Language of document : ECLI:EU:C:2009:260

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

23 ta’ April 2009 (*)

“Direttiva 89/104/KEE – Dritt tat-trade marks – Eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark – Kuntratt ta’ liċenzja – Bejgħ ta’ prodotti koperti bit‑trade mark bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja – Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark – Bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas – Ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark”

Fil-Kawża C‑59/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

Copad SA

vs

Christian Dior couture SA,

Vincent Gladel, bħala amministratur ġudizzjarju tas-Société industrielle lingerie (SIL),

Société industrielle lingerie (SIL),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ Awla, M. Ilešič, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Copad SA, minn H. Farge, avukat,

–        għal Christian Dior couture SA, minn J.-M. Bruguière u minn P. Deprez u E. Bouttier, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn B. Beaupère-Manokha u minn G. de Bergues u J.-C. Niollet, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Krämer, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 8(2) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade mark (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Copad SA (iktar ’il quddiem “Copad”) kontra Christian Dior couture SA (iktar ’il quddiem “Dior”), kontra s-Société industrielle lingerie (iktar ’il quddiem “SIL”) kif ukoll kontra V. Gladel, fil-kwalità tiegħu bħala amministratur ġudizzjarju tas-SIL, dwar il-bejgħ lil Copad minn SIL, bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja bejn din l-aħħar kumpannija u Dior, ta’ prodotti koperti bit-trade mark Christian Dior.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva jipprovdi:

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

(a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

(b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3.      Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

(a)      li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

(b)      li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

(ċ)      jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

(d)      juzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.”

4        L-Artikolu 7 tad-Direttiva, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jipprovdi:

“ 1.      It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ merkanzija li tqiegħdet fuq is-suq [fil-Komunità] taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju biex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni ta’ l-merkanzija, speċjalment fejn il-kundizzjoni ta’ l-merkanzija hi mibdula jew danneġġjata wara li tqiegħdet fuq is-suq.”

5        Skont l-Artikolu 65(2) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), moqri flimkien mal-punt 4 tal-Anness XVII ta’ dan il-Ftehim, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, fil-verżjoni inizjali tiegħu, ġie emendat għall-finijiet tal-imsemmi ftehim, billi l-espressjoni “fil-Komunità” ġiet mibdula bil-kliem “fit-territorju ta’ parti Kontraenti”.

6        L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.      Trade mark tista’ tkun liċenzjata għal ftit jew għall-merkanzija jew is-servizzi kollha li għalihom hi reġistrata u għal kollu jew parti mill-Istat Membru konċernat [għat-territorju tal-Istat Membru kollu jew parti minnu] . Liċenzja tista’ tkun esklużiva jew mhux esklużiva.

2.      Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn dik it-trade mark kontra liċenzjat [detentur tal-liċenzja] li jikser kwalunkwe disposizzjoni fil-kuntratt tal-liċenzja tiegħu dwar it-tul tagħha, il-formola koperta mir-reġistrazzjoni li fuqha tista’ tintuża t-trade mark, l-iskop ta’ l-merkanzija jew servizzi li għalihom il-liċenzja hi maħruġa, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-merkanzija manifatturati jew tas-servizzi provduti minn min ingħata l-liċenzja [mid-detentur tal-liċenzja].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Fis-17 ta’ Mejju 2000, Dior ikkonkludiet ma’ SIL kuntratt ta’ liċenzja ta’ trade mark għall-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ prestiġju ta’ “kurpetterija” taħt it-trade mark Christian Dior, li tagħha Dior huwa l-proprjetarju.

8        L-Artikolu 8.2(5) ta’ dan il-kuntratt jippreċiża li “sabiex tinżamm ir-reputazzjoni u l-prestiġju tat-trade mark, id-detentur tal-liċenzja jintrabat li ma jbigħx lil grossisti, kollettivitajiet, persuni li jbigħu bi prezz inqas, kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza, permezz tas-sistema ta’ bejgħ bieb b’bieb jew fid-djar, ħlief jekk jingħata kunsens bil-miktub minn qabel mill-konċessjonarju, u għandu jieħu kull miżura sabiex din ir-regola tiġi mħarsa mid-distributuri jew il-bejjiegħa bl-imnut tiegħu.”

