Language of document : ECLI:EU:T:2020:542

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

18 ta’ Novembru 2020 (*)

“Enerġija – Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 – Deċiżjoni tal-ACER li tiċħad talba għal eżenzjoni dwar l-interkonnessjonijiet tal-elettriku ġodda – Appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER – Intensità tal-istħarriġ”

Fil-Kawża T‑735/18,

Aquind Ltd, stabbilita f’Wallsend (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Goldberg, solicitor, E. White, avukat, u C. Davis, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet, E. Tremmel, C. Gence-Creux u A. Hofstadter, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni A-001–2018 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, tas‑17 ta’ Ottubru 2018, li permezz tagħha ġiet ikkonfermata d-Deċiżjoni Nru 05/2018 tal-ACER, tad‑19 ta’ Ġunju 2018, li tiċħad talba għal eżenzjoni dwar interkonnessjoni tal-elettriku li tgħaqqad in-networks ta’ trażmissjoni tal-elettriku Brittaniku u dak Franċiż, u, min-naħa l-oħra, tal-imsemmija deċiżjoni tal-ACER,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn V. Tomljenović, President, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑30 ta' Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Aquind Ltd, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Gran Brittanja. Hija l-promotur ta’ proġett ta’ interkonnessjoni tal-elettriku li jgħaqqad in-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku Britanniku u dak Franċiż (iktar ’il quddiem l-“interkonnessjoni Aquind”).

2        Fis‑17 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti għamlet talba sabiex tikseb eżenzjoni għall-interkonnessjoni Aquind skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15). Din it-talba għal eżenzjoni ġiet ippreżentata lill-awtorità regolatorja nazzjonala Franċiża u dik Brittaniku, jiġifieri rispettivament il-Commission de régulation de l’énergie (CRE) u l-Office of Gas and Electricity Markets Authority (OFGEM).

3        Peress li l-awtorità regolatorja nazzjonali Franċiża u dik Brittanika ma waslux għal ftehim dwar it-talba għal eżenzjoni, huma bagħtu dan, fid‑29 ta’ Novembru u fid‑19 ta’ Diċembru 2017 rispettivament, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 714/2009, sabiex din tal-aħħar tieħu d-deċiżjoni hija stess.

4        Fit‑12 ta’ Marzu, it‑22 ta’ Marzu u s‑16 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti nstemgħet fil-kuntest ta’ seduti mal-ACER.

5        Fis‑26 ta’ April 2018, l-interkonnessjoni Aquind kisbet l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni.

6        Permezz tad-Deċiżjoni Nru 05/2018 tad‑19 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Aġenzija”), l-ACER ċaħdet it-talba għal eżenzjoni għall-interkonnessjoni Aquind. Hija kkunsidrat li, għalkemm ir-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba ta’ eżenzjoni elenkati fl-Artikolu 17(1)(a) u (ċ) sa (f) tar-Regolament Nru 714/2009, dik prevista minn din l-istess dispożizzjoni, taħt (b), li skontha l-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk l-eżenzjoni ma ngħatatx, ma kinitx ssodisfatta. B’mod partikolari, hija rrilevat li, f’April 2018, l-interkonnessjoni Aquind kienet kisbet l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni, li, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti setgħet tirrikjedi l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39), li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż iżda li hija ma użatx. B’hekk hija kkunsidrat li ma setax jiġi eskluż li għajnuna finanzjarja prevista mis-sistema rregolata kienet disponibbli għall-interkonnessjoni Aquind u minn dan ikkonkludiet li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika biċ-ċertezza rikjesta l-eżistenza ta’ riskju bbażat fuq l-assenza ta’ għajnuna finanzjarja permezz tal-iskema rregolata fir-rigward tal-imsemmija interkonnessjoni. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li r-riskju marbut mad-dħul, ir-riskju eċċezzjonali marbut mas-suq, ir-riskju marbut mal-kompetizzjoni diretta mal-interkonnessjonijiet l-oħra u l-inċertezza fuq id-dħul tal-konġestjoni, ir-riskju ta’ qtugħ tan-network Brittaniku, ir-riskju marbut mal-kostruzzjoni tal-interkonnessjoni Aquind kif ukoll ir-riskji politiċi u makroekonomiċi b’mod partikolari assoċjati mal-Brexit kienu insuffiċjenti jew ma kinux ġew ipprovati.

7        Fis‑17 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER.

8        Fis‑26 ta’ Settembru 2018, il-Bord tal-Appell tal-ACER żamm seduta li matulha sema’ b’mod partikolari x-xhieda ta’ ħames esperti mistiedna mir-rikorrenti.

9        Permezz tad-Deċiżjoni A-001–2018, tas‑17 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”), il-Bord tal-Appell tal-ACER ikkonferma d-deċiżjoni tal-Aġenzija u b’hekk ċaħad it-talba għal eżenzjoni għall-interkonnessjoni Aquind. L-ewwel, fakkar li l-Aġenzija kellha setgħa diskrezzjonali meta analizzat jekk il-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 kinux issodisfatti u li l-evalwazzjoni tal-imsemmija kundizzjonijiet tfisser evalwazzjoni kumplessa. It-tieni, filwaqt li rrefera għall-ġurisprudenza li tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju ristrett meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni jkunu ta’ natura ekonomika jew teknika kumplessa, il-Bord tal-Appell indika li l-istħarriġ tal-appell kien limitat meta l-evalwazzjonijiet ikunu ta’ tali natura u li kellu jillimita ruħu li jiddetermina jekk l-aġenzija wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009. It-tielet, filwaqt li ċaħad l-ilment magħmul lill-aġenzija li ħadet inkunsiderazzjoni, għall-evalwazzjoni tar-riskju assoċjat mal-investiment, il-possibbiltà li tintuża l-proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha, peress li hija ma kinitx uriet li s-sistema rregolata prevista mir-Regolament Nru 347/2013 ma kinitx tkun suffiċjenti sabiex jitwettaq l-investiment u li, konsegwentement, l-ebda investiment ma kien jitwettaq mingħajr il-kisba tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009.

10      Ir-raba’, filwaqt li eżamina l-ilment imqajjem mir-rikorrenti li jgħid li l-aġenzija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrikjediet “livell ta’ riskju eċċezzjonali”, il-Bord tal-Appell kkunsidra, wara analiżi tat-Taqsima 6.6 tad-deċiżjoni tal-Aġenzija, li ebda element ma kien jippermetti li jiġi konkluż li hija ma segwietx il-kriterju ta’ riskju previst fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009. Il-Bord tal-Appell żied f’dan ir-rigward li l-Aġenzija la kienet semmiet li kien rikjest livell ta’ riskju eċċezzjonali sabiex tingħata eżenzjoni, u lanqas ma adottat raġunament li jsegwi dan l-approċċ.

11      Il-ħames, filwaqt li ċaħad l-ilment ibbażat fuq l-allegata eżistenza ta’ restrizzjonijiet legali fi Franza li jipprekludu lir-rikorrenti milli tibbenefika mill-applikazzjoni tas-sistema rregolata, il-Bord tal-Appell osserva li r-riskji msemmija fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 kellhom ikunu essenzjalment riskji marbuta mas-suq jew riskji finanzjarji u ma kinux jikkonċernaw l-eventwali “riskji” li jirriżultaw mil-liġi Franċiża.

