Language of document : ECLI:EU:T:2022:713

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

16 ta’ Novembru 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Liġi Olandiża li tipprojbixxi l-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku – Għeluq antiċipat ta’ impjant tal-enerġija bil-faħam – Għoti ta’ kumpens – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Deċiżjoni li tiddikjara l-kumpens kompatibbli mas-suq intern – Assenza ta’ klassifikazzjoni espressa bħala ‘għajnuna mill-Istat’ – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Ċertezza legali”

Fil-Kawża T‑469/20,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, M. de Ree u J. Langer, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet, B. Stromsky u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius (Relatur), I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali mqajma mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Ottubru 2020,

–        id-digriet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tingħaqad mal-mertu tat‑23 ta’ Frar 2021,

wara s-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2998 final tat‑12 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.54537 (2020/NN) – il-Pajjiżi l-Baxxi, Projbizzjoni tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fis‑27 ta’ Marzu 2019, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bl-abbozz tagħhom ta’ wet verbod op kolen bij elektriciteitsproductie (il-Liġi dwar il-Projbizzjoni tal-Użu tal-Faħam għall-Produzzjoni tal-Elettriku (iktar ’il quddiem il-“Liġi”)), skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).

3        Din il-liġi, li għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) fil-Pajjiżi l-Baxxi u li tipprevedi l-possibbiltà li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat lil impjant li, meta mqabbel ma’ impjanti l-oħra, ikun, b’mod sproporzjonat, affettwat mill-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku, ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

4        Madankollu, wara n-notifika tal-abbozz ta’ liġi mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont id-Direttiva 2015/1535, il-Kummissjoni bdiet, fuq inizjattiva tagħha stess, l-eżami tal-informazzjoni dwar għajnuna preżunta u talbet, fl‑4 ta’ Ġunju, fil‑25 ta’ Ġunju, fit‑2 ta’ Awwissu u fit‑23 ta’ Settembru 2019, lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jipprovdulha informazzjoni addizzjonali. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb għat-talbiet tal-Kummissjoni, rispettivament fit‑13 ta’ Ġunju, fit‑18 ta’ Lulju, fit‑30 ta’ Awwissu, fit‑8 ta’ Ottubru, fid‑29 ta’ Novembru, fl‑1 ta’ Diċembru 2019 u fl‑10 ta’ Marzu 2020.

5        F’din il-korrispondenza, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ripetutament iddikjara li l-kumpens previst mil-Liġi kien strettament limitat għad-danni kkawżati mill-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku u li ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

6        Fil‑11 ta’ Diċembru 2019, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta l-Liġi, li daħlet fis-seħħ fl‑20 ta’ Diċembru 2019.

7        Waqt l-adozzjoni tal-Liġi, kienu jeżistu ħames impjanti tal-enerġija bil-faħam fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri Amercentrale 9, Eemshaven A/B, Engie Maasvlakte, MPP3 u Hemweg 8 (iktar ’il quddiem “Hemweg”).

8        Skont l-Artikoli 3 u 3a tal-Liġi, il-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku hija applikata b’mod progressiv, skont il-profittabbiltà ta’ kull impjant, l-użu tal-bijomassa u l-effiċjenza elettrika. Il-projbizzjoni totali tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku ġiet stabbilita għal mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2030.

9        Erbgħa mill-ħames impjanti tal-enerġija bbenefikaw minn perijodu tranżitorju ta’ ħames sa għaxar snin, u b’hekk tħallitilhom il-possibbiltà li jirkupraw l-investimenti magħmula, li jadattaw ruħhom għal materja prima oħra jew li jippreparaw ruħhom għall-għeluq.

10      Hemweg, li ma kienx jaħraq il-bijomassa, ma kien jipproduċi l-ebda enerġija rinnovabbli u li l-effiċjenza tiegħu kienet l-iktar baxxa fost il-ħames impjanti, ma bbenefikax minn perijodu tranżitorju. Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi, huwa kellu jieqaf juża l-faħam mill‑1 ta’ Jannar 2020. Peress li dan l-impjant ma kellux il-possibbiltà li jadatta ruħu għal materja prima oħra, huwa kellu jagħlaq fl-aħħar tal‑2019.

