Language of document : ECLI:EU:T:2022:723

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

23 ta’ Novembru 2022 (*)

“Rikors għal annullament u għad-danni – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Sospensjoni tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija bankarja – Skala ta’ ħlasijiet imwettqa provviżorjament – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni u li tiffissa multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa imposta inizjalment – Imputazzjoni tal-pagamenti mwettqa provviżorjament – Interessi moratorji – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE – Arrikkiment indebitu – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Assenza ta’ bażi legali – Illegalità”

Fil-Kawża T‑275/20,

Westfälische Drahtindustrie GmbH, stabbilita f’Hamm (il-Ġermanja),

Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG, stabbilita f’Hamm,

Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG, stabbilita f’Iserlohn (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn O. Duys u N. Tkatchenko, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi u L. Mantl, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Mejju 2020,

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas ta’ kompetenza mqajma skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Awwissu 2020,

–        id-digriet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tingħaqad mal-mertu tal‑1 ta’ Frar 2021,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti, Westfälische Drahtindustrie GmbH (iktar ’il quddiem “WDI”), Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH Co. KG (iktar ’il quddiem “WDV”) u Pampus Industriebeteiligungen GmbH Co. KG (iktar’ il quddiem “WDI”) (iktar ’il quddiem “Pampus”), jitolbu, prinċipalment, l-annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tal-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tat‑2 ta’ Marzu 2020 li permezz tagħha hija intimathom iħallsu s-somma ta’ EUR 12 236 931.69 li tikkorrispondi, skontha, għas-saldu dovut mill-multa li kienet ġiet imposta lilhom fit‑30 ta’ Settembru 2010; it-tieni, il-konstatazzjoni tal-ħlas totali tal-multa fis‑17 ta’ Ottubru 2019 permezz tal-pagament tas-somma ta’ EUR 18 149 636.24, u t-tielet, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lil WDI is-somma ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi b’effett minn din id-data tal-aħħar, minħabba arrikkiment indebitu ta’ din l-istituzzjoni. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallashom is-somma ta’ EUR 12 236 931.69, li ntalbet mill-Kummissjoni lil WDI, kif ukoll somma ekwivalenti għall-ammont żejjed irċevut minn din l-istituzzjoni, sas-somma ta’ EUR 1 633 08.17, flimkien mal-interessi b’effett mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sal-ħlas sħiħ tas-somma dovuta.

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti huma fornituri tal-azzar għall-prestressing.

3        Permezz tad-deċiżjoni C(2010) 4387 final tat‑30 ta’ Ġunju 2010 li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38344 – Azzar għall-prestressing) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni APS”), il-Kummissjoni ssanzjonat diversi impriżi, fosthom ir-rikorrenti, għall-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-suq tal-azzar għall-prestressing. Il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 56 050 000 fuq WDI. WDV u Pampus inżammu responsabbli in solidum għal EUR 45 600 000 u EUR 15 485 000 rispettivament.

4        Din is-sanzjoni ġiet imposta fil-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni APS.

5        Matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kienu talbu li jibbenefikaw minn tnaqqis fil-multa minħabba assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas, abbażi tal-punt 35 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”). Dan il-punt jipprovdi kif ġej:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew defiċitarja. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi tal-provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-preżenti linji gwida, tipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex iċċaħħad l-assi tagħha minn kwalunkwe valur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Fid-deċiżjoni APS, il-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba tar-rikorrenti intiża li jsir benefiċċju minn tnaqqis eċċezzjonali tal-multa minħabba assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas.

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament u għall-bidla tad-deċiżjoni APS. Il-kawża ġiet irreġistrata taħt in-numru T‑393/10.

8        Permezz tad-deċiżjoni C(2010) 6676 final tat‑30 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010”), il-Kummissjoni emendat id-Deċiżjoni APS, b’mod partikolari l-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, bil-għan li tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq ċerti impriżi (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjoni inkwistjoni”). Il-multa imposta fuq WDI għalhekk ġiet stabbilita għal EUR 46 550 000. WDV u Pampus inżammu responsabbli in solidum għal EUR 38 855 000 u għal EUR 15 485 000 rispettivament.

9        Id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010 stabbilixxiet li, b’deroga mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni APS, il-ħlas tal-multi imposti fil-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni kellu jitwettaq f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010 u li, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, kienu awtomatikament dovuti interessi bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matulu ġiet adottata d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010, miżjuda b’3.5 punti perċentwali. Kien previst ukoll li, fil-każ ta’ preżentata ta’ rikors minn impriża ssanzjonata, din setgħet tkopri l-multa fl-iskadenza billi tipprovdi garanzija bankarja, jew billi tipproċedi għall-ħlas provviżorju tal-multa, skont l-Artikolu 85a(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).

10      Fit‑3 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-Kawża T‑393/10 intiża, essenzjalment, li tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni sakemm tingħata s-sentenza li taqta’ l-kawża prinċipali.

11      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni ċaħad talba ġdida mressqa mir-rikorrenti intiża għat-tnaqqis tal-multa minħabba l-kapaċità ta’ ħlas tagħhom (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑14 ta’ Frar 2011”).

12      Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ April 2011, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10 R, iktar ’il quddiem id-“digriet għal miżuri provviżorji”, EU:T:2011:178), il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti, filwaqt li ordna s-sospensjoni tal-obbligu impost fuqhom li jipprovdu garanzija bankarja favur il‑Kummissjoni sabiex jiġi evitat l-irkupru immedjat tal-multi, bil-kundizzjoni li huma jagħtu lil din l-istituzzjoni, provviżorjament, minn naħa, is-somma ta’ EUR 2 000 00 qabel it‑30 ta’ Ġunju 2011 u, min-naħa l-oħra, pagamenti mensili ta’ EUR 300 000 fil-ħmistax-il ġurnata ta’ kull xahar, b’effett mill‑15 ta’ Lulju 2011 u sakemm tingħata ordni oħra, iżda mhux iktar tard mill-għoti tas-sentenza fil-kawża prinċipali.

13      Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni (T‑393/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015”, EU:T:2015:515), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta kkonstatat, fid-deċiżjoni inkwistjoni, fir-rigward tar-rikorrenti, l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

14      Madankollu, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn din kienet timponi multa fuq ir-rikorrenti kif ukoll l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, minħabba li l‑Kummissjoni kienet wettqet fiha żbalji meta hija kienet evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tagħhom.

15      Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali kkundannat lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni inkwistjoni, li huwa rifless fid-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015.

16      Dan id-dispożittiv jaqra kif ġej:

“1)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors għal tnaqqis tal-multa imposta fuq [WDI] u fuq [WDV] fid-deċiżjoni […] tat‑30 ta’ Settembru 2010.

2)      Il-punt 8 tal-[ewwel paragrafu] tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni [inkwistjoni] huwa annullat.

3)      L-ittra […] tal‑14 ta’ Frar 2011 hija annullata.

