Language of document : ECLI:EU:T:2018:406

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

5 ta’ Lulju 2018 (*)

“FAEŻR – L-aħħar sena finanzjarja ta’ implimentazzjoni tal-perijodu ta’ programmazzjoni 2007–2013 – Clearance tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri – Deċiżjoni li tiddikjara li ċertu ammont ma jistax jerġa’ jintuża fil-kuntest tal-programm għall-iżvilupp rurali tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura – Metodu ta’ kalkolu – Artikolu 69(5b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑88/17

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. A. Sampol Pucurull u M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Aquilina u M. Morales Puerta, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2113 tat‑30 ta’ Novembru 2016 dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fl-aħħar sena tal-eżekuzzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FAEŻR 2007-2013 (is‑16 ta’ Ottubru 2014 — il‑31 ta’ Diċembru 2015) (ĠU 2016, L 327, p. 79), li permezz tagħha l-Kummissjoni kkwalifikat bħala “ammont li ma jistax jerġa’ jintuża” l-ammont ta’ EUR 5 364 682.52 fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-aġenzija tal-ħlas ta’ Extremadura,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva u G. De Baere (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005 u (UE) Nru 1306/2013

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2010, L 286M, p. 1), jikkostitwixxi r-regolament bażiku għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), maħluqa fil-kuntest ta’ dan ir-regolament.

2        Ir-Regolament Nru 1290/2005 tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

3        L-Artikoli 23 u 29 tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar, rispettivament, l-impenji baġitarji u d-diżimpenn awtomatiku, baqgħu applikabbli għall-fatti fil-kawża li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ, fl‑20 ta’ Diċembru 2013, tar-Regolament Nru 1306/2013.

4        L-Artikoli 37 u 51 tar-Regolament Nru 1306/2013, dwar, rispettivament, il-ħlas tal-bilanċ u l-għeluq tal-programm kif ukoll il-clearance tal-kontijiet, kienu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, peress li, skont l-Artikolu 121 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar japplika mill‑1 ta’ Jannar 2014 għall-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

5        L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1290/2005 jiddisponu:

“L-impenji baġitarji tal-Komunità għall-programmi għall-iżvilupp rurali […] għandhom isiru f’pagamenti annwali matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2013.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta kull programm għall-iżvilupp rurali ppreżentat minn Stat Membru […] tikkostitwixxi […] ladarba jiġi nnotifikat l-Istat Membru kkonċernat, impenn legali […]”

6        L-Artikolu 29(1) u (7) tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Diżimpenn awtomatiku”, jipprevedi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe porzjon tal-impenn baġitarju għal programm għall-iżvilupp rurali li ma jkunx intuża għall-fini ta’ prefinanzjament jew għat-twettiq ta’ ħlasijiet intermedji jew li għalihom ma ġietx ippreżentata dikjarazzjoni tal-infiq li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti […] fir-rigward tal-infiq imwettaq sal‑31 ta’ Diċembru tat-tieni sena li jmiss wara dik tal-impenn baġitarju.

[…]

7.      F’każ ta’ diżimpenn awtomatiku, il-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għall-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat għandu jitnaqqas, għas-sena inkwistjoni, bl-ammont diżimpenjat awtomatikament. L-Istat Membru għandu jipproduċi pjan finanzjarju rivedut li jaqsam it-tnaqqis tal-għajnuna bejn il-prijoritajiet […]”

7        L-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Pagament tal-bilanċ u għeluq tal-programm”, jiddisponi fil-paragrafu 1:

“Wara li tirċievi l-aħħar rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ żvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ, soġġett għad-disponibbiltà ta’ riżorsi, abbażi tal-pjan finanzjarju fis-seħħ, tal-kontijiet annwali għall-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni għall-programm ta’ żvilupp rurali rilevanti u tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni korrispondenti. Dawk il-kontijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data finali ta’ eliġibbiltà tal-infiq […] u għandhom ikopru l-infiq magħmul mill-aġenzija tal-pagamenti sal-aħħar data ta’ eliġibbiltà tal-infiq.”

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet”, jiddisponi:

“Qabel il‑31 ta’ Mejju tas-sena wara s-sena tal-baġit inkwistjoni u abbażi tal-informazzjoni mibgħuta skont il-punt (c) tal-Artikolu 102(1), il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jkun fihom id-deċiżjoni tagħha dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti akkreditati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikopru il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali ippreżentati […]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, kif emendat bir-Regolamenti (KE) Nru 74/2009 u (KE) Nru 473/2009

9        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23), kien jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali ffinanzjat mill-FAEŻR.

10      Ir-Regolament Nru 1698/2005 tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1). Madankollu, konformement mal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 1305/2013, ir-Regolament Nru 1698/2005 jibqa’ japplika għall-operazzjonijiet implimentati skont il-programmi approvati mill-Kummissjoni Ewropea taħt dak ir-regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, li huwa l-każ f’din il-kawża.

11      Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1698/2005, kull programm għall-iżvilupp rurali kien qed jimplimenta strateġija ta’ żvilupp rurali permezz ta’ sett ta’ miżuri magħquda flimkien f’diversi oqsma. Huwa jkopri perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u l‑31 ta’ Diċembru 2013. L-Istat Membru jista’ jippreżenta jew programm wieħed għat-territorju kollu tiegħu jew sett ta’ programmi reġjonali. Skont l-Artikolu 19 tal-istess regolament, il-programmi kienu eżaminati mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, adattati mill-Istati Membri għall-bqija tal-perijodu wara l-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ. Ir-reviżjonijiet kellhom jieħdu kont tal-eżitu tal-evalwazzjonijiet u tar-rapporti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari bil-ħsieb li jissaħħaħ jew jiġi adattat il-mod kif jitqiesu l-prijoritajiet Komunitarji.

12      L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom”, jipprevedi fil-paragrafu 1:

“L-ammont ta’ appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali taħt dan ir-Regolament mill-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2013, it-tqassim annwali u l-ammont minimu li għandu jkun ikkonċentrat fir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza għandu jkun stabbilit mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, f’konformità mal-perspettiva finanzjarja għall-perijodu mill‑2007 sal‑2013 u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib tal-proċedura baġitarja għall-istess perijodu.”

13      L-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 kien jiddisponi li d-deċiżjoni li tadotta programm għall-iżvilupp rurali għandha tistabbilixxi l-kontribuzzjoni massima mill-FAEŻR għal kull assi fil-limiti tal-flessibbiltà u tiddistingwi b’mod ċar, fejn meħtieġ, l-approprjazzjonijiet allokati għar-reġjuni eliġibbli taħt l-objettiv ta’ “konverġenza”. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-kontribuzzjoni mill-FAEŻR kienet ikkalkolata abbażi tal-ammont ta’ nefqa pubblika meħtieġa.