12      Is-sitt, il-Bord tal-Appell qabel kollox osserva li kienet ir-rikorrenti li kellha tipproduċi l-prova li ebda investitur, jiġifieri ebda tip ta’ investitur, ma kien ġie attirat mill-investiment fl-interkonnessjoni Aquind fl-assenza ta’ eżenzjoni, peress li l-applikazzjoni ta’ kriterju legali differenti jwassal sabiex jippermetti lill-applikanti għal eżenzjoni li jevitaw ir-rekwiżit tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 billi jillimitaw b’mod artifiċjali l-grupp ta’ investituri potenzjali. Sussegwentement ikkonstata, bħala eżempji insostenn, li l-klima kienet adatta għall-investimenti fl-interkonnessjonijiet mal-fruntiera Franċiża-Brittannika. Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskji marbuta mad-daqs tal-interkonnessjoni Aquind, huwa qies li l-aġenzija kienet applikat b’mod korrett it-test li kien jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ investiment mingħajr eżenzjoni, peress li din ma kinitx ikkontestat l-għażla tad-daqs tal-promotur tal-interkonnessjoni Aquind, iżda kienet pjuttost ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija interkonnessjoni kienet tagħmel parti minn grupp ta’ “proġetti ta’ interess komuni” potenzjalment kompetituri fil-fruntiera Franċiża-Britannika u kienet evalwat id-daqs flimkien ta’ dawn il-proġetti kollha fil-kuntest ta’ dan il-grupp. Fl-aħħar, huwa qies li l-Aġenzija kienet ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti li r-riskji ta’ żvilupp u ta’ kostruzzjoni allegati, waħedhom jew flimkien ma’ riskji oħra, kienu jimplikaw li ma kien isir ebda investiment fl-assenza ta’ eżenzjoni.

13      Is-seba’, meta eżamina l-ilment ibbażat fuq assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv tar-riskji, il-Bord tal-Appell enfasizza li l-Aġenzija kienet analizzat kull tip ta’ riskji identifikat mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal eżenzjoni u kienet ipprovdiet evalwazzjoni motivata ta’ kull wieħed minn dawn ir-riskji, li r-rikorrenti bl-ebda mod ma kienet semmiet effett kumulattiv tar-riskji fit-talba tagħha għal eżenzjoni u li hija ma kinitx issotanzjat dan l-argument fir-rikors tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors, li jinkludi talba għal trattament prijoritarju, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fl‑1 ta’ April, fl-20 ta’ Mejju u fl‑4 ta’ Lulju 2019.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura, assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lit-Tieni Awla.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2020, adottata abbażi tal-Artikolu 69(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li tissospendi l-kawża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑454/18, Baltic Cable. Din is-sospensjoni ntemmet bl-għoti, fil‑11 ta’ Marzu 2020, tas-sentenza Baltic Cable (C‑454/18, EU:C:2020:189).

17      Fit‑18 ta’ Marzu 2020, il-partijiet ġew mistiedna, f’dan il-kuntest, jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Baltic Cable (C‑454/18, EU:C:2020:189), fuq dan ir-rikors. Il-partijiet osservaw din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu kien ġie stabbilit.

18      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet fl‑20 ta’ April 2020 li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura mingħajr ma tilqa’ t-talba għal trattament prijoritarju ppreżentata mir-rikorrenti.

19      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑23 ta’ April 2020 adottata abbażi tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, saru żewġ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, bħala risposta orali fis-seduta.

20      Permezz ta’ ittri tat‑3 u tal‑15 ta’ Ġunju 2020, l-ACER indikat li, minħabba l-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID 19, il-membri tal-persunal tagħha ma kinux f’pożizzjoni li jmorru l-Lussemburgu għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali u talbet li tkun irrappreżentata fiha permezz ta’ video konferenza. Ir-rikorrenti indikat li hija ma kellha ebda oġġezzjoni għall-fatt li l-ACER tkun irrappreżentata permezz ta’ video konferenza.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u d-deċiżjoni tal-Aġenzija;

–        tiddeċiedi fuq il-motivi legali prinċipali mqajma fir-rikors, jiġifieri r-raba’ minn naħa, ibbażat fuq il-fatt li l-Aġenzija u l-Bord tal-Appell ikkunsidraw b’mod żbaljat li r-rikorrenti kellha qabelxejn titlob u tikseb deċiżjoni ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013, qabel ma deċiżjoni tista’ tittieħed skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009, u s-sitt min-naħa l-oħra, ibbażat fuq il-fatt li l-Aġenzija u l-Bord tal-Appell ma ħadux inkunsiderazzjoni l-fatt li, mingħajr eżenzjoni, ma kienx ġuridikament possibbli li r-rikorrenti topera l-interkonnessjoni Aquind proposta fi Franza,

–        tiddeċiedi separatament fuq kull wieħed mill-motivi ppreżentati fir-rikors, sabiex tiġi evitata kwalunkwe kontestazzjoni oħra fir-rigward ta’ dawn il-punti kontenzjużi meta l-Aġenzija teżamina mill-ġdid it-talba għal eżenzjoni;

–        tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

22      L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad bħala inammissibbli r-rikors sa fejn jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Aġenzija;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà 

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija

23      L-ACER tikkunsidra li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija. Hija tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dan ir-rigward, peress li tqis li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi adita biss b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

24      Ir-rikorrenti ssostni li, jekk jintlaqgħu t-talbiet tagħha f’din il-kawża, l-ACER tkun obbligata tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza skont l-Artikolu 266 TFUE. Hija ssostni li l-ACER ma tiħux il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza jekk hija tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-aġenzija tibqa’ valida, raġuni li għaliha tqis, essenzjalment, li l-appell kontra l-imsemmija deċiżjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

25      Sabiex tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-aġenzija, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-premessa 19 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1), tindika li, “[f]ejn l-Aġenzija jkollha s-setgħa sabiex tieħu deċiżjonijiet, għal finijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-partijiet interessati għandhom jingħataw id-dritt ta’ appell lil Bord tal-Appell, li għandu jkun parti mill-Aġenzija, iżda li jkun indipendenti mill-istruttura amministrattiva u regolatorja tagħha”, u żżid li “[i]d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha tkun suġġetta għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej”.

26      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 713/2009 jipprevedi li “[k]ull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija fl-Artikoli 7, 8 jew 9 li tkun indirizzata lil dik il-persuna”. Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9 li għalih isir riferiment f’din id-dispożizzjoni jkopri li “tiddeċiedi dwar eżenzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009”. Issa, id-deċiżjoni tal-aġenzija hija preċiżament deċiżjoni fuq eżenzjoni meħuda skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 714/2009.

27      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-aġenzija, jew jibgħat lura l-każ lill-korp kompetenti tal-aġenzija, li jkun marbut bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

28      Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 713/2009 jipprevedi, fl-Artikolu 20(1) tiegħu, li “deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord tal-Appell jew, fil-każijiet li ma jkun hemm l-ebda dritt, quddiem il-Bord tal-Appell [...]”. L-Artikolu 20(3) ta’ dan l-istess regolament jipprevedi li “[L]-Aġenzija għandha tkun obbligata li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti [Ġenerali] jew tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

29      L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa, minn naħa, li jippermetti lill-Bord tal-Appell jilqa’, jekk ikun il-każ, talba li kienet is-suġġett ta’ rifjut min-naħa tal-Aġenzija u, min-naħa l-oħra, f’każ ta’ żamma tar-rifjut mill-imsemmi bord, li dan tal-aħħar ikun jista’ jesponi b’mod ċar il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jwasslu għall-imsemmi rifjut, b’tali mod li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni li tesprimi dan ir-rifjut.

30      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Aġenzija setgħet, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009, tkun is-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, dan tal-aħħar kien obbligat jieħu deċiżjoni u, f’dan il-kuntest, jeżerċita, jekk ikun il-każ, il-kompetenzi tal-Aġenzija.

31      Konsegwentement, hija biss id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-paragrafu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell semma b’mod ċar li “din id-deċiżjoni” — jiġifieri dik tal-Bord tal-Appell — setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit internet tal-ACER jew min-notifika tagħha lir-rikorrenti.

