Language of document : ECLI:EU:T:2022:727

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

30 ta’ Novembru 2022 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-PKK fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni komuni 2001/931/PESK – Applikabbiltà għas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat – Grupp terroristiku – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti – Awtorità ta’ Stat terz – Reviżjoni – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Adattament tar-rikors”

Fil-Kawżi magħquda T‑316/14 RENV u T‑148/19,

Kurdistan Workers’ Party (PKK), irrappreżentat minn A. van Eik u T. Buruma, avukati,

rikorrent

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Van Overmeire u B. Driessen, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Ramopoulos, J. Norris, J. Roberti di Sarsina u R. Tricot, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T‑316/14 RENV,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.-L. Desjonquères, B. Fodda u J.-L. Carré, bħala aġenti,

u

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T‑148/19, b’mod partikolari:

–        id-deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2019 li taċċetta l-intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,

–        l-adattamenti tat-talbiet tar-rikorrent tas‑7 ta’ Ottubru 2019, tat‑13 ta’ Marzu u tad‑29 ta’ Settembru 2020,

wara li rat is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), li tirrinvija l-Kawża T‑316/14 RENV quddiem il-Qorti Ġenerali,

wara li rat ir-rinviju tal-Kawżi T‑148/19 u T‑316/14 RENV quddiem ir-Raba’ Awla Estiża,

wara d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2022 li għaqdet il-Kawżi T‑148/19 u T‑316/14 RENV għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza,

wara li rat id-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2022 li jħassar lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Kawżi T‑148/19 u T‑316/14 RENV bħala intervenjent,

wara s-seduta tal‑31 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑316/14 RENV, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, il-Kurdistan Workers’ Party (PKK), jitlob l-annullament:

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014 tal‑10 ta’ Frar 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9);

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014 tat‑22 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1);

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/483/PESK (ĠU 2015, L 82, p. 107);

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/513 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 790/2014 (ĠU 2015, L 82, p. 1);

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1334 tal‑31 ta’ Lulju 2015 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/521 (ĠU 2015, L 206, p. 61); u

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1325 tal‑31 ta’ Lulju 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/513 (ĠU 2015, L 206, p. 12);

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2425 tal‑21 ta’ Diċembru 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1325 (ĠU 2015, L 334, p. 1);

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1127 tat‑12 ta’ Lulju 2016 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2425 (ĠU 2016, L 188, p. 1);

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/150 tas‑27 ta’ Jannar 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1127 (ĠU 2017, L 23, p. 3);

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1426 tal‑4 ta’ Awwissu 2017 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154 (ĠU 2017, L 204, p. 95),

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1420 tal‑4 ta’ Awwissu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/150 (ĠU 2017, L 204, p. 3), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

2        Permezz tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑148/19, ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent jitlob l-annullament:

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/25 tat‑8 ta’ Jannar 2019 li temenda u taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/1084 (ĠU 2019, L 6, p. 6)

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1341 tat‑8 ta’ Awwissu 2019 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/25 (ĠU 2015, L 209, p. 15); u

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1337 tat‑8 ta’ Awwissu 2019 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/24 (ĠU 2018, L 209, p. 1);

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/19 tat‑13 ta’ Jannar 2020 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1337 (ĠU 2020, L 8I, p. 1);

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1132 tat‑30 ta’ Lulju 2020 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2020/20 (ĠU 2018, L 247, p. 18),

–        tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1128 tat‑30 ta’ Lulju 2020 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/19 (ĠU 2020, L 247, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

3        Il-PKK inħoloq fl‑1978 u beda ġlieda armata kontra l-Gvern Tork sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt tal-Kurdi għall-awtodeterminazzjoni.

4        Fit‑28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), li tistabbilixxi strateġiji sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu b’kull mezz possibbli u, b’mod partikolari, sabiex jiġi miġġieled il-finanzjament tiegħu.

5        Fis‑27 ta’ Diċembru 2001, peress li qies li kienet meħtieġa azzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u ta’ assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u inklużi fil-lista li tinsab fl-annessa għal din il-pożizzjoni komuni.

6        Fis‑27 ta’ Diċembru 2001, ukoll sabiex il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/927/KE li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2001, L 344, p. 83). Isem ir-rikorrent ma kienx inkluż f’din il-lista inizjali.

7        Fit‑2 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/340/PESK li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2002, L 116, p. 75). L-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2002/340 aġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u fiha inkluda b’mod partikolari isem ir-rikorrent, identifikat kif ġej: “Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8        Ukoll fit‑2 ta’ Mejju, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/334/KE li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927/KE (ĠU 2002, L 116, p. 33). Din id-deċiżjoni inkludiet lill-PKK fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, bl-istess kliem bħal dawk użati fl-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2002/340.

9        Dawn l-atti ġew minn dakinhar aġġornati regolament, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Isem ir-rikorrent dejjem inżamm fil-listi tal-gruppi u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi msemmija fl-atti msemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”), u dan minkejja l-kontestazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jew l-annullament minn din tal-aħħar ta’ diversi deċiżjonijiet u regolamenti li magħhom huma annessi dawn il-listi. Mit‑2 ta’ April 2004, l-isem tal-entità mniżżla fil-listi kontenzjużi huwa “Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) (magħruf ukoll bl-ismijiet ‘KADEK’ u ‘KONGRA-GEL’)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      Għalhekk, il-miżuri restrittivi applikati għar-rikorrent inżammu b’mod partikolari permezz tal-atti adottati fl‑2014, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014, permezz ta’ dawk adottati bejn l‑2015 u l‑2017, jiġifieri d-Deċiżjoni 2015/521, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513, id-Deċiżjoni 2015/1334, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1325, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2425, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1127, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/150, id-Deċiżjoni 2017/1426 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1420, kif ukoll permezz tal-atti adottati fl‑2019 u fl‑2020, li huma d-Deċiżjoni 2019/25, id-Deċiżjoni 2019/1341, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1337, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/19, id-Deċiżjoni 2020/1132 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1128.

11      Fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti adottati fl‑2014, il-Kunsill iddeskriva lill-PKK bħala entità involuta f’atti terroristiċi li, sa mis-sena 1984, kien wettaq numru ta’ atti ta’ din in-natura. Il-Kunsill indika li l-attivitajiet terroristiċi tal-PKK komplew iseħħu, minkejja diversi waqfien mill-ġlied li dan tal-aħħar kien iddikjara unilateralment, b’mod partikolari, sa mis-sena 2009. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ippreċiża li l-atti terroristiċi mwettqa mill-PKK kienu jinkludu attakki bil-bomba, attakki bir-rokit, l-użu ta’ splussivi, il-qtil u s-sekwestru ta’ ċittadini Torok u ta’ turisti barranin, it-teħid ta’ ostaġġi, attakki kontra l-forzi tas-sigurtà Torok u l-ġlied armat magħhom, attakki fuq il-faċilitajiet taż-żejt, trasport pubbliku, sedi diplomatiċi, kulturali u kummerċjali Torok f’pajjiżi differenti, l-estorsjoni taċ-ċittadini Torok li jgħixu barra mill-pajjiż kif ukoll atti kriminali oħra intiżi għall-finanzjament tal-attivitajiet tiegħu. Bħala eżempju, il-Kunsill fassal lista ta’ 69 avveniment li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011, ikklassifikati bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

12      Il-Kunsill żied li l-PKK kien is-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi semma f’dan ir-rigward, minn naħa, digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tad‑29 ta’ Marzu 2001 intiż sabiex jipprojbixxi lill-PKK bis-saħħa tal-UK Terrorism Act 2000 (il-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-Terroriżmu), kif ikkompletat b’digriet tal‑14 ta’ Lulju 2006, peress li ġie kkunsidrat li “KADEK” u “KONGRA-GEL” kienu jikkostitwixxu ismijiet oħrajn tal-PKK u, min-naħa l-oħra, deċiżjonijiet tal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika, adottati f’dati mhux ippreċiżati mill-Kunsill, li jiddeskrivu lill-PKK bħala “organizzazzjoni terroristika barranija” (foreign terrorist organisation, iktar ’il quddiem “FTO”) bis-saħħa tat-Taqsima 219 tal-US Immigration and Nationality Act (il-Liġi Amerikana dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità) u bħala “terrorist globali speċjalment ikklassifikat” (specially designated global terrorist, iktar ’il quddiem “SDGT”) bis-saħħa tal-Executive Order no13224 (id-Digriet Presidenzjali Nruo13224). Il-Kunsill irrefera wkoll għas-sentenzi dwar il-Qrati Torok dwar is-Sigurtà tal-Istat mogħtija bejn l‑1990 u l‑2006.

13      Fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti adottati bejn l‑2015 u l‑2017, il-Kunsill irrileva li ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi kienet ibbażata fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit (2001 u 2006) u tal-Istati Uniti (1997 u 2001) diġà meħuda inkunsiderazzjoni, kif ikkompletati minn deċiżjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit tat‑3 ta’ Diċembru 2014 li żżomm fis-seħħ il-projbizzjoni tal-PKK, permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2011 tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) li tikkundanna liċ-ċentru kulturali Kurd ta’ Ahmet Kayfaa għal parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni ta’ kriminali biex jitħejja att terroristiku u għall-finanzjament ta’ organizzazzjoni terroristika, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ April 2013 tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) u, fl-appell, permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014 tal-Cour de cassation (France) (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), u permezz ta’ reviżjoni mwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u ffinalizzata fil‑21 ta’ Novembru 2013, li tikkonferma lill-PKK bħala “organizzazzjoni terroristika barranija”.

14      L-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti adottati fl‑2019 u fl‑2020 jirriproduċu l-motivi preċedenti, billi jikkompletawhom b’mod partikolari bid-Deċiżjoni 2019/1341 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1337 permezz tal-indikazzjoni taż-żamma tal-indikazzjoni tal-PKK bħala “organizzazzjoni terroristika barranija” mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti wara reviżjoni ffinalizzat fil‑5 ta’ Frar 2019.

II.    Talbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014, id-Deċiżjoni 2015/521, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513, id-Deċiżjoni 2015/1334, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1325, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2425, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1127, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/150, id-Deċiżjoni 2017/1426 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1420 (Kawża T‑316/14 RENV) kif ukoll id-Deċiżjoni 2019/25, id-Deċiżjoni 2019/1341, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1337, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/19, id-Deċiżjoni 2020/1132 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1128, (Kawża T‑148/19) sa fejn dawn jikkonċernawh. Huwa jitlob ukoll, fil-Kawża T‑148/19, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kunsill jadotta miżura inqas restrittiva mill-inklużjoni fil-listi kontenzjużi. Fl-aħħar nett, huwa jitlob li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

16      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑316/14 RENV, jitlob li r-rikorsi jiġu miċħuda u li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

III. Fiddritt

A.      Fuq lammissibiltà

17      Peress li l-Kunsill irrinunzja matul is-seduta sabiex jikkontesta l-awtorizzazzjoni taż-żewġ firmatarji tal-mandati maħruġa lill-avukati li ffirmaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent għar-rappreżentazzjoni ta’ dan tal-aħħar, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta, tibqa’ biss l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu diretta kontra t-tliet adattamenti tar-rikors fil-Kawża T‑148/19, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1337, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/19, id-Deċiżjoni 2020/1132 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1128.

18      Il-Kunsill isostni b’mod iktar partikolari li dawn l-atti la jemendaw u lanqas ma jissostitwixxu l-atti li l-annullament tagħhom kien intalab preċedentement, u b’hekk ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

19      Peress li dan l-istess motiv ta’ inammissibbiltà jista’ japplika għad-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426, ikkontestati fil-kuntest tal-Kawża T‑316/14 RENV, il-Qorti Ġenerali rrilevat ex officio din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li hija ta’ ordni pubbliku bħala parteċipant għall-ammissibbiltà ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punti 139 sa 145 u l-ġurisprudenza ċċitata), u għamlet mistoqsijiet lill-partijiet f’dan ir-rigward.

20      Bi tweġiba għal din id-domanda, ir-rikorrent ammetta n-natura inammissibbli tar-rikorsi tiegħu sa fejn dawn jirrigwardaw id-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426 (Kawża T‑316/14 RENV) u d-Deċiżjoni 2020/1132 kif ukoll ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2019/1337, 2020/19 u 2020/1128 (Kawża T‑148/19), fatt li ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta.

21      Skont l-Artikolu 86(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid.

22      Issa, f’dan il-każ, id-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426 ma jestendux l-effetti u lanqas ma jissostitwixxu l-uniku att imsemmi mir-rikors fil-Kawża T‑316/14 RENV, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014, issostitwit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014, ikkontestat fl-ewwel adattament ta’ dan ir-rikors. L-uniku għan ta’ dawn id-deċiżjonijiet huwa li jemendaw il-lista prevista mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li hija bbażata fuq it-Trattat UE, filwaqt li r-regolamenti ta’ implimentazzjoni jemendaw il-lista prevista mir-Regolament Nru 2580/2001, ibbażata b’mod partikolari fuq l-Artikolu 301 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 215 TFUE), li huwa intiż li jimplimenta fil-livell tal-Unjoni l-miżuri restrittivi previsti mid-deċiżjonijiet dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) u, preċedentement, il-pożizzjonijiet komuni. Għalhekk, anki jekk id-deċiżjonijiet dwar il-PESK u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni huma bħala prinċipju adottati fl-istess jum u jinkludu l-istess lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet ikkonċernati, dawn jikkostitwixxu atti distinti.

23      Bl-istess mod, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1337, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/19, li ħassru, kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1128, li ħassar dan tal-aħħar, ma jestendux l-effetti u lanqas ma jissostitwixxu l-uniku att imsemmi fir-rikors fil-Kawża T‑148/19, jiġifieri d-Deċiżjoni 2019/25, issostitwita bid-Deċiżjoni 2019/1341, imsemmija mill-ewwel adattament ta’ dan ir-rikors. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li, sa fejn id-deċiżjonijiet dwar il-PESK jikkundizzjonaw l-adozzjoni tar-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, fi kwalunkwe każ huwa l-Kunsill li għandu, skont l-Artikolu 266 TFUE, jislet il-konsegwenzi tal-eventwali annullament tad-deċiżjonijiet dwar il-PESK fuq ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni li jimplimentawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T‑187/11, EU:T:2013:273, punt 121).

24      Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2020/1132, imsemmija fit-tielet adattament tar-rikors fil-Kawża T‑148/19, tħassar, kif jirriżulta mit-titolu tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/20 tat‑13 ta’ Jannar 2020 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1341 (ĠU 2020, L 8I, p. 5), li ma ġietx ikkontestata la fir-rikors u lanqas fl-adattamenti tar-rikors, u b’hekk tipprekludi li jitqies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punti 141 u 142). Jekk l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament tad-Deċiżjoni 2020/1132 tiġi ammessa, minħabba li din id-deċiżjoni temenda l-lista prevista mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, bl-istess mod bħad-Deċiżjonijiet 2019/25 u 2019/1341 dan ikun ifisser, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ ekonomija tal-proċedura u ċertezza legali li ġġustifikaw iż-żieda ta’ dispożizzjoni ddedikata għall-adattamenti tar-rikors fir-Regoli tal-Proċedura li daħlu fis-seħħ fl‑2015 (ara n-noti ta’ spjega tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura l-ġodda), li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) intiż għall-emenda tal-“att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu” u mhux tal-“att[i oħra kollha li għandhom] l-istess suġġett.”

25      Minn dan isegwi li dawn ir-rikorsi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn huma intiżi għall-annullament tad-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426 (Kawża T‑316/14 RENV), tad-Deċiżjoni 2020/1132 kif ukoll tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2019/1337, 2020/19 u 2020/1128 (Kawża T‑148/19).

26      Għandu jingħad ukoll li xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrent, sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dawn l-atti, milli jippreżenta rikors għal annullament kontrihom sa fejn dawn jikkonċernawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kande Mupompa vs Il-Kunsill, T‑170/18, EU:T:2020:60, punt 37).

27      Minn dan jirriżulta li l-fondatezza ta’ dawn ir-rikorsi ser tiġi eżaminata sa fejn dawn jirrigwardaw:

–        ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014 u Nru 790/2014 (iktar ’il quddiem l-“atti tal‑2014”);

–        ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2015/513, 2015/1325, 2015/2425, 2016/1127, 2017/150 u 2017/1420 (iktar ’il quddiem l-“atti tal‑2015 sal‑2017”);

–        id-Deċiżjonijiet 2019/25 u 2019/1341 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal‑2019”).

B.      Fuq ilmertu

28      Fil-Kawża T‑316/14 RENV, ir-rikorrent indika, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), li jżomm il-motivi kollha invokati fir-rikors tiegħu fil-Kawża T‑316/14 bl-eċċezzjoni tal-ewwel motiv, li kien irrinunzja għalih waqt is-seduta qabel is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq appell. Insostenn ta’ dan ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent qajjem tmien motivi. Dawn il-motivi kienu bbażati, l-ewwel wieħed, li għalih ir-rikorrent irrinunzja sa minn dakinhar, fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali tal-kunflitti armati kemm bl-atti tal‑2014 u bl-atti tal‑2015 sal‑2017, kif ukoll bil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u bir-Regolament Nru 2580/2001, it-tieni wieħed, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tar-rikorrent bħala grupp terroristiku fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tielet wieħed, fuq l-assenza ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 51  tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) sa fejn l-atti tal‑2014 u l-atti tal‑2015 sal‑2017 huma parzjalment ibbażati fuq informazzjoni miksuba taħt tortura jew bħala konsegwenza ta’ trattament ħażin, il-ħames wieħed, fuq l-assenza ta’ reviżjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tmien wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiżi u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

29      Fil-kawża T‑148/19, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi insostenn tar-rikors tiegħu, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tar-rikorrent bħala grupp terroristiku fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tielet wieħed, fuq l-assenza ta’ reviżjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, il-ħames wieħed, fuq il-ksur u l-obbligu ta’ motivazzjoni u s-sitt wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiżi u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

30      Fid-dawl tax-xebh bejn sitt motivi invokati fiż-żewġ kawżi, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien, billi ssir distinzjoni bejn il-Kawżi T‑316/14 RENV u T‑148/19 biss meta argumenti speċifiċi mressqa insostenn ta’ dawn il-motivi u ċerti differenzi bejn l-atti kkontestati jirrikjedu dan.

