Language of document : ECLI:EU:T:2018:393

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

29 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-Xogħol – Deċiżjoni li tiċħad it-talba għal assistenza – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ kontradittorju – Ċaħda ta’ komunikazzjoni tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda – Tul tal-proċedura amministrattiva – Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T‑218/17,

HF, ex membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt tal-Parlament Ewropew, irrappreżentata minn A. Tymen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn E. Taneva u M. Ecker, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u li titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat-3 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ ta’ dik l-istituzzjoni ċaħdet it-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti fil-11 ta’ Diċembru 2014 u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu allegatament subit minnha bħala riżultat tal-atti illegali mwettqa minn din l-awtorità fit-trattament ta’ dik it-talba għal assistenza.

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-23 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, HF, ġiet irreklutata mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) permezz ta’ kuntratti suċċessivi, mis-6 ta’ Jannar sal-14 ta’ Frar 2003, mill-15 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu 2003, mill‑1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2003 u mill-1 sal-31 ta’ Lulju 2003, u dan bħala membru tal-persunal awżiljarju, kategorija ta’ impjieg li kienet prevista fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), fil-verżjoni tagħhom ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Ir-rikorrenti kienet ġiet assenjata lid-diviżjoni “Awdjoviżiv”, li llum saret unità (iktar ’il quddiem l-“Unità tal-Awdjoviżiv”), tad-Direttorat għall-Midja (iktar ’il quddiem id-“Direttorat għall-Midja”) tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Informazzjoni u relazzjonijiet pubbliċi”, li sar id-DĠ “Komunikazzjoni”. Hemmhekk hija kienet twettaq funzjonijiet ta’ assistent fil-kategorija B, grupp V, klassi 3.

2        Sussegwentement, hija kienet ġiet irreklutata, mill-1 ta’ Awwissu 2003 sal-31 ta’ Marzu 2005, minn kumpannija, stabbilita fi Franza u li kienet tipprovdi servizzi għall-Parlament, bħala amministratriċi ta’ produzzjoni sabiex tirrispondi għal żieda fl-attività marbuta mal-produzzjoni tal-Unità tal-Awdjoviżiv.

3        Ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-ġdid mill-ASTK, din id-darba bħala membru tal-persunal bil-kuntratt assenjat lill-Unità tal-Awdjoviżiv, mill‑1 ta’ April 2005 sal-31 ta’ Jannar 2006, u sussegwentement bħala membru tal-persunal temporanju assenjat lill-istess unità mill-1 ta’ Frar 2006 sal-31 ta’ Jannar 2012.

4        Mill-1 ta’ Frar 2012 sal-31 ta’ Mejju 2015, hija baqgħet irreklutata bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt assenjat lill-Unità tal-Awdjoviżiv permezz ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

5        Mis-26 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ngħatat leave tal-mard u, minn dak iż-żmien ’il quddiem, ma reġgħetx lura għal attività professjonali fi ħdan il-Parlament.

6        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2014, indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”), u kopja tagħha mibgħuta lill-President tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni Tiegħu fuq il-Post tax-Xogħol (iktar ’il quddiem il-“kumitat konsultattiv”) kif ukoll lill-President tal-Parlament u lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali tal-Persunal”), ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”), fejn l-imsemmija artikoli huma applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont, rispettivament, l-Artikoli 92 u 117 tas-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal oħra tal-Unjoni Ewropea.

7        Insostenn ta’ din it-talba ta’ assistenza, ir-rikorrenti sostniet li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, liema fastidju seħħ permezz ta’ aġir, kliem u kitbiet ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari waqt laqgħat tad-dipartiment. Hija talbet li jiġu adottati miżuri urġenti sabiex tiġi protetta immedjatament mill-persuna li allegatament kienet qiegħda tagħtiha fastidju u li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva mill-ASTK sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti.

8        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2015, il-kap tal-Unità “Riżorsi umani” (iktar ’il quddiem l-“Unità Riżorsi Umani”) tad-Direttorat tar-Riżorsi tad-DĠ “Persunal”, M. R. N., li barra minn hekk kien il-President tal-kumitat konsultattiv, irrikonoxxa li rċieva t-talba tar-rikorrenti għal assistenza u informa lil din tal-aħħar li din it-talba ntbagħtet lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal, li jiddeċiedi fuq l-imsemmija talba, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, f’terminu ta’ erba’ xhur li fl-iskadenza tiegħu, jekk ikun il-każ, ikun jista’ jitqies li ttieħdet deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ din it-talba għal assistenza u sussegwentement tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

9        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2015, il-konsulent tar-rikorrenti ġab għall-konjizzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal il-fatt, b’mod partikolari, li l-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv kien ġie informat bit-tressiq tat-talba għal assistenza u bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva mill-ASTK. Fil-fatt, din l-informazzjoni ddaħħlet fil-minuti ta’ laqgħa tal-Unità tal-Awdjoviżiv, u dan ikkontribwixxa għat-tixrid ta’ ċerta informazzjoni kunfidenzjali mhux biss lill-kollegi tar-rikorrenti, iżda wkoll lil ċerti persuni esterni għall-istituzzjoni. Waqt din il-laqgħa, il-kap tal-unità ħabbar ukoll li r-rikorrenti ma kinitx ser terġa’ lura fl-Unità tal-Awdjoviżiv u li, konsegwentement, kellha tiġi prevista ristrutturazzjoni tal-parti mill-Unità tal-Awdjoviżiv imsejħa “Newsdesk Hotline” (iktar ’il quddiem in-“Newsdesk Hotline”), li hija kienet tieħu ħsieb il-koordinazzjoni tagħha.

10      Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Jannar 2015, membru tal-persunal tal-unità “Reklutaġġ tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt u tal-Assistenti Parlamentari Akkreditati” tad-Direttorat “Żvilupp tar-Riżorsi Umani”) tad-DĠ “Persunal” bagħat lir-rikorrenti “nota li tikkonferma l-bidla tad-dipartiment [tagħha] mill-21 [ta’ Jannar] 2015”. Din in-nota, ukoll iddatata s-26 ta’ Jannar 2015, kienet tindika li r-rikorrenti kienet ser tiġi assenjata, b’effett retroattiv mill-21 ta’ Jannar 2015, lill-Unità tal-Programm ta’ Żjarat tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Unità tal-Programm ta’ Żjarat”) tad-Direttorat tar-relazzjonijiet maċ-ċittadini tad-DĠ “Komunikazzjoni” u li, b’eċċezzjoni ta’ din il-bidla ta’ assenjazzjoni, ebda bidla oħra ma saret għall-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha.

11      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2015”), id-Direttur Ġenerali tal-Persunal wieġeb l-ittra tal-konsulent tar-rikorrenti tat-23 ta’ Jannar 2015 billi spjega li kienet ġiet adottata miżura ta’ tbegħid fil-konfront tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv favur ir-rikorrenti, li kienet tikkonsisti fl-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ din tal-aħħar lill-Unità tal-Programm ta’ Żjarat. Fir-rigward tal-informazzjoni żvelata mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv waqt il-laqgħa ta’ din l-unità, ġie spjegat lir-rikorrenti li din l-informazzjoni “[kellha] tinftiehem fil-kuntest tal-miżura ta’ tbegħid meħuda favur [ir-rikorrenti] […] u mhux bħala intimidazzjonijiet intiżi għall-membri l-oħra tal-unità tagħha [u] inqas u inqas bħala sinjal ġdid ta’ fastidju lejn [ir-rikorrenti]”. Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal informa lir-rikorrenti bil-fatt li, wara eżami fid-dettall tal-fajl tagħha u b’risposta għat-talba tagħha għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, huwa kien iddeċieda li jibgħat dan il-fajl lill-kumitat konsultattiv, li l-President tiegħu kien ser iżommha aġġornata b’kull żvilupp sussegwenti. Id-Direttur Ġenerali tal-Persunal qies li, b’dan il-mod, huwa kien irrisponda għat-talba għal assistenza u li dan kien iwassal, fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, għall-“għeluq [il-]fajl” tar-rikorrenti.

12      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2015, il-konsulent tar-rikorrenti, minn naħa, talab lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal jispjega l-portata tal-miżura li huwa kien ħabbar fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 u, b’mod partikolari, jindika jekk il-miżura ta’ tbegħid tar-rikorrenti kinitx ġiet adottata fuq bażi temporanja. Min-naħa l-oħra, huwa fakkru li, skont ir-Regoli Interni dwar il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-Xogħol (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni dwar il-fastidju”), b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tagħhom, ma huwiex il-kompitu tal-kumitat konsultattiv li jiddeċiedi fuq talba għal assistenza. Fil-fatt, kellu biss l-obbligu li jibgħat rapport kunfidenzjali lis-Segretarju Ġenerali, li kellu r-responsabbiltà, fi kwalunkwe każ, li jieħu miżuri skont l-Artikolu 16 ta’ dawn ir-regoli interni. Għalhekk ir-rikorrenti qieset li d-Direttur Ġenerali tal-Persunal baqa’ l-persuna li għandha s-setgħa tiddeċiedi fuq it-talba tagħha għal assistenza fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK u mhux il-kumitat konsultattiv.

13      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tenna l-fehma tiegħu li, permezz tad-deċiżjoni tiegħu li jibgħat it-talba għal assistenza lill-kumitat konsultattiv, huwa kien “għalaq dan il-fajl f’dak li [kien] jirrigwarda l-kamp ta’ kompetenzi tiegħ[u]” u li, minkejja li l-Bureau tal-Parlament kien tah is-setgħat tal-ASTK sabiex jiddeċiedi fuq it-talbiet għal assistenza mressqa skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, jibqa’ l-fatt li huwa ma setax jinjora r-regoli interni dwar il-fastidju, li kienu jagħtu lis-Segretarju Ġenerali biss il-kompitu li jaġixxi fil-każ ta’ eventwali sitwazzjoni ta’ fastidju persistenti. Barra minn hekk, huwa spjega li l-miżura ta’ tbegħid tar-rikorrenti mill-Unità tal-Awdjoviżiv lejn l-Unità tal-Programm ta’ Żjarat kienet ittieħdet kemm fuq talba tal-persuna kkonċernata, ifformulata fit-talba għal assistenza, kif ukoll “fl-interess tas-servizz sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet dejjem jikbru fi ħdan l-[unità tal-programm ta’ żjarat]”, u li din l-assenjazzjoni mill-ġdid kellha tinżamm sal-iskadenza tal-kuntratt tagħha.

14      Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ssejħet mill-kumitat konsultattiv sabiex tinstema’ minn dan tal-aħħar fil-25 ta’ Marzu 2015.

15      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel nett, kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-ASTK assenjatha mill-ġdid b’mod permanenti, u mhux fuq bażi temporanja, lill-Unità tal-Programm ta’ Żjarat; it-tieni nett, kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015, li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali tal-Persunal iddeċieda fuq it-talba għal assistenza billi qies li l-każ “fil-kamp ta’ kompetenzi tiegħu” ingħalaq u, it-tielet nett, kontra deċiżjoni, li ttieħdet fil-11 ta’ April 2015, li permezz tagħha l-ASTK ċaħdet impliċitament it-talba għal assistenza

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015 meħuda b’risposta għal talba għat-tiġdid tal-kuntratt tagħha magħmula mir-rikorrenti fit-22 ta’ Mejju 2015, l-ASTK ddeċidiet li ma ġġeddidx l-imsemmi kuntratt, peress li, fi ħdan l-Unità tal-Programm ta’ Żjarat, li lilha hija kienet assenjata ma kienx iktar ġġustifikat il-bżonn ta’ żieda fil-persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx”).

17      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Awwissu 2015, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, iddeċieda li jilqa’ parzjalment l-ilment imressaq mir-rikorrenti fl-24 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015”). Fir-rigward tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti lill-Unità tal-Programm ta’ Żjarat, is-Segretarju Ġenerali fakkar li din l-assenjazzjoni mill-ġdid kienet neċessarjament ta’ natura provviżorja u kellha tinżamm matul il-perijodu kollu tal-investigazzjoni amministrattiva, li kienet għadha pendenti u, essenzjalment, ċaħad l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kontra l-fondatezza jew il-modalitajiet tal-miżura ta’ tbegħid.

18      Min-naħa l-oħra, f’din id-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015, is-Segretarju Ġenerali ddeċieda li jirriforma d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 sa fejn, fiha, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal kien żbalja meta qies li l-ASTK kienet għalqet il-fajl relatat mat-talba għal assistenza. F’dan ir-rigward, huwa speċifika li din it-talba għal assistenza kienet tagħti lok, sussegwentement, għal deċiżjoni definittiva tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal u li, konsegwentement, kuntrarjament għal dak li kienet qiegħda tallega r-rikorrenti, ma ttieħdet ebda deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, b’mod li l-ilment, fuq dan il-punt, kienet inammissibbli.

19      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 270 TFUE, ippreżentat rikors, inizjalment irreġistrat bin-numru F‑142/15, intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni, li skont hi ttieħdet impliċitament fil-11 ta’ April 2015, li permezz tagħha l-ASTK ċaħdet it-talba għal assistenza, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015 li ċaħdet l-ilment tal-24 ta’ April 2015.

20      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jqis li t-talba tagħha għal assistenza ma kinitx fondata, b’mod partikolari, wara s-smigħ mill-kumitat konsultattiv tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv u ta’ erbatax-il uffiċjal u membri tal-persunal oħra ta’ din l-unità. Huwa stieden lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-intenzjoni tiegħu li jiddikjara t-talba għal assistenza bħala infondata u stedinha tagħmel dan, fil-konvenjenza tagħha, jew waqt intervista, jew inkella bil-miktub. Ir-rikorrenti ngħatat terminu li jiskadi fl-20 ta’ Diċembru 2015 sabiex tgħarraf lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal bl-intenzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

21      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2015, il-konsulent tar-rikorrenti informa lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal li hija kienet ser tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub. Madankollu, filwaqt li invoka f’dan ir-rigward is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678), talab il-komunikazzjoni tar-rapport, skont hu “ta’ investigazzjoni”, imħejji mill-kumitat konsultattiv, liema talba huwa tenna permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 2016.

22      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal ta lir-rikorrenti terminu li jiskadi fl-1 ta’ April 2016 sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub dwar l-intenzjoni tiegħu li jiċħad it-talba għal assistenza. Barra minn hekk, indikalha li l-kumitat konsultattiv kien bagħatlu biss opinjoni li kkonkludiet li ma kienx hemm fastidju psikoloġiku fil-każ tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, kien ikun normali li l-kumitat konsultattiv ma kkomunikalux rapport, kif previst fl-Artikolu 14 tar-regoli interni dwar il-fastidju, għaliex tali rapport jitħejja mill-kumitat konsultattiv biss fil-każijiet li fihom l-imsemmi kumitat jikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.

23      Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-14 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, inizjalment irreġistrat bin-numru F‑14/16, intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni li ma jsirx tiġdid.

24      Fl-1 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fir-rigward tal-ittri tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal tat-8 ta’ Diċembru 2015 u tad-9 ta’ Frar 2016. Fihom, filwaqt li tenniet il-fatt li l-aġir tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv fil-konfront tagħha kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti b’mod partikolari kkontestat l-affermazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal li tgħid li l-kumitat konsultattiv ma ħejjiex rapport, skont l-Artikolu 14 tar-regoli interni dwar il-fastidju, imma ta biss opinjoni. F’dan ir-rigward, hija sostniet li ċ-ċaħda tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal li jikkomunikalha l-konklużjonijiet kollha kemm huma tal-kumitat konsultattiv tikser id-drittijiet tad-difiża tagħha u ċċaħħad minn kull effett utli l-osservazzjonijiet li hija ppreżentat.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal, li kien qiegħed jaġixxi fil-kwalità ta’ ASTK, ċaħad it-talba għal assistenza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, huwa b’mod partikolari spjega li r-rikorrenti kienet ġiet informata, b’mod sħiħ u ddettaljat, bil-motivi li għalihom huwa kellu l-intenzjoni, fit-8 ta’ Diċembru 2015, li jiċħad it-talba għal assistenza. Madankollu, huwa fakkar li t-trattament tat-talba għal assistenza kien fil-kompetenza esklużiva tiegħu u li, f’dan ir-rigward, il-kumitat konsultattiv ma kellu ebda setgħa deċiżjonali. Issa, fil-fehma tiegħu, ir-rikorrenti ma kellha ebda dritt suġġettiv għall-komunikazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni, ta’ opinjoni jew ta’ depożizzjonijiet tas-smigħ tax-xhieda mill-kumitat konsultattiv.

