Language of document : ECLI:EU:C:2021:619

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 (1)

Kawża C181/20

VYSOČINA WIND a.s.

vs

Ir-Repubblika Ċeka

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2012/19/UE – Skart – Tagħmir elettriku u elettroniku – Spejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ pannelli fotovoltajċi – Responsabbiltà tal-produttur – Implimentazzjoni żbaljata ta’ direttiva – Responsabbiltà ta’ Stat Membru – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Nuqqas ta’ retroattività”






I.      Introduzzjoni

1.        Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, Vysočina Wind qiegħda titlob kumpens mill-Istat Ċek minħabba li dan tal-aħħar implimenta ħażin il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas fid-Direttiva 2012/19/UE (2) fir-rigward ta’ pannelli fotovoltajċi.

2.        It-talba għar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-Unjoni hija bbażata fuq is-sentenza Francovich (3) u tippreżupponi, inter alia, ksur serju tad-dritt tal-Unjoni (4). Dan jista’ jkun minħabba implimentazzjoni żbaljata tad-Direttiva 2012/19, iżda jkun eskluż jekk il-leġiżlazzjoni rilevanti tad-Direttiva tikser dritt tal-Unjoni ta’ grad ogħla, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ retroattività.

3.        Ir-Repubblika Ċeka tiddubita l-kompatibbiltà tad-Direttiva 2012/19, ippubblikata fl‑2012, mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn skontha l-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi għandhom iġorru l-ispejjeż għar-rimi tal-pannelli kollha li huma diġà poġġew fis-suq mit‑13 ta’ Awwissu 2005. Dan l-Istat Membru għalhekk adotta leġiżlazzjoni li timponi dawn l-ispejjeż fuq l-utenti tal-pannelli jekk dawn tpoġġew fis-suq sal‑1 ta’ Jannar 2013. Vysočina Wind topera impjant tal-enerġija solari u, bħala riżultat ta’ din il-leġiżlazzjoni, kellha tassumi l-ispejjeż, li issa qiegħda titlob il-kumpens tagħhom.

4.        Għaldaqstant, għandu jiġi ċċarat sa liema punt l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi hija kompatibbli mal-klawżola ta’ nuqqas ta’ retroattività.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rimi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku

1.      Id-Direttiva 2012/19

5.        Is-suġġett tad-Direttiva 2012/19 huwa stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) u bit-tnaqqis tal-impatti ġenerali mill-użu ta’ riżorsi u t-titjib tal-effiċjenza f’dan it-tip ta’ użu skont l-Artikoli 1 u 4 tad-[Direttiva dwar l-iskart (5)], u b’hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli.”

6.        L-ambitu tad-Direttiva 2012/19 jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2(1):

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) kif ġej:

a)      mit‑13 ta’ Awwissu 2012 sal‑14 ta’ Awwissu 2018 (perjodu tranżizzjonali), soġġett għall-paragrafu 3, għal EEE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness I. L-Anness II fih lista indikattiva ta’ EEE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness I;

b)      mill‑15 ta’ Awwissu 2018, suġġett għall-paragrafi 3 u 4, għall-EEE kollu. L-EEE kollu għandu jkun ikklassifikat fi ħdan il-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. L-Anness IV fih lista mhux eżawrjenti ta’ EEE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness III (ambitu mhux ristrett).”

7.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/19 jiddefinixxi diversi kunċetti:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘tagħmir elettriku u elettroniku’ jew ‘EEE’ tfisser tagħmir li huwa dipendenti fuq kurrenti tal-elettriku jew kampijiet elettromanjetiċi biex jaħdem b’mod adatt u tagħmir għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment u l-kejl ta’ kurrenti u kampijiet ta’ dan it-tip u ddisinjat għall-użu ma’ vultaġġ massimu li ma jaqbiżx l-1 000 volt għal kurrent alternanti u 1 500 volt għal kurrent dirett;

[…]

e)      ‘skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku’ jew ‘WEEE’ tfisser tagħmir elettriku jew elettroniku li huwa skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE, inklużi l-komponenti kollha, is-submontaturi u l-oġġetti tal-konsum li huma parti mill-prodott fil-waqt li jintrema.”

8.        L-Anness I tad-Direttiva 2012/19 jelenka l-kategoriji EEE koperti mid-Direttiva matul il-perijodu tranżizzjonali kif previst fl-Artikolu 2(1)(a). Il-punt 4 isemmi tagħmir tal-konsumatur u pannelli fotovoltajċi.

9.        Il-pannelli fotovoltajċi jissemmew ukoll fil-punt 4 tal-lista indikattiva ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness II tad-Direttiva 2012/19 li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-Anness I.

10.      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jirregola r-responsabbiltà tal-produttur għall-ispejjeż tar-rimi ta’ tagħmir għall-użu professjonali:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005 jkun ipprovdut mill-produtturi.

Għal skart storiku li qed jinbidel bi prodotti ġodda ekwivalenti jew bi prodotti ġodda bl-istess funzjoni, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jkun ipprovdut mill-produtturi ta’ dawk il-prodotti meta jfornuhom. L-Istati Membri jistgħu, alternattivament, jistipulaw li utenti għajr djar privati jsiru wkoll responsabbli, parzjalment jew totalment, għal dan il-finanzjament.

Għal skart storiku ieħor, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jkun ipprovdut mill-utenti għajr djar privati.”

11.      Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2012/19 jipprevedi li “WEEE minn prodotti mqiegħda fis-suq fi jew qabel it-13 ta’ Awwissu 2005” għandhom jitqiesu “bħala (‘skart storiku’)”.

12.      L-istess leġiżlazzjonijiet kienu diġà previsti fl-Artikolu 9(1) u Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (6). Madankollu, id-Direttiva preċedenti kienet għadha ma hijiex applikabbli għal pannelli fotovoltajċi. Dawn kienu koperti biss mid-Direttiva 2012/19.