31      Dawn il-motivi huma prinċipalment ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-imsemmija pożizzjoni komuni tikkostitwixxi t-test rilevanti f’dan il-każ, inkluż għall-eżami tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni kkontestati bbażati formalment fuq ir-Regolament Nru 2580/2001 biss, peress li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jimplimenta l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ persuni u ta’ entitajiet terroristiċi fi ħdan l-Istati Membri abbażi tal-prinċipji u tad-definizzjonijiet tal-atti terroristiċi inklużi fil-Pożizzjoni Komuni u abbażi tal-listi stabbiliti mill-Kunsill skont il-Pożizzjoni Komuni. Dan l-Artikolu 1 jipprovdi, fil-paragrafi 3, 4 u 6 tiegħu:

“3.      Għall-fini ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, att terroristiku għandu jfisser wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li’:

i)      jintimida serjament lill-popolazzjoni, jew

ii)      ostakola [indebitament] organizzazzjoni governattiva jew internazzjonali li twettaq jew tastjeni mit-twettiq ta’ att, jew

iii)      tgħarraq serjament jew tkisser il-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjonijiet internazzjonali:

a)      attakk fuq il-ħajja ta’ persuna li jista’ jikkaġuna mewt;

b)      attakki fuq l-integrita fiżika ta’ persuna;

ċ)      is-sekwestru jew it-teħid ta’ ostaġġi;

d)      toħloq distruzzjoni estensiva lil faċilita governattiva jew pubblika, sistema ta’ trasport, facilità infrastrutturali, li tinkludi sistema informattiva, post pubbliku jew proprjeta privata, x’aktarx li jqiegħed ħajja umana jew tirriżulta f’telf ekonomiku akbar;

e)      is-sekwestru ta’ ajruplan, vapur jew mezz ieħor ta’ trasport pubbliku jew ta’ merkanzija;

f)      il-fabbrikar, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-provvista jew l-użu ta’ armi, splussivi jew ta’ armi nukleari, bioloġiċi jew kimiċi, kif ukoll ir-riċerka dwar armi bioloġiċi jew kimiċi u l-iżvilupp tagħhom.

g)      ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi, jew li jikkawżaw nirien, splużjonijiet jew għargħar liema effett jipperikola l-ħajja umana;

h)      jinterferixxi jew ifixkel il-provvista (jew fornitura) ta’ ilma, enerġija jew riżors naturali u fundamentali, liema effett jipperikola l-ħajja umana;

i)      theddid li jitwettaq xi wieħed mill-atti listjati taħt (a) għal (h);

j)      imexxi grupp terroristiku;

k)      parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li jinkludi wkoll l-forniment ta’ informazzjoni u riżorsi materjali, jew billi jiffinanzja b’kull mod l-attivitajiet tal-grupp terroristiku, li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, grupp terroristiku għandu jfisser grupp organizzat ta’ aktar minn żewġ persuni, stabbilit matul perjodu ta’ żmien u li jaġixxi bi skop li jwettaq atti terroristiċi. ‘Grupp Strutturat’ ifisser grupp li ma jkunx iffurmat għall-twettiq immedjat ta’ att terroristiku u li m’għandux bżonn li jkollu rwoli definiti għall-membri tieg]u, kontinwita fis-sħubija miegħu jew struttura żviluppata.

4.      Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.

[…]

6.      Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

32      Mill-ġurisprudenza li interpretat dawn id-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirriżulta li l-proċedura li tista’ twassal għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi abbażi tal-imsemmija pożizzjoni komuni sseħħ fuq żewġ livelli, wieħed nazzjonali, l-ieħor Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punt 84, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punti 203 u 204). Fl-ewwel lok, awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu fir-rigward tal-persuna kkonċernata deċiżjoni li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fit-tieni lok, il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, jiddeċiedi li jinkludi lill-persuna kkonċernata fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi, abbażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi fil-fajl li juru li tali deċiżjoni ttieħdet (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 117, u tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 131).

33      Fil-fatt, fl-assenza ta’ mezzi tal-Unjoni Ewropea sabiex hija stess twettaq investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-involviment ta’ persuna partikolari f’atti terroristiċi, ir-rekwiżit ta’ deċiżjoni minn qabel ta’ awtorità nazzjonali huwa intiż li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ provi jew ta’ indizji serji u kredibbli tal-involviment tal-persuna kkonċernata fl-attivitajiet terroristiċi, meqjusa li huma affidabbli mill-awtoritajiet nazzjonali u li wassluhom jadottaw, tal-inqas, miżuri ta’ investigazzjoni. Għalhekk, mir-riferiment għal deċiżjoni nazzjonali kif ukoll mir-riferiment għal “informazzjoni preċiża” u “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirriżulta li din tal-aħħar għandha l-għan li tipproteġi l-persuni kkonċernati billi tiżgura li l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi sseħħ biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u li hija intiża li tilħaq dan l-għan billi tirrikorri għar-rekwiżit ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑550/10 u Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑539/10 P, u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 68 u 69, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 24).

34      Minn din il-forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il-Kunsill u l-Istati Membri fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jirriżultaw diversi konsegwenzi.

35      Minn dan jirriżulta, l-ewwel, li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi tippreżupponi l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali li toriġina minn awtorità kompetenti. Għall-kuntrarju, tali kundizzjoni ma hijiex prevista fl-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni, dwar ir-reviżjoni tal-inklużjoni.

36      It-tieni, minn dan jirriżulta li l-oneru tal-prova li l-iffriżar tal-fondi ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità huwa legalment iġġustifikat, li jaqa’ fuq il-Kunsill, għandu għan relattivament ristrett fil-livell tal-proċedura quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-forma ta’ kooperazzjoni speċifika stabbilita bejn l-Istati Membri u l-Kunsill fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-fatt toħloq, għal din l-istituzzjoni, l-obbligu li toqgħod kemm jista’ jkun għall-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punti 133 u 134; tal‑4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑284/08, EU:T:2008:550, punt 53, u tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punt 282).

37      Dan l-obbligu għall-Kunsill li juża kemm jista’ jkun possibbli l-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti jikkonċerna prinċipalment id-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ kundanna meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-inklużjoni inizjali skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. B’mod iktar partikolari, ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jivverifika r-realtà jew l-imputazzjoni tal-fatti kkonstatati fid-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ kundanna li fuqhom tkun ibbażata inklużjoni inizjali. Fil-fatt, tali obbligu ta’ verifika impost fuq il-Kunsill fir-rigward tal-fatti li taw lok għal deċiżjoni nazzjonali li tkun ibbażata fuqha inklużjoni inizjali fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi jwassal għal sitwazzjoni li timmina s-sistema fuq żewġ livelli li tikkaratterizza l-imsemmija pożizzjoni komuni, peress li l-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-materjalità ta’ dawn il-fatti tirriskja li tidħol f’kunflitt mal-evalwazzjoni u mal-konstatazzjonijiet magħmula mill-awtorità nazzjonali kkonċernata, u tali kunflitt ikun iktar u iktar inopportun peress li l-Kunsill ma jkollux neċessarjament l-informazzjoni fattwali kollha u l-provi inklużi fil-fajl ta’ din l-awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 240 sa 242 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-garanzija, għall-persuni kkonċernati, li l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi tkun ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed hija bbażata preċiżament fuq ir-rekwiżit ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali u fuq il-fiduċja li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqiegħdu fl-evalwazzjoni tal-provi u tal-indizji magħmula mill-imsemmija awtorità nazzjonali (ara l-punt 33 iktar ’il quddiem).

38      Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-elementi li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu sabiex juri l-persistenza tar-riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kemm fir-rigward ta’ elementi bbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra, huwa l-Kunsill, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-kontestazzjonijiet fattwali msemmija fl-atti ta’ żamma fil-listi u l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom, fatt li jimplika li tiġi vverifikata r-realtà tal-fatti kkonċernati kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħhom bħala elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punti 52 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, kif fakkret ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punti 60 sa 62 u 78 sa 80 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Kunsill jibqa’ suġġett għall-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna kemm l-avvenimenti kkunsidrati fid-deċiżjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif ukoll l-avvenimenti kkunsidrati f’deċiżjonijiet nazzjonali sussegwenti jew l-avvenimenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill b’mod awtonomu, mingħajr ebda riferiment għal tali deċiżjonijiet.

40      Minn dan isegwi li għandha ssir distinzjoni, għal kull wieħed mill-atti kkontestati, skont jekk humiex ibbażati fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tar-rikorrent jew skont jekk humiex ibbażati fuq deċiżjonijiet sussegwenti ta’ dawn l-awtoritajiet nazzjonali jew fuq elementi adottati b’mod awtonomu mill-Kunsill. Tali distinzjoni hija iktar u iktar meħtieġa peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ bażi huma rregolati minn dispożizzjonijiet differenti tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fejn tal-ewwel jaqgħu taħt l-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni u tat-tieni mill-Artikolu 1(6) tagħha.

41      Issa, f’dan il-każ, l-atti tal‑2014 huma bbażati, minn naħa, fuq analiżi awtonoma mill-Kunsill ta’ diversi avvenimenti elenkati fl-espożizzjoni tal-motivi u, min-naħa l-oħra, fuq deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, tal-Istati Uniti u tat-Turkija. L-atti tal‑2015 sal‑2017 u d-deċiżjonijiet tal‑2019 huma, għall-kuntrarju, ibbażati biss fuq deċiżjonijiet mogħtija minn diversi awtoritajiet nazzjonali, jiġifieri dawk tar-Renju Unit, tal-Istati Uniti u ta’ Franza. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fost id-deċiżjonijiet nazzjonali meħuda inkunsiderazzjoni, uħud minnhom kienu l-bażi tal-inklużjoni inizjali tar-rikorrent, filwaqt li deċiżjonijiet oħra adottati sussegwentement ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fil-kuntest tar-reviżjoni tiegħu tal-inklużjoni tar-rikorrent.

42      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati s-sitt motivi simili indirizzati kontra l-atti kkontestati fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-motiv speċifiku fil-Kawża T‑316/14 RENV, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 51 tal-Karta u intiż kontra l-atti tal‑2014 biss, ser jiġi ttrattat flimkien mal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara l-punti 166 u 175 iktar ’il quddiem). Għalhekk ser jiġi analizzat iktar ’il quddiem jekk dawn l-atti josservawx il-paragrafu 3 (l-ewwel motiv), il-paragrafu 4 (it-tieni motiv) u l-paragrafu 6 (it-tielet motiv) tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ir-raba’ motiv) — peress li r-rikorrent ippreċiża fis-seduta, liema fatt ġie rreġistrat fil-proċess verbal, li l-motiv inkwistjoni kien ibbażat biss fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju, u mhux ukoll fuq dak tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà — l-obbligu ta’ motivazzjoni (il-ħames motiv) u, fl-aħħar nett, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent (is-sitt motiv), billi l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

1.      Fuq ilmotiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 1(4) talPożizzjoni Komuni 2001/931

43      Hemm lok jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi, imsemmija fil-paragrafu 4 tiegħu, u, min-naħa l-oħra, iż-żamma f’din il-lista ta’ isem persuna jew entità li tinsab diġà fiha, imsemmija fil-paragrafu 6 tiegħu. Għalkemm l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi tippreżupponi l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ awtorità kompetenti, tali kundizzjoni ma hijiex prevista għaż-żamma ta’ isem din il-persuna jew ta’ din l-entità fil-lista, peress li din iż-żamma tikkostitwixxi, essenzjalment l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżupponi l-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kif kien ikkonstatat inizjalment mill-Kunsill, fuq il-bażi tad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għal din l-inklużjoni inizjali (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 59 sa 61, tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 37 sa 39).

44      Minn dan isegwi, minn naħa, li meta l-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jiddeċiedi li jżomm l-inklużjoni ta’ persuna jew entità, fuq deċiżjoni nazzjonali maħruġa minn awtorità kompetenti, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa effettiv insostenn ta’ rikors intiż kontra tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punti 229 u 230), li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill. F’dan ir-rigward, jista’ jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qegħditx fid-dubju din in-natura effettiva billi ddeċidiet, fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 38), li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat id-deċiżjonijiet ta’ żamma fil-listi esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill, u b’hekk qieset essenzjalment li l-osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-elementi li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u barra minn hekk hija rrinvijat lill-Qorti Ġenerali l-eżami tal-motivi l-oħra kollha, fosthom dawk ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 1(3) u (4) tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

45      Minn dan isegwi, min-naħa l-oħra, li, f’dan il-każ, dan il-motiv ser jiġi eżaminat biss fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali tar-rikorrent fl‑2002, jiġifieri:

–        id-digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tad‑29 ta’ Marzu 2001;

–        id-deċiżjonijiet tal-Gvern tal-Istati Uniti tat‑8 ta’ Ottubru 1997 u tal‑31 ta’ Ottubru 2001.

46      L-argumenti dwar id-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi sussegwenti għall-inklużjoni inizjali tar-rikorrent, kif ukoll dawk li jikkontestaw id-deċiżjonijiet li jirriżultaw mis-segwitu tad-deċiżjonijiet hawn fuq imsemmija adottati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl‑2014 u mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fl‑2013 u fl‑2019 kif ukoll l-elementi użati b’mod awtonomu mill-Kunsill, ser jiġu għall-kuntrarju ttrattati fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

47      L-istess jgħodd għall-argumenti dwar is-sentenzi tal-Qrati Torok dwar is-Sigurtà tal-Istat imsemmija fl-espożizzjoni tal-motivi tal-atti tal‑2014. Fil-fatt, anki jekk ċerti siltiet minn dawn l-espożizzjoni tal-motivi jistgħu jwasslu għal konfużjoni, sa fejn isemmu kundanni tal-PKK mill-Qrati Torok dwar is-Sigurtà tal-Istat, li wħud minnhom huma preċedenti għall‑2002, u jikkonkludu formalment li jeżistu deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 wara l-elenkar ta’ dawn il-kundanni, jista’ jiġi dedott mill-konklużjoni ġenerali dwar ir-reviżjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi, li ssemmi biss iż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti, li dawn tal-aħħar biss ittieħdu inkunsiderazzjoni taħt id-disopożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Pożizzjoni Komuni, fatt li jikkonferma l-Kunsill fir-risposta tiegħu u li jirrikonoxxi barra minn hekk ir-rikorrent fir-replika.

a)      Fuq iddeċiżjoni tarRenju Unit

48      Ir-rikorrent jikkontesta li d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tad‑29 ta’ Marzu 2001 jista’ jiġi kklassifikat bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi jinvoka argumenti bbażati fuq il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, indikazzjonijiet meħtieġa sabiex jintwera li tali deċiżjoni ttieħdet u d-data tal-avvenimenti indikati minn dan id-digriet.

1)      Fuq il-klassifikazzjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit bħala “awtorità kompetenti”

49      Ir-rikorrent iqis li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ma jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, dan il-Ministru ma huwiex awtorità ġudizzjarja, iżda amministrattiva. Id-digrieti tiegħu għandhom in-natura ta’ atti amministrattivi u ma humiex adottati fi tmiem proċedura li tinvolvi diversi stadji, bħal dak li tikkaratterizza d-deċiżjonijiet kriminali. Barra minn hekk, il-projbizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-digrieti kellhom tul indefinit fl-assenza ta’ reviżjoni perijodika. Barra minn hekk, il-Ministru għall-Intern għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, sa fejn is-setgħat tal-Parlament tar-Renju Unit huma limitati għal evalwazzjoni kollettiva tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati mingħajr ma jkollhom għarfien tal-informazzjoni kunfidenzjali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Ministru.

50      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, diversi drabi, il-Qorti Ġenerali qieset li d-digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tad‑29 ta’ Marzu 2001 kien jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punti 144 u 145; tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 106 ; tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punti 258 sa 285; tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punti 71 sa 96; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punti 108 sa 133, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:817, punt 112).

51      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jinkludi preferenza għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji, dan ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi, meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet huma effettivament investiti, fid-dritt nazzjonali, bil-kompetenza sabiex jadottaw deċiżjonijiet restrittivi fil-konfront ta’ gruppi involuti fit-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet, minkejja li huma biss amministrattivi, jistgħu jitqiesu bħala “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 107; tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punt 259; tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punti 72; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vsIl-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punt 111 u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:817, punt 114).

52      Awtoritajiet amministrattivi jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal awtoritajiet ġudizzjarji meta d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju fir-rigward tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 145; tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punti 260; tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 73; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punt 112, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:817, punt 115).

53      Konsegwentement, il-fatt li l-qrati tal-Istat ikkonċernat għandhom kompetenzi fil-qasam tar-repressjoni tat-terroriżmu ma jipprekludix lill-Kunsill milli jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità amministrattiva nazzjonali responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-qasam tat-terroriżmu (sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 108; tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punt 261; tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 74; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punt 113, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 116).

54      Issa, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-atti tal‑2015 sal‑2017 u tad-deċiżjonijiet tal‑2019, id-digrieti tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Proscribed Organisations Appeal Commission (il-Kummissjoni ta’ Appell dwar l-Organizzazzjonijiet Proskritti , ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“POAC”), li tiddeċiedi, fid-dritt u fil-fatt, bl-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-istħarriġ ġudizzjarju, u kull parti tista’ tappella d-deċiżjoni tal-POAC fuq kwistjoni ta’ dritt quddiem qorti ta’ appell jekk hija tikseb l-awtorizzazzjoni tal-POAC stess jew, fin-nuqqas, dik tal-qorti ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punt 262; tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 75; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punt 114 u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 117).

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001 għandu jitqies li huwa adottat minn awtorità amministrattiva ekwivalenti għal awtorità ġudizzjarja, u għalhekk minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punt 263; tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 76; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punt 115 u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 118).

56      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jeżiġix li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura kriminali stricto sensu, kemm-il darba, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-proċedura nazzjonali inkwistjoni jkollha bħala għan il-ġlieda kontra t-terrożimu f’sens wiesa’ permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri preventivi jew ripressivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punti 269 sa 271; tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punti 82 sa 84; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punti 119 sa 121 u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 119).

57      F’dan il-każ, id-digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001 jistabbilixxi miżuri ta’ interdizzjoni fil-konfront ta’ organizzazzjonijiet meqjusa li huma terroristiċi u jaqa’ għalhekk, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, fi proċedura nazzjonali intiża, prinċipalment, għall-impożizzjoni ta’ miżuri preventivi jew ripressivi fil-konfront tal-PKK, bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 115; tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punti 272 sa 273; tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 84; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punt 121 u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 120).

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu annullati għar-raġuni li, fl-espożizzjoni tal-motivi relatati magħhom, il-Kunsill ibbaża ruħu, sabiex jinkludi isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, fuq id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001, li jikkostitwixxi awtorità amministrattiva u li d-deċiżjonijiet tiegħu ma humiex ta’ natura kriminali.

59      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent insostenn ta’ dan il-motiv.

60      L-ewwel, fir-rigward tal-assenza allegata ta’ proċedura li tinkludi diversi stadji bħalma huwa l-każ għall-proċeduri ġudizzjarji, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jirriżultax li, sabiex isservi ta’ bażi għal inklużjoni, id-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tagħlaq proċedura li żvolġiet f’diversi stadji (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 124).

61      Fi kwalunkwe każ, il-proċedura li tagħti lok għad-digrieti ta’ projbizzjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit isseħħ f’diversi stadji. Qabelxejn, il-projbizzjoni teżiġi minn din l-awtorità eżami rigoruż tal-provi li fuqhom huwa bbażat it-twemmin raġonevoli li l-organizzazzjoni hija involuta fit-terroriżmu. Dawn il-provi jinkludu informazzjoni minn sorsi ta’ informazzjoni pubblika u servizzi ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit jintervjeni wara konsultazzjoni mal-Gvern kollu kif ukoll mad-dipartimenti tal-intelligence u mal-awtoritajiet tal-pulizija. Fl-aħħar nett, id-digriet ta’ projbizzjoni huwa suġġett għall-kontroll u għall-approvazzjoni taż-żewġ kmamar tal-Parlament tar-Renju Unit fil-kuntest tal-proċedura ta’ ratifika (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 125 sa 128).

