Language of document : ECLI:EU:C:2022:51

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Jannar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2012/19/UE – Skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku – Obbligu ta’ finanzjament tal‑ispejjeż relatati mal‑immaniġġar tal‑iskart minn pannelli fotovoltajċi – Effett retroattiv – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Traspożizzjoni mhux korretta ta’ direttiva – Responsabbiltà tal‑Istat Membru”

Fil-Kawża C‑181/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir‑Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2020, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ April 2020, fil-proċedura

VYSOČINA WIND a.s.

vs

Česká republika – Ministerstvo životního prostředí,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, T. Von Danwitz, M. Safjan, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal VYSOČINA WIND a.s., minn M. Flora, advokát,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Heimerl, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn C. Ionescu Dima, O. Hrstková Šolcová u W. D. Kuzmienko, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. Maceroni u M. Moore, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU 2012, L 197, p. 38).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn impriża li topera impjant tal‑enerġija solari, VYSOČINA WIND a.s., u ċ-Česká republika – Ministerstvo životního prostředí (il-Ministeru għall-Ambjent, ir‑Repubblika Ċeka) dwar talba għal kumpens imressqa minn din il‑kumpannija għad-dannu li hija ġarrbet minħabba t‑traspożizzjoni allegatament mhux korretta tad-Direttiva 2012/19.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2002/96/KE

3        Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 359), kienet tipprovdi, fl-Artikolu 7(3) tagħha li, bil-għan li jiġu kkalkolati l-miri ta’ rkupru tal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi, jew it‑terzi li jaġixxu f’isem il-produtturi, iżommu rekords dwar il-massa tal-WEEE, il-komponenti, il-materjal jew is-sustanzi tiegħu meta dan jidħol (“input”) fil‑faċilità ta’ trattament u meta dan joħroġ minnha (“output”) u/jew meta dan jidħol (“input”) fil-faċilità ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ.

4        L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Finanzjament rigward WEEE minn utenti oħra għajr djar privati”, kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat‑13 ta’ Awwissu 2005, il‑finanzjament ta’ l-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r‑rimi/qerda b’mod ambjentali sod ta’ WEEE minn utenti oħra għajr djar privati minn prodotti li jinħarġu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 irid jiġi pprovdut minn produtturi.

Għal WEEE minn prodotti li jinħarġu fis-suq qabel it‑13 ta’ Awwissu 2005 (skart storiku), il-finanzjament ta’ l-ispejjeż tat-tmexxija għandhom jiġu pprovduti minn produtturi. L-Istati Membri jistgħu, bħala alternattiva, jipprovdu li utenti oħra għajr djar privati jsiru wkoll, parzjalment jew totalment, responsabbli għal dan il‑finanzjament.

Produtturi u utenti oħra għajr djar privati jistgħu, mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, jikkonkludu ftehim li jistipula metodi oħra ta’ finanzjament.”

5        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/96, kif emendata bid‑Direttiva 2008/34/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 81, p. 65), kien jipprevedi:

“Kwalunkwe emenda li tkun meħtieġa sabiex tadatta l-Artikolu 7(3), l‑Anness IB (b’mod partikolari bil-għan li potenzjalment iżżid id-dwal fid-djar, bozoz tal‑filament u prodotti fotovoltajċi, per eżempju, panels solari), l-Anness II, (b’mod partikolari billi tikkunsidra l-iżviluppi ġodda tekniċi għat-trattament tal‑WEEE), u l-Annessi III u IV għall‑progress xjentifiku u tekniku għandha tiġi adottata. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

Qabel ma jiġu emendati l-Annessi, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta inter alia, il-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, riċiklaturi, operaturi tat-trattament, organizzazzjonijiet ambjentali u għaqdiet ta’ l‑impjegati u tal-konsumaturi.”

 IdDirettiva 2003/108/KE

6        Il-premessa 3 tad-Direttiva 2003/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva 2002/96 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 692), tipprovdi:

“Skond id-Dikjarazzjoni Konġunta, il-Kummissjoni eżaminat l‑implikazzjonijiet finanzjarji għal produtturi li jirriżultaw mill-kliem attwali ta’ l-Artikolu 9 tad‑Direttiva [2002/96], u sabet li l-obbligu ta’ teħid lura għal STEE imqiegħed fis-suq fl-imgħoddi joħloq responsabbilt[à] retroattiva li dwarha ma kienet saret ebda disposizzjoni u li aktarx ser tesponi ċerti produtturi għal riskji ekonomiċi serji”.

7        Id-Direttiva 2003/108 issostitwixxiet l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/96 permezz tat-test sussegwenti:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, sat‑13 ta’ Awwissu 2005, il‑finanzjament ta’ l-ispejjeż dwar ġbir, trattament, irkuprar u r-rimi skond ħtiġijiet ambjentali ta’ STEE minn utenti għajr djar privati ta’ prodotti mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 għandu jsir mill‑produtturi..

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, sat‑13 ta’ Awwissu 2005, dwar STEE minn prodotti mqiegħda fis-suq qabel it‑13 ta’ Awwissu 2005 (skart storiku), il‑finanzjament għall-ispejjeż ta’ amministrazzjoni ikun kif preskritt fit-tielet u r‑raba’ subparagrafi.

