Language of document : ECLI:EU:T:2016:378

Kawża T‑424/13

Jinan Meide Casting Co. Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Trattament kunfidenzjali tal-kalkoli tal-valur normali – Informazzjoni mogħtija tempestivament – Terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Drittijiet tad-difiża – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività – Artikolu 2(7) sa (11), Artikolu 3(1) sa (3), Artikolu 6(7), Artikolu 19(1) sa (5), u Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Regoli proċedurali – Regoli sostantivi – Distinzjoni – Applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 1168/2012, li jemenda r-regolament bażiku Nru 1225/2009 – Tibdil tat-terminu sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Applikazzjoni għal deċiżjoni adottata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1168/2012 – Inammissibbiltà

[Regolament Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 1(1)(a) u (2); Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c)]

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq bħal dawk previsti fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 1225/2009 – Proċedura ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu li produttur ikun jista’ jibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Terminu – Natura imperattiva

[Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c)]

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Forza maġġuri – Kunċett

4.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Irregolarità proċedurali – Possibbiltà li jinkiseb l-annullament ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping definittivi sempliċiment bil-wiri tal-possibbiltà ta’ deċiżjoni differenti fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009)

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jiġu informati u li josservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzoni billi jibbilanċjaw dawn l-obbligi – Osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu tal-istituzzjonijiet li josservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1) u (2); Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 6(7), (19), u (20)

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jiġu informati – Portata – Informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni mill-produttur tal-pajjiż analogu li ma tistax tintuża matul l-investigazzjoni – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 6(7))

7.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jiġu informati – Portata – Obbligu tal-Kummissjoni u twieġeb bil-miktub għal talba għal speċifikazzjoni dwar l-informazzjoni inkluża fid-dokument finali ta’ informazzjoni u li tosserva terminu ta’ xahar qabel it-trażmissjoni tal-proposta ta’ regolament definittiv – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 15 u 20(4))

8.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Portata – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jaderixxu mal-perspettiva tal-partijiet ikkonċernati – Assenza – Obbligu li tingħata tweġiba għall-argumenti kollha tal-partijiet – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009)

9.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Stħarriġ ġudizzjarju – Teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunijiet li ma jikkostitwixxux il-bażi tal-att li wassal għall-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża – Inammissibbiltà

10.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-impriżi mill-Kummissjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 19 u 20)

11.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-impriżi mill-Kummissjoni – Possibbiltà ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lil parti kkonċernata speċifika bl-awtorizzazzjoni speċifika tal-persuna li tkun ipprovdietha

(Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim dwar it-tariffi u l-kummerċ, “ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 6.5 ; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 19(1) u (5), u Artikolu 20(2) u (4)

12.    Ftehimiet internazzjonali – Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Gatt tal-1994 – Obbligu li l-atti tad-dritt derivat jiġu interpretati b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet – Applikazzjoni fil-qasam tal-antidumping

(Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim dwar it-tariffi u l-kummerċ, “ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 6.5 ; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 19(1) u (5))

1.      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1168/2012 (ir-“regolament emendatorju”) li jemenda r-Regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, jipprevedi li r-regolament emendatorju huwa applikabbli għal kull investigazzjoni futura jew pendenti sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Barra minn hekk, it-tibdil tat-terminu għad-deċiżjoni dwar is-SES introdott mill-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament kien ikun applikabbli għal kull investigazzjoni pendent sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu anki fin-nuqqas ta’ dan l-Artikolu 2, peress li dan huwa tibdil ta’ regola tal-proċedura.

B’hekk, it-tibdil imsemmi iktar ’il fuq tat-terminu għad-deċiżjoni dwar is-SES kien, bħala prinċipju, applikabbli, fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping pendenti, għal kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk impriża kinitx tissodisfa l-kriterji sabiex tikseb is-SES, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku antidumpiung, u li tkun ġiet adottata fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu jew f’data sussegwenti.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 2 tar-regolament emendatorju ma jistax ikollu l-effett li jirrendi l-Artikolu 1(1)(a) tar-regolament emendatorju applikabbli għal deċiżjoni dwar is-SES adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt dan ikun iwassal sabiex din id-dispożizzjoni tingħata effett retroattiv, li ma jirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 2 tar-regolament emendatorju. Barra minn hekk, għalkemm ir-regoli l-ġodda, b’mod partikolari r-regoli proċedurali, jistgħu jindirizzaw sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi taħt ir-regoli preċedenti, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda għandha madankollu tosserva l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività għandha l-konsegwenza, b’mod partikolari, li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha, fil-prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ dan l-att li kien fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar.

