KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MACIEJ SZPUNAR
ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2015 (1)
Kawża C‑240/14
Eleonore Prüller-Frey
vs
Norbert Brodnig,
Axa Versicherung AG
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneubourg (l-Awstrija)]
“Responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru f’każ ta’ inċident — Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru — Regolament (KE) Nru 2027/97 — Kamp ta’ applikazzjoni — Titjira magħmula f’inġenju ultralight power driven li l-operatur tiegħu ma għandux liċenzja operattiva għas-servizzi bl-ajru — Titjira li għandha l-istess punt ta’ tluq u nżul u magħmula bil-għan li tintwera proprjetà immobbli lil akkwirent eventwali — Regolament (KE) Nru 864/2007 — Artikolu 18 — Azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landesgericht Korneubourg (it-tribunal reġjonali ta’ Korneubourg, l-Awstrija) tikkonċerna d-determinazzjoni tal-liġi li tapplika għal talba għal kumpens ta’ individwu, li jirrisjedi fl-Awstrija, magħmula kontra l-operatur ta’ inġenju tal-ajru u l-assiguratur tiegħu kontra r-responsabbiltà ċivili wara inċident fl-ajru li seħħ fi Spanja.
2. Din it-talba hija interessanti doppjament mill-perspettiva tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Minn naħa waħda, hija toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (2) kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 li jimplementa din il-konvenzjoni (3). Min-naħa l-oħra, hija tippermetti li tiġi ppreċiżata l-portata tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (4), li tikkontempla l-azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Konvenzjoni ta’ Montreal
3. L-Artikolu 1(1) u 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, intitolat il-“Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:
“1. Din il-konvenzjoni tapplika għat-trasport internazzjonali ta’ persuni, bagalji jew merkanzija kollha mwettqa bl-ajruplani għall-ħlas. Tapplika ugwalment għal trasport b’xejn imwettaq permezz ta’ ajruplan minn impriża tat-trasport bl-ajru.
2. Għall-iskopijiet ta’ din il-konvenzjoni, l-espressjoni trasport internazzjonali tfisser kull trasport li fih, skont il-ftehim bejn il-partijiet, il-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni, kemm jekk hemm waqfa fit-trasport jew transbord, jinstabu jew fit-territorji ta’ żewġ Stati Partijiet, jew fit-territorju ta’ Stat Parti wieħed, jekk hemm post miftiehem ta’ waqfien fit-territorju ta’ Stat ieħor, ukoll jekk dak l-Istat mhuwiex Stat Parti. It-trasport bejn żewġ punti fit-territorju ta’ Stat Parti wieħed mingħajr tali ftehim ta’ waqfien miftiehem fit-territorju ta’ Stat ieħor mhuwiex trasport internazzjonali għall-iskopijiet ta’ din il-konvenzjoni.
[…]”
4. L-Artikoli 17 u 21 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jirregolaw il-kumpens f’każ ta’ mewt jew feriti li jsofri l-passiġġier.
5. L-Artikolu 29 ta’ din il-konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:
“Fit-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm taħt din il-konvenzjoni jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’oħra, tista’ tinġieb biss taħt il-kondizzjonijiet u limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-konvenzjoni, bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom. F’kull azzjoni ta’ din ix-xorta, m’humiex rikoverabbli danni punitivi, eżemplari jew danni oħrajn non-kompensatorji.”
6. L-Artikolu 33 ta’ din l-istess konvenzjoni jistabbilixxi l-qrati kompetenti biex jisimgħu azzjonijiet biex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà skont l-imsemmija konvenzjoni.
B – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
7. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2027/97/KEE jistabbilixxi:
“Dan ir-Regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta’ Montreal fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru u jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet supplimentari. Jestendi wkoll l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għat-trasport bl-ajru fi ħdan Stat Membru wieħed.”
8. L-Artikolu 2(1)(b), ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:
“1. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:
[…]
b) ‘Trasportatur bl-ajru Komunitarju’, tfisser trasportatur bl-ajru b’liċenzja valida għall-eżerċizzju mogħtija minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92 [(5)].”
9. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 huwa redatt kif ġej:
“Ir-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà”.
10. L-operat ta’ servizzi tal-ajru ġewwa l-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (6).
11. L-Artikolu 2, punti 4 sa 6, tar-Regolament Nru 1008/2008 jistabbilixxi li:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:
[...]
4) ‘servizz ta’ l-ajru’ tfisser titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b’kiri;
5) ‘titjira’ tfisser tluq minn ajruport speċifikat lejn ajruport speċifiku tad-destinazzjoni;
6) ‘titjira lokali’ tfisser titjira li ma tinvolvix ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bejn ajruporti differenti jew punti ta’ nżul awtorizzati oħrajn.”
12. L-Artikolu 3(1) u (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li:
“1. L-ebda impriża stabbilita fil-Komunità m’għandha titħalla ġġorr bl-ajru passiġġieri, posta u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri sakemm hi ma tingħatax l-liċenzja operattiva xierqa.
[…]
3. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra applikabbli tal-liġi Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali, il-kategorji li ġejjin ta’ servizzi ta’ l-ajru m’għandhomx ikunu suġġetti għar-rekwiżit ta’ liċenzja operattiva valida:
a) servizzi ta’ l-ajru mwettqa minn inġenji ta’ l-ajru li ma jkunux power driven u/jew inġenji ta’ l-ajru ultralight power driven, u
b) titjiriet lokali.”
13. L-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II jipprovdi li:
“1. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.
2. Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.
[...]”
14. L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:
“Il-persuna li tkun sofriet id-dannu tista’ tressaq it-talba tagħha direttament kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli sabiex jipprovdi l-kumpens jekk hekk ikun previst mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali jew mill-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.”
III – Il-kawża prinċipali
15. Fit-30 ta’ Awwissu 2010, E. Prüller-Frey, li hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienet involuta f’inċident viċin Jerez de la Frontera (Spanja) matul titjira f’gyroplane misjuq mill-proprjetarju tiegħu, Felix Preiss. It-titjira kellha bħala l-punti tat-tluq u tad-destinazzjoni tagħha l-ajruport ta’ Medina Sidonia (Spanja) u l-iskop tagħha kien li tiġi osservata l-proprjetà immobbli li tappartjeni lil F. Preiss li kienet ser tkun is-suġġett ta’ tranżazzjoni immobiljari.
16. Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-polza ta’ asigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tkopri lill-gyroplane inkwistjoni kienet inħarġet mhux mill-proprjetarju tiegħu F. Preiss, imma minn N. Brodnig, bħala detentur tal-inġenju, mingħand kumpannija Ġermaniża Axa Versicherung AG. Din il-polza ta’ assigurazzjoni hija suġġetta għad-dritt Ġermaniż u tipprovdi għal estensjoni tal-ġurisdizzjoni favur il-qrati Ġermaniżi.
17. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta wkoll li N. Brodnig ma huwiex impriża li għandu liċenzja bħala trasportatur bl-ajru.
18. E. Prüller-Frey għandha r-residenza abitwali tagħha fl-Awstrija. Fiż-żmien tal-fatti, N. Brodnig kien iddikjara r-residenza tiegħu kemm fl-Awstrija u kif ukoll fi Spanja. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ttendi li tikkunsidra li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma kellhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument tal-inċident għall-finijiet tal-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Ruma II.
19. Quddiem il-qorti tar-rinviju, E. Prüller-Frey ippreżentat talba għall-kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba l-inċident ibbażata fuq ir-responsabbiltà in solidum tal-konvenuti fil-kawża prinċipali.
20. Kif jirriżulta mill-proċess, ir-rikorrenti ssostni fir-rikors fil-kawża prinċipali li l-qrati Awstrijaċi għandhom il-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 (7) u li d-dritt Awstrijak japplika skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Ruma II. Barra minn hekk, hija ssostni li għandha dritt li tippreżenta rikors dirett kontra l-assiguratur skont id-dritt Awstrijak.
