Language of document : ECLI:EU:C:2018:168

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Artikolu 14(1)(a) – Prodotti ta’ enerġija użati fil-produzzjoni ta’ elettriku – Obbligu ta’ eżenzjoni – Artikolu 15(1)(ċ) – Prodotti ta’ enerġija użati fil-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija – Fakultà ta’ eżenzjoni jew ta’ tnaqqis tal-livell ta’ tassazzjoni – Gass naturali intiż għall-koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku”

Fil-Kawża C-31/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kunsill tal-Istat (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Cristal Union, aventi kawża ta’ Sucrerie de Toury SA

vs

Ministre de l’Économie et des Finances,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Cristal Union, venant aux droits de Sucrerie de Toury SA, minn C. Lesourd u J.M. Priol, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier, S. Ghiandoni u A. Alidière, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Perrin u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405)

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Cristal Union, aventi kawża tad-drittijiet ta’ Sucrerie de Toury SA, u l-ministre de l’Économie et des Finances (Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi), dwar it-tassazzjoni tal-gass naturali użat minn installazzjoni ta’ koġenerazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2 sa 7, 11, 12, 24 u 25 tad-Direttiva 2003/96 huma redatti kif ġej:

“(2)      L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

(3)      Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)      Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)      L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

(6)      Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità.

(7)      Bħala sieħba tal-konvenzjoni kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tibdil fil-klima, il-Komunità irratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto. It-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u, fejn xieraq, ta’ l-elettriku hija waħda mill-istrumenti disponibbli biex jinkisbu l-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.

[…]

(11)      Arranġamenti fiskali magħmula b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas fi ħdan il-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku huma suġġett għal kull Stat Membru li jiddeċiedi. F’dan ir-rigward, Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jgħollux il-piż globali tat-taxxa jekk huma jikkonsidraw li l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ newtralità fuq it-taxxa jista’ jikkontribwixxi għall-ristrutturar u l-immodernizzar tas-sistema tagħhom ta’ tassazzjoni billi jinkoraġixxi aġir li jwassal għall-protezzjoni ikbar ta’ l-ambjent u li jżid ix-xogħol.

(12)      Prezzijiet fuq l-enerġija huma elementi importanti għall-politiki tal-Komunità dwar enerġija, trasport u ambjent.

[…]

(24)      Stati Membri għandhom jiġu permessi li japplikaw eżenzjonijiet oħra jew livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern u li ma jirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni.

(25)      B’mod partikolari, il-ġenerazzjoni ta’ sħana u kapaċità kkombinati u, li jippromwovu l-użu alternattiv ta’ sorsi ta’ enerġija, forom renovabbli ta’ enerġija jistgħu jikkwalifikaw għall-trattament preferenzali.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

5        Skont l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva:

“Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f’Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE [tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179)] fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

a)      prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-produzzjoni ta’ l-elettriku. Madankollu, Stati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent, jissotomettu dawn il-prodotti għall-tassazzjoni mingħajr ma joqgħodu jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżla f’din id-Direttiva. F’każ bħal dan, it-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma għandhiex tiġi ikkonsidrata sabiex tissodisfa il-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kif imniżżel fl-Artikolu 10;”.

6        L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-provissjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri jistgħu japlikaw taħt kontroll fiskali l-eżenzjonijiet jew tnaqqis kollu jew parti minnu fil-livell ta’ tassazzjoni għal:

[…]

ċ)      prodotti ta’ enerġija u elettriku użati għall-ġenerazzjoni ta’ sħana u kapaċità kkombinati”.

7        It-tielet paragrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“Entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess għandha tiġi kkonsidrata bħala distributur. Minkejja l-Artikolu 14(1)(a), Stati Membri jistgħu jeżentaw produtturi żgħar ta’ l-elettriku jekk kemm-il darba huma jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dik l-elettriku”.