4)      [WDI], [WDV] u Pampus […] huma kkundannati in solidum għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 15 485 000.

5)      [WDI] u [WDV] huma kkundannati in solidum għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 23 370 000.

6)      [WDI] hija kkundannata għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 7 695 000.

7)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

8)      [WDI], [WDV] u Pampus […] għandhom ibatu n-nofs tal-ispejjeż tagħhom stess, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u nofs l-ispejjeż ta’ [WDI], [WDV] u Pampus […], inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.”

17      B’eżekuzzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji, WDI kienet ħallset provviżorjament lill-Kummissjoni somma totali ta’ EUR 16 400 000 matul il-perijodu bejn id‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015.

18      Wara li ngħatat is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-konsulenti tar-rikorrenti kkuntattjaw lid-DĠ “Baġit” tal-Kummissjoni sabiex jiftiehmu bonarjament dwar skeda ta’ ħlas tal-multi ffissati fil-punti 4 sa 6 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza. Għalhekk, dehru opinjonijiet differenti fir-rigward tad-data li minnha kellhom jiddekorru l-interessi dovuti fuq dawn il-multi. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienu jqisu li l-interessi kellhom jibdew jiddekorru mid-data tal-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, filwaqt li, skont id-DĠ “Baġit”, l-interessi kienu dovuti mid-data li tirriżulta mit-tieni u mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni, jiġifieri, għal dak li kien jirrigwarda r-rikorrenti, f’terminu ta’ tliet xhur min-notifika tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010. Dan it-teħid ta’ pożizzjoni kien rifless f’messaġġ elettroniku tad-DĠ “Baġit” tat‑12 ta’ Awwissu 2015, bi tweġiba għal messaġġ elettroniku tar-rappreżentant tar-rikorrenti tal‑5 ta’ Awwissu 2015, u ġie mtenni waqt laqgħa li nżammet fl‑4 ta’ Settembru 2015 bejn il-Kummissjoni u WDI.

19      Fis‑17 ta’ Novembru 2015, WDI bagħtet lill-Kummissjoni proposta ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs tal-multa, sal‑15 ta’ Diċembru 2029, permezz ta’ pagamenti mensili ta’ EUR 300 000 u abbażi tal-interessi moratorji dovuti mill‑15 ta’ Jannar 2011 u kkalkolati bir-rata ta’ 4.5 %.

20      Fis‑27 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni kkomunikat lil WDI pjan ta’ ħlas bin-nifs tal-multa sal‑15 ta’ Marzu 2030. Dan il-pjan kien ibbażat ukoll fuq pagamenti mensili ta’ EUR 300 000 u kien jitkellem dwar il-prinċipju li l-kreditu kien dovut mill‑4 ta’ Jannar 2011 u kellu jiżdied bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 4.5 %.

21      Is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 kienet is-suġġett ta’ appell ippreżentat mir-rikorrenti, li kienu b’mod partikolari kkontestaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fl‑2015, u mhux fl‑2010. Dan l-appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il-Kummissjoni (C‑523/15 P, EU:C:2016:541).

22      Wara ċ-ċaħda tal-appell, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tinterpreta s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 fis-sens li l-interessi applikati għall-ammont tal-multa imposta f’din is-sentenza kienu dovuti mid-data tal-għoti ta’ din tal-aħħar. Sussidjarjament, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tikkoreġi jew tikkompleta din is-sentenza billi tippreċiża minn liema data kienu jibdew jiddekorru l-interessi.

23      Permezz tad-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni (T‑393/10 INTP, mhux ippubblikat, EU:T:2018:293), il-Qorti Ġenerali ddikjarat dawn it-talbiet inammissibbli. Fir-rigward tat-talba għal interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex tkun ammissibbli, din kellha tirrigwarda punt deċiż fis-sentenza li għandha tiġi interpretata. Madankollu, il-kwistjoni tal-bidu tal-interessi moratorji dovuti fil-każ ta’ ħlas differit tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti ma ġietx indirizzata fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. Skont il-Qorti Ġenerali, it-talba tar-rikorrenti kienet intiża li tinkiseb opinjoni dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li ma kinitx taqa’ taħt talba għal interpretazzjoni mressqa abbażi tal-Artikolu 168(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fir-rigward taż-żewġ talbiet l-oħra, dawn tqiesu bħala tardivi.

24      Fis‑16 ta’ Ottubru 2019, WDI informat lill-Kummissjoni, minn naħa, li hija kienet diġà ħallset EUR 31 700 000 u, min-naħa l-oħra, li hija kellha l-intenzjoni li tħallas diġà l-bilanċ tal-multa dovuta, f’kapital u interessi, li hija kienet stmat għal EUR 18 149 636.24. Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, WDI ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi akkumulati mill‑15 ta’ Ottubru 2015, jiġifieri tliet xhur wara l-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, u applikat rata ta’ interessi ta’ 3.48 %.

25      Fis‑17 ta’ Ottubru 2019, WDI ħallset l-imsemmija somma ta’ EUR 18 149 636.24 fil-kont bankarju tal-Kummissjoni, u b’hekk l-ammont totali tal-pagamenti li kienu saru b’effett mid‑29 ta’ Ġunju 2011, bħala ħlas tal-multa, kien ta’ EUR 49 849 636.24.

26      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”), il-Kummissjoni wriet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni espressa minn WDI fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2019. Il-Kummissjoni indikat li, konformement mal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni (T‑275/94, EU:T:1995:141), l-interessi kienu bdew jiddekorru mhux mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, iżda mid-data prevista mid-deċiżjoni inkwistjoni, jiġifieri l‑4 ta’ Jannar 2011, u bir-rata ta’ 4.5 %. Konsegwentement, il-Kummissjoni intimat lil WDI sabiex tħallasha s-somma ta’ EUR 12 236 931.69 li tikkorrispondi għall-bilanċ li kien għadu dovut, billi ħadet inkunsiderazzjoni d-data tal-valur tal‑31 ta’ Marzu 2020.

II.    It-talbiet tal-partijiet

27      Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-att ikkontestat;

–        tikkonstata, konsegwentement, li l-Kummissjoni kellha timputa l-ħlasijiet magħmula minn WDI matul il-perijodu mid‑29 ta’ Ġunju 2011 sas‑16 ta’ Ġunju 2015 (EUR 16 400 000), flimkien mal-interessi relatati ma’ dan l-ammont matul dan il-perijodu (EUR 1 420 610), b’hekk ammont totali ta’ EUR 17 820 610, mill-multa imposta mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, b’effett minn din id-data, u li din il-multa kienet, minħabba f’hekk, totalment imħallsa permezz tal-ħlas imwettaq minn WDI fis‑17 ta’ Ottubru 2019 sal-ammont ta’ EUR 18 149 636.24;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil WDI s-somma ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sal-ħlas sħiħ tas-somma dovuta;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tilqax l-ewwel tliet kapijiet ta’ talbiet, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, minn naħa, tħallashom kumpens ugwali għall-ammont mitlub fl-att ikkontestat, jiġifieri EUR 12 236 931.69, u, min-naħa l-oħra, tħallas lil WDI s-somma ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sal-ħlas sħiħ tas-somma dovuta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas ta’ kompetenza, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha,

–        tilqa’ t-talbiet magħmula fir-rikors permezz ta’ sentenza fil-kontumaċja fis-sens tal-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura;

–        sussidjarjament, tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas ta’ kompetenza;

–        iktar sussidjarjament, tgħaqqad din l-eċċezzjoni mal-mertu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, prinċipalment, bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

A.      Fuq ittalba tar-rikorrenti intiża li lQorti Ġenerali tilqa’ ttalbiet tagħhom f’sentenza fil-kontumaċja

30      Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas ta’ kompetenza, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali li t-talbiet tagħhom jiġu deċiżi f’sentenza fil-kontumaċja, skont l-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-Kummissjoni ppreżentat l-eċċezzjoni tagħha wara l-iskadenza tat-terminu.

