Language of document : ECLI:EU:T:2007:357

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Novembru 2007 (*)

“Aċċess għal dokumenti − Ftehim Basle-Nyborg – Rikors għal annullament − Atti li jistgħu jiġu kkontestati − Motivazzjoni − Eċċezzjoni ta’ illegalità – Deċiżjoni 93/731/KE − Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew – Rikors għad-danni − Responsabbiltà extra-kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta’ l-istituzzjonijiet tagħha − Dannu − Rabta kawżali”

Fil-kawżi magħquda T‑3/00 u T‑337/04,

Athanasios Pitsiorlas, residenti f’Tessaloniki (il-Greċja), irrappreżentat minn D. Papafilippou, Avukat,

rikorrent

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ewwel irrappreżentat minn M. Bauer, S. Kyriakopoulou u D. Zachariou, wara minn M.Bauer u D. Zachariou, bħala aġenti

u

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat, fil-kawża T-3/00, l-ewwel minn C. Zilioli, C. Kroppenstedt u P. Vospernik, wara minn C. Zilioli, C. Kroppenstedt, F. Athanasiou u S. Vuorensola, u fl-aħħar minn C. Zilioli, C. Kroppenstedt u F. Athanasiou u, fil-kawża T-337/04, minn C. Kroppenstedt, F. Athanasiou u P. Papapaschalis, bħala aġenti,

konvenuti

li għandhom bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Bank Ċentrali Ewropew li jiċħdu t-talbiet għal aċċess tar-rikorrent għad-dokumenti dwar il-Ftehim Basle-Nyborg ta’ Settembru 1987 u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikoli 104 u 105 tat-Trattat KEE kienu, inizjalment, jipprovdu kif ġej :

“L-Artikolu 104

Kull Stat Menbru għandu jsegwi l-politika ekonomika meħtieġa biex jassigura l-ekwilibriju tal-bilanċ komplessiv tiegħu ta’ pagamenti u biex iżomm il-fiduċja fil-munita tiegħu, waqt li fl-istess ħin livell għoli ta’ impieg u stabbilità fil-livelli tal-prezzijiet.

L-Artikolu 105

1.       Sabiex jiffaċilitaw il-kisba ta’ l-għanijiet previsti fl-Artikolu 104, l-Istati Membri għandhom jikkordinaw il-politika ekonomika tagħhom. Huma għandhom għal dan l-iskop jistabilixxu kooperazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tad-dipartimenti amministrattivi tagħhom u bejn il-banek ċentrali.

[…]

2.       Sabiex jippromovi l-koordinazzjoni tal-politika ta’ l-Istati Membri f’materja monetarja, sal-punt sħiħ meħtieġ għall-funzjonament tas-suq komuni għandu jiġi stabbilit, Kumitat Monetarju bi status konsultattiv bil-kompiti li ġejjin:

–        li issorvelja s-sitwazzjoni monetarja u finanzjarja ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità, kif ukoll is-sistema ta’ pagamenti ġenerali ta’ l-Istati Membri, u biex jirrapporta regolarment fuqhom lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

–        b’inizjattiva tiegħu stess, jew fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jifformula opinjonijiet biex jissottomettihom lil dawn l-istituzzjonijiet.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni kull wieħed jaħtru żewġ membri tal-Kumitat Monetarju”

2        B’rigward għall-Artikolu 105(2), iċċitat iktar’il fuq, u għall-Artikolu 153 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 153 tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 209 KE), li abbażi tagħhom il-Kunsill jippreskrivi r-regoli previsti mit-Trattat KEE, il-Kunsill, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 1958, adotta r-Regoli li jirregolaw il-Kumitat Monetarju (ĠU 17, 1958,p. 390).

3        Fit-8 ta’ Mejju 1964, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 64/300/KEE dwar il-kollaborazzjoni bejn il-Banek Ċentrali ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 77, 1964, p. 1206). Skond l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, sabiex tiġi żviluppata l-kollaborazzjoni bejn il-Banek Ċentrali ta’ l-Istati Membri, qed jinħoloq Kumitat tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (iktar’il quddiem il-“Kumitat tal-Gvernaturi”). L-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-membri tal-Kumitat tal-Gvernaturi huma l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali ta’ l-Istati Membri u li l-Kummissjoni, hija bħala regola ġenerali, mistiedna sabiex tiġi rrappreżentata minn wieħed mill-membri tagħha fis-seduti tal-Kumitat tal-Gvernaturi. Fl-aħħar, skond l-Artikolu 3 ta’ din l-istess Deċiżjoni, il-Kumitat tal-Gvernaturi għandu, b’mod partikolari, bħala ħidma li jwettaq “konsultazzjonijiet rigward il-prinċipji ġenerali u l-linji wiesgħa tal-politika tal-Banek Ċentrali, b’mod partikolari rigward kreditu, is-suq monetarju u s-suq tal-kambju” u “skambji ta’ informazzjoni rigward miżuri prinċipali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Banek Ċentrali u li jeżamina dawn il-miżuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        Fit-3 ta’ April 1973, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 907/73 li jistabbilixxi Fond Ewropew ta’ Kooperazzjoni Monetarja (ĠU L 89, p. 2). Skond l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, il-Fond Ewropew ta’ Kooperazzjoni Monetarja (FEKM), fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu għandu jippromwovi “il-ħidma bla ostakoli tad-djuq progressiv tal-marġni taċ-ċaqliq tal-muniti tal-Komunità bejniethom”, “l-interventi f’muniti tal-Komunità fuq is-swieq tal-kambju” u “regolamenti bejn Banek Ċentrali intiżi għal politika miftiehma tar-riżervi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-ewwel paragrafu ta’ l-ewwel Artikolu ta’ l-Istatut tal-FEKM, li jinsab anness mar-Regolament iċċitat iktar’il fuq, jipprovdi li l-FEKM huwa amministrat u mmexxi minn Bord tal-Gvernaturi u li l-membri ta’ dan il-Bord tal-Gvernaturi huma l-membri tal-Kumitat tal-Gvernaturi.

6        F’Ġunju 1988, il-Kunsill ikkonferma l-objettiv ta’ l-istabbiliment, fi stadji, ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM).

7        Il-ħidmiet tal-Kumitat tal-Gvernaturi ġew estiżi permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/142/KEE, tat-12 ta’ Marzu 1990, li temenda d-Deċiżjoni 64/300 (ĠU L 78 p. 25). Huwa previst fiha li l-Kumitat jista’ jagħti opinjonijiet lid-diversi Gvernijiet u lill-Kunsill “fuq il-politiki li jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni monetarja interna u esterna fil-Komunità u b’mod partikolari l-ħidma tas-sistema monetarja Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8        L-ewwel fażi għall-attwazzjoni ta’ l-UEM bdiet uffiċjalment fl-1 ta’ Lulju 1990.

9        Jirriżulta mill-Artikolu 109 E tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 116 KE) li t-tieni fażi għall-attwazzjoni ta’ l-UEM bdiet fl-1 ta’ Jannar 1994.

10      Skond l-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 109F tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 117 KE), “[f]il-bidu tat-tieni stadju, għandu jiġi stabbilit u jibda jopera Istitut Monetarju Ewropew (hawn iżjed’il quddiem imsejjaħ l-‛IME’)”. Skond ir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, illum imħassar, “[i]l-Kumitat tal-Gvernaturi għandu jiġi xolt mill-bidu tat-tieni fażi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11      L-Artikolu 1(3) tal-Protokoll dwar l-Istatut ta’ l-Istitut Monetarju Ewropew (IME), anness mat-Trattat UE, jipprovdi li, “skond u konformi ma’ l-Artikolu 109 F tat-Trattat [KE], kemm il-Kumitat tal-Gvernaturi kif ukoll il-[FEKM] għandhom jiġu xolti” u li l-assi u d-djun kollha tal-FEKM għandhom jgħaddu awtomatikament għand l-IME. Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 4.1 ta’ dan il-Protokoll, l-IME “jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali” u, skond il-ħames inċiż ta’ dan l-istess Artikolu, l-IME “jieħu f’idejh ix-xogħol tal-FEKM”.

12       Skond l-Artikolu 123(1) KE, “[m]alli jinħatar il-Bord Eżekuttiv, għandhom jiġu stabbiliti is-[Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali] u l-[Bank Ċentrali Ewropew]” u “[l]-eżerċizzju totali tal-poteri tagħhom għandu jibda mill-ewwel jum tat-tielet stadju”.

13       Fis-26 ta’ Mejju 1998, il-kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern ta’ l-Istati Membri filwaqt li adottaw munita waħda adottaw, bi qbil bejniethom, id-Deċiżjoni 98/345/KE li tinnomina l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Viċi President tiegħu kif ukoll il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tiegħu (ĠU L 154, p. 33). Din id-deċiżjoni kellha bħala effett, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 123(1) KE, li tistabbilixxi d-data għall-istabbiliment tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-1 ta’ Ġunju 1998.

14      Huwa għaldaqstant f’dawn il-kundizzjonijiet li l-BĊE, fl-1 ta’ Ġunju 1998, issostitwixxa lill-IME fir-rigward tad-dħul fit-tielet fażi ta’ l-UEM, li bdiet fl-1 ta’ Jannar 1999.

15      L-Artikolu 114(2) KE jipprovdi li, “[f]il-bidu tat-tielet stadju, għandu jiġi stabbilit Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju” u li “il-Kumitat Monetarju [...] għandu jiġi xolt”.

16      Skond l-Artikolu 8 KE, is-SEBĊ u l-BĊE jaġixxu fil-limiti tal-poteri lilhom mogħtija bit-Trattat KE u bl-Istatut ta’ l-SEBĊ u tal-BĊE (minn issa’l quddiem imsejjaħ ‘l-Istatut ta’ l-SEBĊ’) anness mat-Trattat.

17      Jirriżulta mill-Artikolu 105 KE li l-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz ta’ l-SEBĊ ikunu li tiġi definita u implementata l-politika monetarja tal-Komunità, li jitwettqu operazzjonijiet ta’ kambju, li jinżammu in depositu u jiġu amministrati r-riżervi barranin uffiċjali ta’ l-Istati Membri u li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ħlas, peress illi l-għan prinċipali huwa li tinżamm l-istabbilità tal-prezzijiet. Il-BĊE għandu jagħmel ir-regolamenti u jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex jiġu esegwiti l-kompiti fdati lill-SEBĊ (Artikolu 110 KE).

18      L-Artikolu 107 (1) u (3) KE jipprevedi, li s-SEBĊ “għandha tkun magħmula mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali” u li “għandha tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-BĊE li għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv”.

19      L-Artikolu 112 KE jistipula:

“1.       Il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE għandu jkollu fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali.

2.      a) Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompost minn President, Viċi President u erba’ membri oħra.

[…]”

20      L-Artikolu 10.4 ta’ l-Istatut ta’ l-SEBĊ jipprevedi li l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju huma kunfidenzjali u li dan ta’ l-aħħar jista’ jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu.

21      Skond l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut ta’ l-SEBĊ, “[i]l-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli tal-Proċedura li jistabbilixxi l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi deċiżjonali tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-BĊE adotta r-Regoli tal-Proċedura tiegħu fis-7 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 338, p. 28), li ġie emendat, fit-22 ta’ April 1999 (ĠU L 125, p. 34) u fis-7 ta’ Ottubru 1999 (ĠU L 314, p. 32).

22      L-Artikolu 23 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, intitolat “Kunfidenzjalità u aċċess għad-dokumenti u arkivji tal-BĊE”, jistipula, fil-verżjoni tiegħu wara li ġie emendat fit-22 ta’ April 1999 u applikabbli fil-mument meta seħħew il-fatti, dan li ġej:

“23.1. Il-laqgħat tal-korpijiet deċiżjonali tal-BĊE u ta’ kull kumitat jew grupp ikkrejat minnhom huma kunfidenzjali sakemm il-Kunsill Regolatorju ma jawtorizzax il-President jippubblika r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tagħhom.

23.2.  Id-dokumenti kollha abbozzati mill-BĊE huma kunfidenzjali sakemm il-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidix mod ieħor. L-aċċess għad-dokumenti u għall-arkivji tal-BĊE kif ukoll għad-dokumenti li nżammu preċedentement fl-arkivji ta’ l-IME għandu jiġi rregolat permezz tad-deċiżjoni tal-[BĊE] tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar l-aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti u għall-arkivji tal-[BĊE] (BĊE/1998/12).

23.3. Id-dokumenti miżmuma fl-arkivji tal-[Kumitat tal-Gvernaturi], ta’ l-IME u tal-BĊE huma liberament aċċessibbli wara tletin sena. F’każijiet partikolari, il-Kunsill Regolatorju jista’ jnaqqas it-tul ta’ dan il-perijodu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

23      B’ittra tas-6 ta’ April 1999, li wasslet lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fid-9 ta’ April 1999, ir-rikorrent, li kien qiegħed jagħmel dottorat fil-liġi fl-Università ta’ Tessaloniki (Il-Greċja), talab, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 340, p. 43), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/705/KE, KEFA, Euratom, tas-6 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 325, p. 19), biex ikollu aċċess għall-Ftehim Basle-Nyborg fuq it-tisħiħ tas-Sistema Monetarja Ewropea (“SME”), approvat mill-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi fil-laqgħa informali tiegħu f’Nyborg (id-Danimarka), fit-12 ta’ Settembru 1987.

24      Fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ Mejju 1999, innotifikata lir-rikorrent fil-15 ta’ Mejju 1999, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill irrispondieh fit-termini li ġejjin:

“Is-Segretarju Ġenerali eżamina t-talba tiegħek bir-reqqa, iżda billi d-dokument ma setax jinstab, aħna niddeduċu li hu probabbli ħafna li dan jikkonsisti f’dokument tal-BĊE. Ikun għaldaqstant aħjar li tindirizza direttament lil dan ta’ l-aħħar [...]”

25      B’ittra tat-8 ta’ Ġunju 1999, irreġistrata fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fl-10 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrent ippreżenta talba konfermattiva b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 93/731.

26      B’ittra tat-28 ta’ Ġunju 1999 indirizzata lid-dipartiment tal-BĊE inkarigat mir-relazzjonijiet pubbliċi, ir-rikorrent talab, abbażi tad-Deċiżjoni tal-BĊE 1999/284/KE, tat-3 ta’ Novembru 1998, rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u għall-arkivji tal-BĊE (ĠU L 110, p. 30), aċċess għad-dokument li jirrigwarda l-Ftehim Basle-Nyborg.

27      B’ittra tal-5 ta’ Lulju 1999, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informa lir-rikorrent li, minħabba l-impossibbiltà li jieħu deċiżjoni f’terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 93/731, kien ġie deċiż li dan it-terminu jiġi estiż b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(5).

28      B’ittra tas-6 ta’ Lulju 1999, innotifikata fit-12 ta’ Lulju 1999, id-Direttur tal-BĊE inkarigat mir-relazzjonijiet pubbliċi indirizza lir-rikorrent komunikat stampa tal-Kumitat tal-Gvernaturi u tal-FECOM, datat it-18 ta’ Settembru 1987, li jiddeskrivi l-miżuri miftiehma sabiex jissaħħu l-mekkaniżmi tal-ħidma tas-SME. Din l-ittra spjegat li d-dokumenti li jemanaw mill-Kumitat tal-Gvernaturi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/284 iżda taħt dak ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, li ppreveda, b’mod partikolari, li d-dokumenti tal-Kumitat tal-Gvernaturi jkunu liberament aċċessibbli wara terminu ta’ 30 sena.

29      Fis-27 ta’ Lulju 1999, ir-rikorrent kiteb lill-BĊE sabiex jitlob reviżjoni tat-talba tiegħu fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, li jawtorizza l-Kumitat tal-Gvernaturi, f’ċerti każijiet speċifiċi, inaqqas il-perijodu tal-kunfidenzjalità ta’ 30 sena. Ir-rikorrent żied li l-għan tar-riċerki tiegħu setgħu tabilħaqq jaqgħu taħt “każijiet speċifiċi” li jagħmel riferenza għalihom l-Artikolu ċċitatat iktar’il fuq.

30      B’ittra tat-2 ta’ Awwissu 1999, innotifikata lir-rikorrent fit-8 ta’ Awwissu 1999, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill innotifika lir-rikorrent id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Lulju 1999 li tirrispondi għat-talba konfermattiva tiegħu bbażata fuq id-Deċiżjoni 93/731 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kunsill”). Din id-deċiżjoni kienet miktuba fil-kliem li ġejja:

“Risposta approvata mill-Kunsill fit-30 ta’ Lulju 1999 għat-talba konfermattiva ta’ A. Pitsiorlas (1/99), li kienet ġiet imressqa lill-Kunsill b’ittra tat-8 ta’ Ġunju 1999, rreġistrata fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fl-10 ta’ Ġunju 1999 skond l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 93/731/KE […], sabiex huwa jkun jista’ jitħalla jkollu aċċess għad-dokument:

Il-Ftehim Basle-Nyborg (Settembru 1987).

Wara riċerka fid-dettall, aħna kkonstatajna li d-dokument imsemmi fit-talba tiegħek jirrigwarda r-‛rapport’ tal-Kumitat tal-Gvernaturi rigward it-tisħiħ tas-SME, li ġie ppubblikat mill-Kumitat tal-Gvernaturi [...] f’Nyborg fit-8 ta’ Settembru 1987.

Ir-regoli rigward il-ħidma amministrattiva tas-SME qatt ma għamlu parti mid-dritt tal-Komunità; għaldaqstant, il-Kunsill qatt ma ġie msejjaħ jagħti deċiżjoni f’dan ir-rigward.

Minħabba li, f’dan il-każ, id-dokument mitlub ġie mħejji mill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali, aħna nistiednuk tindirizza t-talba tiegħek direttament lill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali jew lill-BĊE […] skond l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni.”

31      Fit-8 ta’ Novembru 1999, id-Direttur tal-BĊE inkarigat mir-relazzjonijiet pubbliċi indirizza ittra lir-rikorrent, li ġiet irċevuta minn dan ta’ l-aħħar fit-13 ta’ Novembru 1999, li tipprovdi kif ġej:

“Aħna nirringrazzjawk għall-ittra li biha inti tlabtna jkollok aċċess għall-Ftehim ‛Basle-Nyborg’ ta’ Settembru 1987. Nitolbuk tiskużana għad-dewmien li ħadna sabiex nirrisponduk u li hu dovut għall-fatt li t-talba tiegħek waslet hawn matul il-perijodu tas-sajf, li matulu l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju huma interrotti.