13.      Ir-responsabbiltà tal-produttur hija indirizzata fil-premessa 23 tad-Direttiva 2012/19:

“[] Sabiex jingħata effett massimu lill-kunċett ta’ responsabbiltà tal-produttur, kull produttur għandu jkun responsabbli għall-finanzjament tal-ġestjoni tal-iskart mill-prodotti tiegħu stess. Il-produttur għandu jkun jista’ jagħżel li jwettaq dan l-obbligu jew individwalment jew billi jingħaqad ma’ skema kollettiva. Meta jqiegħed prodott fis-suq, kull produttur għandu jipprovdi garanzija finanzjarja biex jipprevjeni li l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-WEEE minn prodotti orfni jiġġarrbu mis-soċjetà jew mill-bqija tal-produtturi. Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-ġestjoni ta’ skart storiku għandha tinqasam bejn il-produtturi kollha eżistenti fi skemi ta’ finanzjament kollettivi li għalihom il-produtturi kollha li jeżistu fis-suq meta jseħħu l-ispejjeż jikkontribwixxu proporzjonalment. Skemi ta’ finanzjament kollettivi ma għandux ikollhom l-effett li jeskludu produtturi ta’ prodotti speċjalizzati (niche) u ta’ volumi żgħar, importaturi u dawk li jidħlu ġodda. Skemi kollettivi jistgħu jipprovdu miżati differenzjati abbażi ta’ kemm ikun faċli biex jiġu riċiklati l-prodotti u l-varjetà ta’ materja sekondarja prezzjuża li jkun fihom. Fil-każ ta’ prodotti li għandhom ħajja twila, u li issa huma koperti minn din id-Direttiva, bħal pannelli fotovoltajċi, għandu jsir l-aħjar użu possibbli tas-sistemi eżistenti għall-ġbir u r-riċiklaġġ, ġaladarba r-rekwiżiti korrispondenti għal din id-Direttiva jiġu rispettati.”

14.      Id-Direttiva 2012/19 ġiet ippubblikata fl‑24 ta’ Lulju 2012 u kellha tiġi implimentata mhux iktar tard mill‑14 ta’ Frar 2014.

2.      Id-Direttiva dwar l-Iskart

15.      Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Iskart applikabbli dwar ir-responsabbiltà għall-iskart.

16.      L-Artikolu 15 tad-Direttivi dwar l-Iskart 75/442 (7) u 2006/12 (8) kienu jipprevedu rispettivament:

“Skond il-prinċipju li ‘min iniġġes iħallas’, l-ispiża tar-rimi ta’ l-iskart għandha titħallas minn:

[…]      id-detentur li l-iskart tiegħu jiġi mmaniġġat minn kollettur ta’ l-iskart jew minn impriża kif imsemmija fl-Artikolu 9; u/jew

[…]      id-detenturi ta’ qabel jew il-produttur tal-prodott li minnu ġie l-iskart.”

17.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98 dwar l-Iskart li issa huwa applikabbli jipprevedi leġiżlazzjoni simili:

“(1)      Skond il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-ispejjeż ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali ta’ l-iskart jew mid-detentur attwali jew ta’ qabel ta’ l-iskart

(2)      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-ispiża ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandha tinġarr parzjalment jew b’mod sħiħ mill-produttur tal-prodott li minnu jkun ġie l-iskart u li d-distributuri ta’ tali prodott jistgħu jikkondividu dawn l-ispejjeż.”

B.      Id-dritt Ċek

18.      Ir-Repubblika Ċeka implimentat l-obbligi tagħha taħt id-direttiva oriġinali, jiġifieri d-Direttiva 2002/96, billi adottat l-Att dwar l-Iskart. Fit‑30 ta’ Mejju 2012, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19, f’dan l-att żdied l-Artikolu 37p ġdid, li introduċa mekkaniżmu għall-finanzjament tal-ġestjoni tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi. Skont din id-dispożizzjoni, l-obbligu li tiġi ffinanzjata l-ġestjoni ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2013, japplika għall-operatur tal-impjant tal-enerġija solari permezz ta’ ħlasijiet ugwali tal-kontribuzzjonijiet tar-riċiklaġġ. Għal dan il-għan, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma’ persuna li tiżgura sistema ta’ finanzjament konġunta mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2013, ġie previst b’tali mod li dan il-finanzjament ikun iggarantit sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2019. Għal pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara l-1 ta’ Jannar 2013, dan l-obbligu japplika għall-produttur tagħhom.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

19.      Vysočina Wind hija l-operatur tal-impjant tal-enerġija solari “Vranovská ves II”. Dan l-impjant tal-enerġija ġie kkummissjonat fl‑2009 partikolarment bl-użu ta’ pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005. Wara l-introduzzjoni tal-Artikolu 37p il-ġdid tal-Att dwar l-Iskart tar-Repubblika Ċeka, Vysočina Wind għaldaqstant ikkonkludiet kuntratti mal-entitajiet rilevanti, li fuq il-bażi tagħhom ħallset kontribuzzjonijiet għar-riċiklaġġ futur ta’ skart elettriku minn pannelli fotovoltajċi li jammontaw għal 1 613 773.24 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 65 000) fi tliet pagamenti fl‑2015 u l-2016.

20.      Vysočina Wind ippreżentat rikors kontra r-Repubblika Ċeka għall-kumpens ta’ dak l-ammont. Quddiem il-qrati nazzjonali, hija kienet tal-fehma li r-Repubblika Ċeka kienet implimentat id-Direttiva 2012/19 b’mod żbaljat. Skont l-Artikolu 13, l-obbligu li jiġi ffinanzjat ir-rimi ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 jaqa’ fuq il-produttur u mhux fuq l-utent. Bħala riżultat, Vysočina Wind iġġarrab dannu, li skont l-Artikolu 37p tal-Att dwar l-Iskart, li għadu fis-seħħ, għandha tħallas il-kontribuzzjoni tar-riċiklaġġ anki wara l‑14 ta’ Frar 2014 (l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-direttiva), minkejja l-fatt li skont id-dritt tal-Unjoni għandha titħallas mill-produttur.

21.      Ir-Repubblika Ċeka kkontestat il-fatt li, kuntrarjament għall-formulazzjoni tad-Direttiva 2012/19, l-obbligu tal-produttur li jiffinanzja r-rimi jista’ japplika biss għal pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara li skada t-terminu tat-traspożizzjoni tad-direttiva, peress li l-impożizzjoni retroattiva tal-obbligu kellha effett retroattiv ilelgali u tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali b’rabta magħha. Barra minn hekk, hija oġġezzjonat li bosta produtturi li poġġew pannelli fotovoltajċi fis-suq bejn l-2005 u l-2013 ma kinux għadhom jeżistu u għalhekk ma seta’ jiġi impost fuqhom l-ebda obbligu li jiffinanzjaw il-ġestjoni tal-iskart.

22.      Ir-rikors ta’ Vysočina Wind intlaqa’ fiż-żewġ istanzi. Il-kawża issa tinsab pendenti quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fuq is-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2013 lill-utenti tagħhom, u mhux lill-produtturi?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda magħmula, iċ-ċirkustanza, bħal dik f’dan il-każ, li Stat Membru rregola huwa stess il-modalitajiet ta’ finanzjament tal-iskart li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi saħansitra qabel l-adozzjoni tad-direttiva, li għadha kemm inkludiet il-pannelli fotovoltajċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u imponiet il-finanzjament tal-ispejjeż lill-produtturi, u dan anki għall-pannelli li tqiegħdu fis-suq qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-direttiva (u l-adozzjoni stess ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni), għandha effett għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tal-Istat Membu għad-dannu kkawżat lill-individwu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni?”