32      F’dan il-kuntest, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ kontinwità funzjonali bejn il-korpi ta’ eżami tal-ACER u l-Bord tal-Appell — li tippermetti lil dan tal-aħħar jeżerċita l-kompetenzi tal-imsemmija korpi ta’ eżami — ma timplikax madankollu li l-Qorti Ġenerali tista’ tannulla d-deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, it-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija għandha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża, fir-realtà, sabiex il-Qorti Ġenerali tieħu d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu meta ġie adit bl-appell. Issa, għandu jitfakkar li, filwaqt li l-Qorti Ġenerali tista’, bis-saħħa tas-setgħa tagħha ta’ riforma, tirriforma d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI ‐ Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, EU:T:2004:223, punt 19; tat‑12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI ‐ Aceites del Sur (La Española), T‑363/04, EU:T:2007:264, punti 29 u 30, u tal‑11 ta’ Frar 2009, Bayern Innovativ vs UASI ‑ Life Sciences Partners Perstock (Life Science), T‑413/07, mhux ippubblikata, punti 15 u 16), xorta jibqa’ l-fatt li tista’ tagħmel dan biss meta tali setgħa tkun espressament mogħtija lilha mil-leġiżlatur. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 713/2009 u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 714/2009 ma jirriżulta li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jagħti tali setgħa ta’ riforma lill-Qorti Ġenerali.

33      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-aġenzija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Heli-Flight vs AESA, T‑102/13, EU:T:2014:1064, punt 30).

34      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet

35      Permezz tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar il-motivi legali prinċipali mqajma fir-rikors.

36      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tista’, f’kull mument, teżamina ex officio l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li fosthom jinsabu, skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors. L-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għalhekk ma huwiex limitat għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-partijiet (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑95/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:507, punt 35).

37      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑23 ta’ April 2020 imfakkra fil-punt 19 iktar ’il fuq, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, waqt is-seduta, dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet li jinsabu fir-rikors fid-dawl tas-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, Bernardi vs Il-Parlament (T‑146/95, EU:T:1996:105, punt 23), u tas‑17 ta’ Frar 2017, Mayer vs EFSA (T‑493/14, EU:T:2017:100, punt 37).

38      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, it-talbiet intiżi biss sabiex jiġu kkonstatati punti ta’ fatt jew ta’ liġi ma jistgħux, waħedhom, jikkostitwixxu talbiet validi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, Bernardi vs Il-Parlament, T‑146/95, EU:T:1996:105, punt 23, u tas‑17 ta’ Frar 2017, Mayer vs EFSA, T‑493/14, EU:T:2017:100, punt 37).

39      L-analiżi tal-elementi elenkati f’dawn iż-żewġ kapijiet tat-talbiet ma tistax issir irrispettivament mill-eżami tal-legalità tal-att ikkontestat li jsir fil-kuntest tal-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jikkostitwixxu kapijiet ta’ talbiet bħala tali.

40      Għaldaqstant, dawn iż-żewġ kapijiet tat-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

41      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-ACER għall-għoti ta’ eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta’ din l-istess dispożizzjoni li skontha talba għal eżenzjoni għandha tingħata biss bħala l-aħħar rimedju. It-tielet motiv huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-oneru u tal-livell tal-prova rikjesti għall-għoti ta’ eżenzjoni. Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tar-relazzjoni eżistenti bejn l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013, u hija tistaqsi, konsegwentement, dwar il-possibbiltà li l-proġett ta’ interkonnessjoni tagħha jkun jista’ jibbenefika minn proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż, u ssostni li r-riskji assoċjati mal-proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, minħabba r-riskju, tal-ostakolu legali maħluq mid-dritt Franċiż. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ir-rifjut tal-ACER li tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ sigurtà tad-dħul fit-tul. It-tmien motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 minħabba assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett globali tar-riskji partikolari fuq l-interkonnessjoni. Fil-kuntest tad-disa’ motiv, il-Bord tal-Appell ġie kkritikat li wettaq biss stħarriġ limitat fuq l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi.

42      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tipproċedi bi prijorità għall-eżami tad-disa’ motiv fid-dawl tan-natura partikolari tiegħu, marbuta mal-eżerċizzju stess tal-Bord tal-Appell tal-kompetenza tiegħu ta’ stħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq eżami insuffiċjenti tad-deċiżjoni tal-Aġenzija

43      Fil-kuntest tad-disa’ motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Bord tal-Appell talli llimita l-istħarriġ tiegħu, waqt l-eżami tal-appell tagħha, għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u ssostni li tali stħarriġ ristrett jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009.

44      L-ACER tqis, min-naħa tagħha, li l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009 fl-ebda każ ma jobbliga lill-Bord tal-Appell jeżerċita l-istess stħarriġ bħal dak imwettaq mill-Aġenzija u li għalhekk huwa liberu li ma jeżaminax il-każ bl-istess livell ta’ dettall li tagħmel l-Aġenzija. Hija tqis li l-Bord tal-Appell għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 humiex issodisfatti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjonijiet li jinvolvu kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi huma suġġetti għal stħarriġ limitat għall-iżbalji manifesti fil-kuntest ta’ appell. Hija tenfasizza li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009 barra minn hekk ma jipprekludix lill-Bord tal-Appell milli jaċċetta l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika mwettqa mill-Aġenzija. Fid-dawl tal-kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi, tal-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju u tat-terminu qasir previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 713/2009, il-Bord tal-Appell ma huwiex f’pożizzjoni li jwettaq eżami daqstant fil-fond bħal dak tal-Aġenzija u jista’ jillimita ruħu li jiddeċiedi jekk din tal-aħħar wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni. Hija tirrileva li r-rikorrenti ma wrietx li eżami iktar fil-fond seta’ jwassal għal riżultat differenti u li dak li x-xhieda tal-esperti invokati mir-rikorrenti ttieħdet debitament inkunsiderazzjoni u ġiet evalwata. Hija ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, kien inutli li jsiru mistoqsijiet liċ-CRE, peress li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma kinitx tiddependi mir-risposta taċ-CRE għad-domandi dwar il-possibbiltà li persuna tibbenefika fi Franza mis-sistema rregolata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u l-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni.

45      Il-kwistjoni prinċipali mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv hija dik dwar jekk l-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell fuq id-deċiżjoni tal-Aġenzija huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 713/2009 dwar id-definizzjoni tas-setgħat tal-imsemmi Bord tal-Appell.

46      Preliminarjament, l-ewwel, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-awtoritajiet tal-Unjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li, peress li dawn għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna sabiex jiġu ddeterminati n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-eżami ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew ukoll jekk dawn l-awtoritajiet manifestament eċċedew is-setgħa tagħhom ta’ diskrezzjoni (digriet tal‑4 ta’ Settembru 2014, Rütgers Germany et vs ECHA, C‑290/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2174, punt 25, u s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, ICdA et vs Il-Kummissjoni, T‑456/11, EU:T:2013:594, punt 45). L-istess japplika fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika kumplessi, peress li l-qorti tal-Unjoni teżerċita wkoll f’din l-ipoteżi stħarriġ ristrett (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66, u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Ellinikos Chrysos vs Il-Kummissjoni, C‑100/16 P, EU:C:2017:194, punti 18 u 19).

47      It-tieni, għandha tiġi ddeterminata l-intensità tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell eżerċita fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Aġenzija. Filwaqt li bbaża ruħu b’mod espliċitu fuq is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39), tal‑21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il-Kummissjoni (C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punt 103), u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 95), li jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju ristrett meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni jkunu ta’ natura ekonomika jew teknika kumplessa, il-Bord tal-Appell indika, fil-punti 51 u 52 tad-deċiżjoni tiegħu, li l-istħarriġ tal-appell kellu jkun limitat meta l-evalwazzjonijiet ikunu ta’ tali natura u li b’hekk kellu jkun limitat li jiddetermina jekk l-Aġenzija wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009.

48      B’hekk, il-Bord tal-Appell sostna mingħajr ekwivoku, il-ġurisprudenza insostenn, li l-intensità tal-istħarriġ tiegħu fuq l-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u teknika kumplessa kienet l-istess bħal dik tal-istħarriġ ġudizzjarju ristrett eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq l-istess evalwazzjonijiet.

