bħala “prattika miftiehma”, “akkordji” jew “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi”, l-analiżi ġuridika li għandha titwettaq skont l-Artikolu 101(1) TFUE ma hijiex differenti (54). Fil-kuntest ta’ dan il-każ, jista’ jkun utli jiġi nnotat li mhux biss ftehim iżda wkoll prattika miftiehma tista’ titqies bħala kontra l-kompetizzjoni minħabba l-għan (55).

88.      Dan ovvjament ma jfissirx li l-awtorità tal-kompetizzjoni ma jkunx jeħtiġilha ġġib prova, skont l-istandard meħtieġ, li mġiba li allegatament tkun tikkostitwixxi “ftehim u/jew prattika miftiehma” antikompetittivi tkun tissoddisfa l-kundizzjonijiet biex titqies li tkun hekk (56).

89.      Naturalment, l-impriżi mixlija li jkunu pparteċipaw fil-ksur għandhom l-opportunità jikkontestaw, għal kull għamla ta’ mġiba, il-kwalifika applikata mill-awtorità tal-kompetizzjoni billi jsostnu li l-awtorità ma tkunx ġabet prova adegwata tal-elementi kostitwenti tad-diversi forom ta’ ksur allegat (57)

90.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq jiena tal-fehma li, meta tiġi biex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tikkategorizza għamla partikolari ta’ mġiba bħala ftehim jew prattika miftiehma, sakemm hija ġġib prova tajba biżżejjed tal-elementi kostitwenti tad-diversi forom ta’ ksur allegat.

D.      Fuq it-tielet domanda

91.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li ser neżamina l-aħħar, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu ma kinux involuti direttament fid-definizzjoni tal-kontenut tal-ftehim, iżda ffaċilitaw l-adozzjoni tiegħu, u aċċettawh u implimentawh, huma għandhomx, għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE, jitqiesu bħala partijiet għal dak il-ftehim, jew li pparteċipaw fi prattika miftiehma.

92.      Kif spjegat fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, awtorità tal-kompetizzjoni ġeneralment ma għandhiex, sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, tikkategorizza mġiba bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma.

93.      F’dan il-każ ikun għalhekk biżżejjed li l-forma ta’ kollużjoni jew koordinazzjoni li seħħet bejn il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu u l-banek li kienu partijiet għall-Ftehim TIM tilħaq il-livell limitu biex titqies bħala “prattika miftiehma” biex dawn tal-ewwel jinżammu responsabbli għall-ksur allegat mill-awtorità tal-kompetizzjoni.

94.      Żewġ kwistjonijiet oħra kienu indirizzati mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u jistħoqqilhom iktar diskussjoni.

95.      L-ewwel, il-fatt li l-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu joperaw f’suq li huwa differenti minn dak li fih kien ġie implimentat il-ftehim inkwistjoni jfisser li dawk il-kumpanniji ma jistgħux jitqiesu responsabbli għall-ksur preżunt tal-Artikolu 101(1) TFUE?

96.      Ir-risposta għal dik id-domanda hija b’mod ċar fin-negattiv. Il-prinċipju bażiku tal-Artikolu 101 TFUE huwa li l-impriżi għandhom jiddeċiedu l-politika tagħhom fis-suq b’mod indipendenti, mingħajr ma jidħlu f’ebda forma ta’ kuntatt dirett jew indirett li jkun jista’ jolqot il-libertà tagħhom ta’ azzjoni (58). Għal dak l-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, kif imsemmi fil-punt 23 iktar ’il fuq, huwa pjuttost wiesa’, u dan biex jinqabdu l-forom kollha ta’ kollużjoni jew koordinazzjoni li jistgħu jwasslu għal dak ir-riżultat.

