Language of document : ECLI:EU:T:2016:378

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 *(1)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Trattament kunfidenzjali tal-kalkoli tal-valur normali – Informazzjoni mogħtija tempestivament – Terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Drittijiet tad-difiża – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività – Artikolu 2(7) sa (11), Artikolu 3(1) sa (3), Artikolu 6(7), Artikolu 19(1) sa (5), u Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009”

Fil-Kawża T-424/13,

Jinan Meide Casting Co. Ltd, stabbilita f’Jinan (iċ-Ċina), irrappreżentata minn R. Antonini u E. Monard, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn S. Gubel, avukat, u minn B. O’Connor, solicitor,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja (ĠU L 129 p. 1), sa fejn dan japplika għar-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur:L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), jiddefinixxi r-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-proċeduri ta’ investigazzjoni antidumping. Mill-premessa 3 tagħha jirriżulta li, bil-għan li jiżgura applikazzjoni adegwata u trasparenti tar-regoli inklużi fil-ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (GATT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“ftehim antidumping”), li jinsab fl-Anness 1 A tal-ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82), dan ir-regolament jittrasponi, sa fejn huwa possibbli, it-termini tal-ftehim antidumping fid-dritt tal-Unjoni.

2        Ir-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 344, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament emendatorju”), daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2012.

3        Jinan Meide Casting Co. Ltd, ir-rikorrenti, hija kumpannija stabbilita fiċ-Ċina li tipproduċi fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, intiżi għas-suq intern u għall-esportazzjoni.

 Fatti rilevanti tal-proċedura ta’ investigazzjoni preċedenti għar-regolament provviżorju

4        Fis-16 ta’ Frar u fuq ilment imressaq fit-3 ta’ Jannar 2012 mill-kumitat tad-difiża tal-industrija tal-fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet, ta’ ħadid fondut malleabbli tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat [avviż] ta’ inizjazzjoni ta’ proċeduri antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet ta’ aċċessorji ta’ ħadid fondut ta’ tubi jew pajpijiet minsuġa, ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Indoneżja (ĠU C 44, p. 33). Mill-punt 3 ta’ dan l-avviż jirriżulta li l-prodott li huwa preżunt li huwa suġġett għal dumping huwa prodott ikklassifikat fin-nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), taħt il-kodiċi NM ex 7 307 19 10. Fil-punt 5.1.1.1(a) ta’ dan l-avviż, il-Kummissjoni speċifikat li, minħabba n-numru potenzjalment elevat ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi ta’ dan il-prodott, hija għażlet kampjun ta’ produtturi-esportaturi fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 17 tar-regolament bażiku.

5        Fit-3 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ppreżentat talba bil-għan li tikseb l-istatus ta’ kumpannija li topera fl-ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem is-“SES”), skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku. Il-viżita tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-edifiċji tar-rikorrenti bil-ħsieb li tiġi eżaminata din it-talba ġiet ippjanata li ssir mit-30 ta’ Mejju sal-1 ta’ Ġunju 2012. Fid-9 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija ddeċidiet li ma tatihiex SES. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar din id-deċiżjoni. Għall-kuntrarju, bħall-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, ir-rikorrenti ngħatat il-benefiċċju ta’ trattament individwali skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

 Regolament provviżorju u dokument ta’ informazzjoni provviżorja

6        Fl-14 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1071/2006, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-[Tajlandja] (ĠU L 318, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”).

7        Fil-premessa 14 tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni tispeċifika li twettqet viżita ta’ verifika tad-data pprovduta mill-Indja, bħala pajjiż analogu (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), fl-edifiċji ta’ produttur ta’ dan il-pajjiż li l-isem tan-negozju tiegħu huwa “Jainson Industries, Jalandhar, Pendjab, India” bil-għan li jiġi stabbilit valur normali għall-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma kisbux SES.

8        Fil-premessa 15 tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni marbuta mad-dumping kienet saret fuq il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2011 u li l-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-preġudizzju kien ikopri l-perijodu ta’ bejn l-2008 u l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

9        Fil-premessi 16, 17 u 18 tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-prodott ikkonċernat billi indikat, b’mod partikolari, li dan kien jikkorrispondi għall-fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7307 19 10.

10      Skont il-premessa 19 tar-Regolament provviżorju, ġie stabbilit li l-prodott ikkonċernat u l-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq intern taċ-Ċina, tat-Tajlandja u tal-Indoneżja, u fis-suq intern tal-Indja, li serviet bħala pajjiż analogu, kif ukoll il-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni nstab li kellhom l-istess karatteristiċi essenzjali fiżiċi u tekniċi. Għalhekk dawn tqiesu provviżorjament li huma simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku.

11      Il-premessa 30 tar-regolament provviżorju tindika li, fir-rigward tal-esportazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, tnax-il produttur-esportatur li jirrappreżentaw 51 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi kollha lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kkooperaw billi pprovdew l-informazzjoni mitluba. Din il-premessa tindika wkoll li, skont l-Artikolu 17(1) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun kompost minn tlieta minn dawk it-tnax-il produttur-esportatur u li jirrappreżentaw 88 % tal-volum tal-esportazzjonijiet imwettqa mill-imsemmija tnax-il produttur-esportatur. Ir-rikorrenti tifforma parti minn dan il-kampjun.

12      Il-premessa 40 tar-regolament provviżorju tindika li d-dewmien ta’ xahrejn li bih il-Kummissjoni ddeterminat is-SES ta’ waħda mill-kumpanniji Ċiniżi li talbu dan l-istatus, jiġifieri r-rikorrenti, kien dovut essenzjalment għall-impossibbiltà li twettaq qabel il-viżiti ta’ verifika bil-ħsieb tal-għoti ta’ dan l-istatus, peress li l-produtturi kkonċernati ma kinux disponibbli. Din il-premessa tindika wkoll li d-data li fiha saret id-determinazzjoni ta’ dan l-istatus ma kinitx tinċidi fuq ir-riżultat.

13      Fil-premessi 49 sa 53 tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kienet ikkonkludiet, provviżorjament, li l-Indja kienet tikkostitwixxi pajjiż analogu adegwat fir-rigward tal-esportazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku.

14      Fil-premessi 54 sa 63 tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni esponiet il-metodu segwit għad-determinazzjoni tal-valur normali fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina.

15      Qabelxejn, fil-premessa 54, hija indikat li, peress li l-ebda mill-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun ma kien kiseb is-SES, il-valur normali kien ġie ddeterminat, sa fejn jikkonċerna lilhom, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku, jiġifieri bl-użu tal-Indja bħala pajjiż analogu.

16      Sussegwentement, fil-premessa 55, il-Kummissjoni indikat li, fl-ewwel lok, hija kienet bdiet billi fittxet li tistabbilixxi jekk il-volum totali tal-bejgħ ta’ prodott simili mwettaq mill-produttur tal-pajjiż analogu kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk dan il-volum kienx jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni ta’ kull produttur-esportatur Ċiniż inkluż fil-kampjun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, f’din l-istess premessa, li dan kien il-każ għal tnejn minn dawn il-produtturi-esportaturi. Għall-kuntrarju, kif ser jiġi espost fil-punt 130 iktar ’il quddiem, hija kienet waslet għall-konklużjoni kuntrarja fir-rigward tar-rikorrenti.

17      Mill-premessi 56 u 57 jirriżulta li, fit-tieni lok, il-Kummissjoni pproċediet bl-identifikazzjoni ta’ tipi differenti tal-prodott simili li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur normali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni identifikat kull tip ta’ prodott mibjugħ mill-produttur tal-pajjiż analogu li kien identiku jew paragunabbli direttament mat-tipi differenti tal-prodott ikkonċernat mibjugħa għall-esportazzjoni mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi. Fit-tielet lok, ġaladarba kienu b’hekk ġew iddefiniti t-tipi tal-prodott simili li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni, kif ġie indikat fil-premessa 57 tar-regolament provviżorju, eżaminat jekk il-bejgħ intern fil-pajjiż analogu ta’ kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ prodott simili kienx suffiċjentement rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum ta’ dan il-bejgħ lil klijenti indipendenti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kienx jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tat-tip ta’ prodott korrispondenti esportat lejn l-Unjoni minn kull wieħed mill-produtturi-esportaturi.

18      Fir-raba’ lok, kif hija indikat fil-premessi 58 sa 62 tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bejgħ ta’ dawn it-tipi ta’ prodott simili, imwettaq fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-sens indikat fil-punt 17 iktar ’il fuq, setax jitqies li twettaq matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, abbażi tal-proporzjon ta’ dan il-bejgħ li kien bi profitt, jiġifieri bejgħ imwettaq bi prezz tal-bejgħ nett li jekwivali jew li jeċċedi l-ispiża tal-produzzjoni kkalkolata. Kien fi tmiem dan l-eżami li hija għażlet il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali.

19      B’hekk, skont il-premessa 59, meta l-proporzjon tal-bejgħ bi profitt, kif definit, ta’ tip ta’ prodott simili kien jeċċedi 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip ta’ prodott, jew meta l-prezz tal-bejgħ medju ppeżat ta’ dak it-tip ta’ prodott kien jekwivali għal jew jeċċedi l-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali ta’ dan it-tip ta’ prodott kien stabbilit fuq il-prezz domestiku attwali tiegħu, ikkalkolat bħala medja ppeżata tal-prezz tal-bejgħ kollu ta’ dan it-tip ta’ prodott matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Għall-kuntrarju, skont il-premessa 60, meta l-proporzjon tal-bejgħ bi profitt kien jekwivali għal jew inqas minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip ta’ prodott simili, jew meta l-prezz medju ppeżat kien inferjuri għall-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ġie ddeterminat fuq il-prezz domestiku attwali kkalkolat abbażi biss tal-bejgħ bi profitt ta’ dan it-tip ta’ prodott.

20      Fl-aħħar, skont il-premessa 61, it-tipi ta’ prodott simili mibjugħa b’telf ma tqiesux li huma mibjugħa matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Il-premessa 62 tindika li, għal dawn it-tipi ta’ prodott kif ukoll għal dawk li l-bejgħ tagħhom ma kienx suffiċjentement rappreżentattivi, fis-sens indikat fil-punt 17 iktar ’il fuq, ġie użat il-metodu tal-valur maħdum, fis-sens tal-Artikolu 2(3) u (7)(a) tar-regolament bażiku.

21      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, mill-premessa 64 tar-regolament provviżorju jirriżulta li dawn il-prezzijiet ġew stabbiliti skont l-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-prezz tal-esportazzjoni mħallas realment jew li għandu jitħallas ta’ kull produttur-esportatur Ċiniż inkluż fil-kampjun.

22      Skont il-premessi 65 sa 67 tar-regolament provviżorju, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni twettaq fuq bażi ex-works u billi saru aġġustamenti abbażi tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, fit-taxxi indiretti, fl-ispejjeż ta’ trasport, assigurazzjoni, manutenzjoni, tagħbija u fl-ispejjeż anċillari, fl-ippakkjar, fl-ispejjeż tal-kreditu, fil-kummissjonijiet u fl-ispejjeż bankarji fejn dawn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u sostnuti minn evidenza vverifikata.

23      Skont il-premessa 68 tar-regolament provviżorju, il-marġni ta’ dumping tal-kumpanniji Ċiniżi tal-kampjun ġie stabbilit abbażi ta’ paragun bejn il-valur normali medju ppeżat ta’ kull tip ta’ prodotti simili stabbilit għall-pajjiż analogu u l-prezz għall-esportazzjoni medju ppeżat tat-tip ta’ prodott ikkonċernat korrispondenti, skont l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku.

24      Skont il-premessa 69 tar-regolament provviżorju, il-marġni ta’ dumping medju ppeżat provviżorju ta’ dumping tar-rikorrenti, ikkalkolat fuq il-bażi deskritta fil-punt 23 iktar ’il fuq, ġie stabbilit għal 39.3 % tal-prezz cif (cost, insruance and freight) (prezz, assigurazzjoni u kost tat-trasport) fil-frunitera tal-Unjoni u qabel l-iżdoganar tal-prodott ikkonċernat.

25      L-Artikolu 1(2) tar-regolament provviżorju stabbilixxa r-rata ta’ dazju antidumping provviżorju li jikkonċerna lir-rikorrenti fl-ammont ta’ 39.3 %.

26      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni provviżorja msemmi fl-Artikolu 20(1) tar-regolament bażiku. Minbarra r-regolament provviżorju li jinsab fl-Anness 1 ta’ dan id-dokument, dan tal-aħħar jinkludi l-Anness 2 marbut mal-metodoloġija użata għall-kalkolu tad-dumping, u l-Anness 3 marbut mal-metodoloġija użata għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-preġudizzju.

27      Fl-Anness 2 ta’ dan id-dokument ta’ informazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni pprovdiet, qabel xejn, xi spjegazzjonijiet ġenerali dwar il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet ċertu numru ta’ speċifikazzjonijiet dwar l-esklużjoni, fil-bejgħ għall-esportazzjoni tar-rikorrenti, ta’ ċertu tip ta’ prodott fil-bejgħ għall-esportazzjoni tar-rikorrenti tal-prodott ikkonċernat kif ukoll l-aġġustamenti differenti li hija kienet għamlet għall-finijiet tal-paragun ekwu, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. Fl-istess Anness 2, il-Kummissjoni pprovdiet ċertu numru ta’ tabelli marbuta mal-kalkoli ddettaljati tal-marġni ta’ dumping skont it-tip ta’ prodott, fejn hija ħalliet barra l-elementi bbażati fuq data pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu. Fil-fatt, kif tispeċifika l-Kummissjoni f’dan l-anness, kien biss produttur wieħed tal-pajjiż analogu li kkoopera mal-investigazzjoni u, konsegwentement, l-informazzjoni li toriġina mill-pajjiż analogu ma setgħetx tiġi żvelata fil-livell tan-numri ta’ kontroll tal-prodott.

 Skambji bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni wara r-regolament provviżorju

28      Fis-17 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti ttrażmettiet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokument ta’ informazzjoni provviżorja. Dawn l-osservazzjonijiet kienu jirrigwardaw ħames punti, jiġifieri, id-determinazzjoni tas-SES, il-valur normali, l-aġġustament tal-valur normali fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), iċ-neċessità ta’ aġġustament dwar il-proċess ta’ produzzjoni kif ukoll il-prezz tal-esportazzjoni.

29      B’mod partikolari, fuq it-tieni punt, ir-rikorrenti ssostni, li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet użat valur maħdum sabiex tiddetermina l-valur maħdum fir-rigward tat-tipi kollha tal-prodott simili li kienu ġew ipparagunati mat-tipi tal-prodott ikkonċernat li hija kienet tesporta lejn l-Unjoni. B’hekk, minn naħa, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tuża l-prezzijiet domestiċi tal-produttur tal-pajjiż analogu u mhux il-metodu tal-valur maħdum, peress li l-użu ta’ dan l-aħħar imsemmi metodu kien iġġustifikat biss meta ma jkunx possibbli l-użu tal-prezzijiet domestiċi, li ma kienx il-każ fil-każ odjern. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienet tqis li l-użu tal-limitu ta’ 5 % sabiex tiġi ddeterminata r-rappreżentattività tal-bejgħ tal-prodott simili ma kienx iġġustifkat, meta, bħal fil-każ odjern, ikun qiegħed isir paragun bejn il-prezzijiet ta’ produttur partikolari fuq is-suq Indjan u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi Ċiniżi. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-użu ta’ dan il-limitu kien jippenalizza eċċessivament lill-produtturi-esportaturi bħala li għandhom volumi għoljin ta’ esportazzjoni, peress li dawn tal-aħħar għandhom iktar diffikultajiet sabiex jissodisfaw tali kriterju ta’ rappreżentattività. Barra minn hekk, il-limitu ma kienx ta’ natura assoluta skont l-Artikolu 2(2) tar-regolament bażiku. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni li tikkalkula mill-ġdid il-valur normali skont l-osservazzjonijiet tagħha. Sussegwentement, ir-rikorrenti ressqet żewġ kritiki marbuta mad-determinazzjoni tal-valur normali, li huma marbuta, minn naħa, mal-użu tad-dħul mill-bejgħ sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu u, min-naħa l-oħra, mal-użu ta’ marġni ta’ profitt medju uniku għat-tipi kollha tal-prodott. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, wara li “ħadet nota tal-fatt li l-produttur tal-pajjiż analogu kien Jainsons Industries”, ippreżentat kummenti dwar l-aġġustamenti tal-valur normali u, b’mod partikolari, esponiet ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kienet qiegħda titlob aġġustament abbażi tad-differenzi tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ produttività bejnha u l-produttur tal-pajjiż analogu.

30      Fl-aħħar, fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, minn naħa, li tikkalkula l-marġni ta’ dumping abbażi tal-bejgħ kollu tagħha għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, li tagħtiha spjegazzjonijiet addizzjonali dwar il-kalkolu tal-aġġustamenti mwettqa fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni abbażi tad-differenzi fiżiċi.

31      Waqt is-smigħ tas-6 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti rriproduċiet, essenzjalment, l-osservazzjonijiet kollha tagħha marbuta mad-dokument ta’ informazzjoni provviżorja, inklużi fl-ittra tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2012. Sabiex issostni, b’mod partikolari, it-talbiet tagħha għal aġġustament marbuta mal-proċess ta’ produzzjoni u mal-produttività, ir-rikorrenti għamlet riferiment, b’mod partikolari, għall-elementi ta’ informazzjoni marbuta mal-produttur tal-pajjiż analogu, jiġifieri, minn naħa, estratt mis-sit tal-internet tal-produttur tal-pajjiż analogu, li jinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni fuq il-volum ta’ manodopera, il-volum tal-produzzjoni annwali kif ukoll it-tagħmir prinċipali għad-dispożizzjoni ta’ dan il-produttur u, min-naħa l-oħra, skambju ta’ ittri bejn dan il-produttur u r-rikorrenti ta’ bejn id-29 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2013.

32      Fil-15 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni finali. Dan id-dokument kien jinkludi, fl-Anness 1 tiegħu, dokument ta’ informazzjoni ġenerali, li kellu bħala l-għan tiegħu, skont l-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku, li jirriproduċi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kienet tipprevedi li tirrakkomanda l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi. Skont l-Annessi 2 u 3 ta’ dan id-dokument ta’ informazzjoni finali, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet partikolari fir-rigward, rispettivament, tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u tal-kalkolu tat-twaqqih tal-prezz u tal-preġudizzju. B’mod partikolari, fl-Anness 2, il-Kummissjoni indikat li aċċettat l-osservazzjoni tar-rikorrenti li l-valur normali kellu jiġi kkalkolat abbażi tal-bejgħ domestiku tal-uniku produttur tal-pajjiż analogu li kkoopera, minkejja li dan il-bejgħ ma twettaqx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-regolament bażiku. Konsegwentement, kien il-bejgħ domestiku mwettaq matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali tal-produttur tal-pajjiż analogu li kienu ġew użati sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali bil-ħsieb li jiġi stabbilit il-marġni ta’ dumping definittiv tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li kienet aċċettat ukoll l-oġġezzjoni tar-rikorrenti li l-marġni ta’ dumping kellu jiġi stabbilit abbażi tal-esportazzjonijiet kollha u mhux biss abbażi tat-tipi tal-prodott ikkonċernat korrispondenti għat-tipi tal-prodott simili mibjugħa mill-produttur tal-pajjiż analogu fis-suq domestiku. Hija speċifikat li, għat-tipi tal-prodott ikkonċernat mingħajr korrispondenza, il-valur normali kien ġie aġġustat abbażi tal-valur tas-suq tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-regolament bażiku.