(ara l-punti 66-68)

2.      Is-sempliċi ċirkustanza li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà, u anki l-obbligu, li tirrevedi deċiżjoni inizjali dwar l-istatus ta’ kumpannija li topera f’ekonomija tas-suq (SES) li tkun ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni ma tinċidix fuq l-obbligu tagħha li tosserva t-terminu stabbilit mir-regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, sabiex tadotta tali deċiżjoni inizjali. Barra minn hekk, il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku anitdumping ma jinkludi l-ebda indikazzjoni li tippermetti li t-terminu previst minnu jingħata natura purament indikattiva. Konsegwentement, l-osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur sabiex tingħata deċiżjoni dwar is-SES, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku antidumping, ma tikkostitwixxix, għall-Kummissjoni, sempliċi fakultà, iżda obbligu.

(ara l-punti 70-72)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 76)

4.      Fil-qasam tad-dumping, l-eżistenza ta’ irregolarità marbuta mad-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat biss sa fejn ma tkunx tista’ tiġi kompletament eskluża l-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, li b’hekk jiġu affettwati konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tressaq it-talba.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma hijiex obbligata li turi li d-deċiżjoni tal-istituzzjoniijet kienu jkunu differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress li hija kienet tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha aħjar fl-assenza tal-irregolarità proċedurali kkonstatata.

(ara l-punti 81, 152, 194, 214)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 92-97, 103, 105)

6.      Fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping, il-Kummissjoni la tikser l-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea u lanqas id-drittijiet tad-difiża ta’ rikorrenti, billi ma tippermettix lir-rikorrenti li tikkonsulta komunikazzjonijiet mibgħuta permezz ta’ ittri elettroniċi, li jirrigwardaw biss id-diffikultajiet li l-produttur tal-pajjiż analogu tal-esportazzjoni jaffaċċja sabiex jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott li l-importazzjonijiet tiegħu jkunu suġġetti għad-dazju antidumping kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-Kummissjoni intiżi li jindirizzaw dawn id-diffikultajiet. Fil-fatt, tali komunikazzjonijiet ma jinkludux, fihom stess, informazzjoni li ġiet ipprovduta minn dan il-produttur lill-Kummissjoni u li ntużaw matul l-investigazzjoni kif jirrikjedi l-Artikolu 6(7) tar-regolamenti bażiku antidumping bil-għan li tkun permessa l-konsulatazzjoni tagħhom.

(ara l-punti 111, 114)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 120-122, 124, 125)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 126)

9.      Meta waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tistieden lill-Qorti Ġenerali lill-Qorti Ġenerali tissostitwixxi raġunijiet b’dawk invokati minn waħda mill-istituzzjonijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni intiża għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping sabiex tinċaħad it-talba tar-rikorrenti intiża għall-iżvelar tal-kalkoli tal-valur normali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att.

Barra minn hekk, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva relatata ma’ prattiċi ta’ dumping jista’ jwassal għall-annullament tar-regolament antidumping. Konsegwentement, dan il-ksur ma jistax jiġi rregolarizzat bis-sempliċi eżami, mill-qorti tal-Unjoni, tar‑raġunijiet li jistgħu jsejsu d-deċiżjoni li tikkostitwixxi l-ksur allegat. Fil-fatt, tali eżami huwa limitat għal stħarriġ ġudizzjarju tar-raġunijiet invokati u ma jistax jissostitwixxi istruttorja sħiħa tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, ibbażata fuq evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Barra minn hekk, billi kisbet konjizzjoni, għall-ewwel darba, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tar-raġunijiet invokati mill-istituzzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma tpoġġietx mill-ġdid fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn ir-raġunijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-parti kkonċernata marbut mar-rifjut li jiġu żvelati lilha, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, il-kalkoli tal-valur normali abbażi tar-raġunijiet li ma kienx ibbażat fuqhom dan ir-rifjut.

(ara l-punti 150, 151)

10.    Fil-kuntest tal-applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 19 u 20 tar-regolament bażiku antidumping dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u dak ta’ ugwaljanza fit-trattament.

B’mod partikolari, dan il-prinċipju ġenerali għandu jirċievi applikazzjoni partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku antidumping. Barra minn hekk, differenza fit-trattament tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u meta din id-differenza tkun proporzjonali mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat.