14      Fid‑19 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 74/2009, li jemenda r-Regolament Nru 1698/2005 (ĠU 2009, L 30, p. 100).

15      Ir-Regolament Nru 74/2009 żied l-Artikolu 16a fir-Regolament Nru 1698/2005. Dan l-artikolu jiddefinixxi fil-paragrafu 1(a) sa (f), ċerti prijoritajiet (iktar ’il quddiem l-“isfidi l-ġodda”) li kellhom ikunu diretti lejn l-Istati Membri fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom.

16      L-Artikolu 16a tar-Regolament Nru 1698/2005 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 473/2009 tal‑25 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolamenti Nru 1698/2005 u Nru 1290/2005 (ĠU 2009, L 144, p. 3), biż-żieda ta’ prijorità supplimentari fil-punt (g) ta’ dan l-artikolu.

17      L-Artikolu 16a(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, kif emendat, kien jiddisponi:

“Sal‑31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri, fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, għandhom jipprevedu tipi ta’ operazzjonijiet li għandhom il-prijoritajiet li ġejjin kif deskritti fil-linji gwida strateġiċi Komunitarji u speċifikati aktar fil-pjani ta’ strateġija nazzjonali:

(a)      tibdil fil-klima,

(b)      enerġiji rinovvabbli,

(c)      ġestjoni tal-ilma,

(d)      bijodiversità,

(e)      miżuri anċillari għar-ristrutturar tas-settur tal-ħalib,

(f)      innovazzjoni marbuta mal-prijoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d),

(g)      infrastruttura tal-Internet tal-broadband fiż-żoni rurali […]”

18      Wara d-definizzjoni ta’ sfidi ġodda u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri ta’ fondi supplimentari sabiex ikunu jistgħu jiffokaw fuq il-prijoritajiet inkwistjoni fil-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali, l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1698/2005 ġie emendat. Ir-Regolament Nru 74/2009 żied ma’ dan l-artikolu il-paragrafi 5a u 5b u r-Regolament Nru 473/2009 żied ma’ dan l-artikolu il-paragrafu 2a u emenda dawn il-paragrafi 5a u 5b ta’ dan l-artikolu.

19      L-Artikolu 69(2a) tar-Regolament Nru 1698/2005 kien jipprevedi:

“Il-parti tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 li tirriżulta miż-żieda tal-impenji globali kif stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/493/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-ammont ta’ appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2013, it-tqassim annwali tiegħu u l-ammont minimu li għandu jiġi kkonċentrat f’reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza […] kif emendata bid-Deċiżjoni 2009/434/KE […] għandha tkun allokata għal tipi ta’ operazzjonijiet relatati mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 16a(1) ta’ dan ir-Regolament.”

20      L-Artikolu 69(5a) tar-Regolament Nru 1698/2005, kif emendat, jiddisponi fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafi:

“Ammont ekwivalenti għall-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 flimkien ma’, mill‑2011, l-ammonti ġġenerati skont l-Artikolu 136 ta’ dak ir-Regolament għandu jintnefaq esklussivament mill-Istati Membri fil-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2010 sal‑31 ta’ Diċembru 2015 bħala appoġġ Komunitarju taħt il-programmi attwali tal-iżvilupp rurali għal operazzjonijiet tat-tipi msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 16a(1) ta’ dan ir-Regolament.

Is-sehem tal-Istati Membri tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 2a għandu jintefaq esklussivament mill-Istati Membri fil-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2009 sal‑31 ta’ Diċembru 2015 bħala appoġġ Komunitarju taħt il-programmi attwali tal-iżvilupp rurali għal-operazzjonijiet tat-tipi msemmija fl-Artikolu 16a(1).”

21      L-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 kien jiddisponi:

“Jekk fl-għeluq tal-programm, l-ammont reali tal-kontribuzzjoni Komunitarja li jkun intefaq fuq l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16a(1), jkun anqas mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 5a ta’ dan l-Artikolu, id-differenza għandha tkun rimborżata mill-Istat Membru lill-baġit ġenerali tal-Komunitjiet Ewropej sal-ammont li bih l-allokazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 16a (1) jkunu nqabżu.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

22      Hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 3 tar-Regolament Nru 473/2009, fil-kuntest tal-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew, fil‑11 u t‑12 ta’ Diċembru 2008, ta’ pjan Ewropew għall-irkupru ekonomiku li jipprevedi l-bidu ta’ azzjonijiet prijoritarji, fondi supplimentari kienu wkoll tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kollha permezz tal-FAEŻR sabiex tiġi żviluppata l-prijorità marbuta mal-internet broadband u t-tisħiħ tal-operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda (iktar ’il quddiem il-“fondi tal-pjan ta’ rkupru”).

23      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/434/KE tal‑25 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/493/KE li tistabbilixxi l-ammont ta’ appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2013, it-tqassim annwali tiegħu u l-ammont minimu li għandu jiġi kkonċentrat f’reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza (ĠU 2009, L 144, p. 25), fondi supplimentari tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kollha permezz tal-FAEŻR mill-fondi tal-pjan ta’ rkupru. Konformement mal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/545/KE tas‑7 ta’ Lulju 2009 li tistabbilixxi t-tqassim annwali, skont l-Istati Membri, tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 69(2a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 2006/636/KE (ĠU 2009, L 181, p. 49), ammont totali ta’ EUR 76 296 000 ġie allokat lir-Renju ta’ Spanja.

24      Kif jirriżulta mill-premessi 1, 9 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7), il-Komunità Ewropea, fid-dawl tal-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “It-tħejjija għall-‘Kontroll tas-Saħħa’ tar-riforma tal-PAK”, qieset li s-settur agrikolu kellu jaffaċċja għadd ta’ sfidi ġodda kumplessi u li kien hemm lok li tittieħed azzjoni fuq dawn il-kwistjonijiet. Fil-qasam tal-agrikoltura, il-FAEŻR kien strument xieraq sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

25      Għalhekk kien mistenni li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fondi supplimentari tal-FAEŻR, u dan permezz tal-proċedura ta’ modulazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 9(4) u fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 73/2009, kif ukoll minn trasferimenti speċifiċi skont l-Artikolu 136 ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem il-“fondi tal-kontroll tas-saħħa”).