33      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni indikat li ċaħdet it-talbiet għal aġġustament tar-rikorrenti li jirrigwardaw id-differenzi bejn din tal-aħħar u l-produttur tal-pajjiż analogu fil-livell tal-proċess ta’ produzzjoni u fil-livell tal-produttività. Fil-fatt, qabel xejn, fir-rigward tat-talba għal aġġustament fir-rigward tal-proċess ta’ produzzjoni, għalkemm il-Kummissjoni kienet tirrikonoxxi li kienu jeżistu ċerti differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni bejn iż-żewġ produtturi kkonċernati, hija tikkonferma li l-konsum tal-iskart tal-azzar għal kull unit kien kważi identiku. Fir-rigward tat-tieni talba għal aġġustament, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, kienu biss id-differenzi li jinċidu fuq il-prezz u paragunabbiltà tal-prezz bejn produttur tal-pajjiż analogu u esportatur ta’ pajjiż li ma għandux l-ekonomika tas-suq li kienu jiġġustifikaw aġġustament u li kien biss analiżi eżawrjenti li seta’ jirrileva d-differenzi kollha fil-fatturi tal-ispiża u li juri li l-prezzijiet u l-paragunabbiltà tagħhom kienu affettwati, fatt li jkun jiġġustifika aġġustament.

34      Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll fl-Anness 2 tad-dokument ta’ informazzjoni finali serje ta’ tabelli marbuta mal-kalkoli ddettaljati tal-marġni ta’ dumping skont it-tip ta’ prodott, analogu għas-serje ta’ tabelli pprovduti fl-Anness 2 tad-dokument ta’ informazzjoni provviżorja, li tissemma fil-punt 27 iktar ’il fuq. B’hekk, bħal fid-dokument ta’ informazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni, fid-dokument ta’ informazzjoni finali, ħalliet barra kompletament l-elementi bbażati fuq id-data pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu.

 Skambji bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni wara d-dokument ta’ informazzjoni finali

35      Fit-18 ta’ Marzu 2013, il-produttur tal-pajjiż analogu bagħat lill-Kummissjoni ittra li fiha huwa indika “[li] jawtorizza b’mod espliċitu lill-Kummissjoni li tiżvela [lill-konsulenti tar-rikorrenti] il-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta tiegħu għall-kwestjonarju kif ukoll għall-atti li joriġinaw mill-viżita ta’ verifika mwettqa fl-edifiċji tiegħu”. Barra minn hekk, f’din l-istess ittra, dan il-produttur indika li, fl-istess jum, huwa kien ittrażmetta dawn id-dokumenti lir-rikorrenti.

36      Permezz ta’ ittra elettronika tat-18 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, abbażi tal-ittra msemmija iktar ’il fuq tal-produttur tal-pajjiż analogu, li tiġi żvelata lilha l-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta ta’ dan il-produttur għall-kwestjonarju antidumping kif ukoll għall-atti li joriġinaw mill-viżita ta’ verifika mwettqa fl-edifiċji tiegħu. Barra minn hekk, “fid-dawl tal-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu li tiġi żvelata l-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta tagħha għall-kwestjonarju”, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, f’din l-istess ittra elettronika, li tiġi żvelata lilha t-totalità tal-kalkoli tal-valur normali. Fl-aħħar, hija talbet informazzjoni speċifika dwar, fl-ewwel lok, il-mod kif kien ġie stabbilit il-valur normali tat-tipi tal-prodott ikkonċernat mingħajr korrispondenza, fit-tieni lok, il-mod kif il-Kummissjoni kienet iddifferenzjat il-fittings li huma koperti b’materjal iswed minn dawk iggalvanizzati, u, fit-tielet lok, il-bażi tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-konsum unitarju tal-iskart tal-azzar tal-produttur tal-pajjiż analogu u l-konsum proprju tiegħu ta’ dan il-materjal kienu kważi identiċi.

37      Fit-tieni ittra elettronika tad-19 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha. B’mod partikolari, hija rrispondiet għar-raġuni ta’ rifjut li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-produttur tal-pajjiż analogu, il-Kummissjoni kienet sostniet ma’ dan tal-aħħar u li kienet ibbażata fuq il-fatt li l-kunfidenzjalità ma setgħetx titneħħa b’mod selettiv għal ċerti partijiet ikkonċernati speċifiċi. F’dan ir-rigward hija sostniet, minn naħa, li l-kalkoli tal-marġni ta’ dumping u, konsegwentement, id-data marbuta mal-valur normali kienu speċifiċi għall-impriża kkonċernata u, min-naħa l-oħra, li r-regolament bażiku ma kienx jeskludi li l-awtorizzazzjoni speċifika tal-persuna li tkun ipprovdiet l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tkun limitata għal parti kkonċernata waħda biss. Barra minn hekk, filwaqt li indikat li kienu inkwistjoni d-drittijiet tad-difiża tagħha, hija talbet li l-vertenza inkwistjoni tiġi rregolata mill-uffiċjal tas-seduta, li r-rwol tiegħu huwa rregolat bid-Deċiżjoni 2012/199/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tad-29 ta’ Frar 2012, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċeduri kummerċjali (ĠU L 107, p. 5).

38      B’risposta, fl-ittra elettronika tagħha tal-21 ta’ Marzu 2013, il-kap tat-taqsima tal-investigazzjonijiet antidumping tal-Kummissjoni ċaħad it-talba tar-rikorrenti billi mmotiva r-rifjut tagħha kif ġej: “L-informazzjoni marbuta mal-valur normali intużat għat-tliet produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun u mhux limitatament għal Jinan Meide. Żvelar lil Jinan Meide biss b’hekk ikun iwassal għal żvelar selettiv ta’ informazzjoni kunfidenzjali li parti kkonċernata waħda, filwaqt li partijiet ikkonċernati oħra mill-istess informazzjoni ma jibbbenefikawx minn dan l-aċċess ipprivileġġjat għal informazzjoni kunfidenzjali.” F’ittra elettronika ulterjuri, tal-istess jum, l-uffiċjal tas-seduta indika li jikkondividi l-pożizzjoni espressa fl-ittra elettronika msemmija iktar ’il fuq u enfasizza li t-trattament mhux diskriminatorju tal-partijiet kien jikkostitwixxi l-element essenzjali.

39      Fil-25 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali. Ir-rikorrenti reġgħet qajmet id-diżgwid li kellha mal-Kummissjoni waqt l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kif imsemmi fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq u tenniet it-talba tal-iżvelar tal-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta tal-produttur tal-pajjiż analogu għall-kwestjonarju antidumping u tal-atti li joriġinaw mill-viżita ta’ verifika mwettqa fl-edifiċji tagħha, kif ukoll it-talba tagħha ta’ żvelar sħiħ tal-kalkoli tal-valur normali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ressqet għadd ta’ mistoqsijiet speċifiċi marbuta mad-determinazzjoni tal-valur normali, li, uħud minnhom, kienu diġà saru fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokument ta’ informazzjoni provviżorja. Ir-rikorrenti, din id-darba, ibbażat ruħha fuq id-data tal-produttur tal-pajjiż analogu li dan tal-aħħar kien fil-frattemp ikkomunikalha, kif kienet indikat fl-ittra elettronika tagħha tat-18 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).

40      B’mod partikolari, ir-rikorrenti tenniet it-talba speċifika tagħha mressqa fl-ittra elettronika tagħha tat-18 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 36 iktar ’il fuq) u marbuta mal-żvelar tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali tat-tipi tal-prodott ikkonċernat mingħajr korrispondenza. Fil-fatt, hija qieset li l-ispeċifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-dokument ta’ informazzjoni finali u marbuta mal-fatt li l-valur normali ta’ dawn il-prodotti kien ġie aġġustat skont il-valur tas-suq tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi ma kinitx suffiċjenti. Hija sostniet, barra minn hekk, li hija kienet tipproduċi hija stess 1 645 tip tal-prodott ikkonċernat, filwaqt li l-produttur tal-pajjiż analogu kien jipproduċi biss 287 tip ta’ prodott simili, b’tali mod li kien hemm 83 % tat-tipi tal-prodott ikkonċernat mingħajr korrispondenza. Barra minn hekk, mill-11 130 tunnellata li hija kienet esportat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, 5 738 tunellata biss kienu jikkonċernaw it-tipi ta’ prodotti korrispondenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar mitlub kien assolutament kruċjali għad-drittijiet tad-difiża tagħha.

41      Barra minn hekk, ir-rikorrenti pproponiet korrezzjonijiet marbuta, minn naħa, mal-allokazzjoni tal-ispiżi ta’ produzzjoni abbażi tad-dħul mill-bejgħ u, min-naħa l-oħra, mal-kalkolu tal-aġġustamenti għall-valur normali fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport u tal-ippakkjar. Ir-rikorrenti tenniet ukoll u speċifikat it-talbiet tagħha ta’ aġġustament marbuta mal-proċess ta’ produzzjoni u mal-produttività, li hija kienet ressqet fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokument ta’ informazzjoni provviżorja, kif ukoll il-kritika tagħha tal-aġġustament abbażi tal-VAT mhux rimborsabbli, li wkoll kienet diġà saret fil-kuntest fl-osservazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, hija ressqet talba ġdida ta’ aġġustament marbuta mal-kwantitajiet mibjugħa.

42      Waqt is-smigħ tas-26 ta’ Marzu 2013 li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu pprovdewlha, ir-rikorrenti fakkret it-talbiet u l-ilmenti li hija kienet ressqet fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba ta’ informazzjoni finali. Wara dan is-smigħ, f’ittra tas-27 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti rrilevat li, waqt is-smigħ tas-26 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni kienet indikat li l-metodoloġija segwita għal dan il-kalkolu kienet tikkonsisti fit-teħid bħala bażi, tal-valur normali medju stabbilit għat-tipi tal-prodott simili għat-tipi tal-prodott korrispondenti, aġġustat bid-determinazzjoni tal-valur tas-suq [tad-differenzi tal-karatteristiċi fiżiċi] abbażi tal-prezz għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni stabbiliti mir-rikorrenti għat-tipi tal-prodott ikkonċernat mingħajr korrispondenza. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti indikat li, fl-opinjoni tagħha, din il-metodoloġija kienet imsejsa fuq preżunzjoni, li la kienet raġonevoli u lanqas verifikabbli, li skontha l-valur tas-suq tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi kien jirrifletti ruħu fil-prezzijiet tal-esportazzjoni u hija pproponiet metodu alternattiv li jikkonsisti fil-limitazzjoni tan-numru ta’ tipi ta’ prodott mingħajr korrispondenza billi jitqarrbu n-numri ta’ kontroll tal-prodott li kienu jippermettu li dawn jiġu identifikati.

 Regolament ikkontestat

43      Fit-13 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013, tat-13 ta’ Mejju 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja (ĠU L 129, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”)

44      Fil-premessa 15 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li, fl-assenza ta’ kull osservazzjoni marbuta mas-SES, il-konklużjonijiet provviżorji inklużi fil-premessi 32 sa 46 tar-regolament provviżorju huma kkonfermati.

45      Fil-premessa 17 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li kien aċċetta l-argument ta’ produttur-esportatur Ċiniż li, anki meta l-volum tal-bejgħ ma jkunx rappreżentattiv, il-valur normali għandu jiġi kalkolat abbażi tal-bejgħ domestiku tal-produttur tal-pajjiż analogu. Huwa jindika li għaldaqstant huwa dan il-bejgħ, imwettaq matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, li ntuża sabiex jiġi stabbilit il-valur normali.

46      Fil-premessa 18 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li kien aċċetta wkoll l-argument tal-istess produttur-esportatur Ċiniż li l-marġni ta’ dumping kellu jiġi stabbilit abbażi tal-bejgħ kollu għall-esportazzjoni, u mhux biss fuq dak marbut mat-tipi tal-prodott ikkonċernat li jikkorrispondi mat-tipi tal-prodott direttament paragunabbli mibjugħ mill-produttur tal-pajjiż analogu fis-suq domestiku tiegħu.

47      Fil-premessa 19 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li, fl-assenza ta’ kull kumment ieħor dwar il-valur normali, il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-paragun ekwu, il-konstatazzjonijiet esposti fil-premessi 54, 59 sa 61 u 64 sa 67 tar-regolament provviżorju kienu kkonfermati.

48      Mill-premessa 20 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-valur normali medju ppeżat ta’ kull tip ta’ prodott simili, stabbilit għall-pajjiż analogu skont il-metodu espost fil-premessi 17 sa 19 ta’ dan ir-regolament, ġie pparagunat mal-prezz tal-esportazzjoni medju ppeżat tat-tip tal-prodott ikkonċernat korrispondenti.

49      Skont it-tabella li tinsab fil-premessa 21 tar-regolament ikkontestat u t-tabella li tinsab taħt din il-premessa, il-marġni definittiv ta’ dumping, tar-rikorrenti, kien ta’ 40.8 %.

50      L-Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat jipprovdi:

“Dazju definittiv antidumping huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li jeskludi korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-ħajta metrika ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu, li attwalment jaqa’ fil-kodiċi NM ex73071910 (kodiċi TARIC 7307191010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘RPĊ’) u t-Tajlandja.”

51      L-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat jipprevedi, fir-rigward tar-rikorrenti, li r-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel l-iżdoganar, kienet ġiet stabbilita għall-imsemmi prodott fl-ammont ta’ 40.8 %.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

52      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

53      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, li huwa l-konvenut. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ma ppreżentawx osservazzjonijiet fir-rigward ta’ din it-talba. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Novembru 2013, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota fit-termini stabbiliti.

54      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat, sa fejn japplika għaliha;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

55      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-appellanti tbati l-ispejjeż tal-proċeduri.

56      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċeduri.

 Id-dritt

57      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tad-drittijiet tad-difiża tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 6(7) u tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku, sa fejn dawn l-istituzzjonijiet irrifjutaw li jiżvelaw l-informazzjoni rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali. It-tieni motiv huwa bbażat, prinċipalment, fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku u tal-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping, sa fejn l-istituzzjonijiet ċaħdu t-talbiet għal aġġustamenti tal-valur normali mressqa mir-rikorrenti u, sussidjarjament, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(a), tal-Artikolu 2(10), ab initio u (a), u tal-Artikolu 2(11) moqri flimkien mal-Artikolu 2(7)(a) u (8) u (9) u l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, kif ukoll tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn l-istituzzjonijiet segwew metodoloġija żbaljata għad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti mingħajr korrispondenza. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni ma nnotifikatx il-konklużjonijiet marbuta mas-SES qabel id-9 ta’ Lulju 2012. Il-ħames huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(1), (2) u (3) tar-regolament bażiku, sa fejn id-determinazzjoni tal-preġudizzju subit mill-industrija tal-Unjoni hija bbażata fuq data mhux eżatta fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li huma suġġetti għal dumping.

58      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel jiġi eżaminat ir-raba’ motiv u sussegwentement l-ewwel motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv

59      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li n-notifika tal-konklużjonijiet marbuta mas-SES saret kważi ħames xhur wara d-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni, fatt li jikkostitwixxi ksur ta’ tliet xhur previst mill-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, hija ssostni li, kieku d-deċiżjoni fuq is-SES ġiet adottata iktar kmieni, hija kien ikollha l-possibbiltà li teżerċita aħjar id-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, il-konferma tal-istituzzjonijiet li d-dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq is-SES kienet dovuta għall-indisponibbiltà tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi għall-viżiti ta’ verifika hija żbaljata fil-fatt u nieqsa minn kull interess legali. Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li peress li l-ksur tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku okkorra fis-16 ta’ Mejju 2012, hija ma kinitx affettwata mill-Artikolu 2 tar-regolament emendatorju, li kien jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-investigazzjonijiet ġodda u pendenti sa mill-15 ta’ Diċembru 2012, liema artikolu huma fi kwalunkwe każ illegali.

60      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

61      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament emendatorju msemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq, li okkorra fil-15 ta’ Diċembru 2012, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku kien jipprevedi li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur kienx jissodisfa l-kriterji msemmija għas-SES kellha tiġi deċiża fi tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 1(1)(a) tar-regolament emendatorju, din id-dispożizzjoni tar-regolament bażiku kienet tipprevedi minn dakinhar li d-deċiżjoni marbuta mas-SES kellha tittieħed f’terminu, fil-prinċipju, ta’ sitt xhur u li fi kwalunkwe każ, ma jeċċedix tmien xhur mill-bidu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tar-regolament emendatorju jipprovdi li dan ir-regolament japplika għal kull investigazzjoni eventwali jew pendenti sa mill-15 ta’ Diċembru 2012.

62      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 5 iktar ’il fuq, fl-dan il-każ, il-Kummissjoni permezz tal-ittra tad-9 ta’ Lulju 2012, innotifikat lir-rikorrenti bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija ddeċidiet li ma tagħtihiex is-SES. Kif jirriżulta minn din l-ittra, li ġiet inserita fil-proċess fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward għall-“fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom [hija] tintendi li tipproponi li ma tatix is-SES [lir-rikorrenti]”. Madankollu, kif ikkonfermaw il-partijiet waqt is-seduta, din il-formulazzjoni tispjega ruħha mill-fatt li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha, matul l-investigazzjoni, il-fakultà li terġa’ tqajjem id-deċiżjoni marbuta mas-SES (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C-141/08 P, Ġabra, EU:C:2009:598, punti 110 sa 113). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ din il-formulazzjoni, kien effettivament permezz ta’ din l-ittra tad-9 ta’ Lulju 2012 li l-Kummissjoni, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku, iddeċidiet il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx tissodisfa l-kriterji sabiex tikseb is-SES.

63      Fl-ewwel lok, jeħtieġ b’hekk li jiġi eżaminat liema verżjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku li hija applikabbli għal din id-deċiżjoni bil-għan li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2012 ttiħditx wara l-iskadenza tat-terminu previst minn din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet isostnu essenzjalment li t-tibdil tat-terminu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku, introdott bir-regolament emendatorju, huwa applikabbli għad-deċiżjoni marbuta mas-SES tad-9 ta’ Lulju 2012, peress li l-investigazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ kienet pendenti fid-data tal-15 ta’ Diċembru 2012 u li l-Artikolu 2 tar-regolament emendatorju jipprevedi l-applikazzjoni tal-emenda msemmija iktar ’il fuq għal tali investigazzjonijiet. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

64      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li għalkemm hija ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda. Dan ikun differenti, u suġġett għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, jekk ir-regola l-ġdida jkollha magħha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha. B’mod partikolari, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi assenjat lilhom (ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, Ġabra, EU:C:2015:203, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tagħti s-setgħa lil istituzzjoni tal-Unjoni biex tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-att (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, punt 64 iktar ’il fuq, EU:C:2015:203, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, l-Artikolu 2 tar-regolament emendatorju jipprevedi li dan ir-regolament huwa applikabbli għall-proċeduri pendenti sa mill-15 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tibdil tat-terminu għad-deċiżjoni dwar is-SES introdott mill-Artikolu 1(1)(a) tar-regolament emendatorju kien ikun applikabbli anki fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, peress li dan huwa tibdil ta’ regola tal-proċedura. Għalhekk, għalkemm kien neċessarju li jiġi speċifikat f’dan l-Artikolu li r-regolament emendatorju japplika għal kull investigazzjoni futura jew pendenti sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan kien minħabba li, minbarra t-tibdil tat-terminu suespost, ir-regolament emendatorju kien jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jemendaw ir-regoli bażiċi marbuta mad-deċiżjoni fuq is-SES [Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(2)]. Issa, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq, tali regoli bażiċi, bħala prinċipju, ma jistgħux japplikaw għal sitwazzjonijiet li jokkorru wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, dment li tali applikazzjoni ma tkunx prevista espressament jew, tal-inqas, tirriżulta mill-finalità jew mill-istruttura tal-imsemmija regoli.

67      B’hekk, it-tibdil imsemmi iktar ’il fuq tat-terminu għad-deċiżjoni dwar is-SES kien, bħala prinċipju, applikabbli, fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping pendenti, għal kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk impriża kinitx tissodisfa l-kriterji sabiex tikseb is-SES, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku u li tkun ġiet adottata fil-15 ta’ Diċembru 2012 jew f’data sussegwenti.

68      Għall-kuntrarju, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-istituzzjonijiet, l-Artikolu 2 tar-regolament emendatorju ma jistax ikollhom l-effett li jirrendu l-Artikolu 1(1)(a) tar-regolament emendatorju applikabbli għal deċiżjoni dwar is-SES adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt dan ikun iwassal sabiex din id-dispożizzjoni tingħata effett retroattiv, li ma jirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 2 tar-regolament emendatorju. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm ir-regoli l-ġodda, b’mod partikolari r-regoli proċedurali, jistgħu jindirizzaw sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi taħt ir-regoli preċedenti, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda għandha madankollu tosserva l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività għandha l-konsegwenza, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq, li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha, fil-prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ dan l-att li kien fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar.

