Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2023 – Acampora et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-261/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Roberto Acampora (Napoli, l-Italja) u 172 oħrajn (rappreżentant: E. Iorio avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni Ewropea (EMPL.C.1/BPM/kt (2023) 633265) li tiċħad it-talba ta’ aċċess GestDem Nru 2023/0263 għall-ittra supplimentari ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ Lulju 2020 maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea fil-konfront tar-Repubblika Taljana u tat-tweġiba ta’ din tal-aħħar fil-proċedura ta’ ksur 2016/4081 dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola s-servizz ipprovdut mill-membri tal-ġudikatura onorarji, kif ukoll it-tweġiba tal-Italja;

tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-15 ta’ Marzu 2023 tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba ta’ konferma tad-deċiżjoni espliċita billi tikkomunika li ma tinsabx f’pożizzjoni, għal raġunijiet amministrattivi, li twieġeb it-talba ta’ konferma u li ma tistax tindika jekk u meta kellu jkun hemm tweġiba espliċita;

tikkundanna lill-Kummissjoni, fil-każ ta’ oppożizzjoni, għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-ammissibbiltà tar-rikors. Ir-rikorrenti jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ dritt ġenerali taċ-ċittadini tal-Unjoni għat-trasparenza tal-operat tal-istituzzjonijiet bil-għan li jiksbu l-informazzjoni neċessarja, hekk kif inhu żgurat liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 1 .

L-għarfien tal-ittra supplimentari ta’ intimazzjoni u tat-tweġiba tal-Italja jagħtu, barra minn hekk, lir-rikorrenti, il-vantaġġ konkret li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni billi jsiru jafu, wara kważi seba’ snin, ir-raġunijiet għalfejn għadha ma nħarġet ebda opinjoni motivata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ aċċess fis-27 ta’ Jannar 2023 u sussegwentement deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda fil-15 ta’ Marzu 2023, li fiha ddikjarat li għal raġunijiet amministrattivi ma kinitx f’qagħda li twieġeb it-talba ta’ konferma tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2023 u li ma kinitx taf meta ser tagħti tweġiba. Kontra d-deċiżjonijiet impliċiti, li jinkludu r-rifjut taċitu skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, teżisti l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aċċess għall-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikolu 1 u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 – sussistenza ta’ interess ġenerali ta’ aċċess għall-ittra supplimentari ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ Lulju 2022.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-prinċipju ta’ motivazzjoni nkiser ġaladarba l-Kummissjoni fformulat biss indikazzjonijiet għalkollox ġeneriċi u sterjotipati dwar ir-raġunijiet għalfejn l-iżvelar tal-ittra supplimentari ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ Lulju 2022 u tat-tweġiba tal-Italja jippreġudika l-hekk imsejħa “klima ta’ fiduċja”, fejn wieġbet permezz ta’ formola sterjotipata li fiha ddaħlu indikazzjonijiet minimi u mhux eżawrjenti għall-użu mir-rikorrenti u mill-Qorti Ġenerali għal verifika reali tal-leġittimità tar-raġunijiet ta’ ċaħda liema tweġiba ma hijiex suffiċjentement immotivata, fuq kollox għal dak li jikkonċerna r-raġunijiet li pprekludew żvelar minn tal-inqas parzjali tal-atti, ġaladarba l-ittra supplimentari diġà xxerdet parzjalment flimkien mal-pakkett ta’ ksur tal-15 ta’ Lulju 2022 anki jekk b’tali mod li ma jippermettix li jinftiehem il-kontenut u r-raġunijiet għall-kontestazzjonijiet addizzjonali fformulati fil-konfront tal-Italja.

Id-deċiżjoni espliċita tas-27 ta’ Jannar 2023 li tinkludi ċ-ċaħda ta’ aċċess ikkontestata ma tindikax b’mod ċar ir-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha, il-bażi ġuridika tagħhom, il-preżupposti fattwali u l-mod li bih id-diversi interessi rilevanti ttieħdu inkunsiderazzjoni, peress li ċ-ċaħda għandha effett fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bil-konsegwenza li ġaladarba l-att adottat jimponi l-limitazzjoni ta’ dritt irrikonoxxut mit-Trattat lir-rikorrenti, b’tali mod li jikkonsisti f’kompressjoni ta’ tali drittijiet, il-motivazzjoni għandha tkun wisq iktar iddettaljata, preċiża u speċifika sabiex l-għażliet magħmula jkunu jistgħu jinftiehmu b’mod iktar ċar. Id-deċiżjoni impliċita tal-15 ta’ Marzu 2023 hija għalkollox nieqsa minn motivazzjoni u tirreferi sine die għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Iċ-ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti indikati hija wisq iktar mhux iġġustifikata jekk jiġi kkunsidrat li l-ittra supplimentari ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ Lulju 2022 tirriżulta li hija ppubblikata b’mod informali fuq paġna Facebook li fiha huma rreġistrati eluf ta’ membri tal-ġudikatura onorarji.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.