Dwar skart storiku mibdul bi prodotti ġodda ekwivalenti jew bi prodotti ġodda bl‑istess funzjoni, il-finanzjament ta’ l-ispejjeż għandu jkun ir‑responsabbilt[à] tal‑produtturi ta’ dawk il-prodotti meta jfornuhom. L‑Istati Membri jistgħu, alternattivament, jiddisponu li utenti għajr djar privati ikunu wkoll responsabbli, parzjalment jew totalment, għal dan il‑finanzjament..

Dwar skart storiku ieħor, il-finanzjament ta’ l-ispejjeż għanu jkun ir‑responsabbilt_ ta’ l-utenti għajr djar privati.

2.      Produtturi u utenti għajr djar privati jistgħu, bla ħsara għal din id‑Direttiva, jikkonkludu ftehimiet li jistipulaw metodi oħra ta’ finanzjament”.

 IdDirettiva 2008/98/KE

8        Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3) tiddefinixxi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, il-kunċett ta’ “skart” bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.

9        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Skond il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-ispejjeż ta’ l‑immaniġġar ta’ l‑iskart għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali ta’ l-iskart jew mid-detentur attwali jew ta’ qabel ta’ l-iskart.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-ispiża ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandha tinġarr parzjalment jew b’mod sħiħ mill-produttur tal‑prodott li minnu jkun ġie l-iskart u li d-distributuri ta’ tali prodott jistgħu jikkondividu dawn l‑ispejjeż.”

 IdDirettiva 2012/19

10      Id-Direttiva 2012/19 ħassret id-Direttiva 2002/96.

11      Il-premessi 9, 12 u 23 tad-Direttiva 2012/19 huma fformulati kif ġej:

“(9)      Din id-Direttiva għandha tkopri [t-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE)] kollu użat minn konsumaturi u EEE maħsub għall-użu professjonali. Din id‑Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni dwar rekwiżiti ta’ sikurezza u ta’ saħħa li jipproteġu l-atturi kollha f’kuntatt ma’ WEEE kif ukoll leġiżlazzjoni dwar ġestjoni ta’ skart speċifiku Komunitarju [għal‑leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni dwar il‑ġestjoni tal-iskart] […] u [għal]l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-disinn ta’ prodotti […]. L-objettivi ta’ din id-Direttiva jistgħu jinkisbu mingħajr ma jkunu inklużi installazzjonijiet fissi ta’ skala kbira bħal pjattaformi taż-żejt, sistemi għat-trasport tal-bagalji fl‑ajruporti jew liftijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, kull tagħmir li mhuwiex iddisinjat u installat speċifikament bħala parti minn dawk l-installazzjonijiet, u li jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu anki jekk ma jkunx parti minn dawk l‑installazzjonijiet, għandu jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑Direttiva. Dan jirriferi pereżempju għal tagħmir bħal tagħmir ta’ tidwil jew pannelli fotovoltajċi.

[…]

(12)      It-twaqqif, permezz ta’ din id-Direttiva, ta’ responsabbiltà tal‑produttur huwa wieħed mill-mezzi li jinkoraġġixxu disinn u produzzjoni ta’ EEE li jqisu b’mod sħiħ u jiffaċilitaw it-tiswija, it‑titjib possibbli, l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u r-riċiklaġġ tiegħu.

[…]

(23)      […] L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-produtturi biex jieħdu r‑responsabbiltà sħiħa għall-ġbir tal-WEEE b’mod partikolari billi jiffinanzjaw il-ġbir tal-WEEE tul il-katina tal‑iskart kollha, [b’mod] konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Sabiex jingħata effett massimu lill-kunċett ta’ responsabbiltà tal-produttur, kull produttur għandu jkun responsabbli għall-finanzjament tal-ġestjoni tal-iskart mill‑prodotti tiegħu stess. Il-produttur għandu jkun jista’ jagħżel li jwettaq dan l-obbligu jew individwalment jew billi jingħaqad ma’ skema kollettiva. Meta jqiegħed prodott fis-suq, kull produttur għandu jipprovdi garanzija finanzjarja biex jipprevjeni li l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-WEEE minn prodotti orfni jiġġarrbu mis-soċjetà jew mill-bqija tal-produtturi. Ir-responsabbiltà għall‑finanzjament tal-ġestjoni ta’ skart storiku għandha tinqasam bejn il‑produtturi kollha eżistenti fi skemi ta’ finanzjament kollettivi li għalihom il-produtturi kollha li jeżistu fis-suq meta jseħħu l-ispejjeż jikkontribwixxu proporzjonalment. […] Fil-każ ta’ prodotti li għandhom ħajja twila, u li issa huma koperti minn din id-Direttiva, bħal pannelli fotovoltajċi, għandu jsir l‑aħjar użu possibbli tas-sistemi eżistenti għall-ġbir u r-riċiklaġġ, ġaladarba r‑rekwiżiti korrispondenti għal din id-Direttiva jiġu rispettati.”

12      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jippreċiża li din “tistabbilixxi miżuri għall‑protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal‑prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l‑ġestjoni tal-iskart minn [WEEE] u bit-tnaqqis tal-impatti ġenerali mill‑użu ta’ riżorsi u t-titjib tal‑effiċjenza f’dan it-tip ta’ użu skont l‑Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva [2008/98], u b’hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli”.

13      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/19 jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal [EEE] kif ġej.