69      Issa, f’dan il-każ, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tingħatax is-SES lir-rikorrenti, jiġifieri fid-9 ta’ Lulju 2012, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, li jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni, kien jipprovdi li l-Kummissjoni kellha tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni sabiex tadotta tali deċiżjoni. Għaldaqstant, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu l-istituzzjonijiet, huwa fid-dawl ta’ dan l-aħħar imsemmi terminu li għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq u mhux fid-dawl tat-terminu applikabbli sa mid-dħul fis-seħħ tar-regolament emendatorju li okkorra fil-15 ta’ Diċembru 2012.

70      Fit-tieni lok, għal kuntrarju tal-impressjoni mogħtija mill-istituzzjonijiet, it-terminu stabbilit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku ma huwiex ta’ natura sempliċement indikattiva peress li, skont il-punti punti 110 sa 113 tas-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq (EU:C:2009:598), il-Kummissjoni tista’, f’kull ħin tal-proċedura ta’ investigazzjoni, tbiddel id-deċiżjoni inizjali tagħha. Fil-fatt, f’dawn il-punti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni dwar il-possibbiltà tal-Kummissjoni li ma tosservax it-terminu msemmi iktar ’il fuq, liema possibbiltà, barra minn hekk, ma kinitx inkwistjoni fil-kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik is-sentenza. B’hekk, f’dawn il-punti, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement irrilevat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku ma jistax jingħata interpretazzjoni li tobbliga lill-Kummissjoni li tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi li jipperpetwaw b’detriment għall-impriża kkonċernata żball imwettaq fl-evalwazzjoni inizjali tal-kriterji materjali stabbiliti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku. Minn dan kollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet konsegwentement, li f’każ li l-Kummissjoni tinnota li l-evalwazzjoni inizjali tagħha kienet ivvizzjata b’tali żball, hija tkun obbligata li tislet il-konsegwenzi adegwati b’osservanza tal-garanziji proċedurali (sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware/Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2009:598, punti 111 u 112). Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni għandha, skont din il-ġurisprudenza, il-possibbiltà, u anki l-obbligu, li tirrevedi deċiżjoni inizjali dwar is-SES li tkun ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni ma tinċidix fuq l-obbligu tagħha li tosserva t-terminu stabbilit mir-regolament bażiku għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni inizjali.

71      Barra minn hekk, il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku ma jinkludi l-ebda indikazzjoni li tippermetti li t-terminu previst minnu jingħata natura purament indikattiva. Barra minn hekk, ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, bħall-verżjoni Ingliża u Franċiża li jużaw rispettivament il-verbi “shall” u “doit”, jagħmlu riferiment espress għall-obbligu, tal-Kummissjoni, li tiddeċiedi b’osservanza ta’ dan it-terminu. Barra minn hekk, kif issostni r-rikorrenti, il-punti 36 sa 39 tas-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C-249/10 P, Ġabra, EU:C:2012:53), u l-punti 29 sa 32 tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C-247/10 P, EU:C:2012:710), ikkonfermaw espressament in-natura imperattiva tat-terminu msemmi iktar ’il fuq.

72      Konsegwentement, l-osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur sabiex tingħata deċiżjoni dwar is-SES, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku, ma tikkostitwixxix, għall-Kummissjoni, sempliċi fakultà, iżda obbligu.

73      Fit-tielet lok, iċ-ċirkustanzi marbuta mal-organizzazzjoni tal-viżiti ta’ verifika, li ġew invokati mill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex jiġi ġġustifikat id-dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar is-SES li tikkonċerna lir-rikorrenti, ma tawtorizzax lill-Kummissjoni li tidderoga minn tali obbligu.

74      Minn naħa, il-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu li tingħata deċiżjoni dwar is-SES fit-terminu ta’ tliet xhur ma kinitx prevista mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2012.

75      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 40 tar-regolament provviżorju (ara l-pun 12 iktar ’il fuq), u kkonfermat mill-premessa 15 tar-regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet jiġġustifikaw id-dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar is-SES li tikkonċerna lir-rikorrenti bil-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx twettaq viżiti ta’ verifika fl-edifiċji tal-esportaturi Ċiniżi iktar kmieni minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dawn tal-aħħar. Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill speċifika din il-ġustifikazzjoni billi indika li l-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun kienu indikaw li kienu disponibbli biss f’perijodu wieħed minn dawk it-tlieta possibbli l-Kummissjoni kienet ipproponitilhom, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn id-9 u l-11 ta’ Mejju 2012. Issa, skont il-Kunsill, kien materjalment impossibbli għall-Kummissjoni li twettaq simultanjament matul dak l-unika perijodu, il-viżiti ta’ verifika fi ħdan it-tliet produtturi-esportaturi kkonċernati. Kienet din ir-raġuni għaliex dawn il-viżiti kellhom jiġu pprogrammati mill-ġdid, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet fl-impossibbiltà li tadotta deċiżjoni marbuta mas-SES fit-termini stabbiliti.

76      Madankollu, l-istituzzjonijiet ma jsostnux li, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet fl-impossibbiltà assoluta li tadotta deċiżjoni marbuta mas-SES fit-termini stabbiliti, u lanqas li l-adozzjoni tardiva ta’ din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, jiġifieri, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-inosservanza tat-terminu inkwistjoni kienet dovuta għal ċirkustanzi estranji għall-istituzzjonijiet, anormali jew imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja l-użu ta’ kull diliġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, McNicholl et, 296/86, Ġabra, EU:C:1988:125, punt 11, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-297/08, Ġabra, EU:C:2010:115, punt 85). Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-istituzzjonijiet, billi invokaw iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq, kienu jintendu li jipprevalixxu ruħhom mill-kunċett ta’ forza maġġuri, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq sabiex dan il-kunċett ikun applikabbli ma humiex, skont l-evidenza, issodisfatti. F’dan ir-rigward, mil-atti tal-proċess jirriżulta li, permezz ta’ ittra elettronika tal-4 ta’ April 2012, il-Kummissjoni pproponiet lill-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun tliet perijodi bil-ħsieb li jsiru l-viżiti ta’ verifika fl-edifiċji tagħhom, li kienu rispettivament bejn it-2 u l-4 ta’ Mejju 2012, bejn is-7 u d-9 ta’ Mejju 2012 u bejn id-9 u l-11 ta’ Mejju 2012. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn it-tliet perijodi kienu kollha relattivament qrib id-data li fiha kien jiskadi t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar is-SES, jiġifieri, mhux iktar tard mis-17 ta’ Mejju 2012. B’hekk, l-istituzzjonijiet ma jistabbilixxux u lanqas ma jallegaw, li l-Kummissjoni użat id-diliġenza kollha possibbli sabiex tipproponi perijodi ta’ viżita ta’ verifika li jħallulha marġni ta’ manuvra suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjoni dwar is-SES qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-fatt li t-tliet produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun ma kienu disponibbli biss f’wieħed mit-tliet perijodi proposti mill-Kummissjoni ma jikkostitwixxix manifestament, f’dan il-każ, ċirkustanza anormali u imprevedibbli.

77      Issa għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie rrilevat fil-punt 62 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni dwar is-SES fir-rigward tar-rikorrenti ġiet adottata fid-9 ta’ Lulju 2012 u, konsegwentement, ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku li, kif ġie indikat fil-punt 76 iktar ’il fuq, kienet effettiva mhux iktar tard mis-17 ta’ Mejju 2012.

78      Konsegwentement, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu impost fuqha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku, li tadotta deċiżjoni fuq is-SES li tikkonċerna lir-rikorrenti f’terminu ta’ tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

79      B’hekk, la l-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku u lanqas ix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-inseriment tiegħu fir-regolament bażiku, ma taw indikazzjoni dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur previst minn din id-dispożizzjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C-34/14, Ġabra, EU:C:2015:620, punt 82).

80      F’dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li, kieku d-deċiżjoni dwar is-SES ġiet adottata iktar kmieni, hija kien ikollha l-possibbiltà li teżerċita aħjar id-drittijiet tad-difiża tagħha. Ir-rikorrenti tiġġustifika dik id-dikjarazzjoni billi ssostni, b’mod ġenerali, minn naħa, li l-għan tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi iktar ’il fuq huwa li l-produtturi-esportaturi li joperaw f’pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq ikunu jistgħu jibbenefikaw minn status legali ċar matul perijodu suffiċjentement twil tal-proċedura ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, li d-determinazzjoni tardiva tas-SES hija ta’ natura li tinċidi fuq elementi oħra ta’ din il-proċedura.

81      Skont ġurisprudenza stabbilita, b’mod partikolari fil-qasam tad-dumping, l-eżistenza ta’ irregolarità marbuta mad-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat biss sa fejn ma tkunx tista’ tiġi kompletament eskluża l-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, li b’hekk jiġu affettwati konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tressaq it-talba (sentenzi Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2009:598, punti 81 u 94, u tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NRTP, C-191/09 P u C-200/09 P, Ġabra, EU:C:2012:78, punti 78 u 79).

82      B’hekk, mhux kull inosservanza tat-terminu ta’ tliet xhur li l-Kummissjoni għandha sabiex tagħti deċiżjoni dwar is-SES iwassal awtomatikament għall-annullament tar-regolament ikkontestat, b’mod partikolari jekk ma jkunx ġew mittiefsa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tressaq it-talba (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda C & J Clark International u Puma, punt 79 iktar ’il fuq, EU:C:2015:620, punt 87, u s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill, T-150/09, EU:T:2012:529, punti 51 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan il-każ, minbarra l-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-għanijiet u l-ekonomija tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument konkret sabiex tiġġustifika d-dikjarazzjoni tagħha li l-ksur ta’ dan it-terminu affettwa d-drittijiet tad-difiża tagħha, u, b’mod partikolari, kif, fl-assenza ta’ tali ksur, hija setgħet teżerċita aħjar id-drittijiet tagħha. Waqt is-seduta, b’risposta għal domanda li biha l-Qorti Ġenerali talabha tispeċifika liema elementi tal-proċedura setgħu kienu influwenzati min-natura tardiva tad-deċiżjoni dwar is-SES, ir-rikorrenti indikat li hija setgħet tikseb iktar kmieni d-data tal-produttur tal-pajjiż analogu u, b’hekk, ikollha iktar ħin għall-preparazzjoni tad-difiża tagħha u, fejn xieraq, li tikkonvinċi, fi stadju iktar prekoċi, lill-Kummissjoni sabiex tiżvelalha l-kalkoli tal-valur normali. Barra minn hekk, hija sostniet ukoll, essenzjalment, li, sa fejn il-partijiet ikkonċernati ma jkunux kisbu konoxxenza tal-marġni ta’ dumping biss b’mod tardiv waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni, huwa possibbli li, f’dan l-istadju, il-partijiet ikkonċernati ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jwasslu sabiex l-awtoritajiet jibdlu l-pożizzjoni tagħhom.

84      Madankollu, dan l-argument ma jistax ikun ta’ natura li jistabbilixxi la li l-elementi l-oħra tal-proċedura ta’ investigazzjoni ġew affettwati min-natura tardiva tad-deċiżjoni dwar is-SES, b’mod partikolari t-termini l-oħra li għandhom jiġu osservati matul din il-proċedura, u lanqas li ġew miksura d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

85      Fil-fatt, qabelxejn, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, kif tfakkar fil-punt 5 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni dwar is-SES, innotifikati lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Lulju 2012, u li, min-naħa l-oħra, kien biss fl-14 ta’ Novembru 2012, jiġifieri kważi erba’ xhur iktar tard, li l-Kummissjoni adottat ir-regolament provviżorju (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kien biss fil-15 ta’ April 2013 li l-Kummissjoni ttrażmettiet il-proposta tagħha tar-regolament definittiv. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-ħin kollu neċessarju sabiex tikseb konjizzjoni tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, tevalwa r-rilevanza tagħha u, fejn xieraq, teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha dwar is-SES, qabel ma tiddetermina l-marġni ta’ dumping b’mod provviżorju ta’ din l-impriża u tipproponi miżuri definittivi.

86      Sussegwentement, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fid-data tad-deċiżjoni dwar is-SES, jiġifieri fid-9 ta’ Lulju 2012, id-determinazzjoni tal-valur normali ma kinitx tlestiet. Fil-fatt, mill-atti tal-produttur tal-pajjiż analogu jirriżulta li dan tal-aħħar wieġeb għal dawn it-talbiet ta’ speċifikazzjoni mid-dipartimenti tal-Kummissjoni dwar l-informazzjoni li ġiet trażmessa lilhom fid-29 ta’ Awwissu 2012. Bl-istess mod, minn dawn l-istess atti kif ukoll mill-ittra tal-produttur tal-pajjiż analogu mibgħuta lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-viżita ta’ verifika ta’ din l-istituzzjoni fl-edifiċji ta’ dan il-produttur saret mid-19 sal-21 ta’ Settembru 2012. Konsegwentement, ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ma setgħetx tikseb aċċess għad-data kollha pprovduta lill-Kummissjoni mill-produttur tal-pajjiż analogu qabel din id-data. Fi kwalunkwe każ, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti marbuta mad-dokument ta’ informazzjoni provviżorja jirriżulta li din tal-aħħar kisbet konjizzjoni tal-identità tal-produttur tal-pajjiż analogu biss fid-dokument li ġie nnotifikat lilha fil-15 ta’ Novembru 2012 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Konsegwentement, in-natura tardiva tad-deċiżjoni dwar is-SES bl-ebda mod ma setgħetx tinċidi fuq il-kapaċità tar-rikorrenti li tipprepara d-difiża tagħha f’terminu suffiċjenti, abbażi ta’ informazzjoni li hija setgħet tiġbor mingħand il-produttur tal-pajjiż analogu.

87      Fl-aħħar, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li, matul il-perijodu ta’ bejn id-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi iktar ’il fuq, jiġifieri mhux iktar tard mis-17 ta’ Mejju 2012, u d-data tal-adozzjoni tar-regolament provviżorju, kienu ttieħdu xi passi fil-proċedura ta’ investigazzjoni li kienu ġew affettwati mill-inosservanza tat-terminu msemmi iktar ’il fuq.

88      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li, li kieku d-deċiżjoni dwar is-SES ġiet adottata fit-termini stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel id-dħul fis‑seħħ tar-regolament emendatorju, il-proċedura kien ikollha eżitu differenti u li, konsegwentement, id-drittijiet tad-difiża tagħha ġew konkretament affettwati min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn it-termini.

89      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv

90      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq tliet ilmenti. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu rrifjutaw, bi ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku, l-aċċess għall-kalkoli tal-valur normali wara li hija rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu li tikseb konjizzjoni tad-data sottostanti dawn il-kalkoli. Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti tallega li l-istituzzjonijiet ma tawhiex il-possibbiltà li tikkonsulta l-komunikazzjonijiet bl-ittri bejn il-produttur tal-pajjiż analogu u l-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku. Fl-aħħar, permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-istituzzjonijiet, bi ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku, ma żvelawlhiex tempestivament u bil-miktub il-metodoloġija segwita sabiex jiġi ddeterminat il-valur tas-suq użat sabiex jiġi stabbilit il-valur normali tal-prodotti mingħajr korrispondenza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li kull wieħed mill-istanzi ta’ dan il-ksur allegat tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

91      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkru l-prinċipji u l-garanziji proċedurali li l-istituzzjonijiet huma marbuta li josservaw meta l-partijiet indirizzati minn investigazzjoni antidumping jkunu jixtiequ jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi jaċċedu għal informazzjoni li tikkonċerna fatti jew kunsiderazzjonijiet li jistgħu jifformaw il-bażi tal-miżuri antidumping.

92      Qabel xejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma japplikawx biss fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet iżda anki fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw l-impriżi kkonċernati b’mod dirett u individwali u li jistgħu jimplikaw konsegwenzi sfavorevoli għalihom. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-impriżi kkonċernati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tagħhom jimplika li dawn l-impriżi għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill, T‑249/06, Ġabra, EU:T:2009:62, punt 64 u l‑ġurisprudenza ċċitata, u Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, punt 81 iktar ’il fuq, EU:C:2012:78, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li huma l-partijiet suġġetti għal proċedura ta’ investigazzjoni antidumping li għandhom ipoġġu lill-istituzzjonijiet f’pożizzjoni li jevalwaw il-problemi li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ element fl-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta għad-dispożizzjoni tagħhom. A fortiori, l-ilment ta’ tali parti kkonċernata quddiem il-qorti tal-unjoni dwar il-fatt li l-informazzjoni ma tkunx ġiet ipprovduta għad-dispożizzjoni tagħha, jekk, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni li tkun wasslet għar-regolament antidumping ikkontestat, hija ma tkun ressqet quddiem l-istituzzjonijiet l-ebda talba dwar din l-informazzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il-Kunsill, T-462/04, Ġabra, EU:T:2008:586, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener u Shanghai Prime Machinery vs Il-Kunsill, T-170/09, EU:T:2012:531, punti 134 u 135).

94      Barra minn hekk, il-prinċipji li jirregolaw id-dritt għall-informazzjoni għandhom jiġu kkonċiljati mar-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, b’mod partikolari l-obbligu tal-istituzzjonijiet li josservaw is-segretezza tal-kawżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni 264/82, Ġabra, EU:C:1985:119, punt 24; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, T-159/94 u T-160/94, Ġabra, EU:T:1997:209, punt 75, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill, T-459/07, EU:T:2013:369, punt 115). F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkollu effett sfavorevoli notevoli għall-impriża li tkun ipprovdietha ma jistax iċaħħad lill-partijiet l-oħra kkonċernati, b’mod partikolari l-esportaturi, mill-garanziji proċedurali previsti mir-regolament bażiku, u lanqas jiżvesti mis-sustanza tagħhom id-drittijiet mogħtija lilhom skont l-istess dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1985:119, punt 29, u tat-8 ta’ Novembru 2011, Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, T-274/07, EU:T:2011:639, punt 59).

95      Sussegwentement, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet antidumping, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li skontha kull persuna għandha d-dritt li affariha jiġu ttrattati b’mod imparzjali, b’mod ekwu u f’terminu raġonevoli mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni. Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tiġi adottata fil-konfront tagħha kull miżura individwali li tinċidi fuqha b’mod sfavorevoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il-Kunsill, T-310/12, EU:T:2015:295, punt 224).

96      Fl-aħħar, jeħtieġ li jitfakkar li dawn il-prinċipji huma implementati fir-regolament bażiku minn sistema sħiħa ta’ garanziji proċedurali maħsuba, minn naħa, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod utli u, min-naħa l-oħra, sabiex, meta dan ikun neċessarju, tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni użata matul l-investigazzjoni antidumping kif ukoll mir-regoli li jippermettu li jiġu kkonċiljati dawn iż-żewġ rekwiżiti.

97      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 20 tar-regolament bażiku, li jikkorrispondu, essenzjalment, għad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Artikolu 6.4 u tal-Artikolu 6.9 tal-ftehim antidumping, għandhom l-għan li jiddefinixxu l-garanziji proċedurali li jiżgura d-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

98      Minn naħa, l-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku jipprevedi li l-partijiet ikkonċernati jistgħu, fuq talba miktuba, jiksbu konjizzjoni tal-informazzjoni kollha pprovduta minn kwalunkwe parti suġġetta għall-investigazzjoni, salv għad-dokumenti interni stabbiliti mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew dawk tal-Istati Membri tagħha, sa fejn din l-informazzjoni tkun rilevanti għad-difiża tal-interessi tagħhom u mhux kunfidenzjali, u tkun użata fl-investigazzjoni.