26      F’dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet proċedurali invokati mir-rikorrenti, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal qies b’mod partikolari li, billi kkopjat il-kumitat konsultattiv bit-talba għal assistenza, ir-rikorrenti ma kinitx ressqet formalment ilment quddiem dan il-kumitat konsultattiv fis-sens tar-regoli interni dwar il-fastidju.

27      F’dak li jirrigwarda l-mertu, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal żamm mal-analiżi li huwa kien espona fl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015 u, għaldaqstant, iddeċieda li ma jirrikonoxxix li s-sitwazzjoni deskritta mir-rikorrenti kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

28      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016 L 200, p. 137), il-Kawżi F‑142/15 u F‑14/16 ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali fl-istat li dawn kienu jinsabu fid-data tal-31 ta’ Awwissu 2016. Huma ġew irreġistrati, rispettivament, taħt in-numri T‑570/16 u T‑584/16 u mogħtija lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

29      Fis-6 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan l-ilment, hija invokat ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll irregolaritajiet fil-proċedura segwita mill-kumitat konsultattiv, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, il-ksur tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ksur tal-obbligu ta’ assistenza u tad-dmir ta’ premura.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2017, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

31      Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni, mill-ASTK, tar-rapport imħejji mill-kumitat konsultattiv u d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda, is-Segretarju Ġenerali qies b’mod partikolari li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni (F‑46/11, EU:F:2013:115), u tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678), ma kien hemm l-ebda obbligu, għall-ASTK, li tittrażmetti dawn id-dokumenti lir-rikorrenti, b’mod partikolari peress li, fi ħdan il-Parlament, il-kumitat konsultattiv kellu jaħdem bl-akbar kunfidenzjalità u li l-ħidma tiegħu kienet sigrieta. Madankollu, sabiex tkun żgurata l-libertà tal-espressjoni ta’ dawk kollha involuti, b’mod partikolari tax-xhieda, kien ikun impossibbli, għall-ASTK, li tittrażmetti dawn id-dokumenti lir-rikorrenti.

32      Is-Segretarju Ġenerali, barra minn hekk, enfasizza li l-membri tal-kumitat konsultattiv ma kinux qed jipparteċipaw fil-funzjonijiet tagħhom fl-amministrazzjoni tal-Parlament u li ma kien hemm l-ebda rabta ġerarkika ta’ subordinazzjoni bejn dawn il-membri u xhieda li kienu nstemgħu mill-kumitat konsultattiv. Fir-rigward ta’ żewġ xhieda li r-rikorrenti xtaqet li jinstemgħu, is-Segretarju Ġenerali indika li dawn kienu rrifjutaw li jagħtu x-xhieda tagħhom. Dwar is-seduta ta’ smigħ taż-żewġ tobba, mitluba mir-rikorrenti, huwa insista li dawn qatt ma kienu preżenti għal dak li ġara bejn ir-rikorrenti u l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u li, għaldaqstant, ix-xhieda tagħhom ma kinitx rilevanti.

33      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, is-Segretarju Ġenerali kkonċeda li l-elementi mressqa mir-rikorrenti setgħu jikkostitwixxu atti intenzjonali u ripetuti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, ikkunsidra dan li ġej:

“[M]a għandux jintnesa li l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju [hija] s-superjur fil-ġerarkija [tar-rikorrenti]. Issa, huwa fin-natura tal-funzjonijiet ta’ kap tal-unità li jfakkar lill-kollaboraturi tiegħu li dawn għandhom jobdu l-istruzzjonijiet tiegħu u jikkontribwixxi sabiex ikun hemm kollaborazzjoni bejn il-kollegi, il-kondiviżjoni xierqa tal-informazzjoni rilevanti fuq il-post tax-xogħol jew jagħti spjegazzjonijiet meta dawn ikunu assenti għal-laqgħat. Għalhekk, b’mod ġenerali, il-fatti invokati mir-[rikorrenti] ma jidhrux li jikkostitwixxu abbuż minn kap tal-unità fil-konfront ta’ subordinat. Il-fatti jissuġġerixxu li minflok il-kap tal-unità kkunsidra li t-tmexxija tiegħu kienet tpoġġiet fid-dubju, u dan iġġenera tensjonijiet filwaqt li kien neċessarju li jsir intervent sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-servizz. L-allegat tmaqqdir [tar-rikorrenti] quddiem il-kollegi tagħha mingħajr possibilità li jiddefendi ruħua sar preċiżament waqt laqgħat li kellhom l-għan li tiġi diskussa d-disfunzjoni tas-servizz. Id-diskors attribwit lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, ċertament spjaċevoli, għalhekk għandu jitqiegħed f’dan il-kuntest ta’ tensjoni u ta’ disfunzjoni […]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

35      Permezz tas-sentenzi tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament (T‑584/16, EU:T:2017:282), u HF vs Il-Parlament (T‑570/16, EU:T:2017:283), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati preċedentement mir-rikorrenti.

36      Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal-1 ta’ Settembru 2017, il-Parlament intalab, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jipproduċi, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rapport jew, fejn xieraq, il-konklużjonijiet li l-kumitat konsultattiv ittrażmetta lill-ASTK, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 92(3), u tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

37      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2017, il-Parlament spjega li d-deliberazzjonijiet tal-kumitat konsultattiv kienu sigrieti u li l-isem tax-xhieda mismugħa mill-kumitat kellu jkun kopert mill-kunfidenzjalità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa talab li l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura.

38      Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Settembru 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Parlament, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jipproduċi r-rapport jew l-opinjoni li l-kumitat konsultattiv kien bagħat lill-ASTK f’dan il-każ u li l-Parlament kien irrifjuta li jipproduċi bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, filwaqt li ppreċiżat li dan id-dokument ma kienx ser ikun ikkomunikat lir-rikorrenti f’dan l-istadju tal-proċedura.

39      Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tat-22 ta’ Settembru 2017, il-Parlament kien ġie mistieden ukoll, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jindika lill-Qorti Ġenerali jekk id-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda kinux ġew stabbiliti f’dan il-każ mill-kumitat konsultattiv jew minn entità oħra tal-Parlament. Jekk ikun meħtieġ, il-Parlament kien mistieden li jipproduċihom quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 92(3), u tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura.

40      Fil-25 ta’ Settembru 2017, il-Parlament ippreżenta l-konklużjonijiet tal-kumitat konsultattiv datati t-12 ta’ Ottubru 2015, li ħadu l-forma ta’ opinjoni (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-kumitat konsultattiv”). Permezz ta’ ittra tal-istess jum, għall-istess raġunijiet bħal dawk li kienu tqajmu fir-rigward ta’ din l-opinjoni, talab li d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda mill-kumitat konsultattiv jitqiesu bħala kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura.

41      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Ottubru 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Parlament, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jipproduċi d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda mill-kumitat konsultattiv, li kien irrifjuta li jipproduċi bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, filwaqt li speċifikat li dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti f’dan l-istadju tal-proċedura.

42      Wara skambju doppju ta’ noti, il-proċedura bil-miktub ingħalqet fl‑10 ta’ Ottubru 2017.

43      Fit-12 ta’ Ottubru 2017, il-Parlament ippreżenta d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda mill-kumitat konsultattiv li, skont hu, kellhom jibqgħu kunfidenzjali fir-rigward tar-rikorrenti.

44      Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Parlament jipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv bl-ommissjoni tal-ismijiet ta’ erbatax-il persuna mismugħa kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tad-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda minn dak il-kumitat bl-ommissjoni biss tad-dettalji li jippermettu li tiġi stabbilita, mingħajr ebda dubju raġonevoli, l-identità tad-diversi xhieda. F’din l-istess data, il-Qorti Ġenerali, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet ukoll mistoqsijiet għal tweġibiet bil-miktub lill-partijiet, li kkonformaw ma’ din it-talba fit-termini mogħtija.

45      Fit-12 u fil-15 ta’ Diċembru 2018, rispettivament, ir-rikorrenti u l-Parlament rrispondew għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

46      Wara l-produzzjoni mill-Parlament ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, kif ukoll tad-depożizzjonijiet ta’ smigħ tal-erbatax-il xhud, fosthom tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, kif ukoll ir-rikorrenti, dawn kienu ġew innotifikati lir-rikorrenti li, fil-15 ta’ Jannar 2018, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward kif ukoll fuq it-tweġibiet bil-miktub tal-Parlament għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

47      Il-partijiet instemgħu waqt is-seduta għat-trattazzjoni tat-23 ta’ Frar 2018. Minħabba l-assenza ta’ risposta ċara u inekwivoka tal-Parlament għal waħda mill-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tatu l-opportunità li jirrispondi bil-miktub. Wara t-tweġiba tal-Parlament tas-7 ta’ Marzu 2018 u ppreżentata mir-rikorrenti, fis-26 ta’ Marzu 2018, tal-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-tweġiba, il-Qorti Ġenerali għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

48      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ħlas ta’ danni, stabbiliti ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 90 000, bħala kumpens għad-dannu morali li hija tqis li ġarrbet minħabba illegalitajiet imwettqa mill-ASTK fit-trattament tat-talba għal assistenza;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

49      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

50      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jadixxu lill-Qorti Ġenerali bl-att li kontrih l-ilment kien ġie ppreżentat, meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 43).

51      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ma għandhomx kontenut awtonomu u li għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuqhom, anki jekk fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, peress li din il-motivazzjoni għandha tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni li tinsab fl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015, li permezz tagħha r-rikorrenti kienet preċedentement instemgħet mill-ASTK, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li din id-deċiżjoni hija kkompletata permezz ta’ riferiment għal din l-ittra f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet li għalihom l-ASTK ma tqisx li r-rikorrenti kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku.

 Fuq it-talbiet għal annullament

52      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem formalment tliet motivi, ibbażati rispettivament:

–        l-ewwel nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ kontradittorju;

–        it-tieni nett, fuq żbalji proċedurali, inkwantu l-proċedura segwita mill-kumitat konsultattiv kienet irregolari u parzjali;

–        it-tielet nett, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ assistenza u tad-dmir ta’ premura kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ kontradittorju

53      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tfakkar li, skont l-Artikolu 15 tar-regoli interni dwar il-fastidju, meta l-kumitat konsultattiv ikun responsabbli ta’ investigazzjoni, li hekk kien f’dan il-każ, huwa għandu jgħaddi l-konklużjonijiet tiegħu lill-ASTK.

54      Ir-rikorrenti tenfasizza li, fid-deċiżjoni tagħha tad-9 ta’ Frar 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal kien iġġustifika r-rifjut tiegħu li jibgħatilha r-rapport tal-kumitat konsultattiv li hija kienet talbet peress li l-ebda rapport ma kien sar f’dan il-każ u li l-imsemmi kumitat kien bagħatlu biss sempliċi opinjoni. Issa, qabel ma kisbet fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja it-trażmissjoni tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, ir-rikorrenti kienet qiegħda tikkontesta l-fatt li l-kumitat konsultattiv ma kienx għamel rapport, f’dan il-każ, jew li ma kienx ħejja konklużjonijiet sostanzjali skont ir-regoli interni dwar il-fastidju. Fil-fatt, kien improbabbli li l-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015, li fiha biss żewġ paġni, setgħet tirrifletti b’mod eżawrjenti l-kontenut tal-konklużjonijiet tal-kumitat konsultattiv, minkejja li dawn il-konklużjonijiet kienu mistennija li jkunu r-riżultat ta’ investigazzjoni ta’ ħmistax-il xahar u s-smigħ tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv u ta’ tlettax-il persuna bħala xhieda. Barra minn hekk, il-kontenut stess ta’ din l-ittra ma kienx jippermettilha tifhem il-motivi kollha li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-ASTK fid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas tikkontesta d-dikjarazzjonijiet li setgħu saru minn ċerti xhieda jew l-iżnaturament eventwali tagħhom mill-ASTK.

55      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tas-Segretarju Ġenerali, esposta fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li tgħid li, bħala lanjanti, hi kellha drittijiet tad-difiża inqas importanti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża kienu jimponu fuq l-ASTK li tikkomunikalha mhux biss il-konklużjonijiet tal-kumitat konsultattiv, imma wkoll id-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda, dokumenti li hija eventwalment kisbet fil-mori tal-kawża, b’mod partikolari minħabba li, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-ASTK ma kinitx iġġustifikat ir-rifjut tagħha li tikkomunika dawn id-dokumenti minħabba l-bżonn li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuni li kienu ġew implikati u dawk li kienu xehdu, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni (F‑46/11, EU:F:2013:115).

56      Skont ir-rikorrenti, ir-riferiment għan-natura sigrieta u kunfidenzjali tax-xogħlijiet tal-kumitat konsultattiv, kif previst fir-regoli interni dwar il-fastidju, huwa ineffettiv. Barra minn hekk, l-ASTK setgħet tikkunsidra li tħejji verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport jew tal-konklużjonijiet tal-kumitat konsultattiv kif ukoll tad-depożizzjonijiet tas-seduti, ħaġa li l-Parlament finalment kellu jagħmel b’risposta għal miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali.

57      Peress li hija ma kellhiex disponibbli tali dokumenti biex tifformula l-osservazzjonijiet tagħha tal-1 ta’ April 2016, ir-rikorrenti tqis li ma kellhiex ir-raġunijiet u l-kunsiderazzjoni kollha flimkien li tqiesu mill-ASTK waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-ASTK kienet, f’dan il-każ, kisret ukoll id-dritt tagħha għal smigħ, kif previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

58      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-ASTK ma kinitx invokat, fl-istadju prekontenzjuż, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tax-xhieda, prevista fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ aċċess għall-konklużjonijiet tal-kumitat konsultattiv u għad-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Simpson vs Il-Kunsill (F‑142/11, EU:F:2013:201, punt 28), il-Parlament ma jkunx jista’, fl-istadju kontenzjuż, jinvoka dan l-aspett sabiex jiġġustifika l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-ASTK li tiċħad l-aċċess għal dawn id-dokumenti, peress li tali argument ikun tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli.

59      Il-Parlament jitlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi jirrileva li, fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti bl-ebda mod ma tobbliga lill-ASTK tagħtiha aċċess għax-xogħlijiet tal-kumitat konsultattiv. Barra minn hekk, huwa jsostni li, f’dan il-każ, l-ASTK għażlet li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhieda, mhux biss fil-konfront tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju iżda wkoll tal-lanjanti, sabiex tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni tax-xhieda. F’dan ir-rigward, jirreferi għall-punt 41 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni (F‑46/11, EU:F:2013:115), fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, fil-“kuntest ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku, [kien] hemm lok, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhieda li tkun inġabret, inkluż matul il-proċedura kontenzjuża, inkwantu l-perspettiva li titneħħa din il-kunfidenzjalità fl-istadju kontenzjuż [setgħet] tipprekludi t-twettiq ta’ investigazzjonijiet newtrali u oġġettivi li jinkludu l-kollaborazzjoni llimitata tal-membri tal-persunal li jintalbu jagħtu x-xhieda tagħhom”.

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq it-trattament ta’ talba ta’ assistenza stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal

60      Preliminarjament għandu jitfakkar li meta l-ASTK jew, skont il-każ, l-awtorità tal-ħatra ta’ istituzzjoni (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) tkun adita, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-awtorità għandha, abbażi tal-obbligu ta’ assistenza u jekk din l-awtorità tkun affaċċjata b’inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi l-fatti u li minnhom tislet, b’għarfien tal-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-attakki li huwa jiddikjara li jkun qiegħed iġarrab. Fil-preżenza ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li jkunu wasslu għat-talba ta’ assistenza, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tkun ressqitha (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 15 u 16; tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 84, u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 46).

