Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija) fit-3 ta’ Awwissu 2023 – X vs Russmedia Digital SRL, Inform Media Press SRL

(Kawża C-492/23, Russmedia Digital u Inform Media Press)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenuti: Russmedia Digital SRL, Inform Media Press SRL

Domandi preliminari

L-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern 1 japplikaw ukoll għal fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni tal-hosting li jipprovdi lill-utenti sit li fuqu jistgħu jiġu ppubblikati reklami mingħajr ħlas jew bi ħlas, li jafferma li r-rwol tiegħu fil-pubblikazzjoni tar-reklami tal-utenti huwa purament tekniku (il-provvista tal-pjattaforma), iżda li, fit-termini u fil-kundizzjonijiet tal-użu tas-sit, jindika li, għalkemm ma jippretendix li għandu dritt għall-proprjetà fuq il-kontenut ipprovdut jew ipprovdut għal pubblikazzjoni, imniżżel jew mibgħut, madankollu huwa jżomm id-dritt li juża l-kontenut, inkluż li jikkopjah, li jqassmu, li jittrażmettih, li jippubblikah, li jirriproduċih, li jimmodifikah, li jittraduċih, li jittrasferih lil imsieħba u li jħassru fi kwalunkwe ħin, mingħajr lanqas ma jkun jeħtieġ raġuni sabiex jagħmel dan?

L-Artikolu 2(4), il-punti 7 u 11 tal-Artikolu 4, l-Artikolu 5(1)(f), l-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikoli 7, 24 u 25 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE 1 kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni tal-hosting, li huwa responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali, huwa obbligat li jivverifika, qabel ma jippubblika reklam, jekk il-persuna li tipprovdi l-materjal għar-reklam u d-detentur tad-data personali msemmija fir-reklam humiex l-istess persuna?

L-Artikolu 2(4), il-punti 7 u 11 tal-Artikolu 4, l-Artikolu 5(1)(f), l-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikoli 7, 24 u 25 tar-Regolament 2016/679 kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni tal-hosting, li huwa responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali, huwa obbligat li l-ewwel jivverifika l-kontenut tar-reklami mibgħuta mill-utenti sabiex ineħħi dawk li jistgħu jkunu ta’ natura illegali jew li jistgħu jippreġudikaw il-ħajja privata u tal-familja ta’ persuna?

L-Artikolu 5(1)(b) u (f) u l-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament 2016/679 kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni tal-hosting, li huwa responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali, huwa obbligat li jimplimenta miżuri ta’ sigurtà ta’ natura li jipprevjenu jew jillimitaw l-ikkopjar u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kontenut tar-reklami ppubblikati permezz tal-pjattaforma tiegħu?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.