23.      Vysočina Wind, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub skont l-Artikolu 23 tal-Istatut. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta orali.

IV.    L-analiżi ġuridika

24.      It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża li tiċċara l-kundizzjonijiet tat-talba għar-responsabbiltà tal-Istat skont id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19 jipprekludix Stat Membru milli jimponi l-obbligu għall-finanzjament tal-ispejjeż tar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2013 fuq l-utenti tagħhom u mhux fuq il-produtturi (dwar dan, ara taħt A). Mill-fatti tal-proċedura nazzjonali jista’ jiġi konkluż li din tikkonċerna biss pannelli li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005.

25.      Fil-każ li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu dawn l-ispejjeż fuq l-utenti ta’ pannelli bħal dawn, in-Nejvyšší soud soud České (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tistaqsi wkoll x’rilevanza għandu l-fatt li l-Istat Membru rregola huwa stess ir-responsabbiltà għall-iskart minn dawn il-pannelli (dwar dan, ara taħt B).

A.      L-ewwel domanda - bidu tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi

26.      Sabiex inwieġeb l-ewwel domanda, l-ewwel ser nispjega li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19, l-ispejjeż għar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq mit‑13 ta’ Awwissu 2005 għandhom jitħallsu mill-produtturi (dwar dan, ara taħt 1). Imbagħad, ser niddiskuti jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex kompatibbli man-nuqqas ta’ retroattività (dwar dan, ara taħt 2).

1.      Il-kontenut normattiv tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19

27.      Huwa ċar mid-Direttiva 2012/19 li l-ispejjeż għar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 ma jistgħux jiġu imposti fuq l-utenti. Skont l-Artikolu 13(1) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tat-tagħmir elettriku u elettroniku minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara din id-data għandhom jiġu ffinanzjati mill-produtturi.

28.      Skont id-Direttiva 2012/19, il-pannelli fotovoltajċi huma tagħmir elettriku u elettroniku.

29.      Skont l-Artikolu 2(1)(a), id-Direttiva 2012/19 tapplika, mit‑13 ta’ Awwissu 2012, għal tagħmir elettriku u elettroniku li jaqa’ taħt il-kategoriji tal-Anness I. Il-lista indikattiva ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness II tispeċifika dawn il-kategoriji. Pannelli fotovoltajċi jissemmew espressament kemm fil-punt 4 tal-Anness I kif ukoll fil-punt 4 tal-Anness II. Għaldaqstant, il-leġiżlatur evidentement jassumi li dawn il-pannelli huma tagħmir elettriku u elettroniku fis-sens tad-definizzjoni fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2012/19, u ried jestendi l-applikazzjoni tad-Direttiva għalihom fir-riformulazzjoni.

30.      Jekk is-sidien ta’ pannelli fotovoltajċi fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-Iskart jarmu, iridu jarmu jew ikollhom jarmu l-pannelli, il-pannelli jsiru skart u b’hekk jikkostitwixxu skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2012/19.

31.      Għal pannelli bħal dawn, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jipprevedi li l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent għandhom jiġu ffinanzjati mill-produtturi.

32.      Huwa minnu li d-Direttiva 2012/19 ġiet adottata u ppubblikata biss f’Lulju 2012. Skont l-Artikolu 2(1)(a) bdiet tapplika mit‑13 ta’ Awwissu 2012 għal pannelli fotovoltajċi. Skont l-Artikolu 24(1), it-terminu tat-traspożizzjoni tagħha ntemm fl‑14 ta’ Frar 2014. Minkejja dan, l-Artikolu 13(1) jiddikjara b’mod ċar li r-responsabbiltà tal-produttur tapplika għat-tagħmir kollu li tqiegħed fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005. Dan għalhekk għandu japplika wkoll għal pannelli fotovoltajċi. Il-Kummissjoni tispjega wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dispożizzjonijiet oħra, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tranżitorja dwar ir-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi.

33.      It-terminu tat-traspożizzjoni u d-data għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19 jistgħu jkunu deċiżivi sabiex jiġi ddeterminat minn liema data l-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi jistgħu jkunu meħtieġa jassumu l-ispejjeż inkwistjoni.

34.      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssemmi l-kwistjoni dwar jekk il-produtturi għandhomx iġorru l-ispejjeż tal-pannelli li saru skart qabel id-dati msemmija. Madankollu, pannelli bħal dawn ma jikkonċernawx il-proċeduri preżenti, minħabba li Vysočina Wind qiegħda titlob rimbors tal-ħlasijiet li għamlet fil-każ li l-pannelli tagħha jsiru skart biss fil-futur, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni.

35.      Tali pannelli, li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 iżda iktar tard isiru skart, bla dubju jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-produttur skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19.

36.      Ma jkunx kompatibbli mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 li l-produtturi jiġu eżentati mir-responsabbiltà tagħhom u minflok l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għar-riċiklaġġ u għar-rimi tagħhom li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent jiġu imposti fuq l-utenti tal-pannelli fotovoltajiċi. Il-punt sa fejn ir-responsabbiltà tista’ titqiegħed fuq l-utenti jekk il-produtturi ma jistgħux jassumu l-ispejjeż ma huwiex is-suġġett tal-proċedura preżenti.

37.      Bħala konklużjoni intermedja, jista’ jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19, l-Istati Membri għandhom jimponu l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għar-riċiklaġġ u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ pannelli fotovoltajċi minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 fuq il-produtturi.

2.      In-nuqqas ta’ retroattività

38.      Skont ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja, l-applikazzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/19, madankollu, titqies bħala effett retroattiv inammissibbli.

39.      Dawn iż-żewġ Stati Membri għalhekk jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19. Din id-dispożizzjoni ma tmurx kontra l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, li jipprevedu r-responsabbiltà tal-produttur biss għal pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni.

40.      Madankollu, din il-konklużjoni tkun contra legem u għaldaqstant ma tistax tinkiseb bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 (9). Ir-raġuni għal dan hija li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod ċar li r-responsabbiltà tal-produttur tibda mit‑13 ta’ Awwissu 2005. Għaldaqstant, sa fejn din il-leġiżlazzjoni hija inkompatibbli man-nuqqas ta’ retroattività, din tkun invalida.

41.      Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tqajjimx dubji dwar il-validità tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19, il-Qorti tal-Ġustizzja, eċċezzjonalment, teżamina ex officio l-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tingħata risposta sħiħa lill-qorti tar-rinviju (10).

a)      L-effett retroattiv tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi

42.      Il-ġurisprudenza dwar l-effett retroattiv hija bbażata fuq il-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, li huma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma għandhom jiġu osservati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mid-direttivi tal-Unjoni (11).