F’dak li jirrigwarda x-xewqa tiegħek, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE eżamina t-talba speċifika tiegħek għal aċċess għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi aktar attentivament. Dan ħa in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Ftehim Basle-Nyborg mhuwiex, fil-veru sens tal-kelma, dokument uniku, imħejji fil-forma ta’ ftehim bejn il-partijiet, iżda jeżisti biss fil-forma ta’ rapporti u ta’ minuti li l-awturi tagħhom huma kemm il-Kumitat tal-Gvernaturi u l-Kumitat Monetarju. Il-Kunsill Regolatorju osserva wkoll li komunikat stampa ddettaljat ħafna f’dan ir-rigward kien ġie trażmess fit-18 ta’ Settembru 1987 u li dan il-komunikat intbagħatlek f’anness ma’ l-ittra tas-6 ta’ Lulju 1999. Dan il-komunikat spjega b’mod iddettaljat ħafna l-punti kollha tal-Ftehim konkluż bejn il-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali. It-tibdiliet hekk magħmula lill-Ftehim fuq is-SME tat-13 ta’ Marzu 1979 (ara l-aħħar paragrafu tal-Komunikat Stampa) kienu ġew implementati permezz ta’ l-Instrument ta’ l-10 ta’ Novembru 1987, li kopja tiegħu qegħda tiġi annessa ma’ din l-ittra.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kunsill Regolatorju ddeċieda li ma jagħtix aċċess għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi.

Billi inti għandek diġà l-informazzjoni kollha essenzjali fuq il-Ftehim ‛Basle-Nyborg’, jiena konvint li x-xogħol tiegħek ta’ riċerka jista’ madankollu jiżviluppa u jagħti l-frott tiegħu.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Jannar 2000 (Kawża T-3/00), ir-rikorrent ressaq rikors għal annullament, minn naħa, kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, kontra l-ittri tal-BĊE tas-6 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 1999.

33      B’ittra ta’ l-10 ta’ Jannar 2000, ir-rikorrent talab il-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali bla ħlas. Din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tat-8 ta’ Mejju 2000 tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

34      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ April 2000, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li dwarha r-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fid-29 ta’ Ġunju 2000.

35      B’digriet ta’ l-Ewwel Awla ta’ l-14 ta’ Frar 2001, dan ir-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli safejn dan kien dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill u r-rikorrent ġie kkundannat ibati l-ispejjeż.

36      B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2001, ir-rikorrent ressaq appell kontra d-digriet ta’ l-14 ta’ Frar 2001 (Kawża C-193/01 P) skond l-Artikolu 49 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja,.

37      B’digriet tas-17 ta’ April 2002, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38      B’sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-BĊE (C‑193/01 P, Ġabra p. I‑4837, iktar’l isfel is-“sentenza Pitsiorlas”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza safejn dan iddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill, ċaħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn dan ta’ l-aħħar fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u rrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-merti u rriżerva l-ispejjeż.

39      Il-proċedura bil-miktub tkompliet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minfejn tħalliet, skond l-Artikolu 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

40      B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Lulju 2004 (Kawża T-337/04), ir-rikorrent ressaq rikors għad-danni kontra l-Kunsill u l-BĊE.

41      Billi l-kompożizzjoni ta’ l-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet inbidlet mit-13 ta’ Settembru 2004, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, bħala President, lill-Ħames Awla, li lilha l-kawża preżenti, għalhekk, ġiet assenjata.

42      B’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2005, il-kawżi T-3/00 u T-337/04 ġew magħquda għall-iskopijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

43      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali fiż-żewġ kawżi u, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tagħmel ċerti domandi lill-konvenuti kif ukoll li titlobhom jipproduċu ċerti dokumenti.

44      B’ittri li wasslu fir-Reġistru fil-15 u fis-16 ta’ Marzu 2007, il-BĊE u l-Kunsill irrispondew għal dawn id-domandi u pproduċew id-dokumenti mitluba.

45      B’ittri li wasslu fir-Reġistru fis-16 u l-21 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrent ippreżenta dokumenti ġodda għall-inkartament li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu kif ukoll osservazzjonijiet fuq il-kontenut tar-rapport għas-seduta.

46      Ir-rikorrent ma ppreżentax ruħu għas-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007, u nstemgħu biss is-sottomissjonijiet tal-konvenuti u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

A –  Talbiet fil-kawża T-3/00

47      Fit-talba tiegħu, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill;

–        tannulla l-ittri tal-BĊE tas-6 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 1999;

–        tordna l-miżuri istruttorji meħtieġa sabiex jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi li fihom ġew adottati d-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-BĊE;

–        tikkundanna lill-Kunsill u l-BĊE għall-ispejjeż.

48      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent jitlob barra minn hekk lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tieħu l-miżuri istruttorji meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat meta, taħt liema kundizzjonijiet u f’liema kuntest ġuridiku,jew jekk ikun il-każ konvenzjonali, il-BĊE daħal fil-pussess tar-rapport tal-Kumitat Monetarju intitolat “It-tisħiħ tas-SME – Rapport tal-President tal-Kumitat Monetarju fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Finanzi”, tat-12 ta’ Settembru 1987, li jinsab fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi;

–        tordna lill-BĊE biex iqiegħed fl-inkartament il-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999, jew ta’ kull data oħra, sabiex isir magħruf liema trattament ingħata lit-talba tiegħu u l-kundizzjonijiet li fihom l-ittra tal-BĊE tat-8 ta’ Novembru 1999 ġiet adottata;

–        titlob lill-BĊE jipprovdi data statistika rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju 1998 u l-31 ta’ Mejju 2000;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi (inklużi dawk fil-kawża C‑193/01 P).

49      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna r-rikorrent għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti fil-kawża C-193/01 P.

50      Il-BĊE jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, u sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

B –  Talbiet fil-kawża T‑337/04

51      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tikkundanna lill-konvenuti jħallsuh, in solidum u in totali, l-ewwel nett, bħala dannu materjali, is-somma li tirriżulta mill-kalkolu tar-rimunerazzjoni ta’ l-impjieg fi ħdan il-BĊE li jikkorispondi għall-kwalifiki tiegħu, mix-xahar ta’ April 2001 sa tliet xhur wara s-sentenza li għandha li għandha tingħata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, bil-kundizzjoni li din tkun favorevoli, bit-tnaqqis tad-dħul miġbur bħala avukat matul l-istess perijodu u, it-tieni nett, bħala dannu morali, is-somma ta’ 90 000 EUR, b’interessi bir-rata legali mill-preżentazzjoni tat-talba;

–        tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż u l-“ispejjeż mhux ġudizzjarji”.

52      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

53      Il-BĊE jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u t-talbiet kollha li jinsabu fih minħabba li huma infondati;

–        tikkundanna r-rikorrent għall-ispejjeż kollha.

 Fuq it-talba għal annullament

A –  Fuq l-ammissibbiltà

54      Il-BĊE jikkontesta diversi talbiet ta’ inammissibbiltà fir-rikors għal annullament safejn dan hu dirett kontra l-ittri tiegħu tas-6 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 1999.

1.     Fuq l-eżistenza ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati

55      Il-BĊE jsostni, l-ewwel nett, li l-ittra li huwa indirizza lir-rikorrent fis-6 ta’ Lulju 1999 hija nieqsa minn kull natura deċiżjonali.

56      Għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li, skond l-Artikolu 35.1 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, il-qrati tal-Komunità jistgħu jistħarrġu jew jinterpretaw l-atti jew l-omissjonijiet tal-BĊE fil-każijiet u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tat-Trattat KE, bla ħsara għall-proċedura speċjali prevista għall-kwistjonijiet bejn il-BĊE u l-aġenti tagħha permezz ta’ l-Artikolu 36.2 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ. Billi dan ir-rikors għal annullament ma jirrigwardax kwistjoni bejn il-BĊE u l-aġenti tagħha, l-ammissibbiltà tiegħu għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 230 KE, li għalih jirreferi l-Artikolu 35.1 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ April 2002, IPSO u USE vs IL-BĊE, T‑238/00, Ġabra p. II‑2237, punt 43).

57      Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, kull persuna fisika jew ġuridika tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet indikati fl-ewwel tliet paragrafi ta’ l-istess Artikolu, tippreżenta rikors “kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna”.

58      Skond il-ġurisprudenza, mhuwiex biżżejjed li ittra tkun intbagħtet minn istituzzjoni Komunitarja lid-destinatarju tagħha, b’risposta għal talba magħmula minnu, sabiex tali ittra tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE, u b’hekk tiftaħ it-triq għar-rikors għal annullament (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ottubru 1993, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑83/92, Ġabra p. II‑1169, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huma biss il-miżuri li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti, ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati b’rikors għal annullament, skond l-Artikolu 230 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 62, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca‑Cola vs Il-Kummissjoni, T‑125/97 u T‑127/97, Ġabra p. II‑1733, punt 77).

59      F’dan il-każ, huwa kostanti, l-ewwel nett, li, wara li kien irċieva talba għal aċċess mir-rikorrent għall-Ftehim Basle-Nyborg ibbażata fuq id-deċiżjoni 1999/284, il-BĊE, b’ittra tas-6 ta’ Lulju 1999, indika lill-persuna kkonċernata li d-dokumenti tal-Kumitat tal-Gvernaturi ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/284 iżda taħt dak ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jipprevedi, b’mod partikolari, li d-dokumenti tal-Kumitat tal-Gvernaturi huma liberament aċċessibbli wara terminu ta’ 30 sena.

60      Jidher b’hekk li, fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ Lulju 1999, il-BĊE limita ruħu jippreċizza r-regoli applikabbli għat-talba ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti ppreżentata mir-rikorrent, li minbarra dan ikkonforma ruħu ma’ l-indikazzjonijiet tal-BĊE billi ressaq lil dan ta’ l-aħħar talba ġdida għal aċċess ibbażata fuq l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan il-korp.

61      Kif jammetti r-rikorrent huwa stess, l-ittra tas-6 ta’ Lulju 1999 hija ta’ natura purament informattiva u ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli safejn jirrigwarda l-annullament ta’ din l-ittra.

62      Il-BĊE jindika, fit-tieni lok, li l-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999, ukoll imsemmija mir-rikorrent fit-talbiet tiegħu, kellha bħala skop li tinformah bid-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999 li ma jagħtihx aċċess għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi.

63      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999 hija l-uniku dokument irċevut mir-rikorrent li jirrispondi għat-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE u li għalkemm din l-ittra ssemmi l-fatt li l-“Kunsill Regolatorju ddeċieda” li ma jagħtix aċċess lir-rikorrent għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi, ma jsir ebda riferiment għal data preċiża ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, peress illi dik tal-21 ta’ Ottubru 1999 kienet ġiet ipprovduta mill-BĊE fir-risposta tad-difiża tiegħu.

64      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-BĊE pproduċa diversi dokumenti li juru l-eżistenza tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, estratt tal-minuti tad-29 laqgħa tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999.

65      Għandu, għalhekk, jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999, li tiċħad it-talba għal aċċess tar-rikorrent kienet ġiet materjalment ifformalizzata fir-rigward tiegħu biss permezz ta’ l-att ta’ notifika li bih huwa ġie informat u għalhekk li t-talbiet tar-rikorrent għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma intizi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, kif ġiet innotifikata lilu fit-8 ta’ Novembru 1999.

66      Għandu wkoll jiġi nnotat li, wara li kkonkluda għall-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999 ikkostitwixxiet att ta’ portata ġenerali li kontrih ir-rikorrent ma kellux locus standi, il-BĊE, matul is-seduta, ammetta n-natura individwali tal-miżura in kwistjoni u rtira l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbali tas-seduta.

67      Billi l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, kif ukoll għandu, jiġi eżaminat ex ufficio mill-qorti tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 35), il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Regolatorju, fis-7 ta’ Lulju 1998, adotta Regoli tal-Proċedura intiż li jiżgura l-ħidma interna tal-BĊE fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u li jinkludi Artikolu 23 intitolat, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regoli tal-Proċedura tat-22 ta’ April 1999, “Kunfidenzjalità u aċċess għad-dokumenti u arkivji tal-BĊE”.

68      Hu kostanti li din id-dispożizzjoni, li hija stipulata b’mod ġenerali, tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u astratt, għandha portata ġenerali.

69      Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent ma talabx u ma ġiex irrifjutat l-emenda jew l-irtirar ta’ l-Artikolu 23 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, iżda li huwa talab sempliċiment l-applikazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar u, b’mod iktar partikolari, ta’ l-Artikolu 23.3 tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza li skondha r-rifjut ikkontestat, minn istituzzjoni Komunitarja, li tipproċedi għall-irtirar jew għall-emenda ta’ att ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu att li l-legalità tiegħu tista’ tiġi eżaminata, skond l-Artikolu 230 KE, ħlief meta l-att li l-istituzzjoni Komunitarja tirrifjuta li tirtira jew li temenda seta’ huwa stess jiġi kkontestat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara sentenza Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata), mhijiex applikabbli f’dan il-każ.

70      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet inizjali tal-BĊE, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE għandu bħala għan biss li jippermetti lill-Kunsill Regolatorju jnaqqas il-perijodu ta’ kunfidenzjalità unikament fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument jew tad-dokumenti kkonċernati u li jadotta, billi jagħmel hekk, att li għandu effett erga omnes.

71      Jista’ tabilħaqq jiġi meqjus li l-Kunsill Regolatorju jista’ fuq l-inizjattiva tiegħu stess, fuq il-bażi tad-dispożizzjoni ċċitata iktar’il fuq, inaqqas it-terminu ta’ kunfidenzjalità ta’ 30 sena għal ċerti dokumenti jew kategorija ta’ dokumenti u jippermetti b’hekk l-aċċess għal kull persuna kkonċernata.

72      Jibqa’ xorta waħda l-fatt li l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE huwa intiż ukoll li jagħti lill-pubbliku d-dritt li jressaq talba għal tnaqqis tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità, billi għandu jiġi mfakkar li xejn ma jipprekludi li regoli dwar l-organizzazzjoni interna tal-ħidmiet ta’ istituzzjoni jkollhom effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1996, L-Olanda vs Il-Kunsill, C‑58/94, Ġabra p. I‑2169, punt 38). Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, li hija maħsuba sabiex tapplika b’mod ġenerali, kull persuna tista’ għalhekk titlob l-aċċess għad-dokumenti kollha miżmuma fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi, anki qabel jiskadi perijodu ta’ 30 sena.

73      Il-formulazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE tippermetti li jiġi konkluż li l-fatt li l-att adottat mill-Kunsill Regolatorju fuq din il-bażi jista’, f’ipoteżi partikolari, ikun ta’ natura ġenerali ma jeskludix li dan l-att jista’ jikkostitwixxi miżura individwali f’ipoteżi oħra, meta huwa kkonċernat att negattiv adottat wara talba lill-BĊE minn individwu, wara t-teħid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar u ta’ l-interessi individwali allegati, imbagħad innotifikat direttament lill-persuna kkonċernata.

74      Għandu jiġi kkonstatat li din l-aħħar ipoteżi tikkorrispondi eżattament għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kif jirriżultaw mill-inkartament imressaq lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

75      Hu kostanti li r-rikorrent, b’ittra tas-27 ta’ Lulju 1999, ressaq talba għat-tnaqqis tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex ikun jista’ jsir jaf dwar id-dokumenti relatati mal-Ftehim Basle-Nyborg u dan billi sostna l-importanza tagħhom għall-bżonnijiet tat-tesi tiegħu.

76      Din it-talba ġiet miċħuda għar-raġuni, imsemmija fl-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999, li r-rikorrent kien diġà ntbagħat żewġ dokumenti rilevanti u li, billi kellu għalhekk l-informazzjoni essenzjali kollha fuq il-Ftehim Basle-Nyborg, il-ħidmiet ta’ riċerka tiegħu setgħu jitkomplew u jagħtu l-frott tagħhom.

77      Fl-aħħar, ir-rikorrent huwa l-uniku destinatarju tad-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju, li ġiet innotifikata lilu permezz ta’ l-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-att adottat mill-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999, kif innotifikat b’ittra tat-8 ta’ Novembru 1999 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni tal-BĊE”), jikkostitwixxi tabilħaqq deċiżjoni individwali li kontriha r-rikorrent huwa ammissibbli li jressaq rikors għal annullament.

2.     Fuq in-natura allegatament tardiva tar-rikors għal annullament

79      Il-BĊE jsostni li l-ewwel dokument ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza mir-rikorrent fl-4 ta’ Jannar 2000 jinkludi kemm talba għal assistenza legali kif ukoll il-preżentata ta’ rikors skond l-Artikolu 230 KE u huwa ffirmat mir-rikorrent innifsu u mhux minn avukat ieħor, li jikser l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, Ġabra p. I‑6401). It-tieni dokument, ippreżentat fis-“7 ta’ Frar 2000”, li huwa debitament iffirmat minn avukat distint mir-rikorrent, ma jistax, skond il-BĊE, jirrimedja, b’mod retroattiv, għad-difett proċedurali inizjali, peress illi t-terminu ta’ xahrejn li fih ir-rikors kellu jiġi mressaq kien skada fit-13 ta’ Jannar 2000.

80      Għandu, f’dan ir-rigward, jiġi osservat li t-talba introduttiva ta’ istanza, iskritta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Jannar 2000, hija ffirmata minn avukat maħtur mir-rikorrent u li din hija għalhekk konformi mar-rekwiżiti tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli f’dak iż-żmien.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jibqa’ sabiex jiġi eżaminat jekk ir-rikors ġie mressaq fit-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 230 KE, miżjud b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, applikabbli għall-partijiet li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġreċja skond deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seħħ f’dak iż-żmien, qabel l-emenda tar-Regoli tal-Proċedura li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2001.

82      F’dan il-każ, hu fit-13 ta’ Novembru 1999 li r-rikorrent sar jaf bl-ittra tal-BĊE tat-8 ta’ Novembru 1999 li informatu biċ-ċaħda tat-talba tiegħu mill-Kunsill Regolatorju. It-terminu sabiex jitressaq ir-rikors kien jiskada għalhekk fit-23 ta’ Jannar 2000, b’kunsiderazzjoni tat-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, mhux meqjus mill-BĊE fl-argumenti tiegħu. Billi r-rikorrent ressaq ir-rikors tiegħu fl-20 ta’ Jannar 2000, u mhux fis-7 ta’ Frar 2000 kif indikat żbaljatament mill-BĊE fir-risposta tad-difiża tiegħu, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura tardiva tar-rikors hija, għaldaqstant, infondata.

