Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (ir-Rumanija) fit-30 ta’ Diċembru 2021 – Banca A vs A.N.A.F., Preşedintele A.N.A.F.

(Kawża C-827/21)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Banca A

Konvenuti: A.N.A.F., Preşedintele A.N.A.F.

Domandi preliminari

Il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tinterpreta konformement mad-Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri 1 , regola fiskali nazzjonali applikabbli għal sitwazzjonijiet interni li tirregola n-nuqqas ta’ tassazzjoni tad-dħul mill-kanċellazzjoni ta’ sehem tal-kumpannija benefiċjarja fil-kapital tal-kumpannija li tittrasferixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, meta:

– il-leġiżlatur nazzjonali ppreveda regoli distinti għat-tranżazzjonijiet interni u għal dawk transkonfinali simili, regoli dawn li ma humiex identiċi;

– ir-regola nazzjonali applikabbli għat-tranżazzjonijiet interni topera permezz ta’ kunċetti li jinsabu fid-Direttiva – amalgamazzjoni, trasferiment ta’ assi u ta’ passiv, kanċellazzjoni ta’ sehem;

– l-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi fiskali nazzjonali tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi l-istess soluzzjoni fiskali kemm għat-tranżazzjonijiet interni kif ukoll għat-tranżazzjonijiet transkonfinali, irregolati mit-traspożizzjoni tad-Direttiva, sabiex josserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali tal-amalgamazzjoni b’mod mhux diskriminatorju u b’mod li jevita distorsjoni tal-kompetizzjoni?

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/133 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tan-nuqqas ta’ tassazzjoni tad-dħul li jirriżulta mill-kanċellazzjoni ta’ sehem ta’ kumpannija f’kumpannija oħra, insegwitu għat-trasferiment ta’ assi u ta’ passiv ta’ din l-aħħar kumpannija lejn l-ewwel waħda, ma jistax jiġi rrifjutat minħabba li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mil-liġi nazzjonali għall-klassifikazzjoni tagħha bħala amalgamazzjoni?

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/133 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tan-nuqqas ta’ tassazzjoni japplika għall-profitt li jirriżulta minn akkwist b’kundizzjonijiet favorevoli, rifless fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-kumpannija li tixtri?

____________

1     ĠU 2009, L 310, p. 34.