Il-fatt li produttur ta’ pajjiż analogu jkun awtorizza, fis-sens tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku antidumping, produttur-esportatur li jikkonsulta l-informazzjoni tiegħu jikkostitwixxi differenza oġġettiva mill-produtturi-esportaturi l-oħra inklużi fil-kampjun, li tiġġustifika differenza fit-trattament fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-kalkoli tal-valur normali li fuqhom hija bbażata din l-informazzjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni, l-Artikolu 19(5) jobbliga lill-istituzzjonijiet li ma jiżvelawx informazzjoni li fir-rigward tagħha l-persuna li tkun ipprovdietha, tkun talbet trattament kunfidenzjali. Għall-kuntrarju, fil-preżenza ta’ tali awtorizzazzjoni, il-produttur-esportatur ikkonċernat ikollu d-dritt, tal-inqas, li l-fondatezza tat-talba tiġi eżaminata abbażi ta’ bbilanċjar tad-drittijiet tad-difiża tagħha mal-interessi protetti mill-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba.

Il-portata ta’ tali awtorizzazzjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-fatt li din l-awtorizzazzjoni tista’ tirrigwarda biss l-informazzjoni pprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu u mhux il-kalkoli tal-valur normali stabbiliti abbażi ta’ din l-informazzjoni, meta dawn il-kalkoli ġew moħbija mill-Kummissjoni speċifikament bil-għan li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-imsemmija informazzjoni.

Lanqas ma tista’ tintlaqa’ t-teżi li tali awtorizzazzjoni ma kellha l-ebda effett fir-rigward tal-informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali, fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku antidumping. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 19(5) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-awtorizzazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tikkonċerna kull informazzjoni li fir-rigward tagħha tkun tressqet talba għal trattament kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-kliem tal-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament ma jeskludix li kategorija ta’ informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali tista’ tkun tinkludi informazzjoni li fir-rigward tagħha l-persuna li tkun ipprovdietha tkun talbet trattament kunfidenzjali. Fl-aħħar, safejn f’ċerti każijiet ma jistax jiġi eskluż l-iżvelar ta’ informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali, il-fatt li dan l-iżvelar ikun awtorizzat mill-persuna li tkun ipprovdiet l-informazzjoni inkwistjoni neċessarjament għandu effett.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem tal-Artikolu 6.5 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (ftehim antidumping), li huwa essenzjalment riprodott mill-Artikolu 19 tar-regolament bażiku antidumping, li skontu l-awtorizzazzjoni tal-persuna li kienet ipprovdiet l-informazzjoni kunfidenzjali lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tikkonċerna kemm il-kategorija ta’ informazzjoni intrinsikament kunfidenzjali kif ukoll il-kategorija ta’ informazzjoni pprovduta fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet suġġetti għal investigazzjoni.

(ara l-punti 156-158, 177, 178, 180, 182-188)

11.    Fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping, it-teżi li skontha ma kienx possibbli li titwarrab il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ parti kkonċernata speċifika, ma hija appoġġjata minn ebda dispożizzjoni rilevanti tar-regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

B’hekk, qabel xejn, mill-kliem tal-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku antidumpiung ma jirriżultax li l-awtorizzazzjoni tal-persuna li tipprovdi l-informazzjoni, li hija rikjesta għall-iżvelar ta’ kull informazzjoni li għaliha din il-persuna tkun ressqet talba ta’ kunfidenzjalità, ma tistax tingħata biss fir-rigward ta’ persuna kkonċernata speċifika waħda jew iktar.

Sussegwentement, mir-raġunijiet ta’ kunfidenzjalità elenkati b’mod indikattiv fl-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku antidumping jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping tista’ timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni rispettiva kemm tal-persuni li pprovdew din l-informazzjoni kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati li jista’ jkollhom aċċess għaliha.

Madankollu, mill-kliem tal-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku antidumping, ma jirriżultax li l-protezzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali, li hija intrinsikament kunfidenzjali, u li, bħala prinċipju, ma tiġix żvelata, tirrikjedi l-esklużjoni, bħala prinċipju, ta’ kull possibbiltà ta’ żvelar tagħhom u b’hekk kull evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ parti kkonċernata li titlob l-aċċess għal din l-informazzjoni.

Tali interpretazzjoni lanqas ma hija appoġġjata mill-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali. B’hekk, meta n-natura tal-proċedura tkun tirrikjedi dan, l-interessi ssalvagwardati mill-protezzjoni speċjali li jibbenefika minnha s-sigriet kummerċjali, għandhom jiġu bbilanċjati mad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura. Dan jgħodd fil-każ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni antidumping, fatt li jimplika, anki fil-preżenza ta’ informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata b’mod assolut li tirrifjuta l-iżvelar tagħha, mingħajr evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni speċifika tal-parti kkonċernata u kkonċernata.