 Id-dritt Franċiż

8        L-Artikolu 266d tal-kodiċi doganali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2006, kien jipprovdi:

“1. Il-gass naturali […] huwa suġġett għal taxxa interna tal-konsum fil-mument tal-kunsinna tiegħu lill-utent finali.

[…]

3.      […]

Huma wkoll eżentati l-kunsinni ta’ gass intiż sabiex jiġu użat:

[…]

c)      bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-elettriku, sa mill-1 ta’ Jannar 2006 u bl-esklużjoni ta’ kunsinni ta’ gass intiż sabiex jiġi użat f’installazzjonijiet previsti fl-Artikolu 266d A.”

9        L-Artikolu 266d A tal-kodiċi doganali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2006, jipprovdi:

“Il-kunsinni ta’ gass naturali u ta’ żjut minerali maħsuba sabiex jintużaw f’installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jew ta’ sħana u ta’ enerġija mekkanika, huma eżentati mit-taxxi interni tal-konsum previsti fl-Artikoli 265 u 266d matul il-perijodu ta’ ħames snin dekorribbli mid-dħul fis-servizz tal-installazzjonijiet. […]

Din l-eżenzjoni tapplika għall-installazzjonijiet li jidħlu fis-servizz, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007. […]”

10      Sa mill-1 ta’ Jannar 2007, il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 266d(3) tal-kodiċi doganali ġie emednat kif ġej:

“3.      […]

Huma wkoll eżentati dawk il-kunsinni ta’ gass intiż sabiex jintuża:

[…]

c)      bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ elettriku, sa mill-1 ta’ Jannar 2006.

L-eżenzjoni prevista […] f’dan l-artikolu [paragrafu 3(c)] ma tapplikax għall-kunsinni ta’ gass maħsub sabiex jintuża fl-installazzjonijiet previsti fl-Artikolu 266dA. Madankollu, il-produtturi li l-installazzjoni tagħhom ma tibbenefikax minn kuntratt ta’ xiri ta’ elettriku […], li jirrinunzjaw għall-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxi interni previst fl-Artikolu 266dA, jibbenefikaw mill-iskema prevista fil-[paragrafu 3(c)].”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Sucrerie de Toury, li tagħha Cristal Union hija s-suċċessur legali, tiġġestixxi installazzjoni ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku li għaliha hija tuża gass naturali bħala kombustibbli.

12      Il-gass naturali kkunsinnat lil Sucrerie de Toury bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-25 ta’ Diċembru 2007 kien ġie ssuġġettat mill-fornitur tiegħu, li ħallas l-ammont, għat-taxxa interna tal-konsum ta’ gass naturali, prevista fl-Artikolu 266d tal-kodiċi doganali.

13      Billi qieset li dawn il-kunsinni ta’ gass kellhom ikunu eżentati minn din it-taxxa skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, Sucrerie de Toury adixxiet lit-tribunal administratif d’Orléans (Il-Qorti Amministrattiva ta’ Orléans, Franza) b’talba intiża għall-kundanna tal-Istat għar-riżarċiment tad-danni allegatament subiti minnha minħabba t-traspożizzjoni tardiva mir-Repubblika Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt intern.

14      Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, it-tribunal administratif d’Orléans (Il-Qorti Amministrattiva ta’ Orléans) ċaħdet din it-talba.

15      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-cour administrative d’appel de Nantes (Il-Qorti Amministrattiva ta’ Nantes, Franza) ċaħdet l-appell minn din is-sentenza intavolat minn Sucrerie de Toury, essenzjalment peress li l-gass naturali intiż sabiex jintuża għall-produzzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku jaqa’ esklużivament taħt l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, li jipprovdi għall-fakultà tal-Istati Membri li jeżentaw il-prodotti ta’ enerġija użati għal tali produzzjoni, u mhux taħt l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, li skontu l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku.

16      Fl-10 ta’ Frar 2015, Sucrerie de Toury appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (Il-Kunsill tal-Istat, Franza).