61      Fil-preżenza ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju, l-obbligu ta’ assistenza jinkludi, b’mod partikolari, id-dmir għall-amministrazzjoni li teżamina serjament, b’ħeffa u b’mod kunfidenzjali għal kollox, it-talba għal assistenza li fiha jiġi allegat fastidju u li tinforma lill-applikant bid-deċiżjoni tagħha (ara s-sentenzi tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 47; tas-27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, EU:F:2008:150, punt 74, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 88).

62      F’dak li jirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li, bħal f’dan il-każ, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il-Kummissjoni, T‑3/96, EU:T:1998:202, punt 54; tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 137, u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 48).

63      Meta, wara li titressaq talba għal assistenza, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, l-amministrazzjoni tiddeċiedi li jkun hemm investigazzjoni amministrattiva, jekk ikun il-każ billi tafdaha, bħal f’dan il-każ, lil kumitat konsultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 99), l-għan innifsu ta’ din l-investigazzjoni amministrattiva huwa li tiġi kkonfermata jew eskluża l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod li l-ASTK ma tiġġudikax minn qabel l-eżitu tal-investigazzjoni u ma hijiex suppost li tieħu pożizzjoni, lanqas impliċitament, dwar ir-realtà tal-fastidju allegat qabel ma tkun kisbet ir-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva. Fi kliem ieħor, huwa inerenti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva li l-amministrazzjoni ma tiħux pożizzjoni b’mod prematur, essenzjalment abbażi tad-deskrizzjoni unilaterali tal-fatti pprovduta fit-talba għal assistenza, peress li, għall-kuntrarju, għandha tirriżerva l-pożizzjoni tagħha sakemm tintemm l-imsemmija investigazzjoni, li għandha titwettaq malajr billi jitqabblu l-allegazzjonijiet tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal awtur tat-talba għal assistenza mal-verżjoni tal-fatti mogħtija mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, kif ukoll ma’ dik ta’ persuni li setgħu kienu xhieda tal-fatti allegati bħala li allegatament jikkostitwixxu ksur, mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-konstatazzjoni mill-amministrazzjoni, wara investigazzjoni amministrattiva, eventwalment immexxija bl-għajnuna ta’ organu distint mill-ASTK, bħall-kumitat konsultattiv, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku tista’, fiha nnifisha, ikollha effett ta’ benefiċċju fil-proċess terapewtiku ta’ fejqan tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal li ġarrab il-fastidju u, barra minn hekk, tista’ mhux biss tiġġustifika azzjoni dixxiplinarja fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-fastidju, iżda wkoll tintuża mill-vittma għall-finijiet ta’ azzjoni ġudizzjarja nazzjonali eventwali li fil-kuntest tagħha l-obbligu ta’ assistenza tal-ASTK, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, japplika u ma jispiċċax fi tmiem il-perijodu ta’ reklutaġġ tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, it-tmexxija sa tmiemha ta’ investigazzjoni amministrattiva tista’, għall-kuntrarju, tippermetti li jiġu kkonfutati l-allegazzjonijiet tal-allegata vittma, u b’dan il-mod tippermetti li jiġu rrimedjati d-danni li tali akkuża, jekk din tirriżulta li tkun infondata, setgħet ikkawżat lill-persuna kkonċernata minn proċedura ta’ investigazzjoni bħala l-persuna li allegatament tat fastidju.(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedux proċedura speċifika li l-amministrazzjoni tkun obbligata ssegwi meta tittratta talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, imressqa abbażi tal-Artikolu 90(1) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal u li għandha bħala suġġett l-allegazzjoni ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal li uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor wettaq, fil-konfront tiegħu, aġir li jikser l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

66      Sussegwentement, għandu jitfakkar li proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva mibdija wara t-tressiq minn uffiċjal jew membru tal-persunal, ta’ talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għal fatti ta’ terz, uffiċjal jew membru tal-persunal, dwar allegat fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal hija, ċertament, miftuħa fuq talba tiegħu, iżda ma tistax titqies li hija proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa kontra dak l-uffiċjal jew membru tal-persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 46). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rwol tal-awtur tat-talba għal assistenza li jallega li hemm fatti relatati ma’ fastidju jikkonsisti essenzjalment fil-kollaborazzjoni tiegħu għat-twettiq xieraq tal-inkjesta amministrattiva sabiex jiġu stabbiliti l-fatti (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 15 u 16; tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 136, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 87).

67      Issa, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif imsemmi fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jeżiġi ċertament li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-provi li jistgħu jitqiesu “inkriminanti” kontrihom bħala bażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51) u jinkludi l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jmur lil hinn mir-rispett tad-dritt għal smigħ, li huwa wkoll, barra minn hekk, iggarantit bħala komponent tal-Artikolu 41 tal-imsemmija Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”. Madankollu, dan ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huwa intiż li jiġi invokat biss fil-kuntest ta’ proċedura li tinfetaħ “kontra” persuna u li tista’ twassal għal att li jista’ jikkawżalha preġudizzju fejn l-amministrazzjoni jkollha provi inkriminanti kontra din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 46).

68      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-proċedura segwita mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-ASTK sabiex tiddeċiedi fuq talba għal assistenza bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-awtur ta’ din it-talba ma jistax jinvoka r-rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala tali u lanqas, f’dan il-kuntest, fil-forma ta’ ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

69      Dan japplika wkoll għall-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju. Fil-fatt, dan jista’ ċertament ikun implikat personalment fit-talba għal assistenza li wasslet għall-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva u jista’ jkollu, diġà f’dan l-istadju, jiddefendi ruħu kontra akkużi li jirrigwardawh, biex jiġġustifika li huwa jkun jista’ jinstema’, possibbilment f’diversi okkażjonijiet, fil-kuntest tal-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 147). Madankollu, huwa biss fi stadju sussegwenti tal-proċedura, jekk ikollhom jittieħdu proċeduri dixxiplinari kontra tiegħu, f’dan il-każ bl-involviment tal-Bord ta’ Dixxiplina, li huwa jibbenefika bid-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ kontradittorju, b’enfasi fuq il-fatt li l-istatus jipprovdi biss dritt għal smigħ fuq il-prinċipju ta’ ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u li l-proċedura ma tiħux natura kontradittorja ħlief wara li jiġi adit il-Bord ta’ Dixxiplina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T‑74/96, EU:T:1998:58, punt 340).

70      Minkejja dan, għandhom jiġu rrikonoxxuti fil-konfront tal-awtur ta’ talba għal assistenza, bħala vittma preżunta, drittijiet proċedurali, distinti mid-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li ma humiex estiżi daqs dawn tal-aħħar (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 48, u tas-16 ta’ Diċembru 2015, De Loecker vs SEAE, F‑34/15, EU:F:2015:153, punt 43) u li, fl-aħħar mill-aħħar, jaqgħu taħt id-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif stabbilit illum fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

71      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-għan ta’ investigazzjoni amministrattiva miftuħa mill-amministrazzjoni, b’risposta għal talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jiġu ċċarati, permezz tar-riżultati tal-investigazzjoni l-fatti kontenzjużi, sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward, li għalhekk tippermettilha jew li tagħlaq, mingħajr ma tieħu azzjoni ulterjuri, it-talba għall-għajnuna, jew meta l-fatti allegati jkunu pprovati u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, tibda eventwalment proċedura dixxiplinari bil-għan, jekk ikun il-każ, li jittieħdu sanzjonijiet dixxiplinari kontra l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju (ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      B’hekk, minn naħa, fejn, fil-kuntest tal-miżuri li hija tiddeċiedi li tadotta bħala risposta għat-talba għal assistenza, l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura dixxiplinari skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba ksur, mill-persuna involuta f’din it-talba, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura hekk mibdija tkun kontra dan l-uffiċjal jew membru tal-persunal, il-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, b’mod li dan tal-aħħar allura jkollu l-garanziji proċedurali kollha li jimplimentaw id-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ kontradittorju. Dawn il-garanziji huma dawk previsti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

73      Min-naħa l-oħra, meta, b’risposta għat-talba għal assistenza, l-amministrazzjoni tiddeċiedi li l-elementi invokati insostenn tat-talba għal assistenza ma humiex fondati u li, għalhekk, l-aġir invokat ma jikkostitwixxix fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, tali deċiżjoni tikkawża preġudizzju lill-persuna li tressaq it-talba għal assistenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑249/04, EU:T:2007:261, punt 32, u tal-11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il-Kummissjoni, F‑30/08, EU:F:2010:43, punt 93), u taffettwah b’mod sfavorevoli fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

74      B’hekk, sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal amministrazzjoni tajba, l-awtur tat-talba għal assistenza għandu neċessarjament, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jinstema’ b’mod xieraq qabel ma din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tiġi adottata mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-ASTK. Dan jimplika li l-persuna kkonċernata tinstema’ minn qabel dwar ir-raġunijiet li l-Awtorità tal-Ħatra jew l-ASTK ikollhom l-intenzjoni li jinvokaw insostenn taċ-ċaħda ta’ din it-talba.

75      Fil-każ ineżami, huwa stabbilit li r-rikorrenti kienet instemgħet mill-ASTK, f’dan il-każ fuq il-bażi ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015 tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal, li fiha espona, b’mod preċiż, ir-raġunijiet li għalihom, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ma kienx qiegħed jipprevedi li jirrikonoxxi l-fatti invokati mir-rikorrenti bħala li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, ir-rikorrenti tqis li, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija ppreżentat fl-1 ta’ April 2016, hija ma nstemgħetx b’mod xieraq, peress li hija ma kellhiex disponibbli, għal dan il-għan, l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u lanqas id-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda.

76      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, id-dritt ta’ smigħ tar-rikorrenti kienx jeħtieġ li jkollha wkoll l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda li saru minn dan il-kumitat sabiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-motivi invokati mill-ASTK, fl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015, fid-dawl taċ-ċaħda tat-talba għal assistenza.

–       Fuq l-obbligu tal-ASTK li tgħaddi lir-rikorrenti l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

77      F’kawża fejn kien hemm involut il-korp regolatorju applikabbli għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u mhux ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta l-amministrazzjoni ddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva u li din wasslet għat-tħejjija ta’ rapport, peress li l-membru tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni kien introduċa, skont it-terminoloġija stess għall-korp regolatorju ta’ din l-istituzzjoni, “ilment” kontra l-fatti li allegatament jaqgħu taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, kif dan il-kunċett kien stabbilit fir-regoli applikabbli għall-persunal tal-BĊE, kellu jingħata, bħall-persuna implikata, il-possibbiltà li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta’ investigazzjoni, kif previst minn dawn ir-regoli, qabel ma l-amministrazzjoni tal-BĊE setgħet tiddeċiedi dwar l-ilment jew, tal-inqas, fuq il-provi kkunsidrati minn din l-amministrazzjoni biex tadotta d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE, T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 41).

78      Fil-qasam tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra jew, skont il-każ, l-ASTK għandha tittratta, mhux ilment, imma talba għal assistenza fformulata abbażi tal-Artikolu 24 u tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ tal-iskema applikabbli għall-BĊE, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedu ebda proċedura speċifika dwar il-mod li bih l-Awtorità tal-Ħatra, jew l-ASTK għandhom jittrattaw talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tikkontesta ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas dispożizzjoni li timponi, bħala tali, li tintbagħat l-opinjoni ta’ kumitat konsultattiv jew anki tad-depożizzjonijiet tas-smigħ tax-xhieda li nstemgħu minn dan il-kumitat lill-awtur ta’ talba għal assistenza jew lill-persuna implikata f’din it-talba bħala allegatament responsabbli għall-fastidju.

79      Madankollu, ġie deċiż li, bla ħsara għall-protezzjoni tal-interessi tal-persuni li ġew implikati u ta’ dawk li xehdu matul l-investigazzjoni, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxi li jintbagħat rapport finali ta’ investigazzjoni lil parti terza li jkollha interess leġittimu li tkun taf bih, bħalma huwa l-każ tal-persuna li tressaq talba għal assistenza, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li fiha tallega ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk ġie enfasizzat, f’dan il-kuntest, li, fil-qafas tal-awtonomija tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet regolamentari, ċerti istituzzjonijiet kienu xi drabi adottaw din is-soluzzjoni, billi bagħtu lill-persuna li tkun għamlet talba għal assistenza r-rapport finali tal-investigazzjoni jew qabel il-preżentata tar-rikors, billi jiġi mehmuż mad-deċiżjoni finali li tiddeċiedi fuq it-talba għal assistenza, jew b’eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mill-qorti tal-Unjoni li jkollha tiddeċiedi fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 133).

80      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra madankollu li, meta l-ASTK tiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li titlob l-opinjoni ta’ kumitat konsultattiv li lilu tafda l-kompitu li jwettaq l-investigazzjoni amministrattiva u li, fid-deċiżjoni fuq it-talba għal assistenza, hija tikkunsidra l-opinjoni maħruġa b’dan il-mod mill-kumitat konsultattiv, l-imsemmija opinjoni, konsultattiva u li tista’ titħejja f’forma mhux kunfidenzjali billi tirrispetta l-anonimat mogħti lix-xhieda, għandha, b’applikazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-awtur tat-talba għal assistenza, bħala prinċipju tinġieb għall-attenzjoni ta’ dan tal-aħħar, u dan anki jekk ir-regoli interni dwar il-fastidju ma jipprevedux tali trażmissjoni.

81      Kien għalhekk bi ksur tad-dritt għal smigħ, kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2016, fid-deċiżjoni kkontestata u fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-ASTK irrifjutat li tikkomunika lir-rikorrenti l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u f’dan il-każ lanqas semgħetha ħlief fuq il-bażi tal-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015 li tesponi l-motivi li għalihom id-Direttur Ġenerali tal-Persunal kellu l-intenzjoni li jiċħad it-talba għal assistenza.

–       Fuq l-obbligu tal-ASTK li tgħaddi lir-rikorrenti d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

82      Fir-rigward tad-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda mill-kumitat konsultattiv, l-ASTK irrifjutat li tikkomunikahom lir-rikorrenti sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tax-xogħlijiet tal-kumitat konsultattiv, meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni tax-xhieda, li kienet ġiet mfakkra qabel kull intervista tagħhom mal-kumitat konsultattiv. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din ir-raġuni, marbuta mal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tax-xhieda, kienet indikata fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u tista’ għalhekk, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-fażi prekontenzjuża, tittenna u tiġi ppreċiżata mill-Parlament fil-fażi kontenzjuża.

83      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, bħala prinċipju, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol, huwa permess għall-amministrazzjoni li tipprovdi għall-possibbiltà li tiggarantixxi lix-xhieda, li jaċċettaw li jagħtu l-istqarrija tal-fatti tagħhom inkwistjoni f’każ ta’ fastidju allegat, li x-xhieda tagħhom tinżamm kunfidenzjali, fir-rigward kemm tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju kif ukoll tal-allegata vittma, tal-inqas fil-kuntest tal-proċedura segwita għat-trattament ta’ talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

84      Fil-fatt, minn naħa, peress li, fil-kuntest tat-trattament ta’ talba għal assistenza, wieħed mill-għanijiet mogħtija lill-amministrazzjoni huwa li terġa’ lura s-serenità fis-servizz, li jsir magħruf il-kontenut tax-xhieda, kemm mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju kif ukoll mill-vittma allegata, jista’ jipperikola dan l-għan billi terġa’ titqajjem animożità eventwali fi ħdan is-servizz u jiskoraġġixxi, fil-futur, lill-persuni li jistgħu jipproduċu xhieda rilevanti milli jagħmlu dan.