43.      Bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li r-ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jibda jiddekorri minn data li tkun preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu (12). Madankollu, id-Direttiva 2012/19 ma tipprevedix li r-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi tapplika anki qabel il-pubblikazzjoni tagħha fl‑24 ta’ Lulju 2012. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din ir-responsabbiltà tal-produttur mill-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tal‑14 ta’ Frar 2014 biss. Għaldaqstant, id-Direttiva ma teħtieġx li l-produtturi jassumu r-responsabbiltà għal pannelli li saru skart qabel l‑14 ta’ Frar 2014.

44.      Madankollu, kundizzjoni għar-responsabbiltà tal-produttur tista’ tkun diġà ġġustifikata qabel il-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2012/19, minħabba li tkopri pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq mit‑13 ta’ Awwissu 2005, jiġifieri qabel ma d-Direttiva ġiet ippubblikata fl‑24 ta’ Lulju 2012.

45.      Tali teknika leġiżlattiva mhux bilfors tikser il-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali. Kif jenfasizzaw il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, regola ġdida pjuttost tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt is-sistema tar-regola l-qadima (kunsiderazzjoni ta’ sitwazzjoni preċedenti) (13). Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-limitu li jimpedixxi, ġeneralment, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt is-sistema tar-regola l-qadima (14).

46.      Madankollu, għandu jiġi nnotat ukoll li dispożizzjoni legali ġdida ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u saru definittivi qabel dan id-dħul fis-seħħ (15). L-atti li jkunu saru qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida pjuttost jibqgħu jiġu rregolati mil-liġi l-antika (16). Dan japplika, pereżempju, għal trademarks irreġistrati, li r-reġistrazzjoni tagħhom ma għandhiex tkun ikkontestata minn rekwiżiti sussegwenti (17).

47.      Għaldaqstant, il-mistoqsija deċiżiva hija jekk l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart għal pannelli fotovoltajċi li l-produtturi kienu diġà poġġew fis-suq, jiġifieri ġeneralment mibjugħa, tbiddilx il-konsegwenzi legali ta’ att konkluż jew sempliċement tirregola l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nibtet taħt ir-regolament l-antik.

48.      Meta jimmanifatturaw pannelli, il-produtturi għandhom jassumu li dawn ser isiru skart iktar tard fiż-żmien. Minn dan l-att, l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produtturi tidher biss li tirregola l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tnisslet qabel.

49.      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet dwar żieda fl-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart. L-għan kien li jiġi estiż it-tul tal-perijodu ta’ manutenzjoni wara l-għeluq ta’ terraferma li għadha ma ġietx magħluqa, li wassal għal spejjeż ogħla. Dawn l-ispejjeż kellhom jiġu imposti fuq id-detenturi oriġinali tal-iskart iddepożitat hemm fil-passat, billi l-estensjoni ta’ manutenzjoni wara l-għeluq kienet tikkonċerna biss l-effett futur tar-rimi tal-iskart li għalih kienu responsabbli d-detenturi tal-iskart oriġinali (18). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni futuri għal perijodi ta’ impjieg qabel l-adozzjoni tad-Direttiva (19) rilevanti u l-impatt ta’ regoli ġodda fuq kuntratti ta’ xogħol eżistenti (20).

50.      Madankollu, sempliċi trasferiment ta’ din il-ġurisprudenza għall-każ preżenti jonqos milli jirrikonoxxi li r-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart għall-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq kienet diġà rregolata fil-mument tal-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur u finalment kienet inkorporata b’mod ġenerali fil-ftehimiet bejn il-produtturi u l-utenti.

51.      L-Artikoli 14 jew 15 tad-Direttivi dwar l-Iskart applikabbli jeħtieġu li l-Istati Membri jirregolaw min iġorr l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart. Din id-dispożizzjoni ħalliet l-għażla lill-Istati Membri jekk jimponux spejjeż tal-ġestjoni tal-iskart fuq is-sid li għandu l-prodott ikun sar skart, il-produttur, jew ċerti persuni oħrajn.

52.      Sa fejn l-Istat Membru rispettiv diġà ppreveda responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi fit‑13 ta’ Awwissu 2005, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 ma kien jeħtieġ ebda bidla fis-sitwazzjoni legali u għalhekk prattikament ma kellu l-ebda effett retroattiv. Tali Stati Membri għalhekk ma jistgħux ikunu obbligati li jibdlu l-leġiżlazzjoni tagħhom jekk jidher li l-Artikolu 13(1) għandu effett retroattiv inammissibbli fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi.

53.      Madankollu, jekk l-Istat Membru rispettiv qabel kien impona r-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart fuq persuni oħra, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jinterferixxi mar-relazzjonijiet legali eżistenti. B’dan il-mod, l-Istat Membru seta’ jimponi r-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart skont id-Direttiva dwar l-Iskart fuq is-sid tal-prodott meta sar skart, jiġifieri l-utent finali tal-pannelli. F’dan il-każ, il-prodottur kellu jassumi li kien ittrasferixxa r-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart lill-utent meta ttrasferixxa l-pannelli fotovoltajċi, jiġifieri li hu nnifsu kien eżentat minnha.

54.      Wieħed jista’ jassumi li din is-sitwazzjoni legali kienet akkumpanjata minn konsegwenzi ekonomiċi kunsiderevoli: il-produtturi u l-utenti tal-pannelli fotovoltajċi kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni applikabbli tar-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart fil-prezzijiet miftiehma. Fil-każ tar-responsabbiltà tal-produttur, prezzijiet ogħla għall-pannelli fotovoltajċi jistgħu jiġu preżunti milli fil-każ tar-responsabbiltà tal-utent, minħabba li l-produttur għandu jqis l-ispejjeż tar-rimi sussegwenti fil-kalkolu tiegħu.

55.      L-Artikolu 12(3)(2) tad-Direttiva 2012/19 jispjega dan għal tagħmir elettriku u elettroniku minn djar privati. Skont dan, kull prodottur għandu diġà jipprovdi garanzija meta jqiegħed prodott fis-suq, li minnha tirriżulta li l-finanzjament tar-rimi huwa ggarantit.