31      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirrilevaw li, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ġenerali informathom li r-rikors kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu għall-preżentata tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas ta’ kompetenza skada fil‑5 ta’ Awwissu 2020. Madankollu, din l-eċċezzjoni ġiet ippreżentata biss fit‑13 ta’ Awwissu 2020.

32      L-Artikolu 123(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenut, li jkun ġie regolarment intimat, ma jkunx wieġeb għar-rikors fil-forma jew fit-terminu preskritti fl-Artikolu 81 ta’ dawn ir-regoli, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tiegħu.

33      Minn qari flimkien tal-Artikolu 81 u tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta, li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat fi żmien xahrejn wara n-notifika tar-rikors. Konformement mal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dan it-terminu għandu jiżdied darba b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

34      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Lulju 2018 dwar il-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e‑Curia (ĠU 2018, L 240, p. 72) jipprevedi li d-destinatarji tan-notifiki msemmija f’din id-deċiżjoni jkunu informati, permezz ta’ messaġġ elettroniku, dwar kull notifika mibgħuta lilhom mis-sistema e‑Curia. It-tielet paragrafu tal-imsemmi Artikolu 6 jippreċiża li att proċedurali għandu jiġi nnotifikat meta d-destinatarju (rappreżentant jew assistent) jitlob l-aċċess għal dan l-att fis-sistema e‑Curia. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ talba għal aċċess, l-att jitqies li ġie nnotifikat mal-iskadenza tas-seba’ jum ta’ wara dak tat-trażmissjoni tal-posta elettronika li javża lid-destinatarju li ġiet indirizzata notifika lilu.

35      F’dan il-każ, peress li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas ta’ kompetenza ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fit-terminu previst, il-Qorti Ġenerali ma stednitx lir-rikorrenti jippreżentaw osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 123(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dwar il-possibbiltà li jintlaqgħu t-talbiet tagħhom f’sentenza fil-kontumaċja.

36      Fil-fatt, kif jirriżulta mir-rapport ta’ e‑Curia, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑2 ta’ Ġunju 2020, ir-Reġistru informa lir-rikorrenti bin-notifika ta’ din l-applikazzjoni tal-messaġġ elettroniku tas‑26 ta’ Mejju 2020, imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq. Permezz ta’ messaġġ elettronika tat‑2 ta’ Ġunju 2020, ir-Reġistru avża wkoll lill-Kummissjoni bit-trażmissjoni bl-applikazzjoni e-Curia ta’ messaġġ elettroniku, bid-data tas‑26 ta’ Mejju 2020 ukoll, li nnotifikat ir-rikors u l-annessi li kienu jakkumpanjawh. Il-Kummissjoni laqgħet dawn id-dokumenti permezz tas-sistema e‑Curia fit‑3 ta’ Ġunju 2020. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Lulju 2018 dwar il-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e‑Curia, imfakkra fil-punt 34 iktar ’il fuq, id-data tat‑3 ta’ Ġunju 2020 hija d-dies a quo tat-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem li din l-istituzzjoni kellha sabiex tippreżenta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas ta’ kompetenza. Peress li din l-eċċezzjoni ġiet ippreżentata fit‑13 ta’ Awwissu 2020, l-imsemmi terminu ġie osservat.

37      Minn dan isegwi li t-talba tar-rikorrenti intiża li l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħhom f’sentenza fil-kontumaċja għandha tiġi miċħuda.

B.      Fuq is-suġġett tar-rikors

38      Ir-rikors għandu bħala suġġett talba għal annullament, talba għall-konstatazzjoni u talba għal ħlas marbuta ma’ arrikkiment indebitu kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni. Dawn it-talbiet ġew ifformulati fl-ewwel erba’ kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq.

39      Dawn l-erba’ talbiet tar-rikorrenti huma bbażati fuq l-allegazzjoni li, permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel, annullat ex tunc il-multa imposta mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni. Dan l-annullament wassal għal kreditu favur ir-rikorrenti, li jikkorrispondi għall-ammont imħallas minnhom, provviżorjament, bejn id‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015, b’eżekuzzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji (EUR 16 400 000), flimkien mal-interessi (EUR 1 420 610). Dawn tal-aħħar huma dovuti konformement mas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il-Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81). It-tieni, il-Qorti Ġenerali ffissat multa distinta ġdida, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. Ir-rikorrenti jindikaw lil din tal-aħħar bħala l-“multa ġudizzjarja”, b’kuntrast mal-“multa annullata” tal‑2010.

40      It-talba għall-annullament, li tinsab fl-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, tirrigwarda l-att ikkontestat, li permezz tiegħu l-Kummissjoni intimat lir-rikorrenti sabiex iħallsuha s-somma ta’ EUR 12 236 931.69 korrispondenti, fil-fehma tagħha, għall-bilanċ li kien għadu dovut tal-multa billi ħadet inkunsiderazzjoni d-data ta’ valur tal‑31 ta’ Marzu 2020.

41      It-talba għal konstatazzjoni, li tinsab fit-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, hija intiża li l-Qorti Ġenerali tiddikjara li, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni kellha timputa l-ħlasijiet imwettqa minn WDI matul il-perijodu mid‑29 ta’ Ġunju 2011 sas‑16 ta’ Ġunju 2015 (EUR 16 400 000), flimkien mal-interessi (EUR 1 420 610), fuq il-multa deċiża mill-Qorti Ġenerali u li, minħabba f’hekk, il-multa kienet tħallset kompletament fis‑17 ta’ Ottubru 2019 permezz tal-ħlas minn WDI tas-somma ta’ EUR 18 149 636.24.

42      It-talba bbażata fuq arrikkiment indebitu, li jinsab fit-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti, hija intiża li l-Kummissjoni tirrimborsa lil WDI s-somma ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019.

43      Din it-talba tal-aħħar hija spjegata minn żball ta’ kalkolu li r-rikorrenti jaffermaw li wettqu fit-talbiet preċedenti tagħhom lill-Kummissjoni.