3.     Fuq in-natura allegatament abbużiva tar-rikors

83      Il-BĊE jsostni li r-rikors “m’għandux skop” u abbużiv, safejn huwa, essenzjalment, issodisfa t-talba tar-rikorrent.

84      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

85      Għandu, l-ewwel nett, jiġi mfakkar li, skond il-BĊE, il-Ftehim Basle-Nyborg ma jikkorrispondix għal dokument wieħed, iżda huwa kompost minn ġabra ta’ dokumenti li jieħdu l-forma ta’ rapporti u ta’ minuti tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Gvernaturi u tal-Kumitat Monetarju. Il-BĊE b’hekk ippreċizza li l-Ftehim Basle-Nyborg kien kompost mir-“rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi fuq it-tisħiħ tas-SME” u minn rapport tal-Kumitat Monetarju intitolat “It-tisħiħ tas-SME – Rapport tal-President tal-Kumitat Monetarju fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Finanzi, Nyborg fit-12 ta’ Settembru 1987”.

86      Hemm lok, sussegwentement, li jiġi nnotat li jidher ta’ l-inqas paradossali li jiġi pretiż, kif jagħmel il-BĊE, li r-rikorrent irċieva żewġ dokumenti, barra minn dawk imsemmija hawn fuq, li fihom informazzjoni li “tirrappreżenta sewwa t-totalità tal-Ftehim Basle-Nyborg”, filwaqt li rrifjutalu l-aċċess għalih għar-raġuni, pprovduta fis-sottomissjonijiet tiegħu, li l-kontenut tiegħu huwa kunfidenzjali.

87      Il-BĊE jżid li r-“rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi fuq it-tisħiħ tas-SME ma jżid ebda informazzjoni ġdida u rilevanti”, u b’hekk mhemm l-ebda riferiment għar-rapport tal-Kumitat Monetarju hawn fuq imsemmi.

88      Huwa biżżejjed, fir-realtà, li jiġi kkonstatat li l-Kunsill Regolatorju rrifjuta li jnaqqas il-perijodu ta’ kunfidenzjalità ta’ 30 sena u, bl-istess mod, li jagħti aċċess għad-dokumenti li jikkostitwixxu l-Ftehim Basle-Nyborg imsemmi fit-talba tar-rikorrent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li t-talba tar-rikorrent ġiet milqugħa u li r-rikors tiegħu huwa, għalhekk, mingħajr skop.

89      Għandu, minbarra dan, jiġi mfakkar li persuna li ġiet irrifjutata l-aċċess għal dokument jew għal parti minn dokument għandha diġà, minn dan il-fatt biss, interess għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, Ġabra p. II-2289, punt 67).

90      F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar, in-natura allegatament vessatorja tar-rikors imressaq mir-rikorrent, din il-kunsiderazzjoni hija rrilevanti fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors u taqa’ taħt id-diskussjoni fuq l-ispejjeż.

4.     Fuq l-allegata inkompetenza tal-BĊE sabiex jagħti l-aċċess għar-rapport tal-Kumitat Monetarju

91      Il-BĊE jallega li huwa mhuwiex id-destinatarju adegwat tat-talba għal aċċess għar-rapport tal-Kumitat Monetarju, safejn huwa mhuwiex l-awtur tiegħu u safejn huwa mhuwiex il-gwardjan tad-dokumenti tal-Kumitat Monetarju.

92      Huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan il-motiv huwa rrilevanti fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors. Il-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE fuq l-applikazzjoni, f’dan il-każ, ta’ regola ta’ l-awtur jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-mertu.

93      Għandu, fl-aħħar, jiġi osservat li, matul is-seduta, il-BĊE kkonferma li huwa kien tabilħaqq fil-pussess tar-rapport tal-Kumitat Monetarju u li d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999 ta’ ċaħda tat-talba għal aċċess tar-rikorrent għall-Ftehim Basle-Nyborg, ibbażata fuq l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, kienet tikkonċerna d-dokumenti kollha li jiffurmaw dan il-Ftehim, inkluż ir-rapport tal-Kumitat Monetarju, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbali tas-seduta.

94      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-allegata inkompetenza tal-BĊE biex jagħti l-aċċess għar-rapport tal-Kumitat Monetarju għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq il-mertu

1.     Fuq it-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill

a)     L-argumenti tal-partijiet

95      B’sostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, it-tieni, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tielet, tal-“prinċipju fundamentali ta’ dritt Komunitarju dwar l-aċċess taċ-ċittadini għal dokumenti” u ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 93/731.

96      Ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ma jistgħux ifissru jew jittolleraw li istituzzjoni bħall-Kunsill tista’ taħbi l-verità, tigdeb jew tqarraq bil-persuni amministrati li jindirizzawha. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent kien vittma ta’ l-azzjoni miftiehma u qarrieqa tal-Kunsill u tal-BĊE. B’hekk, wara li kien iddikjara li ma kienx jaf bil-Ftehim in kwistjoni, il-Kunsill kien ħeba l-eżistenza tar-rapport tal-Kumitat Monetarju u rrefera r-rikorrent lill-BĊE, li kien intenzjonalment dam sabiex jirrispondi bl-għan li jrendi impossibbli rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill minħabba l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan.

97      Skond ir-rikorrent, il-ksur ta’ dawn il-prinċipji kien ġie indirettament iżda ċarament irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja li, fis-sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, ikkonstatat l-eżistenza ta’ żball skużabbli li jirriżulta mill-ħabi, mill-Kunsill, tar-rapport tal-Kumitat Monetarju li jifforma parti mill-Ftehim Basle-Nyborg, u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minnu. Ir-rikorrent josserva li, minkejja u kuntrarjament għat-test ta’ din is-sentenza, il-Kunsill jafferma xorta waħda li l-informazzjoni kkontenuta fid-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ Lulju 1999 hija eżatta.

98      Ir-rikorrent isostni, fit-tieni lok, li t-tqarriq imwettaq mill-Kunsill jimplika neċessarjament li d-deċiżjoni tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE u ta’ l-Artikolu 7(3) tad-deċiżjoni 93/731 u li din għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 15; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑85/94, Ġabra p. II‑45, punt 32, u Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 89 iktar’il fuq, punt 116).

99      L-allegazzjoni tal-Kunsill, ifformulata fir-risposta tad-difiża tiegħu, li skondha dan applika r-“regola ta’ l-awtur” fid-deċiżjoni tiegħu sabiex jiċħad it-talba tar-rikorrent, tikkostitwixxi interpretazzjoni a posteriori ta’ din id-deċiżjoni, peress illi għandu jiġi osservat li din id-deċiżjoni ma ssemmix l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni 93/731 u lanqas ma tinkludi l-espressjoni “awtur tad-dokument”. Ir-rikorrent isostni li din l-allegazzjoni, li hi indirettament iżda b’mod ċar miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, ma tistax tikkostitwixxi motivazzjoni leġittima tad-deċiżjoni tal-Kunsill, peress illi dan ta’ l-aħħar ma taħx iċ-ċans li jikkonfutaha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punt 97, u tat-12 ta’ Lulju 2001, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑204/99, Ġabra p. II‑2265, punt 92).

100    Ir-rikorrent jallega, fit-tielet lok, li l-qerq li huwa kien vittma tiegħu minn naħa tal-Kunsill jinvolvi wkoll ksur tal-“prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju dwar l-aċċess taċ-ċittadini għal dokumenti” u ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 93/731. Għaldaqstant, l-argument żviluppat fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi japplika wkoll għat-tielet motiv imqajjem.

101    Huwa jsostni, fir-replika, li l-argumenti invokati mill-Kunsill fir-risposta tad-difiża tiegħu f’dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ terza parti tal-Kumitat Monetarju jesprimu rifjut li tiġi applikata d-deċiżjoni 93/731 u huma infondati, peress illi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, dwar ir-regola ta’ l-awtur, mhumiex sodisfatti f’dan il-każ. B’rigward għall-attribuzzjonijiet tiegħu, fil-fatt, il-Kumitat Monetarju ma jistax jiġi kkwalifikat bħala terza parti fir-rigward tal-Kunsill.

102    Ir-rikorrent jenfasizza fl-aħħar li, filwaqt li jafferma li qiegħed japplika f’dan il-każ ir-regola ta’ l-awtur, il-Kunsill evita milli jindika l-pussessur kurrenti tar-rapport tal-Kumitat Monetarju, li jikser il-prinċipju ta’ trasparenza mressaq mill-Kunsill.

103    Il-Kunsill jitlob li l-motivi ta’ annullament imqajma mir-rikorrent jiġu miċħuda.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

104    Għandu, l-ewwel nett, jiġi ppreċiżat l-għan tar-rikors għal annullament imressaq mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill.

105    Għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill indika li l-Ftehim Basle-Nyborg kien ikkostitwit mir-rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi u li kien hemm lok, għar-rikorrent, li jindirizza direttament lill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali jew lill-BĊE. Huwa stabbilit li, f’din id-deċiżjoni, il-Kunsill ma semmiex ir-rapport tal-Kumitat Monetarju.

106    Jirriżulta mill-ittra tal-BĊE tat-8 ta’ Novembru 1999 li l-Ftehim Basle-Nyborg huwa kkostitwit minn ġabra ta’ dokumenti li jieħdu l-forma ta’ diversi rapporti u minuti tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Gvernaturi u tal-Kumitat Monetarju. Fir-risposta tad-difiża tiegħu, il-BĊE ppreċiża li dan il-Ftehim kien kostitwit, minn naħa, minn rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi intitolat “Rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi fuq it-tisħiħ tas-SME” u, min-naħa l-oħra, minn rapport tal-Kumitat Monetarju intitolat “It-tisħiħ tas-SME – Rapport tal-President tal-Kumitat Monetarju fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Finanzi, Nyborg fit-12 ta’ Settembru 1987”.

107    Fit-talba, imressqa wara li r-rikorrent sar jaf bil-kontenut dokumentarju eżatt tal-Ftehim Basle-Nyborg, il-parti kkonċernata titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li “jiċħad[lu] […] kull dritt ta’ aċċess għall-Ftehim Basle-Nyborg”, mingħajr preċiżjonijiet oħra fir-rigward tad-dokumenti li jikkostitwixxu dan il-Ftehim.

108    Jirriżulta minn din il-formulazzjoni li r-rikorrent jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kunsill safejn din tirrifjuta li tinnotifikah bid-dokumenti li joriġinaw kemm mill-Kumitat tal-Gvernaturi kif ukoll mill-Kumitat Monetarju, in kwantu l-iskiet tal-Kunsill dwar dawn l-aħħar dokumenti jammonta għal deċiżjoni ta’ rifjut.

109    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li, sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ l-applikanti għal aċċess ikkonfrontati ma’ risposti ta’ l-amministrazzjoni li jiddikjaraw li d-dokumenti mitluba mhumiex fil-pussess tagħha jew ma jeżistux, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn ir-risposti jikkostitwixxu atti li għandhom bħala effett li jirrifjutaw l-aċċess, li jaffettwaw l-interessi ta’ l-applikanti għal aċċess u għalhekk jista’ jitressaq rikors kontrihom [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 2002, British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, T 311/00, Ġabra p. II 2781, punti 31 u 32].

110    Għandu, sussegwentement, jiġi enfasizzat li l-eżami tat-tliet motivi ta’ annullament imqajma mir-rikorrent, kif imfakkra fil-punt 95 hawn fuq, jirrivelaw li huma bbażati, fil-parti l-kbira, fuq l-istess argument, li skondu l-Kunsill kien, b’mod miftiehem mal-BĊE, renda ruħu ħati ta’ qerq fir-rigward tar-rikorrent, l-ewwel, billi ħeba l-eżistenza tar-rapport tal-Kumitat Monetarju fuq it-tisħiħ tas-SME, it-tieni, billi ttardja d-deċiżjoni ta’ rifjut għal aċċess b’riferenza għal dan ir-rapport, li kienet adottata biss wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jitressaq rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill.

 Fuq l-allegat qerq imwettaq mill-Kunsill

111    Jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrent li l-qerq imwettaq mill-Kunsill jimplika neċessarjament ksur, l-ewwel, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, it-tieni, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tielet, tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stipulati fid-deċiżjoni 93/731. Skond ir-rikorrent, il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ġie indirettament iżda ċarament rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja li, fis-sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, ikkonstatat l-eżistenza ta’ żball skużabbli li jirriżulta mill-ħabi, mill-Kunsill, tar-rapport tal-Kumitat Monetarju.

112    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat safejn dan huwa bbażat fuq premessa żbaljata, fis-sens li l-kontenut ta’ l-inkartament imressaq lill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jippermettix li jiġi konkluż li teżisti attitudni ta’ ħabi tal-Kunsill fir-rigward tan-natura jew ta’ l-aċċessibbiltà tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-Ftehim Basle-Nyborg.

113    L-allegazzjonijiet tar-rikorrent ta’ qerq jew ta’ manuvri kollużivi joriġinaw manifestament minn amplifikazzjoni abbużiva tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq.

114    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jiddikjara inammissibbli, in kwantu tardiv, ir-rikors għal annullament imressaq mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill, minħabba li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet interpretat ħażin il-kunċett ta’ żball skużabbli billi ffavorit kunċett restrittiv tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li tagħrif sħiħ tal-finalità ta’ deċiżjoni kif ukoll tat-terminu sabiex jitressaq rikors applikabbli skond l-Artikolu 230 KE ma jeskludix, fih innifsu, li individwu jista’ jinvoka żball skużabbli li jista’ jiġġustifika t-tardività tar-rikors tiegħu, billi, skond ġurisprudenza kostanti, tali żball jista’ jsir, b’mod partikolari, meta l-istituzzjoni kkonċernata adottat aġir ta’ natura li, waħedha jew b’mod determinanti, ħolqot konfużjoni kunsiderevoli fil-moħħ ta’ persuna in bona fede u li teżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa ta’ persuna normalement informata (sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, punt 24).

115    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-rikorrent ma kellu, fid-dawl ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill, ebda raġuni li jikkontesta “deċiżjoni li teskludi l-aċċess għal dokument li, essenzjalment, l-eżistenza tiegħu stess kienet miċħuda” u li hu biss fit-13 ta’ Novembru 1999, jiġifieri kważi erba’ ġimgħat wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jitressaq rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill, li r-rikorrent kien ġie informat, mill-BĊE, bil-fatt li l-Ftehim Basle-Nyborg jinkludi rapporti u minuti li l-awturi tagħhom huma kemm l-Kumitat tal-Gvernaturi kif ukoll il-Kumitat Monetarju (sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, punt 34).

116    Billi r-rikorrent ippreżenta r-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill fl-20 ta’ Jannar 2000, jiġifieri f’terminu raġonevoli wara li seta’ sar jaf b’din l-informazzjoni pprovduta mill-BĊE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li t-tardività ta’ dan ir-rikors kellha tiġi kkunsidrata bħala li hija ta’ natura skużabbli (sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, punt 35).

117    Mis-sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Kunsill kien ħeba intenzjonalment l-eżistenza tar-rapport tal-Kumitat Monetarju u li, għaldaqstant, il-prinċipji ta’amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kienu ġew miksura minn din l-istituzzjoni.

118    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Lulju 1999 kienet ta’ natura li tinduċi r-rikorrent fi żball, peress illi ma semmietx dokument inkluż fil-Ftehim Basle-Nyborg u li l-eżistenza tiegħu ġiet irrivelata sussegwentement, fl-ittra tal-BĊE tat-8 ta’ Novembru 1999, u ħolqot b’hekk, fil-moħħ tar-rikorrent, konfużjoni ammissibbli li tiġġustifika l-fatt li dan ta’ l-aħħar ma kienx ikkontesta, fit-terminu meħtieġ, din id-deċiżjoni.

119    Jidher b’hekk li t-tressiq tardiv tar-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill kien ġie kkawżat permezz tal-provvista ta’ informazzjoni li rriżultat, a posteriori, parzjalment ineżatta, mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmel riferenza, f’dan ir-rigward, għall-allegata mala fede tal-Kunsill u minkejja li r-rikorrent kien argumenta l-appell tiegħu billi allega l-kollużjoni tal-Kunsill u l-BĊE. Il-fatt li r-risposta tal-Kunsill kienet ġiet ikkwalifikata bħala qerrieqa ma jfissirx, neċessarjament, li huwa deliberatament ried iqarraq bir-rikorrent.

120    Il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet il-konsegwenzi kollha fil-kuntest ta’ l-appell li tressaq quddiemha, billi kkonkludiet li d-dewmien tar-rikors kien ta’ natura skużabbli, mingħajr ma daħlet b’ebda mod fil-merti tal-kawża, li dwarhom hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi (sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, punt 32). Il-fatt li l-kunċett ta’ żball skużabbli għandu s-sors tiegħu direttament fl-interess tar-rispett tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ l-aspettattivi leġittima ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet, fis-sentenza Pitsiorlas, li l-Kunsill kiser l-imsemmija prinċipji fl-okkażjoni ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu.

121    Lil hinn mill-interpretazzjoni tal kliem tas-sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, ir-realtà tal-fatti sottomessi għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza jssostni l-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ qerq minn naħa tal-Kunsill.

122    Jirriżulta, fil-fatt, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-BĊE li huwa tabilħaqq dan ta’ l-aħħar li, materjalment, jipposjedi r-rapport tal-Kumitat Monetarju, miżmum fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi. Billi ma jżommx id-dokument in kwistjoni, huwa konċepibbli u ammissibbli li l-Kunsill seta’ injora l-eżistenza tiegħu.

123    Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma ġabx il-prova ta’ qerq minn naħa tal-Kunsill, li jikkonsisti f’ħabi, fid-deċiżjoni tiegħu, tar-rapport jew ta’ dokumenti oħra li joriġinaw mill-Kumitat Monetarju u li l-iskiet tal-Kunsill dwar id-dokumenti ta’ l-imsemmi Kumitat għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta’ l-injoranza ta’ l-eżistenza tagħhom u għalhekk tal-konvinzjoni sinċera tal-Kunsill, fl-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni, li ma kien jeżisti ebda dokument li jekwivali għat-talba għal aċċess għajr ir-rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stipulat fid-deċiżjoni 93/731, b’riżultat ta’ l-allegat qerq tal-Kunsill, għandu jiġi miċħud.