26      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/444/KE tal‑10 ta’ Ġunju 2009 li tiffissa l-ammonti li għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri skont il-modulazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-snin 2009‑2012 (ĠU 2009, L 148, p. 29), ammont ta’ EUR 498 100 000 ġie allokat lir-Renju ta’ Spanja, konformement mal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni, li jikkorrispondi għall-fondi tal-kontroll tas-saħħa.

27      Il-fondi tal-kontroll tas-saħħa u l-fondi tal-pjan ta’ rkupru allokati lir-Renju ta’ Spanja kienu għalhekk jammontaw għal EUR 574 396 000. Minn dan l-ammont, EUR 70 709 037 ġew allokati lill-aġenzija tal-ħlas tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura (iktar ’il quddiem “Extremadura”).

28      L-awtoritajiet Spanjoli talbu lill-Kummissjoni li jiġi rivedut il-programm għall-iżvilupp rurali fir-rigward ta’ Extremadura sabiex jieħu kont tal-allokazzjoni lir-Renju ta’ Spanja tal-fondi tal-kontroll tas-saħħa u l-fondi tal-pjan ta’ rkupru (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“fondi supplimentari”).

29      Permezz tad-Deċiżjoni C(2010) 1729 tat‑18 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni approvat ir-reviżjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali fir-rigward ta’ Extremadura, għall-perijodu 2007‑2013, li kien jinkludi l-għoti ta’ fondi supplimentari (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm”).

30      Fl-Anness għad-Deċiżjoni C(2010) 1729 kienet tinsab tabella li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal kull sena għall-perijodu 2007‑2013. Din it-tabella kienet tipprevedi:

–        ammont totali ta’ EUR 878 066 742 li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal Extremadura, li kien kompost minn:

–        ammont speċifiku ta’ EUR 70 709 037, imqassam fuq is-snin 2009 sa 2013, li jikkorrispondi għall-fondi supplimentari msemmija fl-Artikolu 69(5a) tar-Regolament Nru 1698/2005;

–        ammont pendenti ta’ EUR 807 357 705 li jikkorrispondi għall-allokazzjoni għar-reġjuni li jibbenefikaw taħt l-objettiv ta’ “konverġenza”.

31      Fid‑29 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni għamlet diżimpenn awtomatikutal-impenn baġitarju ta’ ammont ta’ EUR 57 963 282 fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1290/2005. Fil-fatt, il-parti tal-impenn baġitarju tas-sena 2010 użat għal ħlas jew li kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni tan-nefqa li għaliha jiġu sodisfatti r-rekwiżiti previsti għall-infiq effettwat mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2012 (“regola n+2”) kien inqas mill-impenn baġitarju previst għall-2010 u d-differenza kienet tammonta għal EUR 57 963 282. Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 29(7) tal-imsemmi regolament kif ukoll mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw pjan ta’ finanzjament rivedut tal-programm għall-iżvilupp rurali fir-rigward ta’ Extremadura.

32      Permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 9347 finali tas‑17 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni approvat ir-reviżjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali fir-rigward ta’ Extremadura għall-perijodu 2007‑2013, li kienet tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-ammont tad-diżimpenn awtomatiku waħedha (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni li tapprova reviżjoni tal-programm”).

33      Fl-Anness għad-Deċiżjoni C(2013) 9347 finali kienet tinsab tabella li b’mod partikolari tistabbilixxi l-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal kull sena għall-perijodu 2007‑2013. Din it-tabella kienet tipprevedi:

–        ammont totali ta’ EUR 828 279 953 li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal Extremadura, li kien kompost minn:

–        ammont speċifiku ta’ EUR 64 496 589, imqassam fuq is-snin 2009 sa 2013, li jikkorrispondi għall-fondi supplimentari previsti fl-Artikolu 69(5a) tar-Regolament Nru 1698/2005;

–        ammont pendenti ta’ EUR 763 783 364 li jikkorrispondi għall-allokazzjoni għar-reġjuni li jibbenefikaw taħt l-objettiv ta’ “konverġenza”.

34      Fis‑16 u s‑17 ta’ Novembru 2015 sar seminar li fih l-esperti tal-Kummissjoni pprovdew linji gwida għall-Istati Membri, adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1399 finali tal‑5 ta’ Marzu 2015, dwar l-għeluq tal-programmi għall-iżvilupp rurali 2007‑2013 (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) kif ukoll struzzjonijiet dwar il-metodoloġija li l-imsemmija istituzzjoni kellha l-intenzjoni ssegwi sabiex twettaq il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005.

35      Fid-dawl tal-għeluq tal-programmi għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2007‑2013, Extremadura ppreżentat il-kontijiet annwali tal-aħħar sena finanzjarja ta’ implimentazzjoni tal-programm, jiġifieri għall-perijodu mis‑16 ta’ Ottubru 2014 sal‑31 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem l-“aħħar sena finanzjarja”), bil-għan tal-clearance tal-kontijiet sussegwenti mill-Kummissjoni.

36      Fl-Anness 6 tal-kontijiet annwali għall-aħħar sena finanzjarja ppreżentati minn Extremadura tinsab tabella li tinkludi l-ammonti li jippermettu li jsir il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005. Fil-kolonna tax-xellug hemm l-ammonti inizjali previsti għall-kontribuzzjoni tal-FAEŻR. L-awtoritajiet Spanjoli jindikaw li, minn total ta’ EUR 828 279 952 ta’ finanzjament taħt il-FAEŻR previst, ammont ta’ EUR 64 496 589 kien ir-riżultat tas-somma tal-fondi tal-pjan ta’ rkupru u tal-kontroll tas-saħħa u ammont ta’ EUR 763 783 363 kien jikkorrispondi għal “fondi oħra”. Fil-kolonna tal-lemin hemm l-ammonti tal-ispejjeż iddikjarati minn dawn l-awtoritajiet. Kien indikat li, fuq ammont totali ta’ EUR 819 397 233.37 ta’ nefqa ddikjarata, ammont ta’ EUR 56 765 681.26 kien li intefaq fuq operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda u ammont ta’ EUR 762 631 552.11 kien ġie allokat għal “spejjeż oħra”.

37      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Settembru 2016 indirizzata lill-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni nnotifikat il-clearance tal-kontijiet tal-aħħar sena finanzjarja tal-programm għall-iżvilupp rurali 2007‑2013 fir-rigward ta’ Extremadura. Hija indikat li applikat tnaqqis ta’ ammont ta’ EUR 5 060 636.11 skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 kif ukoll tnaqqis ta’ ammont ta’ EUR 304 046.41 minħabba aġġustament tal-limiti għall-assi prijoritarji tal-programm implimentat. Sussegwentement, Extremadura ppreżentat rapport lill-Kummissjoni li fih esponiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-ittra u talbet laqgħa bilaterali informali.