99      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20 tar-regolament bażiku jipprevedi żewġ fażijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni li matulhom il-partijiet ikkonċernati jistgħu jirċievu informazzjoni speċifika fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom jistgħu jiġu bbażati l-miżuri antidumping. B’hekk, minn naħa, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, dawn il-partijiet għandhom id-dritt li jiġu informati bid-dettalji li fuqhom huma msejsa l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jservu bħala bażi għal miżuri provviżorji wara l-istabbiliment ta’ dawn il-miżuri. Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-artikolu, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża odjerna, dawn il-partijiet għandhom id-dritt li jiġu informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom tista’ tiġi bbażata d-deċiżjoni finali qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew it-trażmissjoni ta’ proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

100    Barra minn hekk, l-Artikolu 20 tar-regolament bażiku jissuġġetta l-għoti ta’ din l-informazzjoni speċifika għal ċertu numru ta’ garanziji proċedurali. B’hekk, qabel xejn, kemm l-informazzjoni provviżorja kif ukoll l-informazzjoni finali għandhom jiġu kkomunikati lill-partijiet ikkonċernati bil-miktub u “kemm jista’ jkun malajr”. Sussegwentement, fir-rigward tat-termini, minn naħa, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża, it-terminu għall-għoti tal-informazzjoni finali ma jistax ikun ta’ inqas minn xahar qabel id-deċiżjoni finali jew it-trażmissjoni ta’ proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Fl-aħħar, skont il-paragrafu 5, it-terminu mogħti lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet dwar din l-informazzjoni finali ma jistax ikun ta’ inqas minn għaxart ijiem.

101    Jeħtieġ li jiżdied li, l-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku jobbliga lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jagħtu, fil-kuntest tal-informazzjoni finali, attenzjoni partikolari lill-fatt u l-kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk użati għall-miżuri provviżorji. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 4, il-Kummissjoni jista’ jiġi obbligat jikkompleta l-informazzjoni tal-partijiet wara l-istadju tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni finali, kemm f’każ ta’ impossibbiltà li jiġu kkomunikati ċerti fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-mument partikolari, kif ukoll f’każ ta’ deċiżjoni ulterjuri bbażata fuq fatti jew kunsiderazzjonijiet differenti.

102    Madankollu, mill-Artikolu 20(1) u (3) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-għoti ta’ din l-informazzjoni speċifika lill-partijiet ikkonċernati huwa ssubordinat għall-preżentazzjoni min-naħa tagħhom ta’ talba bil-miktub magħmula, fir-rigward tal-informazzjoni provviżorja, immedjatament wara l-istabbiliment tal-miżuri provviżorji u, fir-rigward tal-informazzjoni finali, mhux iktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni tal-impożizzjoni tal-imsemmija miżuri provviżorji.

103    Fit-tieni lok, l-Artikolu 19 tar-regolament bażiku, li jikkorrispondi għall-artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping, kien jiddefinixxi l-kuntest li fih l-awtoritajiet kompetenti għandhom josservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huma jiġbru fil-kuntest tal-investigazzjonijiet antidumping.

104    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju li kull informazzjoni kunfidenzjali għandha tkun ittrattata bħala tali mill-awtoritajiet, dment li jiġu pprovduti raġunijiet validi. Dan l-artikolu jiddistingwi, barra minn hekk, bejn żewġ kategoriji ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Minn naħa, dan isemmi l-informazzjoni ta’ tali natura u jiċċita bħala eżempju, l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ jkun ta’ vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv għal kompetitur jew jista’ jkollu effett avvers sinjifikattiv fuq persuna li tkun qiegħda tipprovdi informazzjoni jew fuq persuna li minnha dik il-persuna tkun kisbet l-informazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu jsemmi l-informazzjoni pprovduta fuq bażi kunfidenzjali mill-partijiet f’investigazzjoni antidumping. Barra minn hekk, skont il-ħames sentenza tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll l-aġenti tagħhom, ma għandhomx jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni riċevuta skont ir-regolament bażiku li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku mill-fornitur. Barra minn hekk, it-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu żżid obbligu addizzjonali ta’ nuqqas ta’ żvelar li japplika għall-informazzjoni skambjata bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, għall-konsultazzjonijiet previsti mir-regolament bażiku kif ukoll għad-dokumenti interni tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, li jista’ jkun hemm deroga għalih biss meta l-iżvelar tagħhom ikun previst espressament mill-imsemmi regolament.

105    Fit-tielet lok, ir-regolament bażiku jipprovdi għal ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu l-konċiljazzjoni tar-rekwiżiti marbuta mad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati ma’ dawk marbuta man-neċessità tal-protezzjoni tal‑informazzjoni kunfidenzjali. Minn naħa, l-aċċess għall-informazzjoni disponibbli għall-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 20 tar-regolament bażiku huwa limitat mill-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 6(7) tal-imsemmi regolament, imfakkar fil-punt 98 iktar ’il fuq, jirriżulta li n-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni pprovduta minn persuna suġġetta għall-investigazzjoni tipprekludi lill-partijiet ikkonċernati milli jiksbu konjizzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-informazzjoni finali għandha tingħata “filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19(2) sa (4) tar-regolament bażiku jipprovdi għal għadd ta’ arranġamenti fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sabiex jiġu ppreżervati d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati, maħsuba b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu, sa fejn possibbli, l-eżistenza ta’ taqsiriet mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni kunfidenzjali, li għandhom ikunu suffiċjentement iddettaljati bil-għan li tkun tista’ raġonevolment tinftiehem is-sustanza tal-informazzjoni kkomunikata kif ukoll il-possibbiltà tal-istituzzjonijiet li jiżvelaw l-informazzjoni ġenerali, b’mod partikolari l-motivi li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tar-regolament bażiku.

106    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jeħtieġ li jiġi vverifikat, fil-kuntest tal-eżami tal-ilmenti msemmija iktar ’il fuq, jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġewx konkretament mittiefsa.

107    Jeħtieġ li jiġu eżaminati, rispettivament, it-tieni, it-tielet u suċċessivament l-ewwel ilment.

 Fuq it-tieni lment

108    Insostenn tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-komunikazzjonijiet permezz ta’ ittri elettroniċi bejn il-produttur tal-pajjiż analogu u l-Kummissjoni dwar il-preparazzjoni tar-risposta għall-kwestjonarju, jikkostitwixxu informazzjoni rilevanti sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsostnu l-opinjoni tagħhom u li dawn ma kinux ta’ natura kunfidenzjali. Għaldaqstant, l-assenza ta’ dawn il-komunikazzjonijiet kif ukoll, potenzjalment, dokumenti rilevanti oħra fil-proċess mhux kunfidenzjali tal-proċedura pprovduti lill-partijiet ikkonċernati jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jikkunsidra li dan l-ilment għandu jitwarrab.

109    F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku mfakkar fil-punt 98 iktar ’il fuq jirriżulta li l-partijiet suġġetti għal proċedura ta’ investigazzjoni antidumping, bħar-rikorrenti, jistgħu jilmentaw dwar l-assenza ta’ dokument fil-proċess mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni biss jekk jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, tali dokument għandu jinkludi informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni minn persuna suġġetta għall-investigazzjoni li jkunu ntużaw matul din l-investigazzjoni. Fit-tieni lok, dan id-dokument la għandu jikkostitwixxi dokument intern stabbilit mill-awtoritajiet tal-Unjoni u lanqas ikun ta’ natura kunfidenzjali. Fit-tielet lok, l-informazzjoni inkluża f’dan id-dokument għandha tkun rilevanti għad-difiża tal-interessi tal-persuna inkwistjoni. Fl-aħħar, fir-raba’ lok, din tal-aħħar għandha tkun ressqet talba bil-miktub sabiex tikseb konjizzjoni tal-imsemmi dokument.

110    Issa, f’dan il-każ, jirriżulta evidentement li għadd minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi ma humiex issodisfatti.

111    Qabel xejn, kif jirriżulta mill-A.16, li jinkludi l-komunikazzjonijiet kontenzjużi permezz ta’ ittri elettroniċi, dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw biss id-diffikultajiet li l-produttur tal-pajjiż analogu jaffaċċja sabiex jipprovdi d-data mitluba mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġi ddeterminat il-valur normali u l-ispeċifikazzjonijiet tal-Kummissjoni bil-għan li jiġu ttrattati dawn id-diffikultajiet. Dawn ma jinkludux, fihom stess, informazzjoni li ġiet ipprovduta minn dan il-produttur lill-Kummissjoni u li ntużaw matul l-investigazzjoni.

112    Sussegwentement, sabiex tistabbilixxi li dawn il-komunikazzjonijiet kienu rilevanti għad-difiża tal-interessi tagħha, ir-rikorrenti sempliċement issostni li dawn kienu jikkonċernaw id-data u l-informazzjoni użata għad-determinazzjoni tal-valur normali. Issa fil-punt 111 iktar ’il fuq ġie rrilevat li dawn il-komunikazzjonijiet ma jinkludux tali informazzjoni jew data. Barra minn hekk, f’dawn il-komunikazzjonijiet, ir-rikorrenti ma tindika l-ebda element partikolari li jista’ jkun utli għad-difiża tagħha.

113    Fl-aħħar, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti la tallega u lanqas tistabbilixxi li ressqet, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, talba bil-miktub lill-Kummissjoni sabiex tikseb konjizzjoni ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

114    Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi ma ppermettietx lir-rikorrenti li tikkonsulta dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni la wettqet ksur tal-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku u lanqas id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

 Fuq it-tielet ilment

115    Insostenn tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li informazzjoni pprovduta tempestivament fuq il-metodoloġija li ntużat sabiex jiġi ddeterminat il-valur tas-suq tal-aġġustamenti għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti mingħajr korrispondenza kienet importanti ħafna. Fil-fatt, din il-metodoloġija kienet differenti minn dik segwita għall-adozzjoni tar-regolament provviżorju, peress li kienet ta’ natura ġdida u kienet tikkonċerna maġġoranza ta’ tipi ta’ prodott prodotti mir-rikorrenti. Barra minn hekk, it-termini u l-forma bil-miktub rikjesti għall-iżvelar ta’ din l-informazzjoni mill-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku ma ġewx osservati. Fl-aħħar, il-komunikazzjoni tardiva ta’ din l-informazzjoni ċaħdet lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tressaq osservazzjonijiet iktar iddettaljati li probabbilment kienu jwasslu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jemendaw il-konklużjonijiet tagħhom.

116    Il-Kunsill isostni essenzjalment li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

117    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti ma tikkritikax, bħalma tagħmel fl-ewwel ilment, il-fatt li ma ġietx żvelata lilha informazzjoni marbuta mal-kalkolu tal-valur normali, iżda l-fatt li parti minn din l-informazzjoni ma ġietx żvelata lilha fit-termini u fil-forom previsti fl-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku.

118    F’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li, kif indikat fil-punt 32 iktar ’il fuq, fid-dokument ta’ informazzjoni finali, il-Kummissjoni indikat li kienet aċċettat l-oġġezzjoni tar-rikorrenti li l-marġni ta’ dumping kellu jiġi stabbilit abbażi tal-esportazzjonijiet kollha u mhux biss għat-tipi tal-prodott ikkonċernat korrispondenti għat-tipi ta’ prodott simili mibjugħa mill-produttur tal-pajjiż analogu fis-suq domestiku. F’dan ir-rigward, hija speċifikat li, għat-tipi ta’ prodott ikkonċernat mingħajr korrispondenza, il-valur normali kien ġie aġġustat abbażi tal-valur tas-suq tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-regolament bażiku.

119    Għall-kuntrarju, kif indikat ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma speċifikatx f’dan id-dokument kif kienet iddeterminat il-valur tas-suq tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi. Fil-fatt, l-Artikolu 2(10)(a) tar-regolament bażiku kien jipprevedi biss li l-ammont tal-aġġustament użat abbażi tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi għandu jikkorrispondi għal stima raġonevoli tal-valur tad-differenza fuq is-suq, mingħajr ma jispeċifika l-metodu li għandu jiġi segwit sabiex tinkiseb din l-istima raġonevoli stima raġonevoli. B’hekk, kif enfasizzat ir-rikorrenti, essenzjalment, waqt is-seduta, billi indikat, fid-dokument ta’ informazzjoni finali, li hija kienet aġġustat il-valur normali skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda speċifikazzjoni dwar il-metodu li hija kienet segwiet f’dan ir-rigward, iżda biss li hija wettqet dan l-aġġustament abbażi ta’ “stima raġonevoli”.

120    Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm b’mod kuntrarju għall-impressjoni li tagħti r-rikorrenti, din l-informazzjoni ma tipprekludihiex milli tressaq osservazzjonijiet utli għad-difiża tagħha, u ma tillimitax il-portata u l-preċiżjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Fil-fatt, din l-informazzjoni ma tippermettix lir-rikorrenti milli ssir taf liema suq u liema prezz ta’ riferiment intużaw mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-valur tas-suq tad-differenzi tal-karatteristiċi fiżiċi bejn it-tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza u t-tipi ta’ prodotti li kienu jeżistu tipi ta’ prodotti simili għalihom direttament paragunabbli mibjugħa fis-suq domestiku mill-produttur tal-pajjiż analogu. Issa ma huwiex ikkontestat li, kif sostniet ir-rikorrenti fir-rikors tagħha, dawn it-tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza kienu jirrappreżentaw 83 % tat-tipi kollha ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tagħha. Huwa minnu li, fir-risposta tiegħu, il-Kunsill sostna, mingħajr ma ġie oppost, li dawn it-tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza kienu jirrappreżentaw “biss” 40 % tal-volum totali tal-istess bejgħ għall-esportazzjoni. Dan kien, madankollu, parti notevoli mit-tranżazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Konsegwentement, l-għażla tal-marġni u tal-prezz ta’ riferiment sabiex jiġi ddeterminat il-valur tas-suq tad-differenzi tal-karatteristiċi fiżiċi bejn it-tipi ta’ prodott mingħajr korrispondenza u l-oħrajn setgħet tinċidi b’mod sinjifikattiv fuq il-kalkolu tal-valur normali u b’hekk fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti.

121    Issa, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, kien biss waqt is-seduta tas-26 ta’ Marzu 2013 li l-Kummissjoni speċifikat lir-rikorrenti l-metodu li hija użat sabiex tiddetermina l-valur tas-suq tal-aġġustament tal-valur normali tal-prodotti mingħajr korrispondenza abbażi tad-differenzi tal-karatteristiċi fiżiċi. Kif jirriżulta mill-ittra tar-rikorrenti tas-27 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni spjegat matul din is-seduta li l-valur tas-suq ta’ dan l-aġġustament kien ġie ddeterminat abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni stabbiliti mir-rikorrenti għat-tipi ta’ prodott ikkonċernat mingħajr korrispondenza. Kif irrilevat ir-rikorrenti, dawn l-ispjegazzjonijiet saru jum wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem impost mill-Kummissjoni fuq il-partijiet ikkonċernati sabiex iressqu osservazzjonijiet bil-miktub fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali.

122    Madankollu, kif jirriżulta mill-istess ittra tas-27 ta’ Marzu 2013, it-terminu li fih il-Kummissjoni għamlet din l-ispeċifikazzjoni marbuta mad-determinazzjoni tal-valur tas-suq tal-aġġustament imsemmi iktar ’il fuq ma pprekludiex lir-rikorrenti milli tressaq osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett u lill-Kummissjoni milli tieħu dan inkunsiderazzjoni fil-proposta tagħha ta’ regolament definittiv.

123    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti sostniet, waqt is-seduta tas-26 ta’ Marzu 2013 u fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Marzu 2013, li l-metodoloġija magħżula mill-Kummissjoni kienet ibbażata fuq preżunzjoni, li la kienet raġonevoli u lanqas verifikabbli, li l-valur tas-suq tad-differenzi tal-karatteristiċi fiżiċi kienu jirriflettu ruħhom fil-prezz tal-esportazzjoni. Skont ir-rikorrenti, din il-konferma kienet ikkorroborata mill-fatt li dan l-approċċ kien iwassal għal marġni ta’ dumping f’livell analogu għal dak ikkalkolat unikament abbażi tat-tipi ta’ prodotti korrispondenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti pproponiet metodu alternattiv li jikkonsistu fil-limitazzjoni tan-numru ta’ tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza permezz ta’ tqassir tan-numri ta’ kontroll ta’ prodotti li kienu jippermettu li dawn jiġu identifikati. B’hekk, dawn in-numri ta’ kontroll kellhom jiġu llimitati għall-ewwel erba’ ċifri, li kienu jagħmlu riferiment għall-forma tal-fitting, u għad-disa’ ċifra, li kienet tagħmel riferiment għall-wiċċ tiegħu. Fir-rigward tal-fittings b’wiċċ iswed, ir-rikorrenti kienet tipproponi li tibbaża ruħha fuq il-valur normali tal-fittings b’wiċċ iggalvanizzat identiċi jew simili aġġustati għat-tnaqqis ta’ 15 %, skont l-indikazzjonijiet tal-produttur tal-pajjiż analogu. Fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza rimanenti, il-Kummissjoni kellha, skont ir-rikorrenti, tuża l-valur normali medju tat-tipi l-oħra kollha ta’ prodotti simili paragunabbli, mingħajr ma tapplika aġġustament għad-differenzi tal-karatteristiċi fiżiċi.

124    Min-naħa l-oħra, b’mod kuntrarju għall-impressjoni li tagħti r-rikorrenti, dawn l-osservazzjonijiet tressqu f’data li kienet tħalli lill-Kummissjoni żmien biżżejjed sabiex teħodhom inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, kif tindika wkoll ir-rikorrenti fir-rikors, il-proposta tar-regolament definittiv tal-Kummissjoni ġiet trażmessa lill-Kunsill fil-15 ta’ April 2013, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha terminu sabiex teżamina l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti li ma kienx jillimita eċċessivament il-marġni ta’ evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ebda dispożizzjoni tar-regolament bażiku, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu marbut mal-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fi ħdan il-kumitat konsultattiv, ma kienet tiffissa terminu partikolari għall-intervent ta’ dawn il-konsultazzjonijiet qabel is-sottomissjoni ta’ proposta ta’ regolament definittiv lill-Kunsill. B’hekk dan l-Artikolu 15 kien jipprevedi biss li dawn il-konsultazzjonijiet għandhom isiru f’perijodu ta’ żmien li jkun jippermetti li jiġu osservati t-termini stabbiliti mir-regolament bażiku. Barra minn hekk, mill-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku jirriżulta li, wara l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni finali, il-Kummissjoni jew il-Kunsill għandhom il-fakultà li jieħdu deċiżjoni bbażata fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk indikati f’dan id-dokument.

125    Barra minn hekk, ma jistax jiġi ammess l-argument tar-rikorrenti li, skont l-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku, il-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni kellha ssir, minn naħa, f’forma bil-miktub u, min-naħa l-oħra, f’terminu minimu ta’ xahar qabel it-trażmissjoni tal-proposta tar-regolament definittiv. Fil-fatt, qabel xejn, fir-rigward ta’ risposta tal-Kummissjoni għal talba għal speċifikazzjoni tar-rikorrenti dwar l-informazzjoni li tinsab fid-dokument ta’ informazzjoni finali, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet obbligata li tagħtiha bil-miktub. Fil-fatt, dan l-obbligu previst mill-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku jipprevedi biss id-dokument ta’ informazzjoni finali nnifsu, li jiġi kkomunikat lill-partijiet ikkonċernati kollha. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li din ir-risposta ngħatat oralment u mhux bil-miktub huwa ma għandux effetti, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 123 iktar ’il fuq, dan ippermetta lir-rikorrenti li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha tempestivament. Bl-istess mod, it-terminu ta’ mhux iktar minn xahar qabel it-trażmissjoni ta’ proposta ta’ deċiżjoni finali tapplika biss, skont l-istess dispożizzjoni, għal dokument ta’ informazzjoni finali u ġie osservat fir-rigward ta’ dan id-dokument, fatt li ma ġiex ikkontestat. Għall-kuntrarju, dan it-terminu ma jistax japplika, mid-definizzjoni tiegħu, għal spjegazzjoni pprovduta bħala risposta għal talba ta’ speċifikazzjoni minn parti kkonċernata fuq il-kontenut ta’ dan id-dokument ta’ informazzjoni finali.

