Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2023 minn Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla estiża) fl-24 ta’ Mejju 2023 fil-Kawża T-452/20, Meta Platforms Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-496/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd (rappreżentanti: D. Jowell KC, D. Bailey, Barrister-at-Law, J. Aitken, D. Das, S. Malhi u R. Haria, Solicitors, T. Oeyen, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 3013 finali, tal-4 ta’ Mejju 2020, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) u tal-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40684 – Facebook Marketplace), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9229 finali, tal-11 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni kkontestata”);

jew, sussidjarjament

fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni aggravju għal annullament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proċeduri u taġġusta d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż meħuda fis-sentenza appellata sabiex tkun tirrifletti l-eżitu tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem l-aggravji li ġejjin.

L-ewwel aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet l-ewwel motiv, u wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 87 sa 108, li t-termini ta’ tfittxija msemmija fil-punti 87 u 102 tas-sentenza appellata kienu konformi mal-prinċipju ta’ neċessità li jinstab fl-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 1 , B’mod partikolari:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 92, 93 sa 95, 99 u 103 tas-sentenza appella, iddeċidiet, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ neċessità kien sodisfatt sempliċement għaliex il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżupponi, b’mod kompletament astratta, li t-termini ta’ tfittxija setgħu jgħinuha tiddetermina jekk kinitx seħħet l-imġieba prevista fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti ġenerali ma tat l-ebda importanza (jew, sussidjarjament, ma tatx importanza suffiċjenti) lill-fatt li t-termini ta’ tfittxija indebitament ġenerali li l-Kummissjoni kienet għażlet, meta applikati fuq id-dokumenti kollha tad-depożitarju għall-perijodu kollu, kellhom neċessarjament jagħtu lok għal preponderanza kbira ta’ dokumenti li ma jkollhom assolutament l-ebda konnessjoni mal-investigazzjoni (u li ħafna minnhom ikunu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali personali jew kummerċjali sensittiva), f’ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni kienet konxja minn qabel li l-approċċ tagħha kellu neċessarjament jipproduċi tali riżultati.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn fil-punt 99 tas-sentenza appellata ddeċidiet li dokumenti jistgħu jitqiesu li huma irrilevanti għall-investigazzjoni “biss wara li t-termini ta’ tfittxija jkunu ġew applikati għad-database tar-rikorrenti”. Fil-prattika, tali approċċ jagħti lok għar-riskju li l-prinċipji ta’ neċessità ma jkunx suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan effettivament jagħti diskrezzjoni mingħajr limiti lill-Kummissjoni u jirrendi l-prinċipju ta’ neċessità superfluwu. Il-fatt li awtorità tkun tista’ tapplika termini ta’ tfittxija li huma manifestament wiesa wisq fuq numru kbir ta’ dokumenti, li jiġġeneraw ammont kbir ta’ dokumenti ta’ risposta li jkunu irrilevanti u kunfidenzjali, ma jammontax għal interpretazzjoni korretta tar-rekwiżit legali ta’ neċessità (u proporzjonalità). Il-punt 99 injora wkoll u żnatura s-sens veru tal-provi prodotti mill-appellanti li juri li l-Kummissjoni kienet konxja minn qabel li l-applikazzjoni mekkanika ta’ termini ta’ tfittxija wiesa kellha taqbad predominanza kbira ta’ dokumenti irrilevanti (kif ġie ppruvat mill-każ).

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi anki sa fejn fil-punti 105 sa 106 rrifjutat li tqis li l-qafas legali applikabbli għal deċiżjonijiet ta’ spezzjoni huwa rilevanti għal talbiet għal informazzjoni u billi ppermettiet li l-Kummissjoni titlob dokumenti mingħajr is-salvagwardji jew il-filtri ekwivalenti għal dawk mogħtija fil-kuntest ta’ spezzjonijiet taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

It-tieni aggravju huwa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti fil-punt 75 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li “evalwazzjoni globali tal-osservanza tal-prinċipju ta’ neċessità mill-Kummissjoni ma huwiex xieraq”.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv tar-rikors u wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 179 sa 185 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet titlob dokumenti li kien fihom informazzjoni personali u li kienu wkoll marbutin man-negozju tal-appellanti mingħajr ma tipprovdi xi salvagwardji jew filtru għall-informazzjoni personali.

____________

1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)