85      Min-naħa l-oħra, meta l-istituzzjoni tirċievi informazzjoni pprovduta fuq bażi volontarja, imma b’talba għall-kunfidenzjalità bl-iskop li jiġi protett l-anonimat tal-informatur, l-istituzzjoni li taċċetta li tirċievi din l-informazzjoni hija marbuta li tirrispetta tali kundizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, EU:C:1985:448, punt 34). Issa, l-istess jista’ japplika meta uffiċjali jew membri tal-persunal jaqblu li jipprovdu x-xhieda tagħhom sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ titfa’ dawl fuq il-fatti li huma s-suġġett ta’ talba għal assistenza, imma jirrikjedu, min-naħa l-oħra, li l-anonimat tagħhom jiġi żgurat fir-rigward tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u/jew tal-vittma ssuspettata, b’enfasi fuq il-fatt li, għalkemm il-parteċipazzjoni tagħhom hija mixtieqa, mill-perspettiva tar-Regolamenti tal-Persunal, ma humiex neċessarjament obbligati li jikkooperaw fl-investigazzjoni billi jagħtu x-xhieda tagħhom.

86      Madankollu, meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura dixxiplinari kontra l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, id-drittijiet ta’ difiża tiegħu huma speċifikament disposti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u jkun f’idejn l-Awtorità tal-Ħatra jew l-ASTK li jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata kull dokument li tixtieq tippreżenta għall-evalwazzjoni tal-Bord tad-Dixxiplina, li għandu, jekk ikun il-każ, jisma’ mill-ġdid lix-xhieda tal-fatti kkontestati.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li huwa mingħajr ma kisret id-dritt għal smigħ, kif imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-ASTK, f’dan il-każ, irrifjutat li tibgħat lir-rikorrenti d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda fil-fażi prekontenzjuża.

–       Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt għal smigħ ibbażat fuq in-nuqqas ta’ trażmissjoni, fil-fażi prekontenzjuża, tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv

88      Fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv fil-fażi prekontenzjuża, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, anki fil-preżenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ, jeħtieġ barra minn hekk, sabiex il-motiv ikun jista’ jintlaqa’, li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ April 2016, Dalli vs Il-Kummissjoni, C‑394/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:262, punt 41; sentenzi tas-6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, EU:T:2007:34, punt 149, u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 157).

89      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-15 ta’ Jannar 2018, li l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv kienet waħda konċiża u li, kieku kellha effettivament tirrifletti l-ħidma tal-Kumitat, wieħed ikollu jaqbel li kienet insuffiċjenti fir-rigward tal-ilment li kienet ressqet. Madankollu, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-kumitat konsultattiv fl-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma tqisx li n-natura konċiża tal-opinjoni ta’ dak il-kumitat tostakola li jiġi ssodisfatt l-għan konsultattiv tagħha. Barra minn hekk, sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal assistenza li tesponi b’mod iddettaljat il-fatti kkontestati, l-ASTK kellha mhux biss din l-opinjoni konsultattiva, għalkemm konċiża, imma wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda, li pprovdewlha ħarsa komprensiva u ddettaljata tar-realtà ta’ dawn il-fatti kif ukoll fuq il-perċezzjoni tagħhom minn membri differenti tal-persunal tal-unità inkwistjoni.

90      Mistoqsija għal darba oħra dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega liema argument, minbarra dak li hija kienet ressqet fil-fażi prekontenzjuża, hija setgħet b’mod partikolari tressaq kieku kienet fil-pussess tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u li seta’ jkollu impatt fuq id-deċiżjoni kkontestata, li l-motivi tagħha kienu ġew espressament esposti lilha fl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015. Fil-fatt, l-argumenti li hija ressqet, inkluż waqt is-seduta, juru l-istruttura, li hija tiddeskrivi bħala kkostitwita minn klanns, tal-Unità tal-Awdjoviżiv u l-assenza ta’ bażi għall-kritika tal-kap tal-unità dwar il-kwalità ta’ xogħolha, b’mod partikolari l-allegata żamma ta’ informazzjoni min-naħa tagħha u n-nuqqas ta’ spirtu ta’ xogħol f’tim. Għalhekk, dawn l-argumenti jikkonċernaw il-kontenut tax-xhieda rreġistrati fid-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda, u mhux l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, li hija xorta saret taf bihom matul il-fażi kontenzjuża. Issa, huwa biss dan l-aħħar dokument li l-ASTK kellha l-obbligu li tipprovdi lir-rikorrent sabiex ikollha smigħ xieraq qabel iċ-ċaħda tat-talba għall-assistenza.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji proċedurali peress li l-proċedura segwita mill-kumitat konsultattiv kienet irregolari u parzjali

92      Insostenn tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, sa fejn tlettax mill-erbatax-il xhud intervistati mill-kumitat konsultattiv kienu uffiċjali jew membri tal-persunal subordinati tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, dawn ma setgħux jipprovdu evidenza oġġettiva. Dan ġie aggravat mill-fatt li l-President tal-kumitat konsultattiv ma kien ħadd ħlief il-kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani, u l-inklużjoni tiegħu fi ħdan il-kumitat konsultattiv ma kinitx ta’ natura li sserraħ moħħ ix-xhieda intervistati dwar in-nuqqas ta’ konsegwenzi, fuq il-karrieri tagħhom, tal-kontenut tax-xhieda tagħhom.

93      Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-ASTK għall-fatt li, minkejja li hija kienet talbet li jinstemgħu, il-kumitat konsultattiv ma semax wieħed mill-uffiċjali mediċi tal-istituzzjoni u lanqas il-psikologu tal-Parlament. Issa, skont hi, dawn il-persuni setgħu jipproduċu “xhieda aktar newtrali”, minħabba n-nuqqas ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejniethom u l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju. B’mod partikolari, dawn setgħu jikkonfermaw li, minn naħa, ir-rikorrenti lmentat diġà, fi ħdan l-istituzzjoni, li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku qabel ma kkonsultat lit-tabib tagħha personali u, min-naħa l-oħra, li kellha sintomi karatteristiċi ta’ espożizzjoni għal sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku. Minn dan hija tikkonkludi li l-kumitat konsultattiv kien, f’dan il-każ, mexxa l-investigazzjoni tiegħu b’mod parzjali.

94      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li l-ASTK ma ġabitx il-prova li l-kumitat konsultattiv kien effettivament ikkuntattja ż-żewġ xhieda li hija kienet iċċitat u li, skont l-ASTK, allegatament kienu rrifjutaw li jixhdu quddiem dan il-kumitat. Fi kwalunkwe każ, hija tikkontesta l-kliem attribwit lil wieħed minn żewġ xhieda, Z, li din tal-aħħar ma kinitx f’kuntatt ta’ kuljum mar-rikorrenti. Fil-fatt, Z kienet tokkupa uffiċċju ġar tagħha u kienet f’kuntatt magħha diversi drabi, kif juru l-iskambji tal-posta elettronika li r-rikorrenti annettiet mar-replika.

95      Il-Parlament jitlob li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat.

96      F’dan ir-rigward, huwa enfasizza li l-membri tal-kumitat konsultattiv ma jippresjedux fi ħdanu bħala uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Parlament, imma f’kapaċità personali. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-president tal-kumitat konsultattiv assolutament bl-ebda mod ma huwa l-kap tal-persunal irregolat mir-Regolamenti tal-Persunal kollu tiegħu u ma għandu l-ebda rabta ġerarkika ma’ persuni li xehdu f’dan il-każ. Il-Parlament jikkontesta wkoll l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-fatt li tlettax minn erbatax-il xhud kienu suġġetti ġerarkikament għall-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju kellu l-konsegwenza li dawn ma setgħux jixhdu liberament. Fil-fatt, skont il-Parlament, minn naħa, dawn il-persuni kienu jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu evidenza utli tal-fatti kkontestati. Min-naħa l-oħra, huwa preċiżament sabiex tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni tax-xhieda li kien ippreveda li la l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u lanqas l-allegata vittma ma jkollhom aċċess għall-kontenut tax-xhieda tagħhom. Fl-aħħar nett, fir-rigward taż-żewġ xhieda ċċitati mir-rikorrenti, il-Parlament ipprovda posta elettronika, mibgħuta fl-4 ta’ Settembru 2015 minn wieħed mill-uffiċjali tiegħu, membru tas-segretarjat tal-kumitat konsultattiv, lill-President tal-kumitat konsultattiv, li fiha dan l-uffiċjal irrapporta dwar il-kuntatti tiegħu maż-żewġ persuni inġunti bħala xhieda mir-rikorrenti u tar-raġunijiet mogħtija minn dawn iż-żewġ persuni li jirrifjutaw li jinstemgħu.

97      Fir-rigward tal-fatt li l-kumitat konsultattiv ma semax lill-persuni kollha li r-rikorrenti xtaqet tara jixhdu, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-entità fdata b’investigazzjoni amministrattiva, li għandha l-obbligu li tinvestiga b’mod proporzjonat il-fajls li jinġabu quddiemha, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ kif titmexxa l-investigazzjoni u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn xhieda (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      F’dan il-każ, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, jirriżulta mill-posta elettronika pprovduta mill-Parlament li wieħed miż-żewġ membri tas-segretarjat tal-kumitat konsultattiv ikkuntattja ż-żewġ persuni li xtaqet li jinstemgħu mill-imsemmi kumitat, imma dawn iż-żewġ persuni rrifjutaw, għal raġunijiet differenti, li jagħtu x-xhieda tagħhom.

99      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk huwa mixtieq li jassistu investigazzjoni amministrattiva, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ta’ istituzzjoni, li jkunu f’impjieg attiv jew irtirati, ma humiex neċessarjament obbligati, mill-perspettiva tar-Regolamenti tal-Persunal, li jixhdu quddiem entità bħall-kumitat konsultattiv.

100    Għaldaqstant, minħabba li l-persuni mitluba, inkluż Z, jistgħu jirrifjutaw li jixhdu mingħajr ma jipprovdu raġuni tajba f’dan ir-rigward, huwa għalxejn li r-rikorrenti tipprova tikkontradixxi il-kummenti, magħmula minn wieħed miż-żewġ membri tas-segretarjat tal-kumitat konsultattiv, li Z, dak iż-żmien irtirata, kienet iddikjarat li hija ma kinitx ġiet direttament involuta fil-fatti taħt investigazzjoni, li hija kellha biss ftit kuntatti mar-rikorrenti, li hija qatt ma pparteċipat fil-laqgħat tal-Unità tal-Awdjoviżiv inkwistjoni f’dan il-każ u li hija kienet saret taf biss indirettament, permezz ta’ intervent ta’ wieħed mill-kollegi tagħha, bl-eżistenza ta’ kunflitt bejn ir-rikorrenti u l-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv.

101    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, il-kumitat konsultattiv bl-ebda mod ma kien obbligat li jsejjaħ ix-xhieda kollha proposti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012, Donati vs BĊE (F‑63/09, EU:F:2012:193, punt 187).

102    Għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-kumitat konsultattiv, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-Deċiżjoni D(2014) 3983 tas-Segretarju Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2014, il-kumitat konsultattiv huwa ppresjedut minn R. N. u magħmul minn żewġ membri tal-amministrazzjoni, flimkien ma’ membru supplenti, żewġ membri tal-kumitat tal-persunal tal-Parlament, flimkien ma’ membru supplenti, kif ukoll minn uffiċjal mediku tal-istituzzjoni, flimkien ma’ uffiċjal mediku supplenti.

103    Anki jekk ma hemmx parità sħiħa bejn il-membri maħtura mill-amministrazzjoni u dawk maħtura mir-rappreżentazzjoni tal-persunal, peress li R. N., barra minn hekk, kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani tad-Direttorat tar-Riżorsi tad-DĠ “Persunal”, jappartjenu għall-amministrazzjoni, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, l-ewwel nett, il-preżenza ta’ uffiċjal mediku tal-istituzzjoni fi ħdan il-kumitat konsultattiv, it-tieni nett, il-fatt li huwa previst fl-Artikolu 7 tar-regoli interni dwar il-fastidju, li l-kumitat konsultattiv “jaħdem f’awtonomija, indipendenza u kunfidenzjalità assoluta” u, it-tielet nett, in-natura kolleġġjali tad-deliberazzjonijiet huma garanziji biżżejjed ta’ imparzjalità u oġġettività tal-opinjoni li l-kumitat konsultattiv irid jifformula u jadotta intiża għall-ASTK (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il-Kummissjoni, T‑197/00, EU:T:2002:135, punt 132, u tas-17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 150).

104    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-President tal-kumitat konsultattiv huwa wkoll il-kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani tad-Direttorat tar-Riżorsi tad-DĠ “Persunal” ma jimplikax, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti b’mod spekulattiv, li jeżerċita jew jista’ jeżerċita setgħa fuq il-membri tal-persunal u, għaldaqstant, fuq id-deliberazzjonijiet tal-kumitat konsultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 151), kif ukoll fuq il-kontenut tax-xhieda pprovduta minn tlettax minn erbatax-il xhud. Fi kwalunkwe każ, imkien ma huwa pprovat li l-President tal-kumitat konsultattiv, anki jekk hu l-kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani tad-Direttorat tar-Riżorsi tad-DĠ “Persunal”, neċessarjament jaġixxi kontra r-rikorrenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 152). Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, ir-regoli interni dwar il-fastidju ma jipprevedux li dan għandu neċessarjament ikun preżenti biex jinstemgħu x-xhieda kollha f’każ partikolari.

105    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jikkontesta l-veraċità tax-xhieda mressqa mix-xhieda mismugħa, għar-raġuni li dawn kienu kollha taħt l-awtorità ġerarkika tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-rikorrenti naqset milli tipprova li l-imsemmija xhieda setgħu raġonevolment ikollhom il-biża’ li jsofru tpattija jew li jkunu suġġetti għal pressjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Donati vs BĊE, F‑63/09, EU:F:2012:193, punt 183). Min-naħa l-oħra, kieku kellu jiġi aċċettat, dan l-argument jimplika li kull darba li membru tal-persunal tal-ġestjoni ta’ istituzzjoni jkun ikkontestat permezz ta’ talba għal assistenza, l-amministrazzjoni tkun prekluża milli tibbaża ruħha fuq ix-xhieda ta’ membri ta’ unità amministrattiva li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ dak il-membru tal-persunal ta’ ġestjoni. Issa, dan jostakola li jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għall-oriġini tat-talba għal assistenza, peress li, ta’ spiss, huma preċiżament dawn il-membri tal-unità amministrattiva inkwistjoni li huma xhieda l-iktar diretti tal-ġrajjiet allegati fit-talba għal assistenza.

106    Dwar is-smigħ taż-żewġ uffiċjali mediċi mitluba mir-rikorrenti, jekk dawn ċertament rawha f’konsulta fil-qafas tar-roster tas-servizz mediku tal-Parlament, għandu jitfakkar li l-opinjonijiet ta’ esperti mediċi ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu, fihom innifishom, l-eżistenza, fid-dritt, ta’ fastidju jew ta’ nuqqas tal-istituzzjoni fir-rigward tad-dmir ta’ assistenza tagħha (sentenzi tas-6 ta’ Frar 2015, BQ vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑7/14 P, EU:T:2015:79, punt 49; tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 127, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 92). B’mod partikolari, iċ-ċertifikati mediċi prodotti mir-rikorrenti, l-istess bħax-xhieda eventwali taż-żewġ uffiċjali mediċi inkwistjoni, jekk ikunu jistgħu juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet mentali fir-rikorrenti, madankollu ma setgħux jistabbilixxu li l-imsemmija problemi jirriżultaw minn fastidju psikoloġiku, peress li, sabiex jikkonkludu li hemm tali fastidju, l-awturi taċ-ċertifikati neċessarjament ikunu bbażaw ruħhom esklużivament fuq id-deskrizzjoni li r-rikorrenti tathom tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha fi ħdan il-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2008, K vs Il-Parlament, F‑15/07, EU:F:2008:158, punt 41, u tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 127).

107    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti dwar in-natura konċiża jew, fi kwalunkwe każ, mhux eżawrjenti tas-sommarju tas-seduti, kif jidher fil-minuti tas-seduta, il-Qorti Ġenerali tqis li, fir-rigward tax-xhieda tagħha, ir-rikorrenti baqgħet ma wrietx li r-risposti tagħha għad-domandi magħmula mill-kumitat konsultattiv ma kinux ġew stabbiliti jew ma kinux ġew suffiċjentement esposti fil-minuti li jirrigwardawha. L-istess jgħodd għas-seduti ta’ xhieda oħra li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali tqis li r-rapporti pprovduti mill-Parlament kienu suffiċjenti fid-dawl tal-għan informattiv li kien hemm bżonn, f’dan il-każ għall-formulazzjoni, mill-kumitat konsultattiv, tal-opinjoni tiegħu.