97.      Il-kunċett ta’ “ftehim” skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) TFUE ma huwiex limitat għall-hekk imsejħa “ftehim orizzontali” bejn impriżi attivi fl-istess suq (u b’hekk f’kompetizzjoni attwali jew potenzjali ma’ xulxin). Hemm ħafna eżempji fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni ta’ ftehim bejn kumpanniji attivi fi stadji differenti tal-katina tal-produzzjoni jew fi swieq ġirien li nstabu li kienu kisru l-Artikolu 101(1) TFUE (59). L-istess loġika għandha tapplika għall-prattiki miftiehma (60).

98.      Dawn il-prinċipji kienu kkonfermati b’mod ċar ħafna, u sa ċertu punt ġew żviluppati, fis-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (61), li għaliha l-partijiet għamlu bosta referenzi fis-sottomissjonijiet tagħhom. F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li ma setax jiġi dedott mill-kliem jew mir-ratio tal-Artikolu 101(1) TFUE li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għal forom ta’ kollużjoni li jagħtu lok għal “limitazzjoni reċiproka tal-libertà ta’ azzjoni fl-istess suq fejn ikun hemm il-partijiet kollha” (62). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tenfasizza li l-ġurisprudenza tagħha qatt ma llimitat il-portata ta’ dik id-dispożizzjoni għal impriżi li joperaw fis-suq affettwat, jew fis-swieq superjuri jew inferjuri ta’ dak is-suq, jew fi swieq ġirien (63). Il-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ftehim jew prattika miftiehma tista’ tikser l-Artikolu 101 TFUE irrispettivament mit-tip ta’ attivitajiet ta’ negozju li jsiru minn dik l-impriża u/jew mis-swieq li topera fihom, sakemm hija tikkontribwixxi għar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’suq partikolari (64).

99.      AC-Treuhand kienet tikkonċerna ditta ta’ konsulenza li kienet tipprovdi assistenza lil akkordju billi tagħti servizzi ta’ natura amministrattiva (65). Il-Qorti tal-Ġustizza sabet li l-għan proprju tas-servizzi mogħtija minn din l-impriża, abbażi ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi konklużi mal-membri tal-akkordju, kien li jintlaħqu l-għanijiet antikompetittivi inkwistjoni. Għalhekk, dik l-impriża kienet ikkontribwiet għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-akkordju, filwaqt li kienet taf sewwa bl-illegalità ta’ attività bħal dik (66).

100. Il-kwistjoni jekk il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kawża AC-Treuhand dwar ir-responsabbiltà ta’ “faċilitatur” skont l-Artikolu 101(1) TFUE, diskussa fit-tul mill-partijiet hija, fil-kuntest ta’ dan il-każ, xi ftit ta’ diversiv. Ir-raġuni hija sempliċi. Fil-kuntest ta’ fatt u ta’ liġi ta’ dan il-każ, il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu ma kinux f’siwazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dik li kienet fiha l-kumpannija AC-Treuhand, jiġifieri dik ta’ sempliċi “faċilitatur”. Mill-fatti tal-każ kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, jidhru li huma ħafna iktar minn hekk.

101. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu għamlu iktar milli sempliċiment “iffaċilitaw” il-ftehim. Huma ħeġġew lill-banek jilħqu ftehim u, għalkemm ma kinux formalment preżenti matul in-negozjati, l-interessi tagħhom kienu rrappreżentati f’dawk in-negozjati minn bank wieħed (Kereskedelmi és Hitelbank Zrt.). Barra minn hekk, il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu ħasbu għall-ftehim fir-regoli interni tagħhom; kienu mgħarrfa li l-ftehim kien intlaħaq u implimentawh kif imiss, anki fir-rigward tal-banek li kienu ssieħbu fin-network sussegwentement.

102. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-każ tal-kumpannija AC-Treuhand, il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu kellhom interess iktar dirett u immedjat li l-eżekuzzjoni tal-ftehim tirnexxi. Tabilħaqq, huma ma kinux biss jagħtu servizzi u tqabbdu mill-banek biex iwettqu ċertu xogħol speċifiku. MasterCard u Visa kienu jipprovdu karti ta’ kreditu li l-użu tagħhom kien is-suġġett tal-Ftehim TIM. Il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu, għalhekk, ma kinux joperaw f’suq li ma kellux rabta ma’ dak milqut mill-Ftehim TIM, iżda f’suq superjuri interessat direttament. Il-fatt li mid-dehra huma ma kinux jirċievu direttament parti mit-TIM ma jnaqqasx mill-interess tagħhom li l-eżekuzzjoni tal-Ftehim TIM tirnexxi.

