Language of document : ECLI:EU:T:2012:592

Kawżi magħquda T-83/11 u T-84/11

Antrax It Srl

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarji — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinni Komunitarji rreġistrati li jirrappreżentaw termosifuni għal radjaturi ta’ tisħin — Disinni preċedenti — Raġuni għal invalidità — Nuqqas ta’ karattru individwali — Nuqqas ta’ impressjoni globali differenti — Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 — Saturazzjoni tal-eċċellenza — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2012

1.      Disinni Komunitarji — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Eżami mill-ġdid tal-fatti fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 61)

2.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Utent avżat — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u 25(1(b))

3.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Libertà tad-disinjatur

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(2) u 25(1)(b))

4.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — saturazzjoni tal-eċċellenza — Rilevanza

5.      Disinni Komunitarji — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 61)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 28)

2.      Il-kunċett ta’ “utent informat” fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jfissirx prodottur u lanqas bejjiegħ tal-prodotti li fihom id-disinn ikkonċernat ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat. L-utent informat huwa persuna li għandha viġilanza partikolari u li tiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-eċċellenza preċedenti, jiġifieri tal-partimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkonċernat.

Barra minn hekk, il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fuqu jiġi inkorporat id-disinn, b’konformità mal-għan li għalih l-istess prodott huwa intiż.

Id-definizzjoni “informat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu grad ta’ konoxxenzi fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom.

Madankollu, din is sitwazzjoni ma timplikax li l-utent informat ikun f’pożizzjoni li jiddistingwi, lil hinn mill-esperjenza li huwa kiseb minħabba l-użu tal-prodott ikkonċernat, bejn l-aspetti tal-apparenza tal-prodott li huma ristretti mill-funzjoni teknika ta’ dan tal-aħħar, u dawk li huma arbitrarji.

(ara l-punti  36-39)

3.      Il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn huwa ddefinit, b’mod partikolari, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott li għalih jiġi applikat id-disinn. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal normalizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għad-disinji applikati fuq il-prodott ikkonċernat.

Għalhekk, iktar ma tkun kbira l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, inqas ikunu d-differenzi żgħar bejn id-disinni pparagunati jkunu suffiċjenti sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent informat. Bil-maqlub, iktar ma l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn tkun ristretta, iktar ma d-differenzi żgħar bejn id-disinni pparagunati jkunu suffiċjenti sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent informat. Għalhekk, grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn isaħħaħ il-konklużjoni li d-disinni meta mqabbla li ma jkollhomx differenzi sinjifikattivi jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent informat.

(ara l-punti 44, 45)

4.      Is-saturazzjoni possibbli tal-eċċellenza, li tirriżulta mill-eżistenza allegata ta’ disinni oħrajn ta’ termosifuni jew radjaturi bl-istess karatteristiċi kollha tad-disinni inkwistjoni kienet rilevanti, jista’ jkun probabbli li jagħmlu l-utent informat iktar sensittiv għad-differenzi fil-proporzjonijiet interni bejn id-diversi disinni.

(ara l-punt 89)

5.      Is-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lill-din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex u l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bdil għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta.

(ara l-punt 92)