Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2022 mill-Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo sp. z o.o. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-263/15 RENV, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-163/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo sp. z o.o. (rappreżentanti: K. Gruszecka-Spychała, P. K. Rosiak, radcy prawni)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-263/15 RENV, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo vs Il-Kummissjoni;

tiddeċiedi l-kawża b’mod definittiv billi tilqa’ l-ewwel, ir-raba’ u s-sitt motiv bħala fondati fil-kuntest kopert minn dan l-appell u tiddikjara l-inammissibbiltà tad-deċiżjoni appellata, skont kif mitlub fir-rikors;

fid-deċiżjoni msemmija fit-tieni inċiż iktar ’il fuq, tiddeċiedi dwar l-ispejjeż tal-kawża fl-ewwel istanza u fl-appell;

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE b’rabta mal-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv inkwantu twettqet identifikazzjoni inkorretta tal-benefiċċji u determinazzjoni żbaljata tal-ammont tal-għajnuna suġġetta għar-rimbors imqajma fil-kuntest tar-raba’ motiv.

It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni lment tas-sitt motiv dwar l-illegalità tar-revoka tad-Deċiżjoni 2014/883/UE 1 u tas-sostituzzjoni tagħha permezz tad-deċiżjoni kkontestata, tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ċertezza legali u protezzjoni ġudizzjarja effettiva, permezz tal-adozzjoni ta’ interpretazzjoni mhux konformi mal-liġi, li tippermetti kwalunkwe rtirar, mill-Kummissjoni, ta’ att legali tagħha stess li jkun diġà ġie appellat quddiem il-Qorti Ġenerali, u li tippermettilha li liberament tibdel il-kontenut tiegħu, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi u l-aspettattivi tal-parti li tkun appellat dak l-att legali.

It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, fl-eżami tat-tielet ilment tas-sitt motiv, li jirrigwarda ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, kif ukoll tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fid-dawl tan-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-obbligu tal-Kummissjoni li tibdel id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura jew li tadotta deċiżjoni ġdida f’dan ir-rigward, fil-każ fejn il-kundizzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata għall-korrezzjoni jew għall-estensjoni tad-deċiżjoni dwar il-bidu tal-proċedura jkunu ġew issodisfatti.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/883/UE tal-11 ta’ Frar 2014 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (ex 13/NN u ex 12/N) – Il-Polonja It-twaqqif tal-ajruport ta’ Gdynia-Kosakowo (notifikata bid-dokument C(2014) 759); ĠU 2014, L 357, p. 51.