125    Iċ-ċaħda ta’ dan l-ilment ma teżawrixxix, madankollu, il-problematika kollha mqajma permezz tat-tliet motivi ta’ annullament ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji, ta’ l-obbligu u tad-deċiżjoni fuq imsemmija.

 Fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stipulat fid-deċiżjoni 93/731

126    Għandu jiġi mfakkar li l-Kunsill u l-Kummissjoni approvaw, fis-6 ta’ Diċembru 1993, Kodiċi ta’ Kondotta maħsub sabiex jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti li huma miżmuma minnhom. Il-Kodiċi ta’ Kondotta jistipula, b’mod partikolari, il-prinċipju segwenti:

“Il-pubbliku għandu jkollu l-aċċess l-aktar wiesgħa possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni u l-Kunsill.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

127    Minbarra dan, dan jipprovdi:

“Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jieħdu, kull wieħed għal dak li jirrigwarda lilu, il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dawn il-prinċipji qabel l-1 ta’ Jannar 1994.”

128    Sabiex idaħħal dan l-impenn fis-seħħ, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’ Diċembru 1993, id-deċiżjoni 93/731.

129    L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 93/731 jipprovdi dan li ġej:

“1.       Il-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-deċiżjoni.

2.      ‛dokument tal-Kunsill’ ifisser kull test bil-miktub li jkun fih data eżistenti miżmum minn din l-istituzzjoni, irrispettivament mill-istrument li fuqu huwa miktub, bla ħsara għall-Artikolu 2(2).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

130    L-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni 93/731 jipprovdi li:

“Meta d-dokument mitlub għandu bħala awtur persuna fiżika jew ġuridika, jew Stat Membru, istituzzjoni oħra jew korp Komunitarju jew kull korp nazzjonali jew internazzjonali ieħor, it-talba m’għandhiex tiġi indirizzata lill-Kunsill iżda direttament lill-awtur tad-dokument.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

131    Jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 93/731 li l-possibbiltà għall-Kunsill li jilqa’ talba għal aċċess tippreżumi, evidentement, mhux biss li d-dokumenti msemmija f’din it-talba jkunu jeżistu [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, T‑123/99, Ġabra p. II‑3269, punt 58, u British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar’il fuq, punt 35], iżda li jkunu miżmuma wkoll mill-istituzzjoni.

132    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, dokumenti li jemanaw mill-Kumitat Monetarju, li ma saret ebda riferenza għall-eżistenza tagħhom fid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Lulju 1999, il-materjalità tagħhom saret magħrufa minn wara l-ittra tal-BĊE tat-8 ta’ Novembru 1999 u mhijiex is-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni bejn il-partijiet.

133    Il-kwistjoni taż-żamma tagħhom hi, min-naħa l-oħra, diskussa mill-partijiet u għandha tiġi riżolta sabiex tingħata risposta għall-motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent previst mid-deċiżjoni 93/731. Fil-fatt, il-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ qerq minn naħa tal-Kunsill mhijiex ta’ natura li teżawrixxi l-problematika marbuta ma’ l-ilment fuq imsemmi.

134    Il-fatt li s-skiet tal-Kunsill dwar id-dokumenti li jemanaw mill-Kumitat Monetarju għandu jiġi interpretat bħala l-espressjoni tan-nuqqas ta’ għarfien ta’ l-eżistenza tagħhom ma jfissirx, neċessarjament, li dawn ma kinux fil-pussess tiegħu. Hu teorikament konċepibbli li riċerki mwettqa b’mod imperfett mid-dipartimenti tal-Kunsill setgħu wasslu lil dan ta’ l-aħħar sabiex jikkonkludi sinċerament iżda żbaljatament għall-ineżistenza tad-dokumenti li kienu madankollu miżmuma fl-arkivji tiegħu. Sitwazzjoni tali tista’ tikkostitwixxi ksur tad-deċiżjoni 93/731.

135    Kif diġà ġie ppreċiżat, il-Kunsill jafferma li d-dokumenti in kwistjoni tal-Kumitat Monetarju jew tal-Kumitat tal-Gvernaturi lanqas mhuma miżmuma minnu.

136    Din l-affermazzjoni hija kkorroborata bid-dikjarazzjonijiet tal-BĊE li skondhom id-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess, inkluż ir-rapport tal-Kumitat Monetarju, huma miżmuma fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi, irregolati mill-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE.

137    F’risposta għal dawn id-dikjarazzjonijiet, ir-rikorrent jindika li “[w]aħda miż-żewġ istituzzjonijiet, il-Kunsill jew il-BĊE, tabilħaqq it-tnejn, ikomplu jaħbu l-verità”.

138    Huwa josserva li l-Kunsill jafferma li kien applika r-regola ta’ l-awtur iżda “li jevita milli […] jgħid min iżomm attwalment ir-rapport tal-Kumitat Monetarju” u jżid li, billi jiddikjara li d-dokumenti kollha li jemanaw minn dan il-Kumitat għandhom jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tal-Kunsill, in kwantu dan il-Kumitat effettivament ipprepara l-ħidmiet ta’ l-istituzzjoni, il-Kunsill “jammetti li huwa jipposjedi r-rapport tal-Kumitat Monetarju”. Minbarra dan, ir-rikorrent iħalli sabiex jinftiehem li ż-żewġ partijiet konvenuti, setgħu, matul is-sajf ta’ l-1999, kienu “innegozzjaw u ddeċiedew bi ftehim komuni li jittrasferixxu lill-BĊE r-rapport in kwistjoni u dokumenti oħra dwar is-SME, tabilħaqq id-dokumenti kollha tal-Kumitat Monetarju, sabiex ikunu protetti bit-terminu ta’ 30 sena stabbilit fl-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE” u jikkunsidra li huwa neċcessarju li jsir magħruf kif ir-rapport tal-Kumitat Monetarju kien ġie “fdat” lill-BĊE.

139    Sabiex tissolva din id-diffikultà fir-rigward tal-prova taż-żamma jew tan-nuqqas ta’ żamma ta’ dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess, għandha tiġi applikata, b’analoġija, il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-kontestazzjonijiet dwar l-eżistenza stess tad-dokumenti mitluba.

140    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, skond il-preżunzjoni ta’ legalità marbuta ma’ l-atti Komunitarji, l-ineżistenza ta’ dokument li l-aċċess tiegħu ġie mitlub hija preżunta meta affermazzjoni f’dan is-sens issir mill-istituzzjoni kkonċernata. Din hija madankollu preżunzjoni sempliċi li r-rikorrent jista’ jirribatti bil-mezzi kollha, fuq il-bażi ta’ provi rilevanti u konkordanti [sentenzi JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 131 iktar’il fuq, punt 58, u British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, punt 109 punt iktar’il fuq, punt 35].

141    Id-deċiżjoni tal-Kunsill ma tinkludix affermazzjoni espressa ta’ nuqqas ta’ żamma ta’ dokumenti li jemanaw mill-Kumitat Monetarju, li huwa spjegat mill-partikolarità ta’ dan il-każ, jiġifieri l-fatt li l-Kunsill identifika dokument wieħed li jikkorrispondi għat-talba għal aċċess u għalhekk immotiva r-risposta tiegħu fir-rigward ta’ dan id-dokument. Jibqa’ xorta waħda l-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill tinkludi, b’mod inċiżiv, l-affermazzjoni li skondha ma jeżisti ebda dokument li jikkorrispondi għat-talba għal aċċess u tipprovdi, għaldaqstant, l-indikazzjoni oġġettiva, impliċita iżda meħtieġa, tan-nuqqas ta’ żamma ta’ dan id-dokument.

142    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma pprovdix, fis-sottomissjonijiet tiegħu bil-miktub, provi rilevanti u konkordanti ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu l-pussess mill-Kunsill ta’ dokumenti li jemenaw mill-Kumitat Monetarju.

143    Għandu, f’dan ir-rigward, jiġi enfasizzat:

–        li l-unika affermazzjoni perentorja ta’ ħabi tal-verità mill-Kunsill hija, evidentement, nieqsa minn kull saħħa probatorja;

–        li l-allegazzjoni li skondha l-Kunsill jiddikjara li kien applika r-regola ta’ l-awtur iżda “jevita milli […] igħid min jipposjedi attwalment ir-rapport tal-Kumitat Monetarju” hija rrilevanti, billi huwa mfakkar, barra minn hekk, li l-Kunsill jisħaq li kien applika r-regola ta’ l-awtur fir-rigward tar-rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi;

–        li d-deduzzjoni magħmula mir-rikorrent, jiġifieri, dik tar-rikonoxximent mill-Kunsill tal-pussess tar-rapport tal-Kumitat Monetarju minħabba d-dikjarazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar li skondha d-dokumenti kollha li jemanaw minn dan il-Kumitat għandhom jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tal-Kunsill, safejn dan il-Kumitat effettivament ipprepara l-ħidmiet ta’ l-istituzzjoni, tibqa’ inspjegata u bla spjegazzjoni.

144    F’dak li jirrigwarda l-interrogazzjoni tar-rikorrent fuq il-kundizzjonijiet li fihom ir-rapport tal-Kumitat Monetarju nstab fil-pussess tal-BĊE, dan ta’ l-aħħar jippreċiża li dan ir-rapport kien inzerta, fost id-dokumenti tal-Kumitat tal-Gvernaturi li kienu ġew ittrasferiti minn Basle għal Frankfurt fl-okkażjoni tat-trasferiment ta’ l-IME f’Ottubru 1994. Billi r-rapport tal-Kumitat Monetarju kien ġie mitlub, bħal dak tal-Kumitat tal-Gvernaturi, mill-Ministri tal-Finanzi fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-laqgħa tagħhom f’Nyborg f’Settembru 1987, huwa, għaldaqstant, probabbli li s-Segretarjat tal-Kumitat tal-Gvernaturi kien irċieva għal informazzjoni eżemplari tar-rapport tal-Kumitat Monetarju u li dan kien ġie miżmum mad-dokumenti l-oħra tal-Kumitat tal-Gvernaturi.

145    Għandu jiġi nnotat li r-rikorrent ma jipprovdi ebda prova serja li tippermetti li jiġu kkontradixxuti d-dikjarazzjonijiet tal-BĊE.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat b’xi ksur tad-deċiżjoni 93/731, li tipprovdi dritt ta’ aċċess biss għad-dokumenti miżmuma minn din l-istituzzjoni.

147    Jirriżulta mill-kunsiderazzjoni li tippreċedi li d-diskussjoni bejn il-partijiet fuq ir-rabta tad-dokumenti li jemanaw mill-Kumitat Monetarju mal-Kunsill, fid-dawl tal-kompożizzjoni u ta’s-setgħat ta’ dan il-Kumitat, hija irrilevanti.

148    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-dokumenti li jemanaw mill-Kumitat tal-Gvernaturi, kemm il-materjalità tagħhom kif ukoll iż-żamma tagħhom, mill-BĊE, mhumiex ikkontestati mill-partijiet.

149    Għaldaqstant, u għall-istess motiv bħal dak imsemmi fil-punt 146 iktar’il fuq, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat bi ksur tad-deċiżjoni 93/731 fir-rigward ta’ l-aċċess għad-dokumenti li jemanaw mill-Kumitat tal-Gvernaturi.

 Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

150    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-isħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom li jingħataw spjegazzjonijiet. Mhux meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, in kwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 55; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 1999, Rothmans vs Il-Kummissjoni, T‑188/97, Ġabra p. II‑2463, punt 36; tas-6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑188/98, Ġabra p. II‑1959, punt 36, u JT’S Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 131 iktar’il fuq, punt 63).

151    Minbarra l-konsegwenzi marbuta ma’ l-allegat qerq tal-Kunsill fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 1999, ilment li diġà ġie skartat fil-punt 124 iktar’il fuq, ir-rikorrent jisħaq li l-allegazzjoni tal-Kunsill li skondha l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata fuq ir-“regola ta’ l-awtur” tikkostitwixxi interpretazzjoni a posteriori ta’ l-imsemmija deċiżjoni u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala motivazzjoni leġittima ta’ din ta’ l-aħħar.

152    Hemm lok, madankollu, li jiġi osservat li l-kliem tad-deċiżjoni tal-Kunsill, kif miġjuba għall-għarfien tair-rikorrent bl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 1999, huma inekwivoki u li huwa indikat b’mod ċar fiha lir-rikorrent li d-dokument mitlub, jiġifieri r-Rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi dwar it-tisħiħ tas-SME li ġie “ippubblikat” f’Nyborg fit-8 ta’ Settembru 1987, ġie mħejji mill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali u li huwa kellu jindrizza t-talba tiegħu direttament lill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali jew lill-BĊE.

153    Minkejja l-użu ħażin tal-kelma “ippubblikat” u n-nuqqas ta’ riferenza espressa ta’ l-espressjoni “awtur tad-dokument”, għandui jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Lulju 1999 tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE u ta’ l-Artikolu 7(3) tad-deċiżjoni 93/731, fis-sens li r-rikorrent ġie mqiegħed f’pożizzjoni li jkun jaf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tiegħu għal aċċess u li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ perfettament teżerċita wkoll l-istħarriġ legali tagħha fuq l-imsemmija deċiżjoni.

154    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva, sussidjarjament, li l-Kunsill jallega li, minkejja n-nuqqas ta’ riferenza espliċita għall-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni 93/731 fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-30 ta’ Lulju 1999, jirriżulta mill-kliem tagħha li hija bbażata fuq ir-regola ta’ l-awtur, imsemmija minn dan l-Artikolu.

155    Għandu, madankollu, jiġi rrielvat li d-deċiżjoni tal-Kunsill, kif innotifikata lir-rikorrent b’ittra tat-2 ta’ Awwissu 1999, tinkludi, l-ewwel nett, ir-riferenza għall-fatt li t-talba konfermattiva għal aċċess kienet ġiet irreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali skond l-Artikolu 7(1) tad-deċiżjoni 93/731, imbagħad, fl-aħħar tad-dokument, l-istedina magħmula lir-rikorrent sabiex jindirizza ruħu lill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali jew lill-BĊE “skond l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni”.

156    Jidher għalhekk li kienet saret riferenza fid-deċiżjoni tal-Kunsill għall-fatt li huwa biss l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni 93/731, li jsemmi r-regola ta’ l-awtur, li skondha l-istituzzjoni fil-pussess tad-dokument mitlub tista’ topponi rifjut għal aċċess u tirreferi lill-applikant għand l-awtur tad-dokument.

157    Billi l-Kunsill ma jżommx id-dokumenti li jemanaw mill-Kumitat tal-Gvernaturi, id-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ Lulju 1999 ma tikkostitwixxix, fil-vera sens tal-kelma, applikazzjoni tar-regola ta’ l-awtur, kif prevista fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni 93/731. Din il-konstatazzjoni mhijiex, madankollu, ta’ natura li tinvalida l-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kunsill.

158    Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill hija spjegata mill-partikolarità ta’ dan il-każ, jiġifieri l-fatt li l-Kunsill identifika dokument wieħed li jikkorrispondi għat-talba għal aċċess u għaldaqstant immotiva r-risposta tiegħu fid-dawl ta’ dan id-dokument.

159    Kif ġie ppreċiżat, id-deċiżjoni tal-Kunsill tinkludi l-affermazzjoni impliċita ta’ l-ineżistenza ta’ dokumenti oħra li jikkorrispondu għat-talba għal aċċess, affermazzjoni kkunsidrata ġuridikament, għal raġunijiet ta’ protezzjoni ġuridika effettiva tar-rikorrent, bħal rifjut ta’ aċċess li jista’ jiġi kkontestat.

160    Il-Kunsill ma jistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jiġi akkużat li ma mmotivax rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li ma ġewx preċiżament identifikati, biss minħabba li ma indikax espressament li fl-opinjoni tiegħu, ma kien jeżisti ebda dokument li jikkorrispondi għat-talba għal aċċess għajr ir-rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi.

161    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

162    Għalkemm il-mod li bih il-Kunsill ittratta t-talba għal aċċess tar-rikorrent ma jistax jiġi kkwalifikat bħala qarrieqi fil-konfront ta’ dan ta’ l-aħħar (ara l-punt 123 iktar’il fuq), għandu jiġi vverifikat jekk dan it-trattament kienx xorta waħda l-oriġini ta’ ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

163    Hemm lok, f’dan il-kuntest, li jiġi mfakkar li, fost il-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, jinstab b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu ta’ l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    F’dan il-każ, permezz ta’ l-ewwel ittra tiegħu tal-11 ta’ Mejju 1999, il-Kunsill rrisponda lir-rikorrent li huwa ma kienx sab id-dokument imfittex, filwaqt li permezz ta’ l-ittra tiegħu tat-2 ta’ Awwissu 1999, huwa informah li l-ftehim mitlub kien jikkonċerna rapport “ippubblikat” f’Nyborg fit-8 ta’ Settembru 1987 mill-Kumitat tal-Gvernaturi, li huwa nnifsu qatt ma kien ġie msejjaħ jieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward u li r-rikorrent kien jaqbillu jindirizza lill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali jew lill-BĊE.

165    Għandu jiġi enfasizzat li:

–        it-talba tar-rikorrent kienet ibbażata fuq id-deċiżjoni 93/731, li l-ewwel Artikolu tagħha jipprovdi li “[i]l-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-deċiżjoni” u li “[d]okument tal-Kunsill ifisser kull test bil-miktub li jkun fih data eżistenti miżmum minn din l-istituzzjoni,” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        meta l-Kunsill ma jżommx dokumenti li jikkorispondu għat-talba għal aċċess, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjoni 93/731 ma timponilhux jirriċerka jew jidentifika d-dokumenti rilevanti, l-awturi tagħhom u l-pussessuri tagħhom, sabiex jinforma l-applikant għal aċċess;

–        il-Kunsill, f’dan il-każ, xorta waħda pprova u rnexxilu jidentifika dokument imsemmi fit-talba għal aċċess, jiġifieri r-rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi, u rrefera b’mod utili lir-rikorrent għand il-BĊE, li kienet fil-pussess ta’ l-imsemmi dokument.