21. Skont E. Prüller-Frey, Axa Versicherung AG tista’ titħarrek quddiem il-qorti Awstrijaka bħala ko-konvenuta u dan kemm skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I, u kif ukoll skont l-Artikolu 11 tiegħu, dwar l-azzjoni diretta tal-persuna li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur.
22. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw kemm il-ġurisdizzjoni Awstrijaka kif ukoll l-applikabbiltà tad-dritt Awstrijak, u dan billi jsostnu li d-dritt applikabbli huwa d-dritt Spanjol u li l-qorti inkwistjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni. Dwar il-possibbiltà li ssir azzjoni diretta kontra l-assiguratur, il-konvenuti fil-kawża prinċipali sostnew li la d-dritt Ġermaniż, li għalih hija suġġetta l-polza ta’ assigurazzjoni, u lanqas id-dritt Spanjol applikabbli ma jippermettu tali azzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.
23. Min-naħa l-oħra, minn ċertifikat li jattesta l-liġi barranija mitlub mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun permessa tippreżenta azzjoni diretta kontra l-assiguratur skont id-dritt Spanjol.
24. Għalkemm jidher li ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma invokat il-konvenzjoni ta’ Montreal, il-qorti tar-rinviju, madankollu, għandha ċerti dubji fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ din il-konvenzjoni. Hija tistaqsi wkoll dwar is-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, kemm fil-każ fejn tkun tapplika l-konvenzjoni ta’ Montreal kif ukoll f’każ li din ma tapplikax.
IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. Huwa f’dan il-kuntest li l-Landesgericht Korneubourg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“1) L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tar-Regolament [Nru 2027/97], l-Artikolu 3(ċ) u (g) tar-Regolament [785/2004 (8)] kif ukoll l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni [ta’ Montreal] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-talba għal kumpens tal-persuna leża
– li kienet tinsab fuq inġenju tal-ajru li kellu bħala postijiet ta’ tluq u ta’ nżul l-istess post li jinsab fi Stat Membru,
– li ġiet ittrasportata b’xejn mill-pilota,
– għal titjira ta’ osservazzjoni mill-ajru ta’ proprjetà immobbli, fil-kuntest ta’ proġett ta’ tranżazzjoni ta’ immobbli mal-pilota, u
– li sostniet feriti minħabba l-waqgħa tal-inġenju tal-ajru,
għandha tiġi eżaminata biss abbażi tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u fis-sens li d-dritt nazzjonali ma huwiex applikabbli?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
2) L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u l-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 44/2001], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kompetenza għall-istruttorja u għad-deċiżjoni fuq it-talba għal kumpens imsemmija fl-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata biss abbażi tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni [ta’ Montreal]?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
3) L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u l-Artikolu 18 tar-Regolament [Ruma II] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-azzjoni diretta tal-persuna leża msemmija fl-ewwel domanda kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tad-dannu?
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:
4) L-Artikolu 7(1)(f) tat-Tieni Direttiva [88/357/KEE (9)] u l-Artikolu 18 tar-Regolament [Ruma II] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet tal-azzjoni diretta tal-persuna leża msemmija fl-ewwel domanda kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tad-dannu għandhom jiġu eżaminati abbażi tad-dritt ta’ tielet Stat, meta
– il-lex loci delicti tipprevedi l-azzjoni diretta fil-liġi tagħha dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni,
– il-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jagħżlu d-dritt applikabbli, billi jindikaw l-ordinament ġuridiku ta’ tielet Stat,
– u minn din l-għażla jirriżulta li d-dritt applikabbli huwa dak tal-Istat tas-sede tal-assiguratur, u meta
– l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat jipprevedi wkoll l-azzjoni diretta fil-liġi tiegħu dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni?”