38      Fit‑30 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2113 dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fl-aħħar sena tal-eżekuzzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FAEŻR 2007-2013 (is‑16 ta’ Ottubru 2014 — il‑31 ta’ Diċembru 2015) (ĠU 2016, L 327, p. 79, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1306/2013. Jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni li l-kontijiet tal-aħħar sena finanzjarja ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-perijodu ta’ programmazzjoni huma approvati mill-aġenziji tal-ħlas elenkati fl-Anness I għal dik l-istess deċiżjoni. Il-programm għall-iżvilupp rurali fir-rigward ta’ Extremadura jinsab f’din il-lista.

39      Mit-tabella mehmuża mal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-ammont ta’ EUR 5 364 682.52, definit bħala “li ma jistax jerġa’ jintuża”, kellu jitnaqqas mill-ammont finali li jrid jitħallas lil Extremadura taħt il-FAEŻR fl-għeluq tal-programm għall-iżvilupp rurali 2007‑2013. F’qiegħ din it-tabella huwa spjegat li l-imsemmi ammont jikkorrispondi “għal limitazzjoni u tnaqqis skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005”.

40      Fil‑31 ta’ Jannar 2017, saret laqgħa informali bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja fi Brussell (il‑Belġju). Il-minuti ta’ din il-laqgħa ntbagħtu lir-Renju ta’ Spanja fl‑24 ta’ Frar 2017.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

41      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Frar 2017, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors.

42      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lit-Tmien Awla.

43      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment, fir-rigward ta’ Extremadura, id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tipprevedi li ma jitħallasx lura l-ammont ta’ EUR 5 364 682.52;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

44      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

45      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv, invokat prinċipalment, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1698/2005. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1698/2005

 Osservazzjonijiet preliminari

46      Għandu jiġi osservat li r-rikors huwa intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-clearance tal-kontijiet tal-aħħar sena finanzjarja fir-rigward ta’ Extremadura, fil-kuntest tal-għeluq tal-programm dwar din l-aġenzija tal-ħlas għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007‑2013.

47      Skont il-punt 5.1 tal-linji gwida, l-aħħar deċiżjoni tal-clearance tal-kontijiet qabel l-għeluq tiddetermina l-ammonti tan-nefqa effettwata matul l-aħħar sena finanzjarja li għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala li għandhom ikunu ddebitati lill-FAEŻR fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-kontijiet annwali.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax talloka, fil-ġestjoni tal-politika agrikola komuni, fondi li ma jikkonformawx mar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq inkwistjoni u li din ir-regola hija ta’ applikazzjoni ġenerali (sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑287/02, EU:C:2005:368, punt 34; tat‑28 ta’ Marzu 2007, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑220/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:97, punt 162, u tat‑8 ta’ Ottubru 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑358/13, EU:T:2015:773, punt 68).

49      Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25), id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tiddetermina l-ammonti ta’ nfiq li sar f’kull Stat Membru matul is-sena finanzjarja inkwistjoni li għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ċarġabbli lill-Fondi abbażi tal-kontijiet [annwali]”. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni inevitabbilment għaddiet għal evalwazzjoni tal-ammonti li ma humiex rikonoxxuti (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-clearance tal-kontijiet skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2245/1999, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑287/02, EU:C:2005:368, punt 51).

50      Huwa bil-għan li jingħalaq il-programm għall-iżvilupp rurali fir-rigward ta’ Extremadura li l-Kummissjoni wettqet il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 u kkonkludiet li l-bilanċ korrispondenti li kellu jitħallas lura lill-baġit tal-Unjoni, fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kien jammonta għal EUR 5 060 636.11 fir-rigward ta’ dan il-programm. Konsegwentement, hija naqqset dan l-ammont mill-bilanċ finali li għandu jitħallas lill-aġenzija tal-ħlas, hekk kif jirriżulta mill-ittra tas‑26 ta’ Settembru 2016 (ara l-punt 37 iktar ’il fuq). Dan l-ammont kien parti mill-ammont ta’ EUR 5 364 682.52 li l-Kummissjoni kklassifikat bħala “li ma jistax jerġa’ jintuża” fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-aħħar sena finanzjarja ta’ din l-aġenzija tal-ħlas, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li r-Renju ta’ Spanja ma ressaq ebda argument intiż li jikkontesta t-tnaqqis tal-bilanċ finali li għandu jitħallas lil Extremadura ta’ ammont ta’ EUR 304 046.41 li jikkorrispondi għall-aġġustament tal-limiti kif indikat fit-tieni linja tat-tabella fl-Anness I tal-ittra tas‑26 ta’ Settembru 2016.

52      Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-ammont ta’ EUR 5 364 682.52, ikkwalifikat bħala “li ma jistax jerġa’ jintuża” fid-deċiżjoni kkontestata, huwa biss l-ammont ta’ EUR 5 060 636.11, li jirriżulta mill-kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li huwa realment ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja.

 Fuq il-fondatezza tal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005

53      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-fondi supplimentari previsti għall-operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda u, min-naħa l-oħra, eċċess tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra li ma humiex dawk previsti għall-isfidi l-ġodda. Issa, ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma ġiet issodisfatta f’dan il-każ.

54      B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra minbarra dawk previsti għal sfidi ġodda ma kinux inqabżu, peress li ammont ta’ EUR 762 miljun, ammont li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, kien intefaq għal dawn l-operazzjonijiet l-oħra, li huwa inqas mill-ammont ta’ impenji baġitarji previsti, li jammonta għal EUR 763 miljun.

55      Filwaqt li jfakkar li l-programm għall-iżvilupp rurali fir-rigward ta’ Extremadura ġie emendat darbtejn, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l-allokazzjoni ta’ fondi supplimentari għal operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda (l-ewwel deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm) u, sussegwentement, id-diżimpenn awtomatiku ta’ ċertu ammont tal-impenn baġitarju għas-sena 2010 (it-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm), ir-Renju ta’ Spanja jsostni li Extremadura setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkoli tagħha, fil-kuntest tal-protokoll tal-għeluq ta’ dan il-programm, tal-ammonti kif approvati mill-Kummissjoni f’din l-aħħar deċiżjoni. Għalhekk, Extremadura setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, bħala impenji baġitarji inizjali, ammont ta’ EUR 64 miljun li jikkorrispondu għall-fondi supplimentari, skont l-Artikolu 69(5a) tar-Regolament Nru 1698/2005, intiż għal sfidi ġodda u ta’ ammont ta’ EUR 763 miljun li jikkorrispondu għall-fondi intiżi għal operazzjonijiet differenti minn dawk previsti għal dawn l-isfidi l-ġodda.