49      Huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ osservazzjonijiet preliminari li għandu jiġi eżaminat l-approċċ difiż mill-ACER intiż sabiex jiġi kkunsidrat li l-istħarriġ li l-Bord tal-Appell jeżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi jista’ jkun ekwivalenti għall-istħarriġ ġudizzjarju ristrett eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni.

50      Il-limitazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tal-intensità tal-istħarriġ tiegħu fuq id-deċiżjoni tal-Aġenzija dwar talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 hija żbaljata fid-dritt f’diversi aspetti.

51      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-ħolqien tal-Bord tal-Appell tal-ACER jaqa’ f’moviment, pprivileġġat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, intiż li jipprevedi mekkaniżmu ta’ appell għal “korp tal-appell” fi ħdan l-aġenziji tal-Unjoni meta dawn jingħataw setgħa ta’ deċiżjoni importanti, fuq kwistjonijiet kumplessi fuq il-livell tekniku jew xjentifiku, li jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-partijiet ikkonċernati. F’dan ir-rigward, is-sistema tal-korp tal-appell tirrappreżenta mezz xieraq sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar f’kuntest fejn, kif tfakkar fil-punt 46 iktar ’il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika, teknika u ekonomika kumplessi huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter.

52      F’dan ir-rigward, u fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell tal-ACER jippermettu li jiġi kkonstatat li dan il-korp tal-appell ma nħoloqx sabiex jillimita ruħu għal stħarriġ ristrett tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi.

53      Fil-fatt, l-ewwel, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 713/2009 ippreveda li l-Bord tal-Appell għandu jinkludi sitt membri u sitt sostituti magħżula minn fost l-uffiċjali superjuri, attwali jew preċedenti, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tal-awtoritajiet responsabbli mill-kompetizzjoni jew istituzzjonijiet nazzjonali oħra jew tal-Unjoni, “b’esperjenza relevanti fis-settur tal-enerġija”. B’hekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-Bord tal-Appell tal-ACER l-għarfien espert neċessarja sabiex ikun jista’ jwettaq huwa stess evalwazzjonijiet dwar elementi fattwali ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi marbuta mal-enerġija. Għandu jiġi rrilevat li dan kien ukoll l-għan imfittex meta nħolqu aġenziji oħra tal-Unjoni, bħall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) jew anki l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), li l-Bordijiet tal-Appell tagħha huma komposti minn esperti li għandhom kwalifika li tirrifletti l-ispeċifiċità tal-oqsma kkonċernati.

54      It-tieni, is-setgħat tal-Bord tal-Appell, kif deskritti fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, jimmilitaw ukoll għal stħarriġ li ma huwiex dak eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet kumplessi. Qabel kollox, dan jipprevedi li l-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-Aġenzija, jew jibgħat lura l-każ lill-korp kompetenti tal-aġenzija sabiex titkompla l-azzjoni, peress li dan il-korp huwa marbut bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Din id-dispożizzjoni tirregola biss il-kompetenzi li jkollu l-Bord tal-Appell wara li jkun ikkonstata li appell quddiemu kien fondat. Hija tagħtih setgħa diskrezzjonali li fil-kuntest tal-eżerċizzju tiegħu għandu jeżamina jekk l-elementi li għandu wara l-eżami tal-appell jippermettulux jadotta d-deċiżjoni tiegħu stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, EU:T:2019:638, punti 66 u 118).

55      B’hekk, għandu jiġi rrilevat li, essenzjalment, il-Bord tal-Appell għandu, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009, mhux biss is-setgħat kollha li għandha l-ACER stess, iżda wkoll is-setgħat mogħtija lilu bħala korp tal-appell tal-aġenzija. Jekk il-Bord tal-Appell jagħżel li jibgħat lura l-każ lill-Aġenzija, huwa jkun kapaċi jorjenta d-deċiżjonijiet meħuda mill-imsemmija aġenzija sa fejn din tal-aħħar tkun marbuta bil-motivazzjoni tal-Bord tal-Appell.

56      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 713/2009, kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija fl-Artikoli 7, 8 jew 9 tal-istess regolament li hija destinatarja tagħha jew li tikkonċernaha direttament jew individwalment. Minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mill-Aġenzija jikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà tal-appell quddiemu. B’hekk, u kuntrarjament għall-qorti tal-Unjoni, il-Bord tal-Appell huwa kompetenti, abbażi tal-istħarriġ tal-opportunità, li jannulla jew jissostitwixxi deċiżjonijiet tal-Aġenzija, abbażi biss ta’ kunsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi.

57      It-tielet, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 713/2009 jixhed ukoll ir-rieda tal-leġiżlatur li jagħti lill-Bord tal-Appell setgħa ta’ stħarriġ iktar intensa minn dik tal-istħarriġ ristrett. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[a]zzjoni tista’ titressaq quddiem il-Qorti [Ġenerali tal-Unjoni] jew il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu [263 TFUE] tat-Trattat, sabiex tikkontesta deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord tal-Appell jew, fil-każijiet li ma jkun hemm l-ebda dritt, quddiem il-Bord tal-Appell, mill-Aġenzija”.

58      Minn din id-dispożizzjoni, kif ukoll mir-raġunament li jinsab fil-punti 25 sa 34 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fir-rigward tat-talbiet għal eżenzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell adottati abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 713/2009 u tal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 714/2009 li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-fatt li r-rikorrenti hija inammissibbli li tikkontesta d-deċiżjoni tal-Aġenzija quddiem il-qorti tal-Unjoni jsaħħaħ il-konklużjoni li l-Bord tal-Appell ma jistax iwettaq stħarriġ limitat fuq l-imsemmija deċiżjoni tal-aġenzija ekwivalenti għall-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni. Fil-fatt, jekk l-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell kellu jkun limitat biss fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi, dan ikun ifisser li l-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ limitat fuq deċiżjoni li tkun hija stess ir-riżultat ta’ stħarriġ ristrett. Huwa ċar li sistema ta’ “stħarriġ ristrett fuq stħarriġ ristrett” ma toffrix il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnha għandhom jibbenefikaw l-impriżi li ġew irrifjutati talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009.

59      Fit-tielet lok, l-Artikolu 19(6) tar-Regolament Nru 713/2009 ppreveda, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kellu jadotta r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura quddiemu. Għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Nru 1‑2011 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, adottata fl‑1 ta’ Diċembru 2011, li tistabbilixxi r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura tal-Bord tal-Appell, ipprevediet, fl-Artikolu 8(1)(e) tagħha, li l-att tal-appell għandu jinkludi l-“motivi ta’ liġi”[traduzzjoni mhux uffiċjali] u l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika li l-istħarriġ eżerċitat mill-Bord tal-Appell ikun limitat għal stħarriġ limitat. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009 li l-Bord tal-Appell għandu s-setgħat kollha li għandha l-ACER stess jikkonferma li kellu l-intenzjoni li jagħtiħ il-kompitu li jeżerċita stħarriġ tad-deċiżjoni tal-aġenzija b’intensità li ma tistax tiġi limitata għal dak tal-istħarriġ limitat.