56.      Jekk l-Istat Membru kkonċernat oriġinarjament ippreveda responsabbiltà tal-utent, l-introduzzjoni sussegwenti tar-responsabbiltà tal-produttur għal prodotti diġà mqiegħda fis-suq, għaldaqstant, b’differenza mill-każ imsemmi tal-estensjoni tal-obbligi ta’ manutenzjoni wara l-għeluq (21), ma tispeċifikax obbligi eżistenti. Din lanqas hija bbażata fuq obbligi ġodda li kellu jistenna operatur tas-suq avżat. Pjuttost, l-obbligi u l-ispejjeż assoċjati huma spostati bejn operaturi ekonomiċi differenti. Madankollu, dawn l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibqgħu jieħdu inkunsiderazzjoni dan l-ispostament fil-prezzijiet tagħhom minħabba li t-tranżazzjonijiet rispettivi diġà ġew konklużi. Kumpens għal dan il-piż addizzjonali fuq il-produttur ukoll ma huwiex previst.

57.      Bħala riżultat, l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li diġà tpoġġew fis-suq tinterferixxi f’sitwazzjonijiet legali li nħolqu u definittivament inkisbu jew f’atti konklużi qabel dan id-dħul fis-seħħ, sakemm ir-responsabbiltà tal-produttur ma kinitx għadha prevista fid-dritt nazzjonali.

58.      Il-Kummissjoni impliċitament taċċetta wkoll din l-evalwazzjoni billi tiddikjara li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala li jqajjem dubji dwar il-validità ta’ ftehimiet magħmula minn utenti ta’ pannelli fotovoltajċi qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/19 fuq il-bażi tar-regoli Ċeki ta’ dak iż-żmien konklużi ma’ kumpanniji għar-rimi tal-iskart. Li kieku, madankollu, kien hemm effett retroattiv, kien ikun hemm effett retroattiv fl-impożizzjoni tal-ispejjeż ta’ rimi fuq il-produtturi, fil-ftehim tal-prezzijiet għall-prodotti tagħhom, kif ukoll fuq l-utenti.

b)      L-inugwaljanza fit-trattament

59.      Inċidentalment, fl-introduzzjoni oriġinali tar-responsabbiltà tal-produttur għal skart ieħor ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fid-Direttiva 2002/96, permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/108 (22), il-leġiżlatur żgura li l-produtturi ma kellhomx jerfgħu r-responsabbiltà ta’ skart ta’ tagħmir “storiku” taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart ta’ utenti kummerċjali li poġġew fis-suq qabel it‑13 ta’ Awwissu 2005.

60.      Pjuttost, l-Istati Membri tħallew jimponu r-responsabbiltà għal skart ta’ tagħmir storiku meta jfornu prodotti ta’ sostituzzjoni fuq il-produtturi ta’ dawn il-prodotti ġodda jew fuq l-utenti. Jekk dan it-tagħmir jintrema mingħajr sostituzzjoni, l-ispejjeż huma dejjem ir-responsabbiltà tal-utent. F’dan ir-rigward, it-tielet premessa tad-Direttiva 2003/108 tistabbilixxi li l-obbligu li jittieħed lura tagħmir elettriku u elettroniku li tqiegħed fis-suq fil-passat kien joħloq obbligu retroattiv li ma kienx previst u li kien ipoġġi ċerti produtturi f’riskju ekonomiku serju.

61.      Id-Direttiva 2003/108 għalhekk mhux biss eskludiet l-effett retroattiv, iżda ppermettiet ukoll perijodu tranżitorju ta’ madwar sena u nofs.

62.      Meta mqabbel ma’ dawn il-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku ieħor, il-produtturi ta’ pannelli fotovoltajċi kienu b’mod ċar żvantaġġati, minħabba li r-responsabbiltà tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-iskart ma ġietx introdotta b’perijodu tranżizzjonali, iżda anki b’mod retrospettiv għat‑13 ta’ Awwissu 2005. Għalhekk, mhux biss iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huma affettwati mill-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li diġà tpoġġew fis-suq, iżda wkoll, kif jinnotaw il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

c)      Il-ġustifikazzjoni tal-effett retroattiv

63.      Eċċezzjonalment, effett retroattiv jista’ jkun ammissibbli meta l-interess ġenerali li għandu jintlaħaq jeżiġih u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati (23). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja f’xi każijiet saħansitra talbet li l-motivazzjoni għal deċiżjonijiet bħal dawn jinkludu ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-effett retroattiv mixtieq (24).

64.      Billi fil-każ preżenti l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ma kinitx tippreċedi l-pubblikazzjoni tad-Direttiva, ma għandhom isiru ebda rekwiżiti eċċessivi dwar din il-motivazzjoni. Madankollu, minħabba l-importanza ekonomika li tintroduċi r-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli li diġà tpoġġew fis-suq u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-inugwaljanza fit-trattament relatata magħha, il-ġustifikazzjoni għandha tingħata ċertu piż.

L-għanijiet tal-leġiżlazzjoni

65.      Madankollu, il-premessi tad-Direttiva 2012/19 ma jiżvelaw l-ebda raġuni li teħtieġ l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li diġà tpoġġew fis-suq.

66.      Fuq il-mertu, il-Ġermanja korrettament tiddikjara li l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal prodotti li diġà tqiegħdu fis-suq ma hijiex xierqa sabiex tħeġġeġ lil produtturi jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-premessa 12 tad-Direttiva 2012/19, fid-disinn tal-prodotti tagħhom, b’mod komprensiv it-tiswija, it-titjib possibbli, l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u r-riċiklaġġ tagħhom u jiffaċilitawhom. Ir-raġuni għal dan hija li meta l-prodotti li diġà tqiegħdu fis-suq kienu qegħdin jiġu mmanifatturati, il-produtturi kienu għadhom ma jafux li iktar tard ser jingħataw ir-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-iskart. L-argument tal-Kunsill li l-introduzzjoni retroattiva tar-responsabbiltà tal-produttur hija meħtieġa għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari għalhekk ma huwiex konvinċenti (25).

67.      Anki l-għan stabbilit tar-responsabbiltà uniformi tal-produttur fil-premessa 6 tad-Direttiva 2012/19 sabiex jiġi żgurat piż ekonomiku komparabbli ma jinkisibx billi tinbidel ir-responsabbiltà għall-prodotti li diġà jinsabu fis-suq fil-perijodu tal-leġiżlazzjoni. Pjuttost, jinħolqu differenzi ġodda fil-piż minħabba li l-produtturi kienu diġà qiesu fil-prezzijiet tagħhom il-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà li qabel kienet fis-seħħ fl-Istat Membru rispettiv.

68.      L-emerġenza tad-Direttiva 2012/19 ma tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar għaliex din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata, minflok ma tirrestrinġiha għal pannelli li ser jitqiegħdu fis-suq fil-futur.