9        Minħabba raġunijiet ekonomiċi diffiċli, SIL talbet lil Dior l-awtorizzazzjoni sabiex tikkummerċjalizza prodotti ta’ din it-trade mark lil hinn min-netwerk tad-distribuzzjoni selettiva tagħha. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2002, Dior ma laqgħetx din it-talba.

10      Minkejja din l-oppożizzjoni u bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha, SIL biegħet lil Copad, impriża li tbigħ bi prezz inqas, prodotti koperti bit-trade mark Christian Dior.

11      Għaldaqstant, Dior ipproċediet kontra SIL u Copad għal ksur tat-trade mark quddiem it-tribunal de grande instance ta’ Bobigny, li ddeċieda li l-ksur tal-kuntratt ta’ liċenzja minn SIL ma kienx jikkostitwixxi ksur tat-trade mark iżda kien jirrigwarda biss ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ din l-aħħar kumpannija.

12      Il-cour d’appel ta’ Pariġi ċaħad l-appell magħmul minn Dior kontra din is-sentenza. B’mod partikolari, hija kkonkludiet li l-bejgħ magħmul minn SIL ma kienx jikkostitwixxi ksur tat-trade mark għaliex l-osservanza tal-klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja konkluż bejnha u Dior dwar il-metodi ta’ distribuzzjoni ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tat-trade marks li ttrasponew l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li dan il-bejgħ ma wassalx għall-eżawriment tad-drittijiet tat-trade mark ta’ Dior, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

13      Copad ippreżentat appell quddiem il-Cour de cassation kontra s-sentenza tal-cour d’appel ta’ Pariġi fejn enfasizzat, b’mod partikolari, li d-drittijiet tat-trade mark ta’ Dior kienu eżawriti minħabba t-tqegħid fis-suq tal-prodotti inkwistjoni minn SIL. Min-naħa tagħha, Dior ippreżentat appell inċidentali li permezz tiegħu kkritikat lill-cour d’appel ta’ Pariġi li ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda ksur kemm minn SIL kif ukoll minn Copad.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Cour de cassation ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 8(2) ta[d-Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet ikkonferiti lilu permezz ta’ din it-trade mark fil-konfront tad-detentur tal-liċenzja li jikser klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi, minħabba raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas?

2)      L-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid fis-suq fiż-[ŻEE] tal-prodotti taħt trade mark, mid-detentur tal-liċenzja, bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt tal-liċenzja li tipprojbixxi, minħabba raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas, jitwettaq mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-proprjetarju jista’ jinvoka tali klawżola sabiex jopponi kummerċjalizzazzjoni mill-ġdid tal-prodotti, billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7(2) ta[d-Direttiva]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi lid-detentur tal-liċenzja, minħabba raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, li jbigħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas prodotti koperti bit-trade mark li kienet is-suġġett ta’ dan il-kuntratt, taqax taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva.

16      Copad, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jissuġġerixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta negattiva għal din id-domanda, billi prinċipalment jenfasizzaw li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex waħda minn dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-imsemmi Artikolu 8(2). Dior, min-naħa l-oħra, tiddefendi t-teżi opposta.

17      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk il-lista ta’ klawżoli li tinsab fl-imsemmi Artikolu 8(2) hijiex eżawrjenti jew sempliċement indikattiva.

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma fiha l-ebda avverbju jew espressjoni bħal “speċjalment” jew “b’mod partikolari”, li juru li din il-lista hija sempliċiment indikattiva.

19      Wara kollox, għandu jitfakkar li kien preċiżament fid-dawl tal-użu tal-avverbju “speċjalment” li l-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, irrikonoxxiet il-karattru indikattiv tal-eżempji msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol‑Myers Squibb et, C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, Ġabra p. I‑3457, punt 39, kif ukoll tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C‑337/95, Ġabra p. I‑6013, punt 42).