166    Jirriżulta, f’dan ir-rigward, mit-tweġiba pprovduta mill-Kunsill għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-istituzzjoni konvenuta ttrażmettiet lill-BĊE t-talba konfermattiva tar-rikorrent u talbet simultanjament in-notifika tad-dokument li jinkludi l-ftehim li wasal għalih il-Kumitat tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali fuq ir-riformi tekniċi għat-tisħiħ tas-SME użat mill-Ministri tal-Finanzi ta’ l-Istati Membri matul il-laqgħa informali tagħhom f’Nyborg fit-12 ta’ Settembru 1987. B’risposta għat-talba tiegħu, il-Kunsill irċieva komunikat stampa tat-18 ta’ Settembru 1987 li jsemmi biss ir-rapport tal-Kumitat tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali ta’ l-Istati Membri u ma jagħmel ebda riferenza għar-rapport tal-Kumitat Monetarju.

167     Il-Kunsill wera wkoll li huwa kien wettaq riċerki interni sabiex jiżgura ruħu li ebda dokument li jinkludi l-Ftehim Basle-Nyborg ma kien ġie trażmess lilu wara l-laqgħa informali tal-Ministri tal-Finanzi ta’ l-Istati Membri fuq imsemmija.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, għandu jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

169    Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li wieħed jipprevali ruħu minn dan il-prinċipju huwa estiż għal kull indivdwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja ħolqot fih tamiet ġustifikati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C 152/88, Ġabra p. I 2477, punt 26). Minbarra dan, ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi li kienet ipprovditha bihom l-amministrazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II‑15, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrent ma jirreferi għal ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-Kunsill ipprovdih b’garanziji preċiżi fir-rigward ta’ l-iżvelar tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-Ftehim Basle-Nyborg. Jidher, fir-realtà, li r-rikorrent limita ruħu għal dikjarazzjoni astratta tal-motiv in kwistjoni u ma spjegax fiex jikkonsisti l-allegat ksur ta’ l-imsemmi prinċipju.

171    Għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

172    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li r-rikors ippreżentat mir-rikorrent, safejn jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE

a)     Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 1999/284 u ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE

173    Minkejja li ma jindikax espressament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, jirriżulta minn dawn ta’ l-aħħar u, iktar partikolari, mill-eżami tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u użu ħażin ta’ poter, li r-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 1999/284 u ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, u dan doppjament għal din l-aħħar dispożizzjoni.

174    B’hekk, ir-rikorrent jallega, minn naħa, li l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE jikser l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ u m’għandhux bażi ġuridika u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 1999/284 u l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-BĊE, huma kuntrarji għall-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza u għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza u mill-Artikoli 1 UE u 6 UE kif ukoll l-Artikolu 110(2) KE u l-Artikolu 255(1) KE.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 1999/284

175    Fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 1999/284, għandu jiġi mfakkar li, wara li kien ibbaża l-ewwel talba tiegħu ta’ aċċess għall-Ftehim Basle-Nyborg fuq id-deċiżjoni 1999/284, ir-rikorrent għamel, skond l-indikazzjonijiet li ġew ipprovduti lilu mill-BĊE, talba ġdida espressament ibbażata fuq l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, bl-għan li jikseb tnaqqis tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità ta’ 30 sena. Il-fatt li l-ittra tar-rikorrent iddatata s-27 ta’ Lulju 1999 issemmi b’mod żbaljat “talba konfermattiva” huwa rrilevanti.

176    Hija din it-tieni talba li ġiet miċħuda mill-Kunsill Regolatorju, fid-deċiżjoni tal-BĊE, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, u mhux fuq il-bażi tad-deċiżjoni 1999/284.

177    Għaldaqstant, anki bil-presuppost li l-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 1999/284 minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti jista’ jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti. Fil-fatt, anki bil-presuppost li dan il-motiv huwa stabbilit, l-illegalità kkonstatata mhijiex ta’ natura li tqiegħed in kwistjoni l-validità tad-deċiżjoni tal-BĊE.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE

–       Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE

178    Il-BĊE jisħaq li l-argument żviluppat mir-rikorrent fir-replika, dwar is-setgħat tiegħu biex jirregola l-aċċess għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi u fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, jikkostitwixxi raġuni ġdida li l-preżentata tagħha matul il-kawża hija pprojbita skond l-Artikolu 48(2) tar-Regolamenti tal-Proċedura.

179    Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet maqgħuda ta’ l-Artikolu 44(1)(ċ) u ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura li talba introduttiva ta’ istanza għandha tinkludi, b’mod partikolari, sunt tar-raġunijiet imressqa u li l-preżentata ta’ raġunijiet ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn ir-raġunijiet ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors u li għandu konnessjoni stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T‑37/89, Ġabra p. II‑463, punt 38, u tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑118/96, Ġabra p. II‑2991, punt 142).

180    Hu stabbilit li r-rikorrent, fir-rikors tiegħu, ikkontesta l-legalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE. B’hekk, ir-rikorrent sostna li, għalkemm id-deċiżjoni 1999/284 għamlet riferenza għall-arkivji tal-BĊE u ta’ l-IME, hija “[nesiet]” kompletament l-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi, minkejja li iktar qodma, li kienu rregolati permezz ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi, skond ir-rikorrent, l-aċċess għal kategoriji vasti ħafna ta’ dokumenti, tnaqqas fix-xejn id-dritt tiegħu ta’ aċċess għal dokumenti u tikser il-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza, kif rikonoxxuti mill-Artikoli 1 UE u 6 UE kif ukoll l-Artikolu 110(2) KE u l-Artikolu 255(1) KE u mill-ġurisprudenza.

181    B’risposta għal dan il-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-BĊE jafferma li l-istatut u n-natura speċifiċi tad-dokumenti miżmuma fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi jispjegaw u jiġġustifikaw l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni 1999/284 u l-adozzjoni, b’mod perfettament legali, ta’ sistema ġuridika partikolari, stabbilita fl-Artikolu 23 iċċitat iktar’il fuq. B’sostenn ta’ din l-allegazzjoni, il-konvenut jisħaq li l-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi fihom dokumenti mħejjija, minn naħa, mill-Kumitat tal-Gvernaturi, mill-Kumitat tad-Deputati, mis-sottokumitati, mill-gruppi ta’ esperti u, min-naħa l-oħra, mill-Kumitat Monetarju, li huma kollha terzi partijiet fir-rigward tal-BĊE.

182    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rikorrent sostna, fir-replika, li l-BĊE kien eċċeda l-kamp tal-kompetenzi tiegħu meta rregola l-aċċess għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi fir-Regoli tal-Proċedura tiegħu, bi ksur ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ li ma jawtorizzahx jirregola “l-affarijiet ta’ terzi partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] .

183    Jidher għalhekk li l-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, jikkostitwixxi amplifikazzjoni tal-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ din l-istess dispożizzjoni, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, imsemmi impliċitament fir-rikors introduttiv ta’ istanza u li jippreżenta rabta stretta ma’ dan ta’ l-aħħar. Għandu, għaldaqstant, jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, minħabba l-ksur ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ

184    Għandu, l-ewwel nett, jiġi mfakkar il-kuntest li fih ġie adottat l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE.

185    L-att finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, jinkludi d-dikjarazzjoni Nru 17, li tipprovdi dan li ġej:

“Il-Konferenza tikkonsidra li t-trasparenza fil-proċess deċiżjonali issaħħaħ in-natura demokratika ta’ l-istituzzjonijiet kif ukoll il-fiduċja tal-pubbliku fl-amministrazzjoni. Il-Konferenza għaldaqstant tirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill mhux aktar tard mill-1993 rapport dwar il-miżuri intiżi sabiex itejbu l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni fil-pussess ta’ l-istituzzjonijiet.”

186    Matul l-egħluq tal-Kunsill Ewropew ta’ Birmingham, fis-16 ta’ Ottubru 1992, il-kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvernijiet għamlu dikjarazzjoni intitolata “Komunità viċina ċ-ċittadini tagħha”, li fiha huma enfasizzaw il-ħtieġa li l-Komunità ssir iktar miftuħa. Dan l-impenn kien ġie affermat mill-ġdid fil-Kunsill Ewropew ta’ Edinburgu, fit-12 ta’ Diċembru 1992.

187    Fil-5 ta’ Mejju 1993, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali l-Komunikazzjoni 93/C 156/05 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet. Din kien fiha r-riżultati ta’ investigazzjoni komparattiva dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti fl-Istati Membri kif ukoll f’ċerti pajjiżi terzi u kkonkludiet li kien hemm każ għal żvilupp iktar ta’ l-aċċess għad-dokumenti fuq livell Komunitarju

188    Fit-2 ta’ Ġunju 1993, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni 93/C 166/04 dwar it-trasparenza fil-Komunità, li fiha huma esposti l-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-aċċess għal dokumenti.

189    Fil-Kunsill Ewropew ta’ Kopenhagen, fit-22 ta’ Ġunju 1993, il-Kunsill u l-Kummissjoni ġew mistiedna “ikomplu l-ħidmiet tagħhom fuq il-bażi tal-prinċipju li skondu ċ-ċittadini għandhom ikollhom l-aċċess l-aktar komplet possibbli għall-informazzjoni”.

190    Il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw, fis-6 ta’ Diċembru 1993, Kodiċi ta’ Kondotta maħsub sabiex jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti li huma jżommu, filwaqt li qablu li kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet għandha timplementa dawn il-prinċipji, qabel l-1 ta’ Jannar 1994, permezz ta’ dispożizzjonijiet regolamentari speċifiċi.

191    Sabiex jassigura l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’ Diċembru 1993, id-deċiżjoni 93/731 u l-Kummissjoni adottat, fit-8 ta’ Frar 1994, id-deċiżjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58).

192    Fl-1 ta’ Jannar 1994 bdiet it-tieni fażi ta’ l-UEM, immarkata permezz tat-twaqqif ta’ l-IME u tax-xoljiment tal-Kumitat tal-Gvernaturi. L-IME adotta, fit-3 ta’ Ġunju 1997, id-deċiżjoni Nru 9/97 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti amministrattivi tiegħu (ĠU L 90, 1998, p. 43), jiġifieri kull test bil-miktub, irrispettivament mill-istrument li fuqu huwa miktub, li fih data eżistenti u li hija relatata ma’ l-organizzazzjoni u mal-ħidma ta’ l-IME.

193    L-istabbiliment tal-BĊE, fl-1 ta’ Ġunju 1998, temma l-ħidma ta’ l-IME, li ġie xolt ma’ l-istabbiliment tal-BĊE skond l-Artikolu 123 KE.

194    Huwa f’dan il-kuntest li, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE adotta, fis-7 ta’ Lulju 1998, ir-Regoli tal-Proċedura tiegħu li t-tħejjija tiegħu ġiet segwita, ftit żmien wara, mill-adozzjoni, fit-3 ta’ Novembru 1998, tad-deċiżjoni 1999/284.

195    B’kunsiderazzjoni ta’ l-affermazzjoni tal-BĊE, ukoll ikkontestata mir-rikorrent, li skondha l-BĊE huwa terza parti fir-rigward ta’ l-awturi tad-dokumenti miżmuma fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi, li tiġġustifika sistema ġuridika partikolari għall-aċċess għall-imsemmija dokumenti stabbilita fl-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-BĊE eċċeda l-kamp tal-kompetenzi tiegħu billi rregola l-aċċess għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi fir-Regoli tal-Proċedura tiegħu, bi ksur ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, li ma jawtorizzahx jirregola “l-affarijiet ta’ terzi partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

196    L-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, jipprovdi li “[i]l-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli tal-Proċedura li jistabbilixxi l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpijiet deċiżjonali tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

197    Fis-sentenza L-Olanda vs Il-Kunsill, punt 72 iktar’il fuq (punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li kellu jiġi rikonoxxut li, peress illi l-leġiżlatur Komunitarju ma adottax regoli ġenerali fuq id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet Komunitarji, dawn ta’ l-aħħar għandhom jieħdu l-miżuri li huma intiżi għall-iproċċessar ta’ dawn it-talbiet bis-saħħa tas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tagħhom, li tawtorizzahom jieħdu l-miżuri approprjati sabiex jiżguraw il-ħidma interna tagħhom fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba.

198    F’dan il-każ, safejn kemm matul l-adozzjoni tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll matul l-emenda tiegħu tat-22 ta’ April 1999, ma kienu jeżistu ebda regoli ġenerali fuq id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jew il-korpijiet Komunitarji, il-BĊE seta’ jadotta, fil-kuntest tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, miżuri intiżi sabiex jittrattaw it-talbiet għal aċċess għad-dokumenti li kienu f’dak iż-żmien fil-pussess tiegħu, kemm jekk kienu ġew stabbiliti kif ukoll jekk ġew irċevuti minnha, indipendentement mill-oriġini jew mill-awtur ta’ l-imsemmija dokumenti.

199    Il-fatt li l-BĊE ddefinixxa regoli speċifiċi ta’ aċċess, li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tiegħu, għad-dokumenti miżmuma fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi, minħabba l-kwalità allegata tiegħu ta’ terz parti fir-rigward ta’ l-awturi ta’ dawn id-dokumenti, ma jistax għalhekk ikun wassal għall-ksur ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ. Fi kliem ieħor, anki jekk jiġi preżunt li l-BĊE jista’ effettivament jiġi kkunsidrat bħala terza parti fir-rigward ta’ l-awturi tad-dokumenti miżmuma fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi, huwa xorta waħda aġixxa b’mod konformi ma’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ billi stabbilixxa sistema ġuridika partikolari ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti fir-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

200    Għandu, mill-bidu nett, jiġi osservat li, fid-deċiżjoni 93/731 u fid-deċiżjoni 94/90, il-Kunsill u l-Kummissjoni rregolaw l-aċċess għad-dokumenti fil-pussess tagħhom, inkluż dawn stabbiliti minn entitajiet oħra, billi jipprevedu madankollu li t-talbiet ta’ aċċess għal dawn l-aħħar dokumenti kellhom jiġu indirizzati direttament lill-awturi tagħhom, li jikkorrispondi għar-regola msejħa “ta’ l-awtur”.

201    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE ġie adottat bi ksur ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ għandu jiġi miċħud.

202    Sussidjarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-BĊE joħroġ mill-kwalità allegata tiegħu ta’ terza parti fir-rigward ta’ l-awturi tad-dokumenti miżmuma fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi konklużjoni li ma tistax tiġi aċċettata.

203    Il-BĊE jiddeduċi minn din il-kwalità ta’ terza parti li huwa jamministra d-dokumenti tal-Kumitat tal-Gvernaturi bħala Segretarjat tal-Banek Ċentrali nazzjonali, li huma l-awturi ta’ l-imsemmija dokumenti u li lilhom ir-rikorrent kien imissu indirizza t-talba tiegħu għal aċċess. Dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex kompatibbli mal-kontenut ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE u tad-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Regolatorju b’risposta għat-talba tar-rikorrent.

204    Hu, fil-fatt, stabbilit li l-BĊE stabbilixxa, fl-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, sistema ġuridika partikolari għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi li l-implementazzjoni tagħha hija fdata lill-Kunsill Regolatorju, mingħajr mhija prevista l-applikazzjoni ta’ regola ta’ l-awtur. Hu b’dan il-mod li l-Kunsill Regolatorju effettivament iddeċieda fuq il-fondatezza tat-talba tar-rikorrent li tirrigwarda t-tnaqqis tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità, mingħajr ma rrefera l-persuna kkonċernata għand il-Banek Ċentrali nazzjonali.

205    F’kull każ, dan l-argument tal-BĊE, kuntradittorju mar-regoli applikati u mad-deċiżjoni adottata f’dan il-każ, m’għandux impatt fuq is-soluzzjoni ta’ din il-kawża u mhuwiex ta’ natura li jqiegħed in kwistjoni l-konklużjoni li tinsab fil-punt 201 iktar’il fuq.

–        Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, minħabba l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u tal-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza

206    Ir-rikorrent jisħaq, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE jċaħħad minn kull effett utli l-Artikoli 1 UE u 6 UE kif ukoll l-Artikolu 110(2) KE u l-Artikolu 255(1) KE li jiġġustifikaw id-dritt ta’ aċċess tiegħu għad-dokumenti tal-BĊE.

207    Jirriżulta, madankollu, mis-sempliċi qari tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar’il fuq li din l-affermazzjoni tar-rikorrent hija infondata.

208    Għandu jiġi mfakkar li, permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999, l-Istati Membri inkorporaw artikolu ġdid dwar l-aċċess għad-dokumenti fit-Trattat KE, jiġifieri l-Artikolu 255 KE. Dan ta’ l-aħħar jistipula dan li ġej:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2. Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

3. Kull istituzzjoni msemmija hawn fuq għandha telabora fir-Regoli ta’ Proċedura tagħha d-disposizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tagħha.”

209    Jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 255 KE li dan ta’ l-aħħar jirreferi biss għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Minbarra dan, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 110(2) KE, biss “[l]-Artikoli 253, 254 u 256 għandhom japplikaw għar-regolamenti u għad-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE.”

210    Jidher li r-rikorrent ibbaża l-argument tiegħu dwar id-dritt ta’ aċċess għad- dokumenti tal-BĊE fuq verżjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 110(2) KE li skondha “l-Artikoli 253 sa 256 għandhom japplikaw għar-regolamenti u għad-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE.”

211    Dan l-iżball sostanzjali, li seta’ jinsab f’ċerti verżjonijiet ikkonsolidati mhux uffiċjali tat-Trattat KE, jirriżulta, f’kull probabbiltà, minn applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 12(2) tat-Trattat ta’ Amsterdam li skondu r-referenzi inkroċjati għall-Artikoli fit-Trattat KE għandhom ikunu adattati kif enumerati mill-ġdid skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

212    Jirriżulta b’mod ċar mit-Trattat ta’ Amsterdsam li dan ta’ l-aħħar ma emendax l-Artikolu 108 A tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 110 KE) li kien jistipula kif ġej “[l]-Artikoli 190, 191 u 192 għandhom japplikaw għar-regolamenti u għad-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE”. It-Trattat ta’ Amsterdam għalhekk ma żiedx ma’ din il-lista ta’ Artikoli l-Artikolu ġdid 191 A tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 255 KE) dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferenza għall-Artikolu 110 KE tfisser, skond l-Artikolu 12(2) tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-“Artikoli 253, 254 u 256”.

213    Huwa stabbilit li ġie uffiċjalment irrimedjat l-iżball sostanzjali msemmi iktar’il fuq bil-ftehim ta’ l-Istati firmatarji kollha u li minn wara l-proċess verbali ta’ rettifika tat-Trattat ta’ Amsterdam iffirmat f’Ruma fis-16 ta’ Marzu 1999, mhemmx iktar dubju li l-Artikolu 255(1) KE mhux applikabbli għall-BĊE.