(a)      mit‑13 ta’ Awwissu 2012 sal‑14 ta’ Awwissu 2018 (perjodu tranżizzjonali), soġġett għall-paragrafu 3, għal EEE li jaqa’ fil‑kategoriji elenkati fl‑Anness I. L-Anness II fih lista indikattiva ta’ EEE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness I;

(b)      mill‑15 ta’ Awwissu 2018, suġġett għall-paragrafi 3 u 4, għall‑EEE kollu. L‑EEE kollu għandu jkun ikklassifikat fi ħdan il‑kategoriji stabbiliti fl‑Anness III. L-Anness IV fih lista mhux eżawrjenti ta’ EEE li jaqa’ fil‑kategoriji elenkati fl-Anness III (ambitu mhux ristrett).”

14      L-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi t-“tagħmir elettriku u elettroniku” jew “EEE” bħala “tagħmir li huwa dipendenti fuq kurrenti tal‑elettriku jew kampijiet elettromanjetiċi biex jaħdem b’mod adatt u tagħmir għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment u l-kejl ta’ kurrenti u kampijiet ta’ dan it-tip u ddisinjat għall-użu ma’ vultaġġ massimu li ma jaqbiżx l‑1 000 volt għal kurrent alternanti u 1 500 volt għal kurrent dirett”.

15      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1)(e) tal-istess direttiva, “skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku” jew “WEEE” huwa “tagħmir elettriku jew elettroniku li huwa skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva [2008/98], inklużi l-komponenti kollha, is-submontaturi u l-oġġetti tal-konsum li huma parti mill-prodott fil-waqt li jintrema”.

16      Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-funzjonament korrett tas-suq intern u dwar id-disinn tal-prodott, […] jinkoraġġixxu kooperazzjoni bejn il‑produtturi u dawk li jirriċiklaw u miżuri li jippromwovu d-disinn u l‑produzzjoni ta’ EEE, notevolment fid-dawl li jiffaċilitaw l-użu mill‑ġdid, iż-żarmar u l-irkupru tal-WEEE, il-komponenti u l‑materjali tagħhom. […]”

17      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2012/19, bit-titolu “Finanzjament tal-WEEE minn djar privati” jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-WEEE minn prodotti mqiegħda fis‑suq qabel it‑13 ta’ Awwissu 2005 jew f’dik id‑data għandu jitqies bħala “skart storiku”.

18      L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Finanzjament tal-WEEE minn utenti għajr djar privati”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill‑ambjent tal-WEEE minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 jkun ipprovdut mill-produtturi.

Għal skart storiku li qed jinbidel bi prodotti ġodda ekwivalenti jew bi prodotti ġodda bl-istess funzjoni, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jkun ipprovdut mill‑produtturi ta’ dawk il-prodotti meta jfornuhom. L‑Istati Membri jistgħu, alternattivament, jistipulaw li utenti għajr djar privati jsiru wkoll responsabbli, parzjalment jew totalment, għal dan il‑finanzjament.

Għal skart storiku ieħor, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jkun ipprovdut mill‑utenti għajr djar privati.

2.      Produtturi u utenti għajr djar privati jistgħu, mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, jikkonkludu ftehimiet li jistipulaw metodi oħra ta’ finanzjament.”

19      L-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva jippreċiża dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id‑dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id‑Direttiva sal‑14 ta’ Frar 2014. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill‑Kummissjoni.”

20      L-Anness I tad-Direttiva 2012/19, bit-titolu “Kategoriji ta’ EEE koperti minn din id-Direttiva matul il-perjodu tranżizzjonali kif previst fl-Artikolu 2(1)(a)”, isemmi l-pannelli fotovoltajċi. Dawn huma msemmija wkoll fl-Anness II ta’ din id‑direttiva, li jinkludi lista indikattiva tal-EEE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl‑imsemmi Anness I, kif ukoll fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxi l-lista mhux eżawrjenti ta’ EEE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl‑Anness III tal-istess direttiva.

 Iddritt Ċek

21      Ir-Repubblika Ċeka implimentat l-obbligi tagħha taħt id‑Direttiva 2002/96, b’mod partikolari, permezz tal-adozzjoni taż‑zákon č. 185/2001 Sb., o odpadech a o změně některých dalších zákonů (il‑Liġi Nru 185/2001 dwar l-Iskart u li Temenda Ċerti Liġijiet Oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Iskart”).

22      Fit‑30 ta’ Mejju 2012, ġie inkluż f’din il-liġi artikolu ġdid, l‑Artikolu 37p, li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-finanzjament tal‑ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi. Skont dan l-artikolu, l-operatur ta’ impjant solari għandu l-obbligu li jiffinanzja, permezz ta’ kontribuzzjonijiet għar‑riċiklaġġ, l-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2013. Għal dan il-għan, ġie previst l‑obbligu għal dan l-operatur li jikkonkludi kuntratt, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2013, li jiggarantixxi sistema kollettiva ta’ finanzjament, u dan sabiex l-imsemmi finanzjament jiġi żgurat sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2019. Fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara l‑1 ta’ Jannar 2013, dan l-obbligu jaqa’ fuq il-produttur tagħhom.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

23      VYSOČINA WIND topera impjant tal-enerġija solari, li beda jopera fl‑2009 u li huwa mgħammar b’pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 iżda qabel l‑1 ta’ Jannar 2013.

24      Konformement mal-obbligu previst fl-Artikolu 37p tal-Liġi dwar l-Iskart, din il‑kumpannija pparteċipat fil-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi u ħallset, f’dan ir-rigward, kontribuzzjonijiet ta’ ammont totali ta’ 1 613 773.24 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 59 500) matul is-snin 2015 u 2016.