20      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni Dior, mill-kliem stess tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jirriżulta li l-imsemmija lista hija eżawrjenti.

21      Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi ddeterminat jekk klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex waħda mill-klawżoli li huma msemmija espressament fl-imsemmi Artikolu 8(2).

22      F’dan ir-rigward, inkonnessjoni mal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ liċenzja dwar “il-kwalità tal-merkanzija manifatturati [...] minn min ingħata l-liċenzja [detentur tal-liċenzja]” li għalihom jirreferi dan l-artikolu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hi li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat permezz tat-trade mark lill-konsumatur jew lill-utent finali, billi tgħinu jiddistingwi, mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni, dan il-prodott jew servizz minn oħrajn li għandhom oriġini oħra. Fil-fatt, sabiex trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha ta’ element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat KE jrid jistabbilixxi u jżomm, għandha tagħti garanzija li l-prodotti u s-servizzi kollha li tkopri jkunu ġew immanifatturati jew pprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche, 102/77, Ġabra p. 1139, punt 7; tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, Ġabra p. I‑5475, punt 30, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, Ġabra p. I‑2337, punt 26).

23      Għalhekk, huwa preċiżament fil-każ ta’ ksur mid-detentur tal-liċenzja ta’ klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzja li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-kwalità tal-prodotti mmanifatturati li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark li jinvoka d-drittijiet li din tagħtih.

24      Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kwalità tal-prodotti ta’ prestiġju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriżulta mhux biss mill-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll mill-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtuhom sensazzjoni ta’ lussu (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

25      Fil-fatt, peress li l-prodotti ta’ prestiġju huma artikoli ta’ kwalità għolja, is-sensazzjoni ta’ lussu li tirriżulta minnhom hija element essenzjali sabiex il-konsumaturi jiddistingwuhom minn prodotti oħra simili.

26      Għalhekk, ħsara lill-imsemmija sensazzjoni ta’ lussu tista’ taffetwa l-kwalità stess ta’ dawn il-prodotti.

27      F’dan il-kuntest, għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk, fil-kawża prinċipali, il-bejgħ mid-detentur tal-liċenzja ta’ prodotti ta’ prestiġju lil persuni li jbigħu bi prezz inqas li mhumiex parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva stabbilita bil-kuntratt ta’ liċenzja, jistax jikkostitwixxi tali ħsara.

28      Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li jsostnu Copad u l-Kummissjoni, li l-karatteristiċi u l-metodi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva stess jistgħu, fihom infushom, jippreservaw il-kwalità u jiżguraw l-użu xieraq ta’ tali prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal, 31/80, Ġabra p. 3775, punt 16).

29      Fil-fatt, l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont it-termini stess tal-kuntratt ta’ liċenzja bejn Dior u SIL, hi maħsuba sabiex tiżgura preżentazzjoni tal-prodotti fil-punt ta’ bejgħ b’mod li tkabbar il-valur tagħhom, “partikolarment, fir-rigward tal-pożizzjoni, il-promozzjoni, l-ippakkjar tal-prodotti u l-politika kummerċjali” tista’ tikkontribwixxi, kif tirrikonoxxi Copad, għar-reputazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u għalhekk għaż-żamma tas-sensazzjoni ta’ lussu tagħhom.

30      Minn dan jirriżulta li ma għandux jiġi eskluż li l-bejgħ ta’ prodotti ta’ prestiġju mid-detentur tal-liċenzja lil terzi li mhumiex parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva jaffettwa l-kwalità stess ta’ dawn il-prodotti, b’tali mod, f’każ simili, li klawżola kuntrattwali li tipprojbixxi l-imsemmi bejgħ għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva.

31      Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li minnha hija adita, il-ksur mid-detentur tal-liċenzja ta’ klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultax fi ħsara lis-sensazzjoni ta’ lussu tal-prodotti ta’ prestiġju, billi jaffettwalhom ukoll il-kwalità tagħhom.