126    Bl-istess mod, lanqas ma jista’ jiġi ammess l-argument tar-rikorrenti li kien jirriżulta b’mod ċar mir-regolament ikkontestat li l-osservazzjonijiet tagħha ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, kif tammetti r-rikorrenti impliċitament fir-replika, dan l-argument ma jipprevedix li jqajjem nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, iżda pjuttost li juri li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li teżamina jew li tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħha. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, dan l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża jew ta’ dritt tagħhom għal smigħ. Fil-fatt, għalkemm ir-rispett tal-imsemmija drittijiet jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lir-rikorrenti li jesprimu tabilħaqq l-opinjoni tagħhom, dawn l-imsemmija istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu obbligati jaqblu magħhom. In-natura utli tal-preżentata tal-opinjoni tar-rikorrenti tirrikjedi biss li din l-opinjoni setgħet tiġi ppreżentata tempestivament sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tagħha u, bl-attenzjoni rikjesta kollha, jevalwaw ir-rilevanza tagħha għall-kontenut tal-att li jkun previst li jiġi adottat [ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T-643/11, Ġabra (Estratti), EU:T:2014:1076, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fir-rigward tal-Kunsill, dan tal-aħħar ma huwiex obbligat li jagħti risposta, fir-regolament li jistabbilixxi d-dazji antidumping definittivi, għall-argumenti kollha mressqa mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni u li din l-assenza ta’ risposta ma tistax awtomatikament tistabbilixxi nuqqas ta’ eżami ta’ dawn l-argumenti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma jistax jiġi rikjest li l-motivazzjoni ta’ regolament antidumping definittiv jispeċifika l-elementi differenti ta’ fatt u ta’ dritt, ta’ spiss numerużi u kumplessi, li jkunu s-suġġett tiegħu, u lanqas li l-istituzzjonijiet jieħdu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati mill-partijiet interessati. Għall-kuntrarju, ikun suffiċjenti li l-awtur tal-att jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tar-regolament ikkontestat (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2010, Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, T-314/06, Ġabra, EU:T:2010:390, punt 114, u tal-20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il-Kunsill, T-310/12, EU:T:2015:295, punt 172).

127    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel ilment

128    Insostenn tal-ewwel ilment tagħha, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kalkoli tal-valur normali kienu jikkostitwixxu fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku. Peress li, fl-opinjoni tagħha, dawn il-kalkoli ma jikkostitwixxux iktar minn informazzjoni kunfidenzjali, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, wara li l-produttur tal-pajjiż analogu kien awtorizza l-iżvelar tad-data li fuqha saru dawn il-kalkoli, hija tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet obbligata, f’dan il-każ, li tikkomunikahomlha. Barra minn hekk, dan l-obbligu huwa kkonfermat mill-kliem tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku. Fit-tieni lok, hija sostniet li r-rifjut tal-istituzzjonijiet waqqfuha milli teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari billi tippreżenta osservazzjonijiet fuq dawn il-kalkoli, b’tali mod li l-eżitu tal-proċedura seta’ kien differenti. Fit-tielet u fl-aħħar lok, hija allegat li l-fatt tal-iżvelar lilha ta’ dawn il-kalkoli ma kienx jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li, minħabba l-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu, li kien jipprevedih speċifikament, hija kienet tinsab f’sitwazzjoni oġġettivament differenti mill-produtturi-esportaturi l-oħra.

129    Fl-ewwel lok, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 20(2) sa (4) tar-regolament bażiku, naxxenti mir-rifjut tal-istituzzjonijiet li jiżvelaw lir-rikorrenti l-kalkoli tal-valur normali, jeħtieġ li tiġi ddeterminata n-natura preċiża tal-informazzjoni li, skont ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet kellhom jikkomunikawlha u li hija tagħmel riferiment għalihom permezz tat-termini “kalkoli tal-valur normali”.

130    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jista’ jiġi dedott mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-dokument ta’ informazzjoni provviżorja fis-17 ta’ Diċembru 2012 (ara l-punti 16 u 29 iktar ’il fuq) u kif ikkonferma l-Kunsill f’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-valur normali bil-għan li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti kien ġie kkalkolat inizjalment, fir-regolament provviżorju, abbażi tal-valur maħdum, skont l-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, kif jista’ jiġi dedott mill-premessa 55 tar-regolament provviżorju, il-bejgħ tal-prodott simili kien tqies li huwa insuffiċjentement rappreżentattiv tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat imwettaq mir-rikorrenti, fatt li ġie kkonfermat mill-Kunsill. B’hekk, kif tindika l-premessa 17 tar-regolament ikkontestat, kien biss wara l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti li l-Kunsill, fir-regolament ikkontestat, aċċetta li juża l-bejgħ domestiku tal-prodott simili rrealizzat mill-produttur tal-pajjiż analogu matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali sabiex jistabbilixxi l-valur normali bil-ħsieb li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti.

131    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 56 u 68 tar-regolament provviżorju (ara l-punti 17 u 23 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet inizjalment limitata, għad-determinazzjoni tal-valur normali, għat-tipi tal-prodott simili mibjugħ mill-produttur tal-pajjiż analogu direttament paragunabbli għat-tipi tal-prodott ikkonċernat mibjugħa għall-esportazzjoni mir-rikorrenti. Minħabba dan, il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti kien ġie kkalkolat abbażi ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni limitat għal dawn it-tipi ta’ prodott simili u għat-tipi tal-prodott ikkonċernat korrispondenti, jiġifieri, kif jirriżulta minn ittra elettronika tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2012, 369 tip tal-prodott. Dawn it-tipi tal-prodott kienu b’hekk jirrappreżentaw madwar 20 % tat-tipi tal-prodott mibjugħa għall-esportazzjoni mir-rikorrenti, li kienu jammontaw għal 1 645, skont ċifra pprovduta mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali u mhux ikkontestata (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, kif indikat il-Kummissjoni lir-rikorrenti fid-dokument ta’ informazzjoni finali fil-15 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), kien wara l-oġġezzjonijiet ta’ din tal-aħħar li din l-istituzzjoni aċċettat, fil-proposta tagħha ta’ miżura definittiva, li tistabbilixxi l-marġni ta’ dumping tagħha abbażi tal-bejgħ kollu tagħha għall-esportazzjoni, billi mmotivat aġġustament tal-valur normali fir-rigward tat-tipi tal-prodott ikkonċernat li ma għandhomx korrispondent fit-tipi tal-prodott mibjugħa mill-produttur tal-pajjiż analogu. Kif jirriżulta mill-premessa 18 tar-regolament ikkontestat (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), din l-emenda tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping ġiet ikkonfermata f’dan ir-regolament. Kien għalhekk fuq din il-bażi, kif jirriżulta mill-premessa 20 tar-regolament ikkontestat (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), il-valur normali medju ppeżat stabbilit għal kull tip tal-prodott simili ġie pparagunat mal-medju ppeżat tat-tip tal-prodott ikkonċernat korrispondenti, skont l-ewwel metodu msemmi fl-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku.

132    B’hekk, mill-punti 130 u 131 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kalkolu tal-valur normali bil-ħsieb li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, huwa bbażat, fir-realtà, fuq l-1 645 valur korrispondenti, għal kull wieħed minnhom, għall-medja ppeżata tal-bejgħ tal-produttur tal-pajjiż analogu ta’ tip ta’ prodott simili partikolari u aġġustat, fejn xieraq aġġustat, b’mod partikolari, għal madwar 80 % ta’ dawn il-valuri, bil-għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi tal-karatteristiċi fiżiċi tat-tipi tal-prodott ikkonċernat mingħajr korrispondenza.

133    Kif ġie indikat fil-punt 27 iktar ’il fuq, fid-dokument ta’ informazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni speċifikat li, peress li kien ikkoopera fl-investigazzjoni produttur tal-pajjiż analogu wieħed biss, l-informazzjoni li tirriżulta mill-pajjiż analogu ma setgħetx, konsegwentement, tiġi żvelata “fil-livell tan-[numri ta’ kontroll tal-prodott]”. Mill-atti tal-proċess jirriżulta li n-numri ta’ kontroll ta’ prodott jirreferu għall-kodiċi alfanumeriċi li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal tip tal-prodott partikolari. B’hekk, l-indikazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinftiehem f’dan is-sens li din l-istituzzjoni ħassret informazzjoni tad-dettall marbuta ma’ kull tip tal-prodott mibjugħ mill-produttur tal-pajjiż analogu. Barra minn hekk, dejjem f’dan l-istess dokument, il-Kummissjoni indikat li, fil-fajls elettroniċi annessi mad-dokument ta’ informazzjoni provviżorja, hija kienet ħassret, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, id-data bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li t-tabelli marbuta mal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bejgħ domestiku (2.2 DMCOP), mal-bejgħ domestiku (2.4 DMSALES) kif ukoll mal-kalkoli tal-bejgħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u tal-valur normali (2.5 OCOT u NV) ma kienu jinkludu l-ebda data. Dan jgħodd ukoll, fit-tabella marbuta mad-dehra ġenerali tal-kalkolu tad-dumping (2.1), għall-kolonni marbuta mal-valur normali kif ukoll għall-kolonni marbuta mal-ammont u l-marġni ta’ dumping għal kull tip ta’ prodott. Għall-kuntrarju, ma tħassret l-ebda data fil-kolonni ta’ din l-aħħar imsemmija tabella marbuta mal-bejgħ għall-esportazzjoni tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kif ukoll fit-tabella marbuta ma’ dan l-istess bejgħ (2.7 EUSALES) u fit-tabella marbuta mal-kalkoli tal-prezz tal-esportazzjonijiet skont it-tip tal-prodott (2.8). Kif ġie indikat fil-punt 34 iktar ’il fuq, fid-dokument ta’ informazzjoni finali, il-Kummissjoni ħassret l-istess kategoriji ta’ data bħal fid-dokument ta’ informazzjoni provviżorja. Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li l-Kummissjoni kienet żvelat partijiet minn din id-data lir-rikorrenti, meta, b’risposta għat-talbiet ta’ din tal-aħħar, hija pprovdiet speċifikazzjonijiet addizzjonali għall-informazzjoni pprovduta fid-dokument ta’ informazzjoni provviżorja u d-dokument ta’ informazzjoni finali.

134    B’hekk minn dak li ntqal jirriżulta li l-kalkoli tal-valur normali mwettqa għal kull tip ta’ prodott simili, kif ukoll il-valuri previsti fil-punt 132 iktar ’il fuq, li jikkorrispondu għar-riżultati ta’ dawn il-kalkoli, ma ġewx żvelati lir-rikorrenti. Kif jirriżulta espressament mir-rikors, hija l-assenza tal-iżvelar tal-informazzjoni li r-rikorrenti tqis bħala li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għad-data mħassar fit-tabelli tad-dokument ta’ informazzjoni finali marbuta mal-kalkoli tal-bejgħ fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali u tal-valur normali (2.5 OCOT u NV), imsemmija fil-punt 133 iktar ’il fuq. Fl-opinjoni tagħha, din id-data kellha tiġi kkomunikata lilha minn meta l-produttur tal-pajjiż analogu kien awtorizza l-iżvelar tal-elementi li fuqhom kienet ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina din id-data.

135    Ċertament, kif jindikaw il-punti 36 u 39 iktar ’il fuq, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti lmentat ukoll fuq l-assenza tal-iżvelar ta’ dokumenti oħra u informazzjoni rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali. Madankollu, fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ma pprevalixxietx ruħha minnu u b’hekk sempliċement invokat l-assenza tal-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali, jiġifieri d-dettall ta’ dawn il-kalkoli fuq bażi ta’ tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott kif ukoll ir-riżultat ta’ dawn il-kalkoli.

136    Fit-tieni lok, jeħtieġ, f’dan l-istadju, li jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet ma jikkontestawx id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-kalkoli tal-valur normali, fis-sens tal-punt 135 iktar ’il fuq, jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku. Barra minn hekk, kif huma rrikonoxxew waqt is-seduta b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-istituzzjonijiet kienu kkomunikaw lir-rikorrenti l-kalkoli tad-dettall tal-valur normali għalkemm dawn tal-aħħar kienu ġew stabbiliti abbażi tal-bejgħ domestiku ta’ dan il-produttur-esportatur u ma ġewx ippreżentati, minħabba dan, ma kinux ta’ natura kunfidenzjali għal dan tal-aħħar. Bl-istess mod, kif tfakkar fil-punt 133 iktar ’il fuq, għalkemm il-Kummissjoni ħassret, fir-rigward tar-rikorrenti, il-kalkoli tal-valur normali fuq bażi ta’ tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, hija kienet, għall-kuntrarju, ikkomunikatilha l-kalkoli tal-prezzijiet tal-esportazzjoni korrispondenti.

137    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jitfakkru r-raġunijiet speċifiċi għal abbażi tagħhom il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali.

138    F’dan ir-rigward, mill-ittra elettronika tar-rikorrenti tad-19 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni, qabel xejn, wieġbet lill-produttur tal-pajjiż analogu billi indikat li, fl-opinjoni tagħha, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta minnu ma setgħetx tiġi rrinunzjata b’mod selettiv, favur partijiet ikkonċernati speċifiċi. Il-portata ta’ dawn il-proposti ma ġietx ikkontestata mill-istituzzjonijiet. Dejjem f’din l-istess ittra, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha billi wieġbet għall-motiv indikat mill-Kummissjoni lill-produttur tal-pajjiż analogu u billi ressqet, f’dan ir-rigward, żewġ argumenti. L-ewwel argument huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-kalkoli tal-marġni ta’ dumping u, konsegwentement, id-data marbuta mal-valur normali, kienu speċifiċi għall‑impriża kkonċernata. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li r-regolament bażiku ma kienx jipprevedi li l-awtorizzazzjoni speċifika tal-persuna li pprovdiet l-informazzjoni kunfidenzjali ma setgħetx tkun limitata għal parti interessata waħda biss. Barra minn hekk, filwaqt li indikat li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu inkwistjoni, hija speċifikat li hija kienet talbet lill-uffiċjal tas-seduta li jirregola l-vertenza inkwistjoni. Il-kap ta’ din it-taqsima tal-investigazzjonijiet antidumping tal-Kummissjoni u l-uffiċjal tas-seduta, adottaw pożizzjoni, kull wieħed minnhom, fil-21 ta’ Marzu 2013 fuq din l-ittra fit-termini indikati fil-punt 38 iktar ’il fuq. Mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet esprimiet pożizzjonijiet differenti minn dik esposta iktar ’il fuq fi stadju ulterjuri tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

139    Konsegwentement, l-unika raġuni invokata mill-Kummissjoni sabiex tiċħad it-talba għal żvelar tal-kalkoli tal-valur normali hija bbażata fuq in-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra inklużi fil-kampjun minbarra r-rikorrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li ma kienx possibbli għall-produttur tal-pajjiż analogu, li jirrinunzja għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huwa kien ipprovda lil parti interessata partikolari u min-naħa l-oħra, li hija stess ma setgħetx tiżvela din l-informazzjoni lir-rikorrenti biss bl-esklużjoni tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra inklużi fil-kampjun. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li din l-informazzjoni kienet tikkonċerna kemm lil dawn tal-aħħar kif ukoll lir-rikorrenti, sa fejn dawn intużaw għall-kalkolu tal-valur normali li serva bħala bażi għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping individwali ta’ dawn it-tliet produtturi. B’hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-informazzjoni ma kinitx speċifika għall-kalkolu tal-valur normali li jikkonċerna l-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti u li, konsegwentement, l-iżvelar speċifiku ta’ din l-informazzjoni lil din tal-aħħar ma kienx iġġustifikat.

140    Madankollu, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-istituzzjonijiet ippreżentaw argument marbut parzjalment ma’ motivi oħra minbarra dawk esposti fil-punt 139 iktar ’il fuq.

141    B’hekk, fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Kunsill invoka, essenzjalment, żewġ motivi oħra li abbażi tagħhom, fl-opinjoni tiegħu, servew bħala bażi għal dan ir-rifjut.

142    Minn naħa, il-Kunsill sostna li l-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu setgħet tapplika biss għall-informazzjoni trażmessa minnu lill-Kummissjoni u mhux għall-kalkoli tal-valur normali, li kienu jikkostitwixxu dokument intern tal-Kummissjoni.

143    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill sostna li l-kalkoli tal-valur normali kienu ta’ natura kunfidenzjali min-natura stess tagħhom, skont l-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku, b’tali mod li din in-natura kunfidenzjali tagħhom ma kinitx tiddependi fuq talba għal trattament kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19(5) tal-istess regolament u ma tistax tinbidel permezz tal-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu. B’hekk, minkejja din l-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni kienet obbligata, fi kwalunkwe każ, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti intiża għall-iżvelar ta’ dawn il-kalkoli. Waqt is-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni speċifikaw u kkompletaw l-argument żviluppat mill-Kunsill bil-miktub bil-għan li tintwera l-fondatezza ta’ dan il-motiv. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet indikaw, essenzjalment, li d-data tal-produttur tal-pajjiż analogu li serviet bħala bażi għal dawn il-kalkoli kienet koperta mis-sigriet kummerċjali ta’ dan tal-aħħar. Skont l-istituzzjonijiet, minn dak jirriżulta li l-iżvelar ta’ din id-data, minn naħa, kien jippreġudika l-interessi partikolari tal-kompetituri tar-rikorrenti fis-suq ikkunsidrat u, min-naħa l-oħra, kien ifixkel il-kompetizzjoni fis-suq. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-metodu tal-pajjiż analogu, il-limitazzjoni tal-informazzjoni mogħtija lill-produtturi-esportaturi kkonċernati li tirriżulta minnu hija konsegwenza loġika taċ-ċaħda tal-talba tagħha għas-SES, li hija, barra minn hekk, neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kollaborazzjoni volontarja tal-produtturi tal-pajjiżi analogi. Fl-aħħar, l-istituzzjonijiet indikaw li, fid-data li fiha l-Kummissjoni kienet ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali, hija injorat il-portata eżatta tal-informazzjoni li l-produttur tal-pajjiż analogu kien huwa stess żvela lir-rikorrenti.

144    Madankollu, ma kienx abbażi tal-motivi, wieħed jew l-ieħor, esposti fil-punti 142 u 143 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela lir-rikorrenti l-kalkoli tal-valur normali, iżda abbażi tar-raġuni esposta fil-punt 139 iktar ’il fuq, kif jirriżulta mill-iskambju tal-ittri elettroniċi ta’ bejn it-18 u l-21 ta’ Marzu 2013 (ara l-punti 35 sa 38 kif ukoll 138 iktar ’il fuq).

145    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-kalkoli tal-valur normali kienu jikkostitwixxu, b’differenza mill-informazzjoni pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu, dokumenti interni, l-istituzzjonijiet irrikonoxxew espressament, waqt is-seduta, li l-Kummissjoni ma kinitx fondata fuq dan il-motiv matul il-proċedura ta’ investigazzjoni sabiex tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-imsemmija kalkoli.

146    Huwa minnu li, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li dawn il-kalkoli kienu, min-natura tagħhom, kunfidenzjali, l-istituzzjonijiet sostnew waqt is-seduta, għall-kuntrarju, li kien għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni kienet fondata meta ħassret l-imsemmija kalkoli fil-kuntest tad-dokument ta’ informazzjoni finali. F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 133 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġġustifikat it-tħassir tal-kalkoli tal-valur normali fid-dokument ta’ informazzjoni provviżorja u fid-dokument ta’ informazzjoni finali mill-fatt li, peress li kien biss produttur tal-pajjiż analogu wieħed biss li kien ikkoopera fl-investigazzjoni, l-informazzjoni li toriġina mill-pajjiż analogu ma setgħetx tiġi żvelata fil-livell tat-tipi tal-prodott. Issa jista’ loġikament jiġi dedott, mit-termini ta’ din il-ġustifikazzjoni, li t-tħassir tal-kalkoli tal-valur normali fl-imsemmija dokumenti kellhom l-għan li ma tkunx permessa r-rikostruzzjoni tad-data sottostanti tal-unika produttur tal-pajjiż analogu li kien ikkoopera, li kienet koperta mis-sigriet kummerċjali ta’ dan il-produttur. B’hekk, jista’ jitqies li, fid-data tat-trażmissjoni tad-dokument ta’ informazzjoni finali, kien għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni kienet fondata meta ħassret il-kalkoli tal-valur normali f’dan id-dokument.

147    Madankollu, kif jirriżulta mill-iskambju tal-ittri elettroniċi ta’ bejn it-18 u l-21 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ma għamlitx iktar riferiment għal din ir-raġuni matul dan l-iskambju la prinċipalment u lanqas sussidjarjament. Għall-kuntrarju, kemm it-termini kif ukoll il-kuntest ta’ dan l-iskambju (ara l-punti 35 sa 38 kif ukoll 138 iktar ’il fuq) jidhru li jindikaw li, f’dan l-istadju tal-proċedura, il-Kummissjoni ma kinitx tintendi iktar li tibbaża ruħha fuq din ir-raġuni sabiex tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali.

