Language of document : ECLI:EU:C:2015:299

Kawża C‑147/13

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Implementazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa — Privattiva unitarja — Regolament (UE) Nru 1260/2012 — Dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ traduzzjoni — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Artikolu 291 TFUE — Delega ta’ poteri lil korpi esterni għall-Unjoni Ewropea — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE — Bażi legali — Prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Mejju 2015

1.        Unjoni Ewropea — Sistema lingwistika — Eżistenza ta’ prinċipju ġenerali li jagħti d-dritt lil kull ċittadin li kull att li jista’ jaffettwa l-interessi tiegħu jiġi mfassal bil-lingwa tiegħu — Assenza — Trattament iddifferenzjat tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Ġustifikazzjoni fir-rigward tal-interess ġenerali — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Dritt ta’ privattiva — Privattiva Ewropea b’effett unitarju — Regolament Nru 1260/2012 li jistabbilixxi l-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni — Trattament iddifferenzjat tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni bbażat fuq l-għan li tinħoloq sistema ssemplifikata u uniformi ta’ traduzzjoni — Natura xierqa u proporzjonata tat-trattament — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/2012, premessi 4, 5 u 16 u Artikolu 3(1))

3.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Eżerċizzju tal-kompetenzi — Delegi — Eżistenza ta’ delega favur l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi jew favur l-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa dwar il-privattiva unitarja — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1257/2012, Artikoli 1(2) u 9(1)(d) u (f); Regolament tal-Kunsill Nru 1260/2012, Artikoli 5 u 6(2))

4.        Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Kriterji — Regolament Nru 1260/2012 li jistabbilixxi l-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni tal-privattivi Ewropej b’effett unitarju — Adozzjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE — Ammissibbiltà

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1260/2012, Artikoli 3, 4 u 6)

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Dritt ta’ privattiva — Privattiva Ewropea b’effett unitarju — Regolament Nru 1260/2012 li jistabbilixxi l-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1257/2012, Artikoli 2(e), 3(1), u 9; Regolament tal-Kunsill Nru 1260/2012, Artikoli 2(b), 3(2), 4 u 9)

6.        Atti tal-istituzzjonijiet — Regolamenti — Applikabbiltà diretta — Kompetenza ta’ implementazzjoni rrikonoxxuta lill-Istati Membri — Ammissibbiltà

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1260/2012, Artikolu 7(2))

1.        Ir-riferimenti, fit-Trattati, għall-użu tal-lingwi fl-Unjoni ma jistgħux jitqiesu li huma l-manifestazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jiggarantixxi lil kull ċittadin id-dritt li jkollu verżjoni ta’ kulma jista’ jaffettwa l-interessi tiegħu redatta fil-lingwa tiegħu f’kull ċirkustanza.

Madankollu, sa fejn għan leġittimu ta’ interess ġenerali jista’ jiġi invokat u l-eżistenza vera tiegħu murija, differenza fit-trattament minħabba l-lingwa għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li hija għandha tkun adatta sabiex tilħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq. F’dan l-aħħar rigward, għandu jinżamm il-bilanċ neċessarju, minn naħa, bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u dawk tal-pubbliku f’dak li jirrigwarda l-ispiża tal-proċeduri u, min-naħa l-oħra, bejn l-interessi tal-applikanti għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u dawk tal-operaturi ekonomiċi l-oħra f’dak li jirrigwarda l-aċċess għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti li jagħtu drittijiet jew il-proċeduri li jinvolvu diversi operaturi ekonomiċi.

(ara l-punti 31, 33, 41)

2.        Ir-Regolament Nru 1260/2012, li jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu, iwettaq trattament iddifferenzjat tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, limitat għal-lingwa Ġermaniża, dik Ingliża u dik Franċiża. Madankollu, l-għażla tal-Kunsill, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-privattivi Ewropej b’effett unitarju, li japplika dan it-trattament hija xierqa u proporzjonata għall-għan leġittimu segwit permezz ta’ dan ir-regolament, li huwa li tinħoloq sistema ta’ traduzzjoni ssemplifikata u uniformi ta’ traduzzjoni li l-arranġamenti tagħha għandhom ikunu sempliċi u għandu jkollhom relazzjoni tajba bejn l-ispiża u l-effettività.