108    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq “żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ assistenza u tad-dmir ta’ premura kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal

109    Insostenn tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-ASTK, fid-deċiżjoni kkontestata, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, wettqet “żball manifest ta’ evalwazzjoni” meta rrifjutat li tiddeskrivi l-ġrajjiet, li hija ddeskriviet fit-talba għal assistenza, bħala li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u, għalhekk, huwa bi ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li joħloq obbligu ta’ assistenza fuq l-ASTK, li din it-talba kienet ġiet miċħuda. B’dan il-mod, l-ASTK naqset ukoll mid-dmir tagħha ta’ premura.

110    B’riferiment għal-lista, imħejjija mill-ASTK f’komunikazzjoni interna tal-11 ta’ Mejju 2016, ta’ aġir li jista’ jiġi kklassifikat bħala fastidju psikoloġiku, ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li sostniet l-ASTK fid-deċiżjoni kkontestata, meta invokat il-kuntest tad-diffikultajiet organizzattivi tal-unità, hija kienet ġiet suġġetta, min-naħa tal-kap tal-unità tagħha għal kritika kontinwa, nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-opinjonijiet li hija setgħet tesprimi, sorveljanza eċċessiva ta’ xogħolha, insulti jew rimarki inġurjużi, aġir intiż biex tiġi injorata, ostilità permanenti u aġir intiż biex jumiljaha jew jirredikolaha minħabba x-xogħol tagħha. F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Parlament fir-risposta tiegħu, il-klassifikazzjoni ta’ atti ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kinitx teħtieġ li kienu intenzjonati deliberatament biex jiddegradaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-vittma.

111    L-aġir li r-rikorrenti tilmenta dwaru jidher fid-deskrizzjoni tal-fatti kontenzjużi magħmula minnha fit-talba għal assistenza. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-ASTK, u issa l-Parlament, l-aġir aggressiv, ironiku u sarkastiku tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv fil-konfront tagħha ma setgħu bl-ebda mod jiġu ġġustifikati minn diffikultajiet operattivi tal-unità fejn l-imsemmi kap tal-unità kien mistenni jirrimedja u li, fi kwalunkwe każ, dan tal-aħħar ma kienx awtorizzat, fil-kwalità tiegħu ta’ kap tal-unità, li jadotta aġir bħal dan, bi ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, biex jirrimedjahom.

112    Il-Parlament jitlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala mhux fondat. Jinnota li l-kritika indirizzata lir-rikorrenti mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv kienet direttament relatata mal-bżonn li jittejjeb il-funzjonament tal-unità u li r-rikorrenti nnifisha ammettiet li dawn il-kritiki kienu saru matul il-laqgħat dwar il-fatt li s-servizz ma kienx qed jiffunzjona sew, wara l-argumentazzjoni ta’ żieda fil-piż tax-xogħol u r-ristrutturar tas-servizzi operattivi. Filwaqt li jirrikonoxxi li ċerti dikjarazzjonijiet ta’ dan il-kap tal-unità kienu xi kultant eżaġerati jew ta’ dispjaċir, bħal dawk iċċitati mir-rikorrenti fir-rikors tagħha, il-Parlament jargumenta, madankollu, li dawn ma kinux ibbażati fuq akkużi abbużivi u kienu mingħajr ebda konnessjoni mal-fatti oġġettivi imputabbli lir-rikorrenti u li għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ tensjoni, li kienet teżisti f’dak iż-żmien, minħabba li l-unità ma kinitx qed tiffunzjona sew u żieda fl-ammont ta’ xogħol.

113    Il-Parlament iqis, fir-rigward tal-evokazzjoni mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv ta’ tmiem il-kuntratt tar-rikorrenti, li din tal-aħħar ma ġabitx provi li juru li dawn id-dikjarazzjonijiet eventwali saru f’perspettiva differenti minn dik marbuta mal-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, peress li l-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tar-rikorrenti taqa’ fil-kompetenza tal-kap tal-unità tagħha.

114    Skont il-Parlament, anki jekk huwa ta’ dispjaċir li l-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv kien żvela t-tressiq, mir-rikorrenti, tat-talba għal assistenza, dan ma jikkostitwixxix, fih innifsu, fastidju psikoloġiku.

115    Fl-aħħar nett, il-Parlament isostni, fir-rigward tad-dmir tiegħu ta’ premura, li ħa inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti u assenjaha mill-ġdid f’dipartiment ieħor.

–       Fuq il-kunċett li jirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal ta’ “fastidju psikoloġiku”

116    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), il-Qorti Ġenerali kienet, b’deċiżjoni ġudizzjarja, iddefinixxiet il-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku” bħala li jikkorrispondi, indipendentement mill-perċezzjoni suġġettiva li seta’ jkollha tiegħu l-persuna allegatament vittma, għal numru ta’ elementi rilevanti li jippermettu li jiġi stabbilit li din il-persuna kienet ġarrbet aġir li kellu bħala għan, oġġettivament, li jiskreditaha jew li jiddegrada deliberatament il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, EU:T:2001:69, punt 286, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Schochaert vs Il-Kunsill, T‑136/03, EU:T:2004:229, punt 41). Għalhekk, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, l-aġir inkwistjoni għandu oġġettivament ikollu natura intenzjonali (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il-Kummissjoni, T‑144/03, EU:T:2005:158, punt 65, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 83).

117    Minn meta daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 12a(1) u (3) tar-Regolamenti tal-Persunal, jgħid li “[l-]uffiċjali għandhom joqogħdu lura minn kull forma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali” u l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala “kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perjodu, hija ripetittiva jew sitematika u tinvolvi atteġġament fisku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fisika jew psikoloġika ta’ xi persuna”.

118    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kliem tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma rriproduċiex ir-rekwiżit ġurisprudenzjali preċedenti, imfakkar fil-punt 116 iktar ’il fuq, li jgħid li, sabiex ikun hemm il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, aġir għandu jkollu oġġettivament bħala għan, li “jiskredita jew li jiddegrada deliberatament il-kundizzjonijiet tax-xogħol” tal-persuna li fir-rigward tagħha dan l-aġir kien ġie mmanifestat.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ammess li l-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku huwa ddefinit, skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala “imġiba mhux xierqa” li, l-ewwel nett, timmaterjalizza permezz ta’ aġir, kliem, atti, ġesti jew kitbiet “tul perjodu, [huma] ripetittiv[i] jew sitematik[i]”, li jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li essenzjalment iseħħ tul iż-żmien u jippresupponi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu u li huwa “intenzjonali”, għall-kuntrarju ta’ “aċċidentali”. It-tieni nett, sabiex jaqgħu taħt dan il-kunċett, dawn l-imġiba, kliem, atti, ġesti jew kitba għandu jkollhom l-effett li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, HQ vs CPVO, T‑592/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:897, punt 101; ara, ukoll, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-imġiba, kliem, atti, ġesti jew kitba inkwistjoni jkunu twettqu bl-intenzjoni li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku mingħajr ma jiġi pprovat li l-persuna responsabbli għall-fastidju kellha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita lill-vittma jew li tiddegrada intenzjonalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti li dan l-aġir, ġaladarba jkun twettaq volontarjament, ikun oġġettivament ta lok għal tali konsegwenzi (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Cantisani vs Il-Kummissjoni, F‑71/10, EU:F:2012:71, punt 89, u tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Fl-aħħar nett, billi l-aġir inkwistjoni għandu, skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikollu natura abbużiva, isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ “fastidju” hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun oġġettivament u suffiċjentement reali, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u li jitqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, jikkunsidra l-aġir jew l-att inkwistjoni bħala eċċessiv u kritikabbli (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 65, u tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 78).

122    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġurisprudenzjali li għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv li għat-trattament tiegħu għandu jiġi indirizzat b’mod kronoloġiku kull avveniment imsemmi mir-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma jiġi evalwat b’mod ġenerali sabiex jiġi ddeterminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-ASTK wettqitx żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, u, għaldaqstant, kisritx kemm l-Artikolu 12a kif ukoll l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tikkostitwixxi kunċett oġġettiv u li, anki jekk hija bbażata fuq klassifikazzjoni kuntestwali ta’ atti u ta’ aġir ta’ terzi, f’dak il-każ ta’ uffiċjali u ta’ membri tal-persunal, li ma huwiex dejjem sempliċi li jsir, ma jfissirx madankollu li jsiru evalwazzjonijiet kumplessi, bħal dawk li jistgħu jirriżultaw minn kunċetti ta’ natura ekonomika (ara, fir-rigward ta’ miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 86, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 40), xjentifika (ara, għad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Rütgers Germany et vs ECHA, T‑94/10, EU:T:2013:107, punti 98 u 99) jew teknika (ara, għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 77), li jiġġustifikaw li jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-amministrazzjoni fl-applikazzjoni tal-kunċett inkwistjoni. Għalhekk, fil-preżenza ta’ allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi mistħarreġ jekk l-ASTK wettqitx żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tad-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku msemmi f’din id-dispożizzjoni, u mhux ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti.

–       Fuq l-allegat aġir kontenzjuż

124    Ir-rikorrenti tispjega li, filwaqt li hija dejjem kellha relazzjoni tajba fuq ix-xogħol tagħha, u tliet kapijiet ta’ unità suċċessivi kienu ssodisfatti biha, fejn l-aħħar wieħed minnhom kien il-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, l-aġir ta’ dan tal-aħħar inbidel fil-konfront tagħha minn tmiem is-sena 2011 u, iktar u iktar, matul is-sena 2012. Dan l-aġir kien kompla wkoll wara dan il-perijodu, jiġifieri minn Diċembru 2012 sa Settembru 2014. B’mod konkret, dan il-kap tal-unità kien adottat aġir abbużiv sabiex imaqdarha b’mod sistematiku u li kkonsista fi kritika qawwija, essenzjalment quddiem terzi, fil-preżenza tagħha jew le, imma wkoll, kultant, bil-miktub. Il-kritika prinċipali li kienet ġiet indirizzatha kienet direttament relatata magħha, b’mod partikolari l-problemi allegati ta’ karattru u l-allegata arroganza tagħha. Il-kap tal-unità tagħha għalhekk fakkarha b’mod sistematiku li hu kien ġerarkikament is-superjur dirett tagħha u li hija kellha tobdih, bl-istess mod li huwa kien talabha b’mod insistenti biex tiġġustifika l-azzjonijiet tagħha, mingħajr madankollu ma jislet konklużjoni tal-ġustifikazzjonijiet li kienet tagħti b’risposta. Huwa allegatament poġġieha taħt pressjoni billi heddidha li jtemm ir-relazzjoni ta’ impjieg jew, ta’ mill-inqas, heddidha li ma jitlobx it-tiġdid tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt. Biex jindirizzaha, huwa allegatament uża l-kliem “Min taħseb li inti, is-Sinjura Markiża?” u kkritika l-“problemi tal-karattru” tagħha. Issa, ir-rikorrenti takkuża, għall-kuntrarju, li l-kap tal-unità kellu reazzjonijiet li ma kinux iġġustifikati.

125    Pereżempju, fir-rigward tan-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv fl-implimentazzjoni ta’ proċedura speċifika għat-trattament ta’ talbiet tal-midja, li l-ewwel kellhom jgħaddu mis-sezzjoni awdjoviżiva kkoordinata mir-rikorrenti, hija tikkunsidra li kien leġittimu li kienet ilmentat f’posta elettronika tal-25 ta’ Ottubru 2011.

126    Bl-istess mod, fir-rigward tal-posta elettronika li kien indirizzalha l-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv fis-26 ta’ Settembru 2011, u fejn bagħat kopja wkoll lil żewġ membri oħra tal-persunal tas-settur Newsdesk Hotline, posta elettronika li fiha dan tal-aħħar irrileva li kien talab inutilment għal diversi drabi li din l-unità tgħin lil persuna ta’ settur ieħor dwar iż-żjara ta’ delegazzjoni tar-Repubblika Tuneżina, il-posta elettronika tagħha b’risposta, tas-26 ta’ Settembru 2011, kienet tikkostitwixxi risposta xierqa u eżawrjenti li turi n-natura infondata ta’ din l-akkuża, li fl-aħħar mill-aħħar, kienet essenzjalment tolqot lilha, personalment.

127    Barra minn hekk, fir-rigward tal-posta elettronika tad-19 ta’ Jannar 2012, li permezz tagħha r-rikorrenti kienet ipprovdiet informazzjoni lid-Direttur tad-Direttorat għall-Midja dwar kif tkun organizzata t-tmexxija ta’ xandira ta’ televiżjoni Franċiża, ir-rikorrenti tqis li l-posta elettronika tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, tad-19 ta’ Jannar 2012, li fiha kien ikkritikaha li kienet prematurament tat lid-Direttur tad-Direttorat għall-Midja informazzjoni fuq dan l-avveniment, filwaqt li huwa stess kien qed jipprepara risposta komprensiva li tispeċifika l-kontribuzzjoni tal-atturi kollha involuti, ir-rikorrenti tqis din l-akkuża mhux iġġustifikata kif ukoll dik li tagħmilha ta’ “kavallier waħdu” filwaqt li “[t]ibbumbardja” s-servizzi l-oħra b’informazzjoni li suppost kellu jibgħat u jikkoordina fil-kapaċità tiegħu bħala kap tal-unità u dik li tagħti stampa xejn professjonali u li ma kinitx allegatament tirrifletti ħidma fi grupp, anzi ma kinitx isservi ta’ promozzjoni tax-xogħol ta’ tim tas-servizz.

128    Wara posta elettronika li kienet indirizzat fit-28 ta’ Frar 2012 lil settur ieħor biex tiġi mgħarrfa b’bidla, żidiet jew tneħħija ta’ suġġetti fuq il-kanal EuropeBySatellite (iktar ’il quddiem l-“EbS”), ir-rikorrenti tiddeplora t-ton u l-kontenut tal-posta elettronika li indirizzalha l-kap tal-unità tagħha fl-istess jum, kif ukoll it-tieni skambju ta’ posta elettronika li segwa u fejn osservalha li kien hemm erba’ persuni fin-Newsdesk Hotline u li, għalhekk, waħda mill-erba’ persuni tiegħu setgħet tajjeb ħafna, hija stess, ikollha bħala kompitu li ssegwi u tidentifika l-bidliet fuq l-EbS, filwaqt li kkonkluda li ma kienx possibbli li “l-ħin kollu tgħaddi r-responsabbiltà/jew il-“ballun” lill-oħrajn ([“] aħna m’aħniex informati!![’])” filwaqt li l-erba’ persuni tan-Newsdesk Hotline jintalbu “jkunu interattivi internament u esternament għar-riċerka tal-informazzjoni”.

129    Ir-rikorrenti ssemmi wkoll skambju ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar laqgħa fuq l-avveniment “Rabat (Il-Marokk) – Euromed”, li kienet issejħet minn persuna minn settur ieħor u fejn waħda biss minn erba’ persuni li jaħdmu man-Newsdesk Hotline kienet finalment marret hemm. Hija tiddeplora, f’dan ir-rigward, il-kritika magħmula mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv tat-tliet persuni neqsin, fosthom ir-rikorrenti, f’posta elettronika fejn enfasizza li kien inutli li jissejħu laqgħat ta’ koordinazzjoni biex finalment tispiċċa bi tliet persuni, jiġifieri hu stess, il-persuna li sejħet il-laqgħa u l-unika persuna min-Newsdesk Hotline li marret għal din il-laqgħa. Issa, skont ir-rikorrent, kienet ħaġa tas-soltu, għal dan it-tip ta’ laqgħat, li dan is-servizz ikun irrappreżentat minn persuna waħda, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li kien issuġġerixxa l-kap tal-unità fil-posta elettronika ta’ kritika tiegħu, il-preżenza tat-tlieta l-oħra, fosthom hija stess, ma kinitx meħtieġa.