103. Fil-fehma tiegħi, għalhekk, is-sitwazzjoni f’dan il-każ taqa’ preċiżament f’kuntest vertikali iktar “tradizzjonali”: kien ilu stabbilit li ftehim jew prattiki miftiehma bejn kumpanniji attivi fi stadji differenti tal-katina tal-produzzjoni jistgħu jiksru l-Artikolu 101 TFUE (67).

104. It-tieni u l-aħħar kwistjoni li tqum mid-domanda preliminari hija dwar iċ-ċirkustanzi li fihom, fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu jistgħu jinżammu responsabbli għall-ksur kollu, flimkien mal-banek li kienu partijiet għall-Ftehim TIM.

105. Ir-risposta għal din il-kwistjoni tista’ wkoll tinstab fil-ġurisprudenza stabbilita. Biex awtorità tkun tista’ tistabbilixxi li impriża tkun ħadet sehem fi ksur u kienet responsabbli għall-għadd kollu tal-elementi inklużi fil-ksur, hija jkollha ġġib prova li l-impriża konċernata kienet biħsiebha tikkontribwixxi bl-imġiba tagħha stess għall-għanijiet komuni segwiti mill-parteċipanti kollha u li kienet taf bl-imġiba attwali ppjanata jew imwettqa minn impriżi oħra biex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li setgħet raġonevolment tipprevediha u li kienet imħejjija tieħu r-riskju (68).

106. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu ma ħadux sehem fl-abbozzar tal-Ftehim TIM jew biex jiġi ffissat l-ammont tat-TI. Madankollu, kif imsemmi fil-punt 101 iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tqis li dawk il-kumpanniji kienu ħeġġew għall-formazzjoni tiegħu, iffaċilitaw l-adozzjoni tiegħu u aċċettawh u implimentawh.

107. Jekk dan huwa tabilħaqq hekk fuq il-fatti tal-każ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, ma noqgħodx lura milli nikkonkludi li, fid-dawl tal-funzjoni tagħhom u tal-pożizzjoni tagħhom vis-à-vis il-banek li kienu parti għall-Ftehim TIM, il-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu fil-fatt kienu ħadu sehem fil-ksur allegat tal-Artikolu 101(1) TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita, la l-fatt li impriża ma tkunx ħadet sehem fl-aspetti kollha ta’ skema antikompetittiva u lanqas li kellha biss sehem żgħir ma jkollhom effett biex ikun stabbilit li kien hemm ksur min-naħa tagħha (69).

108. Konsegwentement, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu ma kinux involuti direttament fid-definizzjoni tal-kontenut ta’ ftehim li allegatament jikser l-Artikolu 101(1) TFUE, iżda li kienu ffaċilitaw l-adozzjoni tiegħu, aċċettawh u implimentawh, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dawn il-kumpanniji jistgħu jitqiesu responsabbli għal dan il-ksur.

V.      Konklużjoni

109. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) kif ġej:

–        l-istess imġiba ta’ intrapriża tista’ titqies li tikser l-Artikolu 101(1) TFUE jekk ikollha l-għan jew l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern;

–        hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-Ftehim TIM jikkostitwixxix restrizzjoni minħabba l-għan. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha, l-ewwel nett, teżamina l-kontenut u l-għan ta’ dak il-ftehim biex tiddetermina jekk ikunx ta’ kategorija ta’ ftehim li, fid-dawl tal-esperjenza u tal-ekonomija, ikunu ġeneralment rikonoxxuti bħala ta’ ħsara għall-kompetizzjoni. Jekk ir-risposta għal dik id-domanda tkun fil-pożittiv, il-qorti tar-rinviju għandha mbagħad tivverifika jekk din il-konklużjoni tiġix ikkontestata minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih dak il-ftehim speċifiku jkun ġie implimentat. B’mod partikolari l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, prima facie tkunx plawsibbli xi spjegazzjoni alternattiva dwar loġika allegatament favur il-kompetizzjoni għal Ftehim TIMl, billi tqis ukoll iż-żmien li fih kien jopera l-ftehim;