Il-marġni ta’ evalwazzjoni li jitħalla lill-Kummissjoni sabiex tikkonċilja d-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma huwiex limitat għall-każijiet fejn il-parti kkonċernata inkwistjoni tkun produttur-esportatur li ma jkunx kiseb l-istatus ta’ kumpannija li topera f’ekonomija tas-suq (SES).

B’mod partikolari, bl-istess mod bħal kull parti kkonċernata, tali produttur-esportatur ma jistax jiġi rrifjutat b’mod kategoriku f’kull talba tiegħu għal żvelar tal-kalkoli mingħajr eżami taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, sempliċement minħabba l-possibbiltà li l-għoti lilu ta’ dan l-iżvelar ikun joħloq “żbilanċ sistematiku” fir-relazzjonijiet bejn minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li jipparteċipaw fl-investigazzjoni, bħal, b’mod partikolari, il-produtturi li ma jkunux kisbu SES u l-produttur tal-pajjiż analogu.

Fl-aħħar, mill-kliem tal-Artikolu 20(2) sa (4) tar-regolament bażiku antidumping ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet jkunu fl-impossibbiltà li jiżvelaw lil parti kkonċernata speċifika li titlobhom informazzjoni li tħalliet barra f’dik l-informazzjoni finali, peress li kellu jkollhom aċċess għaliha l-partijiet ikkonċernati. B’mod partikolari, l-iżvelar ta’ informazzjoni ta’ natura bħal dik prevista fl-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku antidumping ma jistax jiġi rrifjutat lil parti kkonċernata sempliċiment minħabba l-fatt li partijiet ikkonċernati oħra wkoll għandhom id-dritt li jaċċedu għaliha, jekk dawn tal-aħħar ma jkunux ippreżentaw talba f’dan is-sens.

Minn dak li ntqal jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa talba għal aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-parti kkonċernata, u indipendentement mis-sitwazzjoni ta’ partijiet oħra kkonċernati li għalihom din l-informazzjoni tista’ tkun utli.

Interpretazzjoni kuntrarja twassal għal limitazzjoni fil-prinċipju tal-informazzjoni disponibbli għall-partijiet ikkonċernati li ma tkunx kompatibbli mar-rekwiżiti naxxenti mill-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u twassal, f’każijiet bħal dawk in eżami, sabiex il-produttur-esportatur ikkonċernat jiġi mċaħħad minn informazzjoni li tista’ tkun ta’ importanza kbira għad-drittijiet tad-difiża tiegħu, fid-dawl tal-inċidenza tal-kalkolu tal-valur normali fuq id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping tiegħu.

(ara l-punti 159-162, 164, 165, 167, 168, 170, 171, 175)

12.    Fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-regoli tal-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (WTO), is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi ta’ dritt derivat tal-Unjoni teħtieġ interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet. Din il-kunsiderazzjoni hija applikabbli, b’mod partikolari, fil-qasam tal-antidumping, peress li huwa stabbilit li d-dispożizzjoni kkunsidrata tar-regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ġiet adottata sabiex timplementa obbligu partikolari aċċettat fil-kuntest tal-ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (ftehim antidumping).

Mill-kliem stess tal-Artikolu 19(1) u (5) tar-regolament bażiku antidumping li jirriproduċu l-kliem tal-Artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni fih immanifesta l-intenzjoni tiegħu li jeżegwixxi l-obbligi partikolari naxxenti minn din id-dispożizzjoni tal-ftehim antidumping. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jadotta struttura differenti minn dik tal-Artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping, b’mod partikolari billi jirriproduċi ż-żewġ partijiet ta’ dan l-artikolu f’żewġ paragrafi differenti tal-Artikolu 19 tar-regolament bażiku antidumping, ma jistax, waħdu, jirrileva intenzjoni, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jadotta approċċ adatt għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni distint minn dak tal-ftehim antidumping. Fil-fatt, din l-għażla taqa’ fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jimplementa l-obbligi naxxenti mill-Artikolu 6.5 tal-ftehim antidumping, b’tali mod li ma tistax tkun ta’ natura li tostakola l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) u (5) tar-regolament bażiku fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-ftehim antidumping.

(cf. points 188, 190)