26. Id-digriet tar-rinviju, datat 12 ta’ Mejju 2014, wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2014. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak, u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
27. Iż-żamma ta’ seduta ntalbet b’mod motivat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Franċiż, li ma kinux ipparteċipaw fil-proċedura bil-miktub. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u partijiet interessati oħra pparteċipaw fis-seduta li nżammet fl-4 ta’ Marzu 2015.
V – Analiżi
28. Infakkar li l-konvenzjoni ta’ Montreal tagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi b’mod preliminari dwar l-interpretazzjoni tagħha (10).
29. Għal dak li jirrigwarda l-azzjonijiet għad-danni marbutin ma’ inċidenti li jseħħu waqt trasport bl-ajru, din il-konvenzjoni tirregola, b’mod esklużiv, id-determinazzjoni tal-qorti li għandu jkollha ġurisdizzjoni, kif ukoll ċerti aspetti materjali ta’ kumpens f’każ ta’ mewt jew feriment sofrut minn xi passiġġier. Jekk, min-naħa l-oħra, il-konvenzjoni ta’ Montreal ma tkunx applikabbli, id-determinazzjoni tal-qorti li għandu jkollha ġurisdizzjoni sseħħ skont ir-Regolament Brussell I, u l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni teżamina t-talba għall-kumpens filwaqt li tapplika r-regoli tad-dritt nazzjonali indikati mir-regoli ta’ kunflitt.
30. Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-konvenzjoni ta’ Montreal għandha tiġi qabel l-eżami tal-kwistjonijiet l-oħra mqajma mill-qorti tar-rinviju.
A – Dwar l-applikabbiltà tal-konvenzjoni ta’ Montreal (l-ewwel domanda)
31. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk il-konvenzjoni ta’ Montreal tapplikax għall-kawża prinċipali, meta t-titjira kellha bħala punti ta’ tluq u ta’ nżul l-istess ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li l-passiġġiera ġiet ittrasportata b’xejn sabiex ittir minn fuq il-proprjetà immobiljari li tappartjeni lill-proprjetarju tal-inġenju tal-ajru bil-għan li ssir tranżazzjoni immobiljari fuqha.
32. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-applikabbiltà tal-konvenzjoni ta’ Montreal għall-fatti fil-kawża prinċipali jidhrilha li tirriżulta mill-fatt li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2027/97 ġie estiż għal titjiriet magħmula ġewwa Stat Membru wieħed. Hija tosserva wkoll li, anki jekk din it-talba għal kumpens ma hijiex diretta kontra trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja, din it-talba tikkonċerna madankollu r-responsabbiltà marbuta mal-operat ta’ inġenju tal-ajru. Issa, ir-Regolament Nru 785/2004 jimponi l-ħruġ ta’ polza ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà mhux biss fuq it-trasportaturi bl-ajru, imma wkoll għal dawk li joperaw inġenju tal-ajru.
33. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li intervjenew waqt is-seduta, sostnew, b’argument analogu għal dak propost mill-qorti tar-rinviju, li l-konvenzjoni ta’ Montreal fil-fatt tapplika.
34. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, għalkemm għal raġunijiet xi ftit differenti, li l-konvenzjoni ta’ Montreal ma tapplikax.
35. Il-Gvern Franċiż isostni li titjira li għandha l-istess punti ta’ tluq u nżul, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax titqies li saret fil-kuntest ta’ “trasport bl-ajru”, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u tar-Regolament Nru 2027/97. Inkwantu għall-partijiet l-oħra u persuni interessati l-oħra, dawn isostnu li l-Konvenzjoni ta’ Montreal ma tapplikax u dan billi jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li t-titjira ma saritx minn “trasportatur bl-ajru” fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008.
36. Nosserva li l-konvenzjoni ta’ Montreal tapplika, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, għal kull “trasport internazzjonali [(11)] ta’ persuni, bagalji jew merkanzija kollha mwettqa bl-ajruplani għall-ħlas”.
37. L-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament Nru 2027/97, li jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Montreal fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jestendu l-applikazzjoni tagħha għat-titjiriet magħmula fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.
38. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 jipprovdi, f’dan ir-rigward, li r-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru tal-Unjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn titjiriet internazzjonali u titjiriet nazzjonali ġewwa l-Unjoni.
39. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi t-“[t]rasportatur bl-ajru [tal-Unjoni]”, bħala li jfisser persuna li għandha liċenzja operattiva valida mogħtija minn Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1008/2008 (12).
40. Minn dan jirriżulta li l-qafas ta’ responsabbiltà previst fil-Konvenzjoni ta’ Montreal japplika għal titjiriet nazzjonali ġewwa l-Unjoni, meta tali titjiriet isiru minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja operattiva valida fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008.
41. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 889/2002 (13), l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ta’ Montreal għal titjiriet nazzjonali kienet motivata bil-fatt li l-ħolqien tas-suq intern tas-servizzi tal-avjazzjoni elimina d-distinzjoni bejn it-trasport internazzjonali u t-trasport nazzjonali ġewwa l-Unjoni u kien jiġġustifika t-twaqqif ta’ livell u natura ta’ responsabbiltà waħda (14).
42. Issa, fil-kawża prinċipali, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Brodnig ma kellux liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru.
43. Għaldaqstant, it-titjira inkwistjoni ma hijiex milquta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2027/97, u lanqas minn dawk tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, peress li din kienet titjira nazzjonali li ma ġietx operata minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja. Minn dan isegwi li t-talba għal kumpens inkwistjoni għandha tiġi eżaminata abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli wieħed, li jirriżulta mir-regoli ta’ kunflitt.
44. Barra minn hekk, nosserva li miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jirriżulta li N. Brodnig ma kienx obbligat li jkollu liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru.
45. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprovdi li l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport bl-ajru ġewwa l-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu li jkollhom liċenzja operattiva. Madankollu, skont l-Artikolu 3(3)(a) u (b) tal-istess regolament, ċerti servizzi bl-ajru huma eżentati minn dan l-obbligu. Din l-eżenzjoni tapplika b’mod partikolari għas-“servizzi ta’ l-ajru mwettqa minn inġenji ta’ l-ajru li ma jkunux power driven u/jew inġenji ta’ l-ajru ultralight power driven” u t-“titjiriet lokali” (15).
46. Dan hu l-każ tat-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan peress li tinvolvi titjira lokali li kellha l-istess punti ta’ tluq u nżul u li l-inġenju tal-ajru kkonċernat kien wieħed ultralight power driven.
47. Fid-dawl tas-suespost, nikkunsidra li l-Artikoli 1 u 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ta’ Montreal ma japplikawx għal titjira nazzjonali li ma tiġix operata minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja operattiva fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008.
B – Fuq ir-rabta bejn il-Konvenzjoni ta’ Montreal u r-Regolament Brussell I (it-tieni domanda)
48. Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi dwar l-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta lit-tieni u t-tielet domandi preliminari, li tressqu biss fil-każ fejn tkun tapplika l-konvenzjoni ta’ Montreal.
49. Madankollu, jien ser neżaminahom fil-qosor f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-imsemmija konvenzjoni għandha tapplika.
50. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u dawk tal-Artikolu 67 tar-Regolament Brussell I.
51. Infakkar li l-imsemmi Artikolu 67 jipprovdi li r-Regolament Brussell I ma jippreġudikax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali armonizzat, li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja f’materji partikolari. Dan l-artikolu jipprevedi, għaldaqstant, espliċitament l-eżistenza ta’ regoli partikolari fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Brussell I.
52. Barra minn hekk, nosserva li l-Artikolu 67 tar-Regolament Brussell I jirreferi għal lex specialis li tinsab f’att ta’ dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, b’kuntrast mal-Artikolu 71 tal-istess regolament, li jikkonċerna r-regoli tal-ġurisdizzjoni ġudizzjarja li jinsabu fil-konvenzjonijiet li l-Istati Membri kienu diġà kontraenti fihom fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u li jippermetti l-applikazzjoni tagħhom bil-kundizzjoni li ma jippreġudikawx il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Brussell I (16), l-Artikolu 67 ma huwiex mogħni b’xi kundizzjonijiet.
53. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa diffiċli li wieħed jikkontesta li l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jikkostitwixxi tali lex specialis, li tinsab f’att ta’ dritt tal-Unjoni, li teskludi l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Brussell I. Din l-esklużjoni tikkonċerna l-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni ġudizzjarja li huma rregolati mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal.
54. Madankollu, jeħtieġ li jerġa’ jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 33 japplikax għall-każ ta’ titjira magħmula ġewwa Stat Membru wieħed.
55. Il-Gvern Awstrijak isostni, f’dan ir-rigward, li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tapplika biss għat-trasport internazzjonali u li r-Regolament Nru 2027/97 ma jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni kkontemplati fl-Artikolu 33 tal-konvenzjoni, iżda dak biss tad-dispożizzjonijiet sostantivi.
56. Jien m’iniex konvint minn din il-pożizzjoni.
57. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97, ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fil-konfront tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom hija rregolata mid-“dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà”.
58. Fil-fehma tiegħi, dan ir-riferiment jolqot id-dispożizzjonijiet kollha tal-kapitolu III tal-Konvenzjoni ta’ Montreal dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru, inkluż dawk li jirrigwardaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.
59. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2027/97 huwa intiż li jissuġġetta r-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru għal sett wieħed ta’ regoli, kemm għat-trasporti internazzjonali kif ukoll dawk nazzjonali ġewwa l-Unjoni. Dan l-għan jitlob interpretazzjoni wiesgħa tar-riferimenti msemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.
60. F’dan il-każ, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni jagħmlu parti mis-soluzzjoni globali prevista mill-Konvenzjoni ta’ Montreal li hija intiża li telimina l-kunflitti tal-liġijiet u li tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà prevedibbli, billi tipproteġi lill-passiġġieri u tippermetti għaldaqstant lit-trasportaturi bl-ajru biex jiġġestixxu r-riskji bl-aħjar mod. Mill-perspettiva tal-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni jinsabu flimkien mar-regoli sostantivi fil-kapitolu III, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru u dwar il-portata tal-kumpens għad-dannu.
61. Barra minn hekk, kif turi din il-kawża, l-integrazzjoni mill-qrib tar-relazzjonijiet ekonomiċi ġewwa s-suq intern ifisser li tilwima, anki jekk tkun qamet wara inċident li jseħħ waqt titjira nazzjonali, tista’ faċilment tikseb dimensjoni transkonfinali. Din il-kunsiderazzjoni tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni uniformi f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà marbutin mat-titjiriet nazzjonali u internazzjonali ġewwa l-Unjoni.
62. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li f’każ li l-Qorti tikkunsidra li l-Konvenzjoni ta’ Montreal u r-Regolament Nru 2027/9 japplikaw fil-kawża prinċipali, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali għandha tiġi stabbilita skont l-Artikolu 33 tal-imsemmija konvenzjoni.
C – Fuq ir-rabta bejn il-Konvenzjoni ta’ Montreal u l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II (it-tielet domanda)
63. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi azzjoni diretta tal-parti leża kontra l-assiguratur tat-trasportatur bl-ajru.
64. Infakkar li din il-kwistjoni hija rilevanti biss f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’kuntrast mal-pożizzjoni meħuda minni, li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tapplika fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.
65. Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li, jekk il-Konvenzjoni ta’ Montreal tirregola b’mod eżawrjenti l-azzjonijiet għal kumpens li jirrigwardaw it-trasport bl-ajru, l-azzjoni diretta prevista mid-dritt nazzjonali ma tistax għaldaqstant issir.
66. Infakkar li l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jistabbilixxi r-regola ta’ esklużività tas-sistema ta’ responsabbiltà li hija prevista hemmhekk, billi jipprovdi li kull azzjoni biex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà skont din il-konvenzjoni tista’ tiġi eżerċitata biss taħt il-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ responsabbiltà previsti mill-imsemmija konvenzjoni.