32      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari, min-naħa waħda, in-natura tal-prodotti ta’ prestiġju koperti bit-trade mark, il-volum kif ukoll jekk il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mid-detentur tal-liċenzja lil persuni li jbigħu bi prezz inqas li mhumiex parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva huwiex sistematiku jew sporadiku u, min-naħa l-oħra, in-natura tal-prodotti normalment ikkummerċjalizzati minn dawn il-persuni li jbigħu bi prezz inqas, kif ukoll il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni li s-soltu jużaw fis-settur tal-attività tagħhom.

33      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, mogħtija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, ma għandhiex tiġi kkontestata bl-argumenti ta’ Dior li klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi, għal raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas, tista’ tkun relatata ma’ klawżoli oħra bħal dawk dwar il-“kwalità tal-merkanzija”, jiġifieri dawk, stipulati wkoll bl-imsemmija dispożizzjoni, li jikkonċernaw kemm “it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal”, kif ukoll “il-kwalità [...] tas-servizzi provduti minn min ingħata l-liċenzja [mid-detentur tal-liċenzja]”.

34      F’dan ir-rigward, min-naħa waħda, għandu jiġi rrelevat li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva għandu jiġi moqri flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess Artikolu, li jirreferi għat-“[territorju tal-Istat Membru]”, b’tali mod li l-kunċett ta’ “territorju”, għall-finijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu biss tifsira ġeografika u ma għandux, għalhekk, jiġi interpretat bħala li jista’ jirreferi għal grupp ta’ operaturi awtorizzati li jagħmlu parti minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva.

35      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni possibbiltà maħsuba minn Dior, għandu jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jekk l-ebda raġuni predominanti bbażata fuq id-Direttiva jew fuq prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ma tipprekludi lil dawn is-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti milli jkunu koperti bil-kunċett ta’ “servizzi” skont id-Direttiva, xorta jeħtieġ li t-trade mark tkun ġiet irreġistrata għal dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, C‑418/02, Ġabra p. I‑5873, punt 35).

36      Madankollu, ebda dokument fil-proċess ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja ma fih informazzjoni li twassal sabiex jiġi kkunsidrat li, fil-kawża prinċipali, it-trade mark Christian Dior ġiet irreġistrata għal xi tip ta’ servizz.

37      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din tal-aħħar kontra detentur tal-liċenzja li jikser klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi, għal raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm jiġi stabbilit li dan il-ksur, minħabba ċirkustanzi partikolari għall-kawża prinċipali, iwassal għal ħsara lill-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtu lill-imsemmija prodotti sensazzjoni ta’ lussu.

 Fuq it-tieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża f’liema ċirkustanzi t-tqegħid fis-suq mid-detentur tal-liċenzja, bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi l-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas, ta’ prodotti koperti bit-trade mark għandu jiġi kkunsidrat li sar mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

39      Copad u l-Kummissjoni jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nieqes, ħlief fil-każ ta’ ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tidħol fil-lista stabbilita fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva. Min-naħa tagħhom, Dior u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw li kull ksur tal-kuntratt ta’ liċenzja mid-detentur tal-liċenzja jipprojbixxi l-eżawriment tad-drittijiet li t-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha.

40      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-Artikoli 5 sa 7 tad-Direttiva jwettqu armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli li jikkonċernaw id-drittijiet mogħtija mit-trade mark u li għaldaqstant jiddefinixxu d-drittijiet li għandhom il-proprjetarji ta’ trade marks fil-Komunità (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C‑355/96, Ġabra p. I‑4799, punti 25 u 29, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, Ġabra p. I‑8691, punt 39).