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (Il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prodotti enerġetiċi użati għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jaqgħu esklużivament taħt il-possibbiltà ta’ eżenzjoni permessa mill-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96 […] jew jaqgħu wkoll, fir-rigward tal-parti ta’ dawn il-prodotti li l-konsum tagħhom jikkorrispondi għall-produzzjoni ta’ elettriku, fil-kamp tal-obbligu ta’ eżenzjoni previst fl-Artikolu 14(1)(a) tagħha?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Aritkolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni obbligatorja prevista f’dik id-dispożizzjoni tapplika għall-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku meta dawn il-prodotti jintużaw għall-produzzjoni konġunta ta’ dan tal-aħħar u ta’ sħana, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

19      Skont il-Gvern Franċiż, il-prodotti ta’ enerġija użati għal dan l-aħħar imsemmi għan minn installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu esklużivament taħt l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, b’tali mod li, minkejja l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, Stat Membru ma huwiex obbligat li jeżenta l-parti minn dawn il-prodotti użati għall-produzzjoni ta’ elettriku.

20      Għall-kuntrarju, Cristal Union, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni Ewropea jqisu li l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 ma jeskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, liema artikolu jobbliga lill-Istati Membri jeżentaw il-parti mill-prodotti ta’ enerġija użata mill-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-produzzjoni ta’ elettriku. L-imsemmi Artikolu 15(1)(ċ) għandu l-għan ewlieni li jagħti lill-Istati Membri l-għażla addizzjonali li jeżentaw b’mod parzjali jew totali l-parti mill-prodotti ta’ enerġija li tikkorrispondi għall-produzzjoni ta’ sħana.

21      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżenzjonijiet previsti mid-Direttiva 2003/96 għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq il-kliem tagħhom kif ukoll fuq l-istruttura ta’ din id-direttiva u l-għanijiet segwiti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Kronos Titan et Rhein-Ruhr Beschichtungs-Service, C-43/13 u C-44/13, EU:C:2014:216, punt 25, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla, C-151/16, EU:C:2017:537, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mill-kliem stess tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw mit-tassazzjoni prevista min din id-direttiva il-“prodotti ta’ enerġija użati biex jipproduċu elettriku”.

23      Għandu jiġi kkonstatat li tali kliem bl-ebda mod ma jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni obbligatorja l-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku minn installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, xorta jibqa’ l-fatt li tali installazzjoni tuża “prodotti ta’ enerġija biex [t]ipproduċu elettriku”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96.

24      Fit-tieni lok, dwar l-istruttura tad-Direttiva 2003/96, jeħtieġ li jitfakkar li, ċertament, din tal-aħħar ma hijiex intiża li tistabbilixxi eżenzjonijiet ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz, C-79/10, EU:C:2011:797, punt 23, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft, C-250/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:862, punt 19).

25      Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96 isemmi b’mod limitattiv l-eżenzjonijiet obbligatorji imposti fuq l-Istati Membri fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana, C-145/06 u C-146/06, EU:C:2007:411, punt 36, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C-5/14, EU:C:2015:354, punt 45), id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod estensiv, u dan sabiex ma jintilifx kull effett utli tat-tassazzjoni armonizzata stabbilita minn din id-direttiva.

26      Barra minn hekk, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, sa fejn din timponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni obbligatorja tal-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku, tipprevedi obbligu preċiż u mhux ikkundizzjonat, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tikkonferixxi lill-individwi d-dritt li jipprevalixxu ruħhom minn din l-eżenzjoni direttament quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln vs Bonn, C-226/07, EU:C:2008:429, punti 29 sa 33).

27      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw minn din is-sistema ta’ eżenzjoni obbligatorja, dan huwa pprevedih b’mod espliċitu, rispettivament fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li skontha dawn tal-aħħar jistgħu jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi li l-Istati Membri li jeżentaw l-elettriku prodott mill-produtturi ż-żgħar tal-elettriku għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dan l-elettriku.

