Language of document : ECLI:EU:F:2007:75

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

2 ta’ Mejju 2007

Kawża F-23/05

Jean-Louis Giraudy

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Assenjazzjoni mill-ġdid – Regolament (KE) Nru 1073/1999 – Deċiżjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom – Nuqqas – Danni – Mard ikkaġunat mix-xogħol – Teħid in kunsiderazzjoni tal-benefiċċji stabbiliti mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J.-L. Giraudy jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2005 li tiċħad l-ilment tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2004 u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu danni bħala kumpens għad-dannu li allegatament ġarrab, evalwat f’ammont ta’ EUR 264 000 f’dak li jikkonċerna d-dannu materjali tiegħu u f’ammont ta’ EUR 500 000 f’dak li jikkonċerna d-dannu morali tiegħu.

Deċiżjoni: Il-Kummissjoni hija kkundanata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 15 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnu kkostitwit minn ħsara għar-reputazzjoni u l-unur tiegħu. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati terz ta’ l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF – Regoli dettaljati dwar l-investigazzjonijiet interni adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2)

2.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ l-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet

3.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

4.      Uffiċjali – Dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

5.      Uffiċjali – Dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Premessa 10 u Artikolu 8(2))

6.      Uffiċjali – Dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 8(2))

7.      Uffiċjali – Rikors għad-danni – Talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu kkawżat mill-marda tar-rikorrent u mill-invalidità tiegħu bħala konsegwenza ta’ nuqqas min-naħa ta’ l-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni ta’ riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikoli 19 u 23)

1.      Mill-ifformular imperattiv tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet, li jirreferi fuq dan il-punt għall-ewwel paragrafu ta’ l-istess artikolu, jirriżulta li s-Segretarju Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet ta’ Dipartimenti tal-Kummissjoni, għandhom l-obbligu li jinformaw lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) mingħajr dewmien malli jsiru jafu “b’evidenza li tagħti lok għal preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ possibilità ta’ każijiet ta’ frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra, li hija ta’ ħsara għal Komunitajiet, jew b’sitwazzjonijiet serji relatati mar-rilaxx ta’ obbligazzjonijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligazzjonijiet ta’ uffiċjali jew impjegati tal-Komunitajiet u li jagħtu lok għal proċeduri dixxiplinari, u fil-każijiet xierqa, fi proċeduri kriminali”. Madankollu, l-użu tat-terminu “preżunzjoni” mil-leġiżlatur jimplika neċessarjament li l-awtoritajiet koperti mill-imsemmija dispożizzjoni għandhom jagħmlu evalwazzjoni minimali dwar ir-rilevanza ta’ l-elementi ta’ fatti li huma jkunu jafu bihom fir-rigward ta’ irregolarità possibbli u jagħtihom, għalhekk, ċerta diskrezzjoni.

(ara l-punt 98)

2.      In-nuqqasijiet fis-sistema ta’ komunikazzjoni interna ta’ istituzzjoni li setgħu aggravaw b’mod mhux ġustifikat is-suspetti ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward ta’ uffiċjal, iżda li ma kellhomx relazzjoni ta’ kawża u effett determinanti fuq il-ftuħ ta’ investigazzjoni fil-konfront tiegħu, fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ numru ta’ elementi oħra gravi u konsistenti li jiġġustifikaw, fihom infushom, tali investigazzjoni, ma jidhirx li huma ta’ natura li jimplikaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din l-istituzzjoni minħabba nuqqas amministrattiv.

(ara l-punti 109 u 111)

3.       Id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, bħala miżura preventiva, ta’ l-uffiċjal responsabbli minn diviżjoni amministrattiva waqt li tkun għaddejja investigazzjoni interna miftuħa mil-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fuq irregolaritajiet allegati fi ħdan din id-diviżjoni, li tirriżulta minn rakkomandazzjoni tad-Direttur Ġenerali ta’ l-OLAF intiża sabiex dan l-uffiċjal jiġi miċħud kull aċċess għall-uffiċċji ta’ din id-diviżjoni matul il-perijodu kkunsidrat, sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni, tissodisfa l-interess tas-servizz. Fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa li għandha l-amministrazzjoni sabiex tevalwa dan l-interess, tali deċiżjoni mhijiex manifestament sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-għan tal-miżura, jiġifieri li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ kunflitt ta’ interess u li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni. Il-fatt li għażliet oħrajn, bħal li tintlaqa’ l-proposta ta’ l-uffiċjal li joħroġ bil-leave jew li jingħata missjoni, setgħu kienu wkoll konformi ma’ l-interess tas-servizz filwaqt li kienu jirrispettaw aktar l-interessi tar-rikorrent, mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jagħmel sproporzjonata l-imsemmija miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Din id-deċiżjoni lanqas ma tikser il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, peress li, minn naħa, hija mhijiex intiża sabiex tippenalizza lill-uffiċjal assenjat mill-ġdid, iżda tikkostitwixxi miżura preventiva effettiva biss sakemm tkun għaddejja l-investigazzjoni u peress li, min-naħa l-oħra, l-interess tas-servizz jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura intiża sabiex investigazzjoni tkun tista’ ssir fis-serenità, u dan dejjem mingħajr ma tiġi attribwita ebda responsabbiltà lill-uffiċjal mogħti assenjazzjoni ġdida, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni.