11      L-Artikolu 4 tal-Liġi jipprevedi l-possibbiltà li jingħata kumpens lil impjant li, meta mqabbel ma’ impjanti oħra, ikun, b’mod sproporzjonat, affettwat mill-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku.

12      L-Artikolu 4 ġie adottat, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li l-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku taffettwa d-dritt għall-proprjetà, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u minħabba r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-rigward tal-obbligi pubbliċi, peress li l-għan huwa, b’mod partikolari, li jiġi pprovdut bilanċ ġust bejn l-interess ġenerali segwit mill-Istat u l-interess individwali tal-impjanti kkonċernati.

13      Peress li Hemweg ma bbenefikax minn perijodu tranżitorju, huwa kien, skont il-Gvern Olandiż, affettwat b’mod sproporzjonat ħafna bl-introduzzjoni, fi żmien qasir ħafna, tal-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku. Sabiex jiġi żgurat il-bilanċ ġust mitlub mill-KEDB, l-awtoritajiet Olandiżi kkuntattjaw lil Vattenfall NV, l-operatur ta’ Hemweg, sabiex jiksbu l-informazzjoni li tippermetti li tiġi evalwata l-portata tad-dannu u sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens dovut minħabba l-għeluq antiċipat.

14      Wara analiżi mwettqa b’kooperazzjoni ma’ ditta tal-awditjar, il-Ministru Olandiż għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Klima, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2019, ta lil Vattenfall kumpens ta’ EUR 52.5 miljun (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”).

15      Fit‑12 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija ddikjarat il-miżura inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 40, li l-Liġi “[kienet] tippreġudika d-drittijiet għall-proprjetà ta’ Vattenfall, sa fejn din [kienet] obbligatha tagħlaq Hemweg prematurament, sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ CO2, fl-interess pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li l-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li “qorti nazzjonali [Olandiża] għalhekk kienet probabbilment tagħti kumpens lil [Vattenfall]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata li, “fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi, ma [setax] jiġi konkluż, b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, li f’dan il-każ [kien] jeżisti dritt għal kumpens ta’ EUR 52.5 miljun” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li “ma [setax] jiġi eskluż li l-miżura inkwistjoni tagħti għajnuna mill-Istat lill-impriża kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18      Madankollu, il-Kummissjoni qieset fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata li “madankollu ma [kienx] hemm lok li tinsilet konklużjoni definittiva f’dan il-każ dwar jekk il-miżura [kinitx] tagħti vantaġġ lill-operatur u għalhekk [kinitx] tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li, anki jekk [kien] hemm għajnuna mill-Istat, [hija] [kienet] tqis il-miżura kompatibbli mas-suq intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Ittalbiet talpartijiet

19      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

21      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni tfakkar qabel kollox li, peress li l-ebda dispożizzjoni legali tal-Unjoni Ewropea ma tobbligaha tagħti deċiżjoni espliċita dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura, hija ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

22      Sussegwentement, billi tagħmel riferiment, minn naħa, għad-digriet tat‑28 ta’ Jannar 2004, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑164/02, EU:C:2004:54), u, min-naħa l-oħra, għas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551), il-Kummissjoni tislet iż-żewġ konklużjonijiet li ġejjin. L-ewwel, meta Stat Membru jinnotifika skema ta’ għajnuna u ma jikkontestax li din hija għajnuna, ma jkunx ammissibbli li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-iskema kompatibbli mas-suq intern. It-tieni, jekk l-Istat Membru jitlob espressament lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna, iżda għall-kuntrarju din tikkonkludi li teżisti skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern, l-Istat Membru jista’ jippreżenta rikors għal annullament, peress li din id-deċiżjoni toħloq effetti legali sa fejn l-iskema ta’ għajnuna tkun suġġetta għas-sorveljanza kostanti tal-Kummissjoni.