148    F’dan ir-rigward, jeħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi enfasizzat li l-uffiċjal tas-seduta indika fl-ittra tiegħu tal-21 ta’ Marzu 2013 li t-“trattament nondiskriminatorju tal-partijiet [kien] jikkostitwixxi l-element essenzjali” (ara l-punt 38 iktar ’il fuq).

149    Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li, fid-data tat-trażmissjoni tad-dokument ta’ informazzjoni finali, jiġifieri l-15 ta’ Marzu 2013, il-produttur tal-pajjiż analogu ma kienx għadu awtorizza lir-rikorrenti sabiex taċċedi għad-data li dan il-produttur kien ittrażmetta lill-Kummissjoni. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 35 iktar ’il fuq, kien biss fit-18 ta’ Marzu 2013 li ngħatat din l-awtorizzazzjoni. Issa, kien wara dan il-fatt ġdid li l-Kummissjoni invokat, għall-ewwel darba, ir-raġuni bbażata fuq in-neċessità tal-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament. Minn din is-serje ta’ fatti, jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni, impliċitament, iżda neċessarjament, ikkunsidrat li, minħabba l-awtorizzazzjoni msemmija iktar ’il fuq, hija ma setgħetx iktar tinvoka fil-konfront tar-rikorrenti r-raġuni li abbażi tagħha hija kienet ħassret il-kalkoli tal-valur normali fid-dokument ta’ informazzjoni provviżorja u d-dokument ta’ informazzjoni finali, jiġifieri l-osservanza tas-sigriet kummerċjali tal-produttur tal-pajjiż analogu, iżda biss ir-raġuni bbażata fuq in-neċessità tal-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament.

150    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, billi invoka r-raġunijiet esposti fil-punt 141 iktar ’il fuq, il-Kunsill stieden, fil-realtà, lill-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi dawn ir-raġunijiet b’dawk invokati mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni sabiex tinċaħad it-talba tar-rikorrenti intiża għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att (ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C-398/13 P, Ġabra, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax tilqa’ tali stedina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2013, North Drilling vs Il-Kunsill, T-552/12, EU:T:2013:590, punt 25).

151    Barra minn hekk, il-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva, li r-rikorrenti tilmenta dwaru fil-kuntest ta’ dan l-ilment, jista’ jwassal għall-annullament tar-regolament antidumping. Konsegwentement, dan il-ksur ma jistax jiġi rregolarizzat bis-sempliċi eżami, mill-qorti tal-Unjoni, tar‑raġunijiet li jistgħu jsejsu d-deċiżjoni li tikkostitwixxi l-ksur allegat. Fil-fatt, tali eżami huwa limitat għal stħarriġ ġudizzjarju tar-raġunijiet invokati u ma jistax jissostitwixxi istruttorja sħiħa tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, ibbażata fuq evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Barra minn hekk, billi kisbet konjizzjoni, għall-ewwel darba, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tar-raġunijiet invokati mill-istituzzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma tpoġġietx mill-ġdid fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn ir-raġunijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-110/10 P, Ġabra, EU:C:2011:687, punt 51). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiddetermina l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti marbut mar-rifjut li jiġu żvelati lilha l-kalkoli tal-valur normali abbażi tar-raġunijiet li ma kienx ibbażat fuqhom dan ir-rifjut.

152    Għaldaqstant, sabiex titwettaq id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-argument tal-istituzzjonijiet li bħala tali din tista’ tkun ta’ appoġġ għall-unika raġuni invokata mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni. Għall-kuntrarju, kif tfakkar fil-punt 81 iktar ’il fuq, minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-eżistenza ta’ irregolarità marbuta mad-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat biss meta hemm il-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti u dan ma jistax jiġi kompletament eskluż. Konsegwentement, f’każ li jiġu kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt li tinvoka r-raġuni bbażata fuq in-neċessità tal-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament sabiex tirrifjuta li tiżvela lir-rikorrenti l-kalkoli tal-valur normali, ikun meħtieġ, fejn xieraq, li jiġi eżaminat jekk hija kinitx madankollu obbligata li tipproċedi bir-rifjut abbażi ta’ wieħed mir-raġunijiet invokati mill-Kunsill fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, b’tali mod li kellu jkun eskluż eżitu differenti tal-proċedura.

153    Fir-raba’ lok, b’hekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-motiv ibbażat fuq in-neċessità li tiġi osservata l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-produtturi-esportaturi l-oħra inklużi fil-kampjun setax jiġġustifika r-rifjut li jiġu żvelati l-kalkoli tal-valur normali lir-rikorrenti.

154    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif indikat fil-punt 128 iktar ’il fuq, kemm matul il-proċedura ta’ investigazzjoni kif ukoll fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti sostniet, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-kalkoli tal-valur normali, hija kienet tpoġġiet f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik ta’ produtturi-esportaturi oħra, peress li l-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu kienet tipprevedi lilha speċifikament.

155    Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, sa meta l-produttur tal-pajjiż analogu, permezz tal-ittra tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2013, awtorizza lill‑Kummissjoni li tiżvelalha l-informazzjoni li huwa kien ipprovda lil din l-istituzzjoni, il-kalkoli tal-valur normali ma setgħux jiġu kkomunikati lilha. B’mod partikolari, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti talbet din il-komunikazzjoni qabel l-imsemmija ittra.

156    Kif tfakkar fil-punt 95 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 19 u 20 tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li skontu kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li dak kollu li jirrigwarda lilha jiġi ttrattat b’mod mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-439/11 P, Ġabra, EU:C:2013:513, punt 155). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ugwali jipprojbixxi, minn naħa, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali trattament (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T-190/08, Ġabra, EU:T:2011:618, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-partijiet interessati (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Cixi Jiangnan Chemical Fiber et vs Il-Kunsill, T-537/08, EU:T:2013:428, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, dan il-prinċipju ġenerali għandu jirċievi applikazzjoni partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, li jeżiġi li d-dazju antidumping, li l-ammont tiegħu huwa adegwat għal kull każ, għandu jiġi impost b’mod nondiskriminatorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott, irrispettivament minn fejn dawn joriġinaw.

158    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, peress li d-differenza fit-trattament bejn l-esportazzjonijiet, fir-rigward tal-ġbir tad-dazju antidumping, għandha bażi legali fir-regolament bażiku, teżisti raġuni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament, b’tali mod li din tal-aħħar ma tistax titqies li tikkostitwixxi ksur tal-ugwaljanza fit-trattament [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2002, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, T-89/00, Ġabra, EU:T:2002:213, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata]. B’mod ġenerali, differenza fit-trattament tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u meta din id-differenza tkun proporzjonali mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014 Glatzel, C‑356/12, Ġabra, EU:C:2014:350, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabelxejn li jiġi rrilevat li, kif issostni r-rikorrenti, it-teżi difiża mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-iskambju tal-ittri elettroniċi ta’ bejn it-18 u l-21 ta’ Marzu 2013, li skontu ma kienx possibbli li titwarrab il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ parti interessata speċifika, ma hija appoġġjata minn ebda dispożizzjoni rilevanti tar-regolament bażiku.

160    B’hekk, qabelxejn, mill-kliem tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku ma jirriżultax li l-awtorizzazzjoni tal-persuna li tipprovdi l-informazzjoni, li hija rikjesta għall-iżvelar ta’ kull informazzjoni li għaliha din il-persuna tkun ressqet talba ta’ kunfidenzjalità, ma tistax tingħata biss fir-rigward ta’ persuna kkonċernata speċifika waħda jew iktar.

161    Sussegwentement, mir-raġunijiet ta’ kunfidenzjalità elenkati b’mod indikattiv fl-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping tista’ timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni rispettiva kemm tal-persuni li pprovdew din l-informazzjoni kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati li jista’ jkollhom aċċess għaliha. B’mod partikolari, waħda mir-raġunijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tista’ tivvantaġġa b’mod notevoli kompetitur partikolari, timplika l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni rispettiva fis-suq, minn naħa, tal-persuni li jistgħu jiġi żvantaġġati minn dan l-iżvelar u, min-naħa l-oħra, tal-partijiet ikkonċernati li jistgħu jisiltu vantaġġ minnu li jintroduċi distorsjoni tal-kompetizzjoni.

162    Kif diġà kkunisdrat il-Qorti Ġenerali, hija l-Kummissjoni li kellha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, pereżempju tan-numru ristrett ta’ impriżi preżenti fis-suq u tal-konoxxenza tajba ta’ dan is-suq li kellha l-persuna li tressaq it-talba, tevita li tiżvela data li tippermetti lil din l-impriża li minnha tiddeduċi informazzjoni kummerċjalment sensittiva li setgħet tagħmel ħsara lill-impriża li pprovdiet din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, punt 94 iktar ’il fuq, EU:T:1997:209, punt 86).

163    Ċertament, kif sostnew l-istituzzjonijiet waqt is-seduta, ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku huma marbuta mal-protezzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali, li hija intrinsikament kunfidenzjali u li, fil-prinċipju, ma jiġux żvelati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra, EU:C:1991:186, punt 112, u Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill, punt 94 iktar ’il fuq, EU:T:2013:369, punt 115).

164    Madankollu, mill-kliem tal-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku ma jirriżultax li l-protezzjoni ta’ tali informazzjoni tirrikjedi, bħala prinċipju, l-esklużjoni ta’ kull possibbiltà ta’ żvelar u, b’hekk, kull evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ parti interessata li titlob l-aċċess għal din l-informazzjoni. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 94 iktar ’il fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali ma jistax iċaħħad lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari lill-esportaturi, mill-garanziji proċedurali previsti mill-Artikolu 20 tar-regolament bażiku, u lanqas li jiżvesti mis-sustanza tagħhom id-drittijiet mogħtija lilhom skont l-istess dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, EU:C:1985:119, punt 29, u Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, punt 94 iktar ’il fuq, EU:T:2011:639, punt 59). Barra minn hekk, ġie enfasizzat fil-punt 105 iktar ’il fuq li l-kliem tal-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku kien jipprevedi li l-informazzjoni finali għandha tingħata “filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali”. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li din il-formulazzjoni tħalli lill-Kummissjoni ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tiddetermina l-mod l-iktar adatt sabiex jiġi kkonċiljat id-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mal-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni.

165    Tali interpretazzjoni tal-istituzzjonijiet lanqas ma hija appoġġjata mill-ġurisprudenza marbuta mal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali. Ċertament, skont din il-ġurisprudenza, il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Interseroh Scrap and Metals Trading, C-1/11, Ġabra, EU:C:2012:194, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dejjem skont din il-ġurisprudenza, iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta tikkostitwixxi interess pubbliku importanti li s-salvagwardja tiegħu tista’ tiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tal-informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra, EU:C:2008:91, punt 51). Madankollu, minkejja li minn dawn il-prinċipji jirriżulta li istanza amministrattiva jew ġudizzjarja għandha tkun tista’ tirrifjuta l-iżvelar ta’ informazzjoni li tippreġudika dawn l-interessi, anki billi tpoġġi dawn l-interessi qabel id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet li jkollhom interess f’dan l-iżvelar, minnhom ma jirriżultax li dik l-istanza tkun, għal dawn ir-raġunijiet, obbligata li tipproċedi b’tali rifjut fiċ-ċirkustanzi kollha. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta n-natura tal-proċedura tkun tirrikjedi dan, l-interessi ssalvagwardati mill-protezzjoni speċjali li jibbenefika minnha s-sigriet kummerċjali, għandhom jiġu bbilanċjati mad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Varec, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2008:91, punti 43 u 51). Kif tfakkar fil-punt 94 iktar ’il fuq, dan jgħodd fil-każ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni antidumping bħal dik f’dan il-każ, fatt li jimplika, anki fil-preżenza ta’ informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata b’mod assolut li tirrifjuta l-iżvelar tagħha, mingħajr evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni speċifika tal-parti interessata u kkonċernata.

166    B’mod partikolari, fir-rigward tal-għan maħsub sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkunsidrati, invokat mill-istituzzjonijiet waqt is-seduta, jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm il-fatt li impriżi jżommu informazzjoni marbuta ma’ kompetitur koperta mis-sigriet kummerċjali, bħall-prezz jew il-bejgħ, jista’ jnaqqas jew iħassar il-livell ta’ inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq bil-konsegwenza possibbli ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi, tali konsegwenzi jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, Ġabra, EU:C:2009:343, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    B’mod kuntrarju għall-impressjoni li taw l-istituzzjonijiet waqt is-seduta, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni li jitħalla lill-Kummissjoni sabiex tikkonċilja d-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma huwiex limitat għall-każijiet fejn il-parti interessata inkwistjoni tkun produttur-esportatur li ma jkunx kiseb is-SES, bħar-rikorrenti. Ċertament, kif ammettiet ir-rikorrenti stess waqt is-seduta, produttur-esportatur li ma jkunx kiseb is-SES ma jistax ikun fondat li jilmenta dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża sempliċement minħabba li l-kalkoli tal-valur normali ma jkunux ġew żvelati lilu, peress li t-tħassir ta’ dawn il-kalkoli huwa ġġustifikat min-neċessità tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigriet kummerċjali tal-produttur tal-pajjiż analogu. Madankollu, dawn il-partikolaritajiet tas-sitwazzjoni ta’ produttur-esportatur stabbilit f’pajjiż li ma għandux l-ekonomija tas-suq u li ma jkunx kiseb is-SES, ma jistgħux jiġġustifikaw trattament ta’ dan tal-aħħar li jkun differenti minn dak ta’ parti interessata oħra fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża. B’mod partikolari, bl-istess mod bħal kull parti interessata, tali produttur-esportatur ma jistax jiġi rrifjutat b’mod kategoriku f’kull talba tiegħu għal żvelar tal-kalkoli mingħajr eżami taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, sempliċement minħabba l-possibbiltà li l-għoti lilu ta’ dan l-iżvelar ikun joħloq “żbilanċ sistematiku” fir-relazzjonijiet bejn minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li jipparteċipaw fl-investigazzjoni, bħal, b’mod partikolari, il-produtturi li ma jkunux kisbu SES u l-produttur tal-pajjiż analogu.

168    Fl-aħħar, għalkemm mill-kliem tal-Artikolu 20(2) sa (4) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jipprovdu lill-partijiet kollha kkonċernati informazzjoni finali dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li huma bbażati fuqhom il-miżuri antidumping, ma jirriżultax, għall-kuntrarju, li huma jkunu fl-impossibbiltà li jiżvelaw lil parti interessata speċifika li titlobhom informazzjoni li tħalliet barra f’dik l-informazzjoni finali, peress li kellu jkollhom aċċess għaliha l-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, kif sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-informazzjoni finali tinkludi parti ġenerali, intiżi li tixxerred mal-partijiet interessati kollha, u parti speċifika, li hija marbuta ma’ kwistjonijiet partikolari li jikkonċernaw lil parti interessata inkwistjoni. Huwa għalhekk, pereżempju, li, kif indikat fil-punt 133 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ngħatat fid-dokument ta’ informazzjoni finali mibgħut lilha, il-kalkoli marbuta mal-prezzijiet tal-esportazzjoni fuq il-bażi ta’ tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott. Issa tali informazzjoni hija intiża li tkun inkluża biss fl-informazzjoni finali mxerrda lir-rikorrenti, sa fejn din tikkonċerna biss il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali tagħha mhux fl-informazzjoni finali mxerrda, b’mod partikolari, lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra inklużi fil-kampjun, li l-marġni ta’ dumping individwali tagħhom ġie kkalkolat abbażi tal-prezzijiet għall-esportazzjoni proprji tagħhom.

169    Barra minn hekk, l-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku għandu jinqara fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq li huma l-partijiet suġġetti għall-proċedura ta’ investigazzjoni antidumping li għandhom ipoġġu lill-istituzzjonijiet f’pożizzjoni li jevalwaw il-problemi li jistgħu jirriżultawlhom mill-assenza ta’ element fl-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilhom. A fortiori, tali parti interessata ma hijiex fondata li tilmenta quddiem il-qorti tal-Unjoni li hija ma ġietx ipprovduta l-informazzjoni, jekk, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni li wasslet għar-regolament antidumping kontenzjuż, hija ma tkun ressqet l-ebda talba quddiem l-istituzzjonijiet dwar din l-informazzjoni partikolari.

170    Konsegwentement, parti interessata ma tistax tiġi rrifjutata l-iżvelar ta’ informazzjoni ta’ natura li taqa’ taħt l-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku sempliċement peress li partijiet ikkonċernati oħra wkoll għandhom id-dritt li jaċċedu għaliha, jekk dawn tal-aħħar ma ppreżentawx talba f’dan is-sens. Fi kwalunkwe każ, jirriżulta minn dak li ntqal li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa t-talbiet għal aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali mressqa minn parti interessata fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari ta’ din tal-aħħar, indipendentement mis-sitwazzjoni ta’ partijiet oħra kkonċernati li għalihom tkun utli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

171    Interpretazzjoni kuntrarja għal dik esposta fil-punti 160 sa 170 iktar ’il fuq twassal għal limitazzjoni fil-prinċipju tal-informazzjoni disponibbli għall-partijiet suġġetti għal investigazzjoni antidumping li ma tkunx kompatibbli mar-rekwiżiti naxxenti, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 iktar ’il fuq, mill-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati li huma imposti fuq tali investigazzjonijiet li jistgħu jaffettwawhom b’mod dirett u individwali u li joħolqulhom konsegwenzi sfavorevoli. F’każijiet bħal dak odjern, b’mod partikolari, tali interpretazzjoni tammonta għal ċaħda sistematika fil-konfront ta’ produttur-esportatur mill-informazzjoni marbuta mal-valur normali li jkun serva għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping tiegħu, sempliċement peress li din l-informazzjoni ntużat ukoll fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping ta’ produtturi-esportaturi oħra. B’hekk din tkun twassal sabiex dan il-produttur-esportatur jiġi mċaħħad, fil-maġġoranza tal-każijiet, minn informazzjoni li tista’ tkun ta’ importanza kbira għad-drittijiet tad-difiża tiegħu, fid-dawl tal-inċidenza tal-kalkolu tal-valur normali fuq id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping tiegħu.

172    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni ttrażmettiet, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni inkwistjoni, lil produttur tal-Unjoni, informazzjoni li kienet ġiet ipprovduta lilha fuq bażi kunfidenzjali miċ-China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters (CCCMC) bl-awtorizzazzjoni speċifika ta’ din tal-aħħar. L-argument tal-Kunsill li din l-informazzjoni ma kinitx ta’ natura kunfidenzjali għall-imsemmi produttur, peress li l-kontenut tagħha kien marbut ma’ kumpannija ta’ dan il-produttur u kienet utli għad-difiża tal-interessi tiegħu, jikkonferma r-rilevanza ta’ dan l-eżempju. Fil-fatt, dan l-eżempju jikkorrobora l-interpretazzjoni esposta fil‑punti 160 sa 170 iktar ’il fuq, li ma jistax jiġi eskluż li informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi żvelata lil parti interessata b’mod partikolari, bl-awtorizzazzjoni speċifika tal-persuna li tkun ipprovdietha, jekk, wara li jkun ġew ibbilanċjati l-interessi protetti mill-kunfidenzjalità u d-drittijiet tad-difiża tal-persuna inkwistjoni, il-Kummissjoni jkollha tikkonkludi li jeħtieġ li din tiġi żvelata.

173    F’dan il-każ, għar-raġunijiet invokati fil-punti 159 sa 172 iktar ’il fuq, il-fatt invokat mill-Kummissjoni li l-kalkoli tal-valur normali inkwistjoni ma kinux intużaw biss għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, iżda wkoll għad-determinazzjoni ta’ dak ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi oħra inklużi fil-kampjun ma jistax waħdu jiġġustifika r-rifjut ta’ dan l-iżvelar.