130    Ir-rikorrenti tiddeplora wkoll t-ton u l-kontenut ta’ skambju ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Mejju 2012. F’dan ir-rigward, fl-ewwel posta elettronika indirizzata lill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv u, b’kopja, lil tmien persuni u lil dipartiment, ir-rikorrenti kienet, f’post scriptum, talbet lil wieħed minn dawn id-destinatarji dan li ġej:

“[X], tista’ fil-futur tistenna sakemm aħna niffinalizzaw ir-riċerka u l-konsultazzjonijiet tagħna tal-partijiet ikkonċernati qabel ma ‘tifforwardjaw’ e-mail b’informazzjoni nieqsa jew mhux kompluta fir-rigward tas-settur tiegħi”.

131    F’posta elettronika b’risposta, indirizzata lir-rikorrenti u, b’kopja, lill-persuna msemmija minnha kif ukoll lil persuna oħra, il-kap tal-unità kien kiteb dan li ġej:

“Hemm bżonn li nieqfu milli rridu npoġġu [mill-ġdid] lil kulħadd f’postu … Dan il-fajl […], ġustament u bi professjonalità, kien jaħdem fuqu [X] […]. Ma kellix żmien biex nirreaġixxi qabel, imma beħsiebni nagħmel laqgħa magħkom dwar dan kemm jista’ jkun malajr. Ma apprezzajtx il-posta elettronika skambjata fuq dan il-fajl. Hija ħaġa li jsir indiċi u tiġi ffissata sistema ta’ xogħol, […] u hija ħaġa [għalkollox differenti] li ma tirrispettax l-edukazzjoni mal-kollegi. It-telefown jevita wkoll ħafna nuqqas ta’ ftehim. Dawn il-metodi kollha spiċċaw għalija u rrid nirreaġixxi bil-qawwi kontra dawn l-azzjonijiet, li huma kompletament barra mir-regoli bażiċi tax-xogħol tagħna flimkien, u neżiġi r-responsabbiltajiet diretti ta’ dawk li ma fehmux il-messaġġi li jien ripetutament indirizzajt lilkom lkoll. Il-messaġġ huwa ċar. Aħna nibqgħu tim li għandu u ser jaħdem flimkien, tkun xi tkun il-konsegwenza. M’għandix għalfejn nirrispetta ‘settur’ li jagħmilha ta’ kavallier waħdu jew li jgħid tiegħu tal-aħħar. Din hija u tibqa’ l-kompetenza esklużiva tiegħi.”

132    Ir-rikorrenti mbagħad kienet irrispondiet din l-aħħar posta elettronika li hija ma kinitx taqbel mal-kap tal-unità u li hija kienet tqis li, għal darba oħra, kien is-settur tan-Newsdesk Hotline “li [kien] jiġi inkulpat” filwaqt li setturi oħra “ma kinux jiffunzjonaw sew, kienu jżommu l-informazzjoni jew jiżraw il-konfużjoni”. Dejjem f’din il-posta elettronika, hija enfasizzat li, f’ħafna każijiet, il-membri tan-Newsdesk Hotline ffaċċjaw fatt komplut minn setturi oħra u ma fittxew li jgħidu tagħhom l-aħħar. Barra minn hekk, hija indikat li hi u l-membri l-oħra tan-Newsdesk Hotline kienu eżawriti b’dan kollu.

133    Matul laqgħa tal-unità, li saret fl-10 ta’ Mejju 2012 u li kellha l-għan li tiddiskuti l-problemi eżistenti fl-unità u biex jiġu proposti soluzzjonijiet, il-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, skont ir-rikorrenti, qabad magħha direttament, u kkritikaha apertament u esklużivament, u akkużaha li żammet l-informazzjoni u ma wrietx spirtu ta’ tim u għalhekk, prattikament akkużaha li kienet responsabbli għall-fatt li l-unità ma kinitx qiegħda tiffunzjona sew. Huwa attakkaha personalment ukoll, meta staqsiha dwar suġġetti oħra li ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-koordinazzjoni tat-tliet ċentri ta’ interess tal-unità u mingħajr ma taha l-opportunità li tirrispondi. F’posta elettronika intitolata “Kunfidenzjali” indirizzata lill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv fit-12 ta’ Mejju ta’ wara, Y indika ukoll li kien “mar id-dar [b’]balla fl-istonku [tiegħu] u [kien] raqad ħażin”. Skont din il-persuna, “din il-laqgħa [kienet] ħarxa ħafna u [kienet] ħarġet barra mill-kuntest tagħha b’rimarki barra minn lokhom” u staqsiet lilha nnifisha “kif [ir-rikorrenti] irnexxielha trażżan l-emozzjoni u żżomm kalma”. Il-jum ta’ wara dik il-laqgħa, ir-rikorrenti ħadet il-leave tal-mard.

134    Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għal inċident li seħħ matul ix-xahar ta’ Novembru 2012 dwar is-sostituzzjoni, matul il-waqfa ta’ nofsinhar, ta’ kollega tas-servizz ta’ akkreditazzjoni tal-Unità tal-Awdjoviżiv li kellha tieħu ħsieb, waħedha, l-akkoljenza ta’ ġurnalisti fil-Parlament matul żjara ta’ sittax-il Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern għal avveniment intitolat “Friends of Cohesion”. Matul il-ġurnata, il-kap tal-unità kasbar lir-rikorrenti minħabba li l-membri tan-Newsdesk Hotline ma kinux żguraw ir-rinforz li kien talab biex kollega tagħhom, Z, setgħet tieħu l-pawża tagħha għall-ikel. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li hija kellha skambju ta’ posta elettronika fl-4 ta’ Ottubru 2012, ma’ Z sabiex tipprovdilha appoġġ biex tkun tista’ tieħu dik il-pawża.

135    Madankollu, f’posta elettronika tat-13 ta’ Novembru 2012, indirizzata lill-membri tal-unità, il-kap tal-unità indika li, anki għalkemm Z ma kinitx ilmentat, hu u kollegi oħrajn kienu osservaw li s-sostituzzjonijiet b’rotazzjoni tal-persuna kkonċernata, li huwa kien talab li ssir sa minn Settembru, ma kinux ġew osservati, bir-riżultat li hija ma setgħetx tieħu pawża. Kompla jgħid dan li ġej:

“Fl-aħħar nett, għadni kemm tkellimt mal-persuna li sa issa tiżgura l-koordinazzjoni tat-tim, li weġbitni b’ton provokanti, sgradevoli għall-aħħar, wara li fakkartha li llum bil-wasla ta’ numru kbir ta’ timijiet għal [‘Friends of Cohesion’] u għas-smigħ tal-Kummissarji, kien hemm bżonn li tingħata daqqa ta’ id kbira lil [Z]. Il-messaġġ ma jidhirx li ġie kkunsidrat fil-‘prijoritajiet’ tagħkom tal-ġurnata […] Ma nara, kif iddiskutejna ilbieraħ [matul] il-laqgħa tal-ippjanar, xejn iktar importanti llum minn din l-akkoljenza ta’ ġurnalisti mill-wasla [tagħhom] u, naturalment, nixtieq issa ppjannar vinkolanti b’isem kuljum biex tiġi ssostitwita l-kollega tagħna mill-inqas matul il-pawża ta’ nofsinhar u fi kwalunkwe ħin li tixtieq, pereżempju, kif tagħmlu wkoll [biex] tieħu l-leave. [N]ispera li dan il-messaġġ huwa ċar biżżejjed għal kulħadd […] Intom tagħmlu parti minn tim u jekk xi ħadd ma jkunx f’postu fostna, intom liberi li tfittxu xogħol x’imkien ieħor li jkun iktar adatt għax-xewqat tagħkom”.

136    Sussegwentement, il-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv kien informa lir-rikorrenti, waqt laqgħa li saret fl-4 ta’ Diċembru 2012 fil-preżenza ta’ assistent, li kien hu li jikkmanda, kemm jekk dan jogħġob lir-rikorrenti jew le. F’dan il-kuntest, skont kliem ir-rikorrenti, huwa ddikjara b’ton ta’ theddid dan li ġej:

“It-tim jaħdem bik jew mingħajrek, jiena nirċievi ta’ kuljum, mijiet ta’ [curriculum vitae] ta’ persuni li jafu jagħmlu tajjeb dak li tagħmel int. Jekk ma intix se tibdel l-attitudni, se nieħu deċiżjoni.”

137    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kap tal-unità, mingħajr ma hija kienet preżenti, ikkritika l-ħidma tat-tim li hija kienet tikkoordina, b’mod partikolari waqt żewġ laqgħat u dan ir-rikorrenti kienet irrilevatu f’posta elettronika tagħha tat-12 ta’ Novembru 2013 li fiha esprimiet id-diżappunt tagħha għal tali aġir tal-kap tal-unità. Barra minn hekk, hija tipproduċi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, skambju ta’ posta elettronika tat-18 ta’ Marzu 2014 bejn Y u l-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv fejn Y indika lil dan tal-aħħar li kkunsidra “l-għan tal-laqgħa [li saret fis-17 ta’ Marzu 2014 kien] li jikkastiga u jmaqdar persuni [u] servizz assenti”. Barra minn hekk, minn naħa, hija tipproduċi posta elettronika tal-ex segretarja tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv li meta ġiet assenjata mill-ġdid tagħha f’servizz ieħor, kitbet dan li ġej:

“L-esperjenza tiegħi fl-awdjoviżiv?! Qisek xi ddrogata tal-eroina: fejn tfaqqa’ d-droga għax taħseb […] li ser issib il-ġenna mentri tkun dejjem nieżel iktar fl-infern. Qatt ma kont iktar kuntenta minn meta tlaqt.”

138    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssemmi r-riżenja ta’ assistenta tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, ippreżentata f’posta elettronika xotta tas-27 ta’ Jannar 2015, bħala sinjal ta’ malessri maħluq bl-aġir tal-imsemmi kap tal-unità.

139    Fil-25 ta’ Settembru 2014, waqt laqgħa msejħa mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, seħħet tilwima bejnu u r-rikorrenti. F’dan il-kuntest, filwaqt li talbitu jiftaħ l-istorja ta’ softwer tal-kompjuter sabiex jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li kien qed isostni, il-kontribuzzjonijiet tal-membri tan-Newsdesk Hotline kienu pożittivi, huwa qatgħalha brutalment kliemha u fakkarha li kien hu l-kap u li kien hu li jiddeċiedi jekk persuna kellhiex tirrappreżenta settur waqt laqgħat tas-servizz Kien ikkonkluda wkoll li n-Newsdesk Hotline ma kienet isservi għal xejn.

140    Wara dan l-inċident, ir-rikorrenti żaret is-servizz mediku tal-Parlament u, mis-26 ta’ Settembru 2014, hija tqiegħdet fuq leave tal-mard u, minn dak iż-żmien ’l hawn, ma marritx lura għax-xogħol. F’dan ir-rigward, hija tqis li, bi ksur tad-dmir ta’ premura, iċ-ċertifikati mediċi li hija kienet ipprovdiet ma kinux ġewx ikkunsidrati biżżejjed mill-ASTK fil-kuntest tat-trattament tat-talba għal assistenza.

–       Fuq l-evalwazzjoni individwali tad-diversi istanzi ta’ aġir kontenzjuż

141    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, għalkemm ma huwiex eskluż li l-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv seta’ adotta ton mhux xieraq f’laqgħat tal-unità jew matul id-diskussjonijiet mar-rikorrenti, kliem jew ġesti aċċidentali, anki jekk jistgħu jidhru li ma humiex xierqa, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 95).

142    Barra minn hekk, meta titqies id-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, la deċiżjonijiet amministrattivi fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tas-servizzi, anki jekk ikunu diffiċli li jiġu aċċettati, u lanqas nuqqas ta’ qbil mal-amministrazzjoni dwar dawn l-istess kwistjonijiet, ma jistgħux fihom innifishom jipprovaw l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.(ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, EU:F:2014:214, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    F’dan il-każ, il-fatti deskritti juru, ċertament, relazzjoni ta’ kunflitt f’kuntest amministrattiv diffiċli, imma ma jurux atti ta’ natura abbużiva jew eċċessiva, u l-kliem u l-aġir iddokumentati l-iktar l-iktar juru ġestjoni diffiċli, u xi drabi goffa, ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv.

144    Fil-fatt, jekk it-ton użat mill-kap tal-unità f’uħud minn din il-posta elettronika jista’ kultant jidher pjuttost familjari jew inqas elaborat minn perspettiva lingwistika jew stilistika, mingħajr b’daqshekk ma hu eċċessiv, madankollu dan għandu jitpoġġa fil-kuntest ta’ diffikultajiet ta’ funzjonament tas-servizz, wara r-ristrutturar tiegħu.

145    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-parti l-kbira tal-posta elettronika, prodotta mir-rikorrenti u li kienet ġiet indirizzata lilha mill-kap tal-unità tagħha, kienet tikkonċerna twiddib magħmul minn dak il-kap tal-unità, li, bħala prinċipju, jaqa’ fil-kamp ta’ kompetenzi tiegħu bħala superjur ġerarkiku.

146    B’hekk, fir-rigward tal-posta elettronika fejn huwa bagħat lir-rikorrenti twiddibiet għal aġir, azzjoni jew ommissjoni li ma qiesx li kienu konformi mal-ħtiġijiet tas-servizz, bħal posta elettronika tas-26 ta’ Settembru 2011 u tad-19 ta’ Jannar, tat-28 ta’ Frar u tad-19 ta’ Marzu 2012, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn ma jidhrux neċessarjament bħala eċċessivi jew kritikabbli għal osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet. Għaldaqstant, tali twiddib, magħmul f’termini meqjusa, jistgħu jkunu oġġettivament iġġustifikati fid-dawl tal-aġir tar-rikorrenti kkritikata mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv.

147    Fil-fatt għandu jitfakkar li l-kritika ta’ superjur ġerarkiku dwar it-twettiq ta’ biċċa xogħol jew dover minn subordinat tiegħu ma hijiex fiha nnifisha aġir mhux xieraq, għaliex, jekk ikun hekk, il-ġestjoni ta’ servizz issir prattikament impossibbli (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 97, u tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 87). Bl-istess mod, kummenti negattivi magħmula lil membru tal-persunal ma jippreġudikawx neċessarjament il-personalità, id-dinjità jew l-integrità tiegħu meta jkunu fformulati f’termini meqjusa u ma jkunx ibbażati fuq akkużi abbużivi u nieqsa minn kwalunkwe konnessjoni ma’ fatti oġġettivi (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 87; ara wkoll, f’dan s-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, EU:F:2010:12, punt 110).

148    Issa, fir-rigward tal-posta elettronika tas-26 ta’ Settembru 2011, indipendentement mill-ispjegazzjonijiet mressqa sussegwentement mir-rikorrenti li fir-rigward tagħhom il-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv ma kellux, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, neċessarjament l-obbligu li jieħu pożizzjoni bil-miktub u lanqas f’limitu ta’ żmien speċifiku, l-imsemmi kap tal-unità sempliċiment irrifletta lment, ta’ kollega minn servizz ieħor, dwar in-nuqqas ta’ appoġġ tar-rikorrenti u ta’ membri oħra tan-Newsdesk Hotline. Din it-twiddiba, magħmula f’termini meqjusa, ma kinitx tidher eċċessiva jew kritikabbli għal osservatur estern imparzjali u raġonevoli.

149    Fir-rigward tal-posta elettronika tad-19 ta’ Jannar 2012, jidher li, sa fejn ir-rikorrenti kienet ħadet l-inizjattiva li tipprovdi informazzjoni lid-Direttur tad-Direttorat għall-Midja, superjur ġerarkiku tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, mingħajr ma rreferiet għal dan tal-aħħar, ma kienx mhux xieraq li l-imsemmi kap tal-unità jilmenta mar-rikorrenti u jfakkarha, f’termini meqjusa, l-eżiġenzi tiegħu jiġifieri li l-membri tal-unità kellhom jaġixxu b’mod kollettiv u taħt l-awtorità ġerarkika tiegħu, anki jekk huwa minnu li, mil-lat formali, it-ton ta’ din il-posta elettronika seta’ kien iktar ikkurat. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrenti kellha l-okkażjoni jew id-drawwa fl-imgħoddi u sussegwentement, li tikkomunika direttament mad-direttur inkwistjoni ma huwiex rilevanti, peress li huwa stabbilit li l-kap tal-unità kien is-superjur ġerarkiku dirett tagħha u, f’dan ir-rigward, seta’ jeżiġi minnha li taġixxi f’qafas kollettiv.