23      Issa, skont il-Kummissjoni, minn naħa, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qatt ma nnotifika l-miżura inkwistjoni u lanqas talab lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax skema ta’ għajnuna, iżda l-ħlas ta’ kumpens ta’ darba lil impriża waħda, ħlas li, barra minn hekk, kien diġà sar.

24      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ Vattenfall, il-Kummissjoni ssostni li l-miżura inkwistjoni, jekk tikkostitwixxi għajnuna, hija għajnuna eżistenti, peress li din hija għajnuna individwali li hija awtorizzat, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9). Vattenfall tista’ sserraħ moħħha, għal perijodu ta’ mill-inqas għaxar snin, milli jkollha ġġarrab l-irkupru possibbli tal-ammont prinċipali tal-kumpens mogħti lilha, flimkien mal-interessi, skont l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament 2015/1589, peress li dawn l-artikoli huma applikabbli biss fil-każ ta’ għajnuna illegali, li l-miżura inkwistjoni ma hijiex, peress li l-Kummissjoni ddikjaratha kompatibbli mas-suq intern.

25      Għaldaqstant, ma jirriżulta l-ebda effett legali vinkolanti mid-deċiżjoni kkontestata għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

26      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

27      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament, previst fl-Artikolu 263 TFUE, huwa miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement mill-forma, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 263 TFUE jagħmel distinzjoni ċara bejn id-dritt għal rikors għal annullament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, min-naħa l-oħra, peress li t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jagħti, b’mod partikolari, lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Għalhekk, kuntrarjament għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi, Stat Membru ma għandux juri li att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fil-konfront tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu jkun ammissibbli. Madankollu, sabiex att tal-Kummissjoni jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, dan għandu jkun intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Novembru 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑208/99, EU:C:2001:638, punti 22 sa 24, u s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 36 sa 38), fatt li għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tas-sustanza tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑147/96, EU:C:2000:335, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-kapaċità ta’ att li jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE għandha tiġi evalwata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-att, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi tal-att (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 47).

30      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, diġà ġie deċiż li deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 107(1) u (3) TFUE, li, filwaqt li tikklassifika miżura bħala għajnuna mill-Istat, tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern, għandha titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 42; tal‑25 ta’ Marzu 2015, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑538/11, EU:T:2015:188, punt 53, u tat‑28 ta’ Jannar 2016, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑427/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:41, punt 36).

31      Ċertament, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tiddeċidix dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li l-Kummissjoni kkonfermat, barra minn hekk, waqt is-seduta. Fil-fatt, mill-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma eskludietx li l-miżura inkwistjoni tagħti għajnuna mill-Istat lil Vattenfall. Fil-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni lanqas ma indikat espliċitament li din il-miżura kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, filwaqt li kkonkludiet li din il-miżura kienet kompatibbli mal-Artikolu 107(3) TFUE.

32      Madankollu, bħal fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, filwaqt li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern, id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala konsegwenza li l-miżura inkwistjoni, li hija kkunsidrata biss bħala kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, hija awtorizzata mill-Kummissjoni u tista’, għaldaqstant, tiġi implimentata konformement mal-Artikolu 108(3) tal-imsemmi trattat.

33      Għalhekk, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni ddeċidiet li ttemm il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari li hija kienet bdiet u impliċitament irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni formali”). Għaldaqstant, il-Kummissjoni adottat pożizzjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, u dan għandu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punti 65 u 66).

34      Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-effetti legali vinkolanti prodotti mid-deċiżjoni kkontestata humiex ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Fuq ilmertu

35      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jinvoka ħames motivi, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, it-tieni wieħed fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward tal-oneru tal-prova, it-tielet wieħed fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’ wieħed fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddikjara miżura kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, mingħajr ma kklassifikatha, minn qabel, bħala għajnuna u l-ħames wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

36      L-ewwel tliet motivi huma invokati fil-każ fejn id-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem fis-sens li timplika neċessarjament il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna. It-tnejn l-oħra huma diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma tiddeċidix fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

37      Issa, f’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 31 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati, flimkien, ir-raba’ u l-ħames motiv.