214    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżviluppi magħmula mir-rikorrent għall-allegat effett dirett ta’ l-Artikolu 255 KE huma irrilevanti, billi huwa mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat b’mod ċar li l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx direttament applikabbli, safejn hija mhijiex inkondizzjonali u l-implementazzjoni tagħha tiddependi mill-addozzjoni ta’ miżuri ulterjuri (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni, T‑191/99, Ġabra p. II‑3677, punt 35).

215    Minbarra dan, il-fatt li l-Artikolu 255 KE jinqara’ “fid-dawl ta’ l-Artikoli 1 UE u 6 UE”, kif indikat mir-rikorrent, mhuwiex ta’ natura li jinvalida l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 255 KE għall-BĊE.

216    Għandu jiġi miżjud li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 UE, li skondu “[d]an it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin” m’għandhux effett dirett, peress illi d-dispożizzjoni in kwistjoni mhijiex ikkunsidrata bħala “ċara” fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend en Loos (26/62, Ġabra p. 1) (sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 214 iktar’il fuq, punt 35).

217    Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6 UE, hemm lok li jiġi mfakkar li t-Trattat ta’ Maastricht inserixxa fil-ġabra tat-Trattati l-prinċipju ta’ sottomissjoni ta’ l-Unjoni għar-rispett tad-drittijiet fundamentali. L-Artikolu 6 UE għandu l-għan li jiżgura dawn id-drittijiet “bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.”

218    Issa, ir-rikorrent isostni preċiżament, fit-tieni lok, li l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE huwa f’kuntradizzjoni diretta mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja li rrikonoxxiet il-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza (sentenza Rothmans vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar’il fuq, punt 55), il-prinċipju tad-dritt għall-informazzjoni kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti bħala element inseparabbli mill-prinċipju demokratiku (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T-14/98, Ġabra p. II-2489, punti 82 u 87).

219    Il-BĊE jikkontesta l-eżistenza fid-dritt Komunitarju ta’ prinċipju ġuridika fundamentali li jipprevedi dritt ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti tiegħu u għal dawk ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji. Minkejja li argumenti bbażati fuq tali prinċipju kienu ġew imressqa għal diversi drabi quddiem il-qrati Komunitarji, ebda waħda minnhom ma kienet ikkunsidrat opportun li teżaminhom.

220    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, fis-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala (C-353/99 P, Ġabra p. I-9565), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fis-sentenza tagħha L-Olanda vs Il-Kunsill, punt 72 iktar’il fuq, hija enfasizzat l-importanza tad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi u fakkret li d-dikjarazzjoni Nru 17 torbot dan id-dritt man-“natura demokratika ta’ l-istituzzjonijiet”. Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkunsidrat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ġustifikata meta ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni 93/731 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-Kunsill kien obbligat li jeżamina jekk kellux jagħti aċċess parzjali għad-data mhux koperta bl-eċċezzjonijiet u kienet annullat id-deċiżjoni kkontestata, u dan “mingħajr mhuwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, kif [sostnew] il-Kunsill u l-Gvern Spanjol, il-Qorti tal-Prim’Istanza [kienet ibbażat] ruħha b’mod żbaljat fuq l-eżistenza ta’ prinċipju tad-dritt għall-informazzjoni” (sentenza Il-Kunsill vs Hautala, iċċitata iktar’il fuq, punt 31).

221    F’kull każ, anki jekk jiġi preżunt li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi Komunitarji, inkluż il-BĊE, jista’ jiġi kkunsidrat bħala dritt fundamentali protett mis-sistema ġuridika Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju, ma tistax tiġi milqugħa.

222    Għandu jiġi mfakkar li d-drittijiet fundamentali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “prerogattivi assoluti” u li hu “leġittimu li tiġi rriżervata fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet l-applikazzjoni ta’ ċerti limiti ġġustifikati mill-objettivi ta’ interess ġenerali segwiti mill-Komunità, sakemm ma tiġix ippreġudikata s-sustanza ta’ dawn id-drittijiet” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni, 4/73, Ġabra p. 491, punt 14).

223    Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, motivi marbuta mal-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku jew ta’ interess privat jistgħu legalment jirrestrinġu dan id-dritt.

224    Għandu, ukoll, jiġi osservat li l-Kodiċi ta’ Kondotta jsemmi li l-aċċess għal dokument ma jistax jiġi mogħti fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku kkunsidrat mill-angolu ta’ l-“istabbilità monetarja”.

225    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), applikabbli mit-3 ta’ Diċembru 2001, li għandu l-għan li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku, iżda wkoll li jiddetermina l-limiti, skond l-Artikolu 255(2) KE, jiddefinixxi ċertu numru ta’ interessi pubbliċi u privati li huma żgurati permezz ta’ sistema ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess

226    L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ l-interess pubbliku fir-rigward ta’ “il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru”.

227    Minbarra dan, l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti previsti mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma miktuba fi kliem imperattivi. Isegwi li l-istituzzjonijiet huma obbligati li jirrifjutaw l-aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet, meta tinġab prova taċ-ċirkustanzi indikati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T‑105/95, Ġabra p. II‑313, punt 58, u tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 39), u ebda tweżin b’“interess pubbliku għola” mhuwa previst fit-test, bil-kontra ta’ l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

228    Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-Artikolu 10(4) ta’ l-Istatut tas-SEBĊ jipprevedi espressament li l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju huma kunfidenzjali u li l-qari magħqud ta’ l-Artikolu 110 KE u ta’ l-Artikolu 255 KE jesprimi esklużjoni tal-BĊE mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, għalhekk anki, l-eżistenza ta’ trattament partikolari tal-BĊE meta mqabbel mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar l-aċċess għal dokumenti.

229    Dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi huma marbuta mal-ħidmiet fdati lill-BĊE mit-Trattat KE, li l-awturi tiegħu kellhom manifestament l-intenzjoni li huwa jkun jista’ jwettaqhom b’mod indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, Ġabra p. I‑7147, punt 130).

230    Għandu jiġi mfakkar li s-SEBĊ hija komposta mill-BĊE u mill-Banek Ċentrali nazzjonali u li hija mmexxija mill-korpi deċiżjonali tal-BĊE, li huma l-Kunsill Regolatorju u l-Bord. Skond l-Artikolu 105 KE, il-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz tas-SEBĊ jkunu li tiġi definita u implementata l-politika monetarja tal-Komunità, li jitwettqu operazzjonijiet ta’ kambju, li jinżammu in depositu u li jiġu amministrati r-riżervi barranin uffiċjali ta’ l-Istati Membri u li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ħlas, peress illi l-għan prinċipali huwa li tinżamm l-istabbilità tal-prezzijiet. Il-BĊE għandu jagħmel ir-regolamenti u jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex jiġu esegwiti l-kompiti fdati lill-SEBĊ (Artikolu 110 KE).

231    Jidher għalhekk li l-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku marbut mal-politika monetarja fil-Komunità tikkostitwixxi motiv leġittimu ta’ limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li jinżammu mill-awtoritajiet pubbliċi Komunitarji, ikkunsidrat bħala dritt fundamentali.

232    Fil-każ preżenti, ir-rikorrent jikkontesta l-legalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE li jipprevedi, b’mod partikolari, perijodu ta’ kunfidenzjalità ta’ 30 sena għad-dokumenti li jinżammu fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi. Kif ippreċiża l-BĊE fis-sottomissjonijiet tiegħu bil-miktub, dawn l-arkivji fihom dokumenti mħejjija, minn naħa, mill-Kumitat tal-Gvernaturi, il-Kumitat tad-Deputati, is-sottokumitati, il-gruppi ta’ esperti u, min-naħa l-oħra, mill-Kumitat Monetarju.

233    Issa, hu stabbilit li l-attività kemm tal-Kumitat tal-Gvernaturi kif ukoll tal-Kumitat Monetarju tirrigwarda preċiżament il-politika monetarja fil-Komunità.

234    Il-Kumitat Monetarju għandu l-oriġini tiegħu fl-Artikolu 105(2) preċedenti tat-Trattat KEE li kien jipprevedi li, “[s]abiex jippromovi l-koordinazzjoni tal-politika ta’ l-Istati Membri f’materja monetarja, sal-punt sħiħ meħtieġ għall-funzjonament tas-suq komuni għandu jiġi stabbilit, Kumitat Monetarju bi status konsultattiv […]”.

235    Dan il-kumitat, kompost minn membri maħtura mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, kellu preċiżament bħala ħidma li jsegwi s-sitwazzjoni monetarja u finanzjarja ta’ l-Istati Membru u tal-Komunità kif ukoll dik dwar il-moviment tal-kapitali u ta’ libertà ta’ ħlasijiet, li jirrapporta dwarhom regolarment lill-Kunsill u l-Kummissjoni u li jressaq opinjonijiet għall-attenzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

236    Fit-8 ta’ Mejju 1964, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni 64/300, dwar il-kollaborazzjoni bejn il-Banek Ċentrali ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea u waqqaf il-Kumitat tal-Gvernaturi, kompost mill-gvernaturi tal-Banek Ċentrali ta’ l-Istati Membri, filwaqt li l-Kummissjoni kienet mistiedna tiġi rrappreżentata minn wieħed mill-membri tagħha fis-seduti ta’ dan il-Kumitat.

237    Il-Kumitat tal-Gvernaturi kellu, b’mod partikolari, bħala funzjoni li jipproċedi “għal konsultazzjonijiet rigward il-prinċipji ġenerali u l-linji wiesgħa tal-politika tal-banek ċentrali, b’mod partikolari rigward kreditu, is-suq monetarju u s-suq tal-kambju” u “għal skambji ta’ informazzjoni rigward miżuri prinċipali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali u li jeżamina dawn il-miżuri”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-ħidmiet tal-Kumitat tal-Gvernaturi ġew estiżi permezz tad-deċiżjoni 90/142, li fiha kien previst li l-Kumitat seta’ jindirizza opinjonijiet lid-diversi gvernijiet u lill-Kunsill “fuq il-politiki li jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni monetarja interna u esterna fil-Komunità, u b’mod partikolari l-ħidma tas-[SME]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] .

238    Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 12.2 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat tal-Gvernaturi jipprevedi li “id-dokumenti kollha stabbiliti mill-[imsemmi Kumitat] huma kunfidenzjali, ħlief fil-każ ta’ deċiżjoni kuntrarja”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

239    Il-Kumitat Monetarju u l-Kumitat tal-Gvernaturi temmew rispettivament l-attivitajiet tagħhom fl-1 ta’ Jannar 1999 u fl-1 ta’ Jannar 1994 u ġew issostitwiti mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u mill-IME. Id-dokumenti mressqa minn dawn l-ewwel żewġ korpi u li l-BĊE ħadet pussess tagħhom wara x-xoljiment ta’ l-IME ġew miġbura flimkien mill-ġdid, skond l-oriġini u n-natura tagħhom, f’kategorija partikolari ta’ arkivji.

240    Kif hu msemmi fit-tieni premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 ta’ 1 ta’ Frar 1983 dwar il-ftuħ għall-pubbliku ta’ l-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (ĠU L 43, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1700/2003 tat-22 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 243, p. 1), “hija norma prattikata, kemm fl-Istati Membri kif ukoll f’organizzazzjonijiet internazzjonali, li tqiegħed l-arkivji għad-dispożizzjoni tal-pubbliku wara li jgħaddu numru ta’ snin”.

241    F’dan il-każ, ir-rikorrent jikkwalifika bħala eċċessiv it-terminu ta’ 30 sena tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità, jikkunsidrah impreċiż in kwantu l-punt ta’ tluq mhux espressament stabbilit mill-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE u jikkunsidra, in fine, li huwa “iġib fix-xejn id-dritt tiegħu ta’ aċċess”.

242    Għandu madankollu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li t-terminu ta’ 30 sena msemmi iktar’il fuq jikkorispondi eżattament għal dak previst mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 354/83 u li l-iskadenza tiegħu jippermetti, bħala prinċipju, lil kwalunkwe persuna li titlob l-aċċess ikollha aċċess għall-arkivji storiċi ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet.

243    F’dawn ir-regoli rigward l-arkivji storiċi (regoli adottati fis-7 ta’ Ottubru 2005 mill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bank) (ĠU C 289, 2005, p. 12), il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment stabbilixxa wkoll terminu ta’ 30 sena qabel il-ftuħ ta’ l-arkivji storiċi għall-pubbliku.

244    Minbarra dan, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistipula li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess Artikolu japplikaw għal perijodu massimu ta’ 30 sena. Madankollu, l-eċċezzjonijiet dwar il-ħarsien tal-privatezza (Artikolu 4(1)(b)) jew ta’ interessi kummerċjali (l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 4(2)) kif ukoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward dokumenti sensittivi (Artikolu 9) jistgħu, jekk meħtieġ, japplikaw wara dan il-perijodu.

245    Minbarra dan, għalkemm hu ċertament stabbilit li l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE ma jagħmilx riferenza għall-punt ta’ tluq ta’ 30 sena, din is-sempliċi omissjoni ma tistax, waħedha, trendi illegali d-dispożizzjoni kkontestata mir-rikorrent.

246    Fid-dawl tan-natura speċifika ta’ l-arkivji in kwistjoni, li jkopru, b’mod partikolari, l-attività ta’ korp ikkostitwit fl-1964 u li ġie xolt biss fl-1 ta’ Jannar 1994, kif ukoll tal-prattika kostanti invokata iktar’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-perijodu ta’ kunfidenzjalità ta’ 30 sena, previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE adottat fl-1998, kellu bħala punt ta’ tluq, impliċitament iżda neċessarjament, id-data ta’ produzzjoni tad-dokumenti. Hija wkoll din l-aħħar data li applika r-Regolament Nru 354/83 sabiex jibda t-terminu ta’ kunfidenzjalità ta’ 30 sena li huwa ppreveda.

247    Għandu jiġi nnotat, fit-tieni lok, li jirriżulta mit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, li r-regola ta’ kunfidenzjalità mhijiex assoluta.

248    Fil-fatt, id-dispożizzjoni ċċitata iktar’il fuq għandha l-għan li tagħti lill-pubbliku d-dritt li jressaq talba għat-tnaqqis tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità, billi hu mfakkar li xejn ma jipprekludi li regoli dwar l-organizzazzjoni interna tal-ħidmiet ta’ istituzzjoni jkollhom effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi (sentenza L-Olanda vs Il-Kunsill, punt 72 iktar’il fuq, punt 38). Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, li għandu applikazzjoni ġenerali, kull persuna tista’ għalhekk titlob l-aċċess għal kwalunkwe dokument li jinżamm fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi anki qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ 30 sena.

249    Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar in-nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja, id-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju li tiċħad it-talba ta’ tnaqqis tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità hija suġġetta, bħal f’dan il-każ, għall-istħarriġ mill-Qorti, b’mod konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Hija l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża li għandha tivverifika jekk il-Kunsill Regolatorju eżerċitax b’mod regolari l-kompetenza li hija mogħtija lilu permezz tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE.

250    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE bbażata fuq l-allegat ksur “tad-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent għad-dokumenti tal-BĊE u tal-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza” għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, minħabba użu ħażin ta’ poter

251    B’sostenn tat-talba tiegħu ta’ annullament, ir-rikorrent jisħaq li l-BĊE wettaq użu ħażin ta’ poter ikkaratterizzat minn elementi kemm oġġettivi kif ukoll suġġettivi.

252    F’dak li jirrigwarda l-elementi oġġettivi, ir-rikorrent isostni li l-BĊE, li jgawdi minn indipendenza kbira ħafna, adotta b’mod mgħaġġel l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, mingħajr ma kkunsidra l-ġurisprudenza u l-obbligu kostituzzjonali, li jirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997, li kienu jobbligawh jistipula, f’regolament speċifiku, dritt ta’ aċċess għal dokumenti. IL-BĊE kien aġixxa bl-uniku skop li “jneħħi dritt demokratiku”.

253    Safejn dan l-ilment jista’ jiġi mifhum bħala motiv addizzjonali maħsub sabiex juri l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, minħabba li l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter, dan għandu jiġi miċħud.

254    Skond ġurisprudenza stabbilita, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat bl-iskop esklużiv jew, għallinqas, determinanti sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1984, Walzstahl‑Vereinigung u Thyssen, 140/82, 146/82, 221/82 u 226/82, Ġabra. p. 951, punt 27; tal-21 ta’ Ġunju 1984, Lux vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 69/83, Ġabra p. 2447, punt 30, u tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I-4023, punt 24; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑143/89, Ġabra p. II‑917, punt 68).

255    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-raġunament tar-rikorrent huwa bbażat fuq premessa żbaljata, fis-sens li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Amsterdam, li minnhom l-Artikolu 255 KE jirriżulta, ma jipprevedux dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE. Minbarra dan, il-ġurisprudenza fir-rigward ta’ aċċess għal dokumenti li r-rikorrent jagħmel riferenza għaliha ma tikkonċernax il-BĊE.

256    L-unika affermazzjoni li l-BĊE aġixxa bil-għan li “jneħħi dritt demokratiku” tikkostitwixxi spekulazzjoni intellettwali biss u mhux prova konkreta u oġġettiva ta’ użu ħażin ta’ poter.

257    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE mqajma mir-rikorrent għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

258    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tal-BĊE, b’risposta għat-talba tiegħu li jnaqqas it-terminu ta’ kunfidenzjalità sabiex ikollu aċċess għall-Ftehim Basle-Nyborg, hija nieqsa minn motivazzjoni u tikser l-Artikolu 253 KE, li l-BĊE espressament jikkontesta.

259    Fis-sottomissjonijeit bil-miktub tiegħu, il-BĊE, inizjalment, sostna li, b’kunsiderazzjoni tal-portata ġenerali tad-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju, li ma kinitx indirizzata lir-rikorrent, ma kienx meħtieġ li tingħata fl-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999, li tinforma lir-rikorrent b’din id-deċiżjoni, “motivazzjoni addizzjonali, individwali u speċifika”. Għandu jiġi mfakkar, madankollu, li, matul is-seduta, il-konvenut ammetta b’mod ċar in-natura individwali tad-deċiżjoni tiegħu u, sussegwentement, irrinunċja għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-portata ġenerali ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

260    Il-BĊE jikkunsidra li, f’kull każ, l-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999 issemmi ċertu numru ta’ motivi li juru b’mod ċar li l-Kunsill Regolatorju, li jgawdi minn setgħa diskezzjonali kbira fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, wieżen l-interessi tar-rikorrent fir-rigward tal-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku, b’mod partikolari, fir-rigward tar-riskji għall-istabbilità monetarja. Billi l-objettiv essenzjali tal-Kunsill huwa għalhekk evidenti, ikun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni iktar preċiża li kienet tirrikjedi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti.