60      F’dan is-sens, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni Nru 1‑2011, intitolat “[k]ompetenza”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] kien jipprevedi li l-Bord tal-Appell seta’ jeżerċita kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-Aġenzija. Billi adotta din id-dispożizzjoni, il-Bord tal-Appell ittraduċa, fir-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedurali tiegħu, is-setgħa ta’ stħarriġ mogħtija lilu mill-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, liema setgħa ta’ stħarriġ ma tistax tkun limitata għal dik tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Huwa utli f’dan ir-rigward li jiġi kkonstatat li, fil‑5 ta’ Ottubru 2019, il-Bord tal-Appell irrestrinġa s-setgħa tiegħu billi emenda l-imsemmi Artikolu 20 (li sar l-Artikolu 21). Issa, il-Bord tal-Appell sempliċement jikkonferma d-deċiżjoni tal-Aġenzija jew jibgħat il-każ lura lill-korp kompetenti tal-Aġenzija. B’hekk ma hijiex iktar kwistjoni li “jeżerċita kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-Aġenzija”. Mingħajr ħsara għal eventwali kunflitt, mar-Regolament Nru 713/2009, ta’ din id-dispożizzjoni li permezz tagħha l-Bord tal-Appell irrestrinġa s-setgħa tiegħu f’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li din ma kinitx għadha applikabbli fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

61      Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ġurisprudenza li skontha l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika, xjentifika u ekonomika kumplessi huma suġġetti għall-istħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni ma hijiex intiża li tapplika għall-istħarriġ imwettaq mill-bordijiet tal-appell tal-aġenziji tal-Unjoni. B’mod partikolari diġà ġie deċiż, fir-rigward tal-Bord tal-Appell tal-ECHA, li l-istħarriġ imwettaq minn dan il-bord tal-appell fuq evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA ma kienx limitat għall-verifika tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti, iżda li, għall-kuntrarju, minħabba l-kompetenzi legali u xjentifiċi tal-membri tagħha, l-imsemmi bord kellu jeżamina jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dak il-każ setgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni tal-ECHA kienu vvizzjati bi żbalji (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF vs ECHA, T‑125/17, EU:T:2019:638, punti 87 sa 89). L-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell hija b’hekk ikbar minn dik tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, UE:T:2019:638, punt 124). B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, essenzjalment, li jkun kuntrarju għan-natura stess tal-bordijiet tal-appell maħluqa fi ħdan l-aġenziji li huma jeżerċitaw stħarriġ ristrett irriżervat għall-qrati tal-Unjoni.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, b’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑23 ta’ April 2020, li permezz tagħha l-partijiet intalbu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-punti 87 sa 89 u 124 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF Grenzach vs ECHA (T‑125/17, EU:T:2019:638), l-ACER sostniet waqt is-seduta li din il-ġurisprudenza ma kinitx trasponibbli għall-Bord tal-Appell, li hija totalment differenti mill-Bord tal-Appell tal-ECHA.

63      L-ewwel, l-ACER tinvoka l-fatt li l-membri tal-Bord tal-Appell tal-ECHA huma kkwalifikati fil-livelli legali u tekniċi u impjegati full-time u li jistgħu jibbenefikaw mis-sostenn ta’ ħdax-il membru tal-persunal full-time sabiex jiżguraw l-għajnuna legali u s-segretarjat. Hija tqis li dan ma huwiex il-każ għall-Bord tal-Appell minħabba li dan huwa kompost biss minn sitt membri li għandhom esperjenza fil-qasam tal-enerġija — li, fil-fehma tagħha, ma jiggarantixxix li l-Bord tal-Appell ikollu l-kompetenza esperta rilevanti kollha sabiex jevalwa l-fatti kumplessi kollha kkonċernati –, li l-imsemmija membri ma jkunux impjegati full-time u jirċievu biss remunerazzjoni simbolika u li l-Bord tal-Appell ikun assistit biss minn żewġ ġuristi.

64      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, il-kompożizzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell tal-ECHA huma, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ACER, paragunabbli ma’ dawk tal-Bord tal-Appell.

65      Minn naħa, kemm il-membri tal-Bord tal-Appell tal-ECHA kif ukoll dawk tal-Bord tal-Appell tal-ACER jintgħażlu abbażi ta’ lista ta’ kandidati proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li għandhom l-esperjenza u l-kompetenza meħtieġa fis-setturi rispettivi. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-Bord tal-Appell tal-ECHA, skont l-Artikolu 89(3) tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU 2006, L 396, p. 1), “[i]l-President, il-membri l-oħrajn u l-persuni supplenti [...] għandhom jinħatru abbażi ta’ l-esperjenza relevanti u l-kompetenza tagħhom fil-qasam tas-sigurtà kimika, fix-xjenzi naturali jew fi proċeduri regolatorji u ġudizzjarji minn lista ta' kandidati kwalifikati adottata mill-Kummissjoni”. Fir-rigward tal-Bord tal-Appell tal-ACER, ġie enfasizzat fil-punt 53 iktar ’il fuq li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 713/2009, dan tal-aħħar “għandu jinkludi sitt membri u sitt sostituti, magħżula minn fost persunal fi gradi għolja, attwali jew tal-passat, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew istituzzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji oħra, b’esperjenza relevanti fis-settur tal-enerġija”. Minn dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi dedott li l-leġiżlatur ried jagħti kemm lill-Bord tal-Appell tal-ECHA kif ukoll lill-Bord tal-Appell tal-ACER il-kompetenza esperta neċessarja sabiex dawn l-esperti jistgħu jwettqu huma stess evalwazzjonijiet dwar punti ta’ fatt ta’ natura xjentifika, teknika u ekonomika kumplessi.

66      Barra minn hekk, il-fatt li l-membri tal-Bord tal-Appell tal-ECHA jkunu, b’differenza minn dawk tal-Bord tal-Appell tal-ACER, impjegati full-time ma għandu ebda effett fuq l-intensità tal-istħarriġ tagħhom. Il-ħtieġa tal-Bord tal-Appell tal-ECHA jkollu organizzazzjoni amministrattiva iktar permanenti tista’ tiġi spjegata mill-volum tal-każijiet li għandhom jiġu ttrattati, li huwa b’mod ċar ikbar minn dak tal-każijiet sottomessi lill-Bord tal-Appell tal-ACER. B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi rrilevat li hija l-ACER li għandha tieħu l-miżuri organizzattivi interni kollha neċessarji sabiex tuża l-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tissodisfa l-għanijiet tagħha, kif iddefiniti fir-Regolament Nru 713/2009. Issa, it-twettiq tal-imsemmija għanijiet ma jimplikax ex officio l-implimentazzjoni ta’ Bord tal-Appell permanenti.

67      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Bord tal-Appell tal-ECHA “jista’ jeżerċita kull poter fil-kompetenza ta’ l-Aġenzija jew jirreferi l-każ lill-korp kompetenti ta’ l-Aġenzija għal prosekuzzjoni ulterjuri”. Bl-istess mod, u kif jirriżulta mill-punt 27 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell tal-ACER jista’ “jista’ jeżerċita kwalunkwe setgħa li jkollu fil-limiti tal-kompetenza ta’ l-Aġenzija jew jibgħat il-każ lill-korp kompetenti ta’ l-Aġenzija”, fejn dan tal-aħħar huwa marbut bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. B’hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li s-setgħat mogħtija lil dawn il-korpi ta’ appell huma simili u l-istħarriġ, minn dawn il-korpi, tal-evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika, teknika u ekonomika ma huwiex limitat għall-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

68      It-tieni, l-ACER issostni li, bil-kontra tal-ECHA u tat-tliet aġenziji l-oħra tal-Unjoni, hija ma hijiex koperta mill-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li dan ifisser li l-istħarriġ eżerċitat mill-Bord tal-Appell fuq id-deċiżjonijiet tal-aġenzija huwa differenti minn dak eżerċitat mill-Bord tal-Appell tal-ECHA. Issa, dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li l-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandu ebda rabta mal-intensità tal-istħarriġ li huma mitluba jeżerċitaw tal-Bordijiet tal-Appell fi ħdan aġenziji tal-Unjoni.

69      Għaldaqstant, l-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li jinsabu f’deċiżjoni tal-Aġenzija dwar talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 ma għandux ikun limitat għall-istħarriġ limitat tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, billi bbaża ruħu fuq il-kompetenzi xjentifiċi tal-membri tiegħu, l-imsemmi bord għandu jeżamina jekk l-argumenti mqajma mir-rikorrenti jistgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li l-imsemmija deċiżjoni tal-ACER hija bbażata fuqhom huma vvizzjati bi żbalji.