56      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

57      B’mod partikolari, fir-rigward tal-kalkolu li hija wettqet skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni l-ammont inizjali ta’ EUR 70 709 037 għall-finanzjament minn fondi supplimentari hekk kif jirriżulta mill-ewwel deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm.

58      Il-Kummissjoni tippreċiża li kkonstatat li l-ammont tal-infiq iddikjarat għal operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda, hekk kif jirriżulta mill-kontijiet annwali pprovduti minn Extremadura, kien jammonta għal EUR 56 765 681.26, li kien inqas bi EUR 13 943 355.74 mill-ammont inizjali ta’ EUR 70 709 037 bħala fondi supplimentari.

59      Il-Kummissjoni żżid li kkonstatat nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-programm inkwistjoni li fl-intier tiegħu kien jammonta għal EUR 8 882 719.63, li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont previst bħala kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR għall-programm ta’ EUR 828 279 953 li jinsab fit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm, wara diżimpenn awtomatiku, u l-ammont effettivament minfuq, jiġifieri EUR 819 397 233.37, hekk kif jirriżulta mill-kontijiet annwali pprovduti minn Extremadura.

60      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li fir-rigward ta’ operazzjonijiet distinti minn dawk marbuta mal-isfidi l-ġodda, Extremadura nefqet l-ammont ta’ EUR 5 060 636.11, li jirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont ta’ EUR 13 943 355.74, li jikkorrispondi għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-ammonti previsti għall-benefiċċju ta’ operazzjonijiet immirati lejn l-isfidi l-ġodda, u l-ammont ta’ EUR 8 882 719.63, li jikkorrispondi għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-programm inkwistjoni kollu kemm hu. Dan l-ammont ta’ EUR 5 060 636.11 kellu għalhekk jiġi mħallas lura lill-baġit tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement, imnaqqas mill-bilanċ finali li għandu jitħallas lil Extremadura.

61      Għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet ma jaqblux fuq l-ammonti previsti skont il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FAEŻR għall-programm għall-iżvilupp rurali fir-rigward ta’ Extremadura li fir-rigward tiegħu għandu jitqies sabiex jitwettaq il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li ġew riveduti wara l-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku li seħħet matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq l-ammonti li jirriżultaw mit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm, filwaqt li din l-istituzzjoni bbażat ruħha fuq l-ammont li jirriżulta mill-ewwel deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm fir-rigward tal-fondi supplimentari u l-ammont li jirriżulta mit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm fir-rigward tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR.

62      Għalhekk, għandhom jiġu ddeterminati l-ammonti li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex twettaq il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, qabel ma jiġi vverifikat li din l-istituzzjoni ma wettqitx żball fil-kalkolu mwettaq.

–       Dwar l-ammonti kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-finijiet li jsir kalkolu

63      Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li l-linji gwida ma jipprovdu ebda indikazzjoni rilevanti fir-rigward tal-ammonti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005. Fil-fatt, jekk dawn jagħtu spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ kalkolu u jipprevedu l-possibbiltà ta’ rimbors fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni fl-għeluq tal-programm, dawn ma jindirizzawx l-ipoteżi fejn id-diżimpenn awtomatiku ta’ parti mill-impenji baġitarji wasslet għal reviżjoni tal-ammonti tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR.

64      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 5b tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1698/2005, fejn l-ammont tal-għajnuna tal-Unjoni effettivament jintefaq għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda huwa inqas mit-total tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 5a ta’ dan l-artikolu, l-Istat Membru għandu jħallas lura l-bilanċ korrispondenti lill-baġit tal-Unjoni sal-ammont ta’ qbiż tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk relatati mal-isfidi l-ġodda.

65      Ir-rimbors għall-baġit tal-Unjoni minn aġenzija tal-ħlas previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 jistrieħ fuq l-eżistenza ta’ żewġ premessi.

66      Fl-ewwel lok, l-ammont tan-nefqa effettwata għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda għandu jkun inqas mit-total tal-ammonti msemmijin fil-paragrafu 5a tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1698/2005. Dan il-paragrafu jirreferi għall-ammonti msemmija fil-paragrafu 2a ta’ dan l-artikolu, li jikkorrispondi, minn naħa, għall-fondi tal-pjan ta’ rkupru kif stabbiliti fir-Renju ta’ Spanja bid-Deċiżjoni 2009/545 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, għall-fondi tal-kontroll tas-saħħa maħluqa mill-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 73/2009 kif stabbiliti mir-Renju ta’ Spanja bid-Deċiżjoni 2009/444 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

67      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat qbiż tal-“approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra” dawk marbuta mal-isfidi l-ġodda. L-użu tal-frażi “approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk imsemmija” twassal biex jingħad li dan jikkonċerna l-ammonti kollha li ma humiex irriżervati għall-operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda u, konsegwentement, l-approprjazzjonijiet kollha esklużi l-fondi supplimentari. Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, sabiex jinkiseb l-ammont tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli, hemm lok li jitnaqqas l-ammont ta’ fondi supplimentari mill-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FAEŻR prevista.

68      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar il-kuntest li fih kellu jsir il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 kif ukoll jiġi eżaminat il-mekkaniżmu u l-iskop.

69      Skont il-preamboli tar-Regolamenti Nri 73/2009, 74/2009 u 473/2009, ir-rwol tal-għajnuna għall-iżvilupp rurali għandu jissaħħaħ sabiex l-agrikoltura Ewropea taffaċċja sfidi ġodda, bħat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u l-protezzjoni tal-bijodiversità.

70      Ġew indikati sfidi ġodda (ara l-punti 15 u 17 iktar ’il fuq), li għalihom l-Istati Membri kellhom jimplimentaw ċerti tipi ta’ operazzjonijiet fil-kuntest tal-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom u għalihom ġew allokati fondi supplimentari.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi supplimentari kien akkumpanjat minn obbligu għall-Istati Membri rigward l-użu tagħhom. Dan l-obbligu huwa rifless fl-Artikolu 69(5a) tar-Regolament Nru 1698/2005, li għalih jirreferi indirettament l-Artikolu 69(5b) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 69(5b) ta’ dan ir-regolament jiddisponu, essenzjalment, li l-Istati Membri jonfqu l-ammonti ġġenerati permezz tal-fondi tal-kontroll tas-saħħa u l-fondi tal-pjan ta’ rkupru esklużivament għall-benefiċċju ta’ tipi ta’ operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda.