261    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha tagħti b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, in kwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

262    F’dan il-każ, ir-rikorrent, b’ittra tas-27 ta’ Lulju 1999, ressaq lill-BĊE talba għal tnaqqis tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità ta’ 30 sena, ibbażata fuq l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex ikun jista’ jkollu għarfien dwar id-dokumenti relatati mal-Ftehim Basle-Nyborg, u dan billi jsostni l-importanza ta’ dawn ta’ l-aħħar għall-kitba tat-teżi tad-dottorat tiegħu.

263    Fid-dawl tan-natura tat-talba ppreżentata mir-rikorrent, għandha tiġi applikata, b’analoġija, il-ġurisprudenza li skondha l-istituzzjoni li lilha ssir talba għal aċċess għal dokumenti għandha tindika fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha li hija wettqet evalwazzjoni konkreta tad-dokumenti li qed jintalab l-aċċess għalihom (sentenzi Kuijer vs Il-Kunsill, punt 150 iktar’il fuq, punt 38, u JT’S Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 131 iktar’il fuq, punti 64 u 65).

264    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-BĊE pproduċa diversi dokumenti li juru l-eżistenza tad-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999 u, b’mod partikolari, estratt tal-minuti tad-29 laqgħa ta’ l-imsemmi Kunsill, li fihom isir riferiment biss għall-preżentazzjoni mill-President tat-talba għal aċċess, għall-kontenut dokumentarju tal-Ftehim Basle-Nyborg u għad-deċiżjoni tal-Kunsill li japprova l-proposta tal-President tiegħu li ma jingħatax aċċess għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi. consistance

265    Fl-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999, huwa indikat li l-Kunsill Regolatorju, minn naħa, ħa in kunsiderazzjoni “l-fatt li l-Ftehim Basle-Nyborg mhuwiex, fil-veru sens tal-kelma, dokument uniku, imħejji fil-forma ta’ ftehim bejn il-partijiet, iżda jeżisti biss fil-forma ta’ rapporti u ta’ minuti li l-awturi tagħhom huma kemm il-Kumitat tal-Gvernaturi kif ukoll il-Kumitat Monetarju” u min-naħa l-oħra, osserva li komunikat stampa, li jispjega “b’mod iddettaljat ħafna l-punti kollha tal-Ftehim konkluż bejn il-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali”, kien diġà ġie indirizzat lir-rikorrent. Jissemma wkoll li dokument ieħor, jiġifieri l-kopja ta’ l-att ta’ l-10 ta’ Novembru 1987 li jimplementa t-tibdiliet lill-Ftehim fuq is-SME tat-13 ta’ Marzu 1979, kien anness ma’ l-ittra in kwistjoni.

266    Skond l-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999, huwa ppreċiżat li, “[f]uq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kunsill Regolatorju ddeċieda li ma jagħtix aċċess għall-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi”, id-Direttur tal-BĊE inkarigat mir-relazzjonijiet pubbliċi jikkonkludi billi jiddikjara li huwa konvint li x-xogħol ta’ riċerka tar-rikorrent ser jagħti riżultati tajbin peress illi huwa għandu l-informazzjoni essenzjali dwar il-Ftehim Basle-Nyborg.

267    Għalkemm jirriżulta b’mod ċar mill-ittra tat-8 ta’ Novembru 1999 li l-Kunsill Regolatorju, tabilħaqq, ippreċiża l-kontenut dokumentarju tal-Ftehim Basle-Nyborg, minn dan ma jistax jiġi dedott li d-deċiżjoni tal-Kunsill turi li dan wettaq evalwazzjoni konkreta tad-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess. Il-preċiżjoni biss tan-natura tad-dokumenti, li għalihom qed jintalab l-aċċess, ma tistax tiġi mqabbla ma’ evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ informazzjoni li jinsabu fl-imsemmija dokumenti. Issa, id-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999, kif innotifikata lir-rikorrent fit-8 ta’ Novembru 1999, bl-ebda mod ma tagħmel riferiment għal evalwazzjoni abbażi tal-kontenut tad-dokumenti mitluba.

268    Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jiġi ammess li l-motivi ta’ l-imsemmija deċiżjoni juru l-eżistenza ta’ eżami konkret tad-dokumenti mitluba, għandu jiġi nnotat li r-rikorrent ma tqiegħedx għal kollox f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet għaliex li ġie rrifjutat aċċess u li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

269    Għandu jiġi kkonstatat, fil-fatt, li, fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rifjut tat-tnaqqis tal-perijodu ta’ kunfidenzjalità u għalhekk ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba, il-Kunsill Regolatorju ma jinvoka ebda bżonn jew motiv partikolari ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ l-imsemmija dokumenti u lanqas ma jipprovdi, a fortiori, spjegazzjoni, anki qasira, li tiġġustifika r-rifjut tiegħu li jiżvela l-kontenut tad-dokumenti, li tippermetti li tinftihem u tiġi vverifikata r-realtà tal-bżonn ta’ protezzjoni.

270    Jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni hi biss ibbażata fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill Regolatorju tal-bżonn partikolari tar-rikorrent li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu d-dokumenti mitluba, fir-rigward ta’ l-informazzjoni nnotifikata lill-persuna kkonċernata dwar il-Ftehim Basle-Nyborg, ikkunsidrata, f’dan il-każ, bħala suffiċjenti.

271    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE, id-deċiżjoni tiegħu ma turix b’mod ċar bilanċ bejn l-interessi tar-rikorrent u l-interess pubbliku kkostitwit bl-istabbilità monetarja.

272    Huwa biss fir-risposta tad-difiża tiegħu li l-BĊE, għall-ewwel darba, indika li l-Kunsill Regolatorju kien ikkunsidra li d-dokumenti mitluba, prinċipalment intiżi sabiex iservu ta’ gwida għad-diskussjonijiet politiċi fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Finanzi f’Nyborg, kien fihom deliberazzjonijiet u informazzjoni kontroversjali, li kienu għadhom ma sarux pubbliċi, billi l-kunfidenzjalità ta’ dawn id-deliberazzjonijiet kellha tiġi miżmuma sabiex tħalli “spazju” għal riflessjoni. Huwa fil-kontroreplika li, b’risposta għall-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-BĊE sostna li l-motivi tad-deċiżjoni tiegħu werew b’mod ċar li l-Kunsill tal-Gvernaturi kien “fil-fatt wieżen l-interessi tar-rikorrent fir-rigward tal-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku u b’mod partikolari tar-riskji għall-istabbilità monetarja”.

273    Għandu, barra minn hekk, jiġi mfakkar li, għalkemm il-kuntest li fih deċiżjoni hija meħuda jista’ jnaqqas ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li huma akkarigu ta’ l-istituzzjoni, jista’ wkoll, min-naħa l-oħra, iżidhom f’ċirkustanzi partikolari (sentenza Kuijer vs Il-Kunsill, punt 150 iktar’il fuq, punt 45). Għalhekk, f’dan il-każ, għandha tiġi eżaminata l-osservanza ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl tal-korrispondenza kollha skambjata bejn l-istituzzjoni u r-rikorrent.

274    B’risposta għall-ewwel talba għal aċċess għall-Ftehim Basle-Nyborg, il-BĊE indika lir-rikorrent li d-dokumenti li jemanaw mill-Kumitat tal-Gvernaturi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni 1999/284 iżda taħt dak ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu li jistipula, b’mod partikolari, li l-imsemmija dokumenti huma liberament aċċessibbli biss wara terminu ta’ 30 sena. Għaldaqstant, il-BĊE ma bagħat lir-rikorrent ebda dokument ikklassifikat fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi.

275    Fis-27 ta’ Lulju 1999, ir-rikorrent kiteb lill-BĊE sabiex jitlob reviżjoni tat-talba tiegħu fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, li jawtorizza l-Kunsill Regolatorju, f’ċerti każijiet partikolari, inaqqas il-perijodu tal-kunfidenzjalità ta’ 30 sena. B’sostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorrent espressament sostna li l-Ftehim Basle-Nyborg kien qadim u qajjem in-natura purament storika tas-SME.

276    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni kienu jobbligaw lill-BĊE jirrispondi għal din it-tieni talba għal aċċess, magħmula fuq bażi ġuridika ċertament differenti iżda bi skop identiku, billi jagħti l-motivi li għalihom l-elementi mressqa mir-rikorrent ma kinux tali li jippermettu li huwa jerġa’ lura fuq il-pożizzjoni inizjali tiegħu ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti kkonċernati.

277    Issa, fid-deċiżjoni tal-BĊE, il-Kunsill Regolatorju ma ta ebda motiv li jwarrab l-argumenti tar-rikorrent. Huwa biss, għal darba oħra, wara t-tressiq tar-rikors għal annullament li l-BĊE sostna, minn naħa, li l-opinjonijiet espressi u l-istrateġiji analizzati fid-dokumenti li jikkostitwixxu l-Ftehim Basle-Nyborg kienu għadhom dejjem validi u jistgħu jkollhom riperkussjonijiet fuq il-mekkaniżmu ta’ kambju attwali, anki jekk dan kien jirrigwarda biss il-banek ċentrali ta’ żewġ Stati Membri, u, min-naħa l-oħra, li, “sabiex tiġi evitata kull konfużjoni tas-swieq”, kienu jeżistu motivi validi sabiex dawn id-dokumenti ma jsirux pubbliċi.

278    Għandu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni għandha tidher fil-kontenut tad-deċiżjoni stess u li, jekk din tikkostitwixxi bidu ta’ motivazzjoni bħal f’dan il-każ, din ta’ l-aħħar ma tistax tiġi żviluppata u speċifikata għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-Qorti Komunitarja, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li mhumiex sodisfatti f’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ kull urġenza u fid-dawl tan-natura unika ta’ l-att li għandu jiġi adottat mill-BĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T‑61/89, Ġabra p. II‑1931, punt 131, u tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95).

279    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li ta’ qabel li d-deċiżjoni tal-BĊE għandha tiġi annullata għaliex ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ta’ annullament imqajma mir-rikorrent, ibbażati fuq użu ħażin ta’ poter, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u żball ta’ evalwazzjoni tal-BĊE.

280    Fl-aħħar, għandu, f’dan l-istadju, jiġi nnotat li, wara li ressaq rikors għal annullament (Kawża T-3/00), ir-rikorrent ressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikors għad-danni (Kawża T-337/04) li minnu jirriżulta b’mod ċar li l-aġir illegali li bih huma akkużati l-Kunsill u l-BĊE huwa preċiżament ikkostitwit mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li r-rikorrent jitlob l-annullament tagħhom fil-Kawża T-3/00.

281    Fil-kuntest tar-rikors għad-danni tiegħu u sabiex juri l-aġir illegali tal-konvenuti, ir-rikorrent żviluppa argument in parti identiku għal dak ifformulat bil-għan li tinkiseb l-invalidità ta’ l-atti in kwistjoni. Huwa stabbilit li r-rikorrent qajjem motiv ġdid ta’ illegalità tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ aċċess ikkontestati , jiġifieri l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ukoll argumenti ġodda in sostenn ta’ motivi ta’ illegalità diġà invokati fil-proċedimenti għal annullament u li jirrispondu għal ċerti allegazzjonijiet tal-konvenuti magħmula matul l-imsemmija proċedimenti.

282    Safejn dan l-argument jista’ jiġi mifhum bħala li jsostni wkoll it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-BĊE magħmulha fil-kuntest tal-kawża T-3/00, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

283    Għandu, f’dan ir-rigward, jiġi mfakkar li r-rikors għal responsabbiltà huwa rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema ta’ rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl ta’ l-għan speċifiku tiegħu. Filwaqt li r-rikorsi għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-illegalità ta’ att legalment vinkolanti jew in-nuqqas ta’ tali att, ir-rikors għal responsabbiltà għandu bħala għan it-talba għal kumpens għad-danni li jirriżulta minn att jew minn aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C-234/02 P, Ġabra p. I-2803, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

284    Il-prinċipju ta’ l-awtonomija tar-rimedji jipprojbixxi, f’dan il-każ, evalwazzjoni waħda biss tal-motivi kollha ta’ illegalità allegati fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament u għad-danni, fid-dawl tal-konsegwenzi differenti tad-deċiżjonijiet li jilqgħu favorevolment l-imsemmija rikorsi. Għalhekk, il-fatt li rikors għal annullament jiġi milqugħ iwassal għat-tneħħija mis-sistema ġuridika Komunitarja ta’ l-att ikkontestat filwaqt li suċċess tar-rikors għad-danni jippermetti biss il-kumpens tad-dannu kkawżat permezz ta’ dan l-att, mingħajr eliminazzjoni awtomatika ta’ dan ta’ l-aħħar.

285    L-għaqda tal-kawżi T-3/00 u T-337/04 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza mhijiex tali li tinvalida l-konklużjoni ċċitata iktar’il fuq, billi d-deċiżjoni ta’ tagħqid ma taffettwax l-indipendenza u n-natura awtonoma tal-kawżi kkonċernati, deċiżjoni li ma tgħaqqadhomx hija dejjem possibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C‑280/99 P sa C‑282/99 P, Ġabra p. I‑4717, punt 66, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 71).

C –  Fuq it-talbiet ta’ miżuri istruttorji jew ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

286    Fil-kuntest tar-rikors għal annullament tiegħu, ir-rikorrent talab lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna miżuri istruttorji sabiex jiġu kkjarifikati l-kundizzjoniijet li fihom ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati u, b’mod iktar partikolari, tiddetermina f’liema kundizzjonijiet il-BĊE daħal in pussess tar-rapport tal-Kumitat Monetarju u tordnah iqiegħed fl-inkartament il-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999.

287    Fid-dawl ta’ l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-BĊE fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ żamma tar-rapport tal-Kumitat Monetarju, kif imfakkra fil-punt 144 iktar’il fuq, tan-notifika mill-BĊE ta’ diversi dokumenti u, b’mod partikolari, estratt tal-minuti tad-29 laqgħa tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999, ta’ l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti pprovduti mill-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet li fihom ġiet adottata d-deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 1990, it-talbiet tar-rikorrent imsemmija fil-punt preċedenti għandhom jiġu meqjusa bħala li ġew issodisfati u saru, għaldaqstant, mingħajr skop.

288    Għal dak li jikkonċerna t-talba ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrent, maħsuba sabiex il-BĊE jipprovdi data statistika dwar l-aċċess għad-dokumenti tiegħu matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju 1998 u l-31 ta’ Mejju 2000, din għandha tiġi miċħuda bħala nieqsa minn interess għas-soluzzjoni tal-kawża.

 Fuq it-talba għad-danni

A –  Kunsiderazzjonijiet preliminari

289    Għandu jiġi nnotat li r-rikorrent għandu bla dubju l-intenzjoni li jikseb dikjarazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali ta’ l-istituzzjonijiet tagħha.

290    Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li sabiex ikun hemm responsabbiltà tali, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-aġir akkużat lill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996,Efisolu vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II‑1343, punt 30, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T‑267/94, Ġabra p. II‑1239, punt 20).

291    Fir-rigward ta’ l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291 punt 42). Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit huwa sodisfatt huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 54; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134)

292    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali, il-Komunità tista’ tiġi miżmuma responsabbli biss tad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari ta’ l-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier Frères et vs Il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Frar 2003, Meyer vs Il-Kummissjoni, T-333/01, Ġabra p. II-117, punt 32). Min-naħa l-oħra, mhijiex ir-responsabbiltà tal-Komunità tikkumpensa kull konsegwenza dannuża, anki remota, ta’ l-aġir tal-korpi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dumortier Frères et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, punt 21).

293    Fir-rigward tad-dannu, għandu jiġi enfasizzat li dan ta’ l-aħħar għandu jkun reali u ċert (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 2003, Hameico Stuttgart et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑99/98, Ġabra p. II‑2195, punt 67), kif ukoll li jista’ jiġi valutat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Kunsill, T-108/94, Ġabra p. II-87, punt 54). Min-naħa l-oħra, dannu purament ipotetiku u indeterminat ma jagħtix dritt għal kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar’il fuq, punt 73).

294    Hija l-parti rikorrenti li għandha tressaq elementi ta’ prova lil Qorti Komunitarja sabiex tistabbilixxi l-eżistenza u l-estent tad-dannu tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, 26/74, Ġabra p. 677, punti 22 sa 24; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Jannar 1996, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-575/93, Ġabra p. II-1, punt 97, u tat-28 ta’ April 1998, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-184/95, Ġabra p. II-667, punt 60).

295    Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mhijiex sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr mhuwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punti 19 u 81, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37).

B –  Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

1.     Argumenti tal-partijiet

296    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu, ir-rikorrent jafferma, fl-ewwel lok, li r-rifjut taż-żewġ “istituzzjonijiet” Komunitarji li jagħtuh aċċess għad-dokument mitlub fixkel il-kalendarju tiegħu ta’ kitba u jipprekludih sal-ġurnata tal-lum, tliet snin u erba’ xhur wara l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentazzjoni tat-teżi tiegħu (jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2001), milli jlesti u jippreżenta din it-teżi lill-Fakultà tal-Liġi ta’ Tessaloniki. Jirriżulta loġikament minn din is-sitwazzjoni li r-rikorrent sostna dannu materjali li jikkonsisti fit-telf ta’ dħul li kien jirċievi billi jagħmel użu raġonevoli u approprjat mit-titolu ta’ Duttur tal-Liġi li kien jikseb, f’dan il-każ billi jikseb impjieg ta’ ġurista fi ħdan istituzzjonijiet jew korpijiet internazzjonali, bħall-BĊE jew il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

297    Huwa juri li l-prinċipju proċedurali li skondu huwa dak li jinvoka l-eżistenza ta’ dannu li għandu jġib il-prova tiegħu mhuwiex mingħajr limiti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tikkunsidra, l-ewwel nett, in-natura partikolari tal-kawża, it-tieni nett, in-natura tad-dannu subit u tal-prinċipju ta’ proċedura ta’ ugwalità fir-rigward ta’ l-oneru tal-prova u, it-tielet nett, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

298    B’hekk, din il-kawża hija l-ewwel kawża fir-rigward ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali dwar l-aċċess għal dokumenti u l-ġurisprudenza msemmija mill-BĊE mhija b’ebda mod rilevanti f’tali kuntest. Biss il-ġurisprudenza relatata mal-kontenzjuż statutorju ta’ l-uffiċjali tista’ tipprovdi elementi ta’ evalwazzjoni utli.