70      Billi llimita ruħu li jwettaq stħarriġ ristrett, il-Bord tal-Appell, fir-realtà, wettaq stħarriġ ta’ intensità insuffiċjenti fir-rigward tas-setgħat mogħtija lilu mil-leġiżlatur u, għaldaqstant, għamel biss użu limitat u inkomplet tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Minn dan isegwi li l-uniku att li ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju komplet tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni huwa d-deċiżjoni tal-Aġenzija. Issa għar-raġunijiet diġà mfakkra fil-punti 25 sa 34, 57 u 58 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija l-unika waħda li tista’ tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax teżamina l-eventwali żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li twettqu mill-Aġenzija fuq l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi, peress li dawn jistgħu neċessarjament jikkonċernaw biss id-deċiżjoni inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Heli-Flight vs AESA, T‑102/13, EU:T:2014:1064, punt 32).

71      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra, fil-punt 52 tad-deċiżjoni tiegħu, li, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika jew kumplessa, huwa seta’ jeżerċita stħarriġ ristrett u b’hekk jillimita ruħu li jiddetermina jekk l-aġenzija kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009.

72      L-ebda wieħed mill-argumenti tal-ACER ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

73      Fl-ewwel lok, l-ACER tinvoka l-fatt li, b’differenza mill-Bord tal-Appell tal-ECHA, li ma huwiex marbut minn tul massimu tal-proċedura, il-Bord tal-Appell huwa obbligat iwettaq eżami tal-appell fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 713/2009 u għalhekk ma huwiex f’pożizzjoni li jwettaq eżami fil-fond.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 51 sa 69 iktar ’il fuq, it-terminu limitat ta’ xahrejn li għandu l-Bord tal-Appell sabiex jeżamina r-rikors ma huwiex biżżejjed sabiex juri intenzjoni tal-leġiżlatur li jillimita l-istħarriġ eżerċitat minnu għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżami tal-appell ma huwiex illimitat u li għandha ssir differenza bejn il-“portata tal-istħarriġ” u l-“intensità tal-istħarriġ” imwettaq mill-Bord tal-Appell.

76      Fir-rigward tal-“portata tal-istħarriġ” imwettaq mill-Bord tal-Appell, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009 jipprevedi essenzjalment li dan sempliċement jeżamina jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti humiex tali li juru l-eżistenza ta’ żball li jaffettwa d-deċiżjoni kkontestata.

77      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell hija ta’ natura kontradittorja. Il-partijiet huma mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-komunikazzjonijiet li joriġinaw minn partijiet oħra u jistgħu jippreżentaw oralment l-osservazzjonijiet tagħhom.

78      Min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jindika r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat. Is-suġġett tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell huwa b’hekk iddeterminat mill-aggravji mressqa mir-rikorrenti. Fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza ta’ tali appell, l-imsemmi bord b’hekk sempliċement jeżamina jekk l-aggravji mressqa mir-rikorrenti jistgħux juru li d-deċiżjoni kkontestata quddiemu hija vvizzjata bi żbalji.

79      In-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell ma hijiex ikkontestata bl-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, li jipprevedi li l-Bord tal-Appell jista’ jeżerċita kwalunkwe setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-Aġenzija jew jibgħat il-każ lill-korp kompetenti tal-Aġenzija għal azzjoni ulterjuri. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirregola biss il-kompetenzi li jkollu l-Bord tal-Appell wara li jkun ikkonstata li appell quddiemu kien fondat. Hija tagħtih setgħa diskrezzjonali li fil-kuntest tal-eżerċizzju tagħha għandu jeżamina jekk l-elementi li għandu wara l-eżami tar-appell jippermettulux jadotta d-deċiżjoni tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tirregolax il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-imsemmi bord fir-rigward tal-fondatezza ta’ appell quddiemu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, EU:T:2019:638, punti 66 u 118).

80      Konsegwentement, appell quddiem il-Bord tal-Appell minn deċiżjoni tal-Aġenzija dwar talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 jista’ jkollu biss l-għan li jeżamina jekk l-elementi prodotti mir-rikorrenti jistgħux juru li din id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żbalji. B’differenza mill-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, ma huwiex b’hekk il-każ għall-Bord tal-Appell li jwettaq eżami “de novo”.

81      Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-“intensità tal-istħarriġ” li għandha tiġi eżerċitata, l-istħarriġ tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni għandu jsir biss fuq il-kwistjonijiet imqajma mir-rikorrenti u għaldaqstant ma jestendix għal dak li jinsab barra mill-isfera tal-appell u lanqas, mid-definizzjoni tiegħu stess, għall-kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi li ma ġewx invokati fl-appell u li ma humiex provi prodotti mir-rikorrenti.

82      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-kwalità xjentifika tal-membri li jikkomponuh, il-Bord tal-Appell għandu l-kompetenza xjentifika neċessarja sabiex iwettaq stħarriġ fil-fond f’tul ta’ żmien li l-awtoritajiet ġudizzjarji ma jkunux f’pożizzjoni li jilħqu.

83      Fit-tieni lok, b’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑23 ta’ April 2020 imfakkra fil-punti 19 u 62 iktar ’il fuq, l-ACER sostniet waqt is-seduta li hija kienet invokat l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni biss sa fejn ir-rikorrenti stess kienet semmiet fir-rikors tagħha. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 47 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell indika qabel kollox, fil-punti 51 u 52 tad-deċiżjoni tiegħu, li l-istħarriġ li huwa kien jeżerċita fuq kwistjonijiet ta’ natura kumplessa fil-livell tekniku jew ekonomiku kien limitat għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u espliċitament ikkonferma, fil-punt 47 tad-deċiżjoni tiegħu, li l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 kienet timplika evalwazzjoni kumplessa.

84      Fit-tielet lok, l-ACER issostni wkoll għalxejn li, fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell eżamina l-aggravji, l-affermazzjonijiet u l-provi kollha mressqa mir-rikorrenti.

85      Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami allegat tal-aggravji kollha, tal-affermazzjonijiet u tal-provi mressqa mir-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 17(1)(ċ) tar-Regolamentc Nru 714/2009 — eżami li, kif ikkonferma l-Bord tal-Appell stess, kien jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi –, il-Bord tal-Appell, kif jirriżulta mill-punt 83 iktar ’il fuq, wettaq biss stħarriġ limitat, limitat għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

86      B’mod iktar konkret, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kwistjonijiet dwar ir-riskji fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 mqajma mir-rikorrenti b’mod partikolari fil-punti 129 sa 156 u 158 sa 172 tal-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell u msemmija wkoll waqt is-smigħ tal-esperti quddiem dan tal-aħħar, l-imsemmi bord, fil-punti 70 sa 74 u 94 sa 98 tad-deċiżjoni tiegħu, wettaq biss stħarriġ limitat tad-deċiżjoni tal-Aġenzija fuq dawn il-kwistjonijiet li jimplikaw evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi.

87      Fir-raba’ lok, l-ACER issostni b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma wrietx li eżami iktar fil-fond seta’ jwassal għal riżultat differenti.

88      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-eżistenza ta’ irregolarità relatata b’mod partikolari man-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu jew mal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ att sa fejn il-proċedura tista’ twassal għal riżultat ieħor fl-assenza ta’ din l-irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74, punt 74; tat‑12 ta’ Lulju 2017, L-Estonja vs Il-Kummissjoni, T‑157/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:483, punt 151, u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑463/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:606, punt 133). Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanza tal-eżerċizzju, mill-awtorità kkonċernata, ta’ stħarriġ ta’ intensità insuffiċjenti fir-rigward tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur, u, għaldaqstant, ta’ użu limitat u inkomplet tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma huma f’pożizzjoni li jistabbilixxu jekk il-proċedura setgħetx twassal jew le għal riżultat ieħor fl-assenza ta’ din l-irregolarità.

89      Fil-fatt, huwa min-natura tagħha possibbli għar-rikorrenti li turi li l-evalwazzjoni magħmula fuq il-kwistjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi mill-Bord tal-Appell kienet tkun differenti fl-assenza tal-irregolarità mwettqa, peress li fir-realtà s-setgħa diskrezzjonali ġiet eżerċitata biss b’mod limitat u inkomplet fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet.