44      Fil-fatt, fil-posta elettronika tagħha tal‑5 ta’ Awwissu 2015 u fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2019, WDI kienet talbet biss lill-Kummissjoni l-imputazzjoni fuq il-multa tas-somma mħallsa b’eżekuzzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji (EUR 16 400 000), mingħajr ma żiedet magħhom l-interessi marbuta ma’ dan l-ammont matul il-perijodu mid‑29 ta’ Ġunju 2011 sas‑16 ta’ Ġunju 2015 (EUR 1 420 610), u lanqas l-interessi komposti sa mill‑15 ta’ Lulju 2015. Skont ir-rikorrenti, konformement ma’ kalkolu ġdid tas‑7 ta’ Mejju 2020 li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali u fid-dawl ta’ dawn l-interessi, l-ammont li kien għadu dovut mir-rikorrenti fis‑17 ta’ Ottubru 2019 għall-finijiet tal-ħlas tal-bilanċ tal-“multa ġudizzjarja” kien biss ta’ EUR 16 516 551.07, u mhux ta’ EUR 18 149 636.24, kif ikkalkolat fis‑16 ta’ Ottubru 2019, li wassal għal ħlas żejjed ta’ EUR 1 633 085.17 favur il-Kummissjoni.

45      Fl-aħħar, it-talba għad-danni, imressqa sussidjarjament fir-rigward tat-tliet talbiet l-oħra u li tinsab fir-raba’ kap tat-talbiet, hija intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-danni allegatament imġarrba fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 sal-ammont mitlub mill-Kummissjoni fl-att ikkontestat (EUR 12 236 931.69) u tal-ammont imħallas żejjed minn din l-istituzzjoni fis‑17 ta’ Ottubru 2019 (EUR 1 633 085.17), flimkien mal-interessi minn dik id-data. Skont ir-rikorrenti, l-eżekuzzjoni żbaljata tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-obbligi li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. Id-dannu mġarrab kien jikkorrispondi għat-telf li jirriżulta mill-pretensjoni tal-ammont irċevut b’mod żbaljat b’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

46      Minn dan jirriżulta li t-tieni sar-raba’ kap tat-talbiet imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq għandhom rabta bejniethom.

47      Fil-fatt, waħda mill-konstatazzjonijiet imsemmija fit-tieni kap ta’ talbiet, jiġifieri l-obbligu għall-Kummissjoni, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li timputa fuq l-ammont li għadu dovut tal-multa mhux biss is-somom imħallsa minn WDI provviżorjament bejn id‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015, iżda wkoll l-interessi marbuta magħha, tiġġustifika t-talba għal rimbors tas-somma ta’ EUR 1 633 085.17, miżjuda bl-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019, li tinsab fit-tielet kap tat-talbiet.

48      Fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet, għandu jitfakkar li r-rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu ma jaqax taħt is-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali fis-sens strett tagħha, li l-involviment tagħha jiddependi mill-preżenza ta’ kundizzjonijiet marbuta mal-illegalità tal-aġir attribwit lill-Kummissjoni, mar-realtà tad-dannu u mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu allegat. L-imsemmi rikors huwa differenti minn rikorsi ppreżentati skont l-imsemmija sistema sa fejn huwa ma jeżiġix il-prova ta’ aġir illegali tal-konvenut, u lanqas is-sempliċi eżistenza ta’ aġir, iżda biss il-prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-konvenut u l-ftaqir tar-rikorrent minħabba l-imsemmi arrikkiment (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Madankollu, minkejja dawn il-karatteristiċi, il-possibbiltà li jsir rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu kontra l-Unjoni ma jistax jiġi miċħud lill-parti f’kawża għas-sempliċi raġuni li t-Trattat FUE ma jipprevedix b’mod espliċitu rimedju legali għal din it-tip ta’ azzjoni. Interpretazzjoni tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li teskludi din il-possibbiltà twassal għal riżultat li jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, jista’ jitqies li t-tielet u r-raba’ kap tat-talbiet jinkludu talbiet għad-danni bbażati fuq l-Artikolu 268 u fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Is-somma ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019, tintalab, alternattivament, f’dawn iż-żewġ kapijiet tat-talbiet.

51      Fid-dawl tar-rabtiet bejn it-tieni sar-raba’ kap tat-talbiet, li diġà ġew ikkonstatati fil-punti 46 sa 50 iktar ’il fuq, u tal-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 40 u 45 iktar ’il fuq, teżisti wkoll rabta bejn it-talba għal annullament li hija s-suġġett tal-ewwel kap tat-talbiet u parti mit-talba għad-danni li hija s-suġġett tar-raba’ kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali tqis li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandhom jiġu eżaminati, inizjalment u b’mod konġunt, it-tieni sar-raba’ kap tat-talbiet imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015.

52      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali se teżamina l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiż għall-annullament tal-att ikkontestat.

C.      Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal15 ta’ Lulju 2015

1.      Fuq l-ammissibbiltà u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

53      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tieni sar-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti kif ukoll in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni kap tat-talbiet.

54      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, il-Kummissjoni ssostni li, minbarra l-fatt li dan ma huwa bbażat fuq ebda “dispożizzjoni legali jew proċedurali”, bi ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, dan huwa intiż li l-Qorti Ġenerali tagħti sentenza dikjaratorja li, wara l-annullament tal-att ikkontestat, tordna lill-Kummissjoni timputa s-somom imħallsa qabel is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, flimkien mal-interessi, fuq il-multi indikati fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza.

55      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kontenzjuż tal-Unjoni ma għandux rimedju legali li jippermetti lill-qorti tieħu pożizzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni ġenerali jew ta’ prinċipju (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill, T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet kontra istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni (ara d-digriet tas‑26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, T‑260/16, EU:T:2018:597, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Minn dan isegwi li t-tieni kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

57      Fir-rigward tat-tielet u r-raba’ kap tat-talbiet, il-Kummissjoni tqis li dawn huma inammissibbli, peress li huma intiżi li jikkontestaw att li sar definittiv, jiġifieri d-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, permezz ta’ dawn il-kapijiet tat-talbiet, ir-rikorrenti jixtiequ jiksbu r-rimbors tas-somom li kienu diġà dovuti abbażi tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni, li l-ammont tagħha ġie sussegwentement ikkonfermat mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015.

58      Fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma allegatx li t-tielet u r-raba’ kap tat-talbiet kienu intiżi li jikkontestaw atti oħra li hija adottat u li kienu saru definittivi fl-assenza ta’ rikors. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-posta elettronika u l-ittri kollha li hija bagħtet lir-rikorrenti immedjatament wara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li dawn huma atti ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, permezz tar-raba’ kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti ma għandhomx l-intenzjoni li jikkontestaw id-deċiżjoni inkwistjoni, iżda li jiksbu kumpens għad-dannu kkawżat minn eżekuzzjoni allegatament żbaljata tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015.