Fl-aħħar nett, peress li l-legalità ta’ att individwali għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data ta’ meta ttieħed l-att, elementi li jirriżultaw sussegwentement mill-investigazzjoni u li jkunu pprovaw li l-persuna investigata ma kinitx involuta ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

(ara l-punti 139 sa 146)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ April 2002, Fronia vs Il-Kummissjoni, T‑51/01, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑187, punt 55; 4 ta’ Ġunju 2003, Del Vaglio vs Il‑Kummissjoni, T‑124/01 u T‑320/01, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑767, punt 77; 7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il-Kummissjoni, T‑339/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 69, 71 u 76; 7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 109, 113 u 114

4.      Il-fatt li l-amministrazzjoni ħabbret pubblikament, waqt konferenza stampa, qabel ma informat personalment lill-persuna kkonċernata, li qabel kienet responsabbli minn diviżjoni, li ma kien hemm xejn li jimpedixxi t-tneħħija tal-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li kienet adottata, bħala miżura preventiva, fir-rigward tagħha bil-għan li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni interna ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fuq irregolaritajiet allegati fi ħdan id-diviżjoni tagħha, ma jirrispettax l-interess leġittimu ta’ l-uffiċjal li jkun informat direttament mill-amministrazzjoni, u mhux permezz ta’ l-istampa, bi żvilupp deċiżiv fis-sitwazzjoni professjonali tiegħu. Tali aġir ma jirrispettax l-ekwilibriju ta’ drittijiet u obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku u, għalhekk, jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ premura ta’ l-amministrazzjoni fir-rigward ta’ l-uffiċjal u nuqqas amministrattiv li jimplika r-responsabbilià tagħha.

(ara l-punti 148, 149 u 183)

5.      Ir-regola ta’ kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet, kif iddefinita b’mod wiesa’ fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), għandha tiġi interpretata fil-kuntest tagħha u b’mod partikolari fid-dawl tal-Premessa 10 ta’ dan l-istess regolament, li tafferma li dawn l-investigazzjonijiet għandhom isiru b’rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali. Għalhekk, din ir-regola m’għandhiex tiġi interpretata bħala intiża biss sabiex tħares il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni bil-għan li tiġi żvelata l-verità, iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala li għandha wkoll l-għan li tħares il-preżunzjoni ta’ innoċenza u, għalhekk, ir-reputazzjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-membri tal-persunal kkonċernati minn dawn l-investigazzjonijiet. Minbarra l-protezzjoni speċifika ggarantita minn din id-dispożizzjoni, kemm il-prinċipju ta’ amminstrazzjoni tajba kif ukoll id-dmir ta’ premura, l-istess bħall-ħarsien tal-prerogattivi ta’ investigazzjoni ddelegati lil korp indipendenti bħalma huwa l-OLAF, jiġġustifikaw li l-istituzzjoni li jagħmel parti minnha l-uffiċjal ikkonċernat tuża l-akbar prudenza u moderazzjoni fil-pubbliċità mogħtija lill-allegazzjonijiet jew suspetti ta’ frodi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma aktar u aktar validi, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dritt ta’ kull persuna għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, meta ebda konklużjoni ma tkun għadha ntlaħqet mill-investigazzjoni ta’ l-OLAF.