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, id-disa’ motiv għandu jintlaqa’.

91      Madankollu, għal raġunijiet marbuta ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tqis utli li teżamina r-raba’ motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-relazzjoni eżistenti bejn l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u, konsegwentement, fuq il-possibbiltà li l-proġett ta’ interkonnessjoni tagħha jkun jista’ jibbenefika minn proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż kif ukoll fuq assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ tali proċedura.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-relazzjoni eżistenti bejn l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u, konsegwentement, fuq il-possibbiltà li l-proġett ta’ interkonnessjoni jibbenefika minn proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż kif ukoll fuq assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ din il-proċedura

92      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li r-riskju rilevanti għall-evalwazzjoni skont l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 seta’ jiġi evalwat b’mod korrett biss jekk talba għal proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż imressqa skont ir-Regolament Nru 347/2013 kienet ġiet miċħuda. Hija tikkonstata li, għall-Bord tal-Appell, l-uniku mod li juri li s-sistema regolatorja prevista minn dan l-aħħar regolament ma kinitx tippermetti t-twettiq tal-proġett kien li tgħaddi minn proċedura mingħajr suċċess ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż. Hija tqis li dan l-approċċ fil-fatt jintroduċi kundizzjoni supplimentari għall-għoti ta’ eżenzjoni. F’dan il-kuntest, hija ssostni wkoll li l-applikazzjoni tas-sistema rregolata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 ma tneħħix ir-riskji kollha mġarrba mill-interkonnessjoni Aquind u li għall-kuntrarju teżisti inċertezza kbira fir-rigward tal-forma finali tat-talba ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż u riskju sinjifikattiv ta’ dewmien.

93      L-ACER tirrifjuta dan il-motiv billi tfakkar qabel kollox li s-sistema rregolata tibqa’ r-regola u d-derogi huma l-eċċezzjoni u li ż-żewġ Regolamenti Nri 714/2009 u 347/2013 għandhom jinqraw flimkien u billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-raġuni għall-eżistenza tat-tielet pakkett “[e]nerġija”. Sussegwentement hija ssostni li d-deċiżjoni tal-Aġenzija u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma jindikawx li proġett ta’ interess komuni għandu dejjem jgħaddi minn proċedura mingħajr suċċess ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 qabel ma tista’ tingħata eżenzjoni. Barra minn hekk, hija tenfasizza li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li s-sistema regolatorja prevista mill-proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż tar-Regolament Nru 347/2013 ma kinitx tkun biżżejjed sabiex jitwettaq l-investiment u li l-għajnuna finanzjarja potenzjali tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 hija fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat ir-riskju. Fl-aħħar hija ssostni li l-kunsiderazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom l-interkonnessjoni Aquind ma setgħetx tiġi operata fil-kuntest tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 ma humiex rilevanti u ma huma sostnuti minn ebda prova.

94      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 347/2013 jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni fil-qasam tal-enerġija, jiġifieri tal-proġetti neċessarji għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija, u jiffaċilita l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ dawn il-proġetti. F’dan il-kuntest, jistabbilixxi regoli u gwida għat-tqassim transkonfinali tal-ispejjeż u l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ inċentivi li jieħdu kont tar-riskji li hemm għall-proġetti ta’ interess komuni. B’hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 347/2013, meta proġett ta’ interess komuni li jaqa’ taħt il-kategoriji previsti fil-punt 1(a), (b) u (d) u l-punt 2 tal-Anness II tal-istess regolament ikun laħaq maturità suffiċjenti, il-promoturi ta’ proġetti għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati kollha talba għal investiment, li tinkludi talba għal tqassim konfinali tal-ispejjeż. Id-deċiżjonijiet dwar it-tqassim tal-ispejjeż ta’ investiment jittieħdu, skont l-Artikolu 12(4) tal-imsemmi regolament, mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara konsultazzjoni mal-promoturi tal-proġetti kkonċernati, u l-ispejjeż ta’ investiment għandhom jiġu sostnuti minn kull operatur tan-network fil-kuntest ta’ dan il-proġett.

95      F’dan il-każ, fil-punt 134 tad-deċiżjoni tiegħu, l-Aġenzija kkunsidrat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kienx espost għal livell ta’ riskju li jiġġustifika l-eżenzjoni, kellu jiġi evalwat jekk skema rregolata (b’għajnuna finanzjarja) kinitx disponibbli għall-imsemmija interkonnessjoni. Huwa ddeċieda li, kieku dan kien il-każ, il-livell ta’ riskju tal-proġett ma kienx tali li jissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 u li, jekk għall-kuntrarju seta’ jintwera li s-sistema rregolata ma kinitx disponibbli għall-kostruzzjoni tal-interkonnessjoni Aquind, dan kien jimplika l-preżenza ta’ livell sinjifikattiv ta’ riskju finanzjarju għall-promotur.

96      F’dan is-sens, il-Bord tal-Appell ikkonferma, b’mod partikolari fil-punti 59, 67 u 91 tad-deċiżjoni tiegħu, ir-raġunament tal-Aġenzija li jinsab fil-punti 134 sa 138, 143 u 144 tad-deċiżjoni tagħha, li jgħid li l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni tal-interkonnessjoni Aquind, l-għajnuna finanzjarja potenzjali marbuta ma’ dan l-istatus — previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 — u l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx talbet l-imsemmija għajnuna finanzjarja kkostitwixxew kriterji ta’ evalwazzjoni determinanti għar-rifjut tal-għoti tal-applikazzjoni għal eżenzjoni. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li, minħabba l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni tal-interkonnessjoni Aquind, ir-rikorrenti kellha ex officio tgħaddi minn proċedura mingħajr suċċess ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 qabel ma l-eżenzjoni setgħet eventwalment tingħatalha.

97      B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, irrikjeda li r-rikorrenti twettaq bi prijorità u b’mod effettiv il-proċeduri amministrattivi sabiex tikseb il-finanzjament li jista’ jingħata lill-proġett ta’ interess komuni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u kkunsidra li kienet taħt din il-kundizzjoni li l-eżami tat-talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 seta’ jiġi previst. B’hekk ikkunsidra, essenzjalment, li kien impossibbli għar-rikorrenti li tibbenefika mill-vantaġġi tas-sistema rregolata previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u li l-imsemmija sistema rregolata ma tistax b’hekk tkopri l-eventwali riskju assoċjat mal-investiment.

98      Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li, fid-dawl tal-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni tal-interkonnessjoni Aquind, ir-rikorrenti kellha tressaq talba għal għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013.

99      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 94 iktar ’il fuq, il-mekkaniżmu ta’ għajnuna finanzjarja previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 jaqa’ taħt is-sistema rregolata. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 jipprevedi mekkaniżmu ta’ eżenzjoni mis-sistema rregolata u, a fortiori, għall-mekkaniżmu ta’ għajnuna finanzjarja previst mir-Regolament Nru 347/2013 u li waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tiġi ssodisfatta f’dan ir-rigward hija dik tal-livell tar-riskju assoċjat mal-investiment.

100    Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ eventwali għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 tista’ validament tikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix riskju assoċjat mal-investiment li jiġġustifika eżenzjoni mis-sistema rregolata skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009.

101    Madankollu, għalkemm il-finanzjament eventwali taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 jista’ jkun kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009, dan il-kriterju ma jistax madankollu jikkostitwixxi kundizzjoni separata nnifisha li għandha tiġi ssodisfatta sabiex tinkiseb eżenzjoni. F’dan is-sens, l-assenza ta’ talba minn qabel għal għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 għal proġett ta’ interkonnessjoni li kiseb l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni ma tistax tikkostitwixxi raġuni bħala tali li tippermetti li jiġi konkluż li r-riskju assoċjat mal-investiment ntweriex.