–        meta tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tikkategorizza għamla partikolari ta’ mġiba bħala ftehim jew prattika miftiehma, sakemm ma ġġibx prova tajba biżżejjed tal-elementi kostitwenti tad-diversi forom tal-ksur allegat;

–        f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-kumpanniji tal-karti ta’ kreditu ma kinux involuti direttament fid-definizzjoni tal-kontenut ta’ ftehim li allegatament ikun jikser l-Artikolu 101(1) TFUE, iżda jkunu ffaċilitaw l-adozzjoni tiegħu, aċċettawh u implimentawh, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dawn il-kumpaniji jistgħu jitqiesu responsabbli għal dak il-ksur.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara, pereżempju, Baumbach, A. u Hefermehl, W., Wettbewerbs- und Warenzeichenrecht, 8. Aufl., C. H. Beck’sche Verlagsbuchhandlung, München-Berlin, 1960, p. 1500; Focsaneanu, L., “Pour objet ou pour effet”, Revue du Marché Commun, 1966, p. 862 sa 870; u Van Gerven, W., Principes du Droit des Ententes de la Communauté Économique Européenne, Bruylant, Brussels, 1966, p. 67 sa 70.


3      Ara, pereżempju, Whish, R., Competition Law, 5th ed., LexisNexis, London, 2003, p. 110 u 111.


4      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204) (iktar ’il quddiem “CB”).


5      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, (C‑345/14, EU:C:2015:784) (iktar ’il quddiem “Maxima Latvija”).


6      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966 (56/65, EU:C:1966:38, p. 249). Enfasi miżjuda minni.


7      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014 (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 50 u 51).


8      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015 (C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 19).


9      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 30).


10      Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 43).


11      Xi drabi jiġri wkoll li awtorità tal-kompetizzjoni tħalli miftuħa l-kwistjoni jekk ftehim għandux għan restrittiv minħabba li tkun sabet li l-ftehim ikollu effett antikompetittiv: ara, b’iktar referenzi, Bailey, D. u John, L.E. (eds), Bellamy & Child – European Union Law of Competition, 8th ed., Oxford University Press, Oxford, p. 164.


12      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il-Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.


13      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Enfasi miżjuda.


14      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015 (C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.


15      Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1994, (T‑17/93, EU:T:1994:89, punt 85).


16      Sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008 (C‑209/07, EU:C:2008:643).


17      Ara, dwar dan is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 29).


18      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 58) u tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, (punt 18).


19      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 56), u s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-22 ta’ Diċembru 2016, Kawża E‑3/16, Ski Taxi SA et [2016] EFTA Ct. Rep. 1002, punt 61.


22      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 79).


23      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punti 36 u 37), u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 117 u 118).


25      Għal diskussjoni dettaljata ara Ibáñez Colomo, P. u Lamadrid, A., “On the Notion of Restriction of Competition: What We Know and What We Don’t Know We Know”, fi Gerard, D., Merola, M., u Meyring, B. (eds), The Notion of Restriction of Competition: Revisiting the Foundations of Antitrust Enforcement in Europe, Bruylant, Brussels, 2017, p. 336 sa 339.


26      Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38, p. 250) u tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C‑250/92, EU:C:1994:413, punt 32).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 57), tas-6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 29); u tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 138 sa 147).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 1988, Erauw-Jacquery (27/87, EU:C:1988:183, punti 8 sa 20), tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261, punt 59) u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 136 u 143).


29      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 29). Enfasi miżjuda minni.


30      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:42, punt 52).


31      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 31).


