Language of document : ECLI:EU:C:2009:260

Kawża C‑59/08

Copad SA

vs

Christian Dior couture SA et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Direttiva 89/104/KEE — Dritt tat-trade marks — Eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark — Kuntratt ta’ liċenzja — Bejgħ ta’ prodotti koperti bit‑trade mark bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja — Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark — Bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas — Ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Liċenzja — Proprjetarju tat-trade mark li jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija mit-trade mark kontra detentur ta’ liċenzja li jikser klawżola li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti ta’ prestiġju lil persuni li jbigħu bi prezz inqas — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 8(2))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti minn detentur ta’ liċenzja bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja — Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju — Kundizzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikoli 7(1) u 8(2))

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ prestiġju minn detentur ta’ liċenzja bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li madankollu għandu jitqies li sar bil-kunsens tal-proprjetarju — Oppożizzjoni mill-proprjetarju

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 7(2))

1.        L-Artikolu 8(2) tal-ewwel Direttiva 89/104, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade mark, għandu jiġi interpretat fis-sens li proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din tal-aħħar kontra detentur tal-liċenzja li jikser klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi, għal raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas ta’ prodotti, sakemm jiġi stabbilit li dan il-ksur, minħabba ċirkustanzi partikolari għall-kawża inkwistjoni, iwassal għal ħsara lill-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtu lill-imsemmija prodotti sensazzjoni ta’ lussu.

Il-kwalità tal-prodotti ta’ prestiġju tirriżulta mhux biss mill-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll mill-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtuhom sensazzjoni ta’ lussu.

Fil-fatt, peress li l-prodotti ta’ prestiġju huma artikoli ta’ kwalità għolja, is-sensazzjoni ta’ lussu li tirriżulta minnhom hija element essenzjali sabiex il-konsumaturi jiddistingwuhom minn prodotti oħra simili.

Għalhekk, ħsara lill-imsemmija sensazzjoni ta’ lussu tista’ taffettwa l-kwalità stess ta’ dawn il-prodotti.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li minnha hija adita, il-ksur mid-detentur tal-liċenzja ta’ klawżola li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti ta’ prestiġju lil persuni li jbigħu bi prezz inqas tirriżultax fi ħsara għas-sensazzjoni ta’ lussu tal-imsemmija prodotti, billi jaffettwalhom ukoll il-kwalità tagħhom.

F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari, min-naħa waħda, in-natura tal-prodotti ta’ prestiġju koperti bit-trade mark, il-volum kif ukoll jekk il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mid-detentur tal-liċenzja lil persuni li jbigħu bi prezz inqas li mhumiex parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva huwiex sistematiku jew sporadiku u, min-naħa l-oħra, in-natura tal-prodotti normalment ikkummerċjalizzati minn dawn il-persuni li jbigħu bi prezz inqas, kif ukoll il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni li s-soltu jużaw fis-settur tal-attività tagħhom.

(ara l-punti 24-26, 31, 32, 37 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 7(1) tal-ewwel Direttiva 89/104, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade mark, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti koperti bit-trade mark mid-detentur ta’ liċenzja, bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja, isir mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, meta huwa stabbilit li din il-klawżola tikkorrispondi għal waħda minn dawk stipulati fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva.

It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti koperti bit-trade mark minn detentur ta’ liċenzja għandu jiġi kkunsidrat, bħala regola, bħala li sar bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

Jekk jirriżulta li, f’kundizzjonijiet simili, il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jinvoka l-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt sabiex jinvoka, fir-rigward tad-detentur tal-liċenzja, drittijiet li t-trade mark tagħtih, xorta jibqa’ l-fatt li l-kuntratt ta’ liċenzja mhuwiex ekwivalenti għal kunsens assolut u mingħajr kundizzjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark sabiex id-detentur tal-liċenzja jqiegħed fis-suq prodotti koperti b’din it-trade mark.

Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jistipula espressament il-possibbiltà, għall-proprjetarju tat-trade mark, li jinvoka d-drittijiet li tagħtih din id-Direttiva kontra d-detentur tal-liċenzja meta dan tal-aħħar jikser ċerti klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzja.

(ara l-punti 46-48, 51, u d-dispożittiv 2)

3.        Meta detentur ta’ liċenzja jbigħ lil persuna li tbigħ bi prezz inqas prodotti bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja, għandhom jiġu bbilanċjati, minn naħa waħda, l-interess leġittimu tal-proprjetarju tat-trade mark koperta bil-kuntratt ta’ liċenzja li jiġi protett kontra persuna li tbigħ bi prezz inqas, li mhijiex parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, li tuża din it-trade mark għal finijiet kummerċjali b’mod li tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-persuna li tbigħ bi prezz inqas sabiex tkun tista’ tbigħ mill-ġdid il-prodotti inkwistjoni billi tuża l-metodi tas-soltu fis-settur tal-attività tagħha.

Għalhekk, meta l-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-bejgħ magħmul mid- detentur tal-liċenzja lil terzi ma jdgħajjifx il-kwalità tal-prodotti ta’ prestiġju koperti bit-trade mark, b’tali mod li t-tqegħid tagħhom fis-suq għandu jiġi kkunsidrat li sar bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, hija din il-qorti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, jekk il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti ta’ prestiġju koperti bit-trade mark magħmula minn terzi, bl-użu tal-metodi tas-soltu fis-settur ta’ attività tagħha, twassalx għal ħsara lir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark.

F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati, partikolarment, id-destinatarji tal-bejgħ mill-ġdid kif ukoll, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ prestiġju.

Għaldaqstant, meta t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ prestiġju mid-detentur ta’ liċenzja bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja madankollu għandu jitqies li sar bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka tali klawżola sabiex jopponi bejgħ mill-ġdid ta’ dawn il-prodotti abbażi tal-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva 89/104, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade mark, ħlief fil-każ fejn huwa stabbilit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li tali bejgħ mill-ġdid jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark.

(ara l-punti 56-59 u d-dispożittiv 3)