Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2023 –Ir-Repubblika tal-Polonja vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-730/23)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentanti: B. Majczyna u S. Żyrek bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligi tagħha taħt it-Trattati billi ttrasferixxiet illegalment skart lejn ir-Repubblika tal-Polonja,

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha r-Repubblika tal-Polonja tilmenta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart.

Insostenn tar-rikors tagħha l-Polonja tinvoka tliet motivi:

Motiv: Ksur tal-obbligu (previst fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006) li l-iskart mibgħut bi vjaġġ illegali jittieħed lura fi żmien 30 jum

Permezz tal-ewwel motiv tagħha il-Polonja tallega li l-Ġermanja kisret l-obbligi tagħha taħt l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 fir-rigward tat-teħid lura ta’ vjaġġi illegali ta’ skart fi żmien 30 jum.

Skont il-Polonja l-vjaġġi ta’ skart mit-territorju Ġermaniż lejn sitt postijiet fil-Polonja (Tuplice, Stary Jawor, Sobolev, Gliwice, Sarbia u Bzowo) huma vjaġġi illegali li għalihom huma responsabbli l-persuni Ġermaniżi li organizzaw il-vjaġġi. Minkejja l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet Pollakki fir-rigward tal-vjaġġi illegali u r-raġunijiet għal dan, la l-persuni li organizzaw il-vjaġġi u lanqas l-awtoritajiet Ġermaniżi ma żguraw li l-iskart jittieħed lura lejn il-Ġermanja fi żmien 30 jum. L-awtoritajiet Ġermaniżi lanqas ma waslu għal ftehim mal-Polonja fir-rigward ta’ xi terminu ieħor għat-teħid lura tal-iskart.

Motiv: Ksur tal-obbligu (previst fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006) li l-iskart jitqies bħala skart elenkat fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1013/2006

Permezz tat-tieni motiv tagħha l-Polonja tallega li l-Ġermanja kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 fir-rigward ta’ vjaġġi ta’ skart mit-territorju Ġermaniż lejn erba’ Postijiet fil-Polonja (Sobolew, Gliwice, Sarbia, Bzowo).

Fir-rigward ta’ dawn il-vjaġġi hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-Polonja u l-Ġermanja fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-iskart li kien is-suġġett tal-vjaġġi. Skont il-Polonja l-iskart mibgħut huwa skart tal-kostruzzjoni u skart muniċipali mħallat, u għaldaqstant kellu jkun suġġett għall-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006. Min-naħa l-oħra, skont il-Ġermanja dan huwa skart fis-sens tal-Anness III, u għalhekk huwa suġġett għall-proċedura ta’ informazzjoni simplifikata taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006. Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ ftehim, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 il-Ġermanja hija obbligata li tqis li l-iskart inkwistjoni huwa skart li jaqa’ taħt l-Anness IV tar-Regolament Nru 1013/2006. Il-Ġermanja ma ssodisfatx dan l-obbligu.

Motiv: Ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (previst fl-Artikolu 4(3) TUE)

Permezz tat-tielet motiv tagħha il-Polonja fl-aħħar issostni li, billi naqset milli tieħu miżuri sabiex tiċċara l-fatti dwar il-vjaġġi illegali ta’ skart, il-Ġermanja kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE.

Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta’ koordinazzjoni tal-miżuri bejn iż-żewġ Stati il-Ġermanja wettqet serje ta’ nuqqasijiet. Dawn in-nuqqasijiet u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni attiva mill-Ġermanja għamluha diffiċli li l-Polonja tistabbilixxi l-fatti u li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 bir-riżultat li għal diversi snin skart mibgħut bi vjaġġ illegali kompla jintrema fil-postijiet fil-Polonja.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, bir-rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46 u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61)