69.      Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienet għadha ma tinkludix pannelli fotovoltajċi fil-kamp tal-applikazzjoni (26), u l-Parlament espressament oppona l-inklużjoni tagħhom fl-ewwel qari (27). Fil-Kunsill ukoll, inizjalment kien hemm reżistenza minn ċerti Stati Membri (28), iżda fil-pożizzjoni komuni tiegħu finalment kien tal-fehma li l-eċċezzjoni għall-pannelli fotovoltajċi ma kinitx iġġustifikata (29). Il-Kummissjoni fehmet dan li jfisser li l-Kunsill ippropona li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal pannelli fotovoltajċi mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha (30). Madankollu, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tranżitorja rilevanti li tillimita r-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli li tqiegħdu fis-suq wara li d-Direttiva daħlet fis-seħħ.

70.      Matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar l-inklużjoni ta’ pannelli fotovoltajċi fid-Direttiva (31), iżda dan l-istudju ma jittrattax l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli diġà mqiegħda fis-suq meta l-leġiżlazzjoni ġiet adottata.

71.      Fil-kawża preżenti, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni wkoll ma ppreżentaw l-ebda raġuni konvinċenti għar-riferiment tar-responsabbiltà tal-produttur.

72.      Huwa minnu li huma jissottomettu li r-responsabbiltà tal-produttur tidħol fis-seħħ biss fit-tul ħafna minħabba t-tul tal-ħajja ta’ 25 sena tal-pannelli. F’dan il-kuntest, il-Parlament jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi ffinanzjat ir-rimi ta’ skart. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġġustifika intervent retroattiv fi ftehimiet ibbażati fuq diviżjoni oħra tar-responsabbiltà.

73.      B’kuntrast mal-każ tal-estensjoni tal-obbligi ta’ manutenzjoni wara l-għeluq (32) diġà msemmija, ma hemmx lok ta’ tħassib dwar nuqqas ta’ finanzjament mingħajr l-effett retroattiv. Ir-raġuni għal dan hija li għal pannelli iktar qodma, ir-responsabbiltà għall-ispejjeż tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart.

74.      Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas imsemmi mill-Kummissjoni lanqas ma jqiegħed f’dubju r-riżultat preċedenti. Huwa minnu li l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas jista’ jiġġustifika r-responsabbiltà tal-produttur. Madankollu, kif juri l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Iskart, jippermetti wkoll li jitqiesu s-sidien tal-iskart attwali jew is-sidien tal-iskart preċedenti, b’mod partikolari l-utenti.

L-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati

75.      Inċidentalment, l-aspettattivi ta’ dawk ikkonċernati ma debitament osservata.

76.      Id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih speranzi fondati. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (33).

77.      Huwa minnu li ma hemm l-ebda assigurazzjoni speċifika mill-amministrazzjoni tal-Unjoni li l-ebda responsabbiltà tal-produttur ma tiġi introdotta. Pjuttost, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/96 diġà kien jipprevedi l-possibbiltà li jiġu inklużi pannelli fotovoltajċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

78.      Madankollu, meta kkummerċjalizzaw pannelli fotovoltajċi, il-produtturi setgħu jiddependu fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart, li min-naħa tagħha ttrasponiet id-Direttiva dwar l-Iskart. Din il-leġiżlazzjoni kienet assigurazzjoni konkreta bbażata fuq ir-rekwiżiti tal-Unjoni.

79.      Ma huwiex evidenti li l-leġiżlatur ħa debitament inkunsiderazzjoni din l-aspettattiva meta ġiet introdotta r-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li kienu diġà fis-suq.

80.      Anki d-dispożizzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/96 l-antika enfasizzata mill-istituzzjonijiet, li l-Kummissjoni tista’ tinkludi pannelli fotovoltajċi fil-leġiżlazzjoni preċedenti, ma waslitx sabiex il-produtturi jkollhom l-aspettattiva għal responsabbiltà tal-produttur retroattiva. Ir-raġuni għal din hija li l-l-effett retroattiv huwa ta’ kwalità fundamentalment differenti minn sempliċi inklużjoni fis-sistema. In-nuqqas ta’ ħtieġa rikonoxxibbli tal-effett retroattiv jikkonferma din l-evalwazzjoni.

d)      Leġiżlazzjonijiet simili

81.      L-istituzzjonijiet involuti jwissu, madankollu, li l-preżunzjoni ta’ effett retroattiv inammissibbli tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19 fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi tpoġġi wkoll f’dubju leġiżlazzjonijiet oħra dwar ir-responsabbiltà tal-produttur fid-dritt dwar l-iskart tal-Unjoni.

82.      Madankollu, dan l-argument ma jistax jikkonfuta l-evalwazzjoni preċedenti tar-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi. Għall-kuntrarju: jekk hemm każijiet oħra ta’ effett retroattiv inammissibbli, din il-prattika regolatorja għandha tkun ikkontestata iktar minn qatt qabel.

83.      Inċidentalment, ma jistax jiġi eskluż li l-effett retroattiv fil-każijiet l-oħra ċċitati jista’ jkun iġġustifikat minn eżami speċifiku tal-leġiżlazzjonijiet rispettivi.

84.      Pereżempju, id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (34) tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-produttur għal vetturi li ma għadhomx jintużaw li tqiegħdu fis-suq ħafna qabel ma ġiet adottata d-Direttiva. Madankollu, jidher li l-piż ta’ din ir-responsabbiltà huwa relattivament limitat minħabba l-valur residwu tal-vetturi (35). Barra minn hekk, il-vetturi bil-mutur huma prodotti kumplessi. Għalhekk, l-għarfien tal-produttur għar-rimi jista’ jkun ta’ importanza partikolari.

85.      Fir-rigward tar-responsabbiltà temporanjament indifferenzjata tal-produtturi tal-batteriji u l-akkumulaturi skont l-Artikolu 16(1) u (6) tad-Direttiva dwar il-Batteriji (36), ir-riskju mod ieħor miżjud li dawn l-oġġetti relattivament żgħar jintremew mal-iskart residwu jista’ possibbilment jiġi elenkat. Barra minn hekk, evelwazzjoni individwali ta’ meta tqiegħdu fis-suq x’aktarx tkun sproporzjonata u f’ħafna każijiet forsi anki impossibbli.

86.      Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet ma għandha tiġi deċiża fil-proċeduri preżenti. Konsegwentement, ma hemmx bżonn ta’ iktar kunsiderazzjonijiet.

3.      Konklużjoni intermedja

87.      Għalhekk, għandu jiġi nnotat li l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi diġà mqiegħda fis-suq permezz tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 tinterferixxi mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti u mingħajr ma titqies l-aspettattiva ta’ dawk ikkonċernati f’sitwazzjonijiet legali li nħolqu u definittivament inkisbu jew f’atti konklużi qabel dan il-mument jekk ir-responsabbiltà tal-produttur ma kinitx għadha prevista fid-dritt nazzjonali.

