Language of document : ECLI:EU:T:2016:173

Kawża T‑561/14

Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “One of Us” et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Intervent – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Assoċjazzjoni rappreżentattiva li għandha bħala l-għan tagħha d-difiża tal-interessi tal-membri tagħha – Pubblikazzjoni tat-talba għal intervent fuq in-netwerk tal-internet – Abbuż proċedurali”

Sommarju – Digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2016

1.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Kunċett – Rekwiżit ta’ interess dirett u attwali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 40, it-tieni paragrafu, u Artikolu 53, l-ewwel paragrafu)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Persuni interessati – Assoċjazzjoni rappreżentattiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħha – Ammissibbiltà f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju tali li jaffettwaw lil dawn il-membri – Kundizzjonijiet – Interpretazzjoni wiesgħa

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 40, it-tieni paragrafu, u Artikolu 53, l-ewwel paragrafu)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali – Protezzjoni mogħtija lill-partijiet kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali – Portata – Pubblikazzjoni fuq l-internet tat-talba għal intervent – Abbuż de proċedurali – Teħid inkunsiderazzjoni waqt it-tqassim tal-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, Artikolu 135(2); Istruzzjonijiet tar-reġistratur tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 5(8))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 19, 45)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24, 25, 43)

3.      Skont regoli li jirregolaw it-trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari l-Artikolu 5(8) tal-istruzzjonijiet tar-reġistratur tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja igawdu minn protezzjoni kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali. Din il-protezzjoni tirrifletti aspett essenzjali tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li skontu l-partijiet għandhom id-dritt li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna, partikolarment min-naħa tal-pubbliku.

Isegwi li parti li tingħata l-aċċess għall-atti proċedurali ta’ partijiet oħra tista’ tuża dan id-dritt unikament għall-finijiet tad-difiża tal-kawża tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull għan ieħor, bħal dak li tqanqal kritika mill-pubbliku dwar l-argumenti mqajma mill-partijiet l-oħra fil-kawża. B’hekk, il-projbizzjoni, minn naħa, tal-użu tad-dritt tagħha ta’ aċċess għall-atti tal-proċedura ta’ partijiet oħra għal finijiet differenti minn dawk marbuta mad-difiża tal-kawża proprja tagħha għandha l-għan li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mhux li tipproteġi l-kontenut allegatament kunfidenzjali tal-imsemmija atti.

Dan jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li d-dibattiti bejn il-partijiet kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata fuq kawża pendenti jitwettqu fis-serenità kollha u sabiex jiġi evitat li jiġu eżerċitati, anki jekk biss mill-perspettiva tal-pubbliku, pressjonijiet esterni fuq l-attività ġudizzjarja u li ma jiġix ikkawżat preġudizzju għas-serenità tal-proċeduri.

Azzjoni kuntrarja għall-aspett suespost tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jikkostitwixxi abbuż tal-proċedura li jista’ jittieħed kont tiegħu waqt it-tqassim tal-ispejjeż.

Barra minn hekk, il-protezzjoni mogħtija lill-partijiet fil-proċedura ġudizzjarja skont l-aspett suespost tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja għandha tkun estiża għal persuna li titlob li tintervjeni quddiem il-Qorti Ġenerali. Din il-persuna tipparteċipa, effettivament, fl-attività ġudizzjarja u, abbażi ta’ dan, għandha tibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni bħall-partijiet fil-proċedura fir-rigward tal-possibbiltà li tiddefendi l-interessi tagħha indipendentement minn kull influwenza esterna, partikolarment min-naħa tal-pubbliku.

Il-pubblikazzjoni fuq sit tal-internet tat-talba għal intervent li tippreżenta lill-persuna li titlob li tintervjeni b’mod negattiv, maħsuba sabiex toħloq, fost il-pubbliku, sentimenti negattivi fir-rigward tagħha tikkostitwixxi abbuż proċedurali li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni waqt it-tqassim tal-ispejjeż abbażi tal-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punti 49-53, 60, 61)