Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fis-6 ta’ April 2022 – NQ vs Mara-Tóni Bt.

(Kawża C-244/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NQ

Konvenut: Mara-Tóni Bt.

Intervenjenti: Foudre Kft. u Tasavill Bt.

Domandi preliminari

Impriża li, mingħajr awtorizzazzjoni mill-Istat, timpjega ħaddiema li, fir-realtà, jaħdmu għal mandant tagħha fi kwalità ta’ ċessjonarju, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija 1 ?

Ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ impriża, tassenjahom lil impriża oħra sabiex iwettqu xogħlijiet, fejn il-kumpanija li tagħtihom ix-xogħol tiżgura l-provvista tal-materjal, l-għodod u l-istruzzjonijiet neċessarji għat-twettiq tax-xogħol, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva [2008/104]?

Jekk, abbażi ta’ dan preċedenti, ir-rikorrent u l-ħaddiema elettriċisti għandhom ikunu kklassifikati bħala ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi entità ekonomika, grupp iddeterminat ta’ ħaddiema, li jeżerċita attività ekonomika kontinwa għal diversi impriżi li jappartjenu għall-istess ċirku ta’ persuni, anki meta dawn l-impriżi ma għandhomx awtorizzazzjoni mill-Istat sabiex jeżerċitaw legalment assenjazzjoni temporanja ta’ ħaddiema permezz ta’ aġenzija, la bħala ċedent u lanqas bħala ċessjonarju, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni li, fil-każ ta’ assenjazzjoni temporanja ta’ ħaddiema permezz ta’ aġenzija, inkwistjoni ma hemmx, bħala prinċipju, it-tpoġġija għad-dispożizzjoni ta’ assi?

Jekk l-imsemmija ħaddiema jiġu kklassifikati bħala entità ekonomika, bħala grupp iddeterminat ta’ ħaddiema, dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji 1 , minkejja l-fatt li dawn huma ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija?

____________

1 ĠU 2008, L 327, p. 9.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98.