Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2010 - Xeda International u Pace International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-71/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Xeda International (Saint Andiol, Franza) u Pace International LLC (Seattle, l-Istati Uniti tal-Amerka) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta' dawn il-proċeduri

tieħu dawk il-miżuri l-oħra kollha sussegwenti u neċessarji skont il-liġi.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2009/859/KE, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar in-noninklużjoni ta' diphenylamine fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9262) (ĠU L 314, p.79).

Ir-rikorrenti jsostnu li, bħala riżultat tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel rikorrenti ma tibqax awtorizzata tbigħ diphenylamine u prodotti bbażati fuq diphenylamine fl-Unjoni Ewropea u se titlef ir-reġistrazzjonijiet tal-prodott tagħha fl-Istati Membri b'effett mit-30 ta' Mejju 2010.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba li hija bbażata fuq evalwazzjoni ta' diphenylamine li hija xjentifikament u legalment żbaljata. Skont ir-rikorrenti, din tikser it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE.

Fil-qosor, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tipprojbixxi l-użu ta' diphenylamine fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-bażi ta' tliet problemi xjentifiċi msemmija fil-premessa 5 tagħha, li kull waħda minnhom jew kienet indirizzata adegwatament mir-rikorrenti jew ma kinitx problema li tiġġustifika nuqqas ta' inklużjoni.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-dritt ta' difiża tar-rikorrenti peress li pprekludiethom milli jibbażaw ruħhom fuq il-possibbiltà li jirtiraw u jerġgħu jippreżentaw fajl ġdid filwaqt li jibbenefikaw minn perijodu ta' rtirar itwal, kif kien il-każ għal sustanzi oħra li jappartjenu għall-istess proċess regolatorju.

____________