72      Issa, l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li jipprevedi ir-rimbors lill-baġit tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġu identifikati ż-żewġ premessi stabbiliti fil-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq, jiġifieri in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-ammonti previsti għall-benefiċċju tal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda u eċċess tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-fondi supplimentari previsti għall-isfidi l-ġodda ma hijiex kontra l-liġi sakemm l-approprjazzjonijiet disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra għajr dawk previsti għall-isfidi l-ġodda ma jinqabżux. Huwa biss meta l-ammonti minfuqa jaqbżu l-approprjazzjonijiet disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra li rimbors lill-baġit tal-Unjoni huwa meħtieġ.

73      Fil-fatt, l-ammonti li jirriżultaw mill-qbiż tal-“approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra” dawk marbuta mal-isfidi l-ġodda ma għandhomx ikunu aċċettati bħala nfiq mill-fondi supplimentari mhux użati, peress li huma ma ffinanzjawx it-tipi ta’ operazzjonijiet marbuta ma’ dawn l-isfidi l-ġodda espressament previsti bir-Regolament Nru 1698/2005.

74      Konsegwentement, l-għan tal-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 huwa li jiġi evitat li l-fondi supplimentari jintużaw favur operazzjonijiet oħra apparti dawk relatati mal-isfidi l-ġodda.

75      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma twettaq żball, tieħu inkunsiderazzjoni l-ammonti espressi għall-finijiet li twettaq il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005.

76      Fil-fatt, fl-ewwel lok, ġustament il-Kummissjoni qieset, taħt il-fondi supplimentari, l-ammont kif kien previst inizjalment għall-benefiċċju ta’ operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda u li jinsabu fl-ewwel deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 70 709 037.

77      Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 fis-sens li l-espressjoni “total tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 5a” jfittex li jindika it-total tal-ammonti tal-fondi supplimentari ġġenerati inizjalment għall-finanzjament tal-operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda. Dan l-ammont huwa dak stabbilit fl-ewwel deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm dwar Extremadura, li jirrevedi preċiżament dak il-programm biex jikkunsidra l-għoti ta’ fondi supplimentari allokati lir-Renju ta’ Spanja permezz tad-Deċiżjonijiet 2009/444 u 2009/545.

78      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-fondi supplimentari, li l-għoti tagħhom kien previst sabiex iħeġġu l-implimentazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ operazzjonijiet matul il-perijodu 2007‑2013, ma għandux jitnaqqas permezz tal-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku ta’ impenn baġitarju mhux minfuq matul is-sena 2010. Kif issostni l-Kummissjoni, il-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku ma jistax ikollha bħala effett li teżenta lir-Renju ta’ Spanja mill-obbligu tiegħu li juża l-approprjazzjonijiet kollha previsti taħt il-fondi supplimentari għall-benefiċċju ta’ operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda, skont l-Artikolu 69(5a) tar-Regolament Nru 1698/2005.

79      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku u, min-naħa l-oħra, il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-aħħar sena finanzjarja fid-dawl tal-għeluq tal-programm.

80      Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 22 tar-Regolament Nru 1290/2005 jirriżulta li r-regola tal-ħelsien mill-impenn awtomatiku tfasslet sabiex tikkontribwixxi għall-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi u għall-ġestjoni finanzjarja korretta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija awtorizzata, permezz tal-Artikolu 29 tal-istess regolament, teħles awtomatikament mill-parti ta’ impenn baġitarju għal programm għall-iżvilupp rurali li ma ntużax għall-ħlas tal-finanzjament minn qabel jew għal ħlasijiet intermedji jew li għalih ebda dikjarazzjoni ta’ spejjeż korretta ma ġiet ippreżentata sal‑31 ta’ Diċembru tat-tieni sena li jmiss wara dik tal-impenn baġitarju (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑358/13, EU:T:2015:773, punt 77).

81      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li rimbors għall-benefiċċju tal-baġit tal-Unjoni huwa meħtieġ fil-kuntest tal-verifika, fl-għeluq tal-programm, tal-osservanza tal-obbligu ta’ użu esklużiv ta’ fondi rriżervati għal tip speċifiku ta’ operazzjonijiet, filwaqt li l-aġenziji tal-ħlas diġà nefqu fondi mingħand il-benefiċjarji.

82      Għalhekk, jekk iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq għandhom bħala konsegwenza l-esklużjoni ta’ ammont ta’ finanzjament mill-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku, il-parti tal-impenn baġitarju huwa mnaqqas awtomatikament mill-mument “n+2” peress li ma ntefqux, filwaqt li, fil-kuntest tal-kalkolu mwettaq skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-Istat Membru għandu jħallas lura lill-baġit tal-Unjoni ċertu ammont ikkalkolat fuq il-bażi tan-nefqa “effettivament imwettqa” fl-aħħar data ta’ eliġibbiltà tan-nefqa.

83      Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minkejja l-impossibbiltà, imsemmija mir-Renju ta’ Spanja, li tbiddel l-ammonti pprogrammati għal programm ieħor reġjonali, it-tnaqqis ta’ fondi supplimentari għal Extremadura wara l-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku, kif indikat fit-tabella fl-Anness tat-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm, wasslet biex, fl-għeluq tal-programm, l-ammonti minfuqa għal operazzjonijiet relatati mal-fondi supplimentari ma jibqgħux jirriflettu l-allokazzjonijiet previsti inizjalment għal dak l-Istat Membru, u dan kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1698/2005.

84      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ammont ta’ “approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra” dawk marbuta mal-isfidi l-ġodda, ikkalkolat billi jitnaqqas l-ammont ta’ fondi supplimentari mill-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FAEŻR (ara l-punt 67 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ġustament qieset l-ammont li jinsab fit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm, fir-rigward tal-ammont totali tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR, wara proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku.

85      Fil-fatt, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 82 iktar ’il fuq, il-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku twassal għal-liberazzjoni ta’ impenji baġitarji mhux użati għas-sena 2010, b’mod awtomatiku, mill-mument “n+2”, sa fejn dawn ma ntużawx għal xi ħlas jew ma kinux is-suġġett ta’ dikjarazzjoni tan-nefqa korretta. Minn dan isegwi li, fl-għeluq tal-programm, fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-aħħar sena finanzjarja, abbażi tal-ispejjeż effettivament magħmula, kien hemm lok, għall-Kummissjoni, li jittieħed kont tal-ammont tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR imnaqqas bl-ammont tad-diżimpenn awtomatiku.