102    Issa, billi rrikjeda li l-applikant ikun għamel talba, mingħajr suċċess, għal tqassim transkonfinali tal-ispejjeż skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 qabel ma tkun tista’ tiġi prevista eżenzjoni, il-Bord tal-Appell, fir-realtà, għamel it-tressiq mir-rikorrenti tat-talba għal għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 kundizzjoni separata sabiex jintwera r-riskju assoċjat mal-investiment. B’dan il-mod, huwa kkunsidra, essenzjalment, li hija biss il-kisba ta’ tweġiba negattiva għall-imsemmija talba għal għajnuna finanzjarja, u, għaldaqstant, l-indisponibbiltà tas-sistema rregolata marbuta mal-proġett ta’ interess komuni tar-rikorrenti, li tippermetti li jiġi kkunsidrat li kien jeżisti riskju assoċjat mal-investiment ta’ importanza tali li kienet tippermetti li tingħatalha s-sistema ta’ eżenzjoni.

103    Tali approċċ la huwa ġġustifikat fir-rigward tar-Regolament Nru 714/2009 u lanqas fir-rigward tar-Regolament Nru 347/2013.

104    L-ewwel, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009, l-eżenzjoni tingħata meta l-kundizzjonijiet previsti li jipprevedi jkunu ssodisfatti. Issa, għalkemm it-tqassim transkonfinali tal-ispejjeż skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tar-riskju assoċjat mal-investiment previst fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, dan ma huwiex espressament previst minn din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li l-introduzzjoni ta’ kundizzjoni li ma tinsabx fost dawk elenkati fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 tmur kontra l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u tikkontradixxi r-rieda tal-leġiżlatur li jillimita l-għoti tal-eżenzjoni għall-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu.

105    It-tieni, ebda dispożizzjoni leġiżlattiva ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur ippreveda l-prijorità ta’ sistema fuq l-oħra. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 jirriżulta li l-promoturi jibbenefikaw minn libertà ta’ għażla bejn is-sistema tal-proġett ta’ interess komuni u t-talba għal eżenzjoni. Meta l-proġetti għandhom l-istatus ta’ proġetti ta’ interess komuni, il-promoturi tagħhom għandhom il-possibbiltà, minn naħa, li jitolbu l-proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u, min-naħa l-oħra, li jitolbu eżenzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009. Kif il-Bord tal-Appell madankollu rrileva huwa stess, dawn it-talbiet huma ta’ applikazzjoni volontarja u ż-żewġ proċeduri jistgħu jirnexxu jew le. F’dan il-kuntest, ma jistax jitqies li t-talba għal tqassim transkonfinali tal-ispejjeż prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 għandha tapplika bi prijorità.

106    It-tielet, għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ sistemi jistgħu jiġu applikati alternattivament. Fil-fatt, mill-Artikolu 12(9)(b) u mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 347/2013 jirriżulta li l-miżuri ta’ inċentiv previsti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-proġetti ta’ interess komuni li bbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009. B’hekk, min ibbenefika minn eżenzjoni ma jistax jibbenefika iktar minn tqassim transkonfinali tal-ispejjeż. Jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni sostnuta mill-ACER, din twassal sabiex il-promoturi ta’ proġetti ta’ interkonnessjoni li għandhom l-istatus ta’ proġetti ta’ interess komuni jiġu preklużi milli jagħżlu liberament il-proċedura applikabbli għall-proġett tagħhom. Issa, dawn il-promoturi jibbenefikaw minn libertà ta’ għażla bejn il-proċeduri applikabbli li ma jistgħux jiġu ppreġudikati.

107    Ir-raba’, il-kriterju essenzjali li għandu jiggwida l-eżami tal-applikazzjoni għal eżenzjoni huwa dak tal-“livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment” previst fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009. Għandu jiġi enfasizzat li r-riskju inkwistjoni li jippermetti li jiġi ġġustifikat l-għoti tal-eżenzjoni jista’ jeżisti anki fil-każ fejn il-promotur jista’ jibbenefika minn għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013. Fi kliem ieħor, il-possibbiltà li tinkiseb għajnuna finanzjarja skont din id-dispożizzjoni fl-ebda każ ma tippermetti li jiġi eskluż awtomatikament ir-riskju finanzjarju assoċjat mal-investiment.

108    Issa, l-approċċ adottat mill-Bord tal-Appell u mill-Aġenzija kien prinċipalment ibbażat fuq raġunament ipotetiku, jiġifieri fuq il-“possibbiltà” li talba skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 tagħti lok għal għajnuna finanzjarja għar-rikorrenti u fuq il-fatt li ma “setax jiġi eskluż” li deċiżjoni favorevoli skont din id-dispożizzjoni tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-investituri potenzjali. B’hekk huwa ma wettaqx evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju fir-rigward tar-riskju assoċjat mal-investiment imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u, għaldaqstant, huma ppreżumew impliċitament li t-talba kienet twassal għall-għoti ta’ vantaġġ finanzjarju li jippermetti li jiġi eliminat l-imsemmi riskju.

109    F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell ma setax jikkritika lir-rikorrenti talli ma pproduċietx il-prova li l-għajnuna finanzjarja prevista mis-sistema rregolata tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 ma kinitx tkun suffiċjenti sabiex jitnaqqas ir-riskju assoċjat mal-investiment u twettaq l-imsemmi investiment, peress li l-Bord tal-Appell stess ma evalwax dan il-kriterju fid-dawl tar-riskju assoċjat mal-investiment imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u lanqas, a fortiori, is-sinjifikat tal-vantaġġ eventwali li tista’ jagħti l-imsemmija għajnuna finanzjarja lir-rikorrenti. Fil-fatt, tali vantaġġ ma setax sempliċement jistrieħ fuq preżunzjoni jew jiġi ppreżentat bħala fatt stabbilit.

110    Il-ħames, kif issostni r-rikorrenti, l-użu tal-proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż ma jikkostitwixxix garanzija li r-riskji kollha li għalihom huma suġġetti l-interkonnessjonijiet jkunu tneħħew. Inċertezza tibqa’ dwar il-forma finali — f’termini ta’ riżultat u ta’ portata — tat-talba tar-rikorrenti għal tqassim transkonfinali tal-ispejjeż u fir-rigward tar-riskju sinjifikattiv ta’ dewmien. Fil-fatt, minn naħa, ma teżisti ebda ċertezza li t-talba għal tqassim transkonfinali għandha tirnexxi u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament Nru 347/2013, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu deċiżjonijiet ikkoordinati fi żmien sitt xhur mid-data tal-wasla tal-aħħar talba għal investiment.

111    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ġustament tosserva li, fil‑31 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/389, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni (ĠU 2020, L 74, p. 1), li ssostitwixxa l-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni u li naqas li jinkludi f’din il-lista l-interkonnessjoni Aquind. Din l-emenda tal-lista, li tista’ a priori sseħħ kull sentejn, turi l-fatt li jista’ raġonevolment ikun hemm dubji fir-rigward tal-fatt li dan is-sostenn finanzjarju jista’ jikkostitwixxi garanzija ta’ finanzjament fuq perijodu medju jew twil.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi rrileva l-assenza ta’ talba għal għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u billi ma wettaqx evalwazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ għajnuna finanzjarja fid-dawl tar-riskju assoċjat mal-investiment, il-Bord tal-Appell ħoloq b’mod żbaljat kundizzjoni supplimentari li ma hijiex prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009.

113    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi u li r-raba’ motiv huwa fondat.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha tiġi annullata u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

116    Tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk l-ACER tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha stess, għal dawk kollha tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni A-001-2018 tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tas17 ta’ Ottubru 2018 hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-ACER għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Aquind Ltd.

Tomljenović

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Novembru 2020.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet

Fuq il-mertu

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq eżami insuffiċjenti tad-deċiżjoni tal-Aġenzija

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-relazzjoni eżistenti bejn l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u, konsegwentement, fuq il-possibbiltà li l-proġett ta’ interkonnessjoni jibbenefika minn proċedura ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż kif ukoll fuq assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ din il-proċedura

Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.