150    Fir-rigward tal-iskambju ta’ posta elettronika tat-28 ta’ Frar 2012, għandu jiġi rrilevat li, fil-posta elettronika tagħha mibgħuta fil-11:04, ir-rikorrenti kienet informat lill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv li “[kien] hemm bżonn li xi ħadd mill-EbS […] iħabbar [lin-Newsdesk Hotline] il-bidliet jew id-dubji biex ikun hemm informazzjoni kredibbli fil-konfront tal-‘klijenti’ [tagħhom]”. Għaldaqstant, billi eżiġiet li persuna mill-uffiċċju responsabbli mill-EbS tinforma f’ħin reali lin-Newsdesk Hotline b’dawn il-bidliet, ma kienx mhux xieraq li l-kap tal-unità jweġibha li mill-perspettiva tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ superjur ġerarkiku li għandu taħt ir-responsabbiltà tiegħu kemm in-Newsdesk Hotline kif ukoll l-EbS, persuna minn fost l-erba’ persuni fil-kariga fi ħdan in-Newsdesk Hotline kellha tassumi dan il-kompitu li r-rikorrenti kienet tqis meħtieġ u xtaqet tarah meħud minn terza persuna.

151    Barra minn hekk, din il-posta elettronika ma kellhiex lir-rikorrenti bħala uniku destinatarja u, anki jekk, għal darb’ oħra, it-ton ta’ din l-ittra seta’ kien inqas familjari, il-kritika hekk indirizzata lir-rikorrenti, imma wkoll lil wieħed mill-kollegi tagħha tan-Newsdesk Hotline, la tidher irraġonevoli u lanqas eċċessiva. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tosserva li, b’risposta għall-posta elettronika tar-rikorrenti u dik tal-kap tal-unità, persuna tal-EbS, f’posta elettronika miktuba bl-Ispanjol, b’mod ċar poġġiet fid-dubju l-veraċità tal-allegazzjoni tar-rikorrenti, li din tal-aħħar kienet ippruvat tkellem lil dan is-servizz permezz tat-telefon, u saħansitra akkużatha li gidbet u li titfa’ t-tort fuq ħaddieħor.

152    Fir-rigward tat-twiddiba magħmula mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, f’ittra elettronika tad-19 ta’ Marzu 2012, fuq l-assenza tar-rikorrenti u ta’ tnejn mill-kollegi tagħha waqt laqgħa, għandu jitfakkar li uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal għandu l-obbligu li jagħmel ruħu disponibbli sabiex jiltaqa’ mas-superjur ġerarkiku tiegħu meta dan tal-aħħar jibgħat għalih għal laqgħa (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, CW vs Il-Parlament, F‑48/13, EU:F:2014:186, punt 123). Għaldaqstant, indipendentement mill-ġustifikazzjonijiet li għamlet wara r-rikorrenti dwar din l-assenza, il-posta elettronika tal-kap tal-unità tad-19 ta’ Marzu 2012 bl-ebda mod ma tidher mhux xierqa għal osservatur imparzjali u raġonevoli.

153    Fir-rigward tal-iskambju ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Mejju 2012, għandu jiġi rrilevat li, fil-posta elettronika mibgħuta inizjalment mir-rikorrenti lill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, lil tmien persuni oħra u lil servizz, din tal-aħħar poġġiet direttament fid-dubju kollega ta’ servizz ieħor, u ssuġġeriet li kien qed jagħti informazzjoni mhux kompleta dwar in-Newsdesk Hotline. Issa, tali affermazzjoni, magħmula fil-kuntest ta’ posta elettronika indirizzata lil diversi destinatarji, setgħet tinftiehem mill-persuna msemmija bħala tmaqdir tal-kwalità ta’ xogħolha, minkejja l-fatt li r-rikorrenti, fid-dawl tal-funzjonijiet tagħha u tal-grad tagħha, bl-ebda mod ma kienet f’pożizzjoni ta’ superjorità ġerarkika li tawtorizzaha tevalwa u tikkummenta dwar il-kwalità tal-prestazzjonijiet professjonali ta’ dik il-persuna. Barra minn hekk, kull uffiċjal jew membru tal-persunal mhux biss għandu joqgħod lura milli jpoġġi fid-dubju, mingħajr bażi, l-awtorità tas-superjuri diretti tiegħu, imma wkoll juri prudenza, b’mod partikolari fl-għażla ta’ destinatarji multipli, meta tintbagħat posta elettronika f’approċċ bħal dan jew bl-għan li kkontestata l-kwalità tax-xogħol ta’ wieħed mill-kollegi tagħhom.

154    F’dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk espressjoni inqas familjari minn “[h]emm bżonn li nieqfu milli rridu npoġġu [mill-ġdid] lil kulħadd f’postu” setgħet intużat mill-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, xorta jibqa’ l-fatt li huwa xieraq u leġittimu li dan jispjega lir-rikorrenti li hija kienet qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha, filwaqt li sserraħ moħħ il-persuna kkonċernata dwar il-kwalità tal-prestazzjonijiet professjonali tagħha, li l-evalwazzjoni tagħhom hija responsabbiltà primarja tal-imsemmi kap tal-unità. Barra minn hekk, filwaqt li r-rikorrenti kienet ressqet l-ilment fil-konfront ta’ X fil-forma ta’ struzzjoni li tinsab fil-posta elettronika tagħha mibgħuta lil diversi destinatarji, il-kap tal-unità ħa ħsieb li jindirizza biss lir-rikorrenti, lil X u lill-persuna responsabbli mill-ippjanar tar-riżorsi ta’ produzzjoni.

155    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ sostituzzjoni ta’ Z, matul l-akkoljenza ta’ ġurnalisti fil-Parlament, l-ebusija tat-ton użat fil-posta elettronika tat‑13 ta’ Novembru 2012 ċertament turi l-eżistenza ta’ kunflitt mar-rikorrenti dwar din il-kwistjoni u, ovvjament, diffikultajiet ta’ komunikazzjoni. Madankollu, din il-posta elettronika ta’ twiddib, li fuq kollox kienet indirizzata lit-tim kollu kkonċernat, ma tikkostitwixxix, bħala tali, kitba li tippreġudika l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrenti jew ta’ membri oħra ta’ dan it-tim.

156    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat theddid ripetut tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv dwar l-intenzjoni tiegħu li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti jekk ma tbiddilx l-imġiba tagħha, mill-proċess jirriżulta li, għalkemm huwa stabbilit li dan il-kap tal-unità esprima pożizzjoni simili fir-rigward tal-membri kollha tan-Newsdesk Hotline, f’dan il-każ fil-posta elettronika tat-13 ta’ Novembru 2012 (ara l-punt 135 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti madankollu baqgħet ma pprovatx l-eżistenza ta’ theddida li l-imsemmi kap tal-unità esprima speċifikament fir-rigward tagħha dwar it-tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha. B’mod partikolari, għalkemm xhud ċertament indika li, fir-rigward tiegħu, il-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv kien fakkru “li kien biss membru tal-persunal temporanju” u għalkemm ieħor “[kien] tal-fehma li l-kuntratt tiegħu stess [kien] ikompli minħabba li ma [kienx] ressaq ilment”, madankollu dan ma jirrigwardax il-kwistjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti nnifisha.

157    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, minn naħa, sakemm ir-rikorrenti kienet qed taħdem, il-kuntratt kien ġie mġedded u, b’mod partikolari, jirriżulta mill-punt 94 tas-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament (T‑584/16, EU:T:2017:282), li l-kap tal-unità għamel dak li kien meħtieġ sabiex il-kuntratti ta’ persuni bħar-rikorrenti jiġġeddu għal sena sħiħa u pprova, fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu, jikseb, sa fejn possibbli, perijodu ta’ tiġdid tal-impenji tagħhom fi ħdan l-unità tiegħu għal żmien itwal minn qabel. Min-naħa l-oħra, minkejja li t-ton tal-posta elettronika tiegħu tat-13 ta’ Novembru 2012 indirizzata lill-kollaboraturi kollha tan-Newsdesk Hotline jista’ jitqies bħala familjari u li ma jistax jiġi eskluż li, matul il-laqgħa msemmija f’din il-posta elettronika, il-kap tal-unità insinwa li l-possibbiltà ta’ tiġdid ta’ kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanji setgħet tiġi evalwata minnu fid-dawl tal-osservanza tal-istruzzjonijiet tiegħu, ma huwiex neċessarjament irraġonevoli li superjur ġerarkiku ikun jista’ juri d-dispjaċir tiegħu dwar l-aġir u l-kwalità tal-prestazzjonijiet professjonali tas-subordinati tiegħu.

–       Fuq l-evalwazzjoni globali tal-aġir kontenzjuż

158    Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi fatti kontenzjużi eżaminati preċedentement b’mod individwali u, għalkemm mhux neċessarjament setgħu ġew iddokumentati kollha, l-elementi jew l-avvenimenti l-oħra kollha deskritti mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha, b’mod partikolari l-iskambji vivaċi li saru waqt il-laqgħat tal-4 ta’ Diċembru 2012 u l-25 ta’ Settembru 2014, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, anki jekk l-istil u t-ton ta’ ċerti kitbiet tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv u l-aġir li wera matul dawk il-laqgħat, jew saħansitra f’diskussjonijiet bilaterali diretti mar-rikorrenti, jistgħu jitqiesu, inkluż mill-perspettiva tat-tidwir lingwistiku, bħala partikolarment dirett u spuntat, jew, għal xi wħud, aċċidentali, bħala li huma sarkastiċi, jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-kuntest li fih dawn ġew ifformulati, b’mod partikolari tal-eżistenza ta’ diffikultajiet organizzattivi, iżda anki t-ton użat mir-rikorrenti nnifisha, b’mod partikolari f’uħud mill-posta elettronika indirizzata lis-superjuri tagħha jew lil kollegi oħra u kif dan ġie rrapportat minn ċerti xhieda, osservatur imparzjali u raġonevoli mhux neċessarjament kien jara l-aġir tal-kap tal-unità kkonċernata bħala abbużiv skont it-tifsira tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

159    F’dan ir-rigward, fuq il-possibbiltà li l-ASTK tevalwa l-fatti kkontestati fid-dawl tal-kuntest ta’ diffikultajiet operattivi tas-servizz, għandu jiġi enfasizzat li, kif stabbilit mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 121 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jinvolvi li jiġi eżaminat jekk il-fatti allegati għandhomx realtà oġġettiva suffiċjenti fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, jikkunsidrahomx bħala eċċessivi u kritikabbli. Issa, f’dan il-każ, id-diffikultajiet operattivi tas-servizz jagħmlu parti mill-kuntest li fih seħħew il-fatti allegati, b’mod li huma setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jinħolqu mill-ġdid il-kundizzjonijiet li fihom dan l-osservatur għandu jitpoġġa biex jiddetermina l-evalwazzjoni li kien iwettaq tal-fatti allegati kieku kien l-ispettatur.

160    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva, f’dan ir-rigward, li t-twiddib tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, espress f’posta elettronika jew matul laqgħat, ma kinux indirizzati esklużivament lir-rikorrenti u li, fil-kwalità tiegħu ta’ superjur ġerarkiku, huwa kellu d-dritt li jittrażmetti istruzzjonijiet, li jfakkarhomlhom u jesprimi, jekk dan kien il-każ, l-iskuntentizza tiegħu dwar il-livell u l-kwalità tal-prestazzjonijiet professjonali tal-membri tal-unità, inklużi dawk tar-rikorrenti. Barra minn hekk, jekk l-ambjent tax-xogħol fi ħdan l-Unità tal-Awdjoviżiv ma kienx neċessarjament mill-iktar sereni, kif donnu jindika t-tluq ta’ żewġ kollaboraturi tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, dan ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku kontra r-rikorrenti. Fl-aħħar nett, id-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti kif ukoll id-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda jindikaw li hija setgħet ikkontribwixxiet għal tensjonijiet imsemmija mill-ASTK fid-deċiżjoni kkontestata, moqrija fid-dawl tal-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015, pereżempju permezz ta’ posta elettronika tal-25 ta’ Settembru 2011 kif ukoll tat-28 ta’ Frar u tat-8 ta’ Mejju 2012.

161    Fir-rigward tad-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-mod kif ix-xhieda ġiet traskritta mill-ġdid biex taqdi l-bżonnijiet ta’ tali dokument, jiġifieri t-tħejjija tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, ma jippermettix li jiġi kkonstatat li huma kienu ġew esposti b’mod mhux komplet u lanqas li ma jistgħux jintużaw bħala prova sostantiva adegwata fil-kuntest ta’ dan il-motiv. B’mod partikolari, hija ma tistax tilmenta lill-kumitat konsultattiv li fformula domandi vagi jew mhux rilevanti, minkejja li kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fit-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva fdata lilu mill-ASTK.

162    Fir-rigward tal-kontenut tax-xhieda, dan ċertament jikkonferma l-eżistenza ta’ “klanns” ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal fi ħdan l-Unità tal-Awdjoviżiv, u wieħed minnhom kien viżibbilment strutturat madwar in-Newsdesk Hotline kkoordinata mir-rikorrenti, kif ukoll diffikultajiet organizzattivi bejn is-setturi differenti ta’ din l-unità, li għandhom implikazzjonijiet fuq il-leġibbiltà ta’ attribuzzjonijiet ta’ dawn għall-interlokuturi ta’ dik l-unità, kemm interni kif ukoll esterni tal-Parlament, imma wkoll fuq l-interazzjonijiet bejn dawn is-setturi, kif juru r-riferimenti, f’dan il-każ, għad-diffikultajiet ta’ sostituzzjoni ta’ persuna fil-pawżi ta’ nofsinhar, u għal dawk li jikkonċernaw l-arranġamenti għat-trażmissjoni ta’ ċerta informazzjoni jew anki dawk li jikkonċernaw l-identifikazzjoni taċ-ċirkuwiti deċiżjonali xierqa għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti.

163    Uħud mix-xhieda donnhom ikkonfermaw il-fondatezza ta’ ċerti allegazzjonijiet tar-rikorrent fir-rigward tal-personalità qawwija tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, ta’ ċerta aggressività tiegħu fil-konfront tagħha u li kien hemm diffikultajiet ta’ relazzjoni bejn il-kap tal-unità u ta’ membri oħra tal-persunal tal-unità tiegħu, li fosthom, madankollu, ħadd ma ressaq talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, numru identiku, jekk mhux ogħla, ta’ xhieda jsemmu aġir mhux xieraq tar-rikorrenti, li jseddqu l-fondatezza tal-kritika tal-kap tal-unità fir-rigward tagħha, kif ukoll l-eżistenza ta’ tilwim professjonali bejn ir-rikorrenti u kollaboraturi oħra tal-Unità tal-Awdjoviżiv, tat-tendenza tagħha li żżomm l-informazzjoni sabiex ma tkunx tista’ tiġi evitata fil-funzjonament tan-Newsdesk Hotline u tal-Unità tal-Awdjoviżiv, tan-nofs ħajra tar-rikorrenti li tagħti daqqa ta’ id lil setturi oħra tal-Unità tal-Awdjoviżiv, jew saħansitra tal-aggressività tagħha u tal-gideb dwar ċerti prestazzjonijiet professjonali tagħha. Ċerti xhieda jindikaw, barra minn hekk, li l-kritika tal-kap tal-unità ma kinitx immirata speċifikament lejn ir-rikorrenti, imma lejn il-funzjonament u r-rendiment tas-settur tan-Newsdesk Hotline, li hija kienet, de facto, tikkoordina.