60      Għandu jiġi rrilevat li rikors għad-danni, skont l-Artikolu 268 TFUE, jista’ jiġi ppreżentat fil-każ ta’ nuqqas tal-Kummissjoni jew tal-membri tal-persunal tagħha mwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10 INTP, mhux ippubblikat, EU:T:2018:293, punt 21).

61      Barra minn hekk, l-eżistenza f’dan il-każ ta’ skambji preliminari bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma tostakolax id-dritt li titressaq talba għad-danni abbażi tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

62      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, it-talba għad-danni mressqa mir-rikorrenti fir-raba’ kap tat-talbiet għandha portata iktar wiesgħa minn dik li ġiet miċħuda mill-Kummissjoni fil-messaġġ elettroniku tagħha tat‑12 ta’ Awwissu 2015. Din l-aħħar talba ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi prodotti mis-somma ta’ EUR 16 400 000 matul il-perijodu mid‑29 ta’ Ġunju 2011 sas‑16 ta’ Ġunju 2015. Għaldaqstant, anki fil-każ li dan il-messaġġ elettroniku seta’ jkun is-suġġett ta’ rikors abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fatt li l-Kummissjoni tikkontesta, l-annullament ta’ dan l-att ma kienx iwassal għal riżultat identiku għal dak intiż mit-talba għad-danni ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punti 49 sa 64).

63      Fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet, dan huwa wkoll ta’ natura kumpensatorja (ara l-punti 49 u 50 iktar ’il fuq). Dan ma huwiex intiż li jikkontesta att tal-Kummissjoni li sar definittiv, iżda li jiddenunzja l-assenza ta’ bażi legali għall-ġbir minn din l-istituzzjoni ta’ somma żejda ta’ EUR 1 633 085.17. Dan il-pagament eċċessiv huwa spjegat minn żball imwettaq minn WDI fis‑17 ta’ Ottubru 2019 meta kkalkolat il-bilanċ li kien għad fadal tal-multa inkwistjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi prodotti mis-somma ta’ EUR 16 400 000 matul il-perijodu bejn id‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015.

64      Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet kap tat-talbiet huma ammissibbli.

65      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni hija fondata biss fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti.

2.      Fuq il-mertu

66      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa ġġustifikat, fid-dawl ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-ewwel jiġi eżaminat ir-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti, dwar talba għad-danni bbażata fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, qabel ma jiġi eżaminat it-tielet wieħed, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ arrikkiment indebitu ta’ din tal-aħħar.

a)      Fuq it-talba għad-danni bbażata fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni

67      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li d-dispożizzjoni miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li l-ksur ikun suffiċjentement serju, li r-realtà tad-dannu tiġi stabbilita u, fl-aħħar, li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu li għandu l-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 39 sa 42, u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Klein vs Il-Kummissjoni, C‑346/17 P, EU:C:2018:679, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta istituzzjoni tal-Unjoni jkollha marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt, li jista’ jimplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma eżegwietx korrettament is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-obbligi li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. Id-dannu mġarrab, li jitolbu l-kumpens għalih, jikkorrispondi għas-somma mitluba mill-Kummissjoni fl-att ikkontestat, jiġifieri EUR 12 236 931.69, u għall-ammont tal-ħlas żejjed minn din l-istituzzjoni fis‑17 ta’ Ottubru 2019, jiġifieri EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi minn din id-data.

69      Insostenn tat-talba tagħhom għad-danni bbażata fuq illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jressqu, essenzjalment, erba’ motivi.

70      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, ir-rikorrenti jallegaw li l-multa li kienet ġiet imposta fuqhom bid-deċiżjoni inkwistjoni ġiet annullata ex tunc permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 u ġiet issostitwita b’“multa ġudizzjarja”, dovuta biss mill-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza.

71      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, u permezz tal-effett tal-annullament ex tunc tal-multa imposta inizjalment, is-somom imħallsa provviżorjament bejn id‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015 b’eżekuzzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji ma kinux dovuti u li WDI kellha dritt għar-rimbors ta’ dawn is-somom, flimkien mal-interessi li jikkorrispondu għal dan il-perijodu. Peress li l-multa annullata ġiet issostitwita bil-“multa ġudizzjarja”, dawn l-ammonti kellhom jiġu imputati għall-ħlas ta’ din tal-aħħar fl‑2015. Ir-rikorrenti jinvokaw fil-kuntest ta’ dan il-motiv ksur mhux biss tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, iżda wkoll tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1).

72      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-obbligu invokat mill-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji mill‑4 ta’ Jannar 2011 jikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE kif ukoll l-Artikolu 99(4) u l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament 2018/1046. Fil-fatt, il-multa hija dovuta biss mill‑15 ta’ Lulju 2015.

73      Ir-raba’ motiv, ibbażat ukoll fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u tal-Artikolu 99(4)(d) tar-Regolament 2018/1046, jirrigwarda r-rata ta’ interessi ffissata mill-Kummissjoni, li tikkorrispondi għal dik iddefinita fid-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010. Skont ir-rikorrenti, rata ġdida u inferjuri kellha tiġi ffissata għall-“multa ġudizzjarja”, ikkalkolata b’riferiment għar-rata medja ffissata mill-BĊE fix-xahar ta’ Awwissu 2015 għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid.

74      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-konsegwenzi allegati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni sar-raba’ motiv jistgħu jinsiltu mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 biss jekk il-premessa magħmula fil-kuntest tal-ewwel motiv tkun eżatta.

75      Fil-fatt, l-illegalitajiet kollha invokati mir-rikorrenti jitilqu mill-premessa li tgħid li l-multa imposta fid-deċiżjoni inkwistjoni ma ġietx “miżmuma” jew “ikkonfermata” mill-Qorti Ġenerali, iżda ġiet annullata u ssostitwita b’“multa ġudizzjarja”.

76      Din il-prmessa tirriżulta mill-ewwel motiv, li jirrigwarda l-effetti tal-annullament bis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni, li ma tħassrux mill-fatt li l-Qorti Ġenerali, meta eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, stabbilixxiet multa ta’ ammont identiku.

77      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ressqu ċerti argumenti insostenn tal-premessa magħmula fil-kuntest tal-ewwel motiv. Dawn l-argumenti se jiġu eżaminati wkoll iktar ’il quddiem flimkien mal-ewwel motiv.

1)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-effetti tal-annullament tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni permezz tas-sentenza tal15 ta’ Lulju 2015

78      Insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE wara l-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li annullat il-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni. Dawn l-obbligi jirriżultaw kemm mid-dispożittiv tal-imsemmija sentenza kif ukoll mill-motivi li jsostnuha.

79      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-multa imposta mill-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni ġiet annullata, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tillimita ratione temporis l-effetti ta’ tali annullament. Għalhekk, il-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni ma jistax jiġġustifika kreditu.

80      Sussegwentement ir-rikorrenti ġew “ikkundannati”, skont is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, għall-ħlas ta’ multa ġdida, li l-ammont tagħha huwa identiku għal dak tal-multa imposta fil-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Din hija t-tieni deċiżjoni awtonoma, deċiża wara l-annullament tal-multa inizjali u li ma taffettwax dan l-annullament.