41      B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tad-Direttiva jagħti lill-proprjetarju tat-trade mark dritt esklużiv li jippermettilu jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha, b’mod partikolari, milli jimportaw prodotti koperti bit-trade mark tiegħu, milli joffruhom, milli jqiegħduhom fuq is-suq jew milli jżommuhom għal dawn il-finijiet. L-Artikolu 7(1) tal-istess Direttiva fih eċċezzjoni għal din ir-regola, inkwantu jipprovdi li d-dritt tal-proprjetarju huwa eżawrit meta l-prodotti jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu (ara s-sentenzi Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u Van Doren + Q, punt 33) Zino Davidoff u Levi Strauss, punt 40; tat-8 ta’ April 2003, Van Doren + Q, C‑244/00, Ġabra p. I‑3051, punt 33, kif ukoll tat-30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding, C‑16/03, Ġabra p. I‑11313, punt 34).

42      Għaldaqstant jidher li l-kunsens, li huwa ekwivalenti għal rinunzja mill-proprjetarju tad-dritt esklużiv li għandu skont l-imsemmi Artikolu 5, jikkostitwixxi l-element deċiżiv għall-eżawriment ta’ dan id-dritt u għalhekk, għandu jkun espress b’mod li juri b’ċertezza r-rieda ta’ rinunzja għal dan id-dritt. Rieda bħal din normalment tirriżulta minn formulazzjoni espressa tal-kunsens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41, 45 u 46).

43      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja madankollu jirriżulta li, f’xi każijiet, l-eżawriment ta’ dan id-dritt esklużiv jidħol fis-seħħ meta l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ssir minn persuna assoċjata ekonomikament mal-proprjetarju tat-trade mark. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ detentur ta’ liċenzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, Ġabra p. I‑2789, punt 34).

44      F’sitwazzjoni bħal din, fil-fatt, il-konċessjonarju tal-liċenzja għandu l-possibbiltà li jikkontrolla l-kwalità tal-prodotti tad-detentur tal-liċenzja billi jinkludi fil-kuntratt ta’ liċenzja klawżoli speċifiċi li jobbligaw lid-detentur tal-liċenzja jirrispetta l-istruzzjonijiet tiegħu u li jagħtuh il-fakultà li jiżgura l-osservanza tagħhom.

45      Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali possibbiltà hija suffiċjenti sabiex it-trade mark tkun tista’ teżerċita l-funzjoni essenzjali tagħha, li, kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, hija li tiżgura li l-prodotti kollha li huma koperti b’din it-trade mark ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

46      Konsegwentement, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti koperti bit-trade mark minn detentur ta’ liċenzja għandu jiġi kkunsidrat, bħala regola, bħala li sar bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

47      Jekk jirriżulta li, f’kundizzjonijiet simili, il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jinvoka l-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt sabiex jinvoka, fir-rigward tad-detentur tal-liċenzja, drittijiet li t-trade mark tagħtih, xorta jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għal dak li ssostni Copad, il-kuntratt ta’ liċenzja mhuwiex ekwivalenti għal kunsens assolut u mingħajr kundizzjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark sabiex id-detentur tal-liċenzja jqiegħed fis-suq prodotti koperti b’din it-trade mark.

48      Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jistipula espressament il-possibbiltà, għall-proprjetarju tat-trade mark, li jinvoka d-drittijiet li tagħtih din id-Direttiva kontra d-detentur tal-liċenzja meta dan tal-aħħar jikser ċerti klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzja.

49      Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, dawn il-klawżoli huma elenkati fl-Artikolu 8(2) b’mod eżawrjenti.

50      Konsegwentement, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa biss il-ksur min-naħa tad-detentur tal-liċenzja ta’ waħda mill-imsemmija klawżoli li jimpedixxi l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark lill-proprjetarju tagħha, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

51      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti koperti bit-trade mark mid-detentur ta’ liċenzja, bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja, isir mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, meta huwa stabbilit li din il-klawżola tikkorrispondi għal waħda minn dawk stipulati fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva.

 Fuq it-tielet domanda

52      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk meta t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ prestiġju mid-detentur ta’ liċenzja bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja, huwa kkunsidrat bħala magħmul bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, dan tal-aħħar jistax madankollu jinvoka tali klawżola sabiex jopponi kummerċjalizzazzjoni mill-ġdid tal-prodotti, billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva.