86      Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tat-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm jippreċiża espressament l-ammont tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR li għandhom jitqiesu bħala riżultat tad-diżimpenn awtomatiku, jiġifieri EUR 828 279 953. Dan l-ammont huwa inkluż fil-kontijiet annwali ppreżentati minn Extremadura u ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

87      Għalhekk, l-ammont disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra, wara t-tnaqqis tal-ammont ta’ EUR 70 709 037 li jikkorrispondu għall-fondi supplimentari, mill-ammont totali msemmi iktar ’il fuq ta’ EUR 828 279 953, kien ta’ EUR 757 570 916, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-kontroreplika.

88      L-argument tar-Renju ta’ Spanja intiż sabiex isostni li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-ammonti msemmija fit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm ma jistax jintlaqa’.

89      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm, fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-anness li jiġbor fih it-tabelli li jikkorrispondu għall-pjan ta’ finanzjament rivedut, ippreżentat mill-awtoritajiet Spanjoli konformement mal-Artikolu 29(7) tar-Regolament Nru 1290/2005 u mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1698/2005, li jipprevedu, b’riżultat tad-diżimpenn awtomatiku, tnaqqis kemm tal-fondi supplimentari kif ukoll ta’ fondi oħra disponibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FAEŻR prevista (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 29(7) tar-Regolament Nru 1290/2005, li jiddisponi li, fil-każ ta’ diżimpenn awtomatiku, il-“kontribuzzjoni mill-FAEŻR għall-programm” hija mnaqqsa “għas-sena inkwistjoni”, ma jagħmilx distinzjoni bejn is-sorsi ta’ finanzjament.

90      Ċertament, l-ammonti inkwistjoni ġew approvati mill-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1290/2005, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta kull programm għall-iżvilupp rurali ppreżentat minn Stat Membru għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament u, ladarba jiġi nnotifikat l-Istat Membru kkonċernat, impenn legali.

91      Madankollu, anki jekk jitqies li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1290/2005 jikkonċerna wkoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tapprova r-reviżjoni ta’ programm għall-iżvilupp rurali wara diżimpenn awtomatiku, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jsir mill-Kummissjoni fl-għeluq tal-programm, din l-istituzzjoni ma setgħetx tippreġudika, fil-mument tal-approvazzjoni ta’ pjan ta’ finanzjament rivedut b’segwitu għall-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku, l-ammont tan-nefqa li tkun effettivament saret minn Extremadura waqt l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Kif issostni l-Kummissjoni, għalkemm Extremadura kienet finalment nefqet għall-operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda ammont kif indikat fil-pjan ta’ finanzjament rivedut, inqas mill-ammont inizjali allokat taħt dawn il-fondi, iżda li, barra minn hekk, l-ammont tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli ma kienx inqabeż f’infiq ieħor, rimbors taħt din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx neċessarja.

92      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ pjan ta’ finanzjament rivedut li jipprevedi it-tqassim tar-riżorsi wara diżimpenn awtomatiku għal programm għall-iżvilupp rurali ma jagħtix lil dan id-dokument valur legali superjuri għal dak ta’ regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2015, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑257/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:111, punt 53, u tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑367/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:933, punt 44).

93      Għaldaqstant, kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja kienu meħtieġa josservaw id-dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 1698/2005 u l-obbligu, deskritt fil-punt 74 iktar ’il fuq, li jiġi evitat li r-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri sabiex jimplimentaw ċerti prijoritajiet ma jintużawx għal finijiet mhux previsti minn dan ir-regolament.

94      Għaldaqstant huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni qieset li rimbors kien neċessarju u, sabiex isir il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammonti espressi (ara l-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq).

–       Fuq il-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ammont tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR għal Extremadura li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni kien ta’ EUR 828 279 953. L-ammont li jikkorrispondi għall-fondi supplimentari kien ta’ EUR 70 709 037, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 76 iktar ’il fuq, u l-ammont li jikkorrispondi għall-approprjazzjonijiet totali disponibbli għal tipi oħra ta’ operazzjonijiet kien ta’ EUR 757 570 916, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 87 iktar ’il fuq. Peress li l-ammont tal-ispejjeż effettivament magħmula għall-benefiċċju ta’ operazzjonijiet immirati lejn sfidi ġodda kien ta’ EUR 56 765 681.26 u li l-ammont tal-ispejjeż li fil-fatt saru għall-benefiċċju ta’ operazzjonijiet oħra minbarra dawk relatati mal-isfidi l-ġodda kien ta’ EUR 762 631 552.11, hekk kif jirriżulta mill-kontijiet annwali pprovduti minn Extremadura, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ fondi supplimentari intiżi għall-operazzjonijiet immirati lejn l-isfidi l-ġodda akkumulati ma’ eċċess tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra. Il-Kummissjoni setgħet għalhekk tikkonkludi l-ħtieġa ta’ rimbors għall-ammont żejjed tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli, jiġifieri ammont ta’ EUR 5 060 636.11.

96      Konsegwentement, hija ġustament ikkunsidrat li dan l-aħħar ammont kellu jitnaqqas mill-ammont tal-bilanċ finali tal-impenn pagabbli lil Extremadura fl-għeluq tal-programm u li kklassifikatu bħala “ammont li ma jistax jerġa’ jintuża”, matul il-clearance tal-kontijiet tal-aħħar sena finanzjarja.

97      Għalhekk jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u l-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

98      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija kellha u kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

99      It-tieni motiv invokat mir-Renju ta’ Spanja huwa bbażat, essenzjalment, fuq żewġ settijiet ta’ argumenti li jeħtieġ li jiġu eżaminati suċċessivament.

 Fuq l-argumenti bbażati fuq imġieba arbitrarja tal-Kummissjoni u l-inkonsistenza tal-ammonti użati għall-kalkolu magħmul

100    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-oqsma li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tikkontrolla jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Issa, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod arbitrarju sa fejn hija kienet użat data inkonsistenti għall-kalkolu magħmul skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005.

101    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv il-Kummissjoni ġustament kkunsidrat l-ammonti espressi. Il-fatt li dawn l-ammonti huma dawk previsti fl-ewwel deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR taħt il-fondi supplimentari u dawk previsti fit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm fir-rigward tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR ma jirrendix din id-data inkonsistenti għall-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005.