38      F’dan ir-rigward, l-ewwel, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li mill-istruttura tal-Artikolu 107 TFUE jirriżulta li l-għajnuna mill-Istat biss tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

39      Dan il-qari huwa kkonfermat mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, li jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara miżura kompatibbli mas-suq intern, sa fejn din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

40      Issa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-miżura inkwistjoni, li hija tiddikjara kompatibbli mas-suq intern, kienet tikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u għalhekk li din kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

41      Minn dan ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiddeduċi li l-Kummissjoni aġixxiet lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

42      It-tieni, billi ddeċidiet li ma tagħtix deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kellhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni ħolqot inċertezza legali. Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà meħtieġa fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huma ssodisfatti biss fil-każ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi espressament li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna jew le.

43      Il-Kummissjoni tirribatti li la mill-Artikolu 107(3) TFUE u lanqas mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 ma jirriżulta li hija ma tistax tiddikjara miżura kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kwistjoni dwar jekk din il-miżura tikkostitwixxix għajnuna jew le. Għall-kuntrarju, jekk il-miżura ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 jimponilha li tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern. Il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, bl-uniku għan li jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, imur kontra l-ispirtu ta’ din id-dispożizzjoni.

44      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, skont il-Kummissjoni, mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, li jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali biss jekk hija tikkonstata, wara investigazzjoni preliminari, li l-miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

45      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2015/1589 ma jippermettix lill-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jekk, wara l-investigazzjoni preliminari, hija effettivament ma waslitx għal tali konklużjoni.

46      Hija tispjega li xi kultant jista’ jkun iktar effettiv u vantaġġjuż għall-partijiet ikkonċernati li l-Kummissjoni tiddikjara miżura kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tipproċedi għal proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589 sabiex tiddetermina jekk il-miżura tikkostitwixxix għajnuna.

47      Għalhekk, f’tali sitwazzjoni, billi tadotta d-deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura li ma tistax tiġi kklassifikata faċilment bħala għajnuna, il-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

48      Id-deċiżjoni kkontestata toħloq ċertezza legali għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u għal Vattenfall, peress li temmet l-inċertezza fir-rigward tal-legalità tal-għajnuna, il-bidu possibbli tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-irkupru possibbli ta’ parti mill-kumpens mogħti lil Vattenfall fir-rigward tal-miżura inkwistjoni.

49      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 u kkonkludiet, fid-dispożittiv tagħha, li “l-[miżura inkwistjoni kienet] kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) [TFUE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50      Il-Kummissjoni tallega li la l-Artikolu 107(3) TFUE u lanqas l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 ma jimponu fuqha l-obbligu li tikkonstata definittivament li miżura tikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, qabel ma tkun tista’ tikkunsidra li din il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern.

51      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għal derogi previsti fit-Trattati, skont l-effett li jkollhom fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuniet mogħtija mill-Istati, jiġifieri minn riżorsi tal-Istat, ma humiex kompatibbli mas-suq intern fl-ebda forma li tista’ tiffavorixxi xi kumpanniji jew tipi ta’ produzzjoni, bir-riżultat li jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni.

52      Skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, b’deroga mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-“għajnuna” maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ċerti reġjuni ekonomiċi, meta din ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa livell li jkun kuntrarju għall-interess komuni, tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

53      L-użu tat-terminu “għajnuna”, fl-Artikolu 107(3) TFUE, jimplika li l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mas-suq intern tista’ tiġi eżaminata biss wara li din il-miżura tkun ġiet ikklassifikata bħala għajnuna.

54      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Kummissjoni ma tkunx konvinta, fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, li miżura tal-Istat jew ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew, jekk tiġi kklassifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma ppermettitilhix tegħleb id-diffikultajiet kollha li qamu bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija biss miżura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, li tista’ titqies mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.

56      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija sostnuta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament 2015/1589.

57      Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 jiddisponi:

“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika hekk kif tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 ta’ dan l-Artikolu.

2. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern […]

4. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) tat- TFUE […]”

58      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 jistabbilixxi fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna li għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-miżura li hija qiegħda teżamina. Fi tmiem din il-fażi, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura tal-Istat inkwistjoni, jew ma tikkostitwixxix “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jew taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan l-aħħar każ, l-imsemmija miżura tista’ ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern jew, għall-kuntrarju, tqajjimhom. Jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-investigazzjoni preliminari, li l-miżura nnotifikata, sa fejn din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 43 u 44).