88.      Il-mument rilevanti għad-determinazzjoni tas-sitwazzjonijiet legali li għandhom jiġu protetti huwa d-data tal-pubblikazzjoni tad-Direttiva (37), f’dan il-każ l‑24 ta’ Lulju 2012. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-fehma tal-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni ma huwiex rilevanti, minħabba li mill-mument tal-pubblikazzjoni l-operaturi ekonomiċi kellhom jistennew li l-Istat Membru rispettiv jirregola r-responsabbiltà għar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi skont id-Direttiva.

89.      Kien biss b’effett minn dan il-mument li l-Istati Membri setgħu u kellhom jintroduċu r-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19.

90.      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 huwa għaldaqstant invalidu minħabba ksur tan-nuqqas ta’ retroattività, sa fejn jipprevedi l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li qabel ma kienx previst fid-dritt nazzjonali, li l-produtturi qiegħdu fis-suq bejn it‑13 ta’ Awwissu 2005 u l‑24 ta’ Lulju 2012.

91.      Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jimponu l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għar-riċiklaġġ u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ pannelli fotovoltajċi ta’ utenti oħra għajr djar privati li tqiegħdu fis-suq wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2012/19 fl‑24 ta’ Lulju 2012, b’mod konformi mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva fuq il-produtturi.

B.      It-tieni domanda - l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

92.      It-tieni domanda hija dwar kemm ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni hija influwenzata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ġiet adottata qabel id-Direttiva li tat lok għall-allegat ksur.

93.      Din id-domanda ssir biss fil-każ li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jirrikjedi r-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq qabel l‑1 ta’ Jannar 2013. Ir-risposta għall-ewwel domanda turi li r-responsabbiltà tal-produttur għandha tiġi introdotta għall-inqas għall-pannelli fotovoltajċi li l-produtturi ilhom ipoġġu fis-suq mill‑24 ta’ Lulju 2012.

94.      Fil-każ inkwistjoni, huwa dubjuż li l-pannelli li tqiegħdu fis-suq bejn l-24 ta’ Lulju 2012 u l-1 ta’ Jannar 2013 huma affettwati. Vysočina Wind bdiet topera l-impjant tal-enerġija solari fl‑2009. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż b’ċertezza assoluta li l-kumpannija kisbet u installat biss ċerti pannelli fotovoltajċi tal-impjant tal-enerġija matul il-perijodu msemmi.

95.      Fuq il-mertu, għandu l-ewwel jiġi nnotat li l-leġiżlazzjoni Ċeka ma tikkontradixxix mal-ewwel daqqa ta’ għajn id-dritt tal-Unjoni, peress li tikkonċerna l-perijodu qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/19. Dak iż-żmien, il-leġiżlazzjoni ġenerali tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar l-Iskart, li ġiet trasposta fil-leġiżlazzjoni Ċeka, kienet għadha tapplika għall-pannelli fotovoltajċi. Skont l-Artikolu 14(1), l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart għandhom jiġu sostnuti mill-produttur tal-iskart inizjali jew mid-detentur attwali jew preċedenti tal-iskart. L-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur hija rregolata fl-Artikolu 14(2), iżda din hija biss għażla li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu, iżda ma humiex kostretti li jagħżluha.

96.      Ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ għalhekk l-iktar jirriżulta minn effett preliminari tad-Direttiva 2012/19. Matul il-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji ta’ din għandhom jibqgħu lura milli jadottaw dispożizzjonijiet tali li jikkompromettu serjament il-ksib tar-riżultat stabbilit minn din id-direttiva (38).

97.      Il-leġiżlazzjoni Ċeka ġiet ippubblikata fit‑30 ta’ Mejju 2012, jiġifieri kważi xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2012/19 fl‑24 ta’ Lulju 2012. Id-Direttiva kienet għadha ma hijiex fis-seħħ dak iż-żmien u għalhekk ma setgħet toħloq l-ebda obbligu fuq ir-Repubblika Ċeka (39).

98.      Il-kawża preżenti turi, madankollu, li ma huwiex biżżejjed li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jiġu formalment protetti biss matul it-terminu tat-traspożizzjoni. Ir-raġuni għal din hija li d-Direttiva 2012/19 tesprimi kompromess politiku bejn il-Kunsill u l-Parlament li ntlaħaq fil‑21 ta’ Diċembru 2011 (40). Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet adottata, ir-Repubblika Ċeka kienet konxja mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li kienet ser tidħol fis-seħħ dalwaqt. Li tevita leġiżlazzjoni bħal din u tipperikola serjament l-għanijiet tagħha jkun inkompatibbli mal-lealtà lejn l-Unjoni. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri ma għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni (41).

99.      Minħabba li skont il-leġiżlazzjoni Ċeka l-utenti għandhom iġorru l-ispejjeż tar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi minn qabel, il-leġiżlazzjoni tista’ wkoll tipperikola serjament l-għan tar-responsabbiltà tal-produttur għal dawn il-pannelli stabbilit fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19. Dan għaliex il-produtturi huma kompletament jew għall-inqas prinċipalment meħlusa mill-ispejjeż tar-rimi għall-pannelli inkwistjoni.

100. Għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru, qabel ma jadotta direttiva, jadotta leġiżlazzjoni li hija inkompatibbli mad-direttiva u li tipperikola serjament l-għanijiet tagħha, jista’ jwassal għal responsabbiltà għad-dannu mġarrab minn individwi bħala riżultat. Tali responsabbiltà hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ lealtà skont l-Artikolu 4(3) TUE. Din tiġi kkunsidrata jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċedura regolatorja kienu diġà qablu politikament dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Unjoni qabel ma ġiet adottata l-leġiżlazzjoni nazzjonali u dan il-ftehim kien magħruf mill-Istat Membru.

101. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-effett retroattiv tar-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi u dwar l-obbligi ta’ lealtà bbażati fuq il-ftehim politiku fil-proċess regolatorju joħolqu dubji dwar jekk il-ksur tal-leġiżlazzjoni Ċeka kontra l-obbligi ta’ lealtà huwiex suffiċjentement serju (42). Tali kwalifika tkun teħtieġ li tali ksur jimplika ksur manifest u serju mir-Repubblika Ċeka tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (43). Madankollu, ma jidhirx li huwa evidenti li kif sostna l-Gvern Ċek, l-effett retroattiv ma huwiex ibbażat fuq l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (44), iżda fuq id-data tal-pubblikazzjoni tad-Direttiva (45). Barra minn hekk, għadha ma teżisti l-ebda ġurisprudenza rilevanti li identifikat obbligi ta’ lealtà tal-Istati Membri qabel il-pubblikazzjoni ta’ direttiva. Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwalifika ta’ ksur possibbli, għaliex din ma hijiex mitluba fil-proċeduri preżenti u probabbilment hija irrilevanti (46).