174    Fil-fatt, minn naħa, tali raġuni, fir-realtà, twassal sabiex l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti jkun dipendenti fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra inklużi fil-kampjun, fatt li, kif jirriżulta mill-171 iktar ’il fuq, jikkostitwixxi limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet tad-difiża b’mod kuntrarju kemm għall-kliem kif ukoll għall-għanijiet tal-Artikoli 19 u 20 tar-regolament bażiku.

175    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-argument invokat mill-Kunsill li l-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali lir-rikorrenti biss u mhux lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun ikollu l-effett li dan jingħata vantaġġ kompetittiv notevoli meta mqabbel ma’ dawn tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, dan l-argument isostni li l-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku jippermetti lill-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-iżvelar tal-informazzjoni lill-parti interessata, sempliċement peress li, fl-ewwel lok, il-partijiet ikkonċernati kompetituri l-oħra, li għandhom bżonn din l-informazzjoni sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom, ma jistax ikollhom aċċess. B’hekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tirrifjuta l-iżvelar ta’ informazzjoni anki f’każ fejn, barra minn hekk, ma jkunx jirriżulta mill-elementi fil-pussess tagħha, li din l-informazzjoni tista’ tagħti vantaġġ notevoli lill-parti interessata inkwistjoni ta’ natura li jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat permezz ta’ din l-informazzjoni, bħal f’dan il-każ, is-suq Indjan. Hija tkun tista’ wkoll tipprevalixxi ruħha mill-vantaġġ kompetittiv mogħti lill-imsemmija parti kkonċernata fis-suq tal-Unjoni meta mqabbla ma’ produtturi-esportaturi oħra li jkollhom bżonn din l-informazzjoni sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom. Dan l-argument b’hekk jikkonferma li l-istituzzjonijiet jinterpretaw ir-regolament bażiku fis-sens li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jkunu limitati, bħala prinċipju, skont il-possibbiltà li jkollhom il-partijiet l-oħra kkonċernati li jeżerċitaw huma stess id-drittijiet tad-difiża tagħhom, liema interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’ għar-raġunijiet esposti fil-punti 171 u 174 iktar ’il fuq.

176    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li, ċertament, id-dazju antidumping ġie impost fuq dawn il-produtturi-esportaturi, bħalma ġie impost fuq ir-rikorrenti, abbażi ta’ marġni ta’ dumping iddeterminat b’mod individwali, skont l‑Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku. B’hekk, kif indikat il-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Marzu 2013, l-informazzjoni marbuta mal-kalkoli tal-valur normali stabbiliti abbażi tad-data pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu tikkonċerna lil dawn il-produtturi-esportaturi kollha. Madankollu, kif ikkonfermaw l-istituzzjonijiet waqt is-seduta, b’differenza mir-rikorrenti, il-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra inklużi fil-kampjun ma ppreżentaw l-ebda talba intiża sabiex jiġu żvelati lilhom il-kalkoli tal-valur normali. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-punti 169 u 170 iktar ’il fuq, id-dritt ta’ dawn tal-aħħar li jaċċedu għal dawn il-kalkoli, fi kwalunkwe każ ma jistax jiġi invokat kontra r-rikorrenti.

177    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni r-rikorrenti, il-fatt li hija ngħatat awtorizzazzjoni mill-produttur tal-pajjiż analogu sabiex tikseb aċċess għad-data ta’ dan tal-aħħar, li fuqha huma bbażati l-kalkoli tal-valur normali, jibdel oġġettivament is-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-kunfidenzjalità ta’ dawn il-kalkoli, meta mqabbla ma’ dik ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi oħra inklużi fil-kampjun.

178    Fil-fatt, huwa stabbilit li, b’differenza mir-rikorrenti, il-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra inklużi fil-kampjun ma ġewx awtorizzati mill-produttur tal-pajjiż analogu sabiex jiksbu aċċess għad-data pprovduta minn dan tal-aħħar lill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-valur normali. Issa mill-kliem tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku jirriżulta li, fl-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni, l-istituzzjonijiet huma obbligati li ma jiżvelawx informazzjoni li fir-rigward tagħha l-persuna li tkun ipprovdietha, tkun talbet trattament kunfidenzjali. Għall-kuntrarju, kif ġie rrilevat fil-punti 164 sa 168 iktar ’il fuq, mill-kliem tal-Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza, jirriżulta li, anki fil-preżenza ta’ informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali, li tkun koperta b’mod partikolari mis-sigriet kummerċjali, l-istituzzjonijiet igawdu minn ċertu marġni ta’ evalwazzjoni li jimplika, b’mod partikolari, ibbilanċjar tal-interessi protetti minn din il-kunfidenzjalità mad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati li jitolbu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni. Ċertament, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu ma tagħtihiex, dritt ipso jure ta’ aċċess għall-informazzjoni li hija titlob. Xorta jibqa’ minnu l-fatt li, b’differenza mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra inklużi fil-kampjun, hija kellha tal-inqas, minħabba din l-awtorizzazzjoni, id-dritt li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-talba tagħha abbażi ta’ bbilanċjar tad-drittijiet tad-difiża tagħha mal-interessi protetti mill-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba.

179    L-argumenti invokati mill-istituzzjonijiet intiżi sabiex jikkontestaw il-portata tal-awtorizzazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma jistgħux ipoġġu f’dubju din il-konklużjoni.

180    Fil-fatt, qabel xejn, iċ-ċirkustanza li l-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu kienet tirrigwarda, mid-definizzjoni tagħha, l-informazzjoni li huwa kien ipprovda lill-Kummissjoni u mhux il-kalkoli tal-valur normali stabbiliti abbażi ta’ din l-informazzjoni hija irrilevanti. Fil-fatt, kif irrilevat ir-rikorrenti hija stess fir-replika tagħha, iż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-kalkoli tal-valur normali matul il-proċedura ta’ investigazzjoni hija bbażata fuq il-kunfidenzjalità tad-data sottostanti pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu. B’hekk, fil-kuntest tal-iskambju tal-ittri elettroniċi ta’ bejn it-18 u l-21 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda distinzjoni bejn il-kunfidenzjalità ta’ dawn il-kalkoli u l-kunfidenzjalità tad-data sottostanti sabiex tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-iżvelar tal-imsemmija kalkoli (punti 38 u 138 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, anki fl-istadju tat-trażmissjoni tal-informazzjoni finali, il-Kummissjoni kienet indikat speċifikament li hija kienet ħassret il-kalkoli tal-valur normali minħabba n-neċessità tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu (ara l-punt 133 iktar ’il fuq).

181    Sussegwentement, l-argument tal-istituzzjonijiet, li l-awtorizzazzjoni tal-persuna li pprovdiet informazzjoni fuq bażi kunfidenzjali prevista mill-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku ma tistax ikollha effett fir-rigward tal-informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali, għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 139 sa 143 iktar ’il fuq, din l-interpretazzjoni tal-portata tal-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu ma hijiex imsejsa fuq l-istess premessa bħal dik difiża mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-iskambju tal-ittri elettroniċi ta’ bejn it-18 u l-21 ta’ Marzu hija, fir-realtà, inkompatibbli ma’ dan tal-aħħar. B’hekk, permezz ta’ dan l-argument, l-istituzzjonijiet, fir-realtà, jistiednu lill-Qorti Ġeneralili tissostitwixxi l-interpretazzjoni difiża mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, permezz tal-interpretazzjoni tagħhom, stedina li ma tistax tintlaqa’ mill-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet indikati fil-punti 150 u 151 iktar ’il fuq.

182    Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni, li l-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu ma kellha l-ebda effett fir-rigward tal-informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali, tali pożizzjoni ma tistax tintlaqa’.

183    Fil-fatt, minn naħa, mill-kliem tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-awtorizzazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tikkonċerna kull informazzjoni li fir-rigward tagħha tkun tressqet talba għal trattament kunfidenzjali, u mhux unikament l-informazzjoni li fir-rigward tagħha dan it‑trattament kunfidenzjali tqies li huwa ġġustifikat, li hija prevista fl-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku.

184    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, skont il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 19 tar-regolament bażiku, l-unika konsegwenza li l-awtoritajiet huma awtorizzati jisiltu, ex officio, min-natura mhux iġġustifikata ta’ talba għal trattament kunfidenzjali li għaliha l-persuna inkwistjoni ma tridx tirrinunzja, hija li ma tużax l-informazzjoni kkonċernata. B’hekk, anki f’din l-ipoteżi, l-assenza ta’ awtorizzazzjoni tal-persuna inkwistjoni tostakola żvelar tal-imsemmija informazzjoni.

185    B’mod kuntrarju għall-interpretazzjoni tal-istituzzjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku huwa b’hekk, fir-realtà, iktar vast u mhux iktar ristrett minn dak tal-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku.

186    Min-naħa l-oħra, id-distinzjoni stabbilita mill-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku bejn il-kategorija ta’ informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali u dik ta’ informazzjoni kunfidenzjali abbażi ta’ talba speċifika tal-persuna li tkun ipprovdietha ma jistax ikollha l-portata li jagħtuha l-istituzzjonijiet. Ċertament, din tista’ tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jipproteġu lill-ewwel waħda minn dawn il-kategoriji anki fl-assenza ta’ talba speċifika f’dan ir-rigward. Madankollu, din il-kategorija ta’ informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali tista’ tinkludi wkoll informazzjoni li għaliha tkun tressqet talba speċifika għal trattament kunfidenzjali mill-persuna li tkun ipprovdietha.

187    Huwa veru li, fid-dawl, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni speċjali tas-sigriet kummerċjali, imfakkar fil-punt 165 iktar ’il fuq, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali tiddependi essenzjalment fuq l-evalwazzjoni oġġettiva mwettqa fuq dan il-punt mill-awtorità kompetenti, b’tali mod li l-eżistenza ta’ talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tagħha ma tistax tkun determinanti. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott a contrario li l-awtorizzazzjoni tal-persuna li kienet ipprovdiet din l-informazzjoni ma tinċidix fuq id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tipproċedi jew le bl-iżvelar tagħha. Fil-fatt, mill-punti 164 sa 168 iktar ’il fuq jirriżulta li f’ċerti każijiet l-iżvelar ta’ tali informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali ma jistax jiġi eskluż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-persuna li kienet ipprovdiet din l-informazzjoni kienet awtorizzat l-iżvelar tagħha neċessarjament għandu effett, sa fejn, kif ġie espost fil-punt 178 iktar ’il fuq, mill-kliem tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku jirriżulta li huwa biss fil-preżenza ta’ tali awtorizzazzjoni li l-istituzzjonijiet huma awtorizzati li jirrilevaw l-informazzjoni inkwistjoni.

188    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem tal-Artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping, li huwa essenzjalment riprodott mill-Artikolu 19 tar-regolament bażiku, li skontu l-awtorizzazzjoni tal-persuna li kienet ipprovdiet l-informazzjoni kunfidenzjali lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tikkonċerna kemm il-kategorija ta’ informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali kif ukoll il-kategorija ta’ informazzjoni “ipprovduta fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet suġġetti għal investigazzjoni”. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-regoli tad-WTO, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi ta’ dritt derivat teħtieġ interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet (ara, s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV, C‑319/10 u C‑320/10, EU:C:2011:720, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza hija applikabbli, b’mod partikolari, fil-qasam tal-antidumping, peress li huwa stabbilit li d-dispożizzjoni kkunsidrata tar-regolament bażiku ġiet adottata sabiex timplementa obbligu partikolari aċċettat fil-kuntest tal-ftehim antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nakajima vs Il-Kunsill, punt 163 iktar ’il fuq, EU:C:1991:186, punti 29 sa 31, u tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra, EU:C:2003:4, punti 55 sa 57).

189    Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Kunsill waqt is-seduta, l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-regolament bażiku fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C-21/14 P, Ġabra, EU:C:2015:494). Fil-fatt, mill-punti 47 sa 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku kien jittraduċi l-eżerċizzju mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-kompetenza regolatorja tiegħu bl-użu ta’ approċċ adatt għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, li ma setgħetx tiġi stabbilita l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeżegwixxi, bl-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-obbligi partikolari inklużi fl-Artikolu 2 tal-ftehim antidumping (sentenza Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2015:494, punti 47 sa 53). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni f’din is-sentenza dwar il-fatt dwar jekk l-Artikolu 19 tar-regolament bażiku jittraduċix jew le l-volontà li jintuża approċċ adatt għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni distint minn dak tal-ftehim antidumping.

190    Issa mit-termini stess tal-Artikolu 19(1) u (5) tar-regolament bażiku li jirriproduċu t-termini tal-Artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni fih immanifesta l-intenzjoni tiegħu li jeżegwixxi l-obbligi partikolari naxxenti minn din id-dispożizzjoni tal-ftehim antidumping. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jadotta struttura differenti minn dik tal-Artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping, b’mod partikolari billi jirriproduċi ż-żewġ partijiet ta’ dan l-artikolu f’żewġ paragrafi differenti tal-Artikolu 19 tar-regolament bażiku, ma jistax, waħdu, jirrileva intenzjoni, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jadotta approċċ adatt għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni distint minn dak tal-ftehim antidumping. Fil-fatt, l-għażla taqa’ fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jimplementa l-obbligi naxxenti mill-Artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping, b’tali mod li ma tistax tkun ta’ natura li tostakola li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) u (5) tar-regolament bażiku fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-ftehim antidumping.

191    Fl-aħħar, irrispettivament mill-interpretazzjoni li tista’ tingħata, ma jistax jiġi lanqas aċċettat l-argument tal-istituzzjonijiet li l-awtorizzazzjoni mogħtija lir-rikorrenti mill-produttur tal-pajjiż analogu ma jikkostitwixxix kriterju oġġettiv fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 158 iktar ’il fuq, iżda kriterju suġġettiv li joriġina minn parti interessata u, minħabba f’hekk, insuffiċjenti sabiex jiġġustifika differenza ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, minn naħa, dan l-argument iwassal, fir-realtà, sabiex jiġi sostnut li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-produttur tal-pajjiż analogu ma tistax tbiddel in-natura oġġettivament kunfidenzjali tal-informazzjoni li hija pprovdiet li tirriżulta min-natura tagħha ta’ sigriet kummerċjali, fatt li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 180 sa 190 iktar ’il fuq, ma jistax jintlaqa’.

192    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li, permezz ta’ dan l-argument, l-istituzzjonijiet jintendu li jsostnu li din l-awtorizzazzjoni ma tingħatax mill-produttur tal-pajjiż analogu abbażi tal-evalwazzjoni oġġettiva tiegħu tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni fir-rigward tar-rikorrenti, iżda abbażi tar-relazzjoni suġġettiva tiegħu ma’ din tal-aħħar, fil-kwalità ta’ sħab kummerċjali, dan xorta għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku, ir-raġunijiet għall-awtorizzazzjoni tal-persuna li kienet ipprovdiet l-informazzjoni fuq bażi kunfidenzjali, prevista minn din id-dispożizzjoni, ma jinċidux fuq il-portata ta’ din l-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 178 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni, meta ma tkunx ingħatat din l-awtorizzazzjoni, irrispettivament, barra minn hekk, miċ-ċirkustanzi. L-unika kundizzjoni partikolari għal din l-awtorizzazzjoni, li hija prevista minn din id-dispożizzjoni, hija li din tkun speċifika, jiġifieri espliċita. Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li, f’dan il-każ, il-produttur tal-pajjiż analogu awtorizza lir-rikorrenti sabiex tikseb aċċess għall-informazzjoni li huwa pprovda lill-Kummissjoni abbażi tas-sħab kummerċjali tiegħu ma’ din l-impriża, din iċ-ċirkustanza ma tistax tostakola lil din l-awtorizzazzjoni milli titqies li hija tpoġġi lir-rikorrenti f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra inklużi fil-kampjun. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, għalhekk ma jistax jiġi allegat li r-rikorrenti riedet tpoġġi f’dubju l-allegat “bilanċ sistematiku” li kien ġie stabbilit mir-regolament bażiku minħabba li hija pprevalixxiet ruħha minn awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali konċessa mill-produttur tal-pajjiż analogu esklużivament abbażi tar-relazzjoni tagħhom ta’ sħab kummerċjali.

193    Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-motiv ibbażat fuq in-neċessità li tiġi osservata l-ugwaljanza fit-trattament sabiex tiċħad it-talba tar-rikorrenti sabiex jiġu żvelati lilha l-kalkoli tal-valur normali. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, billi adottat din id-deċiżjoni, kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 136 iktar ’il fuq, ma huwiex ikkontestat li dawn il-kalkoli kienu jikkostitwixxu, f’dan il-każ, kunsiderazzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku, li jistgħu jiġu kkomunikati liha bil-għan li tkun f’pożizzjoni li ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi. In-natura żbaljata tar-raġuni invokata mill-Kummissjoni sabiex tirrifjutalha l-aċċess għal dawn il-kalkoli b’hekk tikkostitwixxi, fiha nnifisha, ksur ta’ dawn id-drittijiet li ma jistax, għar-raġunijiet esposti fil-punti 150 u 151 iktar ’il fuq, jiġi rregolarizzat permezz tal-eżistenza ta’ raġunijiet oħra għar-rifjut, bħal dawk invokati mill-istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

194    Madankollu, fil-ħames lok, jeħtieġ li jiġi vverifikat b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 81 iktar ’il fuq, jekk, kif issostni r-rikorrenti, kinitx teżisti possibbiltà li, minħabba l-irregolarità kkonstatata fil-punt 193 iktar ’il fuq, il-proċedura amministrattiva kienet twassal għal riżultat differenti, b’mod li b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li r-rikorrenti ma hijiex obbligata li turi li d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet kienet tkun differenti, iżda sempliċement li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li hija setgħet tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità proċedurali kkonstatata (sentenzi Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2009:598, punti 81 u 94, u Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NRTP, punt 81 iktar ’il fuq, EU:C:2012:78, punti 78 u 79).

195    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li, fl-assenza tal-irregolarità kkonstatata fil-punt 193 iktar ’il fuq, il-proċedura setgħet ikollha eżitu differenti, peress li hija setgħet analizzat id-determinazzjonijiet fit-terminu u setgħet ifformulat osservazzjonijiet dwar il-kalkoli. Bl-istess mod, fl-opinjoni tagħha, hija setgħet tirrileva żbalji u tipprovdi evidenza ta’ aġġustamenti oħra minbarra dawk li invokat.

196    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata, fi kwalunkwe każ, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti intiża għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali għal waħda mir-raġunijiet invokati mill-istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u esposti fil-punti 142 u 143 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li l-eżitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni kien ikun differenti, fl-assenza ta’ irregolarità bħal dik ikkonstatata fil-punt 193 iktar ’il fuq, għandha tiġi eskluża fil-każ li d-dispożizzjonijiet applikabbli tar-regolament bażiku jkun jipprojbixxi, fi kwalunkwe każ, lill-Kummissjoni milli tilqa’ t-talba tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2009:598, punt 109). Fi kliem ieħor, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, minkejja n-natura żbaljata tar-raġuni bbażata fuq l-ugwaljanza fit-trattament li straħet fuqha l-Kummissjoni f’dan il-każ, hija kellhiex, fi kwalunkwe każ, marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tilqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali, minħabba n-natura tagħhom ta’ dokument intern, fis-sens tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku, jew minħabba n-natura intrinsikament kunfidenzjali tagħhom, fis-sens tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu.

197    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan ma kienx il-każ hawnhekk.

198    Minn naħa, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku jippermetti lill-istituzzjonijiet li jikkomunikaw dokumenti interni meta l-iżvelar tagħhom ikun previst espressament minn dan ir-regolament. B’mod partikolari, fid-dawl tal-għan ta’ konċiljazzjoni tar-rekwiżiti imperattivi ta’ kunfidenzjalità u tad-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 94 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-iżvelar tad-dokumenti interni huwa previst espressament mir-regolament bażiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dawn id-dokumenti jkunu jinkludu kunsiderazzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku. Issa, f’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 136 iktar ’il fuq, huwa stabbilit li l-kalkoli tal-valur normali kienu jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku, li jistgħu jiġu żvelati lir-rikorrenti. Barra minn hekk, huwa kkonstatat ukoll li, kif irrikonoxxew l-istituzzjonijiet waqt is-seduta, għalkemm il-kalkoli tal-valur normali kienu ġew ibbażati fuq il-prezzijiet interni tar-rikorrenti, f’każ li din tkun kisbet is-SES, il-Kummissjoni kienet tkun f’pożizzjoni li tiżvelalha dawn il-kalkoli. Konsegwentement, jekk jiġi preżunt li l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-kalkoli bħala dokument intern, fis-sens tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku, hija legalment korretta, din ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, ikollha bħala konsegwenza f’dan il-każ l-obbligu tal-Kummissjoni li ma tiżvelax il-kalkoli tal-valur normali lir-rikorrenti.