25      Peress li VYSOČINA WIND qieset li dan l-obbligu kien jirriżulta direttament minn traspożizzjoni mhux korretta tad-Direttiva 2012/19 mir-Repubblika Ċeka, u li l-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet kien jikkostitwixxi dannu, hija ppreżentat, quddiem l-Obvodní soud pro Prahu 10 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 10, ir-Repubblika Ċeka), rikors għad-danni kontra dan l-Istat Membru. B’mod partikolari, hija qieset li l-Artikolu 37p tal-Liġi dwar l-Iskart imur kontra l‑Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 li jimponi fuq il-produttur tal-EEE, u mhux fuq l-utent tiegħu, il-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005.

26      Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ April 2018, dik il-qorti laqgħet dak ir-rikors fl-intier tiegħu. Ir-Repubblika Ċeka appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga      , ir-Repubblika Ċeka), li ċaħdet dak l‑appell bħala infondat permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018. Skont dik il-qorti, mill-kliem tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jirriżulta b’mod ċar li l-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 għandu jiġi żgurat mill‑produtturi, b’mod li l-Artikolu 37p tal-Liġi dwar l-Iskart, billi jkompli jimponi dan l-obbligu fuq l-utenti, ma huwiex konformi ma’ din id-direttiva.

27      Ir-Repubblika Ċeka għalhekk ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem in‑Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) fejn sostniet, l-ewwel, li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 twassal sabiex tagħti lil din id-dispożizzjoni natura retroattiva illegali. It-tieni, ċertu numru ta’ produtturi li qiegħdu fis-suq pannelli fotovoltajċi bejn is-sena 2005 u s-sena 2013 ma humiex iktar f’attività, fatt li jipprekludi li jiġi żgurat il-finanzjament tal‑ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart mill-imsemmija pannelli. It-tielet, ir-Repubblika Ċeka hija tal-opinjoni li l-assenza ta’ osservazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot dwar it-traspożizzjoni, fid-dritt nazzjonali, tad-Direttiva 2012/19 kif ukoll l-assenza ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija minn dik l-istituzzjoni fil-konfront tagħha jikkonfermaw li dan l-Istat Membru ttraspona korrettament id-Direttiva 2012/19, hekk kif ikkonfermat il-Kummissjoni matul laqgħa bilaterali li nżammet fl‑1 ta’ Ottubru 2018.

28      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 sa fejn, għalkemm huwa paċifiku li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Istati Membri jimponu li l-produtturi jiffinanzjaw l‑ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi sa fejn dawn ikunu pannelli mqiegħda fis-suq wara l-iskadenza tat-terminu għat‑traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, fl‑14 ta’ Frar 2014, u li, għall-“iskart storiku”, minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq qabel it‑13 ta’ Awwissu 2005, l-Istati Membri jistgħu jimponu dan l-obbligu fuq l-utenti, tqum il-kwistjoni, għall-kuntrarju, tal-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ finanzjament fil-każ ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it‑13 ta’ Awwissu 2005 u l‑14 ta’ Frar 2014.

29      Skont il-qorti tar-rinviju, għandu, qabel kollox, jiġi ddeterminat il-mument li fih iqum l-obbligu ta’ finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi. F’dan ir-rigward, hija taqbel mal-pożizzjoni tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali li tgħid li dan l-obbligu huwa meqjus li jqum biss meta jiġi ġġenerat l-iskart u mhux, hekk kif tallega r-Repubblika Ċeka, meta jitqiegħdu fis-suq l-imsemmija pannelli. Konsegwentement, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2012/19 il-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id‑direttiva, jiġifieri l‑14 ta’ Frar 2014, u li jipproduċu skart wara din id-data, b’tali mod li l-obbligu hekk impost mill-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva bl‑ebda mod ma huwa retroattiv.

30      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fatt li d‑Direttiva 2012/19 ġiet trasposta korrettament fl-ordinament ġuridiku Ċek peress li, l-ewwel, il-Kummissjoni stess ikkonstatat, waqt l-adozzjoni tad‑Direttiva 2003/108 li temenda d-Direttiva 2002/96, li l-obbligu ta’ finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn prodotti mqiegħda fis-suq qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din l-aħħar direttiva kien joħloq responsabbiltà retroattiva li tista’ tesponi lill-produtturi għal riskji ekonomiċi serji, fejn tali konstatazzjoni tista’ tiġi applikata b’mod simili għall-pannelli fotovoltajċi inklużi reċentement fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2012/19. It-tieni, jiġu ppreġudikati l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi li ma setgħux jippreżupponu li tali obbligu ta’ finanzjament kien ser jiġi impost fuqhom għal skart minn pannelli diġà mqiegħda fis-suq fil-passat u li, għalhekk, ma kinux iffatturaw l-ispejjeż għal tali finanzjament fil-prezz tal-prodotti tagħhom. It-tielet, jidher illi hemm differenza fit-trattament bejn l-utenti li diġà kienu qegħdin jissodisfaw l-obbligu ta’ finanzjament previst mid-dritt nazzjonali qabel l‑iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/19 u dawk li ma kinux qegħdin jissodisfawh. Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma ttrasponew l-imsemmija direttiva billi żammew l-obbligu għall-produtturi li jiffinanzjaw l-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005.