62      It-tieni, fir-rigward tal-allegat tul illimitat tal-projbizzjoni stabbilita mid-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li dan id-digriet ma huwiex suġġett għal obbligu ta’ reviżjoni annwali ma jipprekludix lill-Kunsill milli jibbaża ruħu fuqu sabiex jinkludi l-entità li hija tirreferi għaliha fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, sa fejn il-Kunsill, abbażi tal-obbligu tiegħu ta’ reviżjoni, huwa obbligat li jivverifika jekk, fid-data li fiha huwa għandu l-intenzjoni li jżomm lil din l-entità fuq l-imsemmija listi, din id-deċiżjoni, deċiżjonijiet oħra jew elementi fattwali sussegwenti jkunu għadhom jiġġustifikaw din l-inklużjoni (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 131).

63      Min-naħa l-oħra, skont it-Taqsima 4 tal-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-terroriżmu, organizzazzjoni jew persuna milquta minn miżura ta’ projbizzjoni tista’ tippreżenta bil-miktub talba lill-Ministru għall-Intern intiża sabiex dan jeżamina jekk huwiex xieraq li jneħħiha mil-lista tal-organizzazzjonijiet ipprojbiti u, skont it-Taqsima 5 tal-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-Terroriżmu, jekk il-Ministru jiċħad tali talba, l-applikant jista’ jippreżenta rikors quddiem il-POAC, li d-deċiżjonijiet tiegħu stess jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 132) (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

64      Minn dan jirriżulta li, anki jekk il-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-Terroriżmu ma tipprevedix reviżjoni annwali tad-digrieti ta’ projbizzjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, dawn ma għandhomx effett illimitat.

65      It-tielet, fir-rigward tal-allegata marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit sabiex jipprojbixxi l-organizzazzjonijiet terroristiċi, għandu jiġi enfasizzat li dan il-Ministru jadotta d-digrieti ta’ projbizzjoni mhux skont kunsiderazzjonijiet politiċi, iżda skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiddefinixxu l-atti terroristiċi, kif jirriżulta mit-Taqsima 3 tal-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-Terroriżmu. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent dwar din id-dispożizzjoni, il-fatt li din tindika li l-Ministru għall-Intern jipprojbixxi entità meta “jaħseb li hija involuta f’attivitajiet terroristiċi” jirrigwarda l-livell ta’ prova meħtieġ għall-inklużjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Al-Ghabra vs Il-Kummissjoni T‑248/13, EU:T:2016:721, punti 112 sa 119) u huwa saħansitra inqas probabbli li jippermetti evalwazzjoni diskrezzjonali peress li dan il-livell ta’ prova jinvolvi livell ta’ konvinzjoni, u għalhekk ta’ preċiżjoni fil-motivazzjoni, ogħla minn dak ta’ sempliċi suspetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016 Al-Ghabra vs Il-Kummissjoni, T‑248/13, EU:T:2016:721, punti 114 u 115).

66      Jista’ jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit hija mmoderata mill-kontroll u l-approvazzjoni parlamentari li għalihom huma suġġetti l-abbozzi ta’ digriet tiegħu. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tikkunsidra, fir-rigward preċiżament tal-abbozzi ta’ digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, li l-membri kollha tal-House of Commons, li hija waħda miż-żewġ kmamar tal-Parlament tar-Renju Unit li għandhom jirratifikaw l-abbozz ta’ digriet, jirċievu sunt tal-fatti f’dak li jikkonċerna kull waħda mill-organizzazzjonijiet li jinsabu fil-lista tal-abbozz ta’ digriet, fatt li jimplika l-possibbiltà ta’ eżami individwali mill-House of Commons, li d-dibattiti tal-House of Commons jirrigwardaw effettivament organizzazzjonijiet individwali, kif ukoll jattestaw barra minn hekk it-teħid ta’ pożizzjoni dwar il-PKK matul id-dibattitu parlamentari li jkun wassal għar-ratifika tad-digriet tal‑2001, riprodotti f’dan il-każ mir-rikorrent fir-rikors, u li l-House of Commons tibqa’ libera, fi kwalunkwe każ, li tirrifjuta li tapprova l-abbozz ta’ digriet (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 122; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 136 u 137).

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti kollha intiżi sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit bħala “awtorità kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandhom jiġu miċħuda.

2)      Fuq l-“informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti”

68      Ir-rikorrent jikkritika, essenzjalment, lill-Kunsill li ma semmiex informazzjoni preċiża jew elementi tal-proċess li juru li d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit kien jikkostitwixxi deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Tali kritika tkopri, skont is-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent, tliet ilmenti. L-ewwel, il-Kunsill ma indikax ir-raġunijiet għalfejn huwa kkunsidra lill-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit bħala “awtorità kompetenti”. It-tieni, l-atti kkontestati ma fihom ebda deskrizzjoni tal-motivi li fuqhom huwa bbażat id-digriet tal‑2001. It-tielet, dawn l-istess atti lanqas ma jippreċiżaw ir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill ikkunsidra li l-fatti kkonċernati kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ att terroristiku fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

69      Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jiġi kkonstatat li dan jaqa’ taħt kritika formali tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T-‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 329 sa 333) u li għalhekk ser jiġi eżaminat b’risposta għall-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dan l-obbligu (ara l-punti 221 sa 224 iktar ’il quddiem.)

70      Fir-rigward taż-żewġ ilmenti l-oħra, huwa utli li jitfakkar, qabel kollox, il-kontenut tas-siltiet tal-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkontestati ddedikati għad-digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001.

71      Fl-atti tal‑2014, il-Kunsill indika li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit kien, fir-rigward tat-twettiq ta’ atti terroristiċi mill-PKK u tal-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’tali atti, ipprojbixxa lill-PKK bħala organizzazzjoni involuta f’atti terroristiċi. Minn dan huwa ddeduċa, wara li indika wkoll deċiżjonijiet nazzjonali oħra, li kienu ttieħdu deċiżjonijiet minn awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (espożizzjoni tal-motivi, paġna 4).

72      Fl-atti tal‑2015 sal‑2017 u fid-deċiżjonijiet tal‑2019, li l-espożizzjoni tal-motivi tagħhom huma identiċi fuq dan il-punt, il-Kunsill jindika li bbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet li huwa jikklassifika bħala deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fosthom id-digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001. Huwa jippreċiża li eżamina l-fatti li dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuqhom u li qies li dawn kienu fil-fatt jaqgħu taħt kunċetti ta’ “atti terroristiċi” u ta’ “gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (espożizzjoni tal-motivi, punti 1 sa 6). Barra minn hekk, fl-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-imsemmi digriet, il-Kunsill jindika, b’mod partikolari, li dan id-digriet ġie adottat fl‑2001 għar-raġuni li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ta’ dak iż-żmien kellu raġunijiet biex jaħseb li l-PKK kien wettaq u pparteċipa f’atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (punti 3, 4 u 16). Huwa jippreċiża li l-atti terroristiċi inkwistjoni kienu jinkludu attakki terroristiċi attribwiti lill-PKK sa mill‑1984 u li l-PKK kien mexxa kampanja terrorista li tkopri l-interessi u l-investimenti tal-Punent fil-bidu tas-snin 1990 bil-għan li tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern Tork, inkluż il-ħtif ta’ turisti mill-Punent kif ukoll, fl‑1993–1994, l-attakk fuq raffinerija u attakki fuq installazzjonijiet turistiċi li wasslu għall-mewt ta’ turisti barranin. Huwa jirrileva li, minkejja li l-PKK donnu abbanduna din il-kampanja bejn l‑1995 u l‑1999, huwa kien kompla matul dan il-perijodu jhedded li jattakka l-installazzjonijiet turistiċi Torok. Il-Kunsill jindika li huwa jqis li dawn il-fatti jaqgħu taħt l-għanijiet stipulati fil-punti (i) u (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u taħt atti ta’ vjolenza msemmija fis-subinċiżi (a), (ċ), (d), (f), (g) u (i) tal-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (punt 16).

73      Għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li “[l-]informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza” meħtieġa mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandha turi li deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li tissodisfa d-definizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, b’tali mod, b’mod partikolari, li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jidentifikaw din id-deċiżjoni, iżda ma hijiex relatata mal-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, jista’ jitqies li l-Kunsill ipprovda, fl-atti tal‑2014, “informazzjoni [suffiċjentement] preċiża” dwar id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi indika d-data preċiża tal-imsemmi digriet, l-awtur tiegħu u l-bażi legali tiegħu, f’dan il-każ il-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-Terroriżmu.

75      L-istess japplika fir-rigward tal-atti tal‑2015 sal‑2017 u tad-deċiżjonijiet tal‑2019, li jinkludu l-istess indikazzjonijiet dwar id-data preċiża, l-awtur u l-bażi legali tad-digriet tal‑2001.

76      Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa fir-rigward tal-osservanza mill-Kunsill tar-rekwiżiti dwar l-“informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti” skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandhom jiġu miċħuda.

3)      Fuq id-data tal-atti terroristiċi li fuqhom hija bbażata l-projbizzjoni tal-PKK mill-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit

77      Il-kritika li d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001 huwa bbażat fuq avvenimenti antiki wisq sabiex validament ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tqajmet biss fil-Kawża T‑148/19.

78      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li d-“distanza fiż-żmien” li għandha tiġi evalwata f’dan il-każ tirrigwarda ż-żmien li jissepara l-avvenimenti meħuda inkunsiderazzjoni fid-digriet tal‑2001 u d-data tal-imsemmi digriet, kif barra minn hekk isostni b’mod rilevanti r-rikorrent.

79      Fil-fatt, sa fejn dan l-argument tressaq insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandha tittieħed deċiżjoni hawnhekk unikament fuq il-klassifikazzjoni tad-digriet tal‑2001 bħala “deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tad-data tal-avvenimenti meħuda inkunsiderazzjoni minn dan id-digriet (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2016:723, punt 80), filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li d-distanza fiż-żmien li tissepara l-avvenimenti indikati fl-imsemmi digriet u l-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, mid-deċiżjonijiet ta’ żamma ta’ inklużjoni kkontestati f’dan il-każ, min-naħa l-oħra, ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

80      Fir-rigward tal-evalwazzjoni f’dan il-każ tad-distanza fiż-żmien inkwistjoni, jista’ jiġi kkonstatat li l-aħħar fatti meħuda inkunsiderazzjoni fid-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001, kif deskritt fid-deċiżjonijiet tal‑2019, li jikkonsistu f’theddid ta’ attakki fuq l-installazzjonijiet turistiċi Torok, ikopru perijodu mill‑1995 sal‑1999 (ara l-punt 72 iktar ’il fuq). Għandu jitfakkar barra minn hekk li ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jivverifika l-materjalità tal-fatti indikati fid-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ kundanna li fuqhom hija bbażata inklużjoni inizjali (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), bħad-Digriet tal‑2001. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan id-digriet għandu jkun assimilat għal deċiżjoni ta’ kundanna, peress li hija definittiva fis-sens li ma għandhiex tiġi segwita minn investigazzjoni u li hija għandha l-għan li tipprojbixxi lill-persuni jew lill-entitajiet ikkonċernati mir-Renju Unit bi konsegwenzi kriminali għall-persuni li jżommu, mill-qrib jew mill-bogħod, rabta magħhom (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 155 u 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Minn dan isegwi li, minkejja l-kontestazzjoni mir-rikorrent tal-materjalità tat-theddid ta’ attakki kkonċernati, peress li huwa jsostni li l-espożizzjoni tal-motivi ma tinkludi l-ebda element jew argument sabiex isostnu dan it-theddid, dawn tal-aħħar jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-każ. Minn dan isegwi wkoll li d-distanza fiż-żmien bejn l-aħħar fatti meħuda inkunsiderazzjoni (1999) u d-data tad-digriet tal‑2001 hija ta’ madwar sentejn. Issa, tali distanza fiż-żmien, ta’ inqas minn ħames snin, ma titqiesx li hija eċċessiva (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Għaldaqstant, l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma nkisirx minħabba d-data tal-avvenimenti adottati fid-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001 meħuda inkunsiderazzjoni skont din id-dispożizzjoni.

83      Għalhekk mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti diretti kontra l-fatt li l-atti kkontestati huma bbażati fuq id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001 għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq idDeċiżjonijiet tal-Istati Uniti

84      Ir-rikorrent jikkontesta li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal‑1997 u tal‑2001 jistgħu jiġu kklassifikati bħala deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi jinvoka argumenti bbażati fuq il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” u indikazzjonijiet meħtieġa sabiex jintwera li tali deċiżjonijiet ittieħdu.

85      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza llum stabbilita li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” użat fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma huwiex limitat għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda jista’, bħala prinċipju, jinkludi wkoll awtoritajiet ta’ Stati terzi (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 22; tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punt 244, u tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 43).

86      Din l-interpretazzjoni hija ġġustifikata, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ma tillimitax il-kunċett ta’ “awtoritajiet kompetenti” għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, mill-għan ta’ din il-pożizzjoni komuni, li ġiet adottata sabiex timplimenta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija intiża li tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq il-livell mondjali permezz tal-kooperazzjoni sistematika u mill-qrib tal-Istati kollha (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 23; tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punt 244, u tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 44).

87      Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li huwa obbligu tal-Kunsill, qabel ma jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, li jivverifika jekk din id-deċiżjoni ġietx adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 24 u 31, u tal‑4 ta’ Settembru, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punt 58).

88      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrent li jikkontestaw din il-verifika, kif saret f’dan il-każ mill-Kunsill. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li n-neċessità li ssir din il-verifika tirriżulta b’mod partikolari mill-għan tar-rekwiżit, previst fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jipprovdi li l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista tal-iffriżar ta’ fondi għandha tkun ibbażata fuq deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti. Dan ir-rekwiżit huwa intiż, fil-fatt, li jipproteġi l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati, billi jiġi żgurat li l-inklużjoni inizjali tagħhom f’din il-lista ssir biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 68). Issa, dan l-għan jista’ jintlaħaq biss jekk id-deċiżjonijiet tal-Istati terzi li fuqhom il-Kunsill jibbaża l-inklużjonijiet inizjali ta’ persuni jew ta’ entitajiet fl-imsemmija lista jiġu adottati filwaqt li jkunu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 26).

89      F’dan il-każ, fl-Anness C tal-espożizzjoni tal-motivi, dwar il-klassifikazzjonijiet tal-PKK bħala FTO u SDGT mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, identiku fl-atti tal‑2015 sal‑2017 u fid-deċiżjonijiet tal‑2019, il-Kunsill jindika, b’mod partikolari, li l-klassifikazzjoni bħala FTO ġiet deċiża fit‑8 ta’ Ottubru 1997 u li l-klassifikazzjoni bħala SDGT ġiet deċiża fil‑31 ta’ Ottubru 2001 (punti 3 u 4).

90      Il-Kunsill jirrileva sussegwentement li l-klassifikazzjonijiet bħala FTO huma eżaminati mill-ġdid ex officio wara ħames snin mill-United States Secretary of State (is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, l-Istati Uniti tal-Amerika) jekk fil-frattemp il-klassifikazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ talba għal revoka. L-entità kkonċernata tista’ wkoll hija stess titlob, kull sentejn, li l-klassifikazzjoni tagħha tiġi rrevokata billi tipproduċi provi li juru li ċ-ċirkustanzi li l-klassifikazzjoni tagħha bħala FTO kienet ibbażata fuqhom inbidlu materjalment. Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u l-United States Congress (il-Kungress tal-Istati Uniti, l-Istati Uniti tal-Amerika) jistgħu wkoll jirrevokaw ex officio klassifikazzjoni bħala FTO. Barra minn hekk, l-entità kkonċernata tista’ tippreżenta rikors kontra l-klassifikazzjoni tagħha bħala FTO mas-Circuit Court of Appeals for the District of Columbia (il-Qorti tal-Appell Federali tad-Distrett ta’ Columbia, l-Istati Uniti). Fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet bħala SDGT, il-Kunsill jirrileva li dawn ma huma suġġetti għal ebda reviżjoni perijodika, iżda jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati u t-tribunali Federali (punti 8 sa 11 tal-Anness C tal-espożizzjoni tal-motivi). Barra minn hekk, il-Kunsill jikkonstata li l-klassifikazzjonijiet tar-rikorrent bħala FTO u SDGT ma ġewx ikkontestati quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Istati Uniti u ma huma s-suġġett ta’ ebda proċedura ġudizzjarja pendenti (punti 11 u 12 tal-Anness C tal-espożizzjoni tal-motivi). Fid-dawl tal-proċeduri ta’ reviżjoni u tad-deskrizzjoni tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli, il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti applikabbli tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (punt 13 tal-Anness C tal-espożizzjoni tal-motivi).

91      Madankollu, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, f’diversi sentenzi dwar espożizzjoni tal-motivi identiċi għal dawk annessi mal-atti tal‑2015 sal‑2017 u mad-deċiżjonijiet tal‑2019, li dawn kienu insuffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-Kunsill kien wettaq il-verifika meħtieġa fir-rigward tal-osservanza, fl-Istati Uniti tal-Amerika, tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punti 54 sa 65; tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punti 93 sa 104, u tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punti 65 sa 76). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-unika sentenza appellata li fiha hija ddeċidiet dwar aggravju li jikkritika l-analiżi mill-Qorti Ġenerali tal-appoġġ mill-Kunsill fuq id-deċiżjonijiet Amerikani (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557), li dawn il-kritiki kienu inammissibbli u li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kellha l-awtorità ta’ res judicata (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il-Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punti 36 sa 40 u 82).

92      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-persuni kkonċernati minn deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar il-provi prodotti kontrihom sabiex fuqhom ikunu jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet inkwistjoni. Fil-każ ta’ miżuri intiżi li jinkludu l-ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi, dan il-prinċipju jimplika li l-motivi għal dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lil dawn il-persuni jew lil dawn l-entitajiet fl-istess ħin tal-adozzjoni tagħhom jew immedjatament wara din l-adozzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punti 65 u 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Issa, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti li tirregola l-klassifikazzjoni bħala SDGT li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal‑2001, id-deskrizzjoni ġenerali pprovduta mill-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi ma ssemmi ebda obbligu, għall-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li jikkomunikaw lill-partijiet ikkonċernati motivazzjoni, jew anki li jippubblikaw dawn id-deċiżjonijiet, li jipprekludu li jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża ġie osservat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punti 69 u 70).

94      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-klassifikazzjoni bħala FTO li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni tal‑1997, huwa minnu li din tipprevedi pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fir-Reġistru Federali. Madankollu, mill-espożizzjoni tal-motivi ma jirriżultax li, minbarra d-dispożittiv ta’ dawn id-deċiżjonijiet, motivazzjoni, tkun xi tkun, tinsab f’din il-pubblikazzjoni — kif barra minn hekk jikkonfermaw l-estratti tar-Reġistru Federali kkomunikati fl-anness tar-risposta fil-Kawża T‑316/14 RENV — jew tqiegħdet għad-dispożizzjoni tar-rikorrent bi kwalunkwe mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punti 71 u 75). Il-“fajl amministrattiv” tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar il-PKK tal‑2013 jew tal‑2019 li għandhom l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, imsemmi fl-espożizzjoni tal-motivi, huwa fil-fatt fil-parti l-kbira sussegwenti għad-deċiżjonijiet tal‑1997 u tal‑2001, u xejn ma jindika li jinkludi informazzjoni dwar dawn id-deċiżjonijiet u l-motivazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kunsill bl-ebda mod ma jippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dan il-fajl amministrattiv, u sempliċement jiddikjara, u dan barra minn hekk unikament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li r-rikorrent ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-imsemmi fajl.

95      Issa, tali pubblikazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal‑1997 fir-Reġistru Federali, u għalhekk is-sempliċi riferiment għal din il-pubblikazzjoni fl-espożizzjoni tal-motivi, hija insuffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-Kunsill wettaq il-verifika meħtieġa fir-rigward tal-osservanza, fl-Istati Uniti tal-Amerika, tal-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punt 76).

96      Minn dan isegwi li hemm lok li jitqies, f’dan il-każ, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill (T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 65), tal‑10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il-Kunsill (T‑643/16, EU:T:2019:238, punt 104), u tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill (T‑308/18, EU:T:2019:557, punt 76), li d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti ma setgħux iservu bħala bażi għall-atti tal‑2015 sal‑2017 u għad-deċiżjonijiet tal‑2019 bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

97      Fir-rigward tal-atti tal‑2014, dawn huma a fortiori vvizzjati bl-istess lakuna, peress li l-Kunsill jillimita ruħu, fl-espożizzjoni tal-motivi korrispondenti, li jsemmi l-istħarriġ ġudizzjarju jew amministrattiv li d-deċiżjonijiet inkwistjoni jistgħu jkunu s-suġġett tiegħu, mingħajr ma jsemmi ebda obbligu, għall-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li jikkomunikaw lill-persuni kkonċernati motivazzjoni jew anki li jippubblikaw dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li, meta jsemmi d-deċiżjonijiet tal‑2014, il-Kunsill lanqas ma jindika d-data tal-imsemmija deċiżjonijiet, u minn dan jirriżulta li dawn l-atti lanqas ma josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, f’termini ta’ provvista ta’ informazzjoni preċiża li turi li deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti (ara l-punti 74 u 75 iktar ’il fuq).

98      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu jintlaqa’ sa fejn l-atti kkontestati huma bbażati fuq id-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti tal‑1997 u tal‑2001, iżda miċħuda sa fejn dawn huma bbażati fuq id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001.

2.      Fuq ilmotiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 1(3) talPożizzjoni Komuni 2001/931

99      Fid-dawl tal-fatt li ntlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti tal‑1997 u tal‑2001, dan il-motiv ma huwiex ser jiġi eżaminat sa fejn jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-avvenimenti inklużi f’dawn id-deċiżjonijiet bħala atti terroristiċi.

100    Ir-rikorrent iressaq, fil-Kawżi T‑316/14 RENV u T‑148/19, żewġ tipi ta’ argumenti insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fejn jikkontesta, għal uħud, b’mod ġenerali t-tfittxija ta’ għan terroristiku permezz ta’ atti mwettqa fil-kuntest ta’ kunflitt armat għal finijiet ta’ awtodeterminazzjoni u, għal oħrajn, b’mod iktar speċifiku l-għanijiet terroristiċi, kif spjegati f’din id-dispożizzjoni, li jsegwu wħud mill-atti kkunsidrati fl-espożizzjoni tal-motivi. Huwa jsostni wkoll, fil-Kawża T‑148/19 biss, li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “grupp terroristiku” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, peress li ma jifformax assoċjazzjoni strutturata li taġixxi b’mod miftiehem sabiex jitwettqu atti terroristiċi.

101    Sa fejn il-Kunsill jikkontesta, fil-Kawża T‑148/19, kemm l-ammissibbiltà kif ukoll in-natura effettiva ta’ dan il-motiv, jeħtieġ li l-ewwel jiġu eżaminati dawn l-aspetti qabel ma tiġi analizzata l-fondatezza tiegħu.

a)      Fuq lammissibbiltà talmotiv

102    Il-Kunsill isostni l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv, sa fejn dan bl-ebda mod ma huwa sostnut minn provi.

103    Għaldaqstant din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

104    Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kwistjoni, il-motivi u l-argumenti invokati u jkun fih espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Huwa meħtieġ b’mod partikolari, sabiex jagħmel dan, li r-rikorrent jippreżenta argument insostenn tal-motiv imqajjem li jippermetti lill-konvenut kif ukoll lill-qorti tal-Unjoni li jifhmu u jwieġbu għalihom (ara, f’dan is-sens, Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il-Kummissjoni, T‑818/14, EU:T:2018:33, punti 94 sa 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Għall-kuntrarju, ma huwiex meħtieġ li r-rikorrent jipproduċi provi insostenn tal-motiv li huwa jinvoka, peress li n-natura sostnuta minn tali provi taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmi motiv u l-assenza ta’ dawn il-provi tista’ twassal għaċ-ċaħda bħala infondat tal-motiv. Ir-riferiment fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq għall-“punti ta’ fatt” li għandhom jidhru fil-qosor fir-rikors fil-fatt jirrigwarda l-motivi fattwali li jippermettu li r-rikors jinftiehem, indipendentement mill-istabbiliment ta’ dawn il-motivi fattwali permezz ta’ provi (ara l-punt 104 iktar ’il fuq).

106    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent ippreżenta argumenti ddettaljati insostenn tal-ewwel motiv, u iktar minn 60 punt tar-rikors fil-Kawża T‑148/19 kienu ddedikati għalih, fatt li, barra minn hekk, il-Kunsill ma jikkontestax u anki jieħu inkunsiderazzjoni billi jirrispondi b’mod iddettaljat għal kull wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motiv. Il-motiv huwa konsegwentement ammissibbli.

b)      Fuq innatura effettiva talmotiv

107    Ir-rikorrent jallega li ma jikkostitwixxix assoċjazzjoni strutturata li taġixxi b’mod miftiehem sabiex jitwettqu atti terroristiċi. Il-PKK jikkostitwixxi kemm partit strutturat fi ħdan “kumpless” b’saffi multipli, il-“kumpless” innifsu u l-moviment soċjali Kurd, u l-Kunsill ma wriex b’mod ċar fid-deċiżjonijiet tal‑2019 liema minn dawn ir-realtajiet huwa kellu l-intenzjoni jżomm fil-listi kkontestati. Issa, skont ir-rikorrent, la l-“kumpless”, li jindika numru kbir ta’ partiti u forom oħra ta’ raggruppamenti organizzati b’mod indipendenti, la l-moviment soċjali Kurd, li r-rikorrent la jikkontrolla direttament u lanqas indirettament lill-membri tiegħu, ma jistgħu jitqiesu bħala assoċjazzjoni strutturata u għalhekk lanqas bħala grupp terroristiku. Fir-rigward tal-PKK, bħala partit fi ħdan il-“kumpless”, għalkemm huwa strutturat biżżejjed, dan ma għandux l-għan li jwettaq, u lanqas ma jwettaq atti terroristiċi.

108    Il-Kunsill iqis li dan l-ilment imqajjem insostenn ta’ dan il-motiv huwa ineffettiv, peress li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala “grupp terroristiku”, u speċjalment dik ta’ “grupp”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

109    Mill-kliem tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirriżulta effettivament li l-klassifikazzjoni bħala “grupp terroristiku” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni, jiġifieri “grupp organizzat ta’ aktar minn żewġ persuni, stabbilit matul perjodu ta’ żmien u li jaġixxi bi skop li jwettaq atti terroristiċi”, ma tikkostitwixxix kundizzjoni ġenerali għall-applikazzjoni tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

110    Fil-fatt, kif huwa indikat fl-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, din tapplika għall-persuni fiżiċi kif ukoll għall-gruppi u għall-entitajiet, fejn dawn tal-aħħar ma humiex barra minn hekk distinti mil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni u mad-deċiżjonijiet tal‑2019, li jelenkaw, fl-ewwel punt, il-“persuni fiżiċi” u, fit-tieni punt, il-“gruppi u entitajiet”. Id-definizzjoni ta’ “grupp terroristiku” mogħtija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija intiża tippreċiża żewġ għanijiet terroristiċi biss li huma “[it-tmexxija ta’] grupp terroristiku” [il-punt (j) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931] u l-“parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku” [il-punt (k) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931], li ma jeżawrixxux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-pożizzjoni komuni u, barra minn hekk, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fid-deċiżjonijiet tal‑2019 fir-rigward tal-PKK (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 253).

111    Minn dan isegwi li, sa fejn ir-rikorrent, konformement mal-preskrizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ġie inkluż fil-listi kontenzjużi bħala “grupp u entità” u sa fejn huwa bl-ebda mod ma jikkontesta l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “entità”, huwa irrilevanti li, kif isostni, il-PKK ma jikkostitwixxix “grupp terroristiku”.

112    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, sa fejn jikkritika l-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala “grupp terroristiku”.

113    Għall-kuntrarju, għandu jiġi ppreċiżat, b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-Kunsill li ma huwiex il-kompitu tiegħu li jivverifika l-klassifikazzjoni tal-fatti magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti, li tali obbligu jaqa’ fuq il-Kunsill u li l-argumenti tar-rikorrent huma, għaldaqstant, effettivi sa fejn jikkontestaw ir-riżultat tal-verifika tal-korrispondenza tal-atti meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fid-definizzjoni tal-att terroristiku stabbilita fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

114    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jsemmi b’mod partikolari l-“kundanna” għal “att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att”, il-Kunsill għandu jivverifika jekk l-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali jikkorrispondux għal atti terroristiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 191). Din il-verifika hija iktar u iktar meħtieġa peress li, kif jirriżulta minn ċerti lmenti mqajma mir-rikorrent, id-definizzjonijiet tal-att terroristiku jvarjaw minn Stat għall-ieħor u ma jikkorrispondux neċessarjament fil-punti kollha għad-definizzjoni adottata fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

115    Madankollu, meta, matul il-proċedura quddiem il-Kunsill, l-entità kkonċernata ma tikkontestax b’mod iddettaljat li d-deċiżjoni nazzjonali tirrigwarda atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jesprimi ruħu b’mod iktar iddettaljat fuq din il-kwistjoni u l-indikazzjoni fl-espożizzjoni tal-motivi li huwa vverifika jekk il-motivi li wasslu għad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kinux jaqgħu taħt id-definizzjoni tat-terroriżmu li tinsab fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 162 u 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li din il-verifika hija imposta fuq il-Kunsill skont l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tirrigwarda biss l-avvenimenti indikati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jkunu l-bażi tal-inklużjoni inizjali tal-entità kkonċernata. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill (T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 168 u 276), meta jżomm isem ta’ entità fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi fil-kuntest tar-reviżjoni tiegħu mwettqa skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill għandu jistabbilixxi mhux li din l-entità wettqet atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija pożizzjoni komuni, iżda li r-riskju li hija tkun involuta f’tali atti jippersisti, u dan ma jimplikax neċessarjament li hija twettaq l-imsemmija atti.

117    Madankollu jibqa’ l-fatt li, jekk jista’ jitqies li l-PKK wettaq atti terroristiċi wara l-inklużjoni inizjali tiegħu, dan jiġġustifika a fortiori ż-żamma tal-inklużjoni tiegħu.

118    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa ineffettiv sa fejn jirrigwarda l-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala “grupp terroristiku” u jirrigwarda l-atti adottati għall-finijiet taż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi waqt reviżjonijiet imwettqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, iżda huwa għall-kuntrarju effettiv sa fejn jikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ atti terroristiċi tal-avvenimenti indikati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li wasslu għall-inklużjoni inizjali tiegħu.

c)      Fuq ilfondatezza talmotiv

1)      Fuq l-argument li l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kunflitt armat leġittimu għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Kurd

119    Għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li, għalkemm ir-rikorrent irrinunzja għall-ewwel motiv tiegħu fil-Kawża T‑316/14 RENV, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali tal-kunflitti armati (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), huwa jżomm l-argumenti tiegħu bbażati fuq in-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ kunflitt armat għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

120    Ir-rikorrent jinnega għalhekk li l-atti li ġew imputati lilu mill-Kunsill kienu twettqu b’għan terroristiku, billi invoka l-kunflitt armat bejnu u r-Repubblika tat-Turkija. Skont ir-rikorrent, huwa fundamentali li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħlu l-atti kkontestati, jiġifieri l-kunflitt armat leġittimu għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Kurd li jopponi lill-PKK fil-konfront tal-awtoritajiet Torok, peress li l-użu tal-vjolenza huwa bħala prinċipju awtorizzat fi żmien ta’ kunflitt armat skont id-dritt internazzjonali. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 3(5) u mal-Artikolu 21 TUE, l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt internazzjonali fil-qasam tal-awtodeterminazzjoni, tad-dritt internazzjonali umanitarju jew tal-valuri fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt.

121    Ir-rikorrent jikkontesta b’dan il-mod l-għanijiet terroristiċi intiżi mill-atti li ġew attribwiti lilu, billi jenfasizza d-distinzjoni neċessarja bejn it-twettiq ta’ att u t-twettiq tiegħu b’għan terroristiku. B’mod partikolari, huwa la għandu l-intenzjoni li jiddestabbilizza u lanqas jeqred l-Istat Tork u għandu l-intenzjoni biss li jtejbu u jirrendih iktar konformi mal-prinċipji demokratiċi adottati fi ħdan l-Unjoni, fosthom id-dritt fundamentali għall-awtodeterminazzjoni. Barra minn hekk, huwa jimmira wkoll li jġiegħel lill-Gvern Tork jaċċetta pożizzjoni aħjar għall-Kurdi, b’tali mod li l-isforzi tiegħu ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mhux dovuti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li ebda wieħed mill-atti li ġew imputati lilu ma kien dirett kontra l-popolazzjoni ċivili, peress li kien fil-mira biss objettivi militari leġittimi, anki jekk xi drabi kkawżaw vittmi ċivili.

122    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll minn dik tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma teskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, bħall-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għal eventwali atti terroristiċi mwettqa f’dan il-kuntest (sentenza tal-‑14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 97 u 98; ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 294 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Fil-fatt, minn naħa, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha skont jekk l-att inkwistjoni twettaqx jew le fil-kuntest ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, irrispettivament mill-forom li jistgħu jieħdu, konformement mal-għanijiet tad-dritt internazzjonali fis-seħħ (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 58).

124    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jikkontestax l-applikabbiltà tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fil-każ ta’ kunflitt armat, iżda jqis essenzjalment li d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu interpretati billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura leġittima tal-kunflitt armat li huwa jwettaq kontra l-awtoritajiet Torok għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Kurd.

125    Għandu jiġi rrikonoxxut, bħar-rikorrent, li l-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni mfakkar, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945, huwa prinċipju ta’ dritt internazzjonali applikabbli għat-territorji mhux awtonomi kollha u lill-popli kollha li għadhom ma kisbux l-indipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 88, u tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punt 217).

126    Mingħajr ma tittieħed pożizzjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu f’din il-kawża, u lanqas fuq il-legalità tal-użu tal-forza armata sabiex wieħed jasal għall-awtodeterminazzjoni, għandu jitqies li dan il-prinċipju ma jimplikax li, sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni, poplu jew l-abitanti ta’ territorju jistgħu jirrikorru għal mezzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punt 218, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 299).

127    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-atti terroristiċi fil-kunflitti armati favur movimenti ta’ liberazzjoni involuti f’kunflitt armat kontra “gvern oppressiv” ma hija bbażata fuq ebda bażi tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas tad-dritt internazzjonali. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali, b’mod iktar partikolari r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tat‑28 ta’ Settembru 2001, il-Konvenzjoni ta’ Genève, tat‑12 ta’ Awwissu 1949, dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Pajżani fi żmien ta’ Gwerra, il-Protokolli Addizzjonali I u II għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat‑8 ta’ Ġunju 1977, dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Kunflitti Armati Internazzjonali u Mhux Internazzjonali, kif ukoll il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, iffirmata fi New York fid‑9 ta’ Diċembru 1999, ma jadottaw, fil-kundanna tagħhom ta’ atti terroristiċi, l-ebda distinzjoni abbażi tal-kwalità tal-awtur tal-att u l-għanijiet segwiti minnu (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 68).

128    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, hawnhekk, ir-rikorrent isemmi dispożizzjoni waħda biss, f’dan il-każ mid-dritt tal-Unjoni, insostenn tad-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta’ eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-atti terroristiċi fil-kunflitti armati għal finijiet ta’ awtodeterminazzjoni, jiġifieri d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18), u, b’mod iktar partikolari, il-premessa 11 ta’ din id-deċiżjoni kwadru, li tipprovdi li “[a]zzjonijiet mill-forzi armati matul il-perjodi ta’ kunflitt bl-armi, li huma rregolati mid-dritt umantiarju internazzjonali skond it-tifsira ta' dawn it-termini f'dik il-liġi, u sakemm dawn huma regolati minn regoli oħra tad-dritt [i]nternazzjonali”. Ir-rikorrent iżid li d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475 kienet akkumpanjata minn dikjarazzjoni tal-Kunsill li teskludi espliċitament ir-resistenza armata — bħal dik immexxija mill-movimenti ta’ resistenza Ewropej differenti matul it-Tieni Gwerra Dinjija — mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

129    Madankollu, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, bħar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li hija timplimenta fil-livell tal-Unjoni, ma tinkludi ebda dispożizzjoni komparabbli mal-premessa 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475 u l-assenza ta’ tali premessa fl-imsemmija pożizzjoni komuni għandha preċiżament tiġi interpretata bħala li turi r-rieda tal-Kunsill li ma jipprevedi ebda eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni f'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tat-terroriżmu permezz tal-ġlieda kontra l-finanzjament tiegħu (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punti 74 sa 76).

130    Minn dan isegwi li r-riferiment magħmul mir-rikorrent għad-Deċiżjoni Qafas 2002/475 u għal dikjarazzjoni tal-Kunsill li takkumpanja din id-deċiżjoni qafas hija irrilevanti.

131    Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet li jixtiequ jilħqu poplu jew l-abitanti ta’ territorju u, min-naħa l-oħra, l-aġir implimentat minnhom sabiex jilħqu dawn l-għanijiet. Fil-fatt, l-“iskopijiet” imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jikkorrispondux għal tali għanijiet, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala finali jew bħala sottostanti. Huma jkopru, kif jirriżulta mill-kliem użat (intimidazzjoni, koerċizzjoni, destabilizzazzjoni jew qerda), in-natura stess tal-atti mwettqa, li jwassal għall-konklużjoni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirreferi biss għal “atti” u mhux għal “għanijiet” (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 300 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Għalhekk, b’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-iskop tal-attakki mwettqa kontra l-istrutturi fundamentali tal-Istat Turk [il-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931], intiżi sabiex ibiddlu dawn l-istrutturi u jirrenduhom iktar demokratiċi, jekk dan jiġi ppruvat, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni. Bl-istess mod, il-kelma “indebitament” [Il-punt (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931] għandu jinftiehem bħala li jirreferi għan-natura illegali tal-forza eżerċitata, b’mod partikolari permezz tal-mezzi ta’ koerċizzjoni użati, u ma għandux jiġi evalwat fid-dawl tan-natura allegatament leġittima tal-iskop imfittex mill-eżerċizzju ta’ din il-koerċizzjoni. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-intimidazzjoni tal-popolazzjoni [il-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931], li fir-rigward tagħha r-rikorrent isostni li l-kunflitt armat li huwa jwettaq għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Kurd iwassal sabiex ikun hemm biss miri militari, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa infondat fil-fatt, peress li diversi atti msemmija fl-espożizzjoni tal-motivi, b’mod partikolari l-attakki fuq l-installazzjonijiet turistiċi, kienu mmirati prinċipalment, u mhux biss b’mod kollaterali, kontra l-popolazzjoni ċivili (ara b’mod partikolari l-punti 142 u 143 iktar ’il quddiem).

133    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistax jiġi dedott li l-għodda ta’ prevenzjoni tat-terroriżmu li hija l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u b’mod iktar ġenerali s-sistema kollha tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jikkostitwixxu ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ popolazzjonijiet fi ħdan Stati oppressivi. Fil-fatt, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u l-implimentazzjoni tagħha mill-Kunsill ma hijiex intiża sabiex tiddetermina min, f’kunflitt bejn Stat u grupp, għandu raġun jew tort, iżda hija intiża li tiġġieled it-terroriżmu (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 71). F’tali każ, huwa l-Kunsill, bl-użu tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-ġestjoni tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni, 52/81, EU:C:1982:369, punt 27; tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 52, u d-Digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Mugraby vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑292/09, mhux ippubblikat, EU:T:2011:418, punt 60), li għandu jiddeċiedi fil-konfront ta’ min, persuni fiżiċi jew ġuridiċi marbuta mal-Istat ikkonċernat jew mal-poplu li jixtieq jeżerċita d-dritt ta’ awtodeterminazzjoni tiegħu, għandhom jiġu adottati miżuri restrittivi.

134    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrent dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunflitt armat leġittimu għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Kurd sabiex jiġu interpretati l-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu jiġi miċħud.

135    Minn dan isegwi li għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti kollha tar-rikorrent intiżi sabiex jikkontestaw l-għanijiet terroristiċi adottati għal uħud mill-atti li huma imputati lilu minħabba li twettqu b’ritaljazzjoni kontra l-armata Torka.

2)      Fuq ilkontestazzjoni tannatura terroristika talgħanijiet intiżi ta’ uħud millatti attribwiti lirrikorrent

136    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat essenzjalment fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, sa fejn il-Kunsill ma jistax jibbaża l-atti kkontestati fuq avvenimenti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura purament kawtelatorja tal-iffriżar ta’ fondi prevista mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ma tikkostitwixxix, għaldaqstant, sanzjoni kriminali jew amministrattiva (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punti 67 u 68 u l-ġurisprudenza ċċitata), dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, li jipprovdi “ [l-]ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att […] li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali”, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 70 sa 81).

137    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-ilment ibbażat fuq il-fatt li wħud mill-atti kkunsidrati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jikkorrispondux mad-definizzjoni ta’ reati fis-sens tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, mill-forma ta’ kooperazzjoni speċifika stabbilita bejn l-Istati Membri u l-Kunsill fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u mill-obbligu tal-Kunsill li jirriżulta minnha li jistrieħ kemm jista’ jkun fuq l-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tagħha jirriżulta li huwa għandu jafda wkoll lil din l-awtorità fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-fatti kkonstatati fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali. Għalkemm ir-rekwiżit ta’ “defin[izzjoni] bħala offiża kontra ċ-ċittadini [fid-dritt nazzjonali]” huwa meħtieġ mill-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, din il-klassifikazzjoni taqa’ fl-isfera stretta nazzjonali u hija indipendenti bħala tali, meta titwettaq, mill-implimentazzjoni tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

138    Fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-korrispondenza ta’ wħud mill-atti imputati lill-PKK mal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ att terroristiku, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, mill-kritika invokata insostenn ta’ dan il-motiv u eżaminat iktar ’il quddiem jirriżulta preċiżament li dan kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, fir-rigward tal-avvenimenti li għalihom huwa jikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ atti terroristiċi, data suffiċjenti sabiex iressaq argumenti insostenn tal-kontestazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, mill-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punti 62 u 80), jista’ jiġi dedott li l-espożizzjoni tal-avvenimenti li kienu l-bażi tal-atti tal‑2014, l-istess bħal dik tal-atti tal‑2015 sal‑2017, riprodotta b’mod identiku fid-deċiżjonijiet tal‑2019, kienet, ħlief għal dak li jikkonċerna l-avveniment li seħħ f’Awwissu 2014, kienet suffiċjentement motivata b'tali mod li r-rikorrent kellu informazzjoni suffiċjenti sabiex iressaq argumenti insostenn tal-kontestazzjoni tiegħu tal-klassifikazzjoni tal-avvenimenti kkonċernati bħala atti terroristiċi.

139    Sussegwentement jista’ jiġi kkunsidrat li, indipendentement mill-fatt li n-natura terroristika tal-għanijiet imfittxija mir-rikorrent hija kkontestata biss għal uħud mill-atti kkunsidrati mill-Kunsill, dawn il-kontestazzjonijiet ma jippermettux li jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet tal-Kunsill.

140    Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li kull wieħed mit-tipi ta’ atti msemmija fil-punti (a) sa (k) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jista’ jkun ta’ natura terroristika. Att, sabiex jiġi kklassifikat bħala “terrorista”, ma għandux jissodisfa l-ħdax-il kundizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

141    Minn dan jirriżulta li huwa irrilevanti, kif isostni r-rikorrent, li wħud mill-atti attribwiti lilu ma kkawżawx imwiet [punt a)], ma involvux l-użu ta’ armi tan-nar [punt f)], ma kkawżawx distruzzjoni estensiva [punt d)] jew li ma tawx lok għal ħtif ta’ persuni [punt c)], peress li, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li dawn l-atti kellhom għanijiet terroristiċi oħra fost dawk imsemmija fil-punti (a) sa (k) tal-Artikolu1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li, min-naħa l-oħra, atti oħrajn, fost dawk ikkunsidrati, kellhom wieħed jew l-ieħor minn dawn l-għanijiet.

142    B’mod partikolari, fir-rigward tal-atti kkunsidrati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl‑2001, għandu jitfakkar li l-Kunsill semmiehom bil-mod segwenti fl-espożizzjoni tal-motivi tal-atti tal‑2015 sal‑2017 u fid-deċiżjonijiet tal‑2019 (punt 16 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi):

–        il-ħtif ta’ turisti mill-Punent, fosthom diversi ċittadini tar-Renju Unit, fil-bidu tas-snin 1990;

–        l-attakk fuq ir-raffinerija fl‑1993–1994;

–        bejn l‑1993 u l‑1994, kampanja ta’ attakki fuq stabbilimenti turistiċi, li wasslet għall-mewt ta’ turisti barranin, fosthom ċittadini tar-Renju Unit;

–        bejn l‑1995 u l‑1999, theddid ta’ attakki fuq installazzjonijiet turistiċi Torok.

143    Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt, kif isostni r-rikorrent, li ma huwiex stabbilit li l-attakk tar-raffinerija mwettaq fl‑1993–1994 poġġa f’periklu l-ħajja umana skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, xorta jibqa’ l-fatt li ma huma kkontestati la d-distruzzjonijiet massivi kkawżati, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, u lanqas il-konsegwenza inevitabbli ta’ dawn id-distruzzjonijiet li huma t-telf ekonomiku kunsiderevoli, iċċitati iktar ’il fuq, bit-tqegħid f’perikolu ta’ ħajjiet umani, bħal waħda miż-żewġ konsegwenzi possibbli tad-distruzzjonijiet imsemmija. Bl-istess mod, anki jekk l-attakk fuq din ir-raffinerija ma jistax jiġi attribwit lir-rikorrent, hekk kif isostni, jista’ jiġi rrilevat li ġew ikkunsidrati atti oħra mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl‑2001 (ara l-punt 142 iktar ’il fuq), li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent la jikkontesta l-involviment tiegħu u lanqas l-għan terroristiku wieħed jew iktar segwit, inkluż l-attakki fuq il-ħajja ta’ persuni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma għandux raġun jikkonstesta li t-theddid ta’ attakki ta’ installazzjonijiet turistiċi Turki bejn l‑1995 u l‑1999 jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ atti terroristiċi fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jindika espliċitament fil-punt (i) it-“theddid li jitwettaq […] atti listjati taħt (a) għal (h)” bħall-attakki fuq il-ħajja jew distruzzjoni.

144    Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrent li jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-atti inkwistjoni bħala atti terroristiċi minħabba diverġenzi bejn id-definizzjoni tal-att terroristiku fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u dik li tinsab fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jiġifieri l-liġi tar-Renju Unit tal‑2000 kontra t-terroriżmu, tadotta l-istess definizzjoni f’żewġ stadji ta’ atti terroristiċi bħal dik li tinsab fl-imsemmija pożizzjoni komuni, billi tiddefinixxi dawn l-atti kemm abbażi tal-“għanijiet” segwiti kif ukoll abbażi tal-mezzi użati għal dan il-għan, u dawn l-“għanijiet” kif ukoll dawn il-mezzi jikkorrispondu fil-parti l-kbira tagħhom. Għaldaqstant, il-fatt li l-kriterju ta’ gravità huwa marbut mal-mezzi fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit (li jsemmi pereżempju l-vjolenza serja, id-dannu serju) u mal-“għanijiet” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (li jsemmi pereżempju l-fatt ta’ intimizzazzjoni serja ta’ popolazzjoni, tgħarraq serjament jew tkisser) huwa irrilevanti.

145    Fir-rigward tal-atti kkunsidrati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl‑2014, jista’ jiġi rrilevat, għall-finijiet ta’ kompletezza (ara l-punti 116 u 117 iktar ’il quddiem), li l-Kunsill ma identifikax speċifikament l-għanijiet terroristiċi segwiti minn kull wieħed minnhom, iżda konklużjoni ġenerali biss li telenka dawn l-għanijiet kollha (f’dan il-każ indikati taħt il-punti (a), (ċ), (d) u (f) sa (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931), kemm għall-atti indikati fl‑2001, kif ukoll għal dawk indikati fl‑2014, li jinsabu fl-espożizzjoni tal-motivi (punt 19 tal-Anness A). Huma, għaldaqstant, irrilevanti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-argumenti li permezz tagħhom il-Kunsill huwa kkritikat bil-fatt li qies li l-atti indikati fl‑2014 kienu jikkonsistu f’attakki fuq il-ħajja ta’ persuni (il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931), kienu taw lok għal użu ta’ armi (il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931) jew kienu kkawżaw distruzzjoni estensiva (il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931), li jikkorrispondu biss għal tlieta minn sebgħa għanijiet terroristiċi indikati, filwaqt li għandu jiġi speċifikat, barra minn hekk, li dawn l-għanijiet terroristiċi ġew validament indikati fir-rigward tal-atti kkunsidrati fid-deċiżjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit tal‑2001 (ara l-punt 143 iktar ’il fuq).

146    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq ilmotiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 1(6) talPożizzjoni Komuni 2001/931

147    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jżomm lill-persuna jew lill-entità kkonċernata f’din il-lista jekk jikkonkludi li hemm persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tagħha f’din il-lista, u għalhekk din iż-żamma tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fuq din il-lista. Għal dan il-għan, il-Kunsill għandu l-obbligu li jivverifika jekk, mid-data ta’ din l-inklużjoni inizjali, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iżjed li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 46 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2021, K.P., C‑458/19, EU:C:2019:316, punt 49).

148    Fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, l-eżitu sussegwenti rriżervat għad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari t-tħassir jew l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali minħabba fatti jew elementi ġodda jew minħabba tibdil fl-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 52 u tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 50).

149    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tibqa’ fis-seħħ jista’, fid-dawl taż-żmien li għadda u skont l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jkunx biżżejjed biex jiġi konkluż li kien jippersisti r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi. F’tali sitwazzjoni, b’mod partikolari jekk id-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ma kinitx is-suġġett ta’ reviżjoni mill-awtorità kompetenti, il-Kunsill għandu jibbaża ż-żamma ta’ isem din il-persuna jew din l-entità fil-listi ta’ ffriżar tal-fondi fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi iktar reċenti, li jindikaw li dan ir-riskju għandu jeżisti (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 52, 62 u 72; tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 40 u 50 ; tal‑20 ta’ Ġunju 2019, K.P., C‑458/15, EU:C:2019:522, punti 52, 60 u 61, u tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 51).

150    Il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għal dan l-obbligu ta’ aġġornament li huma l-mogħdija taż-żmien u l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi tal-każ huma ta’ natura alternattiva, u dan minkejja l-użu tal-konġunzjoni “u” fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 149 iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Unjoni setgħet għalhekk tafferma l-obbligu ta’ aġġornament tal-Kunsill billi tibbaża ruħha fuq iż-żmien li għadda, mingħajr ma neċessarjament tinvoka wkoll bdil fiċ-ċirkustanzi matul dan il-perijodu ta’ żmien (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 32 u 33), fejn xi drabi indikat ukoll li ż-żmien mgħoddi inkwistjoni jikkostitwixxi “fih innifsu” element li jiġġustifika dan l-aġġornament (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 176). Fil-fatt, is-sempliċi mogħdija ta’ żmien sinjifikattiv tista’ tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika aġġornament tal-evalwazzjoni tal-Kunsill, peress li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-persistenza ta’ riskju u għalhekk l-evoluzzjoni fiż-żmien ta’ dan ir-riskju. Bl-istess mod, diffiċilment jista’ jiġi injorat avveniment li jimmarka bidla importanti fiċ-ċirkustanzi, anki jekk dan iseħħ ftit xhur biss wara l-adozzjoni tal-att taż-żamma tal-inklużjoni.

151    Meta din tkun iġġustifikata mill-mogħdija taż-żmien jew mill-evoluzzjoni tal-fatti tal-każ, il-Kunsill jista’ jistrieħ, għall-aġġornament neċessarju tal-evalwazzjoni tiegħu, fuq elementi reċenti li ma jkunux ibbażati biss fuq deċiżjonijiet nazzjonali adottati mill-awtoritajiet kompetenti, iżda wkoll fuq sorsi oħra u, għalhekk, anki fuq l-evalwazzjonijiet tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 52, 62 u 72; tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 40 u 50; tal‑20 ta’ Ġunju 2019, K.P., C‑458/15, EU:C:2019:522, punti 52, 60 u 61 u tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 51).

152    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, b’risposta għall-argument imressaq mir-rikorrent fil-Kawża T‑316/14 RENV, dwar allegat obbligu ta’ reviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali u dwar il-ħtieġa ta’ appoġġ mill-Kunsill fuq dawn ir-reviżjonijiet, li huwa preċiżament għaliex is-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tipprevedix mekkaniżmu li jippermetti lill-Kunsill li jkollu, fil-każ ta’ bżonn, deċiżjonijiet nazzjonali, adottati wara l-inklużjoni inizjali, sabiex iwettaq tali reviżjonijiet skont l-Artikolu 1(6) tal-imsemmija pożizzjoni komuni, li ma jistax jitqies li din is-sistema teżiġi lill-Kunsill iwettaq dawn ir-reviżjonijiet esklużivament fuq il-bażi ta’ tali deċiżjonijiet nazzjonali, u dan sabiex ma jiġux indebitament ristretti l-mezzi li l-Kunsill għandu għal dan il-għan (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 63 u 64, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 45).

153    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-elementi iktar reċenti dwar l-evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, irrispettivament minn jekk jirriżultawx minn deċiżjonijiet nazzjonali jew sorsi oħra, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex issostanzjati, li jfisser li din il-qorti għandha tiżgura, taħt il-kontroll tal-legalità ta’ dawn il-motivi fuq il-mertu, li dawn l-atti jistrieħu fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u għandha tivverifika l-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom hija bbażata ż-żamma fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑54/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 118 u 119; tas‑26 ta’ Lulju 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑599/19 P, EU:C:2017:316, punt 52).

154    Għall-finijiet ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju, il-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra ż-żamma tagħha fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi kontenzjuża, tikkontesta l-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill jistrieħ sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet fattwali allegati u l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti kkonċernati (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 53). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tas-sistema ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il-Kunsill u l-Istati Membri stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-obbligu li jirriżulta minnha għall-Kunsill li juża kemm jista’ jkun possibbli l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, id-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet igawdu minn saħħa probatorja partikolari, u b’hekk jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-fatti mill-Kunsill u l-verifika tagħhom mill-qorti tal-Unjoni meta l-imsemmija fatti jkunu ġew stabbiliti minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

155    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-atti tal‑2014, l-atti tal‑2015 sal‑2017 kif ukoll id-deċiżjonijiet tal‑2019 ġewx adottati b’osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi ssir distinzjoni bejn dawn it-tliet tipi ta’ atti fid-dawl tal-elementi differenti meħuda inkunsiderazzjoni għall-aġġornament tal-evalwazzjoni mill-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi li jakkumpanjawhom.

a)      Fuq irreviżjoni mwettqa millKunsill flatti tal2014 (Kawża T316/14 RENV)

156    Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-atti tal‑2014 jirriżulta li, għall-finijiet taż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill ibbaża ruħu, fid-dawl tal-istorja tal-attivitajiet terroristiċi tar-rikorrent sa mis-sena 1984 u tal-waqfien mill-ġlied iddikjarati unilateralment minnu b’mod partikolari mis-sena 2009, mhux biss fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u Turki qabel l‑2009, iżda wkoll fuq il-fatt li d-digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001 li fuqu hija bbażata l-inklużjoni inizjali tal-PKK fuq din il-lista kien għadu fis-seħħ u fuq lista ta’ 69 avveniment li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011, li l-Kunsill qies li kienu jikkostitwixxi “atti terroristiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 attribwibbli lir-rikorrent (ara l-punti 11 u 12 iktar ’il fuq).

157    Ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill ma bbażax iż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, kif kien meħtieġ minnu skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, il-Kunsill ibbaża ruħu biss fuq informazzjoni qadima li rriżultat minn deċiżjonijiet nazzjonali u kkunsidrax d-diversi elementi ta’ informazzjoni reċenti pprovduti mir-rikorrent dwar il-proċess ta’ paċi li beda fl‑2012, il-waqfien mill-ġlied sussegwenti għalih, l-irtirar konsekuttiv tat-truppi tiegħu mit-territorju Tork kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fil-ġlieda kontra Daech, li wasslet sabiex isiru diversi talbiet fl‑2014 sabiex jitħassar mil-listi terroristiċi.

158    L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li għadda perijodu ta’ żmien twil bejn l-adozzjoni tad-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001 u dik tal-atti tal‑2014, li jiġġustifika fih innifsu aġġornament tal-evalwazzjoni tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tal-PKK.

159    It-tieni, jista’ jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu ta’ tlettax-il sena bejn l-adozzjoni tad-digriet tal‑2001 u dak tal-atti tal‑2014, seħħew diversi avvenimenti li jindikaw evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 149 iktar ’il fuq.

160    Huma invokati wkoll fl-atti tal‑2014 diversi waqfien mill-ġlied ddikjarati unilateralment mill-PKK fl‑2005, fl‑2006 u “mill‑2009” kif ukoll “pjan direzzjonali fi tliet stadji” għall-paċi stabbilita mill-PKK fl‑2003. Għalkemm l-espożizzjoni tal-motivi tal-atti tal‑2014 ma ssemmihomx, għandhom jissemmew ukoll in-negozjati ta’ paċi li seħħew bejn il-PKK u l-Gvern Tork fl‑2012 u fl‑2013 kif ukoll is-sejħa għall-paċi mnedija fil‑21 ta’ Marzu 2013 minn Abdullah Öcalan, fundatur u mexxej tal-PKK, it-tnejn li huma invokati mir-rikorrent (ara l-punti 167 sa 171 iktar ’il quddiem).

161    Għall-kuntrarju, il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-ġlieda kontra Daech ma tikkostitwixxix, f’dan l-istadju, avveniment li jimmarka żvilupp fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifika aġġornament, peress li, skont il-provi li jinsabu fil-fajl, din bdiet matul it-tieni semestru tal‑2014, jiġifieri wara l-adozzjoni tal-atti tal‑2014.

162    Minn dan isegwi li l-Kunsill kien obbligat jaġġorna l-evalwazzjoni tiegħu tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tar-rikorrent.

163    Sabiex jagħmel dan, il-Kunsill elenka numru kbir ta’ avvenimenti li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011, fosthom b’mod partikolari 17-il avveniment, li seħħew bejn is‑17 ta’ Jannar 2010 u d‑19 ta’ Ottubru 2011, li kienu sussegwenti għall-waqfien mill-ġlied iddikjarati unilateralment mill-PKK sa mill‑2009.

164    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), li dan l-aġġornament kien immotivat biżżejjed, u l-Qorti Ġenerali hija marbuta b’din l-evalwazzjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tal-motivi relatati mal-atti tal‑2014 kienu jippermettu lill-PKK ikun jaf ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill kien qies li, minkejja l-waqfien mill-ġlied iddikjarati unilateralment sa mis-sena 2009, ir-riskju ta’ involviment ta’ din l-organizzazzjoni f’attivitajiet terroristiċi kien għadu jeżisti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalhekk, l-elementi li jinsabu f’dawn l-espożizzjoni tal-motivi kienu suffiċjenti sabiex il-PKK ikun f’pożizzjoni li jifhem dak li ġie allegat fil-konfront tiegħu sabiex, jekk ikun il-każ, jikkontestah u sabiex jippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19P, EU:C:2021:316, punti 61 u 62).

165    Sussegwentement, jista’ wkoll jiġi rrilevat li r-rikorrent ikkontesta b’mod validu l-materjalità jew l-imputazzjoni fir-rigward tiegħu biss ta’ wħud mill-avvenimenti kkonċernati. Fil-fatt, anki jekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-persuna jew l-entità kkonċernata ma tistax tkun obbligata, għall-finijiet ta’ din il-kontestazzjoni, li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija għandha, tal-inqas, tindika speċifikament l-avvenimenti li hija tikkontesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑289/15, EU:T:2019:138, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ir-rikorrent jikkontesta speċifikament uħud biss mid‑69 avveniment. Bl-istess mod, fid-dawl tal-evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-osservanza mill-Kunsill tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ma jistax serjament jinħeba wara allegata assenza ta’ preċiżjoni tad-deskrizzjoni tal-avvenimenti inkwistjoni fl-espożizzjoni tal-motivi sabiex jallega li huwa ma jistax jippreżenta kontestazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax ikun ikkritikat li ma indikax is-sorsi tal-informazzjoni dwar l-avvenimenti kkunsidrati, peress li l-Kunsill ma huwiex marbut b’tali indikazzjoni, billi l-assenza ta’ din l-indikazzjoni ma tipprekludix lill-entità li l-inklużjoni tagħha hija miżmuma milli tifhem ir-raġunijiet għal din iż-żamma u li l-imsemmija entità tista’ titlob aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 64; ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 378 sa 380 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta, f’dan il-każ, li, b’mod partikolari fost is-17-il avveniment li seħħew bejn l‑2010 u l‑2011, ir-rikorrent ikkontesta biss numru limitat minnhom.

166    Għaldaqstant, jista’ jitqies, barra minn hekk, fid-dawl tal-klassifikazzjoni korretta tal-avvenimenti inkwistjoni bħala atti terroristiċi (ara l-punti 116, 117 u 146 iktar ’il fuq), li l-Kunsill osserva l-obbligu ta’ aġġornament tiegħu sal‑2011. Minn dan isegwi wkoll li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kritika indirizzata insostenn mill-Kunsill dwar id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2006 li pprojbixxa “KADEK” u “KONGRA-GEL” u dwar is-sentenzi tal-Qrati Torok dwar is-Sigurtà tal-Istat, li l-aħħar sentenzi li ttieħdu inkunsiderazzjoni huma tal‑2006.

167    Madankollu, bejn l‑2011 u l‑2014, terminu li, bħala tali, jista’ jitqies li ma jirrendix neċessarju aġġornament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata), intervjenew sejħa għall-paċi ta’ A. Öcalan kif ukoll negozjati ta’ paċi bejn il-PKK u l-awtoritajiet Torok (ara l-punt 160 iktar ’il fuq), li ma jissemmew la fl-atti tal‑2014 u l-espożizzjoni tal-motivi tagħhom, u lanqas fl-ittri li jikkomunikaw dawn l-atti lir-rikorrent.

168    Issa, tali elementi jikkaratterizzaw żvilupp fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifika evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni.

169    Qabelxejn, is-sejħa għall-paċi ta’ A. Öcalan ma kinitx dikjarazzjoni iżolata, iżda kienet tidħol f’kuntest ta’ negozjati mibdija għal diversi xhur fil-mument meta saret. B’hekk ma kienx hemm inkwistjoni sempliċi waqfien temporanju jew sospensjoni tal-attivitajiet terroristiċi, mid-definizzjoni tagħhom unilaterali, iżda kienu kkonċernati b’mod iktar wiesa’ negozjati ta’ paċi, li kienu ta’ natura bilaterali, li fil-kuntest tagħhom tali waqfien jew sospensjoni kienet iddikjarata. Għaldaqstant, hija irrilevanti l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kunsill, dwar it-theddida li tista’ tkompli tikkostitwixxi organizzazzjoni li fil-passat wettqet atti terroristiċi, minkejja s-sospensjoni tal-attivitajiet terroristiċi tagħha matul perijodu xi ftit jew wisq twil, jew saħansitra l-waqfien apparenti tagħhom (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 112). Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), li l-Kunsill kien immotiva validament il-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tar-rikorrent minkejja l-waqfien mill-ġlied iddikjarati, kif isostni l-Kunsill, dan kien billi bbaża ruħu fuq ir-riferiment għall-avvenimenti sussegwenti għall-waqfien mill-ġlied iddikjarati.

170    Sussegwentement, l-awtoritajiet tal-Unjoni, f’dan il-każ l-awtoritajiet għolja fil-qasam tal-politika esterna li huma r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mit-tkabbir u mill-politika Ewropea tal-viċinat, kienu huma stess irrikonoxxew dak li huma kienu kkwalifikaw bħala “proċess ta’ paċi”. Fil-fatt, fi stqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għat-tkabbir u għall-politika Ewropea għall-viċinat, kienu għamlu dikjarazzjoni konġunta li tilqa’ s-sejħa ta’ A. Öcalan li titlob lill-PKK iniżżel l-armi u jmur lura mill-fruntieri Torok, u inkoraġixxew lill-partijiet kollha sabiex jaħdmu bla heda sabiex iġibu l-paċi u l-prosperità liċ-ċittadini kollha tat-Turkija, u offrew appoġġ sħiħ għall-proċess ta’ paċi.

171    Fl-aħħar nett, jista’ jiġi rrilevat li dan il-proċess kien inbeda għal iktar minn sena fid-data tal-ewwel att tal‑2014 u għal iktar minn 18-il xahar fid-data tat-tieni att tal‑2014, mingħajr ma jirriżulta la mill-atti tal‑2014 u lanqas mill-atti tal-proċess ebda element li jippermetti li jitqies li kien hemm waqfien fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija atti.

172    Għandu jiġi ppreċiżat li, b’dan il-mod, u konformement mas-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punti 56, 57, 74 u 88), mis-silenzju tal-Kunsill ma huwiex dedott nuqqas ta’ motivazzjoni. Għall-kuntrarju, mill-fatt li l-Kunsill ma jsemmi ebda eżami jew teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi msemmija iktar ’il fuq jista’ jiġi dedott li r-reviżjoni mwettqa ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

173    Tali analiżi hija kkorroborata mill-fatt li l-Kunsill ma jagħmel l-ebda indikazzjoni espliċita tal-imsemmija elementi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, filwaqt li huwa sempliċement jinvoka b’mod ġenerali dikjarazzjonijiet ta’ waqfien ta’ attivitajiet terroristiċi u armati, li fir-rigward tagħhom għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li ma humiex l-uniċi inkwistjoni hawnhekk, peress li d-dikjarazzjoni kkonċernata ta’ A. Öcalan tifforma parti minn proċess ta’ paċi (ara l-punt 169 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, huma wasslu preċedentement, f’dak li jirrigwarda l-waqfien mill-ġlied tal‑2005 u tal‑2006 b’mod partikolari, li l-Kunsill jivverifika t-tkomplija tal-attivitajiet terroristiċi tal-PKK wara l-imsemmi waqfien mill-ġlied (ara l-punti 160 u 163 iktar ’il fuq), li ma kienx il-każ wara n-negozjata u d-dikjarazzjonijiet tal‑2012 u tal‑2013.

174    Barra minn hekk hija irrilevanti f’dan ir-rigward id-dikjarazzjoni ta’ A. Öcalan tal‑21 ta’ Marzu 2015, li titlob l-organizzazzjoni ta’ Kungress Kurd sabiex tiġi deċiża t-tmiem tal-ġlied armata, invokata mill-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu u li fil-fehma tiegħu turi li, qabel din id-data, ma kienet ittieħdet ebda deċiżjoni f’dan is-sens. Fil-fatt, għalkemm l-evalwazzjoni tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tista’ tinvolvi analiżi parzjalment prospettiva, hija ma tistax twassal sabiex tikkontesta l-ġurisprudenza stabbilita, inkluża dik fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li abbażi tagħha l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data ta’ adozzjoni tal-att (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il-Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li jistgħu jitqiesu biss elementi ta’ fatt li kienu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, Al Zoubi vs Il-Kunsill, T‑257/19, EU:T:2021:819, punt 58 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Minn dan isegwi li l-Kunsill kiser l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fatt li jwassal għall-annullament tal-atti tal‑2014, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat la l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 51 tal-Karta, invokat kontra t-teħid inkunsiderazzjoni biss tas-sentenzi tal-Qrati Torok dwar is-Sigurtà tal-Istat (ara l-punt 166 iktar ’il fuq), u lanqas li jiġu eżaminati t-tliet motivi sussegwenti invokati insostenn tat-talba għal annullament tal-atti tal‑2014.

b)      Fuq irreviżjoni mwettqa millKunsill flatti tal2015 sal2017 (Kawża T316/14 RENV)

176    Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Kunsill irrefera fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-atti tal‑2015 sal‑2017 elementi ġodda li kienu jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħu, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi.

177    B’mod partikolari, il-Kunsill semma deċiżjoni ġdida tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tat‑3 ta’ Diċembru 2014 kif ukoll, minbarra l-indikazzjoni għall-ewwel darba tad-dati tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali (1997 u 2001), ir-reviżjoni mwettqa minn dawn l-awtoritajiet fil‑21 ta’ Novembru 2013 u l-“fajl amministrattiv” tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti wkoll tal‑2013, filwaqt li ppreċiża l-avvenimenti li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet nazzjonali kkonċernati u dawk inklużi fil-fajl amministrattiv. Barra minn hekk, huwa bbaża ruħu għall-ewwel darba fuq diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi mogħtija bejn l‑2011 u l‑2014. Barra minn hekk, il-Kunsill indika li eżamina jekk kinux jeżistu elementi fil-pussess tiegħu li jimmilitaw favur l-irtirar ta’ isem il-PKK u, peress li ma sab xejn, qies li r-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni baqgħu validi (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

178    Ir-rikorrent jikkontesta l-avvenimenti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tar-Renju Unit tal‑2014 u jenfasizza li din ma ssegwix talba għat-tneħħija ta’ projbizzjoni li huwa ressaq, b’tali mod li din ma ġietx adottata abbażi tal-informazzjoni rilevanti kollha. Huwa jsostni, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Istati Uniti tal‑2013, li ma huwiex stabbilit li l-fajl amministrattiv tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti li għandu l-istess data huwa l-bażi tagħha. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-qrati Franċiżi tal‑2011, tal‑2013 u tal‑2014, ir-rikorrent jirrileva li huwa ma kienx parti fil-proċeduri li taw lok għall-imsemmija deċiżjonijiet, li, barra minn hekk, dawn ma kinux ibbażati fuq provi imparzjali, oġġettivi u sostanzjali, b’mod partikolari għaliex fil-parti l-kbira dawn joriġinaw minn informazzjoni li ġejja mit-Turkija, u li dawn huma bbażati fuq definizzjoni tal-att terroristiku usa’ minn dik tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll fuq atti attribwiti lir-rikorrent qabel l‑2007. Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), ir-rikorrent jiddeduċi li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi ma jikkostitwixxux bażi suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, peress li ma hijiex ikkontestata mill-appell tal-Kunsill, ma hijiex inkwistjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li ma kkunsidrax l-elementi ddettaljati u ssostanzjati minn dokumenti, ippreżentati fir-rikors tiegħu u fir-replika tiegħu, li skonthom huwa sieħeb importanti tal-forzi tal-koalizzjoni tal-Istati Uniti u tal-Ewropa fil-ġlieda kontra Daech.

179    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-elementi l-ġodda jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill żamm b’mod validu isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi fid-dawl tal-argumenti li jikkontestaw dan imressqa minn dan tal-aħħar, billi jinbeda minn dawk li jilmentaw li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2014.

180    Fl-atti tal‑2015 sal‑2017, il-Kunsill jippreċiża li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-elementi li ġejjin:

–        f’Mejju 2014, l-attakk fuq is-sit ta’ kostruzzjoni ta’ post militari ġdid li matulu ndarbu żewġ suldati;

–        f’Awwissu 2014, l-attakk fuq impjant tal-enerġija u l-ħtif ta’ tliet inġiniera Ċiniżi (punt 17 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi);

–        f’Ottubru 2014, l-avviż tal-PKK ta’ ksur tat-taħdidiet ta’ paċi mar-Repubblika tat-Turkija jekk din tal-aħħar ma tintervjenix kontra Daech (punt 18 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi).

181    Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2014 ġiet adottata minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, peress li din toriġina mill-istess awtorità li adottat id-digriet tal‑2001 (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). Għalhekk, għalkemm il-Kunsill ma huwiex obbligat jibbaża ruħu fuq elementi misluta minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex iżomm l-isem ta’ entità fuq il-listi ta’ ffriżar ta’ fondi (ara l-punti 151 u 152 iktar ’il fuq), xorta jibqa’ l-fatt li, meta huwa jibbaża ruħu tali deċiżjonijiet għall-finijiet ta’ din iż-żamma, l-elementi misluta minn dawn id-deċiżjonijiet jitqiesu li għandhom saħħa probatorja partikolari (ara l-punt 154 iktar ’il fuq).

182    Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), li r-riferiment għall-attakk ta’ Awwissu 2014 ma kienx immotivat biżżejjed, iżda li, mill-banda l-oħra, ir-riferiment għall-atti ta’ Mejju u ta’ Ottubru tal‑2014 kienu suffiċjentement motivati (punti 78 sa 80). Hija ddeċidiet ukoll li, sa fejn il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 103 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), li l-PKK kien ressaq argumenti intiżi li jikkontestaw l-imputabbiltà mogħtija lilu fir-rigward tal-avvenimenti msemmija fid-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal‑2014, kif deskritt fl-Anness A tal-atti tal‑2015 sal‑2017, kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħhom bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dan l-argument kien intiż li jikkontesta r-realtà tal-fatti msemmija kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, liema fatt ma kienx intiż biex jiġi stabbilit ksur mill-Kunsill tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, iżda biex tiġi kkontestata l-legalità ta’ dawn l-atti fuq il-mertu u sabiex b’dan il-mod jiġi fis-seħħ l-obbligu għall-Kunsill li jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati (punt 81).

183    F’dan il-każ, jista’ jiġi kkonstatat, wara r-risposta tar-rikorrent għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li dan jillimita ruħu li jikkontesta t-theddida ta’ ksur tat-taħdidiet ta’ paċi li bdew f’Ottubru 2014, billi sostna li huwa kien sempliċement avża lill-awtoritajiet Torok b’riskju ta’ falliment tan-negozjati ta’ paċi jekk huma ma jaġixxux kontra Daech, mingħajr ma heddidhom bi ksur ta’ dawn in-negozjati. Għall-kuntrarju, fil-proċess verbal tas-seduta ġie rreġistrat li r-rikorrent kien ammetta li l-atti mwettqa mill-gwerillieri Kurdi tal-Forzi għad-Difiża tal-Poplu (HPG) setgħu jiġu imputati lilu, li minnu jista’ jiġi dedott li huwa ma għadux jikkontesta l-attakk ta’ Mejju 2014. Fil-fatt, l-imputazzjoni lill-HPG u mhux lill-PKK kienet l-unika raġuni ta’ kontestazzjoni li r-rikorrent kien qajjem fir-rigward ta’ dan l-attakk fin-nota ta’ adattament tiegħu.

184    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li d-deċiżjoni tal‑2014 ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, minħabba li t-talba għat-tneħħija ta’ projbizzjoni li għaliha hija tirrispondi ma tirriżultax mill-PKK, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżitu ulterjorment irriżervat għad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni u li dak li jgħodd, f’dan ir-rigward, huwa t-tħassir jew l-irtirar eventwali jew, għall-kuntrarju, konferma ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali minħabba fatti jew elementi ġodda jew wara bidla fl-evalwazzjoni jew suppliment miżjud mal-imsemmija evalwazzjoni, iktar minn l-entità li qajmet din l-evalwazzjoni ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 52, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 30). Dan huwa iktar u iktar il-każ hawnhekk peress li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ibbaża d-deċiżjoni tiegħu tal‑2014 fuq diversi atti terroristiċi ġodda li seħħew fl‑2014, li tal-inqas wieħed minnhom ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent (ara l-punt 183 iktar ’il fuq). Jista’ jiġi rrilevat, fi kwalunkwe każ, li l-Kunsill indika, fl-espożizzjoni tal-motivi tiegħu (punt 12 tal-Anness A), li l-PKK stess kien talab mingħajr suċċess tliet darbiet (fl‑2001, fl‑2009 u fl‑2014) it-tneħħija tal-projbizzjoni tiegħu, u minn dan jista’ jiġi dedott li l-awtorità kompetenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod partikolari fl‑2014, l-argumenti mressqa u l-provi prodotti mill-PKK insostenn tat-talba tiegħu.

185    Minn dan isegwi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-klassifikazzjoni korretta tal-attakk ta’ Mejju 2014 bħala att terroristiku (ara l-punti 135 u 145 iktar ’il fuq), il-Kunsill b’mod validu qies involviment tal-PKK fl-atti terroristiċi sat‑13 ta’ Mejju 2014, liema data hija dik tal-att terroristiku mhux ikkontestat ikkunsidrat mid-Deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2014. Barra minn hekk, dan l-att seħħ wara l-avvenimenti tal‑2012 u tal‑2013 li ġew ikkunsidrati bħala li jiġġustifikaw aġġornament tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ involviment terroristiku.

186    Il-Kunsill, għalhekk, aġġorna b’mod validu l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskju ta’ involviment terroristiku sa Mejju 2014, li, f’termini ta’ “distanza fiż-żmien” fir-rigward tad-data tal-atti tal‑2015 sal‑2017, ta’ inqas minn ħames snin, inkluż għall-aħħar atti, huwa biżżejjed li jiġi kkunsidrat li r-reviżjoni skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 twettqet b’mod korrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-ġlieda kontra Daech mit-tieni parti tal‑2014, li dan tal-aħħar jippreżenta bħala avveniment li jimmarka bidla fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika aġġornament tal-evalwazzjoni tal-Kunsill (ara l-punt 178 iktar ’il fuq) u li l-Kunsill, ġustament, qies li ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, tali parteċipazzjoni hija konkomitanti tat-twissija msemmija iktar ’il fuq lill-awtoritajiet Torok, anki jekk din it-twissija ma għandiex il-portata indikata fl-atti tal‑2015 sal‑2017 (ara l-punt 183 iktar ’il fuq). Hija ma turix, għaldaqstant, xi flessibbiltà fir-relazzjonijiet tal-PKK mar-Repubblika tat-Turkija u ma timplikax, bħala tali, il-waqfien tal-kunflitt tiegħu ma’ dan l-Istat u tal-attivitajiet li jistgħu jitqiesu bħala terroristiċi mwettqa f’dan il-kuntest. Għaldaqstant, ma tistax tiġi dedotta minn dan il-fatt bidla ta’ natura tali li tobbliga lill-Kunsill jiżgura l-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tal-PKK.

188    Minn dan jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu jiġi miċħud sa fejn dan jirrigwarda l-atti tal‑2015 sal‑2017, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti li jikkritikaw lill-Kunsill minħabba l-fatt li bbaża ruħu fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani u Franċiżi li huma, min-naħa tagħhom, ibbażati fuq avvenimenti preċedenti għall‑2014.

c)      Fuq irreviżjoni mwettqa millKunsill filkuntest taddeċiżjonijiet tal2019 (Kawża T148/19)

189    Id-deċiżjonijiet tal‑2019 huma kważi identiċi għall-atti tal‑2015 sal‑2017. L-argumenti mressqa mir-rikorrent kontra dawn id-deċiżjonijiet huma, barra minn hekk, simili għal dawk li jikkontestaw ir-reviżjoni li ta lok għall-atti tal‑2015 sal‑2017.

190    L-unika differenza bejn l-atti tal‑2015 sal‑2017 u d-deċiżjonijiet tal‑2019 tikkonċerna biss id-Deċiżjoni 2019/1341, li fiha tissemma avveniment addizzjonali tat‑23 ta’ Ottubru 2017 attribwit lill-PKK. Dan jirrigwarda l-attakk ta’ vettura militari Torka permezz ta’ apparat splussiv fil-provinċja ta’ Nofsinhar ta’ Hakkari, li matulha nqatel suldat Tork (l-aħħar inċiż tal-punt 16 tal-espożizzjoni tal-motivi). Dan l-attakk hija ppreżentata bħala li tinsab fil-fajl amministrattiv tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal‑2019. Is-sors li wassal għal din l-informazzjoni, jiġifieri l-aġenzija tal-istampa Reuters, huwa ċċitat.

191    Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li r-rikorrent ma jikkontestax il-materjalità ta’ dan l-attakk, u lanqas li huwa l-awtur tiegħu, billi sempliċement jirrifjuta l-klassifikazzjoni tiegħu bħala att terroristiku fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għar-raġuni mhux rilevanti li l-imsemmi att jaqa’ fil-kuntest tal-kunflitt armat kontra r-Repubblika tat-Turkija (ara l-punti 134 u 135 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-referenza għal dan l-attakk fid-Deċiżjoni 2019/1341 hija mmotivata suffiċjentement (ara l-punt 231 iktar ’il fuq).

192    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-atti allegatament terroristiċi kkunsidrati għall-finijiet taż-żamma fil-listi kontenzjużi, li la l-materjalità tagħhom u lanqas l-imputazzjoni lir-rikorrent ma huma kkontestati minn dan tal-aħħar, ġew ikkonstatati minn awtorità nazzjonali li ma tistax tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jipprekludix lill-Kunsill milli validament jibbaża ruħu fuq tali atti fil-kuntest tar-reviżjoni tiegħu tar-riskju ta’ involviment terroristiku. Fil-fatt, waqt ir-reviżjoni tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ entità, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jibbaża ruħu fuq elementi kkonstatati f’deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T‑308/18, EU:T:2019:557, punt 150, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 143).

193    Għaldaqstant, ma huwiex determinanti f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 96 iktar ’il fuq, li l-klassifikazzjoni bħala awtorità kompetenti tiġi miċħuda lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti. Lanqas ma jaffettwa l-fatt li, kif jallega r-rikorrent, mid-deċiżjonijiet tal‑2019 ma jirriżultax b’mod ċar li l-avvenimenti kkonċernati kienu, minbarra li jidhru fil-fajl amministrattiv tal-Istati Uniti, il-bażi taż-żamma tal-identifikazzjoni tiegħu bħala organizzazzjoni terroristika wara r-reviżjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti.

194    Għandu jiġi nnotat ukoll li, b’differenza mill-Kawża T‑316/14 RENV, bl-eċċezzjoni tal-ħtif ta’ tliet inġiniera Ċiniżi, ir-rikorrent lanqas ma jikkontesta l-materjalità tal-atti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2014 jew il-parteċipazzjoni tiegħu fihom.

195    Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-attakk fuq l-impjant tal-enerġija li seħħ f’Awwissu 2014 u li wassal għall-ħtif ta’ tliet inġiniera Ċiniżi (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 78). Għalkemm ir-rikorrent ma jallegax din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fil-Kawża T‑148/19, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), din il-kunsiderazzjoni hija ta’ ordni pubbliku u l-partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

196    Minn dan isegwi, l-ewwel, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2019/25, li l-aħħar fatt imwettaq mill-PKK validament ikkunsidrat u kklassifikat bħala terrorista mill-Kunsill (ara l-punti 135 u 145 iktar ’il fuq) imur lura sa Mejju 2014, li jikkorrispondi għal distanza fiż-żmien ta’ madwar erba’ snin u nofs fil-konfront tal-imsemmija deċiżjoni, li ma kinitx tirrendi neċessarju aġġornament, kif jirriżulta mill-punt 167 iktar ’il fuq.

197    Barra minn hekk, dan il-fatt seħħ wara l-avvenimenti tal‑2012 u tal‑2013 li ġew ikkunsidrati bħala li jiġġustifikaw aġġornament tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ involviment terroristiku, li tista’ għalhekk titqies li twettqet korrettament f’dan ir-rigward.

198    Barra minn hekk, jista’ jiġi kkunsidrat, bħall-evalwazzjoni magħmula fir-rigward tal-atti tal‑2015 sal‑2017, li l-Kunsill validament qies li l-parteċipazzjoni tal-PKK fil-ġlieda kontra Daech wara l-attakk ta’ Mejju 2014 ma kinitx tikkostitwixxi bidla fiċ-ċirkustanzi ta’ natura tali li jobbligawha tiżgura l-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tal-PKK (ara l-punt 187 iktar ’il fuq). Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rikorrent isostni fil-Kawża T‑148/19, minħabba bidla oħra fiċ-ċirkustanzi, it-trasformazzjoni tal-Istat Tork fi Stat totalitarju li jwettaq atti oppressivi kontra l-poplu Kurd, u b’hekk tintwera l-kontinwità tal-ostilità tiegħu fir-rigward tal-awtoritajiet Torok. Barra minn hekk, peress li din l-oppressjoni hija invokata essenzjalment insostenn tal-argumenti tal-PKK dwar il-kunflitt armat kontra r-Repubblika tat-Turkija, hija ma tirriflettix żvilupp li jimplika, bħala tali, il-paċifikazzjoni tal-PKK.

199    L-istess jgħodd għad-dikjarazzjonijiet ta’ A. Öcalan li jindikaw id-disponibbiltà tiegħu għal negozjati politiċi u n-neċessità li tintlaħaq soluzzjoni demokratika minflok il-persistenza ta’ attitudnijiet kunflittwali u l-użu tal-vjolenza fiżika. Fil-fatt, indipendentement mill-formulazzjoni tagħhom ħafna inqas solenni u affermattiva mid-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal‑2013 u mill-fatt li l-PKK bl-ebda mod ma jissemma fiha, dawn id-dikjarazzjonijiet miġbura mill-avukati ta’ A. Öcalan u sussegwentement magħmula pubbliċi, bejn Mejju u Awwissu 2019, saru wara d-Deċiżjoni 2019/25.

200    Fir-rigward, it-tieni, tad-Deċiżjoni 2019/1341, l-aħħar fatt imwettaq mill-PKK validament ikkunsidrat u kklassifikat bħala terrorista mill-Kunsill (ara l-punt 191 iktar ’il fuq) huwa tal‑2017, jiġifieri inqas minn sentejn fir-rigward tal-imsemmija deċiżjoni, fatt li jikkostitwixxi a fortiori distanza fiż-żmien li ma tirrendix neċessarju aġġornament tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku.

201    Peress li, barra minn hekk, l-attakk tal‑2017 seħħ ħafna wara l-avvenimenti tal‑2012 u tal‑2013 u fil-bidu tal-parteċipazzjoni tal-PKK fil-ġlieda kontra Daech, jista’ wkoll jitqies li din l-attakk kien jiġġustifika li l-Kunsill, fi tmiem ir-reviżjoni tiegħu, jikkonferma l-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tal-PKK u jżomm l-inklużjoni kontenzjuża permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2019/1341 minkejja dawn l-avvenimenti u din il-parteċipazzjoni. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ A. Öcalan magħmula bejn Mejju u Awwissu 2019, dawn huma wisq reċenti fid-dawl tad-Deċiżjoni 2019/1341, adottata fit‑8 ta’ Awwissu 2019, sabiex jiġi ġġustifikat, f’dan l-istadju, aġġornament tal-evalwazzjoni tal-Kunsill, fl-assenza ta’ tnaqqis suffiċjenti fuq is-segwitu mogħti lil dawn id-dikjarazzjonijiet f’termini ta’ waqfien tal-vjolenza jew ta’ bidu ta’ proċess tal-paċi.

202    Minn dan isegwi li l-Kunsill osserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 waqt ir-reviżjoni tiegħu tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tal-PKK fid-Deċiżjonijiet tal‑2019.

203    Għalhekk mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu jintlaqa’ biss fir-rigward tal-atti tal‑2014 mingħajr ma hemm lok, għaldaqstant, li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 51 tal-Karta invokat biss fir-rigward tal-atti tal-2014 (ara l-punt 175 iktar ’il fuq), jew li jiġu eżaminati t-tliet motivi sussegwenti invokati insostenn tat-talba għall-annullament tal-imsemmija atti. Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu, għall-kuntrarju, jiġi miċħud fir-rigward tal-atti tal‑2015 sal‑2017 u tad-deċiżjonijiet tal‑2019.

4.      Fuq ilmotiv ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

204    Ir-rikorrent isostni li ż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi tikkostitwixxi mezz sproporzjonat sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, fid-dawl tal-bdil fiċ-ċirkustanzi mill‑2002 kif ukoll tar-riperkussjonijiet ta’ din l-inklużjoni fl-Istati Membri, inkluż f’termini ta’ libertà ta’ espressjoni u ta’ għaqda, fuq l-azzjonijiet politiċi tal-PKK u fir-rigward tal-Kurdi inġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrent jenfasizza li t-tul tal-inklużjoni inkwistjoni jidher illimitat u li jeżistu miżuri inqas restrittivi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

205    Fid-dawl tal-illegalità kkonstatata tal-atti tal‑2014, dan il-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ser ikun, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, eżaminat biss sa fejn jirrigwarda l-atti tal‑2015 sal‑2017 u d-deċiżjonijiet tal‑2019.

206    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt għall-proprjetà, il-libertà ta’ espressjoni jew id-dritt ta’ għaqda, ma jgawdux, fid-dritt tal-Unjoni, minn protezzjoni assoluta. Jistgħu jitpoġġew xi restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ dawn id-drittijiet, bil-kundizzjoni, l-ewwel, li dawn ikunu debitament iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mħaddna mill-Unjoni u, it-tieni, li dawn ma jikkostitwixxux, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, intervent sproporzjonat jew intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jitfakkar li l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni jew tal-entitajiet identifikati, skont ir-regoli previsti fir-Regolament Nru 2580/2001 u fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, bħala involuti fil-finanzjament tat-terroriżmu, ifittex għan ta’ interess ġenerali, peress li huwa jidħol fil-ġlieda kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li jikkawżaw l-atti terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri li jwasslu għall-iffriżar ta’ fondi ma humiex, bħala prinċipju, sproporzjonati, intollerabbli jew ta’ ħsara għas-sustanza tad-drittijiet fundamentali jew ta’ uħud minnhom.

209    Fil-fatt, dan it-tip ta’ miżuri huwa meħtieġ, f’soċjetà demokratika, sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-miżuri li jwasslu għall-iffriżar ta’ fondi ma humiex assoluti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 2580/2001 jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali jew jiġu ssodisfatti ċerti obbligi u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu, f’kundizzjonijiet speċifiċi, li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

210    Barra minn hekk, l-iffriżar ta’ fondi ma jikkostitwixxix miżura permanenti, peress li, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, iż-żamma tal-isem tal-persuni u tal-entitajiet fil-listi tal-iffriżar tal-fondi hija s-suġġett ta’ reviżjoni perijodika sabiex jiġi żgurat li jitħassru dawk li ma jissodisfawx iktar il-kriterji sabiex ikunu inklużi fihom (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 129).

211    Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li, sa fejn ġie kkunsidrat li l-Kunsill kien korrettament wettaq reviżjoni tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tar-rikorrent, fid-dawl b’mod partikolari tal-bidliet fiċ-ċirkustanzi allegati minn dan tal-aħħar, fl-atti tal‑2015 sal‑2017 (ara l-punt 188 iktar ’il fuq) u fid-deċiżjonijiet tal‑2019 (ara l-punt 202 iktar ’il fuq), jista’ jitqies li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie osservat.

212    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegata ineffettività tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi inkwistjoni u, għalhekk, in-natura allegatament mhux xierqa tagħhom, peress li ma pprekludewx il-vjolenza eżerċitata kontra l-Kurdi u ma wasslux għal riżoluzzjoni paċifika u demokratika tal-kunflitt bejn il-Kurdi u l-awtoritajiet Torok. Fil-fatt, dan ma huwiex l-għan tal-atti tal‑2015 sal‑2017 u tad-deċiżjonijiet tal‑2019, kif jirriżulta barra minn hekk minn uħud mit-titoli tagħhom li jirriproduċu dak tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-riferiment għall-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, għan li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent la fir-rigward tal-eżistenza tiegħu u lanqas fir-rigward tal-leġittimità tiegħu, li barra minn hekk huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 207 iktar ’il fuq.

213    Huma wkoll irrilevanti l-allegati effetti prodotti fuq il-Kurdi u, b’mod iktar ġenerali, fuq kull persuna li tixtieq tagħti l-appoġġ tagħha lill-Kurdi. Fil-fatt, l-atti tal‑2015 sal‑2017 u d-deċiżjonijiet tal‑2019 huma intiżi esklużivament għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-PKK, l-uniku wieħed imsemmi fl-annessi ta’ dawn l-atti u deċiżjonijiet, bħala parti involuta f’atti terroristiċi. Għalhekk, anki jekk l-aġir ikkritikat mir-rikorrent intiż kontra persuni mingħajr rabta miegħu, bħal arrest jew ostakoli għall-moviment liberu, ikun seħħ, kemm jekk isir minn awtoritajiet ta’ Stati Membri kif ukoll jekk isir mill-awtoritajiet Torok, li fir-rigward tagħhom l-atti tal‑2015 sal‑2017 u d-deċiżjonijiet tal‑2019 ma humiex imposti fuqu, dan l-aġir ma jistax jitqies li jirriżulta mill-imsemmija atti u deċiżjonijiet, li sempliċement jimponu ffriżar ta’ fondi, u għalhekk ma jippermettux li tiġi kkonstatata n-natura sproporzjonata tagħhom.

214    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li miżuri inqas restrittivi jippermettu l-ġlieda kontra t-terroriżmu, dan ma jispjegax fiex għandhom jikkonsistu tali miżuri. Il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk dawn jippermettux li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv bħall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi l-għan imfittex minnhom, jiġifieri l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 317 u 318).

215    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna l-atti tal‑2015 sal‑2017 u d-deċiżjonijiet tal‑2019.

5.      Fuq ilmotiv ibbażat fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

216    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’tali mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħhom u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217    Il-motivazzjoni hekk meħtieġa għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati mill-att fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li jingħataw spjegazzjonijiet. B’mod partikolari ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti u lanqas li tissodisfa b’mod iddettaljat il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-parti kkonċernata meta din tiġi kkonsultata qabel l-adozzjoni tal-att innifsu, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari ż-żamma tal-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, tivverifika n-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punti 52 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

219    Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, f’dan il-każ, kien obbligu tal-Kunsill li jipprovdi motivi suffiċjentement preċiżi u konkreti sabiex il-PKK ikun jista’ jkun jaf il-motivi invokati għall-finijiet taż-żamma tal-inklużjoni tiegħu fil-listi kontenzjużi u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

220    Ir-rikorrent iqajjem, essenzjalment, sitt ilmenti insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-atti kkontestati. Fid-dawl tal-fatt li ntlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal‑1997 u tal‑2001 u li ntlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni sa fejn dan jirrigwarda l-atti tal‑2014, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-ilmenti li jikkritikaw il-motivazzjoni ta’ dawn l-atti u dik dwar l-appoġġ fuq id-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti msemmija iktar ’il fuq. Għalhekk, b’mod partikolari, sa fejn, permezz ta’ wieħed mis-sitt ilmenti tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi ma vverifikax jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kinux ġew iggarantiti mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti meta huma adottaw id-deċiżjonijiet tagħhom tal‑1997 u tal‑2001, ser jiġu eżaminati biss iktar ’il quddiem ħames ilmenti insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill u dwar l-atti tal‑2015 sal‑2017 kif ukoll id-deċiżjonijiet tal‑2019.

221    L-ewwel, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi ma spjegax għaliex id-deċiżjonijiet nazzjonali li fuqhom huwa bbaża ruħu kienu deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

222    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill (T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punti 329 u 330), li l-Kunsill ma kellux l-obbligu li jispjega kif id-deċiżjoni nazzjonali li fuqha huwa bbaża ruħu kienet tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li kien biss jekk din il-klassifikazzjoni kienet ikkontestata b’mod iddettaljat mill-persuna jew l-entità kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva li żvolġiet quddiem il-Kunsill, li ma huwiex il-każ hawnhekk, li dan kellu jimmotiva iktar il-miżuri meħuda fir-rigward ta’ dan il-punt.

223    Fi kwalunkwe każ, fl-atti bejn l‑2015 u l‑2017 kif ukoll fid-deċiżjonijiet tal‑2019, fil-kuntest ta’ taqsima ddedikata speċifikament għall-“korrispondenza mar-rekwiżiti tal-awtorità nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931” fl-espożizzjoni tal-motivi, il-Kunsill ipprovda tali motivazzjoni, billi fakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li diġà kellha l-okkażjoni teżamina deċiżjonijiet simili maħruġa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit skont l-Artikolu 1(4) tal-imsemmija pożizzjoni komuni, sabiex jikkonkludi li hemm tali korrispondenza (punt 3).

224    Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li l-ewwel ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti għandu jiġi miċħud.

225    It-tieni, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi ma indikax il-motivi effettivi u preċiżi li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet nazzjonali meħuda inkunsiderazzjoni. Dan it-tieni lment huwa invokat fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha meħuda inkunsiderazzjoni fl-atti tal‑2015 sal‑2017 u biss fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti li ngħataw fl‑2013 u fl‑2019 fid-deċiżjonijiet tal‑2019.

226    It-tielet, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi ma indikax ir-raġunijiet effettivi u preċiżi li ġġustifikaw iż-żamma ta’ ismu fil-listi wara reviżjoni. Dan it-tielet ilment tqajjem biss fir-rigward tal-atti tal‑2015 sal‑2017.

227    Għandu jitfakkar, fir-rigward ta’ dawn it-tieni u t-tielet ilment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punti 76 sa 89), b’risposta għas-sitt u għas-seba’ aggravju tal-appell, li, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed mill-avvenimenti meħuda inkunsiderazzjoni, l-atti tal‑2015 sal‑2017 kienu mmotivati suffiċjentement, sa fejn dawn kienu jibbażaw ruħhom fuq id-deċiżjoni tar-Renju Unit tal‑2014 u sa fejn żammew isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, u l-Qorti Ġenerali hija marbuta b’din l-evalwazzjoni.

228    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal‑2019, li l-motivazzjoni tagħhom hija kkontestata bħala insuffiċjenti sa fejn huma bbażati fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, f’dan il-każ ir-reviżjonijiet imwettqa minn dawn l-awtoritajiet fl‑2013 u fl‑2019, għandha ssir distinzjoni bejn id-Deċiżjoni 2019/25 u d-Deċiżjoni 2019/1341.

229    Fil-fatt, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2019/25, sa fejn jirriżulta mill-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/1341 li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi mill-imsemmija deċiżjoni hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni indipendentement mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti (ara l-punti 196 u 198 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni allegata, li tikkonċerna biss dawn l-aħħar deċiżjonijiet.

230    Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2019/1341, sa fejn iċ-ċaħda tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/1341 hija bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-attakk tal‑2017 ikkunsidrat mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti waqt ir-reviżjoni tagħhom tal‑2019 (ara l-punti 191 u 200 iktar ’il fuq), għandu tiġi vverifikata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni li tikkonċerna din il-prova. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, sa fejn dan l-element jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huwa irrilevanti li ma ġiex ikkunsidrat minn awtorità kompetenti, l-istess bħalma huwa irrilevanti konsegwentement li, kif isostni r-rikorrent, mill-espożizzjoni tal-motivi tad-Deċiżjoni 2019/1341 ma jirriżultax b’mod ċar jekk l-imsemmi avveniment, bħala li jinsab fil-fajl amministrattiv tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal‑2019, serviex ukoll bħala bażi għad-deċiżjoni ta’ żamma tal-indikazzjoni terroristika adottata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fl‑2019.

231    Fir-rigward tal-fatti rilevanti li jiġġustifikaw iż-żamma fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tippreżupponi l-preċiżjoni tan-natura tagħhom, tad-data eżatta tagħhom (il-ġurnata) u tal-post tat-twettiq tagħhom, fejn ċerta approssimazzjoni hija permessa f’dan ir-rigward peress li tista’ tissemma r-reġjun jew il-provinċja u mhux neċessarjament il-belt eżatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punti 61, 62 u 78 sa 80). Issa, tali preċiżazzjonijiet jinsabu fl-espożizzjoni tal-motivi tad-Deċiżjoni 2019/1341, li ssemmi n-natura tal-attakk inkwistjoni (attakk ta’ vettura militari Torka permezz ta’ apparat splussiv), id-data tagħha (23 ta’ Ġunju 2017) u l-post fejn twettqet (il-provinċja tan-Nofsinhar ta’ Hakkari). L-allegazzjonijiet ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2019/1341 għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda.

232    Ir-raba’, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi ma vverifikax jekk l-atti eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali setgħux jiġu kklassifikati bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

233    Il-ħames, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jirriżulta mill-assenza ta’ prova tar-rilevanza tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit kif ukoll tad-deċiżjonijiet Franċiżi meħuda inkunsiderazzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-mogħtija taż-żmien.

234    Fir-rigward tal-aħħar żewġ ilmenti, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tesprimi formalment ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 143). Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li insuffiċjenza fl-eżami li wettaq il-Kunsill tikkostitwixxi żball li jivvizzja l-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’ s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 72).

235    Issa, f’dan il-każ, ir-raba’ u l-ħames ilment imressqa mir-rikorrent insostenn tal-motiv tiegħu bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jikkritikaw fir-realtà l-portata u l-kontenut tar-reviżjoni mwettqa mill-Kunsill għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kif barra minn hekk jirriżulta mir-riferiment magħmul mir-rikorrent għall-motivi preċedenti tiegħu bbażati fuq żbalji fuq il-mertu.

236    Għalhekk, l-osservanza mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu li jiżgura l-korrispondenza bejn l-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali u d-definizzjoni tal-att terroristiku li tinsab fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ir-raba’ ilment) ġiet eżaminata b’risposta għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

237    Dan jgħodd ukoll għall-obbligi tal-Kunsill fir-rigward tar-reviżjoni tal-listi inkwistjoni u tat-teħid inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward taż-żmien li għadda u tad-deċiżjonijiet nazzjonali meħuda wara dawk li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali (il-ħames ilment), li ġew eżaminati fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ntlaqa’ parzjalment mingħajr ma kien meħtieġ eżami tad-deċiżjonijiet Franċiżi għal dan il-għan.

238    Minn dan jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud essenzjalment, jiġifieri bl-eċċezzjoni tal-motivazzjoni tal-avveniment ta’ Awwissu 2014 ikkunsidrat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, meqjus bħala insuffiċjenti permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316) (ara l-punti 182 u 227 iktar ’il fuq).

6.      Fuq ilmotiv ibbażat fuq ilksur taddrittijiet taddifiża u taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

239    Ir-rikorrent jinvoka tliet ilmenti insostenn ta’ dan il-motiv. L-ewwel, il-Kunsill ma kkomunikalux, bi ksur tal-kriterji stabbiliti permezz tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), il-provi li fuqhom ibbażaw ruħhom l-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti. It-tieni, il-Kunsill lanqas ma wera li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew iggarantiti quddiem l-awtoritajiet Amerikani u Franċiżi. It-tielet, ir-rikorrent iqis li d-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew miksura wkoll minħabba n-nuqqas ta’ osservanza flagranti mill-Kunsill tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788).

240    Fir-rigward tal-ewwel ilment, ladarba ġiet ikkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed, li permezz tagħha l-entità milquta minn miżura restrittiva setgħet tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar l-elementi inkriminanti kkunsidrati fil-konfront tagħha mill-Kunsill, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-Kunsill huwa obbligat jagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tiegħu. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2001, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 367 u l-ġurisprudenza ċċitata).

241    F’dan il-każ, minn naħa, informazzjoni suffiċjentement preċiża ġiet ikkomunikata lir-rikorrent fir-rigward tal-elementi użati għall-finijiet taż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi fl-espożizzjoni tal-motivi annessi mal-atti tal‑2015 sal‑2017 u mad-deċiżjonijiet tal‑2019, eżaminati hawnhekk biss għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju fid-dawl tal-illegalità kkonstatata tal-atti tal‑2014. Min-naħa l-oħra, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ipproduċa, fir-rigward ta’ dawn l-atti u deċiżjonijiet, ittra waħda, tas‑6 ta’ Marzu 2015 u mibgħuta lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tal-atti tal‑2015. Din l-ittra, fir-rigward tal-avvenimenti meħuda mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti kkunsidrati mill-Kunsill għall-finijiet taż-żamma fil-listi kontenzjużi, huma biss inkwistjoni fil-motiv, sa fejn ir-rikorrent jista’ jikkontesta l-materjalità u l-imputazzjoni li saritlu biss ta’ dawn l-avvenimenti (ara l-punti 37 u 80 iktar ’il fuq), sempliċement jilmenta dwar l-assenza ta’ dettalji addizzjonali (ir-raba’ u s-sitt paragrafu tal-ittra), li jipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ dawn l-avvenimenti bħala atti terroristiċi. Issa, tali riferiment huwa marbut mal-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ atti terroristiċi, u mhux ma’ dik tal-imputazzjoni jew tar-realtà tal-avvenimenti inkwistjoni, li tista’ tiġġustifika l-komunikazzjoni tal-provi relatati. Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat li dan ir-riferiment jikkostitwixxi talba għal aċċess, anki impliċita, dan iwassal sabiex jiġi kkontestat il-prinċipju ta’ aċċess b’eċċezzjoni u fuq talba, peress li l-komunikazzjoni spontanja tal-elementi tal-fajl titqies li tikkostitwixxi rekwiżit eċċessiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 97).

242    Minn dan isegwi li f’dan il-każ il-Kunsill ma għandux l-obbligu li jikkomunika lir-rikorrent il-provi rilevanti li ma ntalbux minn dan tal-aħħar, b’tali mod li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

243    Fir-rigward tat-tieni lment, jista’ jiġi rrilevat li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti, dan l-ilment jikkoinċidi ma’ dak invokat insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jilmenta li l-Kunsill ma vverifikax jekk dawn id-deċiżjonijiet ġewx adottati b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Peress li dan l-aħħar ilment intlaqa’ (ara l-punt 96 iktar ’il fuq), sa fejn jikkostitwixxi l-istess kritika fil-konfront tal-Kunsill, hemm lok li dan l-ilment jintlaqa’ ukoll.

244    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet Franċiżi, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ilment inkwistjoni, peress li dan ir-rikors jista’ jiġi deċiż mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara l-punt 188 iktar ’il fuq).

245    Fir-rigward tat-tielet ilment invokat fil-Kawża T‑148/19 biss, li jsostni l-ksur mill-Kunsill tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), għandu jiġi ppreċiżat li, wara domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent indika li l-ilment tiegħu seta’ jiġi interpretat bħala bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, u dan ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta. Barra minn hekk, il-Kunsill ma kkontestax din l-interpretazzjoni tal-ilment.

246    Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Dan l-obbligu huwa impost fuqha minn meta tingħata s-sentenza ta’ annullament meta din tannulla deċiżjonijiet — bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, peress li, fost l-atti tal‑2014 u tal‑2015 sal‑2017 annullati permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), hemm diversi deċiżjonijiet — bid-differenza tas-sentenzi li jannullaw regolamenti, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jidħlu fis-seħħ biss mal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell jew, fil-każ li dan l-appell jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Klyuyev vs Il-Kunsill, T‑731/15, EU:T:2018:90, punti 259 sa 262 u l-ġurisprudenza ċċitata).

247    B’mod iktar preċiż, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-illegalità kkonstatata fil-motivi ta’ sentenza ta’ annullament tobbliga lill-istituzzjoni awtriċi tal-att telimina din l-illegalità fl-att intiż li jissostitwixxi l-att annullat. Madankollu, dan l-obbligu jista’ wkoll, sa fejn jirrigwarda dispożizzjoni ta’ kontenut partikolari f’qasam partikolari, iwassal għal konsegwenzi oħra għal din l-istituzzjoni, fosthom dik li teskludi testi ġodda li għandhom jintervjenu wara s-sentenza ta’ annullament kull dispożizzjoni li jkollha l-istess kontenut bħal dik meqjusa illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punti 28 u 29).

248    Għalhekk, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑2019, sabiex josserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 266 TFUE, jekk kellu l-intenzjoni jżomm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill kien obbligat jadotta att ta’ inklużjoni mill-ġdid konformi mal-motivi tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788). Tali obbligu kien impost fuq il-Kunsill, fid-dawl b’mod partikolari tal-atti ikkonċernati f’dan il-każ, li l-effetti tiegħu huma limitati għal perijodu ta’ żmien definit li jfisser li l-Kunsill ma għandux għalfejn jissostitwixxi l-att annullat għall-perjodu kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 29) u li, barra minn hekk, fir-rigward tar-reviżjoni tal-persistenza ta’ riskju ta’ involviment terroristiku skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huwa spiss ikkaratterizzat permezz tar-riproduzzjoni fl-atti sussegwenti tal-motivi li jinsabu fl-atti preċedenti, b’mod aġġornat jekk ikun il-każ. Fil-fatt, mingħajr dan l-obbligu, l-annullament deċiż mill-qorti tal-Unjoni ma jipprekludix ir-repetizzjoni fl-atti sussegwenti tal-motivi vvizzjati b’illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bank Tejarat vs Il-Kunsill, T‑346/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:164, punt 31) u b’hekk ikun mingħajr effett utli.

249    Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill irriproduċa fid-deċiżjonijiet tal‑2019 l-istess motivi bħal dawk li huwa kien adotta fl-atti tal‑2015 sal‑2017 u li kienu ġew iċċensurati mis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788). Ċertament, il-Kunsill appella minn din is-sentenza. Madankollu, dan l-appell ma kienx, fir-rigward tal-effetti tal-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, sospensiv u ma kienx akkumpanjat b’talba, li l-Kunsill seta’ jippreżenta, intiża għas-sospensjoni tal-effetti tas-sentenza ta’ annullament. Tali rifjut mill-Kunsill li jislet il-konsegwenzi tar-res judicata huwa ta’ natura li jippreġudika l-fiduċja li l-individwi għandhom fir-rispett tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

250    Il-ksur mill-Kunsill tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 266 TFUE ma jistax madankollu jwassal f’dan il-każ għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal‑2019. Fil-fatt, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), ġiet annullata mis-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), b’mod partikolari sa fejn hija stess kienet annullat l-atti tal‑2015 sal‑2017. Fid-dawl tan-natura retroattiva ta’ dan l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal‑2019 ma tistax tiġi kkontestata iktar abbażi ta’ ksur mill-Kunsill tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788) (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ April 2014, Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill, T‑263/12, mhux ippubblikat, EU:T:2014:228, punt 37). Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

251    Madankollu, minkejja ċ-ċaħda ta’ dan it-tielet ilment, jibqa’ l-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑2019 u tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑148/19, il-Kunsill kien obbligat li jislet il-konsegwenzi tal-illegalitajiet ikkonstatati mis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), billi ma inkludiex il-motivi vvizzjati b’dawn l-illegalitajiet fl-espożizzjoni tal-motivi. Minħabba f’dan il-fatt, ir-rikorrent seta’ jemmen li kellu raġun li jressaq dan ir-rikors, u dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu deċiżi l-ispejjeż.

252    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jintlaqa’ biss sa fejn jilmenta li l-Kunsill ma vverifikax jekk id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti ġewx adottati fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

7.      Konklużjoni

253    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li ntlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fir-rigward tal-atti tal‑2014, dawn għandhom jiġu annullati.

254    Għall-kuntrarju, in-natura parzjalment fondata tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma tistax twassal għall-annullament tal-atti tal‑2015 sal‑2017 u tad-deċiżjonijiet tal‑2019. Fil-fatt, l-illegalitajiet korrispondenti, kemm jekk jikkonċernaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal‑1997 u tal‑2001 jew l-avveniment ta’ Awwissu 2014 attribwit lill-PKK, ma jippermettux li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-persistenza ta’ riskju ta’ involviment terroristiku tal-PKK, li tibqa’ validament ibbażata fuq iż-żamma fis-seħħ tad-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit kif ukoll, skont il-każ, fuq avvenimenti oħra li seħħew fl‑2014 jew fatt li seħħ fl‑2017. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ukoll il-kap tat-talbiet imqajjem fil-Kawża T‑148/19, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kunsill jadotta miżura inqas restrittiva mill-inklużjoni fil-listi kontenzjużi, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-kap tat-talbiet.

IV.    Fuq lispejjeż

255    Skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza. Skont l-Artikolu 219 tal-imsemmija regoli, hija l-Qorti Ġenerali, meta tiddeċiedi wara annullament u rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, minn naħa, relatati mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 134(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu, u kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom.

256    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), annullat is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), u rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant, f’din is-sentenza, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż relatati mal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T‑316/14), mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C‑46/19 P), din il-proċedura ta’ rinviju (Kawża T‑316/14 RENV) kif ukoll dawk relatati mal-Kawża T‑148/19.

257    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrent huwa fondat li jitlob l-annullament tal-atti tal‑2014, iżda tilef it-talbiet tiegħu relatati mal-atti kkontestati l-oħra kollha.

258    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal‑2019, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji. Skont il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura meta istituzzjoni tal-Unjoni tkun iffavorixxiet, bl-aġir tagħha, il-ħolqien tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2019, Ertico – ITS Europe vs Il-Kummissjoni, T‑604/15, EU:T:2019:348, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 249 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu li jislet il-konsegwenzi tal-illegalitajiet ikkonstatati mis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑2019 seta’ jwassal lir-rikorrent sabiex jippreżenta r-rikors fil-Kawża T‑148/19.

259    Għalhekk, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi kollha jekk ir-rikorrent u l-Kunsill jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta ma’ kull waħda mill-istanzi msemmija fil-punt 256 iktar ’il fuq.

260    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-istanzi li fihom ħadu sehem.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014,tal10 ta’ Frar 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014 tat22 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014, huma annullati sa fejn jikkonċernaw il-Kurdistan Workers’ Party (PKK).

2)      Il-kumplament tar-rikors fil-Kawża T316/14 RENV huwa miċħud.

3)      Ir-rikors fil-Kawża T148/19 huwa miċħud.

4)      Il-PKK u il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawżi T316/14, C46/19 P, T316/14 RENV u T148/19.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit‑30 ta’ Novembru 2022.

Firem


Werrej



*       Lingwa tal-kawża: l-Ingliż