28      B’hekk mill-istruttura tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li, bl-esklużjoni ta’ dawn iż-żewġ każijiet speċifiċi, l-eżenzjoni obbligatorja tal-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, hija imposta fuq l-Istati Membri b’mod mhux ikkundizzjonat.

29      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2003/96, jeħtieġ, qabel xejn, jiġi osservat li din id-direttiva, billi tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, hija intiża, kif jirriżlta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, sabiex tippromwovi l-funzjonament korrett tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Kronos Titan u Rhein-Ruhr Beschichtungs-Service, C-43/13 u C‑44/13, EU:C:2014:216, punti 31 u 33; tat-2 ta’ Ġunju 2016, ROZ-ŚWIT, C‑418/14, EU:C:2016:400, punt 32, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2017, Hüttenwerke Krupp Mannesmann, C-465/15, EU:C:2017:640, punt 26).

30      Għal dan l-għan, fir-rigward tal-produzzjoni ta’ elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paġna 5 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għad-direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-qafas Komuntarju ta’ tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija (ĠU 1997, C 139, p. 14), li jobbliga lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, jintaxxaw l-elettriku prodott, iżda li l-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dan tal-aħħar għandhom, b’mod korrelattiv, jiġu eżentati mit-taxxa, u dan bil-għan li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja tal-elettriku, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu.

31      Issa, jekk il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku minn installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kinux eżentati mit-taxxa abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, proprju minn dan kien jirriżulta riskju ta’ tassazzjoni doppja, peress li l-elettriku hekk prodott ikun, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intaxxat ukoll.

32      Ċertament, id-Direttiva 2003/96 ma teskludix kull riskju ta’ tassazzjoni doppja, peress li, kif diġà ġie indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, Stat Membru, skont it-tieni sentenz tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, jista’ jintaxxa l-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C-5/14, EU:C:2015:354, punt 51).

33      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kellha tiġi mċaħħda mill-eżenzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, għas-sempliċi raġuni li hija tipproduċi, mhux biss elettriku, iżda wkoll sħana konġuntement mal-elettriku, tali ċaħda tista’ tirriżulta, kif juru ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, f’inugwaljanza fit-trattament bejn il-produtturi tal-elettriku, fatt li jkun is-sors ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni li jippreġudikaw il-funzjonament tas-suq intern fis-settur tal-enerġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft, C-250/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:862, punti 17 u 18).

34      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2003/96 hija intiża wkoll li tilħaq l-għan, iddikjarat fil-premessi 6, 7, 11 u 12 ta’ din tal-aħħar, intiż sabiex jiġu mħeġġa l-għanijiet tal-politika ambjentali (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Hüttenwerke Krupp Mannesmann, C-465/15, EU:C:2017:640, punt 26).

35      Issa, it-tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija meta dawn jintużaw għall-produzzjoni tal-elettriku minn installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża priniċpali, fid-dawl tar-riskju ta’ tassazzjoni doppja li din tinvolvi, tmur kontra dan l-għan.

36      Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni huwa intiż, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, p. 1), sabiex jippromwovi l-koġenerazzjoni abbażi tad-domanda ta’ sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, peress li l-koġenerazzjoni b’rendiment għoli toffri potenzjal importanti ta’ ffrankar ta’ enerġija primarja.

37      Barra minn hekk, huwa stabbilit li, kif jirriżulta mill-premessa 20 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), il-koġenerazzjoni tiġġenera inqas emissjonijiet ta’ CO2 għal kull unità prodotta mill-produzzjoni separata ta’ sħana u ta’ elettriku.

38      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li jirriżulta kemm mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 kif ukoll mill-istruttura u l-għanijiet ta’ din id-direttiva li l-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja ta’ din id-dispożizzjoni.