31      Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkontradixxix id-dritt tal‑Unjoni inkwantu, wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19, il-kuntratti, li l‑operaturi tal-impjanti tal-enerġija solari kienu meħtieġa jikkonkludu sabiex jiżguraw il-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi u li kienu jipprevedu l-ħlas bin-nifs tal-kontribuzzjonijiet relatati, inżammu minkejja li dan il-finanzjament jaqa’ fuq il-produttur skont l‑imsemmija direttiva.

32      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari sussegwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 13 tad-Direttiva [2012/19] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fuq is-suq [sa mhux iktar tard mill]‑1 ta’ Jannar 2013 lill-utenti tagħhom, u mhux lill‑produtturi?

(2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda […], iċ-ċirkustanza, bħal dik [inkwistjoni fil-kawża prinċipali], li Stat Membru rregola huwa stess il‑modalitajiet ta’ finanzjament tal-iskart li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi saħansitra qabel l-adozzjoni tad-[D]irettiva [2012/19], li għadha kemm inkludiet il-pannelli fotovoltajċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni u imponiet il-finanzjament tal-ispejjeż lill‑produtturi, u dan anki għall-pannelli li tqiegħdu fis-suq qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni [ta’ din id]-direttiva (u l-adozzjoni stess ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni), għandha effett għall-evalwazzjoni tal‑kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tal-Istat Membu għad-dannu kkawżat lill-individwu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni?”

33      B’mod konformi mal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal‑Ġustizzja stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-persuni kkonċernati l‑oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-validità tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2013 fuq l-utenti ta’ dawn il-pannelli u mhux fuq il‑produtturi tagħhom.

35      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din id-domanda tirrigwarda, formalment, biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2012/19, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi wkoll dwar il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-effett retroattiv eventwali tagħha. Essenzjalment, dik il-qorti tenfasizza li tali effett jista’ jirriżulta mill-fatt li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi għandu jiġi sostnut mill-produtturi meta dan l-iskart jirriżulta minn prodotti mqiegħda fis‑suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005, data li fiha t-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit minn din id-direttiva ma kienx għadu skada. Għalhekk, l-istess dispożizzjoni tista’ toħloq responsabbiltà retroattiva li tista’ tesponi lill-produtturi għal riskji ekonomiċi serji.

36      Issa, għalkemm, fil-kuntest tat-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l‑Qorti tal-Ġustizzja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula, madankollu jibqa’ rriżervat għall-Qorti tal-Ġustizzja li tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali dawk l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu, fid‑dawl tas-suġġett tat-tilwima, interpretazzjoni jew evalwazzjoni ta’ validità (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Compagnie des pêches de Saint‑Malo, C‑212/19, EU:C:2020:726, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Konsegwentement, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi eżaminata wkoll il-validità tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi li l‑finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi jiġi żgurat mill-produtturi għall-iskart minn dawn il-pannelli mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005, jiġifieri f’data qabel id-dħul fis‑seħħ ta’ din id-direttiva.

38      Għaldaqstant, hemm lok, l-ewwel, li jiġi interpretat l-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2012/19 hekk kif mitlub mill-qorti tar-rinviju. Fl-ipoteżi li din id‑dispożizzjoni jkollha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 fuq l‑utenti tagħhom u mhux fuq il-produtturi, ikun neċessarju, sussegwentement, li tiġi eżaminata l-validità tal-imsemmija dispożizzjoni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Czop u Punakova, C‑147/11 u C‑148/11, EU:C:2012:538, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill‑formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni.

40      Issa, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn utenti għajr djar privati li jirriżulta minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 jiġi żgurat mill-produtturi.

41      Skont id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(e) ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “WEEE” jkopri t-tagħmir elettriku u elettroniku li jikkostitwixxi skart, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98, inklużi l-komponenti kollha, is‑submontaturi u l-oġġetti tal-konsum li jifformaw parti integrali mill-prodott fil‑mument tar-rimi.

42      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1)(a) tagħha, id-Direttiva 2012/19 għandha tapplika, mill-perijodu tranżitorju ta’ bejn it‑13 ta’ Awwissu 2012 u l‑14 ta’ Awwissu 2018, għall-EEE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness I tagħha, li jinkludu espliċitament il-pannelli fotovoltajċi, imsemmija wkoll fl-Anness II ta’ din id-direttiva li jispeċifika dawn il-kategoriji ta’ EEE kif ukoll fil-premessi 9 u 23 tagħha li jenfasizzaw, b’mod partikolari, li l-prodotti li għandhom ċiklu ta’ ħajja twil, bħall-pannelli fotovoltajċi, issa huma koperti mill-imsemmija direttiva.

43      B’dan il-mod, hekk kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 29 tal‑konklużjonijiet tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni wera l-intenzjoni tiegħu, mingħajr ebda ambigwità possibbli, li l-pannelli fotovoltajċi jitqiesu li huma EEE, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2012/19, u li dawn jaqgħu, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jeżiġi li l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi taqa’ fuq il‑produtturi tagħhom u mhux fuq l-utenti meta dawn il-pannelli jkunu tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005.

45      Għaldaqstant, bla ħsara għall-eżami tal-validità msemmi fil-punt 38 ta’ din is‑sentenza, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-finanzjament tal‑ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 fuq l-utenti ta’ dawn il-pannelli u mhux fuq il-produtturi tagħhom.