164    Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, għalkemm id-diversi partijiet mill-proċess ta’ din il-kawża, inkluża l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda, jixħtu dawl fuq ċerti nuqqasijiet evidenti fl-istil ta’ ġestjoni tal-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv, b’mod partikolari insinwazzjonijiet mhux xierqa indirizzati lil diversi membri tal-persunal ta’ din l-unità, fosthom ir-rikorrenti, li kienu liberi li jfittxu “xogħol x’imkien ieħor”, huwa madankollu mingħajr ma tikser l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti li l-ASTK setgħet tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata u b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015, li l-fatti allegati, evalwati globalment, ma jurux l-eżistenza ta’ aġir abbużiv tal-kap tal-unità fil-konfront tar-rikorrenti, fis-sens li osservatur oġġettiv, b’sensittività normali, ma kienx jikkunsidra li s-sitwazzjoni fattwali deskritta kienet ta’ natura li tippreġudika l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrenti.

165    Din il-konklużjoni ma kinitx ikkontestata mill-fatt li l-kap tal-Unità tal-Awdjoviżiv kien ġie informat, mir-rikorrenti, bit-tressiq tat-talba għal assistenza u li hu informa, min-naħa tiegħu, lill-membri tal-unità tiegħu, waqt laqgħa ta’ servizz li saret fit-13 ta’ Jannar 2015. Fil-fatt, huwa ċertament preferibbli, bħala prinċipju, għal raġunijiet ta’ protezzjoni kemm tal-vittma allegata kif ukoll tal-integrità professjonali tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju li, bħala l-ewwel pass, l-ASTK ma tinformax lil dan tal-aħħar, u lanqas lil terzi oħrajn, bit-tressiq ta’ talba għal assistenza u l-identità tal-applikant. Madankollu, billi r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedu ebda dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward, l-ASTK tista’, fi kwalunkwe każ, meta l-vittma allegata kienet is-suġġett, bħal f’dan il-każ, ta’ miżura ta’ tbegħid, tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ talba għal assistenza, li tinforma lill-persuna inkwistjoni f’din l-applikazzjoni bl-eżistenza tagħha, sa fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma tippreġudikax l-effikaċja tal-investigazzjoni, li ma kienx il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, dejjem f’dan il-każ, il-membri tal-Unità tal-Awdjoviżiv kellhom neċessarjament jiġu informati, eventwalment, bl-eżistenza tal-investigazzjoni amministrattiva, peress li dawn kienu ġew mistiedna jixhdu quddiem il-kumitat konsultattiv.

166    Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti, li bih hija tallega, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, “żball manifest ta’ evalwazzjoni” tal-ASTK u ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilmenti l-oħra

167    Fir-rigward tal-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal mill-ASTK, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, sa fejn din l-awtorità kienet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ “turment [fastidju] psikoloġiku” imsemmi fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, ikkonstatat li l-fatti msemmija fit-talba għal assistenza u li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni amministrattiva ma kellhomx finalment jitqiesu bħala li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku, l-imsemmija awtorità ma kellhiex tadotta miżuri ta’ għajnuna addizzjonali. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-miżuri meħuda inizjalment mill-ASTK, jiġifieri t-tbegħid tar-rikorrenti u l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, kienu bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rikorrenti kienet ipproduċiet, fit-talba għal assistenza, prova prima facie suffiċjenti tal-fatti li allegat. Madankollu, peress li, fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, l-ASTK qieset li ma kienx hemm każ ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, din tal-aħħar ma kellhiex għalfejn, b’mod partikolari fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, tadotta miżuri oħra ta’ assistenza u, b’hekk, setgħet tiċħad it-talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

168    Fir-rigward tal-ilment dwar id-dmir ta’ premura tal-ASTK, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għalkemm din l-awtorità kienet, ċertament, obbligata teżamina t-talba għal assistenza bi spirtu miftuħ, id-dmir ta’ premura li hija għandha madankollu ma jimponilhiex li tkun aperta iżjed għar-raġuni li r-rikorrenti kienet ipproduċiet ċertifikati mediċi li jistabbilixxu li hija ma setgħetx taħdem minħabba “burn out”, jew saħansitra li hija kienet qed taffaċċja sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku. Fil-fatt, l-ASTK kienet obbligata teżamina din it-talba għall-assistenza skont id-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li ċ-ċertifikati mediċi prodotti mir-rikorrenti, għalkemm ikunu jistgħu juru li hija għandha problemi psikiċi, madankollu ma jistgħux jistabbilixxu li l-imsemmija problemi jirriżultaw minn fastidju psikoloġiku, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali fastidju, it-tobba hekk ikkonsultati kienu neċessarjament ibbażaw ruħhom esklużivament fuq id-deskrizzjoni li r-rikorrenti kienet għamlitilhom tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha fi ħdan il-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2008, K vs Il-Parlament, F‑15/07, EU:F:2008:158, punt 41, u tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 127) u li, fi kwalunkwe każ, dawn ma kinux applikaw id-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

169    Fl-aħħar nett, sa fejn, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tfittex li tqiegħed fid-dubju l-legalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha, u mhux, kif issostni hija stess, tat-tkeċċija, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa manifestament inammissibbli minħabba l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament (T‑584/16, EU:T:2017:282).

170    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kif ukoll, għaldaqstant, it-talbiet għal annullament fl-intier tagħhom.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

171    Insostenn tat-talbiet tagħha għal kumpens, ir-rikorrenti ssostni li hija ġarrbet dannu morali minħabba l-illegalitajiet imwettqa mill-ASTK fit-trattament tat-talba għal assistenza. B’mod partikolari tidher li ġiet esposta għal inċertezzi kif ukoll għal turmenti u l-istat tas-saħħa tagħha kien iddeterjora b’mod partikolari sa mix-xahar ta’ Settembru 2014. Hija titlob, għal dawn ir-raġunijiet, l-għoti ta’ ammont ta’ EUR 70 000 bħala kumpens għad-danni.

172    Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob ammont addizzjonali ta’ EUR 20 000 bħala kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-irregolaritajiet li affettwa l-proċedura ta’ investigazzjoni, f’dan il-każ fir-rigward tax-xogħol tal-kumitat konsultattiv.

173    Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li l-ASTK kisret il-prinċipju ta’ tul raġonevoli fit-trattament tat-talba għal assistenza u li, barra minn hekk, il-kumitat konsultattiv, għalkemm adit minnha f’kundizzjonijiet li jikkonformaw mal-eżiġenzi flessibbli previsti fir-regoli interni dwar il-fastidju, ma osservatx dawn ir-regoli u, b’mod partikolari, qatt ma kienet semgħetha fit-terminu ta’ għaxart ijiem imsemmi f’dawn ir-regoli u fil-fatt qatt ma fittex li tikkuntattjaha qabel it-3 ta’ Marzu 2015. Hija tikkritika wkoll il-kalendarju tas-seduti ta’ smigħ ta’ xhieda mill-kumitat konsultattiv u tirrileva, b’mod partikolari, li kienu għaddew iktar minn sitt xhur bejn is-smigħ tagħha, fil-25 ta’ Marzu 2015, u dak tal-aħħar xhieda, li sar fis-6 ta’ Ottubru ta’ wara. Ma’ dan jiżdied il-fatt li, bħala l-ewwel pass, l-ASTK kienet qieset b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015, li l-każ kien ingħalaq. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, hija kienet ġarrbet ukoll dannu morali minħabba l-preżenza, matul is-seduti ta’ smigħ mill-kumitat konsultattiv, ta’ persuni li ma kinux membri ta’ dan il-kumitat u li, għaldaqstant, informazzjoni kunfidenzjali li kienet tikkonċernaha kienet ġiet żvelata.

174    Il-Parlament jitlob li t-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda, filwaqt li jenfasizza li, f’dan il-każ, l-ASTK kienet adottat fil-pront miżuri ta’ assistenza, f’dan il-każ billi ddeċidiet dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, waqt li kienet bil-leave tal-mard, u l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, huwa jqis li r-rikorrenti ma kinitx ressqet ilment lill-kumitat konsultattiv fis-sens tar-regoli interni dwar il-fastidju, peress li l-President tal-kumitat konsultattiv ma kienx destinatarju, b’kopja tat-talba għal assistenza indirizzata lill-ASTK, ħlief bħala kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani tad-Direttorat tar-Riżorsi tad-DĠ “Persunal”, u mhux fil-kapaċità tiegħu ta’ President tal-kumitat konsultattiv. Fl-aħħar nett, il-Parlament iqis li r-rikorrenti baqgħet ma indikatx liema informazzjoni kunfidenzjali kienet ġiet żvelata lil terzi.

175    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-talbiet għal kumpens għal dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta strettament mat-talbiet għal annullament li, huma stess, ikunu ġew miċħuda bħala inammissibbli jew infondati (sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs I-Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 129, u tal-14 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 51)

176    Għalhekk, għall-parti marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

177    Fir-rigward tal-parti tat-talbiet għal kumpens għal dannu morali li huwa allegatament marbut mal-illegalitajiet separabbli minn dawk li kienu affettwaw id-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ funzjonament tal-kumitat konsultattiv, il-Qorti Ġenerali tfakkar li r-rikorrenti kienet, fi kwalunkwe każ, intitolata tressaq talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal quddiem l-ASTK, mingħajr ma tkun suġġetta għal obbligu ta’ riferiment minn qabel tal-kumitat konsultattiv (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, CW vs Il-Parlament, T‑742/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:338, punt 54).

178    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet ressqet it-talba għal assistenza lis-Segretarju Ġenerali u, biss f’kopja lill-President tal-kumitat konsultattiv, lill-President tal-Parlament u lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma kinitx bagħtet kopja tat-talba għal assistenza lil dawn it-tlieta tal-aħħar ħlief għall-informazzjoni biss. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija adixxiet regolarment lill-kumitat konsultattiv bil-każ tagħha. Għalhekk, hija ma tistax tilmenta li l-Parlament ma żgurax l-osservanza, minn dan il-korp intern separat tal-ASTK, tar-regoli interni dwar il-fastidju, b’mod partikolari l-obbligu tal-kumitat konsultattiv, kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-regoli msemmija, li l-allegata vittma tinstema’ f’terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol wara t-talba tagħha.

179    Rigward it-tul ta’ żmien għall-ipproċessar tat-talba għal assistenza, imressqa fil-11 ta’ Diċembru 2014, din kienet damet madwar 18-il xahar, li huwa perijodu pjuttost twil. Madankollu, għandhom jiġu kkonstatati li, l-ewwel nett, tweġibiet ineżatti jew saħansitra kontradittorji, kienu ngħataw mid-Direttur Ġenerali tal-Persunal fl-ittri tiegħu tal-4 ta’ Frar u tal-4 ta’ Marzu 2015 dwar l-intervent ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, in-natura żbaljata tal-informazzjoni mogħtija mill-ASTK kienet ġiet ikkonstatata ulterjorment mis-Segretarju Ġenerali fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015 b’risposta għall-ilment tar-rikorrenti fuq dan il-punt. Barra minn hekk, dan l-aspett tal-kawża diġà ġġustifika li l-Parlament jiġi kkundannat ibati nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament (T‑570/16, EU:T:2017:283).

180    Fir-rigward tal-investigazzjoni mmexxija mill-kumitat konsultattiv, fir-realtà, din żvolġiet biss bejn id-data ta’ meta ġie adit il-kumitat konsultattiv mid-Direttur Ġenerali tal-Persunal, jiġifieri t-2 ta’ Frar 2015, u d-data li fiha dan ta l-opinjoni konsultattiva tiegħu, f’dan il-każ, fit-12 ta’ Ottubru 2015, jiġifieri matul perijodu ta’ iktar minn tmien xhur. Dan il-perijodu ta’ iktar minn tmien xhur, filwaqt li juru dewmien relattiv fil-ħidma tal-kumitat konsultattiv, ma huwiex madankollu irraġonevoli fir-rigward ta’ għadd ta’ xhieda li kellhom jinstemgħu, it-tip u l-għadd tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-fatt li, minħabba l-oriġini interdipartimentali ta’ persuni li jikkomponu din l-istanza konsultattiva, il-laqgħat tal-kumitat konsultattiv ma setgħux isiru regolarment u li dan tal-aħħar kellu, matul dawn il-laqgħat, jisma’ xhieda oħra mitluba minn dak il-kumitat biex jesprimi ruħu dwar każijiet oħra mhux tar-rikorrenti.

181    Għal dak li jirrigwarda l-perijodu li ddekorra bejn id-data ta’ trażmissjoni tal-opinjoni konsultattiva lis-Segretarju Ġenerali u dik tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri iktar minn seba’ xhur, dan huwa spjegat bl-eżerċizzju, mir-rikorrenti, tad-dritt għal smigħ tagħha għar-raġunijiet li għalihom l-ASTK kellha l-intenzjoni li tiċħad l-ilment tagħha.

182    Il-Qorti Ġenerali għalhekk tqis li, inġenerali, it-tul tal-proċedura biex tiġi pproċessata t-talba ta’ assistenza mill-ASTK ma kienx irraġonevoli f’dan il-każ.

183    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-informazzjoni kunfidenzjali ġiet trażmessa lil persuni li ma kinux membri tal-kumitat konsultattiv, minbarra li din ma hija bl-ebda mod ipprovata, il-Qorti Ġenerali tosserva li, fid-dawl tal-minuti tas-seduta, jidher li l-persuni kollha preżenti kienu membri sħaħ u supplenti tal-kumitat konsultattiv, li kien jikkonsisti minn total ta’ disa’ membri u żewġ segretarji. L-argument f’dan ir-rigward għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

184    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda.

185    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

186    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Iżda, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra l-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.

187    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-ASTK ma pprovdietx lir-rikorrenti l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-motivi invokati fl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015 insostenn taċ-ċaħda tat-talba għal assistenza. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-Direttur Ġenerali tal-Persunal u s-Segretarju Ġenerali kellhomx dik l-opinjoni kif ukoll id-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda mill-kumitat konsultattiv għall-finijiet tal-adozzjoni, rispettivament, tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, il-Parlament ipprovda tweġibiet manifestament kontradittorji, kif ġie ġustament irrilevat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tas-26 ta’ Marzu 2018. Fil-fatt, filwaqt li, fir-risposti tagħha għall-istess domanda tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, jiġifieri fir-risposta tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2017 u fis-seduta, il-Parlament sostna li dawn kellhom biss depożizzjoni orali magħmula mill-President tal-kumitat konsultattiv, is-Segretarju Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2018 finalment kkonferma, b’risposta għal talba tal-Qorti Ġenerali magħmula wara s-seduta u minkejja żball ta’ data msemmija mir-rikorrenti, li d-Direttur Ġenerali tal-Persunal u huwa stess kellhom l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u tad-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda.

188    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atitudni tal-Parlament tiġġustifika li għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u li, barra minn hekk, huwa jiġi kkundannat ibati kwart tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati kwart tal-ispejjeż sostnuti minn HF.

3)      HF għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha stess.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Ġunju 2018.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq is-suġġett tar-rikors

Fuq it-talbiet għal annullament

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ kontradittorju

– Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq it-trattament ta’ talba ta’ assistenza stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal

– Fuq l-obbligu tal-ASTK li tgħaddi lir-rikorrenti l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

– Fuq l-obbligu tal-ASTK li tgħaddi lir-rikorrenti d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

– Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt għal smigħ ibbażat fuq in-nuqqas ta’ trażmissjoni, fil-fażi prekontenzjuża, tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji proċedurali peress li l-proċedura segwita mill-kumitat konsultattiv kienet irregolari u parzjali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq “żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ assistenza u tad-dmir ta’ premura kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal

– Fuq il-kunċett li jirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal ta’ “fastidju psikoloġiku”

– Fuq l-allegat aġir kontenzjuż

– Fuq l-evalwazzjoni individwali tad-diversi istanzi ta’ aġir kontenzjuż

– Fuq l-evalwazzjoni globali tal-aġir kontenzjuż

– Fuq l-ilmenti l-oħra

Fuq it-talbiet għal kumpens

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.