53      Dior u l-Gvern Franċiż jissottomettu li l-bejgħ tal-prodotti koperti bit-trade mark Christian Dior lil persuna li tbigħ bi prezz inqas, barra min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, jikkostitwixxi ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark li tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7(2). Copad u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, isostnu li l-bejgħ ta’ tali prodotti lil persuni li jbigħu bi prezz inqas ma jagħmilx ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark.

54      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 19 tas-sentenza preżenti, l-użu tal-avverbju “speċjalment” fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 7 juri li l-ipoteżi dwar il-bdil jew id-dannu fl-istat tal-prodotti koperti bit-trade mark tingħata biss bħala eżempju ta’ x’jista’ jikkostitwixxi motiv leġittimu (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bristol-Myers Squibb et, punti 26 u 39, kif ukoll Parfums Christian Dior, punt 42).

55      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkunsidra li l-ħsara lir-reputazzjoni ta’ trade mark tista’, bħala regola, tkun motiv leġittimu fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, li jiġġustifika li l-proprjetarju jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti ta’ prestiġju li huwa jkun qiegħed fis-suq fiż-ŻEE jew li tqiegħdu bil-kunsens tiegħu (ara s-sentenzi Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u tat-23 ta’ Frar 1999, BMW, C‑63/97, Ġabra p. I‑905, punt 49).

56      Minn dan jirriżulta li, meta detentur ta’ liċenzja jbigħ lil persuna li tbigħ prodotti bi prezz inqas bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu bbilanċjati, minn naħa waħda, l-interess leġittimu tal-proprjetarju tat-trade mark koperta bil-kuntratt ta’ liċenzja li jiġi protett kontra persuna li tbigħ bi prezz inqas, li mhijiex parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, li tuża din it-trade mark għal finijiet kummerċjali b’mod li tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-persuna li tbigħ bi prezz inqas sabiex tkun tista’ tbigħ mill-ġdid il-prodotti inkwistjoni billi tuża l-metodi tas-soltu fis-settur tal-attività tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

57      Għalhekk, meta l-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-bejgħ magħmul minn detentur tal-liċenzja lil terzi ma jdgħajjifx il-kwalità tal-prodotti ta’ prestiġju koperti bit-trade mark, b’tali mod li t-tqegħid tagħhom fis-suq għandu jiġi kkunsidrat li sar bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, hija din il-qorti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, jekk il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti ta’ prestiġju koperti bit-trade mark magħmula minn terzi persuni, bl-użu tal-metodi tas-soltu fis-settur ta’ attività tagħhom, twassalx għal ħsara lir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark.

58      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati, partikolarment, id-destinatarji tal-bejgħ mill-ġdid kif ukoll, kif jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ prestiġju.

59      Fid-dawl ta’ dak li diġà ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, meta t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ prestiġju mid-detentur ta’ liċenzja bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja madankollu għandu jitqies li sar bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka tali klawżola sabiex jopponi bejgħ mill-ġdid ta’ dawn il-prodotti abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva ħlief fil-każ fejn huwa stabbilit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li tali bejgħ mill-ġdid jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8(2) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade mark, kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din tal-aħħar kontra detentur tal-liċenzja li jikser klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi, għal raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm jiġi stabbilit li dan il-ksur, minħabba ċirkustanzi partikolari għall-kawża prinċipali, iwassal għal ħsara lill-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtu lill-imsemmija prodotti sensazzjoni ta’ lussu.

2)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104, kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti koperti bit-trade mark mid-detentur ta’ liċenzja, bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja, isir mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, meta huwa stabbilit li din il-klawżola tikkorrispondi għal waħda minn dawk stipulati fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva.

3)      Meta t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ prestiġju mid-detentur ta’ liċenzja bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja madankollu għandu jitqies li sar bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka tali klawżola sabiex jopponi bejgħ mill-ġdid ta’ dawn il-prodotti abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ħlief fil-każ fejn huwa stabbilit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li tali bejgħ mill-ġdid jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.