103    Barra minn hekk, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex twettaq il-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 huwa konformi kemm mal-kliem kif ukoll mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta, fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet għall-aħħar sena finanzjarja, in-nefqa magħmula f’kontradizzjoni mal-obbligu ta’ użu esklużiv tal-fondi supplimentari għall-benefiċċju ta’ operazzjonijiet immirati lejn l-isfidi l-ġodda.

104    Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni hija marbuta li tosserva d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1698/2005 fir-rigward tal-kalkolu tar-rimbors mir-Renju ta’ Spanja u peress li ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, hija ma tistax validament tiġi kkritikata li aġixxiet b’mod arbitrarju meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

105    Ir-Renju ta’ Spanja jilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi billi emendat il-kriterju ta’ kalkolu rilevanti. Huwa jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq preżentazzjoni tal-kumitat ta’ koordinazzjoni tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni li saret fl‑4 ta’ Mejju 2009 f’Madrid, fejn jirriżulta li, fil-każ ta’ diżimpenn awtomatiku, għandhom jitnaqqsu l-ammonti kollha disponibbli, inklużi fondi supplimentari għall-isfidi l-ġodda. Extremadura għalhekk setgħat, fil-kuntest tat-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm, tnaqqas parti mill-ammont tad-diżimpenn awtomatiku tal-fondi supplimentari. Il-Kummissjoni madankollu emendat dan il-metodu ta’ kalkolu f’Novembru 2015, jiġifieri xahar qabel l-għeluq tal-programm, fil-kuntest tal-grupp ta’ ħidma tal-esperti (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), mingħajr ma tat ebda ġustifikazzjoni u mingħajr ma ħalliet marġni ta’ manuvra lil Extremadura. Ir-Renju ta’ Spanja jżid li, sa Diċembru 2015, data tal-għeluq tal-programm, il-Kummissjoni b’ebda mod ma indikat li hija ser terġa’ lura għall-ammonti indikati fit-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm.

106    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

107    Skont ġurisprudenza stabbilita, kull parti fil-kawża li fil-konfront tagħha istituzzjoni tal-Unjoni tkun wasslet biex toħloq fil-konfront tagħha aspettattivi fondati, billi tipprovdi garanziji preċiżi, għandha d-dritt li tinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti tikkostitwixxi garanziji bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza tal-imsemmija garanziji (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, Pappalardo et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/16 P, EU:C:2017:672, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa stabbilit li dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat ukoll minn Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑290/12, EU:T:2015:221, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ preżentazzjoni tal-kumitat ta’ koordinazzjoni tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni li saret fl‑4 ta’ Mejju 2009 f’Madrid u li jinsab fl-Anness 13 tar-rikors f’format PowerPoint kif ukoll permezz tat-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm.

109    Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja ma jistax jiddeduċi mill-preżentazzjoni inkwistjoni xi garanzija preċiża, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, ipprovduta mill-Kummissjoni, dwar l-ammonti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu mwettaq skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005.

110    Fil-fatt, il-preżentazzjoni inkwistjoni kull ma għamlet kien li sservi ta’ sostenn għal laqgħa mal-awtoritajiet Spanjoli bil-ħsieb tal-inklużjoni fir-regolamenti rilevanti tad-dispożizzjonijiet marbuta mal-fondi supplimentari kif ukoll tal-emendi li għandhom isiru mill-Istati Membri fil-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali.

111    Barra minn hekk, jekk il-preżentazzjoni inkwistjoni tirreferi għall-Artikolu 69(5a) tar-Regolament Nru 1698/2005, ebda riferiment ma jsir għall-kalkolu ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 69(5b) ta’ dan ir-regolament.

112    Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, il-preżentazzjoni inkwistjoni lanqas ma tagħti istruzzjonijiet rigward it-tip ta’ fondi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ diżimpenn awtomatiku fis-sens tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1290/2005.

113    It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jibbaża ruħu fuq it-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm sabiex tiddeduċi metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni.

114    Fil-fatt, jekk it-tabelli annessi mat-tieni deċiżjoni li tapprova reviżjoni tal-programm jindikaw, b’riżultat tad-diżimpenn awtomatiku, tnaqqis fl-ammont kemm mill-fondi supplimentari kif ukoll mill-ammont tal-fondi disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk marbuta mal-isfidi l-ġodda (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), dawn xorta waħda jirriflettu garanzija preċiża, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-ammonti li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tar-rimbors taħt l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 fl-għeluq tal-programm.

115    Barra minn hekk, it-tabelli inkwistjoni jikkorrispondu mal-pjan ta’ finanzjament rivedut li joriġinaw mill-awtoritajiet Spanjoli b’riżultat tad-diżimpenn awtomatiku u, anki jekk dan ikun ġie approvat mill-Kummissjoni, l-approvazzjoni tiegħu ma kinitx tippreġudika l-ammont ta’ infiq li effettivament jitwettaq minn Extremadura, li fuq il-bażi tagħhom kellu jiġi evalwat, fl-għeluq tal-programm, jekk hemmx ħtieġa jew le għal rimbors skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 (ara l-punt 91 iktar ’il fuq).

116    Barra minn hekk, mill-punt 92 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm ma jistax ikollha valur legali superjuri għal dak tar-regolament applikabbli f’dan il-każ.

117    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li indikazzjonijiet preċiżi u konsistenti dwar il-metodu ta’ kalkolu skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 kienu ngħataw lill-Istati Membri waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti (ara l-punt 34 iktar ’il fuq) fil-kuntest tal-ħidma ta’ għeluq tal-programmi. Barra minn hekk, mir-rikors jirriżulta li Extremadura u l-Kummissjoni kellhom ukoll korrispondenza bejniethom, f’Mejju 2016, fejn il-Kummissjoni spjegat il-metodu ta’ kalkolu li hija kellha l-intenzjoni ssegwi. Barra minn hekk, jekk il-linji gwida ma jindirizzawx l-effett ta’ diżimpenn awtomatiku ta’ ċerti impenji baġitarji matul il-programm dwar il-metodu ta’ kalkolu skont l-imsemmija dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li huma jsemmu diġà, fil-punt 5.2 tagħhom, il-ħtieġa għal rimbors fl-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-ammonti rriżervati esklużivament għal operazzjonijiet marbuta mal-isfidi l-ġodda, li kien, fi kwalunkwe każ, il-każ ta’ Extremadura. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma spjegatx il-metodu li hija kellha l-intenzjoni ssegwi għall-kalkolu li għandu jsir skont din id-dispożizzjoni.

118    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

119    Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

121    Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Lulju 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.