81      Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, inkluż fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Din il-kundanna turi li r-rikors tar-rikorrenti kien utli, peress li l-multa annullata kienet neċessarjament issostitwita mill-“multa ġudizzjarja” minħabba l-illegalità kkonstatata. L-argument difiż mill-Kummissjoni jwassal sabiex ir-rikorrenti jiġu kkundannati darbtejn, bi ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

82      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-motivi tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, inekwivokament, li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt li timponilhom multa la fl‑2010 u lanqas fl‑2011.

83      It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kienet preżenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni (T‑275/94, EU:T:1995:141), il-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-intenzjoni li “tordna l-kontinwità” tal-multa annullata, imposta mill-Kummissjoni.

84      Ir-riferiment, li jinsab fil-punt 335 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, “għas-sitwazzjoni prevalenti fid-data li fiha jadotta d-deċiżjoni tiegħu”, jenfasizza l-indipendenza u l-awtonomija tal- “multa ġudizzjarja” li ffissat il-Qorti Ġenerali.

85      Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw li, fil-punt 346 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, wara l-ħlas provviżorju ta’ iktar minn EUR 15 000 000, “il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kinitx tippermettilhom iħallsu l-multa kienet tirrigwarda biss somma li tirrappreżenta madwar żewġ terzi tal-ammont inizjalment impost fuq WDI” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri EUR 46 550 000. Din l-affermazzjoni tipprova li l-Qorti Ġenerali telqet mill-prinċipju ta’ imputazzjoni diretta tas-somom imħallsa provviżorjament fuq il-“multa ġudizzjarja” li hija ddikjarat, li teskludi bidu retroattiv tal-interessi mill‑4 ta’ Jannar 2011.

86      Mill-punt 356 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 jirriżulta wkoll li l-multa ma ġietx meqjusa bħala eżegwibbli qabel il‑15 ta’ Lulju 2015. Fil-fatt, ir-rikorrenti josservaw li l-Qorti Ġenerali fakkret fl-imsemmi punt li l-ammissjoni parzjali tat-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrenti kellha “l-effett li tissospendi l-eżiġibbiltà tal-pagament tal-multa kollha imposta fuqhom sakemm tingħata l-imsemmija sentenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

87      Barra minn hekk, mid-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni (T‑393/10 INTP, mhux ippubblikat, EU:T:2018:293), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kinitx eżaminat il-kwistjoni tal-interessi fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li jikkonferma li dawn ma kinux dovuti bħala konsegwenza tal-annullament tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni.

88      It-tielet, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostnew li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet reformatio in pejus. Għall-kuntrarju, il-bidla tal-ammont tal-multa, imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 tad-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il-Kummissjoni (C‑523/15 P, EU:C:2016:541), hija neċessarjament favur tagħhom.

89      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

90      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-setgħa li għandha l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li timponi multi permezz ta’ deċiżjoni timplika dik li teżiġi interessi moratorji fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-multi fit-terminu stabbilit fid-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni (T‑275/94, EU:T:1995:141, punt 81). Skont l-Artikolu 299 TFUE, din id-deċiżjoni għandha saħħa eżekuttiva.

91      It-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni jipprevedu li l-ħlas tal-multi għandu jsir fi tliet xhur mid-data tan-notifika u li, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, ikunu awtomatikament dovuti l-interessi bir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matulu kienet ġiet adottata d-deċiżjoni, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni kien jipprevedi li, fil-każ ta’ preżentata ta’ rikors minn impriża ssanzjonata, din setgħet tkopri l-multa fl-iskadenza billi tipprovdi garanzija bankarja jew billi tipproċedi għall-ħlas provviżorju tal-multa.

92      Billi allegaw, b’mod partikolari, assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas li tippermettilhom iħallsu l-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti ressqu talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 278 TFUE.

93      Fid-digriet għal miżuri provviżorji, din it-talba ntlaqgħet biss parzjalment mill-President tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, dan tal-aħħar ordna biss is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligu impost fuqhom li jikkostitwixxu garanzija bankarja favur il-Kummissjoni sabiex jevitaw l-irkupru immedjat tal-multi, bil-kundizzjoni li jitħallsu lil din tal-aħħar, qabel it‑30 ta’ Ġunju 2011, is-somma ta’ EUR 2 000 000 kif ukoll pagamenti mensili ta’ EUR 300 000, fil-ħmistax-il jum ta’ kull xahar mill‑15 ta’ Lulju 2011 sakemm jingħataw istruzzjonijiet oħra, iżda mhux iktar tard mill-għoti tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

94      Is-sospensjoni tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija bankarja ma timplikax is-sospensjoni tal-eżiġibbiltà tad-dejn, li kompliet tipproduċi interessi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑15 ta’ Diċembru 1999, DSR‑Senator Lines vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 RII, EU:T:1999:332, punt 46).

95      Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali l-ewwel annullat, fil-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li kien jimponi fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 46 550 000, u “kkundannat” lil dawn tal-aħħar sussegwentement, fil-punti 4 sa 6 tal-imsemmi dispożittiv, iħallsu multa ta’ ammont identiku. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset, fuq il-bażi ta’ provi prodotti mill-partijiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti, hekk kif kienet evolviet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, li dawn tal-aħħar ma kinux iġġustifikati li jsostnu li kellu jingħatalhom tnaqqis tal-multa minħabba l-assenza tagħhom ta’ kapaċità ta’ ħlas, għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija fil-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006.

96      Kif jirriżulta mid-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni (T‑393/10 INTP, mhux ippubblikat, EU:T:2018:293, punt 14), il-kwistjoni tal-punt tat-tluq tal-interessi moratorji dovuti fuq l-ammont tal-multa ma kienet is-suġġett ta’ ebda skambju bejn il-partijiet matul il-proċedura ġudizzjarja u ma ġietx ittrattata espliċitament fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, kemm fil-motivi jew fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza.

97      Fin-nuqqas ta’ eżami espliċitu tal-kwistjoni tal-interessi fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, għandu jiġi ddeterminat jekk minn din is-sentenza jistax jiġi dedott li l-multa ffissata mill-Qorti Ġenerali kienet ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni.

98      Għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 diġà jirriżulta li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, li tippermettilha tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta mill-Kummissjoni, hija relatata mal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-multa li tiffissa l-qorti tal-Unjoni ma tikkostitwixxix multa ġdida, ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni (T‑275/94, EU:T:1995:141, punti 58 u 60).

99      Fl-aħħar, meta l-qorti tal-Unjoni tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Kummissjoni u tnaqqas l-ammont tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija tissostitwixxi, fi ħdan id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-ammont inizjalment iffissat f’dik id-deċiżjoni b’dak li jirriżulta mill-evalwazzjoni tagħha stess. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni titqies għalhekk, minħabba l-effett sostituttiv tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni, li kienet dejjem dik li tirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, EU:T:1995:141, punti 60 sa 65 u 85 sa 87).