39      Din l-interpretazzjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96.

40      Fil-fatt, is-sistema fakultattiva prevista f’din id-dispożizzjoni, li skontha l-Istati Membri jistgħu jeżentaw parzjalment jew totalment jew inkella jnaqqsu l-livell ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku, ma tistax tikkostitwixxi element determinanti għad-definizzjoni tal-portata tal-eżenzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C-391/05, EU:C:2007:126, punt 29).

41      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet, jeħtieġ li din tingħata dik li tkun ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Afton Chemical, C‑517/07, EU:C:2008:751, punt 43, u tal-10 ta’ Settembru 2014, Holger Forstmann Transporte, C-152/13, EU:C:2014:2184, punt 26).

42      Issa, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 tobbliga lill-Istati Membri b’mod mhux ikkundizzjonat sabiex jeżentaw il-prodotti ta’ enerġija użati fil-produzzjoni tal-elettriku.

43      Sabiex din id-dispożizzjoni ma tiġix imċaħħda mill-effett utli tagħha, is-sistema fakultattiva prevista fl-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandha tkun biss ta’ natura residwa, fis-sens li din sempliċement tippermetti lill-Istati Membri jagħtu, kif jirriżulta mill-premessa 25 tal-imsemmija direttiva, “trattament preferenzali” lill-prodotti ta’ enerġija użati fil-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku, bl-adozzjoni, bil-ħsieb li jitħeġġu l-għanijiet tal-politika ambjentali mfakkra fil-punti 34 sa 37 ta’ din is-sentenza, ta’ sistema speċifika li tipprovdi jew għall-eżenzjoni ta’ dawn il-prodotti ta’ enerġija, jew għat-tnaqqis tal-livell ta’ tassazzjoni tagħhom, dment li l-livell ta’ tassazzjoni magħżul ikun jiggarantixxi l-eżenzjoni obbligatorja fir-rigward tal-imsemmija prodotti użati għall-produzzjoni tal-elettriku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 29).

44      Għalhekk, l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 huwa intiż li jagħti lill-Istati Membri possibbiltà addizzjonali li jidderogaw mit-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija prevista fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva u mhux li jevitaw l-applikazzjoni ta’ sistemta ta’ eżenzjoni obbligatorja prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva.

45      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi speċifikat li d-diffikultajiet possibbli ta’ natura prattika li jimplikaw in-neċessità li tiġi identifikata l-parti mill-prodotti ta’ enerġija użati minn installazzjoni ta’ koġenerazzjoni għall-produzzjoni ta’ elettriku kif imqabbla ma’ dik użata għal produzzjoni ta’ sħana, enfasizzati mill-Gvern Franċiż, fl-ebda każ ma jistgħu jeżentaw lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom li jeżentaw b’mod mhux ikkundizzjonat il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-elementi pprovduti mill-Kummissjoni u Cristal Union, waqt is-seduta, jirriżulta li ma kinitx tidher impossibbli l-evalwazzjoni, skont il-modalitajiet għad-dispożizzjoni tagħhom, li fl-assenza ta’ speċifikazzjoni f’din id-direttiva għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri, tal-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija, li tista’ tvarja skont il-karatteristiċi tal-istallazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, li hija neċessarja għall-produzzjoni ta’ kwantità partikolari ta’ elettriku jew ta’ kwantità partikolari ta’ sħana.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni obbligatorja prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku meta dawn il-prodotti jintużaw għall-produzzjoni konġunta ta’ dan tal-aħħar u ta’ sħana, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni obbligatorja prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku meta dawn il-prodotti jintużaw għall-produzzjoni konġunta ta’ dan tal-aħħar u ta’ sħana, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

Silva de Lapuerta

Fernlund

Bonichot

Arabadjiev

 

Regan

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Marzu 2018.

Ir-Reġistratur

 

Il-President tal-Ewwel Awla

A. Calot Escobar

 

R. Silva de Lapuerta



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.