V.      Konklużjoni

102. Fid-dawl ta’ dak hawn fuq espost, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għar-riċiklaġġ u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ pannelli fotovoltajċi ta’ utenti oħra għajr djar privati li tqiegħdu fis-suq wara li d-Direttiva ġiet ippubblikata fl‑24 ta’ Lulju 2012, fuq utenti u mhux fuq il-produtturi.

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19, min-naħa l-oħra, huwa invalidu sa fejn jipprevedi l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li l-produtturi poġġew fis-suq bejn it‑13 ta’ Awwissu 2005 u l‑24 ta’ Lulju 2012, li qabel ma kinitx prevista fid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jimponu l-ispejjeż fuq l-utenti.

2)      Ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-fatt li Stat Membru jipprevedi, qabel l-adozzjoni ta’ direttiva, leġiżlazzjoni inkompatibbli magħha u li tipperikola serjament l-għanijiet tagħha, jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tiegħu għad-danni kkawżati lill-individwi. Tali responsabbiltà hija bbażata fuq ksur tal-obbligi ta’ lealtà skont l-Artikolu 4(3) TUE. Din tiġi kkunsidrata jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċedura regolatorja kienu diġà qablu politikament dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Unjoni qabel ma ġiet adottata l-leġiżlazzjoni nazzjonali u dan il-ftehim kien magħruf mill-Istat Membru.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU 2012, L 197, p. 38).


3      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428).


4      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur SA (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 30), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 113).


5      Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 359) fil-verżjoni tad-Direttiva 2003/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 692).


7      Direttiva tal-Kunsill 75/442 tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).


8      Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9).


9      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma (C‑526/19, EU:C:2020:769, punt 43), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, De Masi u Varoufakis vs BĊE (C‑342/19 P, EU:C:2020:1035, punti 35 u 36). Fir-rigward tat-tifsira tal-formulazzjoni, ara wkoll is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2005 Deutsches Milch-Kontor (C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 76).


10      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 67), tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 161), u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Compagnie des pêches de Saint-Malo (C‑212/19, EU:C:2020:726, punt 30).


11      Sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1998, Belgocodex (C‑381/97, EU:C:1998:589, punt 26), tas‑26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C-376/02, EU:C:2005:251, punt 32), tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 43), u tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 30).


12      Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, EU:C:1979:14, punt 20), tas‑26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 33), u tat‑30 ta’ April 2019, LItalja vs IlKunsill (C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 106).


13      Sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (143/73, EU:C:1973:145, punt 8), tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 49), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, IlKummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 49).


14      Sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 1979, Tomadini (84/78, EU:C:1979:129, punt 21), tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 55), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, IlKummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 49).


15      Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32), tas‑7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22), u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale Ambiente (C‑15/19, EU:C:2020:371, punt 57).


16      Sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2011, Flos (C‑168/09, EU:C:2011:29, punt 51).


17      Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Textilis (C‑21/18, EU:C:2019:199, punti 30 sa 32).


18      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale Ambiente (C‑15/19, EU:C:2020:371, punt 58).


19      Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, O‘Brien (C‑432/17, EU:C:2018:879, punti 35 u 36).


20      Sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 52), u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Kuso (C‑614/11, EU:C:2013:544, punt 31).


21      Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.


22      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


23      Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, EU:C:1979:14, punt 20), tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 10), tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fédesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 45), u tat‑28 ta’ Novembru 2006, IlParlament vs IlKunsill (C‑413/04, EU:C:2006:741, punt 75).


24      Sentenza tal‑1 ta’ April 1993, Diversinte u Iberlacta (C‑260/91 u C‑261/91, EU:C:1993:136, punt 10). Ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑ ta’ Frar 1984, Ilford vs IlKummissjoni (1/84 R, EU:C:1984:41, punt 19), is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni (C‑368/89, EU:C:1991:307, punt 20), u tad‑29 ta’ April 2004, Sudholz (C‑17/01, EU:C:2004:242, punt 36), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawżi Crispoltoni (C‑368/89, EU:C:1991:125, punt 17) u Cargill vs IlKummissjoni (C‑248/89, EU:C:1991:141, punt 52).


25      L-istess bħal fil-kuntest tal-fatti li taw lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni (C‑368/89, EU:C:1991:307, punti 18 u 19).


26      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (Riformulazzjoni) tat‑3 ta’ Diċembru 2008 (KUMM[2008] 810 finali).


27      Il-premessa 10 tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit‑3 ta’ Frar 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (verżjoni ġdida) (ĠU 2012, C 182E, p. 49).


28      Ara d-dokumenti tal-Kunsill 16041/09 tas‑17 ta’ Novembru 2009, p. 2, u 17345/09 tal‑14 ta’ Diċembru 2009, p. 4.


29      Pożizzjoni komuni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (riformulazzjoni) - adottata mill-Kunsill fid‑19 ta’ Lulju 2011 (dokument tal-Kunsill 7906/2/11).


30      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (KUMM/2011/0478 finali).


31      Bio Intelligence Service, Study on Photovoltaic Panels: Supplementing the Impact Assessment for a recast of the WEEE Directive (2011).


32      Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.


33      Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE (265/85, EU:C:1987:121, punt 44), tal‑15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport (C‑37/02 u C‑38/02, EU:C:2004:443, punt 70), u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, IrRepubblika Ċeka vs IlParlament u IlKunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 153).


34      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Settembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 5, p. 224).


35      Ara l-Commission Staff Working Document, Evaluation of Directive (EC) 2000/53 of 18 September 2000 on end-of-life vehicles, SWD(2021) 60 final tal‑15 ta’ Marzu 2021, p. 57 – 59.


36      Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU 2006, L 266, p. 1).


37      Sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Sudholz (C‑17/01, EU:C:2004:242, punt 35).


38      Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45), tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 57), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė (C‑2/18, EU:C:2019:962, punt 55).


39      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 41).


40      Il-ħames inċiż tar-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ Jannar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (Riformulazzjoni) (07906/2/2011 – C7-0250/2011 – 2008/0241(COD))


41      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1981, IlKummissjoni vs IrRenju Unit (804/79, EU:C:1981:93, punt 28), u tat‑2 ta’ Ġunju 2005, IlKummissjoni vs IlLussemburgu (C‑266/03, EU:C:2005:341).


42      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur SA (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 30), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 113).


43      Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur SA (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 55), u s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 105).


44      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B. (C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 53).


45      Ara l-punt 88 iktar ’il fuq.


46      Ara l-punt 94 iktar ’il fuq.