Language of document : ECLI:EU:F:2009:120

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

23 ta’ Settembru 2009

Kawża F-22/05 RENV

Neophytos Neophytou

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Rinviju quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza wara annullament – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Bord tal-Għażla – Nomina”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih N. Neophytou titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/A/1/03, tal‑24 ta’ Settembru 2004, li tirrifjuta li tinkludiha fil-lista ta’ riżerva ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 285 A, p. 3).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l‑ispejjeż kollha tagħha konnessi mal-proċeduri quddiem it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti tal-Prim’Istanza, nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti konnessi mal-imsemmija proċeduri. Ir‑rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha konnessi mal‑proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti tal-Prim’Istanza.

Sommarju

1.      Proċedura – Rikors – Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal‑liġi – Konstatazzjoni ex officio

2.      Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) – Definizzjoni tal-kompetenzi tal-bord tal-amministrazzjoni u tad-direttur tal-EPSO – Nomina tal-membri tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni – Kompetenza tad-direttur tal-EPSO

(Deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal‑Kummissjoni, tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-Segretarjat Ġenerali tal‑Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni, u tar-Rappreżentant tal-Ombudsman 2002/621, Artikoli 6 u 8)

3.      Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) – Nomina tal-membri tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni – Nomina mid-direttur tal-EPSO –Preġudizzju għall-kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra – Assenza

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Kompożizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3)

1.      Motiv ibbażat fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi huwa ta’ ordni pubbliku u hija responsabbiltà tal-qorti Komunitarja li teżaminah ex officio. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja tkun qed tonqos mill-funzjoni tagħha bħala mħallef tal-legalità jekk ma tirrilevax, anki fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-partijiet fuq dan il-punt, li d‑deċiżjoni kkontestata quddiema ttieħdet abbażi ta’ regola li ma tistax tiġi applikata għall-każ inkwistjoni u jekk, sussegwentement, kellha tiddeċiedi l‑kawża quddiema billi tapplika hija stess tali regola. F’dan ir-rigward, il-“liġi” ma għandhiex tiġi interpretata bħala l-liġi fis-sens formali tal-kelma, iżda bħala dispożizzjoni ta’ natura ġenerali u impersonali applikabbli għall-każ.

(ara l-punti 56 sa 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Lulju 1994, Browet et vs Il-Kummissjoni, T‑576/93 sa T‑582/93, Ġabra p. II‑677, punt 35;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il‑Kummissjoni, F‑31/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 51, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑160/08 P

2.      Il-kompetenzi tal-bord tal-amministrazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas‑Selezzjoni tal‑Persunal (EPSO) ma humiex iddefiniti permezz ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali, iżda permezz ta’ lista tal-kompiti kollha mogħtija lilu, skont l‑Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2002/621 dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal‑EPSO. Din l-lista, li hija restrittiva, ma tistax tingħata interpretazzjoni wiesgħa.

Min-naħa l-oħra, il-kompetenzi tad-direttur tal-EPSO huma ddefiniti minn dispożizzjoni ta’ natura ġenerali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(1) tad‑Deċiżjoni 2002/621, il-kap tal-uffiċċju għandu jkun responsabbli għat‑tmexxija uniformi tal-EPSO. Fil-kuntest tal-kompetenzi tal-bord tal‑amministrazzjoni, huwa jaġixxi taħt l-awtorità ta’ dan l-aħħar imsemmi. Huwa jmexxi s-segretarjat tal-bord tal-amministrazzjoni, jwieġeb lil dan għal implementazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu u jippreżentalu kull suġġeriment għall‑funzjonament tal-EPSO.

Il-kompetenzi tal-bord tal-amministrazzjoni ġew ittrattati fid-definizzjoni tal‑funzjonament u tal-organizzazzjoni tal-EPSO, tal-politika ġenerali tagħha kif ukoll tal-baġit tiegħu, peress li d-direttur huwa kompetenti għat-tmexxija normali tal-EPSO.

B’hekk jirriżulta li peress li n-nomina tal-membri tal-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni ma tistax tkun marbuta mal-kompetenzi tal-amministrazzjoni previsti mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2002/621, id-deċiżjoni tan-nomina tal‑imsemmija membri hija kompitu li għandu jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt it‑tmexxija normali tal-EPSO u, konsegwentement, taqa’ fuq id-direttur tiegħu.

(ara l-punti 92 sa 97)

3.      Il-fatt li d-direttur tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ħatar lill-membri ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni billi ffirma dokument, ippreparat mid-dipartimenti tal-EPSO, li jiġbor il-proposti kkomunikati mill-istituzzjonijiet, ma jimplikax li l-Awtorità tal-Ħatra ma eżerċitatx effettivament il-kompetenza tagħha. Fil-fatt, l-ewwel nett, meta l-imsemmija awtorità tiddeċiedi fuq proposta, il-fatt li hija tiddeċiedi fis-sens tal-proposta li saret lilha, fiha nfisha ma tfissirx li hija ma teżerċitax il-kompetenza tagħha. Billi tiddeċiedi mod ieħor, tammonta għaċ-ċaħda tal-possibbiltà, għal din l-awtorità, milli taddotta deċiżjoni konformi għall-proposta li saritilha. It-tieni nett, suġġett għall-osservanza tal-proċedura prevista mit-testi applikabbli, l-amministrazzjoni hija ħielsa minn metodi prattiċi ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni, u deċiżjoni ma għandhiex tiġi kkundannata għas-sempliċi raġuni li hija oriġinat bit-tpoġġija, taħt il-kontenut tagħha, ta’ data segwita mill-firma tal-persuna kompetenti sabiex tadottaha.

(ara l-punti 107 sa 109)

4.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, “[g]ħall-kompetizzjonijiet miftuħa [ġenerali] komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar, il-Bord ta’ l-Għażla jkun magħmul minn president maħtur mill-awtorità tal-ħatra [AIPN] [...], kif ukoll mill-membri maħtura bi ftehim bejn il-Kumitati tal-Persunal ta’ l-istituzzjonijiet, b’tali mod li jiżguraw rappreżentanza ndaqs”. L-espressjoni “li jiżguraw rappreżentanza ndaqs” għandha tiġi interpretata li tirreferi għall-ħatra, mill-Awtorità tal-Ħatra u l-kumitati tal‑persunal, tal-“membri” minbarra l-president. Dan is-sens huwa kkonfermat mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni fil-kuntest tagħha. Fil-fatt, din id‑dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi, fir-rigward tal‑kompetizzjonijiet organizzati minn istituzzjoni waħda, li l-Bord tal-Għażla jkun kompost minn president maħtur mill-Awtorità tal-Ħatra u ta’ membri maħtura f’numru indaqs mill-imsemmija awtorità u mill-kumitat tal-persunal.

B’hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal‑Persunal jista’ jiġi interpretat biss li jipprovdi li, fil-każ ta’ kompetizzjoni ġenerali komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew iktar, il-Bord tal-Għażla jkun kompost minn president maħtur mill-Awtorità tal-Ħatra u mill-membri maħtura f’numru indaqs, minn naħa, mill-imsemmija awtorità fuq proposta tal‑istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, bi qbil tal-kumitati tal-persunal tal‑istituzzjonijiet.

(ara l-punti 112 sa 114 u 116)