67. Madankollu, nosserva li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tirregola biss ir-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru u mhux l-obbligu tal-assiguratur tar-responsabbiltà.
68. Konsegwentement, din il-konvenzjoni ma għandha ebda impatt fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jagħtu lill-persuna leża d-dritt li tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur tat-trasportatur bl-ajru responsabbli.
69. Barra minn hekk, l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal hija applikabbli “bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom”. Id-dritt tal-persuna leża li taġixxi kontra l-assiguratur ma hijiex għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, affettwata mir-regola ta’ esklużività msemmija fl-Artikolu 29 imsemmi.
70. Konsegwentement, meta r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-persuna leża għandha d-dritt li tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur tat-trasportatur jekk il-liġi applikabbli skont l-alternattiva msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II tipprevedi tali dritt. Dan id-dritt jista’ jkun previst kemm mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kif ukoll mil-liġi li tkun applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Fi kliem ieħor, il-konvenzjoni ta’ Montreal ma taffettwax l-applikabbiltà taż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II.
D – Fuq il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur (ir-raba’ domanda)
71. Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II jippermettix li tiġi eżerċitata azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur, meta tali azzjoni hija prevista mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali iżda li l-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jkunu għażlu liġi applikabbli oħra.
72. Fil-fatt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Landesgericht Korneubourg ittendi li tikkunsidra li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, ir-responsabbiltà ta’ N. Brodnig hija rregolata mil-lex loci damni, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt Spanjol (17). Skont iċ-ċertifikat li jattesta l-liġi barranija mitlub mill-qorti tar-rinviju, id-dritt Spanjol jipprevedi l-possibbiltà li l-persuna leża tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur fil-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali.
73. Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni ssuġġettaw lill-imsemmi kuntratt għall-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż. Hija tenfasizza l-importanza tal-prinċipju tal-għażla libera tal-liġi applikabbli, liema għażla hija possibbli fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopri l-hekk imsejħa “riskji għoljin”, inkluż ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ inġenji tal-ajru (18). Fil-fehma tagħha, is-sitwazzjoni tal-persuna leża ma tistax tkun iktar favorevoli minn dik tal-assigurat. Jekk il-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni ssuġġettawh għad-dritt Ġermaniż, din l-għażla għandu jkollha bħala konsegwenza li l-persuna leża ma tistax tibbenefika mid-dritt għal azzjoni diretta kontra l-assiguratur skont id-dritt Spanjol.
74. Dan ir-raġunament jidhirli li jitlaq minn premessa mhux preċiża.
75. L-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II ma jikkostitwixxix regola ta’ kunflitt tal-liġijiet fir-rigward tad-dritt sostantiv applikabbli għad-determinazzjoni tal-obbligu li għandu l-assiguratur jew il-persuna responsabbli. Dan l-artikolu għandu bħala għan waħdieni li jiddetermina l-liġi applikabbli għall-kwistjoni dwar jekk il-vittma tistax taġixxi direttament kontra l-assiguratur, u ma jikkonċernax il-portata tal-obbligi tal-assiguratur jew tal-persuna responsabbli.
76. Skont dan l-istess Artikolu 18, dan id-dritt tal-azzjoni diretta jeżisti meta huwa jkun previst kemm mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, kif ukoll mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
77. Indipendentement mill-kwistjoni tal-eżistenza stess tad-dritt li wieħed iressaq azzjoni diretta u, jekk ikun il-każ, tal-modi ta’ eżerċizzju ta’ tali azzjoni (19), l-obbligu tal-assiguratur jibqa’ rregolat mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, dan l-istess Artikolu 18 ma għandu ebda effett fuq l-għażla tal-liġi applikabbli magħmula mill-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
78. Barra minn hekk, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II li din hija regola ta’ rabta ma’ sistema alternattiva, fis-sens li huwa biżżejjed li waħda mil-liġijiet ikkonċernati jipprevedu l-possibbiltà tal-azzjoni diretta.