Fil-fatt, ir-reġim stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1260/2012 jippermetti effettivament li jintlaħaq l-għan leġittimu li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-protezzjoni offruta permezz tal-privattiva, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, billi jnaqqas l-ispejjeż marbuta mar-rekwiżiti ta’ traduzzjoni. Barra minn hekk, iżomm il-bilanċ neċessarju bejn id-diversi interessi inkwistjoni u, għaldaqstant, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit.

(ara l-punti 32, 34, 38, 39, 47)

3.        Peress li l-Kunsill ma ddelegax lill-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja jew lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi setgħat ta’ implementazzjoni li huma tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ delega ta’ poter diskrezzjonali ma humiex applikabbli.

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 9(1)(d) u (f) tar-Regolament Nru 1260/2012, li jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, jipprevedi li l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi kompiti supplimentari, dan huwa sabiex jiġu implementati d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 143 u 145 tal-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej. Madankollu, dawn il-kompiti huma marbuta b’mod intrinsiku mal-implementazzjoni tal-protezzjoni unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva, maħluqa bir-Regolament Nru 1257/2012. Għalhekk, il-fatt li l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi jiġi fdat b’kompiti supplimentari jirriżulta mill-konklużjoni mill-Istati Membri parteċipanti, fil-kwalità tagħhom ta’ Stati partijiet għall-Konvenzjoni, ta’ ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 ta’ din il-konvenzjoni.

(ara l-punti 60‑63)

4.        L-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att.

Fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 1260/2012, li jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni, ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, dan huwa l-ħolqien ta’ sistema ssemplifikata u uniformi ta’ traduzzjoni għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1260/2012 jaqa’ direttament taħt ir-reġim lingwistiku tal-privattiva Ewropea b’effett unitarju, sa fejn jiddefinixxi r-regoli speċjali li jirregolaw it-traduzzjoni tal-imsemmija privattiva fil-kuntest speċifiku ta’ tilwima. Fil-fatt, peress li r-reġim lingwistiku tal-privattiva Ewropea b’effett unitarju huwa ddefinit mid-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmi regolament, u b’mod iktar preċiż minn dawk tal-Artikoli 3, 4 u 6, intiżi sabiex jirregolaw sitwazzjonijiet differenti, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ma jistax jinfired, fir-rigward tal-bażi legali, mill-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dan. Għaldaqstant, ma jistax jiġi utilment sostnut li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE ma jistax iservi ta’ bażi legali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1260/2012.

(ara l-punti 68, 69, 73, 74)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 79, 81‑88)

6.        L-applikabbiltà diretta ta’ regolament, prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, titlob li d-dħul tiegħu fis-seħħ u l-applikazzjoni tiegħu favur jew kontra individwi jitwettqu mingħajr ebda miżura ta’ riċezzjoni fid-dritt nazzjonali, ħlief jekk ir-regolament inkwistjoni jħalli f’idejn l-Istati Membri nfushom li jadottaw il-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi u finanzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

Dan huwa l-każ tar-Regolament Nru 1260/2012, li jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla, huwa nnifsu, f’idejn l-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament, minn naħa, il-kompitu li jadottaw diversi miżuri fil-qafas ġuridiku ffissat permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej u, min-naħa l-oħra, il-kompitu li jistabbilixxu l-Qorti Unifikata tal-Privattivi, li hija essenzjali sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ din il-privattiva, il-koerenza tal-ġurisprudenza u, għaldaqstant, iċ-ċertezza legali, kif ukoll ta’ nfiq effettiv għall-proprjetarji tal-privattivi.

(ara l-punti 94, 95)