32      Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201), u tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (T‑111/08, EU:T:2012:260)


34      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2002 (Każ COMP/29.373 — Visa International — Multilateral Interchange Fee).


35      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2007 (Każijiet COMP/34.579 — MasterCard, COMP/36.518 — EuroCommerce, COMP/38.580 — Commercial Cards). Biex l-affarijiet ikun ċari, “TI ta’ riżerva” hija t-TI li tapplika awtomatikament, fin-nuqqas ta’ xi ftehim bilaterali bejn il-bank akkwirenti u l-bank emittenti, jew ta’ TI stabbilita kollettivament fil-livell nazzjonali.


36      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Jannar 2019 (Każ COMP/AT.40049 – MasterCard II).


37      Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 (Każ COMP/39.398 — Visa MIF), tas-26 ta’ Frar 2014 (Każ COMP/39398 — Visa MIF) u tad-29 ta’ April 2019 (Każ COMP/AT.39398 — Visa MIF).


38      B’hekk jitħalla barra l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għar-raġuni li n-natura antikompetittiva ta’ ftehim bħall-Ftehim TIM bl-ebda mod ma kienet evidenti fl-2008.


39      Jew, jekk niġu f’dan, ukoll awtoritajiet jew qrati li jista’ jkun hemm lil hinn mill-Unjoni Ewropea li japplikaw regoli simili tal-kompetizzjoni.


40      Għal raġunijiet ta’ ċarezza, nixtieq nenfasizza li dak li huwa ssuġġerit fuq il-livell “orizzontali” ta’ bdil ta’ tagħrif (li jinvolvi awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tqis id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew ta’ qrati oħra ta’ Stati Membri oħra) ċertament ma huwiex kull tip ta’ obbligu CILFIT, li jorbot, għall-inqas nominalment, lill-qrati tal-aħħar istanza fil-kuntest tat-tielet inċiż tal-Artikolu 267 TFUE (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, fil-kawża Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 16). Anzi, dak li huwa ssuġġerit hawnhekk huma s-sorsi potenzjali ta’ tagħrif li jistgħu jsostnu l-argument li ċertu tip ta’ ftehim huwa b’mod ċar restrizzjoni minħabba l-għan.


41      Ara iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.


42      Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 137).


43      Ara, rispettivament, l-Artikolu 141 tal-Liġi Nru CXLIII tal-2013, li temenda ċerti Liġijiet fil-kuntest tal-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija u li tadotta emendi għal skopijiet oħra, u Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU 2015 L 123, p. 1).


44      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649, punt 40), u tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 75).


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punti 46 sa 63).


46      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649, punt 40).


47      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:467, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Dwar dan ara, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni (42/84, EU:C:1985:327, punti 19 u 20); tat-28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia de Paris (161/84, EU:C:1986:41, punti 15 sa 17) u tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 89).


49      Ara dwar dan il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 56).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 80 sa 87) u tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 22 sa 24).


51      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 131 sa 133).


52      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2014, SP vs Il-Kummissjoni (T‑472/09 u T‑55/10, EU:T:2014:1040, punt 159) u tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 419).


53      Ara, pereżempju, Faull, J. u Nikpay, A. (eds.), The EU Law of Competition, 3rd ed., Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 225 u 226.


54      Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 32).


55      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, l-iktar il-punti 24 u 28 sa 30).


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 134 u 135).


57      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356,, punti 136).


58      Ara dwar dan is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41). Iktar reċenti, ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649).


60      Ara, iktar ’il fuq, punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, (C‑194/14 P, EU:C:2015:717), iktar ’il quddiem “AC-Treuhand”.


62      AC-Treuhand, punt 33.


63      AC-Treuhand, punt 34.


64      AC-Treuhand, punt 35.


65      Din is-sitwazzjoni sikwit issir referenza għaliha bħala “faċilitatur ta’ akkordju”.


66      AC-Treuhand, punti 37 sa 39.


67      Ara, iktar ’il fuq, punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 86 u 87) u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 83).


69      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 86).