79. Din il-kunsiderazzjoni tapplika indipendentement mill-fatt li l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni tirriżulta mill-għażla tal-kontraenti fil-kuntratt jew mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt previsti fir-Regolament (KE) Nru°593/2008 (20).
80. Għaldaqstant, vittma tista’ tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur meta din il-possibbiltà tirriżulta jew mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, jew mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kemm jekk dik il-liġi tkun intgħażlet mill-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jew indikata mir-regoli ta’ kunflitt mir-Regolament Ruma I.
81. Din l-interpretazzjoni hija kompletament korroborata mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Ruma II (21). Skont dik il-proposta, ir-regola ta’ kunflitt ikkonċernata tindika l-liġi applikabbli biex jiġi stabbilit jekk il-persuna leża hijiex permessa teżerċita azzjoni diretta kontra l-assiguratur. F’kull każ, il-portata tal-obbligi tal-assiguratur taqa’ taħt il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
82. Bl-istess mod, mix-xogħol akkademiku li ppreċeda dik il-proposta leġiżlattiva, jiġifieri l-proposta tal-konvenzjoni Ruma II ippreparata mill-Grupp Ewropew tad-Dritt Internazzjonali Privat (GEDIP) (22), jirriżulta li r-regola inkwistjoni — li ttieħdet mill-proposta tal-Konvenzjoni Ruma II mingħajr tibdil sostanzjali — tipprevedi rabta speċjali għall-azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur, inkluż il-limiti eventwali li jaffettwaw l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. Il-portata tal-obbligi tal-assiguratur, min-naħa l-oħra, jaqgħu taħt il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, mill-imsemmi kummentarju jirriżulta b’mod ċar li din hija regola alternattiva.
83. Peress li l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II jistabbilixxi regola alternattiva, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur, jekk din il-possibbiltà tirriżulta mid-dritt Spanjol applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement minn dak li hu previst fid-dritt Ġermaniż li għalih hu suġġett il-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
84. Din is-soluzzjoni ma tmurx kontra l-awtonomija tal-volontà tal-kontraenti fil-kuntratt, li għal dan il-kuntratt għandhom il-possibbiltà li jagħżlu liberament il-liġi applikabbli. Din l-għażla ma tistax tippreġudika d-drittijiet ta’ terza persuna, u lanqas dawk tal-persuna leża (23).
85. Nosserva li l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II jipprovdi dispożizzjoni li tipproteġi l-interessi tal-persuna leża, billi jagħtiha l-benefiċċju tas-sistema l-iktar favorevoli, f’termini ta’ dritt li taġixxi direttament kontra l-assiguratur (24). Barra minn hekk, il-leġiżlatur diġà ħa inkunsiderazzjoni l-interessi tal-assiguratur billi llimita l-bażi tal-azzjoni diretta għal żewġ liġijiet li l-assiguratur kien leġittimament jippretendi l-applikazzjoni tagħhom, jiġifieri dawk applikabbli, min-naħa waħda, għall-obbligu mhux kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni (25).
86. Għaldaqstant, l-għażla tad-dritt applikabbli li ssir bi ftehim bejn min jitlob l-assigurazzjoni u l-assiguratur ma tistax ikollha bħala konsegwenza li tipprekludi lill-persuna leża milli teżerċita d-dritt ta’ azzjoni diretta tagħha, meta dak id-dritt joħroġ mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali.
87. Fid-dawl tas-suespost, nikkunsidra li l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli hija possibbli meta din tkun prevista taħt il-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement minn dak li jkun previst mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni magħżula mill-kontraenti.
VI – Konklużjoni
88. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domandi preliminari mressqa mill-Landesgericht Korneubourg:
1) L-Artikoli 1 u 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru kif emendat bir-Regolament Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal- Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, li ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 ma japplikawx għal titjira nazzjonali li ma tiġix operata minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja operattiva fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità.
2) L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli hija possibbli meta din tkun prevista taħt il-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement minn dak li jkun previst mil-liġi applikabbli magħżula mill-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni.