Language of document : ECLI:EU:C:2021:804

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI – Eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku – Artikolu 5(1) – Reati li jagħtu lok għar‑rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt – Artikolu 5(3) – Reati li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru għandu l-possibbiltà li jissuġġetta r-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni għall-kriminalità doppja tal-fatt – Stħarriġ mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-klassifikazzjoni legali mogħtija lir‑reat mill-Istat Membru emittenti fiċ-ċertifikat li jakkumpanja d-deċiżjoni ta’ sanzjoni”

Fil-Kawża C‑136/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa miż-Zalaegerszegi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Zalaegerszeg, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura marbuta mar-rikonoxximent u mal-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja imposta fuq

LU,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatriċi), Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, C. Toader u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de La Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Machovičová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Leeb, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u L. Havas, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU 2006, L 159M, p. 256), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2005/214”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Bezirkshauptmannschaft Weiz (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Weiz, l-Awstrija) dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fl-Ungerija, ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni pekunjarja imposta fuq LU, ċittadina Ungeriża, minħabba reat imwettaq minnha fl-Awstrija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Fi kliem il-premessi 1, 2 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214:

“(1)      Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999 approva l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali fl-Unjoni.

(2)      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali.

[…]

(4)      Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati tat-traffiku tat-triq.”

4        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]:

(a)      ‘deċiżjoni’ tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:

[…]

(ii)      awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

(iii)      awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

[…]”

5        Fi kliem l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas:

“Deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat kif previst f’dan l-Artikolu, jista’ jiġi trasmess lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew id-dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha.”

6        L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fit-tlieta u tletin inċiż tal-paragrafu 1 tiegħu, kif ukoll fil-paragrafu 3 tiegħu:

“1.      Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

[…]

–      kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar-regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar-regolamenti dwar merkanzija perikoluża,

[…]

3.      Fir-rigward ta’ reati oħra mhux koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel li r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-deċiżjoni tkun relatata ma’ kondotta li tikkostitwixxi reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew mil-mod kif inhi deskritta.”

7        L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi:

“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.”

8        Fi kliem l-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ esekuzzjoni”:

“1.      L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jesegwixxu d-deċiżjoni jekk iċ-ċertifikat stipulat fl-Artikolu 4 mhuwiex prodott, mhuwiex komplet jew ma jikkorrispondix b’mod evidenti mad-deċiżjoni.

2.      L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta li tirrikonoxxi u li tesegwixxi d-deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li:

[…]

(b)      f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3), id-deċiżjoni tikkonċerna atti li ma jikkostitwixxux reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

[…]

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2(ċ), (g), (i) u (j), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezzi xierqa, u għandha, fejn xieraq, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.”

9        L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, intitolat “Implimentazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika”.

10      Iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u li jinsab fl-anness tagħha jinkludi, b’mod partikolari, entrata (g) li fiha l-awtorità emittenti għandha tindika n-natura tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni (punt 1), tipprovdi sunt tal-fatti u deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom twettaq ir-reat (punt 2) u, sa fejn dan ir-reat jikkostitwixxi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, timmarka il-każ korrispondenti.

 Id-dritt Ungeriż

11      L-Artikolu 112 tal-az Európai Unió tagállamaival folytatott bűnügyi együttműködérġl szóló 2012. évi CLXXX. törvény (il-Liġi Nru CLXXX tal‑2012 dwar il-kooperazzjoni f’materji kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-assistenza ġudizzjarja reċiproka fil-qasam tal-eżekuzzjoni [tinkludi:]

[…]

c)      [l-]assistenza ġudizzjarja għall-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja jew ta’ obbligu pekunjarju ieħor;

[…]”

12      Skont l-Artikolu 113 ta’ din il-liġi, ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sanzjoni jew tal-miżura tista’ tittieħed meta s-sentenza tal-Istat Membru tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni.

13      L-Artikolu 140/A(3) u (4) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“3.      Għat-tipi ta’ reati ddefiniti fl-Anness 12, il-qorti ma tistax tirrifjuta li tieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sanzjoni pekunjarja ta’ Stat Membru minħabba li d-deċiżjoni tal-imsemmi Stat Membru ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni minħabba kriminalità doppja.

4.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom japplikaw ukoll b’analoġija meta l-awtorità tal-Istat Membru titlob it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja imposta f’dan l-Istat għal aġir li, fl-imsemmi Stat, jikkostitwixxi reat amministrattiv. […]”

 Id-dritt Awstrijak

14      L-Artikolu 103(2) tal-Bundesgesetz vom 23. Juni 1967 über das Kraftfahrwesen (Kraftfahrgesetz 1967 – KFG. 1967) (il-Liġi Federali dwar il-Vetturi bil-Mutur 1967), tat-23 ta’ Ġunju 1967 (BGBl. 267/1967), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KFG 1967”), jipprovdi:

“L-awtorità tista’ titlob informazzjoni dwar l-identità tal-persuna li, f’mument partikolari, saqet vettura identifikata permezz tar-reġistrazzjoni tagħha jew użat karru identifikat permezz tar-reġistrazzjoni tiegħu jew li pparkjat il-vettura jew il-karru fl-aħħar lok f’post preċiż qabel mument speċifiku. Din l-informazzjoni, li għandha tinkludi l-isem u l-indirizz tal-persuna kkonċernata, għandha tiġi kkomunikata mid-detentur tar-reġistrazzjoni – fil-każ ta’ sewqan bi prova jew sewqan marbut ma’ trasferiment ta’ vettura, mid-detentur tal-awtorizzazzjoni; jekk dan id-detentur ma jkunx jista’ jikkomunika din l-informazzjoni, huwa għandu jindika l-persuna li tkun f’pożizzjoni li tagħmel dan u li, għalhekk, hija d-destinatarja tal-obbligu ta’ informazzjoni; l-informazzjoni pprovduta mill-persuna marbuta bl-obbligu ta’ informazzjoni ma teżentax lill-awtorità milli tivverifikaha meta dan ikun jidher neċessarju fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. L-informazzjoni għandha tiġi trażmessa immedjatament, u fil-każ ta’ talba bil-miktub, fi żmien ġimagħtejn min-notifika; jekk din l-informazzjoni ma tistax tiġi pprovduta mingħajr reġistrazzjonijiet korrispondenti, dawn għandhom isiru. Is-setgħa tal-awtorità li teżiġi tali informazzjoni tipprevali fuq id-dritt għas-silenzju.”

15      Bis-saħħa tal-Artikolu 134(1) tal-KFG 1967:

“Kull min jikser din il-liġi federali […] iwettaq reat amministrattiv u huwa suġġett għal multa sa massimu ta’ EUR 5 000 u, f’każ li din ma tkunx tista’ tiġi mħallsa, għal piena ta’ priġunerija sa massimu ta’ sitt ġimgħat […]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Permezz ta’ avviż ta’ kontravenzjoni tas-6 ta’ Ġunju 2018, li sar definittiv fl-1 ta’ Jannar 2019, l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Weiz imponiet fuq LU, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 103(2) u tal-Artikolu 134(1) tal-KFG 1967, sanzjoni pekunjarja fl-ammont ta’ EUR 80, minħabba li din tal-aħħar, detentriċi tar-reġistrazzjoni ta’ vettura involuta f’reat stradali mwettaq fit-28 ta’ Diċembru 2017 fit-territorju tal-komun ta’ Gleisdorf (l-Awstrija), kienet wettqet reat amministrattiv billi ma weġbitx, fit-terminu previst mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, għat-talba tagħha sabiex tindikalha l-isem tal-persuna li kienet qiegħda ssuq jew li kienet ipparkjat l-imsemmija vettura.

17      L-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Weiz, bħala l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, bagħtet id-deċiżjoni ta’ sanzjoni pekunjarja liż-Zalaegerszegi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Zalaegerszeg, l-Ungerija), awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fiċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 li akkumpanja l-imsemmija deċiżjoni, l-awtorità amministrattiva tal-Istat emittenti kienet indikat li r-reat amministrattiv li ta lok għall-avviż ta’ kontravenzjoni tas-6 ta’ Ġunju 2018 kien jaqa’ taħt il-kategorija ta’ reati ta’ “kondotta li tikser il-kodiċi tat-triq”, previsti fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

18      Iż-Zalaegerszegi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Zalaegerszeg) għandha dubji dwar il-possibbiltà li tilqa’ t-talba tal-awtorità emittenti sabiex teżegwixxi d-deċiżjoni ta’ sanzjoni fl-Ungerija, fid-dawl tal-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat li ta lok għall-avviż ta’ kontravenzjoni tas-6 ta’ Ġunju 2018 bħala “kondotta li tikser il-kodiċi tat-triq” li saret minn din l-awtorità. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk dan ir-reat jaqax effettivament fil-kategorija ta’ reati previsti fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

19      Il-qorti tar-rinviju taċċetta li, fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji) (C‑671/18, EU:C:2019:1054), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja relatata ma’ reat stradali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, meta tali sanzjoni tkun ġiet imposta fuq il-persuna li f’isimha tkun irreġistrata l-vettura inkwistjoni abbażi ta’ preżunzjoni ta’ responsabbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat emittenti, sa fejn din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata.

20      Madankollu, dik il-qorti tosserva li, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, is-sanzjoni kienet ġiet adottata wara ksur tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-traffiku tat-triq.

21      Issa, is-sitwazzjoni hija differenti fil-kawża prinċipali, peress li l-fatti li bihom hija akkużata LU jikkostitwixxu rifjut ta’ konformità ma’ ordni tal-awtoritajiet Awstrijaki kompetenti sabiex tindika l-identità tal-persuna li kienet qiegħda issuq il-vettura fil-mument tat-twettiq tar-reat iktar milli “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq”, fis-sens tat-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-reat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ ma jaqa’ taħt ebda waħda minn dawk li jagħtu lok għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt.

23      Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tal-imsemmi reat bħala “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” tikkostitwixxi interpretazzjoni ferm estensiva tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u tmur kontra l-għan ta’ din tal-aħħar.

24      Fil-kuntest ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, iż-Zalaegerszegi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Zalaegerszeg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2005/214] dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji għandha tiġi interpretata fis-sens li, ladarba l-Istat Membru emittenti jkun ikklassifika l-aġir issanzjonat taħt waħda mill-klassifikazzjonijiet elenkati fil-lista prevista f’din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkollux iktar marġni diskrezzjonali li permezz tiegħu huwa jkun jista’ jirrifjuta l-eżekuzzjoni u għandu għalhekk jipproċedi bl-eżekuzzjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tqis li l-klassifikazzjoni tal-aġir li tkun saret mill-Istat Membru emittenti fid-deċiżjoni tiegħu ma tkunx tikkorrispondi għar-reat li jinsab fil-lista hawn fuq imsemmija?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Il-Gvern Awstrijak isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk ir-risposta għad-domandi preliminari hijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

26      Fil-fatt, skont l-imsemmi gvern, dawn id-domandi huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qorti tar-rinviju tistax tirrifjuta li teżegwixxi d-deċiżjoni ta’ sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 7(2)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li jimplika qabelxejn li jiġi eżaminat jekk ir-reat allegat fil-konfront ta’ LU jaqax taħt wieħed minn dawk imsemmija fil-lista li tinsab fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas u, fin-negattiv, jekk dan jikkostitwixxix reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

27      Issa, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix li jiġi vverifikat jekk din il-kundizzjoni tal-aħħar hijiex issodisfatta, peress li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx jekk ir-reat imwettaq minn LU jikkostitwixxix reat fid-dawl tad-dritt Ungeriż.

28      F’dan ir-rigward, huwa veru li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mressqa għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 45).

29      Madankollu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt, C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 25).

30      Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi bħala li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt, C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 26).

31      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

32      It-tieni, għandu jitfakkar li, peress li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma hijiex intiża sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali, il-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tkunx perfettament preċiża fid-deskrizzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali ma jistax ikollu l-effett li jċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher, C‑213/04, EU:C:2005:731, punt 33).

33      It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tippermetti li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk l-awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tqiegħed f’dubju l-klassifikazzjoni legali ta’ reat li tkun saret mill-awtorità emittenti, li skontha l-imsemmi reat jaqa’ taħt il-lista prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 sa 30 ta’ din is-sentenza, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

35      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi deċiżjoni li timponi b’mod definittiv sanzjoni pekunjarja meta hija tqis li r-reat inkwistjoni, kif ikklassifikat u deskritt mill-awtorità tal-Istat Membru emittenti fiċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jaqax taħt waħda mill-kategoriji li għalihom l-imsemmi Artikolu 5(1) ma jipprevedix il-verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 6 tagħha u kif ukoll mill-premessi 1 u 2 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandha l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmu effettiv għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni transkonfinali ta’ deċiżjonijiet li jimponu b’mod definittiv sanzjoni pekunjarja fuq persuna fiżika jew ġuridika b’riżultat tat-twettiq ta’ wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 5 tagħha (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għalhekk, din id-deċiżjoni qafas hija intiża, mingħajr ma tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar id-dritt kriminali, li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji fi ħdan dawn l-Istati permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 49).

38      Huwa għalhekk il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li jikkostitwixxi l-bażi tal-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Dan il-prinċipju tal-aħħar jimplika, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li l-Istati Membri huma bħala prinċipju marbuta li jirrikonoxxu deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja li tkun ġiet trażmessa skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra, u li jieħdu mingħajr dewmien il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha, filwaqt li r-raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li dawn jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019, ET, C‑97/18, EU:C:2019:7, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-kuntest, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata, bħala prinċipju, li tirrikonoxxi u teżegwixxi d-deċiżjoni trażmessa u tista’ tirrifjuta li tagħmel dan, b’deroga mir-regola ġenerali, biss fil-preżenza ta’ waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni espressament previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 33).

41      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-reat li ta lok għad-deċiżjoni ta’ sanzjoni kkonċernata, għandu jiġi rrilevat li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, jagħtu lok għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, mingħajr il-verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt, ir-reati li jinsabu fil-lista prevista minn din id-dispożizzjoni, jekk dawn ikunu punibbli fl-Istat emittenti u tali “kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti”.

42      Konsegwentement, l-awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, marbuta mal-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità tal-Istat emittenti, dwar il-klassifikazzjoni tar-reat inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi reat jaqax taħt waħda mill-kategoriji ta’ reati li jinsabu fil-lista prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

43      Għalhekk, meta l-awtorità tal-Istat emittenti tikklassifika reat bħala li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ reati li jinsabu fil-lista prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, u tittrażmetti d-deċiżjoni li tissanzjona r-reat skont l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, marbuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi l-imsemmija deċiżjoni.

44      Tali konklużjoni hija kkorroborata mill-analiżi tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Fil-fatt, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni huma espressament previsti minnha. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) tagħha, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata, qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix u li ma teżegwixxix id-deċiżjoni, tikkonsulta mal-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti bil-mezzi xierqa kollha u, jekk ikun il-każ, titlob mingħajr dewmien kull informazzjoni neċessarja.

45      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 li tippermetti lill-awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tipproċedi għall-klassifikazzjoni tagħha tar-reat inkwistjoni fid-dawl tad-dritt nazzjonali tagħha tmur kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata din id-deċiżjoni qafas u li huwa ta’ importanza fundamentali fid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll għar-rekwiżiti marbuta mal-funzjonament tajjeb u mal-effettività tas-sistema ta’ assistenza reċiproka stabbilita mill-imsemmija deċiżjoni qafas.

46      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tiddubita li r-reat imwettaq minn LU jista’ jaqa’ fil-kategorija tar-reati msemmija fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. B’mod partikolari, dik il-qorti tqis li l-awtorità tal-Istat Membru emittenti tat interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-imsemmija kategorija, li ma tistax tinkludi r-reati li għandhom biss rabta indiretta mas-sigurtà fit-toroq u li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu rifjut ta’ konformità ma’ ordni tal-awtorità iktar milli “kondotta li tikser ir-regolamenti li jirregolaw is-sigurtà fit-toroq”.

47      Madankollu, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-awtorità tal-Istat Membru emittenti, abbażi tal-Artikolu 103(2) tal-KFG 1967, ikklassifikat ir-reat inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala sewqan li jmur kontra r-regoli li jirregolaw it-traffiku fit-toroq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

48      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju, l-ewwel nett, ma tipprovdi ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma jikkorrispondix manifestament mad-deċiżjoni ta’ sanzjoni tar-reat stradali mwettaq fit-28 ta’ Diċembru 2017 u, it-tieni, sempliċement tindika li l-awtorità emittenti tat interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kategorija ta’ reati li tinsab fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Għalhekk, ma jidhirx li dan il-każ jaqa’ taħt waħda mill-każijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas li fihom l-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ sanzjoni.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi d-deċiżjoni ta’ sanzjoni li ġiet trażmessa lilha.

50      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, meta ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 jagħti x’jifhem li drittijiet fundamentali jew prinċipji legali fundamentali ddefiniti fl-Artikolu 6 TUE setgħu ġew miksura, topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. F’tali każ, b’mod preliminari, hija għandha titlob mingħand l-awtorità tal-Istat Membru emittenti l-informazzjoni neċessarja kollha, skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Sabiex tiżgura l-effett utli tal-imsemmija deċiżjoni qafas u, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-awtorità tal-Istat Membru emittenti hija obbligata li tipprovdi din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punti 44 u 45).

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domandi magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, fin-nuqqas ta’ xi waħda mir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni espressament previsti minn din id-deċiżjoni qafas, ma tistax, bħala prinċipju, tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi deċiżjoni li timponi b’mod definittiv sanzjoni pekunjarja meta l-awtorità tal-Istat emittenti tkun ikklassifikat ir-reat inkwistjoni, fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, bħala li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ reati li għalihom l-Artikolu 5(1) ma pprevediex verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt.

 Dwar l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, fin-nuqqas ta’ xi waħda mir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni espressament previsti minn din id-deċiżjoni qafas, ma tistax, bħala prinċipju, tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi deċiżjoni li timponi b’mod definittiv sanzjoni pekunjarja meta l-awtorità tal-Istat emittenti tkun ikklassifikat ir-reat inkwistjoni, fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, bħala li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ reati li għalihom l-Artikolu 5(1) ma pprevediex verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.