46      Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, huwa neċessarju, fit-tieni lok, hekk kif imsemmi fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, li tiġi evalwata wkoll il-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn ikun jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi, sabiex il‑partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l‑obbligi tagħhom u jaġixxu konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 161, u tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li dispożizzjoni legali ġdida tkun tapplika retroattivament, jiġifieri għal sitwazzjoni stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, l-istess prinċipju jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt għandha normalment, u bla ħsara għal indikazzjoni espressa kuntrarja, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali kontemporanji għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 37, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et, C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 94 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, dispożizzjoni legali ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun qamet taħt il-liġi preċedenti kif ukoll għas‑sitwazzjonijiet ġuridiċi l-ġodda (sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B., C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 50, u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale Ambiente, C‑15/19, EU:C:2020:371, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, is-sitwazzjoni tista’ tkun madankollu differenti jekk id-dispożizzjoni l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw speċifikament il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32; tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32; u tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B., C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 50).

49      Is-sitwazzjoni tista’ wkoll eċċezzjonalment tkun differenti, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, meta għan ta’ interess ġenerali jkun jeħtieġ dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati (sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, “Goed Wonen”, C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 33, u tad‑19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 32).

50      F’dan il-każ, mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2012/19 jirriżulta li din id‑direttiva tapplika għat-tagħmir imsemmi fl-Anness I tagħha, fosthom il-pannelli fotovoltajċi, mit‑13 ta’ Awwissu 2012, data li barra minn hekk tikkoinċidi ma’ dik tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri, konformement mal-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, l-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali talUnjoni Ewropea li seħħet fl‑24 ta’ Lulju 2012. Għall-kuntrarju, skont l‑Artikolu 24(1) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mill‑14 ta’ Frar 2014.

51      Għaldaqstant, id-dispożizzjoni legali stabbilita fl-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2012/19 tapplika, ratione temporis, biss sa fejn l-operazzjonijiet għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill‑ambjent tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi li huma elenkati fih jitwettqu mit‑13 ta’ Awwissu 2012. Fil-fatt, fil-każ li tali operazzjonijiet ikunu twettqu qabel din id-data, il-pannelli inkwistjoni ma jkunux għadhom jeżistu iktar fl‑imsemmija data u l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-operazzjonijiet ikunu diġà ġġarrbu fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2012/19, b’mod li l-Artikolu 13(1) tagħha ma jistax japplika għall-imsemmija operazzjonijiet.

52      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali, stabbilita fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19, li tipprovdi li l-produtturi jkunu meħtieġa jiżguraw il-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005, meta dawn il‑pannelli jkunu saru jew ikunu ser isiru skart mit‑13 ta’ Awwissu 2012, hijiex ta’ natura li tippreġudika sitwazzjoni stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id‑direttiva jew jekk din l-applikazzjoni hijiex intiża, għall-kuntrarju, li tirregola l‑effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun qamet qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19, l-obbligu ta’ finanzjament tal‑ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi kien irregolat mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98, li kien iħalli lill-Istati Membri l‑għażla li jeżiġu li l-ispejjeż għal dan l-immaniġġar jiġġarrbu jew mid-detentur attwali jew preċedenti tal-iskart jew mill-produttur jew mid-distributur tal-pannelli fotovoltajċi.

54      Konsegwentement, fil-każ fejn Stat Membru kien għażel, qabel l-adozzjoni tad‑Direttiva 2012/19, li jeżiġi li l-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi jiġġarrbu mill-utenti ta’ dawn il-pannelli u mhux mill‑produtturi tagħhom, hekk kif kien il-każ fir-Repubblika Ċeka, id-dħul fis‑seħħ tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19, flimkien mal-obbligu li din id‑dispożizzjoni tiġi trasposta fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali kellu effett, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 53 u 57 tal-konklużjonijiet tagħha, fuq sitwazzjonijiet stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

55      Fil-fatt, tali bidla tal-allokazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi li kienet tapplika bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti fid-data tat-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-pannelli u tal-bejgħ tagħhom bi prezz speċifiku, data u tranżazzjoni kummerċjali li l-produttur ma jistax jemenda a posteriori, ma tistax titqies li tikkostitwixxi l-applikazzjoni ta’ regola ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni stabbilita taħt ir-reġim tar-regola preċedenti inkwantu l-effetti inkwistjoni huma diġà ċerti fl-aspetti kollha tagħhom u għalhekk stabbiliti, bid-differenza ta’ dawk li kienu inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale Ambiente (C‑15/19, EU:C:2020:371), li kienet tirrigwarda bidla, f’data li fiha l-landfill inkwistjoni kienet għadha operattiva, tal-perijodu ta’ manutenzjoni ta’ din il-landfill wara l‑għeluq tagħha.

56      Ċertament, il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiddependi fuq l-istat tad-dritt nazzjonali. Madankollu, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni l-ewwel jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jiddeterminaw l-allokazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn ċerti prodotti u jiddeċiedi, sussegwentement, li jistabbilixxi regola li permezz tagħha dawn l-ispejjeż għandhom, fl-Istati Membri kollha, jiġġarrbu mill-produtturi, inkluż fir-rigward tal-prodotti li dawn kienu diġà qiegħdu fis-suq f’mument meta l-imsemmija leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni kienet fis-seħħ, għandu jitqies li din ir-regola tapplika retroattivament, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 ta’ din is‑sentenza, u għalhekk tista’ tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2012/19, fid-dawl tal-fatt li dan japplika għall-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it‑13 ta’ Awwissu 2005 u d-data tad-dħul fis-seħħ tad‑Direttiva 2012/19, jiġifieri t‑13 ta’ Awwissu 2012, u li għalhekk jirregola sitwazzjonijiet stabbiliti qabel din l-aħħar data, josservax il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza.