100    Fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, annullat id-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn din kienet tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u, fit-tieni lok, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iffissat l-ammont ta’ din il-multa fl-istess livell.

101    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni wassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni inkwantu kienet imposta multa fuq ir-rikorrenti mill-Kummissjoni, dan il-fatt bl-ebda mod ma jimplika li l-Qorti Ġenerali kienet, għal din ir-raġuni, imċaħħda mis-setgħa li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il-Kummissjoni, C‑523/15 P, EU:C:2016:541, punt 38). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-fatt li l-Qorti Ġenerali finalment qieset opportun li f’dan il-każ tadotta ammont tal-multa identiku għal dak iffissat fid-deċiżjoni inkwistjoni ma kellux effett fuq ir-regolarità tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il-Kummissjoni, C‑523/15 P, EU:C:2016:541, punt 40).

102    Għaldaqstant, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tiffissa l-ammont tal-multa fuq l-istess livell bħal dak ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-prinċipji mfakkra fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq. Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha raġun tqis li, peress li l-multa ffissata mill-Qorti Ġenerali ma kinitx multa ġdida, din kienet dovuta mill‑4 ta’ Jannar 2011.

103    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkontestata din l-evalwazzjoni.

104    Fl-ewwel lok, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali effettivament annullat il-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li kien jimponi multa fuq ir-rikorrenti, b’differenza mid-dispożittiv tas-sentenza tat‑23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni (T‑39/92 u T‑40/92, EU:T:1994:20), li sempliċement iffissat il-multa għal ammont iżgħar, mingħajr ma annullat minn qabel il-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni.

105    Madankollu, effett sostituttiv analogu għal dak imsemmi fil-punt 99 iktar ’il fuq diġà ġie rrikonoxxut b’dispożittiv li fih il-Qorti Ġenerali kienet l-ewwel annullat l-ammont li fir-rigward tiegħu kumpannija omm kienet responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa imposta mill-Kummissjoni sabiex sussegwentement tiffissa mill-ġdid dan l-ammont fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, T‑669/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:285, punti 15 u 56 sa 62).

106    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-annullament tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni ma kienx iġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt timponi multa fuq ir-rikorrenti la fl‑2010 u lanqas fl‑2011 fl-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas dakinhar.

107    Fil-fatt, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji meta evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti, iżda mingħajr ma indikat li ebda multa ma setgħet tiġi imposta fuqhom fl‑2010 u fl‑2011. Lanqas ma siltet konsegwenza oħra minn din l-illegalità ħlief, minn naħa, l-annullament tal-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-ġustifikazzjoni tal-eżerċizzju, fuq talba tar-rikorrenti, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-punti 324 u 332 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015.

108    Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fl‑2015, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 346 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li, abbażi tal-pjan ta’ ħlas provviżorju stabbilit fid-digriet għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti kienu diġà f’pożizzjoni li jħallsu ammont ta’ iktar minn EUR 15 000 000 mill‑2011.

109    Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ ċerta kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fl‑2010 u fl‑2011 ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, kuntrarjament għal dak li jallegaw.

110    Minn dan jirriżulta li l-konsegwenzi li r-rikorrenti jisiltu mill-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tal-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni huma infondati.

111    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-użu tal-kliem “huma […] kkundannati” jew “hija kkundannata” fil-punti 4 sa 6 tad-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożittiv ta’ sentenza għandu jinqara fid-dawl tal-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju sa fejn dawn huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, EU:T:1995:141, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    F’dan il-każ, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-motivi tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 jirriżulta suffiċjentement skont il-liġi li l-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il-Kummissjoni, C‑523/15 P, EU:C:2016:541, punt 41).

113    Madankollu, kif diġà tfakkar fil-punt 99 iktar ’il fuq, permezz tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet bidla retroattiva tad-deċiżjoni inkwistjoni.

114    Konsegwentement, ma jistax jiġi attribwit is-sens li jallegaw ir-rikorrenti lit-termini “huma […] kkundannati” jew “hija kkundannata” li jinsabu fid-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015.

115    Fit-tielet lok, mill-punti 335, 346 u 356 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma jistax jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali llimitat l-effett retroattiv tal-bidla li saret fir-rigward tad-deċiżjoni inkwistjoni.

116    L-ewwel, fir-rigward tar-riferiment, fil-punt 335 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, għall-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fil-mument meta l-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjoni, diġà ġie deċiż li t-teħid inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar ta’ elementi sussegwenti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa possibbli fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mingħajr ma dan jagħti lill-multa stabbilita mill-Qorti Ġenerali natura ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, EU:T:1995:141, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    It-tieni, fir-rigward tal-istima, li tinsab fil-punt 346 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li l-ammont tal-multa li kien fadal dovut f’din id-data kien jirrappreżenta “madwar żewġ terzi” tal-multa imposta mill-Kummissjoni, l-ammonti adottati mill-Qorti Ġenerali fil-kalkolu tagħha kienu jirrigwardaw biss il-kapital tal-multi.

118    Madankollu, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li tali stima ma tikkostitwixxix teħid ta’ pożizzjoni dwar id-data tal-bidu tal-interessi dovuti mir-rikorrenti (digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10 INTP, mhux ippubblikat, EU:T:2018:293, punt 17).

119    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, tali stima ma tikkontestax l-effett retroattiv tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, imfakkar fil-punt 99 iktar ’il fuq.

120    Fil-fatt, fil-punt 346 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li, b’eżekuzzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti kienu diġà ħallsu f’din id-data somma ta’ iktar minn EUR 15 000 000, li kienet tirrappreżenta madwar terz tal-ammont tal-multa imposta fl‑2010 (EUR 46 550 000).

121    Peress li eżaminat il-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħlas parzjali provviżorju tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Is-sempliċi stima approssimattiva tal-bilanċ li kien għadu dovut, espress f’kapital, fid-data li fiha tat id-deċiżjoni ma timplikax li l-Kummissjoni, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, kellha timputa l-ammonti mħallsa provviżorjament, flimkien mal-interessi, fuq allegata “multa ġudizzjarja” imposta mill-Qorti Ġenerali, li kienet ġuridikament distinta mill-multa imposta mill-Kummissjoni.

122    It-tielet, fir-rigward tal-punt 356 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, dan lanqas ma jikkontesta l-eżiġibbiltà tal-interessi fuq l-ammont tal-multa ffissat mill-Qorti Ġenerali mill‑4 ta’ Jannar 2011.

123    Fil-fatt, fil-punt 356 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali sempliċement wieġbet għal argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali indikat li l-preżentata tar-rikors mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll l-ammissjoni parzjali tat-talba tagħhom għal miżuri provviżorji kellha l-effett li tissospendi l-eżiġibbiltà tal-pagament tal-multa kollha imposta fuqhom sal-għoti ta’ din is-sentenza, kuntrarjament għal impriżi oħra li ma kinux ippreżentaw rikors.