59      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, applikabbli f’dan il-każ bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament, dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna illegali, jistabbilixxi għalhekk lista eżawrjenti tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tadotta wara l-investigazzjoni preliminari tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, li fosthom ma hemmx il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni li tiddikjara miżura nazzjonali kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma l-Kummissjoni tkun iddeċidiet minn qabel dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara miżura kompatibbli mas-suq intern, “safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE”.

60      Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-Kummissjoni kellha dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna, fatt li hija kkonfermat matul is-seduta, b’tali mod li, wara u minkejja diversi skambji bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u s-servizzi tiegħu matul il-proċedura amministrattiva, hija ddeċidiet li ma tagħtix deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern.

61      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tmur kontra kemm l-Artikolu 107(3) TFUE kif ukoll l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589.

62      Għaldaqstant, billi qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern, mingħajr ma ddeċidiet minn qabel dwar jekk tali miżura kinitx tikkostitwixxi għajnuna, il-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha.

63      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li kull att tal-amministrazzjoni li jipproduċi effetti legali jkun ċar u preċiż, sabiex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jirregolaw ruħhom konsegwentement (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Correia vs KESE, T‑843/19, EU:T:2021:221, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punt 300 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, huwa minnu li l-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, din il-miżura ma ġietx ikklassifikata, filwaqt li mill-punt 63 iktar ’il fuq jirriżulta li dan huwa prerekwiżit neċessarju għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura mas-suq intern.

65      Barra minn hekk, l-ewwel, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ għajnuna implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, adottat deċiżjoni finali li tikkonkludi li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 107 TFUE, il-qorti nazzjonali tkun obbligata, skont id-dritt tal-Unjoni, tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna jħallas l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità ta’ din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 52 u 55). Għalhekk, fil-każ fejn il-kompetituri ta’ Vattenfall jibdew proċedura quddiem il-qrati nazzjonali dwar il-legalità tal-miżura inkwistjoni u jekk dawn tal-aħħar jikklassifikawha bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn dan jirriżulta li l-Artikolu 108(3) TFUE kien inkiser minħabba l-assenza ta’ notifika tal-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni u li huwa r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li għandu jitlob mingħand Vattenfall interessi għall-perijodu ta’ illegalità.

66      It-tieni, l-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni ħalliet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’sitwazzjoni inċerta fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna ġdida bis-saħħa tar-regoli dwar il-kumulu ta’ għajnuna, skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 (2014/C 200/01) (ĠU 2014, C 200, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1).

67      Fil-fatt, skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Akkumulazzjoni”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont totali tal-għajnuna mill-Istat mogħtija favur l-attività, il-proġett jew l-impriża inkwistjoni.

68      Il-punt 81 tal-Linji Gwida jipprevedi li l-għajnuna tista’ tingħata simultanjament taħt diversi skemi ta’ għajnuna jew flimkien ma’ għajnuna ad hoc, bil-kundizzjoni li l-ammont totali tal-għajnuna mill-Istat mogħtija favur attività jew proġett ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti mil-limiti massimi ta’ għajnuna previsti fl-imsemmija linji gwida.

69      B’hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’ jiġi affettwat mir-regoli ta’ kumulu fis-seħħ, fil-każ fejn huwa jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna lil Vattenfall sabiex tuża s-sit Hemweg mill-ġdid.

70      Għaldaqstant ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata kienet tippermetti lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, li jkun jaf b’eżattezza d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jaġixxi kif xieraq.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni, billi ddeċidiet li ma tagħtix deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kellhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

72      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hemm lok li jintlaqgħu r-raba’ u l-ħames motiv u, għaldaqstant, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra invokati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Fuq lispejjeż

73      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2998 final tat12 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.54537 (2020/NN) – il-Pajjiżi l-Baxxi, Projbizzjoni tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Novembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.