Meta jkun hemm akkużi serji dwar l-integrità ta’ uffiċjal, hija l-amministrazzjoni li għandha tevita pubblikazzjoni ta’ akkużi li ma tkunx verament meħtieġa u li uffiċjal ikun is-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet li jistgħu jolqtu l-integrità professjonali tiegħu. Dan għandu l-konsegwenza li, fil-prinċipju, l-amministrazzjoni għandha, minn naħa, tevita li tagħti lill-istampa informazzjoni li tista’ toħloq dannu lill-uffiċjal in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex timpedixxi, fi ħdan l-istituzzjoni, kull forma ta’ tixrid ta’ informazzjoni li jista’ jkollha natura libelluża fil-konfront ta’ l-istess uffiċjal. Minħabba f’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji, stabbiliet ruħha kultura ta’ responsabbilità li tissodisfa b’mod partikolari x-xewqa tal-pubbliku li jkun informat u żgurat li l-każijiet ta’ nuqqasijiet u frodi jkunu identifikati u, jekk ikun il-każ, imneħħija u ssanzjonati kif imiss. Din l-eżiġenza għandha l-konsegwenza li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li għandhom postijiet ta’ responsabbilità fi ħdan amministrazzjoni Komunitarja għandhom jikkunsidraw li jista’ jkun hemm bżonn iġġustifikat li ċerta informazzjoni tiġi kkomunikata lill-pubbliku.

Fid-dawl tal-fatt li jista’ jkun hemm tali bżonn, l-intensità tad-dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha għandha tkun akbar. Dan it-tisħiħ tad-dmir ta’ premura fil-kuntest partikolari ta’ investigazzjoni jidher li huwa aktar u aktar neċessarju f’kuntest fejn il-medja tista’ pubblikament titfa’ dell fuq l-integrità jew ir-reputazzjoni professjonali ta’ individwi, b’tali mod li taggrava b’hekk id-dannu li jkunu diġà ġarrbu dawn ta’ l-aħħar, sal-punt li jagħmluh irreparabbli.

Fil-fatt, meta tinbeda investigazzjoni bbażata fuq suspetti ta’ frodi, tista’ tinħoloq ċerta ħsara għar-reputazzjoni, b’mod partikolari jekk din l-investigazzjoni tagħti lok għal pubbliċità barra l-istituzzjoni. Konstatazzjoni, meta tintemm l-investigazzjoni li kienet is-suġġett ta’ din il-pubbliċità, li l-persuna kkonċernata ma kinitx involuta rarament tkun biżżejjed sabiex tagħmel kompletament tajjeb għall-ħsara li tkun saritilha għar-reputazzjoni tagħha. Fil-kuntest tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, id-dannu kkawżat mill-ftuħ u l-iżvolġiment ta’ investigazzjoni jista’ jissewwa biss jekk l-istituzzjoni in kwistjoni tkun wettqet nuqqas li jinvolvi r-responsabbiltà tagħha, irrispettivament minn kemm dan ma jkunx mixtieq fir-rigward ta’ l-individwu li jkun instab li ma kienx involut meta tintemm din l-investigazzjoni. Barra minn dan, safejn, apparti dan id-dannu morali, mill-investigazzjoni tirriżulta marda ikkaġunata mix-xogħol fis-sens ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti lill-uffiċjal li jikseb kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, mingħajr ma jkun hemm bżonn li huwa jagħmel il-prova ta’ xi nuqqas min-naħa ta’ l-istituzzjoni.

(ara l-punti 161 sa 167)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Lulju 1974, Guillot vs Il-Kummissjoni, 53/72, Ġabra p. 791, punti 3 sa 5; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑203/95 R, Ġabra p. II‑2919, punt 35; 17 ta’ Diċembru 2003, Chawdhry vs Il-Kummissjoni, T‑133/02, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1617, punt 107; 3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il‑Parlament, T‑48/01, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑197, punt 125

6.      Il-miżuri ta’ informazzjoni tal-pubbliku, adottati minn istituzzjoni u dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal responsabbbli minn diviżjoni amministrativa bil-għan li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni interna ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fuq irregolaritajiet allegati fi ħdan id-diviżjoni tiegħu, ma jiksrux l-obbligi ta’ kunfidenzjalità li għandhom l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF u huma ġġustifikati mill-interess tas-servizz safejn, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, it-tneħħija tal-kunfidenzjalità, li tikkonċerna mhux biss l-adozzjoni tal-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid iżda wkoll l-identità ta’ l-uffiċjal assenjat mill-ġdid, ma tirriżultax mir-rieda ta’ l-istituzzjoni iżda hija inevitabbli fid-dawl tan-natura tal-kariga okkupata mill-persuna kkonċernata, kariga li tinvolvi kuntatt regolari ma’ l-istampa minħabba l-funzjonijiet tagħha, u ta’ l-eżistenza preċedenti ta’ interess min-naħa ta’ xi ġurnalisti fis-suspetti ta’ irregolaritajiet, b’tali mod li n-nuqqas ta’ informazzjoni ma kinitx tonqos milli toħloq spekulazzjoni li setgħet tagħmel ħsara kemm lill-interessi ta’ l-uffiċjal kif ukoll lil dawk ta’ l-istituzzjoni.