124    Kif tfakkar fil-punti 92 u 93 iktar ’il fuq, fid-digriet għal miżuri provviżorji, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna biss is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligu tar-rikorrenti li jipprovdu garanzija bankarja favur il-Kummissjoni sabiex jevitaw l-irkupru immedjat tal-multi, u stabbilixxa huwa stess pjan ta’ ħlas provviżorju favorevoli għar-rikorrenti sal-jum, l-iktar tard, tal-għoti tas-sentenza fil-kawża prinċipali. Kif ġie indikat fil-punt 94 iktar ’il fuq, is-sospensjoni tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija bankarja ma timplikax is-sospensjoni tal-eżiġibbiltà tad-dejn, li kompliet tipproduċi interessi moratorji matul il-proċedura ġudizzjarja.

125    Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti ġiet deċiża abbażi tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura u hija spjegata mill-annullament tal-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

126    Madankollu, kif ġie indikat fil-punti 104 sa 110 iktar ’il fuq, il-konsegwenzi li r-rikorrenti jisiltu minn dan l-annullament huma infondati.

127    Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, meta l-Qorti Ġenerali żżomm parti mill-ammont tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji ab initio ma jikkostitwixxix sanzjoni, li tiżdied mal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni, li tikkostitwixxi ostakolu għad-dritt għal azzjoni legali. Fil-fatt, kemm l-assenza ta’ differenza ta’ natura legali tal-multa meta tiġi rreveduta mill-qorti tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju tal-assenza ta’ effett sospensiv tar-rikorsi jipprekludu li l-Kummissjoni tillibera lill-impriża li ma ħallsitx immedjatament din il-multa u li r-rikors tagħha ntlaqa’ parzjalment mill-obbligu tagħha li tħallas, mid-data tal-eżiġibbiltà tal-multa imposta mill-Kummissjoni, interessi fuq l-ammont tal-multa ffissat mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, EU:T:1995:141, punti 86 u 87).

128    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq it-tieni sar-raba’ motiv, dwar il-konsegwenzi tal-annullament tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni

129    Kif ġie indikat fil-punti 74 u 75 iktar ’il fuq, it-tieni sar-raba’ motiv jitilqu mill-premessa, magħmula fil-kuntest tal-ewwel motiv, li l-multa imposta mill-Kummissjoni ġiet annullata u ssostitwita b’“multa ġudizzjarja”.

130    Peress li din il-premessa ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, it-tieni sar-raba’ motiv ma humiex fondati u għalhekk għandhom jiġu miċħuda.

3)      Konklużjoni

131    Peress li l-motivi mressqa mir-rikorrenti ma humiex fondati, hemm lok li jiġi konkluż li hemm l-assenza ta’ illegalità u, a fortiori, ksur suffiċjentement serju tal-obbligi li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u li r-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, imfakkra fil-punt 67 iktar’ il fuq.

b)      Fuq it-talba bbażata fuq arrikkiment indebitu

132    Permezz tat-tielet kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsa lil WDI is-somma ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019, minħabba arrikkiment indebitu tal-Kummissjoni.

133    Dan l-arrikkiment kien dovut għal żball ta’ kalkolu li r-rikorrenti allegatament wettqu meta WDI ħallset lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 18 149 636.24 fis‑17 ta’ Ottubru 2019, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi prodotti mis-somma ta’ EUR 16 400 000 matul il-perijodu mid‑29 ta’ Ġunju 2011 sas‑16 ta’ Ġunju 2015.

134    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

135    Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex jitolbu li tiġi kkundannata minħabba arrikkiment indebitu sempliċement itennu l-argumenti diġà esposti insostenn tar-raba’ kap tat-talbiet, eżaminat u miċħud fil-punti 67 sa 131 iktar ’il fuq, ibbażat fuq aġir allegatament illegali min-naħa tagħha.

136    Mill-motivi taċ-ċaħda tar-raba’ kap tat-talbiet jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbenefikatx minn ħlas żejjed li jilħaq l-ammont ta’ EUR 1 633 085.17.

137    Minn dan jirriżulta li t-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti ma huwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud ukoll.

D.      Fuq l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiż għall-annullament tal-att ikkontestat

138    Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-att ikkontestat, li permezz tiegħu l-Kummissjoni intimat lil WDI sabiex tħallasha s-somma ta’ EUR 12 236 931.69 korrispondenti, fil-fehma tagħha, għall-bilanċ li kien għadu dovut mill-kreditu billi ħadet inkunsiderazzjoni d-data ta’ valur tal‑31 ta’ Marzu 2020.

139    Insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet, ir-rikorrenti jinvokaw l-erba’ motivi eżaminati fil-punti 78 sa 130 iktar ’il fuq kif ukoll il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-kuntest ta’ dan l-aħħar motiv, ir-rikorrenti jtennu l-argumenti diġà invokati insostenn tal-ewwel erba’ motivi.

140    Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet. L-att ikkontestat huwa biss aġġornament tan-nota ta’ debitu inizjali tal‑2010. Dan l-att ma huwiex il-bażi ta’ kreditu ġdid lejn ir-rikorrenti, iżda intimazzjoni fis-sens tal-Artikolu 103(2) tar-Regolament 2018/1046. Is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma timponix multi ġodda u ma taffettwax il-kwistjoni tal-interessi moratorji. Din is-sentenza tillimita ruħha għall-annullament tal-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-ħlas ta’ interessi moratorji, baqa’ l-istess u għalhekk kompletament applikabbli. Peress li l-att ikkontestat huwa preparatorju u purament konfermattiv, huwa ma jistax jiġi kkontestat.

141    Kif jirriżulta mill-punti 128 u 130 iktar ’il fuq, l-ewwel erba’ motivi mressqa mir-rikorrenti huma infondati u għandhom jiġu miċħuda. Peress li l-ħames motiv huwa bbażat fuq l-istess argumenti, dan għandu jiġi miċħud ukoll.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tiegħu.

IV.    Fuq l-ispejjeż

143    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Westfälische Drahtindustrie GmbH, Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG huma kkundannati għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Novembru 2022.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. It-talbiet tal-partijiet

III. Iddritt

A. Fuq ittalba tar-rikorrenti intiża li lQorti Ġenerali tilqa’ ttalbiet tagħhom f’sentenza fil-kontumaċja

B. Fuq is-suġġett tar-rikors

C. Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal15 ta’ Lulju 2015

1. Fuq l-ammissibbiltà u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

2. Fuq il-mertu

a) Fuq it-talba għad-danni bbażata fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni

1) Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-effetti tal-annullament tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni permezz tas-sentenza tal15 ta’ Lulju 2015

2) Fuq it-tieni sar-raba’ motiv, dwar il-konsegwenzi tal-annullament tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni

3) Konklużjoni

b) Fuq it-talba bbażata fuq arrikkiment indebitu

D. Fuq l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiż għall-annullament tal-att ikkontestat

IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.