199    Min-naħa l-oħra, kif ġie espost fil-punti 164 u 165 iktar ’il fuq, la mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 19 tar-regolament bażiku maħsuba sabiex jissalvagwardaw l-interessi protetti mill-kunfidenzjalità tal-informazzjoni użata matul investigazzjoni antidumping u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-protezzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali kienet tirrikjedi l-esklużjoni, bħala prinċipju, ta’ kull żvelar ta’ din l-informazzjoni lill-partijiet interessati, indipendentement miċ-ċirkustanzi. B’mod partikolari, jeħtieġ li tiġi evalwata s-sitwazzjoni partikolari tal-parti interessata fir-rigward ta’ din l-informazzjoni u, b’mod partikolari, il-pożizzjoni li din il-parti interessata tokkupa fis-suq ikkunsidrat meta mqabbla ma’ dik tal-persuna li kienet ipprovdiet din l-informazzjoni fuq is-suq ikkunsidrat. Barra minn hekk, l-interessi ssalvagwardati mill-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali għandhom jiġu bbilanċjati mad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati.

200    Konsegwentement, f’dan il-każ, il-fatt li l-informazzjoni pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu kienet koperta mis-sigriet kummerċjali ma jistax waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata, fi kwalunkwe każ, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali. Din il-konklużjoni ma tistax, evidentement, tiġi kkontestata mill-argument tal-istituzzjonijiet li, fid-data li fiha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali, hija kienet injorat il-portata tal-informazzjoni li l-produttur tal-pajjiż analogu kien huwa stess ipprovda lir-rikorrenti. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, kif enfasizzat, barra minn hekk, ir-rikorrenti waqt is-seduta, fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), il-produttur tal-pajjiż analogu kien indika li huwa kien ittrażmetta huwa stess lir-rikorrenti l-informazzjoni li huwa kien awtorizza lill-Kummissjoni li tiżvela lil din tal-aħħar. Konsegwentement, xejn ma kien iżomm lill-Kummissjoni milli titlob lir-rikorrenti li din tal-aħħar tikkomunikalha d-dokumenti li l-produttur tal-pajjiż analogu kien ittrażmettielha sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tivverifika l-portata tal-informazzjoni li r-rikorrenti kellha dak il-ħin.

201    Preliminarjament ukoll, jeħtieġ ukoll li jitwarrab l-argument tal-Kunsill li, fl-assenza ta’ kull talba min-naħa tar-rikorrenti intiża sabiex l-uffiċjal tas-seduta jivverifika d-data u l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni, hija ma kinitx stabbilixxiet li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

202    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2012/199, iċċitat fil-punt 37 iktar ’il fuq, jipprevedi li, fuq talba ta’ parti interessata, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jeżamina informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali u li ma tistax titqassar, li għaliha dik il-parti ma għandhiex aċċess, sabiex jivverifika kif dik l-informazzjoni ntużat mid-dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni. Din id-dispożizzjoni tispeċifika, barra minn hekk, li l-uffiċjal tas-seduta għandu jindika lill-parti li tressaq it-talba tagħha jekk, fl-opinjoni tiegħu, l-informazzjoni mhux ikkomunikata lil din il-parti hijiex rilevanti għad-difiża tagħha u jekk, fejn xieraq, id-dipartimenti tal-investigazzjoni ħadux inkunsiderazzjoni din informazzjoni b’mod korrett fil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażaw il-konklużjonijiet tagħhom.

203    Issa l-fatt li r-rikorrenti ma rrikorrietx għall-uffiċjal tas-seduta sabiex dan iwettaq il-verifika prevista mill-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2012/199, f’dan il-każ, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, kif juri l-kontenut tagħha kif tfakkar fil-punt 202 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss l-informazzjoni li hija ta’ natura intrinsikament kunfidenzjali għall-parti interessata li tirrikorri għall-uffiċjal tas-seduta u li għaliha minħabba dan il-fatt, ma għandhiex id-dritt taċċedi. Issa, kif ġie konkluż fil-punt 193 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni valida sabiex tiġġustifika l-kunfidenzjalità tal-kalkoli tal-valur normali fir-rigward tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li din tal-aħħar ma talbitx lill-uffiċjal tas-seduta li jivverifika dawn il-kalkoli.

204    Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, b’paragun mal-livell ta’ informazzjoni li kellha r-rikorrenti fid-data li fiha ġiet miċħuda t-talba tagħha għal żvelar tal-kalkoli tal-valur normali, jiġifieri l-21 ta’ Marzu 2013, hija setgħetx, kif hija ssostni, tippreżenta osservazzjonijiet addizzjonali, b’mod partikolari billi tidentifika żbalji jew bill tipproponi aġġustamenti ġodda, b’tali mod li l-eżitu tal-proċedura seta’ kien differenti.

205    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 26, 27, u 32 sa 34 iktar ’il fuq, l-informazzjoni żvelata mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni kienet tinkludi indikazzjonijiet relattivament preċiżi fuq il-metodu segwit għad-determinazzjoni tal-valur normali kif ukoll fuq id-data, tipi ta’ prodott b’tip ta’ prodott, marbuta mal-bejgħ għall-esportazzjoni tar-rikorrenti li ġiet ipparagunata mal-kalkoli tal-valur normali. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 35 iktar ’il fuq, il-produttur tal-pajjiż analogu ttrażmetta lir-rikorrenti d-data interna li huwa kien ipprovda lill-Kummissjoni, b’mod partikolari d-data kontabbli u d-data ddettaljata marbuta mal-prezzijiet fis-suq Indjan, u li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqha sabiex tikkalkula l-valur normali.

206    Abbażi ta’ dawn l-elementi, b’kont meħud, barra minn hekk, tat-tagħrif espert ekonomiku u fil-kontabbiltà li normalment ikollha impriża bħar-rikorrenti, din tal-aħħar kienet, bħala prinċipju, f’pożizzjoni, li twettaq il-kalkoli proprji tagħha fir-rigward tal-valur normali u li tipparaguna r-riżultat finali ma’ dak miksub minn din l-istituzzjoni abbażi tal-istess data. Sa fejn, barra minn hekk, il-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni, kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrenti fid-dokument ta’ informazzjoni finali, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni, b’mod assolut, li tistabbilixxi l-kalkolu proprju tagħha fir-rigward tal-marġni ta’ dumping tagħha fuq il-bażi ta’ tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott, fatt li hija, barra minn hekk, irrikonoxxiet waqt is-seduta.

207    B’dan, għandu jiġi kkonstatat li l-kisba tal-kalkoli tal-valur normali mwettqa mill-Kummissjoni kienet, evidentement, tikkostitwixxi għar-rikorrenti gwadann sostanzjali ta’ informazzjoni li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien ta’ natura li jippermettilha li tressaq osservazzjonijiet iktar rilevanti minn dawk li kienet diġà ressqet.

208    Qabelxejn, evidentement, id-dispożizzjoni tal-kalkoli ddettaljati mwettqa mill-Kummissjoni u mhux biss tad-data użata għal dawn il-kalkoli hija, b’mod ġenerali, ta’ natura li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jipprovdu osservazzjonijiet iktar utli għad-difiża tagħhom. Fil-fatt, huma jistgħu għalhekk jivverifikaw speċifikament il-mod kif il-Kummissjoni użat din id-data u jipparagunawha mal-kalkoli proprji tagħhom, fatt ta’ natura li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ żbalji eventwali min-naħa tal-Kummissjoni li kieku jibqgħu mhux identifikabbli. Barra minn hekk, il-prassi tal-istituzzjonijiet turi li huma stess jikkunsidraw li l-fatt li l-partijiet interessati jkollhom, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, il-kalkoli ddettaljati huwa ta’ natura li jippermettilhom li jeżerċitaw utilment id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fil-fatt, kif irrikonoxxew waqt is-seduta b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-istituzzjonijiet abitwalment jikkomunikaw lill-produtturi-esportaturi, il-kalkoli ddettaljati tal-valur normali meta dawn tal-aħħar ikunu stabbiliti fuq il-bejgħ intern ta’ dawn il-produtturi-esportaturi. Bl-istess mod, kif tfakkar fil-punt 205 iktar ’il fuq, għalkemm il-Kummissjoni ħassret, fir-rigward tar-rikorrenti, il-kalkoli tal-valur normali fuq il-bażi ta’ tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, hija, għall-kuntrarju, ikkomunikatilha l-kalkoli tal-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tat-tip ta’ prodott.

209    Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, l-assenza ta’ aċċess tar-rikorrenti għall-kalkoli tal-valur normali kienet ta’ natura li tillimita b’mod sostanzjali l-kapaċità tagħha li tressaq l-osservazzjonijiet rilevanti b’mod iktar effettiv meta mqabbel ma’ dak li setgħet tagħmel kieku kellha dawn il-kalkoli.

210    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti kellha biss terminu limitat ħafna sabiex tieħu vantaġġ mid-data tal-produttur tal-pajjiż analogu. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 35 iktar ’il fuq, dan tal-aħħar awtorizza lill-Kummissjoni li tiżvela din id-data u fl-istess ħin ikkomunikaha lir-rikorrenti fit-18 ta’ Marzu 2013. Barra minn hekk, fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tingħata aċċess għall-kalkoli tal-valur normali. Konsegwentement, sa fejn it-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għall-partijiet interessati sabiex iressqu l-osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, kien jiskadi fil-25 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti kellha biss massimu ta’ sebat ijiem sabiex tieħu vantaġġ mid-data tal-produttur tal-pajjiż analogu. Evidentement, f’dan it-terminu kien diffiċli għar-rikorrenti li tirrikostitwixxi anki parti mill-kalkoli tal-valur normali, meta jitqies, kif enfasizzat hija stess waqt is-seduta, in-numru kbir ħafna ta’ tipi ta’ prodott li kienu ġew ikkunsidrati għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet mhux ikkontestati tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar id-dokument ta’ informazzjoni fid-data tal-25 ta’ Marzu 2013, dan in-numru kien jammonta għal 1 645 (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Konsegwentement, li kieku r-rikorrenti kellha, f’dan l-istess terminu, il-kalkoli tal-valur normali mwettqa mill-Kummissjoni, hija kienet tkun f’pożizzjoni li tidentifika ċerti żbalji jew ċerti differenzi bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-kalkoli proprji tagħha jew, tal-inqas, li tidentifikahom iktar malajr.

211    Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat ir-rikorrenti, essenzjalment, waqt is-seduta, il-fatt li hija ma kellhiex, f’dan il-każ, ċerta informazzjoni li tikkonċerna l-metodoloġija tal-kalkolu huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-eżitu tal-proċedura setax ikun differenti fil-każ li l-Kummissjoni kienet żvelat il-kalkoli tal-valur normali. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 119 u 120 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, fit-18 ta’ Marzu 2013, kellha biss konoxxenza ġenerali tal-metodu użat għall-kalkolu tal-valur normali tat-tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza. Hija injorat b’mod partikolari, f’dik id-data, liema suq u liema prezz ta’ riferiment intużaw mill-Kummissjoni bil-għan li tikkalkula l-valur tas-suq tal-aġġustament tal-valur normali ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti meħtieġ mid-differenzi tal-karatteristiċi fiżiċi bejn dawn it-tipi ta’ prodotti u t-tipi ta’ prodotti korrispondenti. Issa, kif irrilevat fil-punt 120 iktar ’il fuq, dawn it-tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza jirrappreżentaw, minn naħa, 83 % tat-tipi kollha tal-prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tagħha u, min-naħa l-oħra, iktar minn 40 % tal-volum totali tal-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni. Kieku r-rikorrenti kellha fil-pussess tagħha l-kalkoli tal-valur normali fuq il-bażi ta’ tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott, hija kienet tkun f’pożizzjoni, tal-inqas, li tressaq osservazzjonijiet fuq ir-riżultati li wassal għalihom dan il-metodu. Ir-rikorrenti b’hekk setgħet, fejn xieraq, tipparaguna dawn ir-riżultati mar-riżultati proprji tagħha miksuba abbażi ta’ metodu ieħor. B’dan, hija kienet tkun f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod iktar preċiż il-metodu użat mill-Kummissjoni u hekk kien ikollha, b’hekk, iktar opportunitajiet li l-oġġezzjonijiet tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fatt li ma seħħx f’dan il-każ.

212    Fl-aħħar, kif fakkret ir-rikorrenti hija stess waqt is-seduta, hija ppreżentat, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni, għadd ta’ osservazzjonijiet abbażi tal-informazzjoni li hija kellha diġà, li ftit minnhom wasslu għal tibdil fil-metodoloġija tal-kalkolu tal-valur normali. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, kien wara l-osservazzjonijiet tagħha li l-istituzzjonijiet aċċettaw, minn naħa, li jikkalkolaw il-valur normali marbut mal-marġni ta’ dumping tagħha abbażi tal-bejgħ intern tal-produttur tal-pajjiż analogu u mhux billi jibnu dan il-valur normali u, min-naħa l-oħra, li jieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-marġni ta’ dumping, it-tipi ta’ prodott mhux korrispondenti u, b’hekk, li jiddeterminaw valur normali għal dawn it-tipi ta’ prodott. Għaldaqstant, huwa leġittimu li jiġi preżunt li, li kieku r-rikorrenti kellha fil-pussess tagħha l-kalkoli tal-valur normali fil-livell tat-tip ta’ prodott, li kienu jikkostitwixxu, kif ġie rrilevat fil-punti 207 sa 211 iktar ’il fuq, gwadann sostanzjali ta’ informazzjoni, hija kienet tagħmel l-aħjar li tista’ sabiex tieħu vantaġġ minn din l-informazzjoni b’mod utli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

213    Għaldaqstant, għar-raġunijiet kollha ppreżentati fil-punti 207 sa 212 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li, li kieku ntlaqgħet it-talba tar-rikorrenti marbuta mal-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali, l-eżitu tal-proċedura seta’ kien differenti.

214    L-argumenti ppreżentati mill-istituzzjonijiet ma jippermettux li tiġi kkontestata din il-konklużjoni. Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-punt 81 tas-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq (EU:C:2009:598), sabiex isostnu li hija r-rikorrenti li għandha turi li l-eżitu tal-proċedura kien ikun differenti, li kieku hija kellha l-kalkoli tal-valur normali għad-dispożizzjoni tagħha. Fil-fatt, huwa ċertament minnu li, fil-punt 81 tas-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq (EU:C:2009:598), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-prinċipju li huwa r-rikorrent li għandu juri li teżisti possibbiltà li, minħabba l-irregolarità proċedurali li huwa jilmeta dwarha, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, b’mod li din b’hekk taffettwa d-drittijiet tad-difiża tiegħu b’mod konkret. Madankollu, fil-punt 94 tal-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat il-portata ta’ dan il-prinċipju billi indikat li jirriżulta mill-ġurisprudenza li dan l-obbligu ma jistax ikollu l-effett li jimponi fuq ir-rikorrent l-obbligu li juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress li huwa kien ikunu jista’ jiddefendi ruħu aħjar fl-assenza tal-irregolarità proċedurali inkwistjoni (ara s-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2009:598, punti 81 sa 94).

215    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tintalab turi, abbażi tad-data li hija kellha, li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali sabiex tkun tista’ tikkonkludi li l-eżitu tal-proċedura seta’ kien differenti kieku kien ġew żvelati lilha l-kalkoli tal-valur normali.

216    Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-fatt li, barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 211 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellha biss konoxxenza pjuttost ġenerali tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż li ċerti żbalji setgħu jiġu identifikati biss permezz ta’ analiżi tal-kalkoli tal-valur normali fuq il-bażi ta’ tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott.

217    Min-naħa l-oħra, kif irrilevat fil-punt 210 iktar ’il fuq, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti kienet tkun f’pożizzjoni li tidentifika dawn l-iżbalji abbażi tad-data tal-produttur tal-pajjiż analogu, ma kinitx neċessarjament tkun fil-pożizzjoni li tidentifikahom daqshekk malajr, fatt li, fid-dawl tat-terminu li hija kellha, seta’ jkun determinanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

218    Huwa għalhekk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-fatt allegat mill-istituzzjonijiet li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żbalji fid-determinazzjoni tal-valur normali, ma jistax jitqies, fi kwalunkwe każ, li huwa element suffiċjenti sabiex tiġi eskluża kull possibbiltà li l-eżitu tal-proċedura seta’ kien differenti.

219    Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet, ma jistax jitqies li huwa rilevanti l-fatt invokat mill-Kunsill li, fi kwalunkwe każ, il-partijiet ikkonċernati kellhom biss għaxart ijiem sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom wara l-komunikazzjoni tal-informazzjoni finali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, jirriżulta minn dak li ntqal li, f’dan il-każ, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk, fit-terminu li kellha r-rikorrenti b’mod konkret, li kien, barra minn hekk inferjuri għat-terminu ta’ għaxart ijiem imsemmi iktar ’il fuq mill-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, l-aċċess għall-kalkoli tal-valur normali kienx jista’ jippermettilha li teżerċita aħjar id-drittijiet tad-difiża tagħha meta mqabbel mal-aċċess li kien limitat għad-data sottostanti għal dawn il-kalkoli.

220    Fl-aħħar, fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza tal-ksur ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 193 iktar ’il fuq, l-eżitu tal-proċedura setax ikun differenti, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt allegat mill-Kunsill li r-rikorrenti kellha, fi kwalunkwe każ, livell ta’ informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita utilment id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, tali element jista’ jinfluwenza biss, fejn applikabbli, il-kwistjoni dwar jekk twettaqx ksur jew le. Fi kwalunkwe każ, kif ġie rrilevat fil-punt 139 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, sabiex tirrifjuta li tikkomunika l-kalkoli tal-valur normali, ibbażat ruħha fuq l-unika raġuni li żvelar speċifiku ta’ din l-informazzjoni lir-rikorrenti ma kienx prevedibbli minħabba n-neċessità li tiġi osservata l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-produtturi-esportaturi l-oħra inklużi fil-kampjun. B’hekk, dan ir-rifjut ma huwiex fondat fuq iċ-ċirkustanza li l-livell ta’ informazzjoni li kellha r‑rikorrenti kien suffiċjenti sabiex din tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, kif irrilevat fil-punt 208 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet huma stess jikkunsidraw b’mod ġenerali li, bla ħsara għan-neċessità li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, il-kalkoli tad-dettall li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping ta’ operatur jikkostitwixxu informazzjoni utli għad-difiża tal-interessi ta’ dan tal-aħħar u li jeħtieġ, għal din ir-raġuni, jiġu inklużi fid-dokumenti ta’ informazzjoni provviżorji u finali.

221    Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel ilment tal-ewwel motiv huwa fondat u li hemm lok, abbażi ta’ dan l-ilment, li jintlaqa’ dan il-motiv. Għaldaqstant ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati t-tieni, it-tielet u l-ħames motiv.

 Fuq l-ispejjeż

222    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

223    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

224    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. Barra minn hekk, bħala istituzzjoni intervenjenti, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013, tat-13 ta’ Mejju 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja, huwa annullat sa fejn dan japplika għal Jinan Meide Casting Co. Ltd.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti minn Jinan Meide Casting Co. Ltd.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Ġunju 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Fatti rilevanti tal-proċedura ta’ investigazzjoni preċedenti għar-regolament provviżorju

Regolament provviżorju u dokument ta’ informazzjoni provviżorja

Skambji bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni wara r-regolament provviżorju

Skambji bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni wara d-dokument ta’ informazzjoni finali

Regolament ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq ir-raba’ motiv

Fuq l-ewwel motiv

Kunsiderazzjonijiet preliminari

Fuq it-tieni lment

Fuq it-tielet ilment

Fuq l-ewwel ilment

Fuq l-ispejjeż


1* Lingwa tal-proċedura : l-Ingliż.