299    Il-kontenut tar-rikors ma jħalli ebda dubju fuq il-fatt li d-dannu invokat jikkonsisti f’telf ta’ qligħ (lucrum cessans) u mhux f’telf bagħtut (damnum emergens), żewġ kunċetti distinti skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenzi Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar’il fuq, punt 72, u tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑149/96, Ġabra p. II‑3841, punt 48).

300    Issa, il-kundizzjonijiet ta’ prova ta’ telf ta’ qligħ huma iktar flessibbli minn dawk ta’ telf bagħtut, safejn għandha tiġi eżaminata l-eżistenza tad-dannu u l-evalwazzjoni tiegħu fid-dawl tal-kors normali ta’ l-avvenimenti u tal-probabbiltajiet reali, u mhux teoretiċi. Ir-rikorrent jikkunsidra, f’dan ir-rigward, li pproduċa d-dokumenti kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxi r-realtà tad-dannu invokat.

301    Huwa jsostni li d-dannu tiegħu għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-qligħ ta’ ġurista fil-pussess ta’ dottorat impjegat mal-BĊE mill-1 ta’ April 2001, data li fiha huwa kien issottometta t-teżi tiegħu ta’ dottorat, u sat-tielet xahar wara l-għoti mill-Qorti tal-Prim’Istanza tas-sentenza tagħha f’din il-kawża, wara tnaqqis tad-dħul li huwa għamel mill-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu ta’ avukat, fil-Greċja, matul dan il-perijodu. Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tistieden lill-BĊE jipproduċi l-elementi rilevanti fir-rigward ta’ rimunerazzjoni tal-persunal tiegħu sabiex jippermetti ammont eżatt tad-dannu.

302    Din l-evalwazzjoni tad-dannu hija bbażata fuq il-kors probabbli ta’ l-avvenimenti. Din ma tirrigwardax sitwazzjoni bbażata skond ix-xorti, iżda sitwazzjoni li kellha l-probabbiltajiet kollha li sseħħ, fir-rigward tat-talbiet ta’ xogħol effettivament magħmula mir-rikorrent lill-BĊE. Ir-rikorrent isostni li l-elementi mressqa jmorru lil hinn minn dak li huwa mitlub fil-ġurisprudenza għall-prova ta’ telf ta’ qligħ (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punti 102, 114, 124, 134, 137 u 173).

303    Ir-rikorrent jsostni, fit-tieni lok, li d-dewmien ta’ madwar tliet snin u nofs meħud għat-tlestija tat-teżi tiegħu kkawżalu dannu morali serju ħafna li jikkonsisti fi:

–        titwil sinjifikanti ta’ l-anzjetà tiegħu dwar it-tlestija ta’ din it-teżi;

–        id-dewmien tal-progressjoni tiegħu fuq il-pjan professjonali u finanzjarju;

–        l-impossibbiltà li jaspira għal opportunitajiet professjonali fil-Greċja u, speċjalment, barra mill-Greċja li għalihom it-titolu ta’ Dutturkien meħtieġ;

–        il-posponiment ta’ attività f’ambjent akkademiku li jeżiġi li wieħed ikun fil-pussess tat-titolu ta’ Duttur, l-inċertezza korrelattiva u l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni tiegħu, b’kunsiderazzjoni wkoll ta’ l-età tiegħu;

–        il-bżonn li jemenda f’numru ta’ okkażjonijiet it-teżi tiegħu minħabba l-iżviluppi bla waqfien ta’ l-UEM, it-telf ta’ ħin kif ukoll l-għajja korrelattivi;

–        il-pressjoni psikoloġika subita sal-lum sabiex ilesti t-teżi tiegħu, il-kummentarji negattivi u ironiċi li huwa kien u għadu jkun is-suġġett tagħhom u l-obbligu li jagħti spjegazzjonijiet għal kull interrogazzjoni dwar it-tlestija tat-teżi tiegħu;

–        it-telf ta’ ħin u ta’ enerġija okkażjonata mill-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–        il-pressjoni psikoloġika bagħtuta minħabba t-tul tal-kawża, li l-eżitu tagħha hija essenzjali għall-futur tiegħu.

304    Ir-rikorrent jitlob, f’dawn iċ-ċirkustanzi, somma ta’ EUR 90 000 bħala kumpens tad-dannu morali tiegħu.

305    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali, ir-rikorrent jafferma li d-danni materjali u morali sostnuti huma l-konsegwenza diretta tar-rifjut illegali ta’ aċċess għad-dokument ikkontestat, li jikkostitwixxi l-element ċentrali ta’ l-istudju tiegħu, in kwantu dan jikkonċerna sors storiku u ġuridiku uniku u indispensabbli sabiex jistabbilixxi “l-eżistenza u l-ħidma tas-soft law fil-qasam finanzjarju u monetarju li l-UEM u l-attività tal-G 7/8 ikopru”.

306    Huwa jsostni li r-rifjut ta’ aċċess kellu effett negattiv katastrofiku fuq il-kalendarju ta’ kitba tat-teżi tiegħu, billi dan wassal għall-impossibbiltà li jirrispetta t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar, stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2000, imbagħad għall-31 ta’ Marzu 2001, effett negattiv li għadu jinħass sal-lum.

307    Ir-rikorrent jindika li, fi tliet snin, mill-bidu ta’ l-1997 sat-tmiem ta’ l-1999, hu kien ħadem biss fuq il-kitba tat-teżi tiegħu u li, mis-sajf ta’ l-1999, żmien li fiha r-riċerka tiegħu kienet fi stadju avvanzat, xejn ma kien seħħ li jbiddel il-kalendarju ta’ kitba u li jimpedixxih milli jlesti t-teżi tiegħu, bl-eċċezzjoni tar-rifjut ta’ aċċess ikkontestat.

308    Huwa jinvoka wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ir-rabta kawżali u b’mod iktar partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T‑45/01, Ġabra p II‑3315), li fiha din ta’ l-aħħar kienet “għamlet distinzjoni bejn l-inċertezza teoretika u l-inċertezza reali u rrikonoxxiet id-diffikultajiet ta’ prova” filwaqt li qegħdet l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni.

309    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk setax jew anki jekk kellux, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit, jippreżenta t-teżi tiegħu mingħajr ma jikkunsidra l-Ftehim Basle-Nyborg, ir-rikorrent jiddikjara li din il-kwistjoni hija l-ewwel nett marbuta ma’ l-indipendenza tiegħu, mal-libertà ta’ riċerka u ma’ l-awtonomija interna fl-għażliet xjentifiċi u ma’ l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet tat-teżi tiegħu, li għandhom jiġu rikonoxxuti.

310    Huwa jirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Mattila vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 99 iktar’il fuq, li fiha l-Qorti kkunsidrat li min qed jitlob l-aċċess, u hu biss, kellu jiddeċiedi dwar id-dokumeni li huwa kellu bżonn tagħhom, peress illi l-istituzzjoni amministrattiva m’għandha ebda poter li tintervjeni fl-evalwazzjoni ta’ dak li hu meħtieġ jew utli għal min jagħmel it-talba.

311    Ir-rikorrent isostni li, safejn huwa qis fiż-żmien tat-talba għal aċċess, u safejn huwa għadu jqis, li l-Ftehim Basle-Nyborg huwa rilevanti għat-teżi tiegħu, huwa ma setax u lanqas ma kellu jinjora dan il-Ftehim u jissottometti lill-Fakultà tal-Liġi, fil-31 ta’ Diċembru 2001, xogħol medjokri ħafna. Minbarra dan, ma teżisti ebda soluzzjoni alternattiva li tippermetti lir-rikorrent jikkonstata b’liema mezz ġuridiku l-indiċi makroekonomiċi tal-G7 kienu ġew integrati fl-1987 fis-SME, kif huma kienu ħadmu sussegwentement sal-ħolqien ta’ l-UEM fl-1991/1992 u, fl-aħħar mill-aħħar, dak li ġara attwalment minn dawn l-indiċi.

312    Huwa jindika, fl-aħħar, li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-indipendenza u l-awtonomija interna xjentifika tiegħu jippermettu li tingħata risposta għall-argument tal-BĊE fuq l-allegata kontribuzzjoni għat-twettiq tad-dannu.

313    Il-Kunsill u l-BĊE jsostnu li l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali dwar l-eżistenza ta’ dannu ċert u rabta kawżali diretta bejn dan ta’ l-aħħar u l-aġir illegali allegat huma ineżistenti f’dan il-każ.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

314    Ir-rikorrent isostni li r-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jikkostitwixxu l-Ftehim Basle-Nyborg li oġġezzjonawlu l-Kunsill u l-BĊE huma l-kawża diretta ta’ dannu materjali u morali.

315    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dannu materjali, ikkwalifikat bħala telf ta’ opportunita jew bħala telf ta’ qligħ, dan jikkonsisti, skond ir-rikorrent, fit-telf tad-dħul li hu kien jirċievi billi jagħmel użu raġonevoli u approprjat mit-titolu ta’ Duttur li hu kien jikseb preliminarjament, f’dan il-każ billi jikseb impjieg ta’ ġurista fi ħdan istituzzjonijiet jew korpijiet internazzjonali, bħall-BĊE jew bħall-FMI.”

316    Jirriżulta, madankollu, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent li t-telf ta’ opportunità u t-telf ta’ qligħ allegati huma fihom infushom ir-riżultat ta’ l-ewwel avveniment, jiġifieri n-nuqqas ta’ tlestija tat-teżi fid-data prevista għas-sottomissjoni tagħha u n-nuqqas ta’ ksib sussegwenti tat-titolu ta’ Duttur fil-Liġi.

317    Issa, dan l-ewwel avveniment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-kawża diretta tat-telf ta’ opportunità u tat-telf ta’ qligħ allegati, in kwantu r-rikorrent ma jurix li l-fatt li huwa jkun fil-pussess ta’ dottorat jikkostitwixxia l-kundizzjoni meħtieġa għall-ksib ta’ impjieg fi ħdan il-korpijiet imsemmija minnu.

318    In-nuqqas ta’ twettiq u n-nuqqas ta’ sottomissjoni tat-teżi fid-data limitu tal-31 ta’ Marzu 2001 ma jidhirx lanqas bħala l-konsegwenza diretta tar-rifjut ta’ aċċess ikkontestati, magħrufa mir-rikorrent f’Awwissu u Novembru 1999 u meta r-riċerka tiegħu kienet diġà, skond il-kliem tiegħu stess, fi stadju avvanzat fis-sajf ta’ l-1999. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata biss bħala l-konsegwenza tar-rikorrent innifsu li kellu, indipendentement mill-kontestazzjoni tar-rifjut innotifikati lilu, jara li javvanza fil-kitba tat-teżi tiegħu sabiex ikun jista’ jippreżentaha u jagħtiha fit-terminu previst għal dan il-għan, minkejja dak li seta’ jiġi meqjus minnu bħala nuqqas ta’ tlestija tax-xogħol tiegħu ta’ riċerka.

319    Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm it-telf ta’ opportunità jista’ jikkostitwixxi dannu li jista’ jiġi kkumpensat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ottubru 1994, C vs Il-Kummissjoni, T-47/93, Ġabra p. I‑A‑233 u II‑743, punt 54), dan ta’ l-aħħar mhemmx għalfejn ikun reali u ċert sabiex ikun jista’ jkun effettivament ikkumpensat.

320    Issa, ir-rikorrent ma stabbilixxix li l-opportunità li huwa ġie mċaħħad minnha li jokkupa impjieg fi ħdan il-BĊE jew korp ieħor u li jibbenefika mill-vantaġġi pekunarji relattivi kienet reali u ċerta, fis-sens li huwa kellu, jekk mhux iċ-ċansijiet kollha li jaċċedi għal tali impjieg, almenu ċans serju li jaċċedi għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T-10/02, Ġabra p. FP-I-A-109,II-483, punti 96 sa 98, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, it-talbiet ta’ impjieg indirizzati mir-rikorrent lill-BĊE, fl-1999, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-persuna kkonċernata kienet tinsab fi proċess ta’ reklutaġġ li kellu jiġi ffinalizzat wara l-kisba tat-titolu ta’ Duttur fil-Liġi. L-iżviluppi tar-rikorrent fuq iċ-ċansijiet tiegħu li jikseb impjieg mal-BĊE jew ma’ korp ieħor wara t-tlestija, b’suċċess, tat-teżi tiegħu ta’ dottorat, jirriżultaw fir-realtà, minn spekulazzjoni pura.

321    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li r-rikorrent jindika huwa stess, fil-punt 35 tar-rikors tiegħu, li hu “id-dewmien” ta’ madwar tliet snin u nofs fil-kitba tat-teżi tiegħu li kkawżalhu dannu morali gravi ħafna.

322    Għar-raġunijiet indikati fil-punt 318 iktar’il fuq, għandu jiġi konkluż li mhemmx rabta kawżali diretta bejn ir-rifjut t ta’ aċċess ikkontestati u d-dannu morali allegat.

323    Għandu, madankollu, jiġi nnotat li, fost l-aspetti ta’ l-allegat dannu morali subit mir-rikorrent, kif stabbilit fil-punt 303 hawn iktar’il fuq, jinsabu t-telf ta’ żmien u ta’ enerġija kif ukoll l-“pressjoni” psikoloġika kkawżati mill-ftuħ, mill-attendenza u mit-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji relatati mar-rifjut ta’ aċċess ikkontestati.

324    Għalkemm dan it-telf ta’ żmien u ta’ enerġija kif ukoll din il-pressjoni psikoloġika sostnuti mir-rikorrent, li jiddistingwu ruħhom mill-allegazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ l-istat ta’ inċertezza, ta’ ansjetà u ta’ frustrazzjoni ġġenerat min-nuqqas ta’ tlestija tat-teżi fid-data prevista għas-sottomissjoni tagħha u fin-nuqqas ta’ kisba suċċessiva tat-titolu ta’ Duttur fil-Liġi, jistgħu jiġu analizzati bħala l-konsegwenza diretta tar-rifjut ta’ aċċess ikkontestati, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkaratterizzaw dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat.

325    Fir-rigward tal-pressjoni psikoloġika allegatament soffruta mir-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li dan ta’ l-aħħar jagħmel biss sempliċi allegazzjonijiet u ma jipproduċi ebda prova bil-miktub li turi l-eżistenza ta’ problema serja ta’ natura psikika. Fir-rigward tat-telf taż-żmien u ta’ enerġija allegat, dan jirriżulta minn inkonvenjenti inerenti għall-ftuħ u għall-attendenza ta’ kull proċedimenti ġudizzjarji, li ma jistgħux jiġi mqabbla ma’ dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat. Għandu, f’dan ir-rigward, jiġi enfasizzat li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent kien irrappreżentat, fil-kuntest ta’ din l-istanza u fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Pitsiorlas, punt 38 iktar’il fuq, minn avukat, li r-rwol tiegħu hu preċiżament li jassisti l-individwu ġġudikat, b’mod partikolari, billi jelabora l-atti ta’ proċedura u billi jsegwi l-iżvilupp tal-proċedimenti f’isem u fl-interess tal-mandant tiegħu.

326    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-kundizzjonijiet li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali kkawżata mill-eżistenza ta’ dannu reali u ċert u ta’ rabta kawżali diretta bejn dan ta’ l-aħħar u l-aġir allegatament illegali tal-konvenuti mhumiex sodisfatti u li r-rikors għad-danni ppreżentat mir-rikorrent għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud, mingħajr mhemm bżonn li tiġi eżaminata l-kundizzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali marbuta ma’ l-illegalità ta’ l-aġir tal-Kunsill u tal-BĊE.

 Fuq l-ispejjeż

327    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

328    F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li ġew milqugħa t-talbiet tar-rikorrent safejn huma jirrigwardaw l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE u li huwa b’mod żbaljat li l-Kunsill eċċepixxa l-inammissibilità tar-rikors għal annullament dirett kontra d-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ Lulju 1999. Min-naħa l-oħra, ġew miċħuda t-talbiet għal annullament tar-rikorrent li jirrigwardaw din l-aħħar deċiżjoni kif ukoll it-talbiet tiegħu għal kumpens kontra l-Kunsill u l-BĊE.

329    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ jekk il-Kunsill, il-BĊE u r-rikorrent jiġu ordnati jbatu kull wieħed minnhom l-ispejjeż tagħhom sostnuti fil-kawżi T-3/00 u T-337/04. Il-Kunsill għandu wkoll ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent fil-kawża C-193/01 P.

330    Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li l-BĊE ma pprovda ebda element li jiġġustifika l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura u l-kundanna tar-rikorrent sabiex iħallsu lura spejjeż li jkunu ġew meqjusa fiergħa jew vessatorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-21 ta’ Ottubru 1999, kif innotifikata lil Athanasios Pitsiorlas b’ittra tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tat-8 ta’ Novembru 1999, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors għal annullament huwa miċħud.

3)      Ir-rikors għad-danni huwa miċħud.

4)      Il-BĊE, il-Kunsill u r-rikorrent għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom sostnuti fil-kawżi T-3/00 u T-337/04. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent fil-kawża C-193/01 P.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Novembru 2007.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

A – Talbiet fil-kawża T-3/00

B – Talbiet fil-kawża T‑337/04

Fuq it-talba għal annullament

A – Fuq l-ammissibbiltà

1. Fuq l-eżistenza ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati

2. Fuq in-natura allegatament tardiva tar-rikors għal annullament

3. Fuq in-natura allegatament abbużiva tar-rikors

4. Fuq l-allegata inkompetenza tal-BĊE sabiex jagħti l-aċċess għar-rapport tal-Kumitat Monetarju

B – Fuq il-mertu

1. Fuq it-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

Fuq l-allegat qerq imwettaq mill-Kunsill

Fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stipulat fid-deċiżjoni 93/731

Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

2. Fuq it-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE

a) Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 1999/284 u ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 1999/284

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE

– Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE

– Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, minħabba l-ksur ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ

– Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, minħabba l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u tal-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza

– Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, minħabba użu ħażin ta’ poter

b) Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

C – Fuq it-talbiet ta’ miżuri istruttorji jew ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Fuq it-talba għad-danni

A – Kunsiderazzjonijiet preliminari

B – Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

1. Argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.