58      Ċertament, din ir-regola l-ġdida hija akkumpanjata minn dispożizzjonijiet speċjali li jiddeterminaw b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha, fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza, inkwantu din tkopri b’mod espliċitu, u mingħajr ebda ambigwità, l-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005. Madankollu, dispożizzjoni legali ġdida li tapplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti preċedentement ma tistax titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi sa fejn din tbiddel, a posteriori u b’mod imprevedibbli, l-allokazzjoni ta’ spejjeż li l-okkorrenza tagħhom ma tistax tiġi evitata iktar, peress li operaturi setgħu leġittimament jibbażaw ruħhom fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali fuq l-allokazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż prevista fil-leġiżlazzjoni eżistenti f’dak iż‑żmien, u b’hekk iċċaħħad lil dawn l-operaturi minn kull possibbiltà reali li jieħdu passi wara d-dħul fis-seħħ ta’ din ir-regola l-ġdida.

59      Barra minn hekk, sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni retroattiva ta’ regola ġdida tista’ wkoll tiġi ġġustifikata meta għan ta’ interess ġenerali jkun jeżiġi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 tkun tmur kontra l-għan iddikjarat fil-premessa 12 ta’ din id-direttiva li huwa intiż li jinkoraġġixxi lill-produtturi jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ u jiffaċilitaw, fil-mument tad-disinn tal-prodotti tagħhom, it-tiswija, it-titjib eventwali, l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u r-riċiklaġġ tagħhom Fil-fatt, hekk kif sostna l-Gvern Ġermaniż fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li kellhom jingħataw tweġiba bil-miktub, it-twettiq ta’ tali għan jidher diffiċli li jintlaħaq peress li l-produtturi ma kinux f’pożizzjoni li jipprevedu, fil-mument tad-disinn tal-pannelli fotovoltajċi, li sussegwentement kienu ser ikunu meħtieġa jiżguraw il-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn dawn il-pannelli.

60      Fir-rigward tal-fatt, irrilevat mill-Parlament, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li kellhom jingħataw tweġiba bil-miktub, li, skont l-Artikolu 13 tad‑Direttiva 2002/96, il-pannelli fotovoltajċi jistgħu eventwalment jiżdiedu mal‑Anness I B ta’ din id-direttiva, fil-kuntest tal-emendi neċessarji għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-adattament tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, dwar il‑kalkolu tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE li l-produtturi kienu meħtieġa jilħqu, għall-progress xjentifiku u tekniku, dan ma jistax jinvalida r-raġunament espost fil-punti 47 sa 59 ta’ din is-sentenza. Ċertament, din id-dispożizzjoni kienet tindika, sa mis-sena 2002, il-fatt li l-produtturi ta’ pannelli fotovoltajċi setgħu jintalbu jġarrbu l-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart mill-pannelli mqiegħda fis-suq sa minn data futura li tkun prevista, jekk ikun il-każ, f’direttiva ġdida. Madankollu, din ma tistax issostni l-konklużjoni li dawn il-produtturi kellhom jistennew li l-obbligu ta’ finanzjament tal-ispejjeż relatati mal‑immaniġġar tal-iskart minn EEE, kif previst fl-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2012/19, jiġi impost fuqhom għall-pannelli fotovoltajċi diġà mqiegħda fis-suq bejn it‑13 ta’ Awwissu 2005 u t‑13 ta’ Awwissu 2012.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2012/19 tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

62      Minn dan isegwi li għandha tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn din timponi fuq il-produtturi l-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal‑immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it‑13 ta’ Awwissu 2005 u t‑13 ta’ Awwissu 2012.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda kif ġej:

–        l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 huwa invalidu sa fejn din id‑dispożizzjoni timponi fuq il-produtturi l-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it‑13 ta’ Awwissu 2005 u t‑13 ta’ Awwissu 2012;

–        l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-utenti ta’ pannelli fotovoltajċi, u mhux fuq il-produtturi ta’ dawn il-pannelli, il-finanzjament tal‑ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart mill-imsemmija pannelli mqiegħda fis-suq mit‑13 ta’ Awwissu 2012, data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id‑direttiva.

 Fuq ittieni domanda

64      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kuntrarja għal direttiva tal-Unjoni, tkun ġiet adottata qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva għandu effett fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għar‑responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru għad-dannu kkawżat lil individwu li jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

65      Preliminarjament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-domanda qiegħda ssir fil-każ li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jeżiġi li l-obbligu ta’ finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi jaqa’ fuq il-produtturi għall-pannelli mqiegħda fis-suq sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2013. Għaldaqstant, sa fejn mir-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan l-obbligu għandu jiġi stabbilit għall-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq sa mid-dħul fis-seħħ tad‑Direttiva 2012/19, jiġifieri t‑13 ta’ Awwissu 2012, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk il‑fatt li l-leġiżlazzjoni Ċeka dwar l-iskart, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, ġiet adottata qabel l-imsemmija direttiva, għandux effett fuq l-evalwazzjoni tal‑kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tar-Repubblika Ċeka għad-dannu kkawżat lil utent ta’ pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq matul il-perijodu bejn it‑13 ta’ Awwissu 2012 u l‑1 ta’ Jannar 2013.

66      Issa, mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tagħha, hemm dubji dwar jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwardax effettivament pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq matul il-perijodu bejn it‑13 ta’ Awwissu 2012 u l‑1 ta’ Jannar 2013.

67      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Grand hamster), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      B’dan premess, peress li ma jistax jiġi eskluż li VYSOČINA WIND effettivament akkwistat u użat, fil-kuntest tal-operat tal-impjant tal-enerġija solari li beda jopera fl‑2009, pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq matul il-perijodu bejn it‑13 ta’ Awwissu 2012 u l‑1 ta’ Jannar 2013, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, sabiex tingħata risposta utli lil dik il-qorti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda.

69      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, fid-dritt tal-Unjoni, dritt għal kumpens jiġi rrikonoxxut meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li d-dispożizzjoni legali miksura tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun suffiċjentement serju u, fl-aħħar nett, li jkun hemm rabta diretta bejn il-ksur tal-obbligu impost fuq l-Istat Membru u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51, kif ukoll tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie, C‑120/20, EU:C:2021:553, punt 61).

70      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-applikazzjoni tal‑kundizzjonijiet, imfakkra fil-punt preċedenti, li jippermettu li tiġi stabbilita r‑responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi permezz ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lilu għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill‑qrati nazzjonali skont il-linji gwida pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja għal tali applikazzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan ir-rigward, fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tieni waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali adita b’talba għall‑kumpens għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 42).

72      F’dan il-każ, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, iktar minn xahar qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19, jiġifieri fit‑30 ta’ Mejju 2012, il‑leġiżlatur Ċek inkluda fil-Liġi dwar l-Iskart l-Artikolu 37p li jistabbilixxi r‑responsabbiltà tal-utenti għall-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2013. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod iktar partikolari, jekk il-fatt li r-Repubblika Ċeka emendat il-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-iskart saħansitra qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19 jistax jiġi imputat lilha sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħha minħabba l-kuntrarjetà ta’ dik il‑leġiżlazzjoni nazzjonali mal-imsemmija direttiva.

73      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li d‑Direttiva 2012/19 tistabbilixxi hija stess, fl-Artikolu 24(1) tagħha, terminu li mal-iskadenza tiegħu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għall-konformità magħha għandhom ikunu daħlu fis‑seħħ fl-Istati Membri, jiġifieri l‑14 ta’ Frar 2014.

74      F’dan ir-rigward, għalkemm id-Direttiva 2012/19 tapplika bħala tali, ratione temporis, mit‑13 ta’ Awwissu 2012, hemm lok li jiġi enfasizzat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li t‑terminu msemmi fil-punt preċedenti huwa intiż, b’mod partikolari, li jagħti lill‑Istati Membri ż-żmien neċessarju sabiex jadottaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, dawn l-Istati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ttrasponewx id-direttiva fl-ordinament ġuridiku tagħhom qabel ma dan it-terminu jkun skada. Xorta jibqa’ l-fatt li huwa matul it-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li r-riżultat previst minnha jintlaħaq mal-iskadenza ta’ dan it-terminu (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter‑Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punti 43 u 44, kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Milev, C‑439/16 PPU, EU:C:2016:818, punti 30 u 31).

75      Minn dan jirriżulta, skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, li, matul it-terminu għat‑traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri li lilhom din tiġi indirizzata għandhom jibqgħu lura milli jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat previst minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter‑Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45, u tat‑13 ta’ Novembru 2019, Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė, C‑2/18, EU:C:2019:962, punt 55).

76      F’din il-kawża, l-Artikolu 37p tal-Liġi dwar l-Iskart ġie adottat saħansitra qabel ma din id-direttiva ġiet adottata u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li t-terminu għat-traspożizzjoni kien għadu ma bediex jiddekorri, u saħansitra qabel ma l-imsemmija direttiva setgħet tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tal-Istati Membri li lilhom din hija indirizzata.

77      Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tiġi kkritikata li aġixxiet bi ksur tal‑ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza.

78      Minn dan isegwi li l-inklużjoni fil-Liġi dwar l-Iskart, iktar minn xahar qabel l‑adozzjoni tad-Direttiva 2012/19, tal-Artikolu 37p, li jistabbilixxi r‑responsabbiltà tal-utenti għall-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2013, ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad‑dritt tal-Unjoni.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li Stat Membru jkun adotta leġiżlazzjoni kuntrarja għal direttiva tal-Unjoni qabel l‑adozzjoni ta’ din id-direttiva ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tad-dritt tal‑Unjoni, peress li l-kisba tar-riżultat previst mill-imsemmija direttiva ma tistax titqies li tkun serjament kompromessa qabel ma din tkun tifforma parti mill‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

 Fuq lispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u talKunsill tal4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) huwa invalidu sa fejn din id-dispożizzjoni timponi fuq il-produtturi l-finanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it13 ta’ Awwissu 2005 u t13 ta’ Awwissu 2012.

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-utenti ta’ pannelli fotovoltajċi, u mhux fuq il-produtturi ta’ dawn il-pannelli, ilfinanzjament tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart millimsemmija pannelli mqiegħda fis-suq mit13 ta’ Awwissu 2012, data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

2)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li Stat Membru jkun adotta leġiżlazzjoni kuntrarja għal direttiva tal-Unjoni qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kisba tar-riżultat previst millimsemmija direttiva ma tistax titqies li tkun serjament kompromessa qabel ma din tkun tifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.