Madankollu, din l-istituzzjoni tikser id-dmir ta’ premura li hija għandha fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha meta tieħu l-inizjattiva inabitwali li tippubblika, minbarra l-istqarrija ta’ l-OLAF li ħabbret il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni, l-istqarrija għall-istampa tagħha li l-kontenut tagħha ħalla x’jifhem li l-uffiċjal assenjat mill-ġdid kien personalment implikat f’allegati irregolaritajiet u meta, wara li l-investigazzjoni tikkonstata li dan l-uffiċjal ma kienx implikat, tonqos milli tieħu l-miżuri korrettivi ta’ natura tali li jagħmlu tajjeb għall-pubbliċità negattiva anormali li rriżultat mix-xandir ta’ din l-istqarrija għall-istampa, b’tali mod li għalhekk tikkunsidra b’mod insuffiċjenti l-interessi ta’ l-uffiċjal meta mqabbla ma’ l-interessi tagħha stess u b’tali mod li ma naqsitx għall-minimu d-dannu li dan ġarrab minħabba l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni.

Tali aġir jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni. Hemm, f’dan ir-rigward, konnessjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn dan in-nuqqas u d-dannu kkawżat, għall-uffiċjal, fil-konfront ta’ l-unur u r-reputazzjoni tiegħu, li jmur lil hinn mid-dannu inevitabbilment imġarrab minn uffiċjal li jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni ta’ l-OLAF.

(ara l-punti 169, 170, 173, 180, 183 u 206)

7.      Għandhom jiġu miċħuda t-talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu materjali u morali allegatament imġarrab minn uffiċjal minħabba l-marda li jbati minnha u minħabba li jinsab fi stat ta’ invalidità li rriżultat minn din il-marda u li kienet ikkawżata minn nuqqas min-naħa ta’ l-amministrazzjoni, u, b’mod partikolari, tad-dannu morali kkawżat minn ksur tad-dmir ta’ premura li kkawża lill-uffiċjali sitwazzjoni ta’ stress u ta’ ansjetà u pprovoka jew aggrava għalhekk dannu marbut mal-marda tiegħu. Fil-fatt, il-qorti Komunitarju mhijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq ir-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ servizz ta’ uffiċjal u l-marda li jinvoka, minħabba li, skond l-Artikolu 19 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni ta’ riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol ta’ l-uffiċjali, id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ l-oriġini professjonali ta’ marda għandha tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra, abbażi tal-konklużjonijiet magħmula mit-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjonijiet u, fuq talba ta’ l-uffiċjal, wara konsultazzjoni mal-kummissjoni medika prevista fl-Artikolu 23 ta’ l-imsemmija regoli. Is-sistema stabbilita b’implementazzjoni ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tipprevedi kumpens f’daqqa f’każ ta’ inċident jew marda ikkaġunata mix-xogħol li jkopri kemm id-dannu materjali kif ukoll id-dannu morali, mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-persuna kkonċernata tipprova xi nuqqas min-naħa ta’ l-istituzzjoni u huwa biss fiċ-ċirkustanzi fejn jirriżulta li s-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq tad-dannu mġarrab li l-uffiċjal għandu dritt jitlob kumpens addizzjonali.

Din il-konklużjoni ma tistax titwaqqa’ f’każ fejn ir-rikorrent ikun irrinunzja għall-proċedura mressqa skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal għar-rikonoxximent tan-natura professjonali tal-marda tiegħu peress li din ir-rinunzja m’għandha ebda effett fuq l-applikazzjoni tar-regola statutorja li r-rikonoxximent ta’ l-oriġini professjonali ta’ marda huwa fil-kompetenza ta’ l-Awtorità tal-Ħatra.

Bil-kontra, konkluzjonijiet li jirreferu għall-kumpens ta’ l-aspett tad-dannu morali tar-rikorrent li jikkonsisti fi ħsara għall-unur u r-reputazzjoni tiegħu għandhom jiġu eżaminati mill-qorti Komunitarja peress li tali dannu, minħabba li mhuwiex marbut mal-marda tal-parti kkonċernata, ma jistax jiġi kkumpensat permezz ta’ somma f’daqqa skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 193 sa 196 u 198 sa 201)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Ottubru 1986, Leussink et vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra. p. 2801, punt 13; 9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, T‑165/95, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑627, punt 74; 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punt 95